SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Jannar 2023 ( *1 ) ( i )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 102 TFUE – Pożizzjoni dominanti – Imputazzjoni lill-produttur tal-aġir tad-distributuri tiegħu – Eżistenza ta’ rabtiet kuntrattwali bejn il-produttur u d-distributuri – Kunċett ta’ ‘unità ekonomika’ – Kamp ta’ applikazzjoni – Operat abbużiv – Klawżola ta’ esklużività – Ħtieġa li jintwerew l-effetti fuq is-suq”
Fil-Kawża C‑680/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura
Unilever Italia Mkt. Operations Srl
vs
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,
fil-preżenza ta’:
La Bomba Snc,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑3 ta’ Marzu 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Unilever Italia Mkt. Operations Srl, minn G. Bitonto, S. Borocci, S. Lembo, L. Perfetti, C. Tesauro u C. Thomas, avukati, |
– |
għall-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, minn F. Sclafani, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn K. Boskovits, bħala aġent, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Conte u N. Khan kif ukoll C. Sjödin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Unilever Italia Mkt. Operations Srl (iktar ’il quddiem “Unilever”) u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (l-Awtorità li tiggarantixxi l-Kompetizzjoni u s-Suq, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGKS”), dwar sanzjoni imposta minn din l-awtorità fuq l-imsemmija kumpannija għal abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq Taljan tad-distribuzzjoni ta’ ġelati f’pakketti individwali għal ċerti tipi ta’ ħwienet, bħall-istabbilimenti tal-għawm u l-bars. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
3 |
Unilever għandha bħala attività l-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum kbir, fosthom ġelati magħmula, ikkummerċjalizzati bit-trade marks Algida u Carte d’Or. Fl-Italja, Unilever tiddistribwixxi ġelati f’pakketti individwali intiżi sabiex jiġu kkunsmati “barra”, jiġifieri barra mid-dar tal-konsumaturi, f’bars, kafetteriji, klabbs tal-isport, pixxini jew postijiet oħra ta’ divertiment (iktar ’il quddiem il-“punti ta’ bejgħ”), permezz ta’ network ta’ 150 distributur. |
4 |
Fit‑3 ta’ April 2013, kumpannija kompetitriċi ressqet ilment quddiem l-AGKS għal abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ Unilever fis-suq tal-pakketti individwali. L-AGKS fetħet investigazzjoni. |
5 |
Matul l-istruttorja tagħha, l-AGKS qieset b’mod partikolari li hija ma kinitx obbligata li tanalizza l-istudji ekonomiċi prodotti minn Unilever sabiex turi li l-prattiki suġġetti għall-investigazzjoni ma kellhomx effett ta’ esklużjoni kontra l-kompetituri tagħha minn tal-inqas daqstant effiċjenti minħabba li dawn l-istudji kienu totalment irrilevanti fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ esklużività, peress li l-użu ta’ tali klawżoli minn impriża f’pożizzjoni dominanti kien suffiċjenti sabiex jikkaratterizza użu abbużiv minn din il-pożizzjoni. |
6 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Ottubru 2017, l-AGKS qieset li Unilever kienet abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ġelati f’pakketti individwali intiżi sabiex jiġu kkunsmati barra, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. |
7 |
Minn din id-deċiżjoni jirriżulta li Unilever wettqet, fis-suq inkwistjoni, strateġija ta’ esklużjoni li tista’ tostakola t-tkabbir tal-kompetituri tagħha. Din l-istrateġija kienet ibbażata prinċipalment fuq l-impożizzjoni, mid-distributuri ta’ Unilever, ta’ klawżoli ta’ esklużività fuq l-operaturi ta’ postijiet tal-bejgħ, li jobbligawhom jiksbu provvisti esklużivament mingħand Unilever għall-bżonnijiet kollha tagħhom għal ġelati f’pakketti individwali. Min-naħa l-oħra, dawn l-operaturi kienu jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ tnaqqis u ta’ kummissjonijiet, li l-allokazzjoni tagħhom kienet suġġetta għal kundizzjonijiet ta’ dħul mill-bejgħ jew ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ firxa speċifika ta’ prodotti ta’ Unilever. Dan it-tnaqqis u dawn il-kummissjonijiet, li kienu japplikaw, skont kombinazzjonijiet u l-modalitajiet varjabbli, għal kważi l-klijenti kollha ta’ Unilever, kienu intiżi sabiex iħeġġuhom ikomplu jżommu l-esklużività mingħand din l-impriża, billi jiskoraġġixxuhom milli jxolju l-kuntratt tagħhom sabiex jixtru mingħand kompetituri ta’ Unilever. |
8 |
Żewġ aspetti tad-deċiżjoni tal-AGKS, tal‑31 ta’ Ottubru 2017, huma b’mod iktar partikolari rilevanti għall-finijiet ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
9 |
Minn naħa, għalkemm l-aġir abbużiv twettaq materjalment mhux minn Unilever, iżda mid-distributuri tagħha, l-AGKS ikkunsidrat li dan l-aġir kellu jiġi imputat biss lil Unilever minħabba li din tal-aħħar u d-distributuri tagħha kienu jifformaw l-istess entità ekonomika waħda biss. Fil-fatt, Unilever eżerċitat ċertu grad ta’ interferenza fil-politika kummerċjali tad-distributuri b’tali mod li dawn tal-aħħar ma aġixxewx b’mod indipendenti meta huma imponew klawżoli ta’ esklużività fuq l-operaturi tal-ħwienet. |
10 |
Min-naħa l-oħra, l-AGKS qieset li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-suq inkwistjoni, u b’mod partikolari tal-ispazju dgħajjef disponibbli fil-ħwienet, kif ukoll tar-rwol determinanti, fl-għażliet tal-konsumaturi, tal-portata tal-offerta f’dawn il-punti ta’ bejgħ, Unilever, bl-aġir tagħha, kienet eskludiet, jew tal-inqas limitat, il-possibbiltà għall-operaturi kompetituri li jikkompetu abbażi tal-merti tal-prodotti tagħhom. |
11 |
Konsegwentement, permezz tad-deċiżjoni tagħha tal‑31 ta’ Ottubru 2017, l-AGKS imponiet fuq Unilever multa ta’ EUR 60668580 talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha, bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE. |
12 |
Unilever ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja) li ċaħdet dan ir-rikors fl-intier tiegħu. |
13 |
Unilever appellat minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja). |
14 |
Insostenn ta’ dan l-appell, Unilever issostni li t-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio) kellha tikkonstata l-eżistenza ta’ difetti li allegatament jivvizzjaw id-deċiżjoni tal-AGKS, tal‑31 ta’ Ottubru 2017, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-imputabbiltà tagħha nnifisha tal-aġir imwettaq mid-distributuri tagħha u, min-naħa l-oħra, l-effetti tal-aġir inkwistjoni li, fil-fehma tagħha, ma setax joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. |
15 |
Il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lid-dritt tal-Unjoni sabiex tirrispondi għaż-żewġ ilmenti ċċitati iktar ’il fuq. B’mod partikolari, fir-rigward tal-ewwel ilment, dan jindika li huwa neċessarju li jkun jaf jekk u taħt liema kundizzjonijiet koordinazzjoni bejn operaturi ekonomiċi formalment awtonomi u indipendenti hija tali li hija ekwivalenti għal eżistenza ta’ ċentru ta’ deċiżjoni uniku, bil-konsegwenza li l-aġir ta’ wieħed jista’ wkoll jiġi imputat lill-ieħor. |
16 |
Huwa f’dan iċ-ċirkustanzi li l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
Fuq l‑ammissibiltà
17 |
L-AGKS u l-Gvern Taljan isostnu li l-ewwel domanda hija inammissibbli, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju hija nieqsa mill-preċiżazzjonijiet neċessarji. Barra minn hekk, din il-kwistjoni tirreferi għall-Artikolu 101 TFUE, filwaqt li din id-dispożizzjoni ma ġietx applikata mill-AGKS. |
18 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, li issa hija riflessa fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjoni, li huwa kkaratterizzat minn sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi kumplessi (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar,C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 49). |
19 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema mqajma hija ta’ natura ipotetika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2022, Baltijas Starptautiskā Akadēmija u Stockholm School of Economics in Riga, C‑164/21 u C‑318/21, EU:C:2022:785, punt 33). |
20 |
F’dan il-każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 19 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, l-informazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm fil-qosor, hija suffiċjenti sabiex tispjega l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata l-ewwel domanda. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-qorti tar-rinviju ssemmi, fl-ewwel domanda, mhux biss l-Artikolu 102 TFUE, iżda wkoll l-Artikolu 101 TFUE ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-ammissibbiltà tal-ewwel domanda kollha kemm hi. |
21 |
Min-naħa l-oħra, peress li mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 101 TFUE ma ġiex applikat mill-AGKS fil-kawża prinċipali, u anki jekk il-kunċett ta’ “impriża” huwa komuni għall-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-ewwel domanda, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, għandha titqies li hija ipotetika u għalhekk inammissibbli. |
22 |
Konsegwentement, l-ewwel domanda hija ammissibbli biss sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. |
Fuq il‑mertu
23 |
Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fir-rigward tal-aġir abbużiv imwettaq mid-distributuri, l-AGKS issanzjonat biss lil Unilever u dan minħabba li kienet wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti. F’dan il-kuntest, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi f’liema kundizzjonijiet l-aġir ta’ operaturi ekonomiċi formalment awtonomi u indipendenti, jiġifieri distributuri, jista’ jiġi imputat lil operatur ekonomiku awtonomu u indipendenti ieħor, jiġifieri l-produttur tal-prodotti ddistribwiti minnhom. |
24 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 102TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aġir adottat mid-distributuri li jagħmlu parti min-network ta’ distribuzzjoni ta’ produttur f’pożizzjoni dominanti jistax jiġi imputat lil dan tal-aħħar u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. |
25 |
B’mod partikolari, l-imsemmija qorti tistaqsi dwar jekk l-eżistenza ta’ koordinazzjoni kuntrattwali bejn produttur, li fih hija organizzata din il-koordinazzjoni kuntrattwali, u distributuri legali differenti hijiex suffiċjenti sabiex tippermetti tali imputazzjoni jew jekk għandux, barra minn hekk, jiġi kkonstatat li l-imsemmi produttur għandu l-kapaċità li jeżerċita influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali, finanzjarji u industrijali li d-distributuri jistgħu jieħdu b’rabta mal-attività kkonċernata, lil hinn minn dik li normalment tikkaratterizza r-relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-produtturi u l-intermedjarji ta’ distribuzzjoni. |
26 |
F’dan ir-rigward, huwa ċertament minnu li, sa fejn l-implimentazzjoni tagħhom timplika l-aċċettazzjoni tagħhom għall-inqas taċita mill-partijiet kollha, id-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest ta’ koordinazzjoni kuntrattwali, bħal ftehim ta’ distribuzzjoni, ma jaqgħux, bħala prinċipju, taħt aġir unilaterali, iżda jidħlu fir-relazzjonijiet li l-partijiet għal din il-koordinazzjoni għandhom bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1985, Ford-Werke u Ford of Europe vs Il‑Kummissjoni, 25/84 u 26/84, EU:C:1985:340, punti 20 u 21). Għaldaqstant, bħala prinċipju, tali deċiżjonijiet jaqgħu taħt id-dritt tal-akkordji msemmi fl-Artikolu 101 TFUE. |
27 |
Madankollu, din il-konklużjoni ma teskludix li impriża f’pożizzjoni dominanti tista’ tiġi imputata bl-aġir adottat mid-distributuri tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha li magħhom hija għandha biss relazzjonijiet kuntrattwali u li sussegwentement jiġi kkonstatat, li din l-impriża wettqet abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE. |
28 |
Fil-fatt, hija kull impriża li għandha pożizzjoni dominanti li għandha responsabbiltà partikolari li ma tippreġudikax, bl-aġir tagħha, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135). |
29 |
Issa, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali obbligu huwa intiż sabiex jipprevjeni mhux biss il-ksur tal-kompetizzjoni kkawżat direttament mill-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti, iżda wkoll dak ikkawżat minn aġir li l-implimentazzjoni tiegħu ġiet iddelegata minn din l-impriża lil entitajiet ġuridiċi indipendenti, obbligati jeżegwixxu l-istruzzjonijiet tagħha. B’hekk, meta l-aġir ikkritikat lill-impriża f’pożizzjoni dominanti ikun materjalment implimentat minn intermedjarju li kien jagħmel parti minn network ta’ distribuzzjoni, dan l-aġir jista’ jiġi imputat lil din l-impriża jekk jirriżulta li dan ikun ġie adottat skont l-istruzzjonijiet speċifiċi mogħtija minnha u għalhekk abbażi tal-implimentazzjoni ta’ politika deċiża unilateralment mill-imsemmija impriża li d-distributuri kkonċernati kienu obbligati jikkonformaw magħha. |
30 |
F’tali ipoteżi, peress li l-aġir ikkritikat lill-impriża f’pożizzjoni dominanti ġie deċiż unilateralment, din tal-aħħar tista’ titqies li hija l-awtur tiegħu u, għalhekk, jekk ikun il-każ, bħala l-unika responsabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE. Fil-fatt, f’każ bħal dan, id-distributuri u, konsegwentement, in-network ta’ distribuzzjoni li dawn tal-aħħar jifformaw ma’ din l-impriża, għandhom jitqiesu li huma sempliċement strument ta’ ramifikazzjoni territorjali tal-politika kummerċjali tal-imsemmija impriża u, għalhekk, bħala l-istrument li permezz tiegħu, jekk ikun il-każ, il-prattika ta’ esklużjoni inkwistjoni ġiet implimentata. |
31 |
Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, meta tali aġir jieħu l-forma ta’ kuntratti standard, kompletament redatti minn produttur f’pożizzjoni dominanti u li jinkludu klawżoli ta’ esklużività għall-benefiċċju tal-prodotti tiegħu li d-distributuri ta’ dan il-produttur huma obbligati, li jġiegħlu lill-operaturi ta’ punti ta’ bejgħ jiffirmaw mingħajr ma jkunu jistgħu jemendawhom, ħlief fil-każ ta’ ftehim espress tal-imsemmi produttur. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-istess produttur ma jistax raġonevolment jinjora li, fid-dawl tar-rabtiet ġuridiċi u ekonomiċi li jgħaqqduh ma’ dawn id-distributuri, dawn tal-aħħar jimplimentaw l-istruzzjonijiet tiegħu u, permezz ta’ dan, il-politika adottata minnu. Dan il-produttur għandu, għaldaqstant, jitqies li huwa lest li jassumi r-riskji ta’ tali aġir. |
32 |
F’dan il-każ, l-imputabbiltà lill-impriża f’pożizzjoni dominanti tal-aġir implimentat mid-distributuri li jifformaw parti min-network ta’ distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi tagħha la hija suġġetta għall-prova li d-distributuri kkonċernati jifformaw ukoll parti minn din l-impriża, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, u lanqas għall-eżistenza ta’ rabta “ġerarkika” li tirriżulta minn pluralità sistematika u kostanti ta’ atti ta’ gwida indirizzati lil dawn id-distributuri li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ ġestjoni li dawn tal-aħħar adottaw fir-rigward tal-attivitajiet rispettivi tagħhom. |
33 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-aġir adottat mid-distributuri li jagħmlu parti min-network ta’ distribuzzjoni tal-prodotti jew tas-servizzi ta’ produttur li jgawdi minn pożizzjoni dominanti jista’ jiġi imputat lil dan tal-aħħar jekk jiġi stabbilit li dan l-aġir ma ġiex adottat b’mod indipendenti mill-imsemmija distributuri, iżda li jkun jagħmel parti minn politika deċiża unilateralment minn dan il-produttur u implimentata mill-intermedjarju tal-imsemmija distributuri. |
Fuq it‑tieni domanda
34 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 102 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ esklużività li jinsabu f’kuntratti ta’ distribuzzjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti hija obbligata, sabiex tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti, li tistabbilixxi li dawn il-klawżoli għandhom l-effett li jeskludu mis-suq kompetituri effikaċi daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti u jekk, fi kwalunkwe każ, fil-preżenza ta’ diversi prattiki kkontestati, din l-awtorità hijiex obbligata teżamina b’mod iddettaljat ukoll l-analiżi ekonomiċi mwettqa, f’dan il-każ, mill-impriża kkonċernata, b’mod partikolari meta huma bbażati fuq l-hekk imsejjaħ test tal-“kompetitur daqstant effettiv”. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 102 TFUE jipprevedi li huwa inkompatibbli mas-suq intern u jipprojbixxi, sa fejn il-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat, il-fatt li impriża waħda jew iktar tuża b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu. |
36 |
Dan il-kunċett huwa intiż għalhekk sabiex jissanzjona l-aġir ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti li, f’suq fejn, wara l-preżenza tal-impriża inkwistjoni, il-livell ta’ kompetizzjoni jkun diġà ddgħajjef, ikollu l-effett li jippreġudika ż-żamma ta’ struttura ta’ kompetizzjoni effettiva (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
Madankollu, l-Artikolu 102 TFUE ma għandux l-għan li jimpedixxi lil impriża li tikseb, fuq mertu tagħha stess, u b’mod partikolari minħabba l-kompetenzi tagħha u l-kapaċitajiet tagħha, pożizzjoni dominanti f’suq, u lanqas li tiżgura li kompetituri inqas effiċjenti minn impriża li għandha tali pożizzjoni jibqgħu fis-suq. Fil-fatt, kull effett ta’ esklużjoni ma jippreġudikax neċessarjament il-kompetizzjoni, peress li, bħala definizzjoni, il-kompetizzjoni fuq il-merti tista’ twassal għall-għajbien tas-suq jew għall-marġinalizzazzjoni tal-kompetituri inqas effettiv, u għalhekk inqas interessanti, għall-konsumaturi mill-perspettiva b’mod partikolari tal-prezzijiet, tal-għażla, tal-kwalità jew tal-innovazzjoni (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Min-naħa l-oħra, huma l-impriżi f’pożizzjoni dominanti, indipendentement mill-kawżi ta’ tali pożizzjoni, li għandhom ma jippreġudikawx, bl-aġir tagħhom, il-kompetizzjoni effettiva u mhux distorta fis-suq intern (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1983, Nederlandsche Banden-Industrie-Michelin vs Il‑Kummissjoni, 322/81, EU:C:1983:313, punt 57, u tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 135). |
39 |
B’hekk, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti jista’ b’mod partikolari jiġi stabbilit meta l-aġir ikkritikat ikun ipproduċa effetti ta’ esklużjoni fir-rigward ta’ kompetituri daqstant effiċjenti bħall-awtur ta’ dan l-aġir f’termini ta’ struttura ta’ spejjeż, ta’ kapaċità ta’ innovazzjoni jew ta’ kwalità jew inkella meta l-imsemmi aġir ikun ibbażat fuq l-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jaqgħu taħt kompetizzjoni “normali”, jiġifieri bbażata fuq il-merti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 69, 71, 75 u 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni li għandhom juru n-natura abbużiva ta’ aġir fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali rilevanti kollha li jikkaratterizzaw l-aġir inkwistjoni (sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punt 18, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 72), li jinkludi dawk enfasizzati mill-provi mressqa bħala difiża mill-impriża f’pożizzjoni dominanti. |
41 |
Ċertament, sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva ta’ aġir, awtorità tal-kompetizzjoni ma għandhiex neċessarjament turi li dan l-aġir effettivament ipproduċa effetti antikompetittivi. Fil-fatt, l-Artikolu 102 TFUE huwa intiż li jissanzjona l-fatt, għal impriża waħda jew iktar, li tisfrutta b’mod abbużiv pożizzjoni dominanti fis-suq intern jew f’parti sostanzjali minnu, indipendentement minn jekk tali użu jirriżultax jew le b’suċċess (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE billi tistabbilixxi li, matul il-perijodu li matulu l-aġir inkwistjoni ġie implimentat, dan kellu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq il-merti minkejja n-nuqqas ta’ effett tiegħu. |
42 |
Madankollu, din il-konstatazzjoni għandha fil-prinċipju, tkun ibbażata fuq provi tanġibbli, li juru, lil hinn mis-sempliċi ipoteżi, il-kapaċità effettiva tal-prattika inkwistjoni li tipproduċi tali effetti, l-eżistenza ta’ dubju f’dan ir-rigward għandu jkun ta’ benefiċċju għall-impriża li għamlet użu ta’ tali prattika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continental vs Il‑Kummissjoni, 27/76, EU:C:1978:22, punt 265, kif ukoll tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 126). |
43 |
Konsegwentement, prattika ma tistax tiġi kklassifikata bħala abbużiva jekk hija baqgħet fl-istat ta’ abbozz. Barra minn hekk, awtorità tal-kompetizzjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq l-effetti li din il-prattika jidher li jew jidher li kienet tista’ tipproduċi kieku seħħew ċerti ċirkustanzi partikolari, li ma kinux dawk prevalenti fis-suq waqt l-implimentazzjoni tagħha u li t-twettiq tagħhom kien jidher, għalhekk, ftit probabbli li kienu jitwettqu. |
44 |
Barra minn hekk, għalkemm sabiex tevalwa l-kapaċità tal-aġir ta’ impriża li tirrestrinġi l-kompetizzjoni effettiva f’suq, awtorità tal-kompetizzjoni tista’ tibbaża ruħha fuq it-tagħlim tax-xjenzi ekonomiċi, ikkonfermati minn studji empiriċi jew aġir, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tagħlim ma jistax madankollu jkun suffiċjenti. Elementi oħra speċifiċi għaċ-ċirkustanzi tal-każ, bħall-portata tal-imsemmi aġir fis-suq, ir-restrizzjonijiet tal-kapaċitajiet imposti fuq il-fornituri ta’ materja prima jew il-fatt li l-impriża f’pożizzjoni dominanti hija, tal-inqas, għal parti mid-domanda sieħba inevitabbli, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ dan it-tagħlim, l-aġir inkwistjoni għandux jitqies li kellu, tal-inqas matul parti mill-perijodu li matulu ġie implimentat, il-kapaċità li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni fuq is-suq ikkonċernat. |
45 |
Barra minn hekk, għandu jiġi segwit approċċ simili fir-rigward tal-prova ta’ intenzjoni antikompetittiva tal-impriża f’pożizzjoni dominanti. Fil-fatt, din l-intenzjoni tikkostitwixxi indizju tan-natura u tal-għanijiet imfittxija mill-istrateġija mmexxija mill-imsemmija impriża u, f’dan ir-rigward, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni. L-eżistenza ta’ intenzjoni antikompetittiva tista’ tkun rilevanti wkoll għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Madankollu, il-prova tal-eżistenza ta’ tali intenzjoni la hija meħtieġa u lanqas suffiċjenti, fiha nnifisha, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti peress li l-kunċett ta’ “abbuż”, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, huwa bbażat fuq evalwazzjoni oġġettiva tal-aġir inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ April 2012, Tomra Systems et vs Il‑Kummissjoni, C‑549/10 P, EU:C:2012:221, punti 19 u 21, kif ukoll tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punti 61 u 62). |
46 |
F’dan il-kuntest, fir-rigward b’mod iktar speċifiku ta’ klawżoli ta’ esklużività, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li l-klawżoli li permezz tagħhom partijiet kontraenti impenjaw ruħhom li jiksbu l-provvisti tagħhom għat-totalità jew għal parti kunsiderevoli tal-bżonnijiet tagħhom mingħand impriża f’pożizzjoni dominanti, anki jekk mhux akkumpanjati bi tnaqqis, kienu jikkostitwixxu, min-natura tagħhom, sfruttament ta’ pożizzjoni dominanti u li l-istess japplika għat-tnaqqis għal lealtà mogħti minn tali impriża (sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punt 89). |
47 |
Madankollu, fis-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 138), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fl-ewwel lok, din il-ġurisprudenza fil-każ fejn impriża f’pożizzjoni dominanti ssostni, matul il-proċedura amministrattiva, billi tipproduċi provi insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati. |
48 |
Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’din is-sitwazzjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni għandha mhux biss tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eventwali eżistenza ta’ strateġija intiża sabiex teskludi l-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti (sentenza Intel, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139). |
49 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fit-tieni lok, li l-analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni hija rilevanti wkoll għall-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk skema ta’ tnaqqis li bħala prinċipju taqa’ taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 102 TFUE tistax tkun oġġettivament iġġustifikata. Barra minn hekk, l-effett ta’ esklużjoni li jirriżulta minn sistema ta’ tnaqqis, żvantaġġuża għall-kompetizzjoni, jista’ jiġi kkumpensat, jew anki maqbuż, permezz tal-vantaġġi f’dak li jirrigwarda l-effettività li japprofittaw wkoll lill-konsumatur. Issa, tali bbilanċjar tal-effetti, favorevoli u sfavorevoli għall-kompetizzjoni, tal-prattika kkontestata jista’ jsir biss wara analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-kompetituri li huma mill-inqas effiċjenti daqs l-impriża f’pożizzjoni dominanti, inerenti għall-prattika inkwistjoni (sentenza ta‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni, C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 140). |
50 |
Ċertament, billi pprovdiet din it-tieni preċiżazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja semmiet biss l-iskemi ta’ tnaqqis. Madankollu, peress li kemm il-prattiki ta’ tnaqqis kif ukoll il-klawżoli ta’ esklużività jistgħu jkunu oġġettivament iġġustifikati jew li jkollhom l-iżvantaġġi li jiġġeneraw kontrobilanċji, jew anki fil-passat, permezz ta’ vantaġġi f’termini ta’ effettività li minnhom japprofitta wkoll il-konsumatur, tali preċiżazzjoni għandha tinftiehem bħala li tgħodd kemm għal waħda jew għall-oħra minn dawn il-prattiki. |
51 |
Barra minn hekk, minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tidher koerenti mal-ewwel preċiżazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il‑Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 139), għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-klawżoli ta’ esklużività jqajmu, minħabba n-natura tagħhom, preokkupazzjonijiet leġittimi tal-kompetizzjoni, il-kapaċità tagħhom li jeskludu l-kompetituri ma hijiex awtomatika, kif turi wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida dwar il-prijoritajiet adottati mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE għall-prattiki ta’ esklużjoni abużivi tal-impriżi dominanti” (ĠU 2009, C 45, p. 7 punt 36) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
52 |
Minn dan isegwi li, minn naħa, meta awtorità tal-kompetizzjoni tissuspetta li impriża kisret l-Artikolu 102 TFUE billi tirrikorri għal klawżoli ta’ esklużività, u li din tal-aħħar tikkontesta, matul il-proċedura, il-kapaċità konkreta tal-imsemmija klawżoli li jeskludu mis-suq kompetituri daqstant effiċjenti, provi insostenn, din l-awtorità għandha tiżgura ruħha, fl-istadju tal-karatterizzazzjoni tal-ksur, li dawn il-klawżoli kellhom, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità effettiva li jeskludu mis-suq kompetituri effiċjenti daqs din l-impriża. |
53 |
Min-naħa l-oħra, l-awtorità tal-kompetizzjoni li fetħet din il-proċedura għandha wkoll tevalwa, b’mod konkret, il-kapaċità ta’ dawn il-klawżoli li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, meta, matul il-proċedura amministrattiva l-impriża ssuspettata, mingħajr ma tikkontesta formalment li l-aġir tagħha kellu l-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, issostni li jeżistu ġustifikazzjonijiet għall-aġir tagħha. |
54 |
Fi kwalunkwe każ, il-produzzjoni matul il-proċedura ta’ provi li jista’ juri n-nuqqas ta’ kapaċità li jiġu prodotti effetti restrittivi toħloq l-obbligu li l-imsemmija awtorità tal-kompetizzjoni teżaminahom. Fil-fatt, ir-rispett tad-dritt għal smigħ, li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jirrikjedi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jkollhom l-intenzjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-impriża f’pożizzjoni dominanti, li jimplika li huma għandhom jagħtu l-attenzjoni kollha meħtieġa għall-osservazzjonijiet sottomessi minnha u jeżaminaw, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u, b’mod partikolari, il-provi prodotti mill-imsemmija impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 52). |
55 |
Minn dan isegwi li, meta l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun ipproduċiet studju ekonomiku sabiex turi li l-prattika li hija akkużata biha ma setgħetx telimina l-kompetituri, l-awtorità tal-kompetizzjoni kompetenti ma tistax teskludi r-rilevanza ta’ dan l-istudju mingħajr ma tesponi r-raġunijiet għalfejn hija tqis li dan ma jippermettix li tiġi pprovata l-inkapaċità tal-prattiki kkontestati li jippreġudikaw il-kompetizzjoni effettiva fis-suq ikkonċernat u, konsegwentement, mingħajr ma tqiegħed lill-imsemmija impriża f’pożizzjoni li tiddetermina l-offerta ta’ prova li tista’ titressaq minflokha. |
56 |
Fir-rigward tat-test tal-kompetitur daqstant effiċjenti u li għalih il-qorti tar-rinviju semmiet espressament fit-talba tagħha, għandu jitfakkar li dan il-kunċett jirreferi għal testijiet differenti li għandhom komuni bejniethom sabiex tiġi evalwata l-kapaċità ta’ prattika li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi billi tirreferi għall-kapaċità ta’ kompetitur ipotetiku tal-impriża f’pożizzjoni dominanti daqstant effettiva daqs kemm hija strutturata għall-ispejjeż, li tipproponi lill-klijenti tariffa suffiċjentement vantaġġuża sabiex tinċentivahom jibdlu l-fornitur, minkejja l-iżvantaġġi ġġenerati, mingħajr ma dan iwassal sabiex dan il-kompetittur jissubixxi dan it-telf. Din il-kapaċità hija ġeneralment iddeterminata fid-dawl tal-istruttura tal-ispiża tal-impriża f’pożizzjoni dominanti stess. |
57 |
Issa, test ta’ din in-natura jista’ ma jkunx xieraq fil-preżenza b’mod partikolari ta’ ċerti prattiki mhux tariffarji, bħal rifjut ta’ provvista, jew meta s-suq inkwistjoni huwa protett minn ostakoli kbar. Barra minn hekk, tali test huwa biss metodu fost oħrajn li jippermetti li jiġi evalwat jekk prattika għandhiex il-kapaċità li tipproduċi effetti ta’ esklużjoni, liema metodu barra minn hekk jieħu inkunsiderazzjoni biss il-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet. B’mod partikolari, l-użu, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, ta’ riżorsi li ma humiex dawk li jirregolaw il-kompetizzjoni fuq il-merti jista’ jkun biżżejjed, f’ċerti ċirkustanzi, sabiex jikkaratterizza l-eżistenza ta’ tali abbuż (ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2022, Servizio Elettrico Nazionale et, C‑377/20, EU:C:2022:379, punt 78). |
58 |
Konsegwentement, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ma jistax ikollhom l-obbligu ġuridiku li jużaw it-test tal-kompetitur daqstant effettiv sabiex jikkonstataw in-natura abbużiva ta’ prattika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ottubru 2015, Post Danmark,C‑23/14, EU:C:2015:651, punt 57). |
59 |
Madankollu, anki fil-preżenza ta’ prattiki mhux tariffarji, ir-rilevanza ta’ tali test ma tistax tiġi eskluża. Fil-fatt, test ta’ dan it-tip jista’ jkun utli peress li l-konsegwenzi tal-prattika inkwistjoni jistgħu jiġu kkwantifikati. B’mod partikolari, fil-każ ta’ klawżoli ta’ esklużività, tali test jista’ teoretikament iservi sabiex jiġi ddeterminat jekk kompetitur ipotetiku li jkollu struttura ta’ spejjeż simili għal dik tal-impriża f’pożizzjoni dominanti jkunx f’pożizzjoni li joffri l-prodotti jew is-servizzi tiegħu b’mod ieħor għajr b’telf jew b’marġni insuffiċjenti jekk huwa jkollu jħallas għall-kumpens li d-distributuri jkollhom iħallsu sabiex jibdlu l-fornitur jew it-telf li jkollhom jagħmlu wara tali bidla wara l-irtirar tar-roħs mogħti preċedentement (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑165/19 P, EU:C:2021:239, punt 110). |
60 |
Konsegwentement, meta impriża f’pożizzjoni dominanti ssuspettata b’prattika abbużiva tipprovdi lil awtorità tal-kompetizzjoni analiżi bbażata fuq test tal-“kompetitur daqstant effettiv”, l-imsemmija awtorità ma tistax twarrab din il-prova mingħajr lanqas ma teżamina l-valur probatorju tagħha. |
61 |
Dan il-fatt ma huwiex ikkonfutat bl-eżistenza ta’ pluralità ta’ prattiki kkontestati. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-effetti akkumulati ta’ dawn il-prattiki ma jistgħux jinftiehmu minn tali test, xorta jibqa’ l-fatt li r-riżultat ta’ test ta’ din in-natura jista’ madankollu jikkostitwixxi indizju tal-effetti ta’ wħud mill-imsemmija prattiki u, għalhekk, ikun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ċerti klassifikazzjonijiet jistgħux jintużaw fir-rigward tal-prattiki inkwistjoni. |
62 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 102 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-preżenza ta’ klawżoli ta’ esklużività li jinsabu f’kuntratti ta’ distribuzzjoni, awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata, sabiex tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti, li tistabbilixxi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha u fid-dawl, b’mod partikolari, tal-analiżi ekonomiċi mwettqa, jekk ikun il-każ, mill-impriża f’pożizzjoni dominanti fir-rigward tan-nuqqas ta’ kapaċità tal-aġir inkwistjoni li jeskludi mis-suq il-kompetituri daqstant effiċjenti daqsha, li dawn il-klawżoli għandhom il-kapaċità li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. L-użu ta’ test tal-kompetitur daqstant effettiv huwa ta’ natura fakultattiva. Madankollu, jekk ir-riżultati ta’ tali test jiġu ppreżentati mill-impriża kkonċernata matul il-proċedura amministrattiva, l-awtorità tal-kompetizzjoni hija obbligata teżamina l-valur probatorju tiegħu. |
Fuq l‑ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
( i ) Fil-punti 5, 31, 33, 37, 39, 42, 44, 48, 49, 52, 54, 55, 58, 62 u d-dispożittiv ta’ dan id-dokument saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.