SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir‑Raba’ Awla)

15 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/81/KE – Koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi – Artikoli 38 u 49 – Obbligu li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa – Kriterju ta’ evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta prevista minn leġiżlazzjoni nazzjonali – Inapplikabbiltà – Rekwiżit tal-eżistenza ta’ minimu ta’ tliet offerti – Kriterju bbażat fuq ir-rekwiżit li offerta tkun iktar minn 20 % vantaġġuża mill-valur medju tal-offerti ppreżentati mill-offerenti l-oħra – Stħarriġ ġudizzjarju”

Fil-Kawża C‑669/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

Veridos GmbH

vs

Ministar na vatreshnite raboti na Republika Bulgaria,

Mühlbauer ID Services GmbH – S&T,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Veridos GmbH, minn T. P. Nenov, advokat,

għal Mühlbauer ID Services GmbH – S&T, minn Y. Lambovski, advokat,

għall-Gvern Bulgaru, minn M. Georgieva u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčíl, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A.‑L. Desjonquères u E. Toutain, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Ondrůšek, G. Wils u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), tal-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2009, L 216, p. 76), kif ukoll tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Veridos GmbH u l-Ministar na vatreshnite raboti na Republika Bulgaria (il-Ministru għall-Intern tar-Repubblika tal-Bulgarija) u l-konsorzju “Mühlbauer ID Services GmbH – S&T” dwar deċiżjoni li tirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-offerenti u l-għażla tal-offerent rebbieħ ta’ kuntratt pubbliku.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2014/24

3

Konformement mal-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji ġenerali”, il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi tal-kriterji adottati konformement mal-Artikoli 67 sa 69 ta’ din id-direttiva, sakemm l-awtoritajiet kontraenti jkunu vverifikaw li ċertu numru ta’ kundizzjonijiet, konformement mal-Artikoli 59 sa 61 tagħha, ikunu ssodisfatti.

4

L-Artikolu 69 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Offerti baxxi wisq”, jipprevedi:

“(1)   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jesiġu li l-operaturi ekonomiċi jispjegaw il-prezz jew l-ispejjeż proposti fl-offerta meta l-offerti jkunu jidhru baxxi b’mod mhux normali fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi.

2.   L-ispjegazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu relatati b’mod partikolari ma’:

(a)

l-ekonomija tal-metodu ta’ kostruzzjoni, tal-proċess ta’ manifattura jew tas-servizzi pprovduti jew tal-metodu tal-kostruzzjoni;

(b)

is-soluzzjonijiet tekniċi magħżula jew kwalunkwe kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli disponibbli għall-offerent għall-forniment tal-prodotti jew servizzi jew għall-eżekuzzjoni tax-xogħol;

(c)

l-oriġinalità tax-xogħol, provvisti jew servizzi proposti mill-offerent;

(d)

konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 18(2);

(e)

konformità mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 71;

(f)

il-possibbiltà li l-offerent jikseb għajnuna mill-Istat.

3.   L-awtorità kontraenti għandha tivvaluta l-informazzjoni pprovduta billi tikkonsulta lill-offerent. Din tista’ tiċħad l-offerta biss fejn il-provi pprovduti ma jispjegawx b’mod sodisfaċenti l-livell baxx tal-prezz jew tal-ispejjeż proposti, b’kont meħud tal-elementi msemmija fil-paragrafu 2.

L-awtoritajiet kontraenti għandhom jiċħdu l-offerta, fejn ikunu stabbilixxew li l-offerta hija baxxa wisq għax ma tikkonformax mal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2).

4.   Fejn awtorità kontraenti tistabbilixxi li offerta hija baxxa wisq għax l-offerent kiseb għajnuna mill-Istat, l-offerta tista’ tiġi miċħuda għal dik ir-raġuni waħedha biss wara konsultazzjoni mal-offerent fejn, fi ħdan limitu ta’ żmien suffiċjenti stabbilit mill-awtorità kontraenti, dan tal-aħħar ma jistax juri li l-għajnuna inkwistjoni hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107 [TFUE]. Fejn l-awtorità kontraenti tiċħad offerta f’dawk iċ-ċirkostanzi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni dwar dan.

5.   Meta ssirilhom talba, l-Istati Membri għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri l-oħrajn, permezz ta’ kooperazzjoni amministrattiva, kwalunkwe informazzjoni li għandhom, bħal liġijiet, regolamenti, ftehimiet kollettivi universalment applikabbli jew standards tekniċi nazzjonali, relatata mal-evidenza u d-dokumenti ppreżentati fir-rigward tad-dettalji elenkati fil-paragrafu 2.”

Id‑Direttiva 2009/81

5

Skont l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/81, intitolat “Informazzjoni għall-kandidati u għal offerenti”:

“1.   L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jinformaw fl-iqsar żmien lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt jew il-konklużjoni ta’ ftehim qafas, inklużi r-raġunijiet li għalihom huma ddeċidew li jirrifjutaw li jagħtu kuntratt jew li jikkonkludu ftehim qafas li għalih kien hemm sejħa kompetittiva għall-offerti, u li jibdew il-proċedura mill-ġdid; dik l-informazzjoni għandha tingħata bil-miktub fuq talba lill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti.

2.   Fuq talba tal-parti kkonċernata, l-awtorità/entità kontraenti għandha, suġġett għall-paragrafu 3 u fl-iqsar żmien u mhux aktar tard minn 15‑il jum mill-wasla tat-talba bil-miktub għal informazzjoni, tinforma lill-partijiet b’li ġej:

(a)

lil kwalunkwe kandidat li ma ntgħażilx, ir-raġunijiet għar-rifjut tal-applikazzjoni tiegħu;

(b)

lil kwalunkwe offerent li ma ntgħażilx, ir-raġunijiet għar-rifjut tal-offerta tiegħu, inklużi, b’mod partikulari, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 18(4) u (5), ir-raġunijiet tad-deċiżjoni tagħha ta’ non- ekwivalenza jew tad-deċiżjoni tagħha li x-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti funzjonali jew ta’ rendimenti u, fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 22 u 23, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha ta’ non-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-informazzjoni u s-sigurtà tal-provvista;

(ċ)

lil kwalunkwe offerent li għamel offerta ammissibbli u li ma ġietx milqugħa, il-karatteristiċi u l-vantaġġi rilevanti tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ingħata l-kuntratt jew tal-partijiet għall-ftehim qafas.

3.   L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jiddeċiedu li ma jikkomunikawx ċertu tagħrif dwar l-għoti tal-kuntratti jew il-konklużjoni tal-ftehim qafas, imsemmija fil-paragrafu 1, meta l-iżvelar tiegħu jkun ta’ ostaklu għall-applikazzjoni tal-liġijiet jew imur kontra l-interess pubbliku, l-aktar l-interessi ta’ difiża u/jew ta’ sigurtà, ikun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ operaturi ekonomiċi kemm pubbliċi kif ukoll privati jew jista’ jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni ġusta bejniethom.”

6

L-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, intitolat “Verifika tal-kapaċità tal-kandidati u għażla tal-parteċipanti, għoti tal-kuntratti”, jiddisponi:

“1.   L-għoti tal-kuntratti għandu jsir abbażi tal-kriterji previsti fl-Artikoli 47 u 49, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 19, wara verifika tal-kapaċità tal-operaturi ekonomiċi mhux esklużi skont l-Artikoli 39 jew 40, magħmula mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti skont il-kriterji relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja, mal-għarfien jew il-kapaċitajiet professjonali u tekniċi msemmija fl-Artikoli 41 sa 46 u, skont il-każ, mar-regoli u l-kriterji non-diskriminatorji msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jeħtieġu livelli minimi ta’ kapaċitajiet, skont l-Artikoli 41 u 42, li l-kandidati għandhom jissodisfaw.

L-estensjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 41 u 42 kif ukoll il-livelli minimi tal-kapaċitajiet meħtieġa għal kuntratt determinat għandhom ikunu relatati u proporzjonali mas-suġġett tal-kuntratt.

Dawn il-livelli minimi għandhom ikunu indikati fl-avviż tal-kuntratt.

3.   Fil-proċeduri ristretti, il-proċeduri nnegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt u fi djalogu kompetittiv, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jistgħu jirrestrinġu n-numru ta’ kandidati xierqa li huma ser jistiednu biex jippreżentaw offerta jew li magħhom se jiddjalogaw; F’dan il-każ:

L-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fl-avviż tal-kuntratt il-kriterji jew ir-regoli oġġettivi u non-diskriminatorji li huma jipprevedu li jużaw, in-numru minimu ta’ kandidati li huma jipprevedu li jistiednu u, jekk ikun il-każ, in-numru massimu. In-numru minimu ta’ kandidati li huma bi ħsiebhom jistiednu ma jistax ikun anqas minn tlieta;

sussegwentement, l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti għandhom jistiednu numru ta’ kandidati li talanqas ikun daqs in-numru minimu stabbilit minn qabel, sakemm ikun hemm disponibbli numru suffiċjenti ta’ kandidati adegwati.

Fejn in-numru ta’ kandidati li jissodisfaw il-kriterji ta’ għażla u l-livelli minimi ta’ kapaċità jkun inqas min-numru minimu, l-awtorità/entità kontraenti tista’ tkompli l-proċedura billi tistieden lill-kandidat jew kandidati li għandhom il-kapaċitajiet meħtieġa.

Jekk l-awtorità/entità kontraenti tqis li n-numru ta’ kandidati adegwati huwa baxx wisq biex jiżgura kompetittività ġenwina, hija tista’ twaqqaf il-proċedura u terġa’ tippubblika l-avviż inizjali ta’ kuntratt taħt l-Artikolu 30(2) u l-Artikolu 32, filwaqt li tiffissa data ta’ skadenza ġdida għat-tressiq ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni. F’dan il-każ, il-kandidati magħżula wara l-ewwel pubblikazzjoni u dawk magħżula wara t-tieni għandhom jiġu mistiedna taħt l-Artikolu 34. Din l-għażla għandha tkun mingħajr ħsara għall-kapaċità tal-awtorità/entità kontraenti li tikkanċella l-proċedura ta’ akkwist li tkun għaddejja u li tibda waħda ġdida.

4.   Fil-kuntest tal-proċedura tal-għoti ta’ kuntratti, l-awtorità/entità kontraenti ma tistax tinkludi operaturi ekonomiċi apparti dawk li għamlu talba biex jipparteċipaw, jew kandidati mingħajr il-kapaċitajiet rikjesti.

5.   Fejn l-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jirrikorru għall-fakultà li jitnaqqas in-numru ta’ soluzzjonijiet li għandhom jiġu diskussi jew ta’ offerti li għandhom jiġu nnegozjati, prevista fl-Artikolu 26(3), u fl-Artikolu 27(4), dawn jagħmlu dan it-tnaqqis billi japplikaw il-kriterji tal-għoti li kienu indikaw fl-avviż tal-kuntratt jew fid-dokumenti tal-kuntratt. Fil-fażi finali, dan in-numru għandu jippermetti li tkun żgurata kompetizzjoni ġenwina, sakemm ikun hemm numru suffiċjenti ta’ soluzzjonijiet jew ta’ kandidati adatti.”

7

L-Artikolu 49 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Offerti anormalment baxxi”, jipprevedi:

“1.   Jekk, għal kuntratt determinat, xi offerti jidhru anormalment baxxi meta mqabbla mal-provvisti, l-awtorità/entità kontraenti, qabel ma tkun tista’ tirrifjuta dawn l-offerti, għandha titlob, bil-miktub, id-dettalji rigward l-elementi li jiffurmaw l-offerta li hija tqis rilevanti.

Dawn id-dettalji jistgħu jikkonċernaw partikolarment:

(a)

l-ekonomija tal-proċess ta’ kostruzzjoni, tal-proċess ta’ manifattura tal-prodotti jew tal-provvisti tas-servizzi;

(b)

is-soluzzjonijiet tekniċi adottati u/jew il-kondizzjonijiet eċċezzjonalment favorevoli li għandu l-offerent biex iwettaq ix-xogħlijiet, biex jipprovdi l-prodotti jew is-servizzi;

(ċ)

l-oriġinalità tax-xogħlijiet, tal-provvisti jew tas-servizzi proposti mill-offerent;

(d)

il-konformità mad-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-seħħ fil-post fejn ser jitwettaq ix-xogħol, is-servizz jew il-provvista;

(e)

il-possibbiltà tal-għoti ta’ għajnuna Statali lill-offerent.

2.   L-awtorità/entità kontraenti għandha tivverifika, billi tikkonsulta lill-offerent, dawn l-elementi b’kont meħud tax-xhieda ppreżentata.

3.   Fejn awtorità/entità kontraenti tinnota li offerta hija anormalment baxxa minħabba li l-offerent jkun kiseb għajnuna mill-Istat, hija tista’ tirrifjuta din l-offerta għal din ir-raġuni biss wara li tikkonsulta lill-offerent u jekk dan tal-aħħar ma jkunx f’pożizzjoni li juri, fil-limitu ta’ żmien biżżejjed stabbilit mill-awtorità/entità kontraenti, li l-għajnuna kkonċernata kienet ingħatat legalment. Fejn l-awtorità/entità kontraenti tirrifjuta offerta f’dawn iċ-ċirkostanzi, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni b’dan il-fatt.”

8

L-Artikolu 55(2) u (4) tal-istess direttiva, intitolat “Ambitu u disponibbiltà tal-proċeduri ta’ reviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet/entitajiet kontraenti jkunu jistgħu jiġi riveduti effettivament u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 56 sa 62, abbażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi Komunitarja fil-qasam tal-akkwist jew tar-regoli nazzjonali li jimplimentaw din il-liġi.

[…]

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ta’ reviżjoni jkunu disponibbli, skont regoli dettaljati li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, għal kwalunkwe persuna li jkollha jew kellha interess tikseb kuntratt partikolari u li jkun sarilha jew tkun tinsab fir-riskju li jsirilha dannu minħabba ksur allegat.”

Id‑dritt Bulgaru

9

L-Artikolu 72 taż-Zakon za obshtestvenite porachki (il-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi), intitolat “Offerti anormalment baxxi”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-offerta evalwata ta’ offerent, fir-rigward tal-prezz jew tal-ispejjeż tal-istess parametru ta’ evalwazzjoni, tkun iktar minn 20 % inqas mill-medja tal-offerti tal-offerenti l-oħra, l-awtorità kontraenti għandha titlob lill-offerent korrispondenti ġustifikazzjoni bil-miktub iddettaljata tal-mod kif l-offerta tkun ġiet żviluppata, li għandha tiġi ppreżentata fi żmien ħamest ijiem mill-wasla tat-talba.”

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 212 ta’ din il-liġi, il-Komisia za zashtita na konkurentsiata (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Bulgarija) tiddeċiedi dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti f’terminu ta’ xahar jew ta’ ħmistax‑il jum mill-ftuħ tal-proċedura u deċiżjoni mmotivata għandha tiġi redatta u ppubblikata sa mhux iktar tard minn sebat ijiem wara li dan ir-rikors jiġi deċiż.

11

Barra minn hekk, l-Artikolu 216 tal-imsemmija liġi jipprevedi proċedura mħaffa flimkien ma’ termini mqassra għal ċerti atti proċedurali. Konformement ma’ dan l-Artikolu 216(6), il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija) għandha tiddeċiedi f’terminu ta’ xahar minn meta tirċievi l-appell fil-kassazzjoni mid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni u minn meta d-deċiżjoni tagħha hija definittiva.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

12

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Awwissu 2018, iz-zamestnik-ministar na vatreshnite raboti (il-Viċi Ministru għall-Intern) nieda proċedura “ristretta” ta’ għoti ta’ kuntratt dwar l-ippjanar, l-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ sistema għall-ħruġ ta’ dokumenti personali Bulgari tal-ġenerazzjoni 2019. F’dan ir-rigward, ġie maħtur kumitat awżiljarju għall-preselezzjoni tal-kandidati kif ukoll sabiex jeżamina, jevalwa u jikklassifika l-offerti.

13

Wara li twettqet il-preselezzjoni, Veridos kif ukoll il-konsorzju “Mühlbauer ID Services GmbH – S&T” ġew mistiedna jippreżentaw l-offerti tagħhom. Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ April 2020 tal-Viċi Ministru għall-Intern, il-kuntratt ingħata lil dan il-konsorzju.

14

Veridos ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, li, permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ġunju 2020, ċaħdet dan ir-rikors. Fit‑13 ta’ Lulju 2020, Veridos ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija), li hija l-qorti tar-rinviju.

15

Skont din il-qorti, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex jiġi stabbilit jekk l-awtorità kontraenti għandhiex l-obbligu li tivverifika l-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa, skont il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament li jistabbilixxi d-dritt tal-Unjoni, sabiex jiġi ggarantit paragun oġġettiv tal-offerti u sabiex tiddetermina, f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva, liema hija l-offerta l-iktar vantaġġuża ekonomikament, mingħajr madankollu ma tkun offerta anormalment baxxa, li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

16

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tippreċiża li l-Artikolu 72(1) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jirregola l-kriterju ta’ verifika ta’ offerta anormalment baxxa billi jeżiġi li din tkun “iktar minn 20 % [vantaġġuża] mill-medja tal-offerti tal-offerenti l-oħra [fuq l-istess kriterju ta’ evalwazzjoni]”. Għalhekk, il-leġiżlatur Bulgaru jirrikjedi impliċitament l-eżistenza ta’ mill-inqas tliet offerti, peress li l-evalwazzjoni ta’ waħda minnhom għandha titwettaq fir-rigward tal-valur medju tat-tnejn l-oħra. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa f’dan il-kuntest li l-Awtorità tal-Kompetizzjoni qieset li din id-dispożizzjoni ma kinitx applikabbli, peress li kienu ġew ippreżentati biss żewġ offerti u li, konsegwentement, dan il-valur medju ma setax jiġi kkalkolat.

17

Din il-qorti żżid li l-awtorità kontraenti, jiġifieri l-Viċi Ministru għall-Intern, ma kellha ebda algoritmu, imfassla sabiex tevalwa u tanalizza l-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa u magħrufa minn qabel, li tista’ tiġi mistħarrġa fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

18

B’hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-eżistenza ta’ kriterju previst mil-liġi, iżda inapplikabbli fil-prattika, kif ukoll l-assenza ta’ kwalunkwe kriterju ieħor magħruf minn qabel li jippermetti li jiġu identifikati offerti anormalment baxxi jqajmu l-kwistjonijiet dwar, minn naħa, jekk l-awtorità kontraenti hijiex eżentata mill-obbligu li tivverifika l-eżistenza ta’ tali offerta, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja indikat espressament, fil-ġurisprudenza tagħha, li l-awtorità kontraenti għandha tiżgura li l-offerti li jkunu ġew ippreżentati lilha jkunu serji, u, min-naħa l-oħra, jekk l-awtorità kontraenti għadhiex obbligata tiġġustifika l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa jew jekk tistax tiddefendi d-deċiżjoni tagħha li tikklassifika lill-offerenti billi tippreżenta argumenti fuq il-mertu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din l-aħħar domanda għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni tista’ tiġi spjegata għall-ewwel darba quddiem qorti biss f’każijiet eċċezzjonali.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva [2014/24] jew, rispettivament, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva [2009/81] għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ li jkun oġġettivament impossibbli li jiġi applikat il-kriterju previst id-dritt nazzjonali għall-evalwazzjoni ta’ offerta b’valur anormalment baxx u fl-assenza ta’ kriterju ieħor, magħżul u ppubblikat minn qabel mill-awtorità kontraenti, din tal-aħħar ma tkunx obbligata tivverifika l-eżistenza ta’ offerta b’valur anormalment baxx?

2)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva 2014/24, jew, rispettivament, id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti hija obbligata biss tivverifika l-eżistenza ta’ offerta b’valur anormalment baxx meta jkun hemm suspett fir-rigward ta’ offerta, jew, għall-kuntrarju, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti għandha tiżgura f’kull każ in-natura serja tal-offerti ssottomessi u għandha tesponi l-motivazzjoni tagħha f’dan ir-rigward?

3)

L-awtorità kontraenti hija suġġetta għal tali rekwiżit meta, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliċi, ikunu ġew irċevuti biss żewġ offerti?

4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-Karta […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-konstatazzjoni, min-naħa tal-awtorità kontraenti, li ma hemmx suspetti fir-rigward tal-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa, jew, rispettivament, il-konvinzjoni tagħha li l-offerta tal-offerent ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni hija ta’ natura serja, huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju?

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 47 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtorità kontraenti li, fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, ma tkunx ivverifikat jekk offerta għandhiex prezz anormalment baxx, hija obbligata tiġġustifika u timmotiva l-assenza ta’ suspett fir-rigward tal-fatt li l-offerta kklassifikata fl-ewwel pożizzjoni għandha prezz anormalment baxx jew, fi kliem ieħor, il-fatt li l-imsemmija offerta hija ta’ natura serja?”

Fuq it‑talba għal proċedura mħaffa

20

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissottometti din il-kawża għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tagħha.

21

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti ssostni, minn naħa, li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-ħruġ kif ukoll it-tiġdid tad-dokumenti tal-identità Bulgari u li, bħala tali, huwa direttament marbut mas-sigurtà nazzjonali kif ukoll mal-istatus legali leġittimu taċ-ċittadini Bulgari, u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ proċedura mħaffa flimkien ma’ termini mqassra prevista fl-Artikoli 212 u 216 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi fir-rigward ta’ ċerti atti proċedurali.

22

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-ħtieġa li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura ma tirriżultax mid-dimensjoni finanzjarja tal-kuntratt pubbliku kkonċernat, iżda mill-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tiegħu u mir-relazzjonijiet legali marbuta mal-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkonċerna d-dokumenti ta’ identità ta’ numru indeterminat ta’ ċittadini Bulgari kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, bħal-libertà ta’ moviment, il-libertà ta’ stabbiliment u d-dritt tal-vot.

23

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq it-talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, meta n-natura tal-kawża titlob li din tiġi ttrattata f’qasir żmien, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li jissottometti rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura.

24

F’dan ir-rigward, fir-rigward, qabelxejn, tal-fatt li d-domandi magħmula f’din il-kawża jikkonċernaw potenzjalment numru kbir ta’ ċittadini Bulgari u ta’ relazzjonijiet legali, għandu jitfakkar li l-proċedura mħaffa prevista f’din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi strument proċedurali intiż sabiex jirrispondi għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Issa, in-numru kunsiderevoli ta’ persuni jew ta’ sitwazzjonijiet ġuridiċi potenzjalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li qorti tar-rinviju għandha tagħti wara li tkun ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika r-rikors għal proċedura mħaffa (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Tobba speċjalisti mħarrġa), C‑590/20, EU:C:2022:150, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Sussegwentement, għalkemm il-qorti tar-rinviju tindika n-natura sinjifikattiva u sensittiva tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar il-ħruġ u t-tiġdid tad-dokumenti tal-identità Bulgari, kif ukoll tar-risposti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħti għad-domandi magħmula lilha, fil-qasam ikkonċernat tad-dritt tal-Unjoni, dawn l-elementi differenti ma humiex tali li jiġġustifikaw waħedhom li din il-kawża tkun suġġetta għall-imsemmija proċedura mħaffa (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Frar 2021, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2021:149, punt 24).

27

Fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax mit-talba msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza b’liema mod it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jaffettwa l-produzzjoni jew il-ħruġ ta’ tali dokumenti.

28

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sempliċi interess tal-partijiet fil-kawża, filwaqt li huwa leġittimu, li jiddeterminaw malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma jisiltu mid-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ ċirkustanza eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Phoenix Contact, C‑44/21, EU:C:2022:309, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżistenza tat-termini tal-proċedura qosra, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżit tat-trattament ta’ tilwima pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’termini qosra ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li l-qorti tar-rinviju hija obbligata tiżgura riżoluzzjoni rapida tat-tilwima u lanqas mis-sempliċi fatt li d-dewmien jew is-sospensjoni ta’ xogħlijiet li huma s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku jista’ jipproduċi effetti dannużi għall-persuni kkonċernati (sentenza tat‑28 ta’ April 2022, Caruter, C‑642/20, EU:C:2022:308, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl‑1 ta’ Frar 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li ma jilqax it-talba msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

31

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta kemm l-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81 kif ukoll l-Artikoli 56 u 69 tad-Direttiva 2014/24. Madankollu, peress li din il-qorti tindika li, minkejja li l-kuntratt pubbliku inkwistjoni jinkludi elementi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti ddeċidiet li tagħti kuntratt uniku skont il-modalitajiet tad-Direttiva 2009/81, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din tal-aħħar għandhom jiġu interpretati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din l-interpretazzjoni tista’ tiġi trasposta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 meta dawn ikunu, essenzjalment, identiċi għal dawk tad-Direttiva 2009/81.

Fuq l‑ewwel sat‑tielet domanda

32

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tivverifika l-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa, u dan anki fl-assenza ta’ suspett fir-rigward ta’ offerta jew meta l-kriterju previst għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, li impliċitament jeżiġi l-eżistenza ta’ mill-inqas tliet offerti, huwa, minħabba n-numru insuffiċjenti ta’ offerti sottomessi, inapplikabbli.

33

Id-dritt tal-Unjoni ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “offerta anormalment baxxa”. Madankollu, hekk kif l-Avukat Ġenerali fakkar fil-punti 30 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-isfumaturi ta’ dan il-kunċett diġà ġew iddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ direttivi dwar il-kuntratti pubbliċi minbarra dik imsemmija fil-punt preċedenti.

34

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, diversi drabi, li huma l-Istati Membri u, b’mod partikolari, l-awtoritajiet kontraenti li għandhom jiddeterminaw il-metodu ta’ kalkolu ta’ livell ta’ anomalija li jikkostitwixxi offerta anormalment “baxxa” (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punt 67, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service, C‑568/13, EU:C:2014:2466, punt 49) jew jiffissaw il-valur tiegħu, bil-kundizzjoni li jintuża metodu oġġettiv u nondiskriminatorju. Hija ddeċidiet ukoll li hija l-awtorità kontraenti li għandha “tidentifika l-offerti suspettużi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2001, Lombardini u Mantovani, C‑285/99 u C‑286/99, EU:C:2001:640, punt 55).

35

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-provvista kkonċernata. Għalhekk, fil-kuntest tal-eżami tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, l-awtorità kontraenti tista’, sabiex tiżgura kompetizzjoni b’saħħitha, tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha fir-rigward ta’ dan is-servizz (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2012, SAG ELV Slovensko et, C‑599/10, EU:C:2012:191, punti 2930, kif ukoll tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Data Medical Service, C‑568/13, EU:C:2014:2466, punt 50).

36

F’dan ir-rigward, l-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81 jimponu l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li, l-ewwel, tidentifika l-offerti suspettużi, it-tieni, tippermetti lill-impriżi kkonċernati li juru s-serjetà tal-offerti, u dan billi titlobhom il-preċiżazzjonijiet li hija tqis opportuni, it-tielet, tevalwa r-rilevanza tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-partijiet ikkonċernati u, ir-raba’, tieħu deċiżjoni dwar l-ammissjoni jew iċ-ċaħda ta’ dawn l-offerti. Issa, huwa biss bil-kundizzjoni li l-affidabbiltà ta’ offerta tkun, a priori, dubjuża li l-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-artikoli huma imposti fuq l-awtorità kontraenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Agriconsulting Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑198/16 P, EU:C:2017:784, punti 5152 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Kif ippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punt 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-awtorità kontraenti għandha tidentifika l-offerti apparentement suspettużi, ippreżentati, minħabba f’hekk, għall-proċedura ta’ verifika kontradittorja prevista fl-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/81, fid-dawl tal-karatteristiċi kollha tas-suġġett tas-sejħa għal offerti kkonċernata. Id-diverġenzi mal-offerti kompetituri l-oħra, anki jekk dan ikun utli f’ċerti każijiet sabiex tinstab xi anomalija, ma jistax jiġi stabbilit bħala l-uniku kriterju użat mill-awtorità kontraenti f’dan ir-rigward.

38

L-eżami tal-elementi kollha relatati mas-sejħa għal offerti u mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ikkonċernati għandhom jippermettu lill-awtorità kontraenti tiddetermina jekk, minkejja l-eżistenza ta’ diverġenza mal-offerti ppreżentati mill-offerenti l-oħra, l-offerta ssuspettata hijiex suffiċjentement serja. F’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti tista’ tibbaża ruħha fuq regoli nazzjonali li jiddefinixxu metodu partikolari sabiex jiġu identifikati l-offerti anormalment baxxi.

39

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/81 ma teskludix li n-natura anormalment baxxa ta’ offerta tiġi evalwata meta jkunu ġew ippreżentati biss żewġ offerti. Għall-kuntrarju, l-inapplikabbiltà tal-kriterju previst mid-dritt nazzjonali għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta ma hijiex ta’ natura li teżenta s-setgħa kontraenti mill-obbligu tagħha, imfakkar fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li tidentifika l-offerti suspettużi u li twettaq, fil-preżenza ta’ tali offerti, verifika kontradittorja.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet kontraenti, fil-każ ta’ suspett li offerta hija anormalment baxxa, għandhom l-obbligu li jivverifikaw jekk dan huwiex fil-fatt il-każ billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tas-sejħa għal offerti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mingħajr ma l-impossibbiltà li jiġu applikati l-kriterji previsti għal dan il-għan minn leġiżlazzjoni nazzjonali u n-numru ta’ offerti magħmula jkollhom effett f’dan ir-rigward.

Fuq ir‑raba’ u l‑ħames domanda

41

Permezz tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2009/81, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-konstatazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-assenza ta’ suspetti dwar l-eżistenza ta’ offerta anormalment baxxa, jew ukoll il-konvinzjoni serja tagħha tal-offerta ta’ offerent ikklassifikat fl-ewwel pożizzjoni, humiex suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju u jekk l-awtorità kontraenti hijiex għalhekk obbligata timmotiva l-konklużjoni tagħha fil-kuntest tad-deċiżjoni tagħha tal-għoti tal-kuntratt.

42

Kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 47 u 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, billi jirreferi għall-offerti anormalment baxxi, l-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/81 ma jimponix fuq l-awtorità kontraenti obbligu mingħajr distinzjoni li tiddeċiedi espressament fuq l-eventwali natura anormalment baxxa tal-offerta kkonċernata. Għall-kuntarju, skont dan l-Artikolu 49, dan l-obbligu huwa impost jekk, “għal kuntratt determinat”, l-awtorità kontraenti tqis li “xi offerti” jidhru “anormalment baxxi meta mqabbla mal-provvisti”.

43

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2009/81 jirriżulta li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinformaw malajr kemm jista’ jkun lill-kandidati u lill-offerenti bid-deċiżjonijiet meħuda dwar l-għoti ta’ kuntratt u li din l-informazzjoni tingħata bil-miktub jekk issir it-talba. B’mod partikolari, meta l-parti kkonċernata titlob dan bil-miktub, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnotifikawha, b’mod partikolari, bl-elementi adegwati li jsostnu d-deċiżjonijiet essenzjali meħuda matul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Konsegwentement, meta awtorità kontraenti tikkonstata li offerta tidher anormalment baxxa u li konsegwentement issegwi dibattitu kontradittorju mal-offerent ikkonċernat, għandu jiġi rreġistrat ir-riżultat bil-miktub tagħha.

44

Għalhekk, huwa biss f’każ ta’ suspett fir-rigward tan-natura anormalment baxxa ta’ offerta, u wara l-proċedura ta’ verifika kontradittorja msemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li l-awtorità kontraenti għandha formalment tadotta deċiżjoni motivata ta’ ammissjoni jew ta’ ċaħda tal-offerta inkwistjoni.

45

Madankollu, f’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-awtorità kontraenti ma bdietx il-proċedura ta’ verifika kontradittorja prevista fl-Artikolu 49 tad-Direttiva 2009/81, u lanqas ma adottat deċiżjoni espliċita f’dan ir-rigward.

46

F’dan il-każ, l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2009/81 u mill-Artikolu 47 tal-Karta, li jgħid li d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandha tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors effikaċi, jeżiġi li l-offerenti li jqisu ruħhom leżi jkunu jistgħu jippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni billi jallegaw li l-offerta magħżula kellha tiġi kklassifikata bħala “anormalment baxxa”.

47

F’dan ir-rigward, il-fatt li offerta ma titqiesx bħala li hija “anormalment baxxa”, mingħajr ma din tkun is-suġġett ta’ motivazzjoni speċifika, ma jistax jagħti lok, bħala tali, għall-annullament tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma imponiex l-obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jadottaw deċiżjoni espliċita u motivata li tikkonstata l-assenza ta’ offerti anormalment baxxi.

48

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2009/81, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta awtorità kontraenti ma tkunx bdiet proċedura ta’ verifika dwar l-eventwali natura anormalment baxxa ta’ offerta, għar-raġuni li hija tkun qieset li ebda waħda mill-offerti li ġew ippreżentati lilha ma kienet ta’ tali natura, l-evalwazzjoni tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-għoti inkwistjoni.

Fuq l‑ispejjeż

49

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 38 u 49 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-awtoritajiet kontraenti, fil-każ ta’ suspett li offerta hija anormalment baxxa, għandhom l-obbligu li jivverifikaw jekk dan huwiex fil-fatt il-każ billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha tas-sejħa għal offerti u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, mingħajr ma l-impossibbiltà li jiġu applikati l-kriterji previsti għal dan il-għan minn leġiżlazzjoni nazzjonali u n-numru ta’ offerti magħmula jkollhom effett f’dan ir-rigward.

 

2)

L-Artikolu 55(2) tad-Direttiva 2009/81, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta awtorità kontraenti ma tkunx bdiet proċedura ta’ verifika dwar l-eventwali natura anormalment baxxa ta’ offerta, għar-raġuni li hija tkun qieset li ebda waħda mill-offerti li ġew ippreżentati lilha ma kienet ta’ tali natura, l-evalwazzjoni tagħha tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-kuntest ta’ rikors kontra d-deċiżjoni tal-għoti inkwistjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.