SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Jannar 2023 ( *1 )

“Appell – Relazzjonijiet esterni – Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra – Komunikazzjonijiet elettroniċi – Regolament (UE) 2018/1971– Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) – Artikolu 35(2) – Parteċipazzjoni tal-awtorità regolatorja tal-Kosovo f’dan il-korp – Kunċetti ta’ ‘pajjiż terz’ u ta’ ‘Stat terz’ – Kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑632/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑24 ta’ Novembru 2020,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn S. Centeno Huerta, sussegwentement minn A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, M. Kellerbauer u T. Ramopoulos, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz, I. Jarukaitis, A. Kumin, N. Jääskinen (Relatur), M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja vs Il-Kummissjoni (T‑370/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata, EU:T:2020:440), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talba tiegħu għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU 2019, C 115, p. 26, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-FSA mal-Kosovo

2

Is-sbatax-il premessa tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa, u l-Kosovo, min-naħa l-oħra (ĠU 2016, L 71, p. 3, iktar ’il quddiem il-“FSA mal-Kosovo”), tiddikjara li dan il-ftehim “huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi [mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] 1244/1999 u [ma]l-Opinjoni tal-[Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja] dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo”.

3

L-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim jipprevedi:

“L-ebda terminu, għażla ta’ kliem jew definizzjonijiet użati f’dan il-Ftehim, inklużi l-Annessi u l-Protokolli għalihom, ma jikkostitwixxu rikonoxximent tal-Kosovo mill-UE bħala Stat indipendenti u lanqas ma jikkostitwixxu rikonoxximent minn Stati Membri indidwali tal-Kosovo f’dik il-kapaċità fejn huma ma jkunux għamlu tali pass.”

4

L-Artikolu 111 tal-istess ftehim, intitolat “Networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika”, jipprovdi:

“Il-kooperazzjoni għandha tiffoka primarjament fuq l-oqsma prijoritarji relatati mal-acquis tal-UE f’dan il-qasam.

Il-Partijiet, b’mod partikolari, għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tan-netwerks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, bl-għan aħħari li l-Kosovo jadotta l-acquis tal-UE fis-settur ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, b’attenzjoni speċjali tingħata lejn l-iżgurar u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji relevanti.”

Ir-Regolament (UE) 2018/1971

5

Il-premessi 5, 13, 20, 22, 25, 29 u 34 tar-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (ĠU 2018, L 321, p. 1), huma fformulati kif ġej:

“(5)

Il-[Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC)] ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal‑25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju (ĠU 2009, L 337, p. 1)]. Il-BEREC ħa post il-[Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (GRE)] u kien maħsub biex jikkontribwixxi, minn naħa, għall-iżvilupp u, min-naħa l-oħra, għall-funzjonament aħjar tas-suq intern għan-netwerks u għas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika billi jimmira li jiżgura l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi. Il-BEREC jaġixxi bħala forum għall-kooperazzjoni fost [l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ARN)], u bejn l-[ARN] u l-Kummissjoni [Ewropea], fl-eżerċizzju tal-firxa sħiħa tar-responsabbiltajiet tagħhom fil-qafas regolatorju tal-Unjoni. Il-BEREC twaqqaf biex jipprovdi għarfien espert u jaġixxi b’mod indipendenti u trasparenti.

[…]

(13)

Jenħtieġ li l-BEREC jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi kunfidenza bis-saħħa tal-indipendenza tiegħu, il-kwalità tal-parir u l-informazzjoni tiegħu, it-trasparenza tal-proċeduri u tal-metodi ta’ operat tiegħu, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Jenħtieġ li l-indipendenza tal-BEREC ma timpedixxix lill-Bord tar-Regolaturi tiegħu milli jiddelibera abbażi ta’ abbozzi mħejjija minn gruppi ta’ ħidma.

[…]

(20)

Il-BEREC jenħtieġ li jkollu d-dritt jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li jenħtieġ li ma joħolqux obbligi legali. L-għan ta’ tali arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jkunu, pereżempju, biex jiġu żviluppati relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u skambju ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet regolatorji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-arranġamenti ta’ ħidma neċessarji huma konsistenti mal-politika u l-prijoritajiet tal-Unjoni, u li l-BEREC jopera fil-limiti tal-mandat tiegħu u tal-qafas istituzzjonali eżistenti u ma jitqiesx bħala li jirrappreżenta l-pożizzjoni tal-Unjoni quddiem xi udjenza barranija jew li jorbot lill-Unjoni b’obbligi internazzjonali.

[…]

(22)

Il-BEREC jenħtieġ li jkun jista’ jaġixxi fl-interessi tal-Unjoni, indipendentement minn kwalunkwe intervent estern, inkluż pressjoni politika jew interferenza kummerċjali. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li persuni maħturin fil-Bord tar-Regolaturi jgawdu mill-ogħla garanziji ta’ indipendenza personali u funzjonali. Il-kap ta’ [ARN], jew membru tal-korp kolleġġjali tagħha, jew is-sostituti ta’ kwalunkwe minnhom, igawdu minn tali livell ta’ indipendenza personali u funzjonali. B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv, u jenħtieġ li ma ifittxux jew ma jieħdux struzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, u jenħtieġ li jkunu protetti kontra t-tkeċċija arbitrarja. […]

[…]

(25)

Fejn xieraq u skont l-allokazzjoni tal-kompiti lill-awtoritajiet f’kull Stat Membru, il-fehmiet ta’ awtoritajiet kompetenti oħrajn jenħtieġ li jiġu kkunsidrati fil-grupp ta’ ħidma rilevanti, pereżempju permezz tal-konsultazzjoni fil-livell nazzjonali jew billi jkunu mistednin dawk l-awtoritajiet oħrajn għal laqgħat rilevanti fejn ikun meħtieġ l-għarfien espert tagħhom. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li l-indipendenza tal-BEREC tinżamm.

[…]

(29)

Jenħtieġ li d-Direttur jibqa’ r-rappreżentant tal-Uffiċċju tal-BEREC fir-rigward ta’ kwistjonijiet legali u amministrattivi. Jenħtieġ li l-Bord Maniġerjali jaħtar id-Direttur, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti sabiex tkun żgurata evalwazzjoni bir-reqqa tal-kandidati u livell għoli ta’ indipendenza. […]

[…]

(34)

Sabiex tkompli tiġi estiża l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi, jenħtieġ li l-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li huma kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fejn dawk il-pajjiżi terzi daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop, bħal Stati [taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) jew tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA)] u pajjiżi kandidati.”

6

L-Artikolu 3 tar-Regolament 2018/1971, intitolat “Objettivi tal-BEREC”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-BEREC għandu jaġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 531/2012 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2012, L 172, p. 10)] u (UE) 2015/2120 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1)] u tad-Direttiva (UE) 2018/1972 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal 11 ta’ Diċembru 2018 (ĠU 2018, L 321, p. 36, rettifika fil-ĠU 2019, L 334, p. 164, u fil-ĠU 2020, L 419, p. 36)].

2.   Il-BEREC għandu jsegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2018/1972. B’mod partikolari, il-BEREC għandu jkollu l-għan li jiżgura implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-BEREC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod indipendenti, imparzjali, trasparenti u f’waqtu.

4.   Il-BEREC għandu jagħmel użu mill-għarfien espert disponibbli fl-[ARN].

[…]”

7

L-Artikolu 4 tar-Regolament 2018/1971, intitolat “Kompiti regolatorji tal-BEREC”, jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni, l-[ARN] u l-Kummissjoni għandhom iqisu kompletament kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattika adottata mill-BEREC bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-kamp ta’ applikazzjoni msemmi fl-Artikolu 3(1).”

8

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-indipendenza tal-Bord tar-Regolaturi”, jipprevedi:

“1.   Meta jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu u mingħajr preġudizzju għall-membri li jaġixxu f’isem l-[ARN] rispettiva tagħhom, il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interessi tal-Unjoni, minkejja kwalunkwe interess nazzjonali jew personali partikolari.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-koordinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 3(6), il-membri tal-Bord tar-Regolaturi u s-sostituti tagħhom la għandhom ifittxu, u lanqas jieħdu, struzzjonijiet mingħand ebda gvern, istituzzjoni, persuna jew korp.”

9

L-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-funzjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi”, jipprovdi:

“Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin:

[…]

(i)

li jawtorizza, flimkien mad-Direttur, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 35;

[…]”

10

L-Artikolu 15 tal-istess regolament, intitolat “Kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Il-membri tal-Bord Maniġerjali u s-sostituti tagħhom la għandhom ifittxu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp u lanqas ma għandhom jieħdu struzzjonijiet mingħandhom.”

11

L-Artikolu 16 tar-Regolament 2018/1971, intitolat “Funzjonijiet amministrattivi tal-Bord Maniġerjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Bord Maniġerjali għandu jkollu l-funzjonijiet amministrattivi li ġejjin:

[…]

(m)

li jaħtar Uffiċjal tal-Kontabbiltà, soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal u għall-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, li għandu jkun indipendenti għalkollox fil-qadi ta’ dmirijietu;

[…]”

12

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Responsabbiltajiet tad-Direttur”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 6 tiegħu:

“3.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Bord tar-Regolaturi, l-Bord Maniġerjali u l-Kummissjoni„ id-Direttur għandu jkun indipendenti fil-qadi ta’ dmirijietu u la għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet mingħand xi gvern, istituzzjoni, persuna jew korp ieħor.

[…]

6.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kompiti tal-Uffiċċju tal-BEREC u skont il-gwida pprovduta mill-Bord tar-Regolaturi u mill-Bord Maniġerjali. B’mod partikolari, id-Direttur għandu jkun responsabbli biex:

[…]

(m)

jawtorizza, b’mod konġunt flimkien mal-Bord tar-Regolaturi, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 35.”

13

Skont l-Artikolu 35 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kooperazzjoni mal-korpi tal-Unjoni, mal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali”:

“1.   Sa fejn ikun meħtieġ biex il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u jwettqu l-kompiti tagħhom, u mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, dawn jistgħu jikkooperaw ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

Għal dak il-għan u soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jistgħu jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma. Dawk l-arranġamenti ma għandhomx joħolqu obbligi ġuridiċi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali għandhom ikunu miftuħin għall-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji ta’ pajjiżi terzi li jkollhom responsabbiltà primarja fil-qasam tal-komunikazzjoni elettronika fejn dawk il-pajjiżi terzi jkunu daħlu fi ftehimiet mal-Unjoni għal dak l-iskop.

Taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet, għandhom jiġu żviluppati arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, sa fejn u l-mod kif dawn l-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi kkonċernati ser jieħdu sehem mingħajr id-dritt tal-vot fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għall-Uffiċċju tal-BEREC. Fi kwalunkwe każ, fejn jidħlu l-materji marbutin mal-persunal, dawk l-arranġamenti għandhom ikunu konformi mar-Regolamenti tal-Persunal.

3.   Bħala parti mill-programm ta’ ħidma annwali msemmi fl-Artikolu 21, il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta l-istrateġija tal-BEREC għar-relazzjonijiet ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi kompetenti tal-Unjoni u mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali fejn jidħlu kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-BEREC. Il-Kummissjoni, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jikkonkludu arranġament xieraq ta’ ħidma bil-għan li jiżgura li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC joperaw fi ħdan il-mandat tagħhom u l-qafas istituzzjonali eżistenti.”

14

L-Artikolu 42 tal-istess regolament, intitolat “Dikjarazzjonijiet ta’ interessi”, jipprovdi:

“1.   Il-membri [ta]l-Bord tar-Regolaturi u tal-Bord Maniġerjali, id-Direttur, l-esperti nazzjonali sekondati u l-persunal l-ieħor li ma jkunx impjegat mill-Uffiċċju tal-BEREC ilkoll għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub fejn jistqarru l-impenn tagħhom u l-assenza jew il-preżenza ta’ kull interess dirett jew indirett li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

[…]

2.   Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, tal-Bord Maniġerjali u l-gruppi ta’ ħidma, u parteċipanti oħra fil-laqgħat tagħhom, id-Direttur, l-esperti nazzjonali sekondati u persunal ieħor li ma jkunx impjegat mal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jiddikjaraw ilkoll b’mod preċiż u komplut, sa mhux aktar tard minn meta tibda kull laqgħa, kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fejn jidħlu l-punti li jkun hemm fl-aġenda, u għandhom jastjenu milli jieħdu sehem fid-diskussjoni u l-votazzjoni dwar tali punti.

[…]”

Id‑deċiżjoni kontenzjuża

15

Wara li semmiet rispettivament, fil-premessi 1 sa 3 tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) TUE, tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 u tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, id-deċiżjoni kontenzjuża tipprevedi, fl-Artikolu 1 tagħha:

“L-[ARN] tal-Kosovo bir-responsabbiltà primarja li tissorvelja l-operat ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi tista’ tipparteċipa fil-Bord ta’ Regolaturi u fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-[BEREC] u fil-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC.

It-Termini ta’ Referenza għall-parteċipazzjoni tal-[ARN] tal-Kosovo huma stabbiliti fl-Anness.”

Il‑fatti li wasslu għall-kawża

16

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti fil-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata u jistgħu, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jinġabru fil-qosor kif ġej.

17

Matul il-perijodu bejn is-sena 2001 u s-sena 2015, l-Unjoni ffirmat ftehimiet ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni ma’ sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, fosthom il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Kosovo.

18

Permezz tal-Komunikazzjoni tagħha tas‑6 ta’ Frar 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, intitolata “Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent” (COM(2018) 65 final), il-Kummissjoni rrakkomandat azzjonijiet bil-għan li tiġi żviluppata s-soċjetà diġitali u bil-għan li l-leġiżlazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi tiġi allineata ma’ dik tal-Unjoni.

19

Waħda minn dawn l-azzjonijiet kienet tinvolvi l-integrazzjoni tal-Balkani tal-Punent fi ħdan il-korpi regolatorji u fil-gruppi ta’ esperti eżistenti, bħalma huwa l-BEREC. B’hekk, mill-punt 8.3.1 tad-Dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat‑22 ta’ Ġunju 2018, intitolat “Miżuri insostenn ta’ strateġija diġitali għall-Balkani tal-Punent” (SWD(2018) 360 final), jirriżulta li “relazzjoni eqreb bejn l-ARN tal-Unjoni u tal-Balkani tal-Punent ser tikkontribwixxi għall-approssimazzjoni tal-prattiki regolatorji tar-reġjun ma’ dawk tal-Unjoni […] Filwaqt li erbgħa mis-sitt ekonomiji tal-Balkani tal-Punent huma attwalment osservaturi fi ħdan il-BEREC, il-Bord tar-Regolaturi tal-BEREC aċċetta li jikkollabora b’mod eqreb mas-sitt ARN tar-reġjun. Dan ser jibqa’ possibbli fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament [Nru 1211/2009]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20

Fit‑18 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni adottat sitt deċiżjonijiet dwar il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fil-BEREC. Fost dawn is-sitt deċiżjonijiet, li huma bbażati, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, hemm id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha l-Kummissjoni aċċettat il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi ta’ ħidma tal-BEREC kif ukoll fil-Bord Maniġerjali tal-Uffiċċju tal-BEREC.

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

21

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Ġunju 2019, ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

22

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja invoka tliet motivi bbażati fuq ksur tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971.

23

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-imsemmi rikors fl-intier tiegħu.

24

Permezz tal-ewwel motiv tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sostna li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, sa fejn il-Kosovo ma huwiex “pajjiż terz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Wara li rrilevat, fil-punt 28 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” la huwa ddefinit fir-Regolament 2018/1971 u lanqas fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali enfasizzat, fil-punti 29 u 30 tal-istess sentenza, li t-Trattat FUE juża kemm it-termini “pajjiż terz” kif ukoll “Stat terz”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-Ħames Parti tat-Trattat FUE, intitolata “L-azzjoni esterna ta’ l-Unjoni”, li t-Titolu III tagħha jirrigwarda l-kooperazzjoni “mal-pajjiżi terzi” u li t-Titolu VI tagħha jirrigwarda r-relazzjonijiet “ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi”, tirrifletti l-fatt li s-soċjetà internazzjonali hija komposta minn diversi atturi. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-“pajjiżi terzi” huma intiżi li jippermettu lill-Unjoni tikkonkludi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet territorjali, koperti mill-kunċett flessibbli ta’ “pajjiż”, iżda li ma humiex neċessarjament “Stati”, fis-sens tad-dritt internazzjonali.

25

Fil-punt 35 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi fid-dritt primarju tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-Artikoli 212 u 216 sa 218 TFUE, ma jistax jingħata tifsira differenti meta dan l-istess kunċett ikun jinsab f’test tad-dritt sekondarju. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 36 tal-istess sentenza, li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 ma huwiex ekwivalenti għal dak ta’ “Stat terz”, iżda għandu portata usa’ li tmur lil hinn mill-Istati sovrani biss, bla ħsara għall-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-istatus tal-Kosovo bħala Stat indipendenti, li, fil-kwalità tiegħu ta’ “pajjiż terz”, jista’ jkollu wkoll awtoritajiet pubbliċi, bħalma hija l-ARN tal-Kosovo.

26

Permezz tat-tieni motiv tar-rikors tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja sostna li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo ma jikkostitwixxix ftehim konkluż mal-Unjoni bl-iskop li jippermetti l-parteċipazzjoni fil-korpi tal-BEREC ta’ ARN ta’ pajjiż terz, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. F’dan ir-rigward, fil-punti 47 sa 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kienu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet li għalihom din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi fil-korpi tal-BEREC, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza ta’ “ftehim” bejn il-pajjiż terz ikkonċernat u l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li l-konklużjoni ta’ dan il-ftehim tkun saret “għal dak l-iskop”.

27

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ din it-tieni kundizzjoni, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li hija b’mod partikolari l-parteċipazzjoni, flimkien ma’ drittijiet limitati, imsemmija fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, li tikkorrispondi għall-kooperazzjoni mill-qrib prevista fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, mingħajr madankollu ma hija ekwivalenti għal “integrazzjoni” tal-ARN tal-Kosovo fl-istruttura tal-BEREC. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo jikkostitwixxi ftehim “għal dak l-iskop”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament.

28

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet motiv tar-rikors, fis-sens li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kummissjoni ma segwietx il-proċedura stabbilita għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, il-Qorti Ġenerali essenzjalment osservat, fil-punti 77 u 81 tas-sentenza appellata, li la r-Regolament 2018/1971 u lanqas xi leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni ma jagħtu espliċitament lill-Uffiċċju tal-BEREC jew lil korp ieħor il-kompetenza li jistabbilixxu l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi, u li l-Artikolu 17 TUE jikkostitwixxi, minkejja n-natura ġenerali tiegħu, bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 82 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kellha l-kompetenza, skont din id-dispożizzjoni, sabiex tistabbilixxi unilateralment fid-deċiżjoni kontenzjuża arranġamenti ta’ ħidma, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

It‑talbiet tal-partijiet quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

29

Permezz tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament u tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

30

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

31

Insostenn tal-appell tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka ħames aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż terz” fis-sens tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, sa fejn il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi tal-assenza ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fuq l-istatus tal-Kosovo fir-rigward tad-dritt internazzjonali, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn il-kooperazzjoni prevista ma tinkludix il-parteċipazzjoni fil-BEREC u fil-Bord Maniġerjali tal-Uffiċju tal-BEREC, ir-raba’ wieħed, fuq żball ta’ liġi sa fejn fis-sentenza appellata ġie konkluż li l-Artikolu 17 TUE kien jikkostitwixxi bażi legali valida għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, il-ħames wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 sa fejn fis-sentenza appellata ġie konkluż li l-arranġamenti ta’ ħidma jistgħu jiġu stabbiliti unilateralment mill-Kummissjoni.

Fuq l‑ewwel aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

32

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-kunċett ta’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, għandu portata usa’ minn dak ta’ “Stat terz”, peress li dan l-ewwel kunċett ma jkoprix biss Stati indipendenti. Skont dan l-Istat Membru, tali interpretazzjoni la hija konformi mad-dritt tal-Unjoni u lanqas mad-dritt internazzjonali.

33

Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ruħha biss fuq id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-“pajjiżi terzi” sabiex minnhom tiddeduċi, mingħajr ebda analiżi oħra, li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi b’mod ċar li jiftħu l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet li ma humiex Stati. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali, fil-fatt, ma identifikat ebda element fid-dritt primarju tal-Unjoni, u lanqas fid-dritt internazzjonali, li jista’ jagħmel distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “pajjiż terz” u dak ta’ “Stat terz”.

34

Skont ir-Renju ta’ Spanja, il-kunċetti ta’ “pajjiż terz” u ta’ “Stat terz” huma ekwivalenti minkejja li jissodisfaw livell ta’ formalità ġuridika differenti. B’hekk, mill-perspettiva tad-dritt internazzjonali, it-termini “Stat” u “pajjiż” jevokaw kull wieħed minnhom dimensjoni distinta tal-istess suġġett, u għandhom il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. It-terminu “pajjiż” ma jintużax sabiex isir riferiment għall-istatus ta’ suġġett tad-dritt internazzjonali, iżda għad-dimensjoni fiżika tiegħu. Dawn iż-żewġ termini jistgħu xi drabi, skont il-kuntest, jintużaw b’mod interkambjabbli.

35

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li t-termini “pajjiż terz”, kif użati fit-Trattati u fir-Regolament 2018/1971, ma għandhomx sens usa’ jew differenti minn dak li għandhom it-termini “Stat terz”. Interpretazzjoni kuntrarja tirriskja li tibdel il-kunċett ta’ “pajjiż terz” f’kategorija awtonoma tad-dritt tal-Unjoni, li għandha tifsira differenti minn dik prevalenti fid-dritt internazzjonali filwaqt li l-Istati huma s-suġġetti prinċipali tar-relazzjonijiet internazzjonali.

36

Il-Kummissjoni tirribatti li dan l-argument huwa infondat u ssostni li t-termini “pajjiż terz” u “Stat terz” jintużaw b’mod distint fid-dritt tal-Unjoni. Din tal-aħħar setgħet tikkonkludi ftehimiet internazzjonali mal-Kosovo fil-kwalità tiegħu ta’ “pajjiż terz”, kwalità prevista fl-Artikoli 212, u 216 sa 218 TFUE, mingħajr ma tirrikonoxxilu l-istatus ta’ Stat.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

37

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” bl-ebda mod ma huwa ddefinit fir-Regolament 2018/1971, u lanqas fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u li, min-naħa l-oħra, it-Trattat FUE juża kemm it-termini “pajjiż terzi” kif ukoll it-termini “Stat terz” fid-dispożizzjonijiet tiegħu, iżda li diversi dispożizzjonijiet li jittrattaw kwistjonijiet relatati mar-relazzjonijiet esterni jużaw pjuttost it-termini “pajjiż terz”. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali indikat li l-Ħames Parti tat-Trattat FUE, dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, tinkludi t-Titolu III dwar il-kooperazzjoni “mal-pajjiżi terzi”, kif ukoll it-Titolu VI dwar ir-relazzjonijiet “ma’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi terzi”, li jirriflettu għalhekk il-fatt li s-soċjetà internazzjonali hija komposta minn diversi atturi.

38

F’dan ir-rigward, jidher li interpretazzjoni letterali tat-Trattati, b’mod partikolari tal-Ħames Parti tat-Trattat FUE, ma tippermettix li jiġi ddeterminat is-sens tal-kunċett ta’ “pajjiż terz” imsemmi fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

39

Fil-fatt, minn naħa, it-termini “pajjiż terz” u “Stat terz” jinsabu, mingħajr distinzjoni, f’diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati UE u FUE mingħajr ma l-użu ta’ xi wieħed minn dawn it-termini ma jidher li huwa marbut ma’ ġustifikazzjoni partikolari.

40

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, il-formulazzjoni użata f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tistax isservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra.

41

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 50 sa 52 tal-konklużjonijiet tagħha, il-verżjonijiet lingwistiċi kollha tat-Trattati UE u FUE ma jużawx b’mod konġunt it-termini “Stat terz” u “pajjiż terz”. Fil-verżjonijiet ta’ dawn it-Trattati bl-Estonjan, bil-Latvjan, bil-Pollakk u bis-Sloven, b’mod partikolari, tintuża l-espressjoni “Stat terz”. Barra minn hekk, meta dawn iż-żewġ termini jintużaw fl-istess verżjoni lingwistika, l-użu tagħhom mhux dejjem jikkoinċidi ma’ dak li jinsab f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dawn it-Trattati.

42

Issa, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid-dawl tal-verżjonijiet redatti bil-lingwi kollha tal-Unjoni u, fil-każ ta’ diverġenza bejn dawn id-diversi verżjonijiet, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 2021, Hessischer Rundfunk, C‑422/19 u C‑423/19, EU:C:2021:63, punt 65 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑14 ta’ Lulju 2022, L-Italja u Comune di Milano vs Il-Kunsill (Sede tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini), C‑59/18 u C‑182/18, EU:C:2022:567, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 30 tas-sentenza appellata, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-“pajjiżi terzi” jiftħu l-possibbiltà li jiġu konklużi ftehimiet internazzjonali ma’ entitajiet “li ma humiex Stati”. Huwa abbażi ta’ din il-premessa li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 35 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “pajjiż terz” użat fid-dritt primarju tal-Unjoni ma jistax ikollu tifsira differenti meta dan l-istess kunċett ikun jinsab f’test tad-dritt sekondarju bħalma huwa dak tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Minn dan hija ddeduċiet, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, li l-portata tal-kunċett ta’ “pajjiż terz”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 35(2), tmur lil hinn mill-Istati sovrani biss.

44

Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet l-imsemmija premessa mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni d-differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tat-Trattati UE u FUE, li l-formulazzjoni tagħhom ma tippermettix li jiġi konkluż li teżisti differenza fit-tifsira bejn it-termini “pajjiż terz” u “Stat terz”.

45

Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ tali differenza fit-tifsira jmur kontra l-fatt, irrilevat fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li f’diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dawn it-Trattati, jintużaw biss it-termini “Stat terz”.

46

L-istess japplika f’dak li jirrigwarda r-Regolament 2018/1971. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tagħha, it-termini “pajjiż terz” ma jinsabux fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha ta’ dan ir-regolament. Fil-verżjonijiet bil-Bulgaru, bl-Estonjan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Pollakk u bis-Slovena tiegħu, jintużaw biss l-ekwivalenti tat-termini “Stat terz”.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali b’hekk ivvizzjat il-motivazzjoni tagħha bi żball ta’ liġi.

48

Madankollu, għandu jitfakkar li, jekk il-motivi ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali jiżvelaw ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda d-dispożittiv tagħha jidher li jkun fondat minħabba motivi legali oħra, tali ksur ma jkunx ta’ natura li jimplika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni u jkollha ssir sostituzzjoni tal-motivi (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Sabiex jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, id-dispożittiv tas-sentenza appellata huwiex fondat minħabba motivi legali oħra, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx tikkonkludi, ġustament, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 meta assimilat il-Kosovo ma’ “pajjiż terz”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, entità territorjali li tinsab barra mill-Unjoni u li tagħha din tal-aħħar ma tkunx irrikonoxxiet il-kwalità ta’ Stat indipendenti għandha tkun tista’ tiġi assimilata ma’ “pajjiż terz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kemm-il darba ma jkunx hemm ksur tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation, C‑286/90, EU:C:1992:453, punt 9, u tal‑5 ta’ April 2022, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali), C‑161/20, EU:C:2022:260, punt 32).

51

Fir-rigward tal-Kosovo, fl-opinjoni konsultattiva tagħha tat‑22 ta’ Lulju 2010, “Konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza dwar il-Kosovo” (CIJ Receuil 2010, p. 403), il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Kosovo tas‑17 ta’ Frar 2008 la kisret id-dritt internazzjonali ġenerali, la kisret ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 (1999) u lanqas ma kisret il-qafas kostituzzjonali applikabbli.

52

Din l-assimilazzjoni ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fir-rigward ta’ jekk il-Kosovo għandux il-kwalità ta’ Stat indipendenti mitluba mill-awtoritajiet tiegħu, kif tindika l-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna tad-deċiżjoni kontenzjuża.

53

Mill-elementi preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, il-Kosovo jista’ jiġi assimilat ma’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, mingħajr ma jkun hemm ksur tad-dritt internazzjonali.

54

Barra minn hekk, fir-rigward tal-integrazzjoni ta’ “pajjiż terz” fis-sistema ta’ parteċipazzjoni prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, il-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ tali pajjiżi hija suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel waħda tikkonċerna l-eżistenza ta’ “ftehim” konkluż mal-Unjoni u, it-tieni waħda, iċ-ċirkustanza li dan il-ftehim ġie konkluż “għal dak l-iskop”.

55

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 32 tas-sentenza appellata, l-Unjoni kkonkludiet diversi ftehimiet mal-Kosovo, u b’hekk irrikonoxxiet il-kapaċità tiegħu li jikkonkludi tali ftehimiet. Fost dawn il-ftehimiet hemm il-FSA mal-Kosovo, li l-Artikolu 111 tiegħu, dwar in-networks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jipprevedi li l-kooperazzjoni implimentata tirrigwarda essenzjalment l-oqsma prijoritarji tal-acquis tal-Unjoni f’dan is-settur, u li l-partijiet għandhom isaħħu din il-kooperazzjoni, bl-għan aħħari jkun li l-Kosovo jadotta l-imsemmi acquis ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim, filwaqt li jiżgura b’mod partikolari li tiġi ggarantita u msaħħa l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

56

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 49 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo huwa analogu, fir-rigward tal-formulazzjoni u tal-kuntest tiegħu, għad-dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fi ftehimiet oħra ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni konklużi mill-Unjoni mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kandidati għall-adeżjoni li abbażi tagħhom hija bbażata l-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ dawn il-pajjiżi fl-istanzi tal-BEREC. Issa, għalkemm il-premessa 34 tar-Regolament 2018/1971 tirreferi, b’mod ġenerali, għall-ftehimiet konklużi mal-Istati Membri taż-ŻEE/EFTA u mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istatus ta’ pajjiż kandidat għall-adeżjoni ma jissemmiex fl-imsemmija premessa sabiex jiġu esklużi mill-kamp ta’ din il-kooperazzjoni l-pajjiżi li, bħall-Kosovo, ma jaqgħux taħt dawn iż-żewġ kategoriji, iżda jissemma biss bħala eżempju ta’ ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament.

57

Għaldaqstant, il-FSA mal-Kosovo għandu wkoll jitqies li ġie konkluż sabiex jippermetti tali parteċipazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn l-Artikolu 111 ta’ dan il-ftehim huwa espressament iddedikat għall-adozzjoni tal-acquis tal-Unjoni u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

58

Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, enfasizzat mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest tat-tielet aggravju, li l-Artikolu 95 tal-Ftehim ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra (ĠU 2004, L 84, p. 13), jipprevedi espressament il-“kooperazzjoni fi ħdan l-istrutturi Ewropej” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li l-Qorti Ġenerali naqset milli ssemmi. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni, f’dan ir-rigward, li, kuntrarjament għal dan l-Artikolu 95, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo ma jagħmel ebda riferiment għal parteċipazzjoni fi ħdan korp tal-Unjoni bħalma huwa l-BEREC.

59

Madankollu, tali differenza hija bla ħsara għall-fatt, enfasizzat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo huwa analogu, fir-rigward tal-formulazzjoni u tal-kuntest tiegħu, għad-dispożizzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jinsabu fi ftehimiet oħra ta’ stabbilizzazzjoni u ta’ assoċjazzjoni konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kandidati għall-adeżjoni li abbażi tagħhom hija bbażata l-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ dawn il-pajjiżi fil-korpi tal-BEREC, ftehimiet li, skont il-premessa 34 tar-Regolament 2018/1971, ikunu ġew konklużi “għal dak l-iskop”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Għalhekk, il-fatt li t-termini tal-FSA mal-Kosovo ma humiex identiċi għal dawk ta’ wieħed minn dawn il-ftehimiet huwa irrilevanti.

60

Barra minn hekk, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, sa fejn jirreferi, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, għall-“ftehimiet [konklużi] mal-Unjoni għal dak l-iskop” kif ukoll għad-“dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk il-ftehimiet”, jissuġġetta din il-parteċipazzjoni għall-eżistenza ta’ ftehimiet li jistabbilixxu qafas ta’ kooperazzjoni settorjali bejn l-Unjoni u dawn il-pajjiżi fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jeżiġi, iżda, li l-imsemmija ftehimiet jipprevedu espressament tali parteċipazzjoni.

61

Fir-rigward tal-għan tar-Regolament 2018/1971, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-għan ta’ kooperazzjoni mfittex minnu, l-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament jiftaħ il-Bord tar-Regolaturi, il-gruppi ta’ ħidma u l-Bord Maniġerjali tal-BEREC għall-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi prinċipalment kompetenti fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

62

B’hekk, minn naħa, mill-premessa 20 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-BEREC għandu jkun awtorizzat sabiex jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi intiżi li jistabbilixxu relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni u sabiex iwettaq skambji ta’ opinjonijiet dwar kwistjonijiet leġiżlattivi. Min-naħa l-oħra, il-premessa 34 tal-istess regolament tistabbilixxi li l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji kompetenti ta’ pajjiż terz fl-istanzi tal-BEREC hija intiża li titkompla l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

63

Issa, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo huwa intiż li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi sabiex il-Kosovo jkun jista’ jadotta l-acquis tal-Unjoni f’dan il-qasam.

64

Għaldaqstant, fid-dawl tal-elementi kollha preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonkludiet, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li, billi qieset essenzjalment fid-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kosovo seta’ jiġi assimilat ma’ “pajjiż terz”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, il-Kummissjoni ma kisritx din id-dispożizzjoni.

65

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it‑tieni aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

66

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-konsegwenzi tal-assenza ta’ pożizzjoni tal-Unjoni fuq l-istatus tal-Kosovo fir-rigward tad-dritt internazzjonali, u b’hekk kisret id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo u tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971.

67

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li, fl-assenza tar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ Stat tal-Kosovo mill-Istati Membri kollha, il-Kummissjoni ma setgħetx, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fi ħdan in-network ta’ awtoritajiet indipendenti kkostitwit bejn Stati. Tali deċiżjoni timplika r-rikonoxximent mill-Unjoni ta’ awtorità ta’ territorju, il-Kosovo, li fir-rigward tiegħu l-Unjoni ma għandhiex pożizzjoni komuni oħra ħlief li tirrikonoxxi li dan jikkostitwixxi każ sui generis, filwaqt li tippermetti lil kull Stat Membru jiddetermina t-tip ta’ relazzjonijiet li huwa jixtieq jistabbilixxi ma’ dan it-territorju. Għalhekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, id-deċiżjoni kontenzjuża timplika approssimazzjoni li tista’ twassal, fil-prattika, għar-rikonoxximent de facto, impliċitu, tal-istatus ta’ Stat tal-Kosovo u, għaldaqstant, għall-impożizzjoni ta’ dan ir-rikonoxximent fuq l-Istati Membri tal-Unjoni.

68

Il-Kummissjoni tqis li t-tieni aggravju huwa ġdid u ma jidentifikax id-dispożizzjoni legali li allegatament ġiet miksura mill-Qorti Ġenerali. Dan l-aggravju huwa għalhekk inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat fid-dritt.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

69

L-ewwel, kif tfakkar fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika espressament, fl-ewwel nota ta’ qiegħ il-paġna, li l-użu tal-isem tal-Kosovo fit-titolu ta’ din id-deċiżjoni “huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi [mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti] 1244 (1999) u [ma]l-Opinjoni tal-[Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja] dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo”. Tali indikazzjoni ġiet inkluża wkoll fis-sbatax-il premessa u fl-Artikolu 2 tal-FSA mal-Kosovo.

70

It-tieni, mill-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 56 u 57 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fid-dawl tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, dan il-ftehim huwa intiż, b’mod partikolari, li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fl-istanzi tal-BEREC, li jingħaqad mal-għan ta’ kooperazzjoni mal-ARN ta’ pajjiżi terzi, imfittex mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja la jikkontesta l-legalità ta’ dan il-ftehim u ta’ dan ir-regolament u lanqas ma jikkontesta l-fatt li teżisti, fil-Kosovo, ARN, fis-sens tal-imsemmi regolament.

71

Minn dan isegwi li r-Renju ta’ Spanja ma jistax validament jallega li d-deċiżjoni kontenzjuża, minħabba s-sempliċi fatt li tistabbilixxi kooperazzjoni mal-ARN tal-Kosovo billi timplementa l-FSA mal-Kosovo u r-Regolament 2018/1971, tikser dawn l-atti tal-aħħar u timplika rikonoxximent tal-Kosovo bħala Stat terz.

72

Għaldaqstant, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża mill-Kummissjoni ma tistax tiġi interpretata bħala li timplika r-rikonoxximent impliċitu mill-Unjoni tal-istatus tal-Kosovo bħala Stat indipendenti.

73

Minn dan isegwi li l-premessa li fuqha hija bbażata l-kritika fformulata mir-Renju ta’ Spanja fir-rigward tal-punt 33 tas-sentenza appellata hija żbaljata. Għaldaqstant, dan it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala fi kwalunkwe każ infondat mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.

Fuq it-tielet aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

74

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat, fil-punti 49 sa 53 tas-sentenza appellata, li l-għan iddikjarat fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, jiġifieri l-adozzjoni tal-acquis tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, jimplika l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-BEREC fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

75

Fl-ewwel lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi ħdan korp tal-Unjoni bħalma huwa l-BEREC hija eskluża fl-assenza ta’ kull riferiment espliċitu għal dan l-iskop fil-FSA mal-Kosovo. Insostenn ta’ dan l-ilment, huwa jinvoka l-argumenti miġbura fil-qosor fil-punt 58 ta’ din is-sentenza.

76

Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-użu tat-terminu “kooperazzjoni” fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo ma jimplikax neċessarjament il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC konformement mal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Din il-parteċipazzjoni hija rriżervata, bħala prinċipju, għall-Istati Membri sa fejn il-missjoni ta’ dan il-korp hija li jiżviluppa regoli tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll li jadotta pożizzjonijiet li jkunu rilevanti għad-deċiżjonijiet tal-organi nazzjonali u ta’ dawk tal-Unjoni. Jekk tiġi aċċettata l-parteċipazzjoni tal-Kosovo f’dan il-korp, dan ma jippermettix lil dan il-pajjiż jadotta l-acquis tal-Unjoni iżda jippermettilu jipparteċipa fit-tfassil tar-regoli settorjali tagħha, b’mod li ma huwiex konformi mal-għan tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971.

77

Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-parteċipazzjoni prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 tikkorrispondi għall-kooperazzjoni mill-qrib prevista fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, iżda ma hijiex ekwivalenti għal xi “integrazzjoni” tal-ARN tal-Kosovo fl-istruttura tal-BEREC. Din l-evalwazzjoni, mhux motivata, tmur kontra l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, li ma jipprevedix kooperazzjoni “mill-qrib”.

78

Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 meta kkunsidrat li l-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC kienet possibbli minkejja l-assenza ta’ pożizzjoni komuni tal-Unjoni dwar l-istatus tal-Kosovo.

79

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal-Ġustizzja

80

Fir-rigward, l-ewwel, tal-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fi ħdan korp tal-Unjoni bħalma huwa l-BEREC hija eskluża fl-assenza ta’ kull riferiment espliċitu għal dan l-iskop fil-FSA mal-Kosovo, dan l-ilment twieġeb fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza.

81

Fir-rigward, it-tieni, tal-ilment ibbażat fuq l-iżball allegatament imwettaq mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, meta kkunsidrat li l-parteċipazzjoni prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 tikkorrispondi għall-kooperazzjoni mill-qrib prevista fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, dan l-ilment ma jistax jintlaqa’.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 jipprevedi diversi livelli u forom ta’ kooperazzjoni. Il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi għalhekk il-possibbiltà għall-BEREC u għall-Uffiċċju tal-BEREC li jistabbilixxu, bla ħsara għall-ftehim minn qabel tal-Kummissjoni, arranġamenti ta’ ħidma, b’mod partikolari mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi, filwaqt li huwa ppreċiżat li dawn l-arranġamenti ma joħolqux obbligi legali. Din il-forma ta’ kooperazzjoni hija għalhekk inqas “mill-qrib” mill-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-BEREC, imsemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmija dispożizzjoni u li tikkorrispondi, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, għall-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, li hija intiża, b’mod partikolari, li tiggarantixxi u li ssaħħaħ l-indipendenza tal-awtoritajiet regolatorji parteċipanti.

83

B’dan premess, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju ta’ Spanja, din l-aħħar forma ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Kosovo ma tippermettix li l-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ dan il-pajjiż terz fl-istanzi tal-BEREC tiġi assimilata mal-integrazzjoni ta’ din l-ARN f’dan il-korp tal-Unjoni.

84

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 97 u 98 tal-konklużjonijiet tagħha, meta r-rappreżentanti tal-ARN tal-Kosovo jipparteċipaw fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi, tal-gruppi ta’ ħidma u tal-Bord Maniġerjali tal-BEREC, huma jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod kompletament indipendenti u trasparenti, konformement mal-premessi 5 u 13, mal-Artikolu 3(3), mal-Artikolu 8(2) u mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament 2018/1971. Barra minn hekk, l-influwenza tar-rappreżentanti tal-ARN tal-pajjiżi terzi fi ħdan il-BEREC hija limitata mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 peress li l-possibbiltà li jingħatalhom dritt tal-vot hija espressament eskluża minn din id-dispożizzjoni.

85

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallega r-Renju ta’ Spanja, il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC ma tippermettix lill-Kosovo jipparteċipa fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Fil-fatt, għalkemm, skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2018/1971, l-ARN u l-Kummissjoni “għandhom iqisu kompletament kwalunkwe linja gwida, opinjoni, rakkomandazzjoni, pożizzjoni komuni u l-aħjar prattika adottata mill-BEREC”, dawn l-atti ma għandhomx natura legalment vinkolanti u ma jaqgħux fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. L-unika funzjoni tal-BEREC huwa li jaqdi rwol ta’ forum għall-kooperazzjoni bejn l-ARN, u bejn l-ARN u l-Kummissjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-implimentazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju f’dan il-qasam, kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2018/1971, moqri fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament.

86

Fl-aħħar nett, fir-rigward, it-tielet, tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 minħabba l-assenza ta’ pożizzjoni komuni tal-Unjoni dwar l-istatus ta’ Stat tal-Kosovo, dan l-ilment għandu, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 69 sa 73 ta’ din is-sentenza, jiġi miċħud.

87

Minn dan isegwi li, meta ddeċidiet, fil-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, li l-kooperazzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo tikkorrispondi għall-modalitajiet tal-kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 u li, għaldaqstant, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo jikkostitwixxi ftehim “għal dak l-iskop”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi.

88

Għalhekk, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

Fuq l‑ewwel parti tar‑raba’ aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

89

Ir-raba’ aggravju fih, essenzjalment, żewġ partijiet. Permezz tat-tieni parti, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. Din it-tieni parti ser tiġi eżaminata flimkien mal-ħames aggravju, li miegħu tikkoinċidi.

90

Permezz tal-ewwel parti, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo ma jikkostitwixxix bażi legali suffiċjenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Huwa jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 72 tas-sentenza appellata, fis-sens li l-parteċipazzjoni ta’ ARN minn pajjiż terz fil-BEREC ma teħtieġx awtorizzazzjoni speċifika stabbilita fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali.

91

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni f’dan ir-rigward li l-FSA mal-Kosovo huwa ftehim ġenerali ħafna li ma jipprevedi l-inkorporazzjoni jew il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fl-istrutturi tal-Unjoni fl-ebda qasam, inkluż f’dak tat-telekomunikazzjonijiet. Huwa jfakkar li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo ma jirreferix għall-parteċipazzjoni ta’ dan il-pajjiż f’organu tal-Unjoni, iżda għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet f’dan il-ftehim.

92

Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti huma infondati.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

93

Mill-motivi msemmija fil-punti 56 sa 64 kif ukoll fil-punti 80 sa 87 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo jikkostitwixxi ftehim “għal dak l-iskop”, fis-sens tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, u li, b’dan il-mod, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti għall-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC.

94

B’mod partikolari, sabiex jikkostitwixxi tali bażi legali suffiċjenti, tali ftehim ma għandux neċessarjament jinkludi dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-parteċipazzjoni fil-BEREC fis-sens tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament. Il-fatt li ċerti ftehimiet ta’ assoċjazzjoni ma’ pajjiżi kandidati għall-adeżjoni jew ċerti deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Istati Membri tal-EFTA fihom dispożizzjonijiet iktar iddettaljati minn dawk tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

95

Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Fuq it‑tieni parti tar‑raba’ aggravju u l‑ħames aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

96

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. Il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-BEREC ma tistax tiġi stabbilita permezz ta’ deċiżjoni bbażata biss fuq l-Artikolu 17 TUE peress li, minn naħa, il-FSA mal-Kosovo ma jipprevedix din il-possibbiltà u peress li, min-naħa l-oħra, l-Unjoni ma għandhiex pożizzjoni komuni fir-rigward tal-istatus tal-Kosovo. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, fis-sens li peress li r-Regolament 2018/1971 ma tax espressament lill-BEREC il-kompetenza li jistabbilixxi l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari tal-ARN tal-Kosovo, din il-kompetenza tgħaddi għand il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17 TUE.

97

Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-BEREC ma tosservax il-kompetenzi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 16 TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 21(3) TUE. Huwa l-Kunsill li għandu jevalwa jekk il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC hijiex fl-interess tal-Unjoni u li għandu jikkonċilja l-interessi inkwistjoni.

98

F’dan ir-rigward, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li l-għażla tal-bażi legali għandha importanza partikolari sa fejn tippermetti ż-żamma tal-kompetenzi ta’ kull istituzzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill (CMR‑15), C‑687/15, EU:C:2017:803, punti 4950) u li l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali teħtieġ l-evalwazzjoni tal-interessi tal-Unjoni fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi kif ukoll it-twettiq ta’ kompromessi bejn l-interessi diverġenti marbuta ma’ dawn ir-relazzjonijiet (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑660/13, EU:C:2016:616, punt 39).

99

Permezz tal-ħames aggravju tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat, fil-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 meta ddeċidiet li l-Uffiċċju tal-BEREC huwa aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni u li l-Kummissjoni għandha, bis-saħħa tal-funzjonijiet eżekuttivi u tas-setgħat ta’ rappreżentanza esterna tagħha, tassumi l-kompetenzi kollha li ma ġewx iddelegati espressament lil din l-aġenzija, b’mod partikolari l-adozzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma previsti f’din id-dispożizzjoni.

100

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat dwar in-natura u l-funzjonijiet tal-BEREC, kif jixhed il-fatt li l-punti 76 u 77 tas-sentenza appellata ma jirreferux għall-BEREC, li l-korp deċiżjonali suprem tiegħu huwa l-Bord tar-Regolaturi, li ma għandux personalità ġuridika u li ma huwiex aġenzija deċentralizzata, iżda għall-Uffiċċju tal-BEREC, korp li r-rwol tiegħu huwa li jipprovdi appoġġ amministrattiv lill-BEREC.

101

Ir-Renju ta’ Spanja jirrileva li l-istatus partikolari tal-BEREC jirriżulta mill-obbligu ta’ indipendenza tar-regolaturi li jifformawh. Dan l-obbligu, flimkien mal-fatt li l-BEREC ma huwiex aġenzija deċentralizzata, għandu bħala konsegwenza li l-BEREC għandu setgħat usa’ minn dawk tal-aġenziji tal-Unjoni.

102

Għaldaqstant, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni għandha tillimita ruħha li tintervjeni fil-każijiet espressament previsti fir-Regolament 2018/1971, kif jirriżulta minn interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971. Għaldaqstant, l-adozzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma taqa’ taħt il-kompetenza tal-BEREC u mhux dik tal-Kummissjoni.

103

Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti. Hija ssostni li t-tieni parti tar-raba’ aggravju hija, parzjalment, manifestament inammissibbli, għaliex l-argument dwar il-kompetenza tal-Kunsill sabiex jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażata fuq l-Artikolu 16 TUE, ma tqajjimx fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, it-tieni parti tar-raba’ aggravju hija infondata.

104

Fir-rigward tal-ħames aggravju, il-Kummissjoni ssostni li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jirriżulta li dan ma jiddeterminax l-awtorità li għandha l-kompetenza tadotta l-arranġamenti ta’ ħidma.

105

Issa, skont il-Kummissjoni, il-kompetenzi li ma ġewx espliċitament iddelegati lil aġenzija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ att leġiżlattiv jibqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971 jiddelega b’mod espliċitu lill-BEREC u lill-Uffiċċju tal-BEREC is-setgħa li jistabbilixxu “arranġamenti ta’ ħidma”, iżda bla ħsara “għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni”. Barra minn hekk, minn analiżi sistematika ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni hija neċessarja għall-kooperazzjoni skont l-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament iżda ma tissemmiex fl-Artikolu 35(2) tiegħu minħabba l-fatt li l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni taħt din l-aħħar dispożizzjoni huma ddefiniti mill-Kummissjoni.

106

Barra minn hekk, l-indipendenza rrikonoxxuta lill-BEREC fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ma tipprekludix li kompetenzi speċifiċi jiġu rrikonoxxuti lill-Kummissjoni f’dak li jikkonċerna r-relazzjonijiet mal-pajjiżi terzi.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

107

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjonijiet tar-Renju ta’ Spanja dwar it-tieni parti tar-raba’ aggravju jirrigwardaw, essenzjalment, l-allegat żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li l-Artikolu 17 TUE jikkostitwixxi bażi legali valida għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, għalkemm huwa minnu li fl-ewwel istanza r-Renju ta’ Spanja ma invokax il-kompetenza tal-Kunsill, xorta jibqa’ l-fatt li l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ aggravju dwar l-Artikolu 16 TUE huma intiżi li jikkritikaw il-motivi stabbiliti fil-punti 74 sa 82 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kompetenza li l-Kummissjoni tislet mill-Artikolu 17 TUE. Għalhekk, dawn l-argumenti huma marbuta ma’ dawk imqajma mir-Renju ta’ Spanja fir-rikors tiegħu fl-ewwel istanza bbażati fuq din l-aħħar dispożizzjoni u għalhekk huma ammissibbli peress li b’hekk ma jbiddlux is-suġġett tat-tilwima quddiem il-Qorti Ġenerali.

108

Fuq il-mertu, għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jipprovdi li “[t]aħt id-dispożizzjonijiet rilevanti [tal-ftehimiet bejn l-Unjoni u l-pajjiżi terzi msemmija fl-ewwel subparagrafu], għandhom jiġu żviluppati arranġamenti ta’ ħidma li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, sa fejn u l-mod [ta’ din il-parteċipazzjoni] […] inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni fl-inizjattivi meħuda mill-BEREC, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u l-persunal għall-Uffiċċju tal-BEREC”.

109

F’dan ir-rigward, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball meta ċaħdet, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, l-argumenti tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li mill-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jirriżulta li huma biss il-ftehimiet li jipprevedu l-parteċipazzjoni fil-BEREC li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet tal-iffissar ta’ dawn l-“arranġamenti ta’ ħidma”. Fil-fatt, minn naħa, huwa diffiċli li tali interpretazzjoni tiġi kkonċiljata mal-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, li għandha preċiżament l-għan li tipprevedi l-adozzjoni tal-imsemmija arranġamenti ta’ ħidma. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt 60 ta’ din is-sentenza, it-termini “dispożizzjonijiet rilevanti [tal‑]ftehimiet”, ippreċeduti mill-kelma “taħt”, ifissru li l-adozzjoni tal-“arranġamenti ta’ ħidma” għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet li jistabbilixxu qafas ta’ kooperazzjoni settorjali bejn l-Unjoni u pajjiż terz u, b’mod partikolari, mal-għan aħħari tagħhom li, fil-każ tal-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo, huwa l-adozzjoni mill-Kosovo tal-acquis tal-Unjoni fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

110

B’dan premess, il-fatt li l-FSA mal-Kosovo ma fihx dispożizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, ma jistax idaħħal inkwistjoni, kif jallega r-Renju ta’ Spanja, il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo jikkostitwixxi bażi legali suffiċjenti sabiex jippermetti l-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, kif jirriżulta mill-punti 56 sa 64 u 80 sa 87 ta’ din is-sentenza.

111

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jipprevedi l-istabbiliment ta’ “arranġamenti ta’ ħidma” għall-implimentazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, din id-dispożizzjoni ma tippreċiżax il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ tali arranġamenti.

112

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 122 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża ma setgħetx tittieħed fuq il-bażi tal-Artikolu 17 TUE abbażi tal-funzjonijiet eżekuttivi u ta’ rappreżentanza esterna tal-Kummissjoni. Fil-fatt, fir-rigward ta’ parti mill-funzjonijiet eżekuttivi, l-Artikolu 290(1) TFUE u l-Artikolu 291(2) TFUE jeżiġu delega espliċitu ta’ setgħa lill-Kummissjoni, delega li f’dan il-każ hija nieqsa. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-funzjonijiet ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-istabbiliment ta’ “arranġamenti ta’ ħidma” għall-implimentazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, ma jistax jiġi analizzat bħala att ta’ rappreżentanza esterna tal-Unjoni. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li tali arranġamenti ta’ ħidma ma għandhomx bħala għan din ir-rappreżentanza esterna bħala tali, iżda huma intiżi li jippreċiżaw b’mod partikolari n-natura, il-portata u l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-ħidma ta’ dawn l-organi tal-Unjoni tal-awtoritajiet regolatorji tal-pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet mal-Unjoni għal dan il-għan.

113

Barra minn hekk, mill-Artikolu 9(i) u mill-Artikolu 20(6)(m) tar-Regolament 2018/1971, moqrija fid-dawl tal-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li dan tal-aħħar jiddetermina liema organi jistgħu jistabbilixxu l-arranġamenti ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 35(2) tiegħu. Fil-fatt, minn naħa, il-premessa 20 tal-imsemmi regolament tipprevedi li l-BEREC għandu jkun awtorizzat jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma, b’mod partikolari mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 9(i) u l-Artikolu 20(6)(m) tal-istess regolament jippreċiżaw li l-Bord tar-Regolaturi u d-Direttur tal-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jawtorizzaw, b’mod konġunt, il-konklużjoni ta’ arranġamenti ta’ ħidma b’mod partikolari ma’ dawn l-awtoritajiet, konformement mal-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971.

114

Barra minn hekk, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni hija mitluba biss, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-arranġamenti ta’ ħidma, teżerċita setgħa ta’ kontroll. F’dan ir-rigward, il-premessa 20 ta’ dan ir-regolament tistabbilixxi li l-Kummissjoni għandha “tiżgura li l-arranġamenti ta’ ħidma neċessarji huma konsistenti mal-politika u l-prijoritajiet tal-Unjoni, u li l-BEREC jopera fil-limiti tal-mandat tiegħu u tal-qafas istituzzjonali eżistenti”.

115

Barra minn hekk, fir-rigward speċifikament tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi, l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971 jipprevedi li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC għandhom jikkonkludu arranġamenti ta’ ħidma wara awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-Kummissjoni.

116

Issa, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 77 u 78 tas-sentenza appellata, il-fatt li l-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament ma jinkludix tali preċiżazzjoni ma jfissirx, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament, li l-kompetenza li jiġu stabbiliti l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari tal-ARN tal-Kosovo, tappartjeni lill-Kummissjoni.

117

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 130 sa 132 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li huwa biss l-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971 li jattribwixxi espressament lill-BEREC u lill-Uffiċċju tal-BEREC is-setgħa li jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma, bla ħsara għall-approvazzjoni minn qabel min-naħa tal-Kummissjoni, ma jimplikax li din is-setgħa għandha titqassam b’mod differenti fil-kuntest tal-Artikolu 35(2) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-każ partikolari tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi li tieħu l-forma ta’ parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi kkonċernati fil-Bord tar-Regolaturi u fil-gruppi ta’ ħidma kif ukoll fil-Bord Maniġerjali tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC rispettivament. Għall-kuntrarju, ir-regola stabbilita fl-Artikolu 35(1) tal-imsemmi regolament, li tgħid li l-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC jistgħu jikkonkludu arranġamenti ta’ ħidma, bla ħsara għall-approvazzjoni minn qabel min-naħa tal-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata bħala regola ġenerali li tapplika wkoll fil-kuntest speċifiku tal-Artikolu 35(2) tal-istess regolament peress li dan tal-aħħar ma jipprevedix deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2018/1971.

118

Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 133 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li l-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-UEREC prevista fl-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 jikkostitwixxi forma iktar mill-qrib ta’ kooperazzjoni mal-ARN tal-pajjiżi terzi minn dik stabbilita skont l-Artikolu 35(1) ta’ dan ir-regolament, ma huwiex ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni dawn l-evalwazzjonijiet. Fil-fatt, il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-BEREC kienet diġà ġiet ikkonfermata mill-ftehim konkluż għal dan l-iskop previst fl-Artikolu 35(2) tal-imsemmi regolament, jiġifieri, f’dan il-każ, l-Artikolu 111 tal-FSA mal-Kosovo.

119

Din l-interpretazzjoni hija konformi mas-sistema prevista fir-Regolament 2018/1971. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 5 u 13 tiegħu, il-BEREC għandu l-għan li jikkontribwixxi kompetenzi u għandu jaġixxi b’indipendenza sħiħa. Skont il-premessa 22 tal-imsemmi regolament, il-BEREC għandu jkun jista’ jaġixxi fl-interessi tal-Unjoni, indipendentement minn kwalunkwe intervent estern, inkluż minn pressjoni politika jew interferenza kummerċjali. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-istess regolament, l-Uffiċċju tal-BEREC ngħata baġit tiegħu stess sabiex jiggarantixxi l-awtonomija u l-indipendenza tiegħu. F’dan il-kuntest, rekwiżiti ta’ indipendenza huma wkoll meħtieġa min-naħa tal-persuni li jagħmlu parti mill-BEREC, b’mod partikolari min-naħa tal-membri tal-Bord tar-Regolaturi, kif ukoll min-naħa tal-membri tal-Bord Maniġerjali u tad-Direttur tal-Uffiċċju tal-BEREC, konformement mal-Artikolu 8(2), mal-Artikolu 16(1)(m), mal-Artikolu 20(3) u mal-Artikolu 42 tar-Regolament 2018/1971, moqrija fid-dawl tal-premessi 22, 25 u 29 tiegħu.

120

Issa, il-fatt li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi unilateralment dwar ċerti arranġamenti ta’ ħidma għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju tal-BEREC, mingħajr il-kunsens tagħhom, ma jistax jiġi kkonċiljat mal-indipendenza tal-BEREC u jmur lil hinn mill-funzjoni ta’ kontroll mogħtija lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, mill-istess regolament.

121

Għaldaqstant, meta ddeċidiet, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li, peress li r-Regolament 2018/1971 ma tax espressament lill-Uffiċċju tal-BEREC u lanqas lil korp ieħor il-kompetenza li jistabbilixxi arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari tal-ARN tal-Kosovo, din il-kompetenza hija tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat kemm it-tqassim tal-kompetenzi bejn, minn naħa, il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC, kif ukoll ir-regoli li jiggarantixxu l-indipendenza tal-BEREC, previsti fir-Regolament 2018/1971.

122

Fl-aħħar nett, l-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-qasam tan-networks u tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi segwit b’mod partikolari mill-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971, li jeżiġi kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi terzi, jikkorrobora l-konklużjoni li l-Kummissjoni ma tistax tadotta, b’mod unilaterali, deċiżjoni li tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-imsemmija ARN ta’ pajjiżi terzi, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 82 tas-sentenza appellata.

123

Fil-fatt, bla ħsara għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, tali arranġamenti għandhom jiġu miftiehma bejn il-BEREC u l-Uffiċċju tal-BEREC, minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, u għandhom jiġu awtorizzati b’mod konġunt, kif jirriżulta mill-Artikolu 9(i) u mill-Artikolu 20(6)(m) tar-Regolament 2018/1971, mill-Bord tar-Regolaturi u mid-Direttur tal-Uffiċċju tal-BEREC. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza sabiex tistabbilixxi unilateralment arranġamenti ta’ din in-natura.

124

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 77 u 82 tas-sentenza appellata, li l-kompetenza li jiġu stabbiliti l-arranġamenti ta’ ħidma applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-ARN ta’ pajjiżi terzi fil-BEREC, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, taqa’ fuq il-Kummissjoni, b’mod unilaterali, skont l-Artikolu 17 TUE.

125

Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-punt 123 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-Renju ta’ Spanja fis-sens li l-kompetenza sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC tappartjeni lill-Kunsill, bla ħsara għall-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

126

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Għall-kuntrarju, il-ħames aggravju għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata.

Fuq ir‑rikors quddiem il‑Qorti Ġenerali

127

Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

128

Din hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ.

129

Kif ġie indikat fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, ir-Renju ta’ Spanja qajjem tliet motivi insostenn tar-rikors tiegħu fl-ewwel istanza.

130

Fil-kuntest tat-tielet motiv fl-ewwel istanza, ir-Renju ta’ Spanja jsostni li d-deċiżjoni kontenzjuża tikser l-Artikolu 35 tar-Regolament 2018/1971 sa fejn il-Kummissjoni ma mxietx mal-proċedura stabbilita fl-imsemmija dispożizzjoni għall-parteċipazzjoni tal-ARN tal-pajjiżi terzi fil-BEREC.

131

Għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 112 sa 124 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tadotta d-deċiżjoni kontenzjuża. Għaldaqstant, dan it-tielet motiv għandu jintlaqa’ mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra tar-rikors fl-ewwel istanza.

132

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet tar-Renju ta’ Spanja għandhom jintlaqgħu u d-deċiżjoni kontenzjuża għandha tiġi annullata.

Fuq iż‑żamma fis‑seħħ tal‑effetti tad‑deċiżjoni kontenzjuża

133

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk tqis li dan huwa meħtieġ, tiddikjara liema mill-effetti ta’ att annullat għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

134

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl ta’ motivi marbuta maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ tali att jistgħu jinżammu fis-seħħ b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jkunu ser iwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx qiegħda tiġi kkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu iżda minħabba motivi ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata).

135

F’dan il-każ, id-deċiżjoni kontenzjuża ġiet annullata għal raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħha, jiġifieri l-Kummissjoni.

136

Minħabba n-neċessità tal-arranġamenti relatati, b’mod partikolari, mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u mal-persunal tal-Uffiċċju tal-BEREC, tal-ARN tal-pajjiżi terzi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971, l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża jista’ jipperikola l-parteċipazzjoni tal-ARN tal-Kosovo fil-BEREC jekk dan l-annullament ma jkunx akkumpanjat miż-żamma tal-effetti tagħha sakemm tiġi ssostitwita b’att ġdid.

137

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandhom jinżammu l-effetti tad-deċiżjoni kontenzjuża, sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ eventwali arranġamenti ta’ ħidma ġodda konklużi skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament 2018/1971 bejn il-BEREC, l-Uffiċċju tal-BEREC u l-ARN tal-Kosovo.

Fuq l‑ispejjeż

138

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

139

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

140

F’dan il-każ, peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kemm ta’ dan l-appell kif ukoll tal-proċedura fl-ewwel istanza, kif mitlub mir-Renju ta’ Spanja.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat‑23 ta’ Settembru 2020, Spanja vs Il‑Kummissjoni (T‑370/19, EU:T:2020:440), hija annullata.

 

2)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi hija annullata.

 

3)

L-effetti tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑18 ta’ Marzu 2019 dwar il-parteċipazzjoni tal-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tal-Kosovo fil-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi huma miżmuma sad-dħul fis-seħħ, f’terminu raġonevoli li ma jistax jaqbeż is-sitt xhur mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, ta’ eventwali arranġamenti ta’ ħidma ġodda konklużi skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2018/1971 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC), li jemenda r-Regolament (UE) 2015/2120 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 (KE) Nru 1211/2009, bejn il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC), l-Aġenzija għall-Appoġġ tal-BEREC (l-Uffiċċju tal-BEREC) u l-awtorità regolatorja nazzjonali tal-Kosovo.

 

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mir-Renju ta’ Spanja fil-kuntest ta’ din il-proċedura ta’ appell kif ukoll fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.