SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

16 ta’ Frar 2023 ( *1 )

“Appell – Sistema lingwistika – Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar – Għarfien tal-lingwi – Limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż – Lingwa ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) – Regolament Nru 1 – Regolamenti tal-Persunal – Artikolu 1d(1) – Differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa – Ġustifikazzjoni – Interess tas-servizz – Ħtieġa ta’ reklutaġġ ta’ amministraturi ‘immedjatament operattivi’ – Stħarriġ ġudizzjarju – Livell ta’ prova meħtieġ”

Fil-Kawża C‑623/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fl‑20 ta’ Novembru 2020,

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Gattinara, T. Lilamand u D. Milanowska, bħala aġenti,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Ir‑Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

intervenjent fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qegħdin jaġixxu bħala Imħallfin tal-Ewwel Awla, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: C. Di Bella, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑2 ta’ Marzu 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Mejju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad‑9 ta’ Settembru 2020, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑437/16, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2020:410), li permezz tagħha din annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/322/16, sabiex jinħolqu listi ta’ riżerva ta’ amministraturi fil-qasam tal-awditjar (AD 5/AD 7) (ĠU 2016, C 171 A, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat”).

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 1/58

2

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal‑15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013 tat‑13 ta’ Mejju 2013 (ĠU 2013, L 158, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/58”), jiddisponi:

“Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Ewropea] għandhom ikunu l-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.”

3

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.”

4

Skont l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament:

“L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

Ir‑Regolamenti tal‑Persunal

5

Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, ir-“Regolamenti tal-Persunal”) ġew stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad‑29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali u l-kondizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 5, rettifiki fil-ĠU 2007, L 248, p. 27 u fil-ĠU 2016, L 289, p. 21), kif emendat bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126).

6

It-Titolu I tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali”, jinkludi l-Artikoli 1 sa 10c tiegħu.

7

L-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi:

“1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq […] ilsien, […] hija pprojbita.

[…]

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. […]”

8

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolamenti tal-Persunal:

“1.   Kull istituzzjoni għandha tistabbilixxi min ġewwa fiha għandu jeserċita s-setgħat mogħtija minn dawn ir-Regolamenti tal-Persunal fuq l-awtorità tal-ħatra.

2.   Iżda, istituzzjoni waħda jew aktar tista’ tafda lil kull wieħed minnhom jew korp inter-istituzzjonali l-eserċizzju ta’ xi setgħat jew is-setgħat kollha mogħtija lill-Awtorità tal-ħatra, minbarra d-deċiżjonijiet dwar il-ħatriet, promozzjonijiet jew trasferimenti ta’ l-uffiċjali.”

9

It-Titolu III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Karriera ta’ l-Uffiċjali”.

10

Il-Kapitolu 1 ta’ dan it-titolu, intitolat “Reklutaġġ”, jinkludi l-Artikoli 27 sa 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 ta’ dan tal-aħħar jiddisponi:

“Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali tal-ogħla livell ta’ kapaċità, effiċjenza u integrità, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ- ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni. L-ebda pożizzjoni ma tkun riservata għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.”

11

L-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi:

“Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[…]

(d)

huwa, suġġett għall-Artikolu 29(2) [dwar l-adozzjoni ta’ proċedura ta’ reklutaġġ li ma hijiex kompetizzjoni għar-reklutaġġ tal-persunal għoli u, f’każijiet eċċezzjonali, għal impjiegi li jeħtieġu kwalifiki speċjali], għadda minn kompetizzjoni bbażata fuq jew kwalifiki jew eżamijiet, jew kemm kwalifiki kif ukoll eżamijiet, kif provdut fl-Anness III;

[…]

(f)

huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Unjoni u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Unjoni sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu”.

12

L-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intitolat “Kompetizzjonijiet”. L-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi:

“1.   L-avviż tal-kompetizzjonijiet jitħejja mill-awtorità tal-ħatra wara li jkun ikkonsultat il-Kumitat Konġunt.

Irid jispeċifika:

(a)

l-għamla tal-kompetizzjoni (kompetizzjoni interna għall-istituzzjoni, kompetizzjoni interna għall-istituzzjonijiet, kompetizzjoni miftuħa, fejn ikun il-każ, komuni għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar;

(b)

it-tip ta’ kompetizzjoni (jekk mhux fuq bażi ta’ jew il-kwalifiki jew l-eżamijiet, jew ta’ kemm il-kwalifiki kif ukoll l-eżamijiet);

(ċ)

it-tip ta’ dmirijiet u l-kompiti involuti fil-posizzjoni li għandha timtela u l-grupp tal-funzjoni u l-grad offrut;

(d)

[…] id-diplomi u evidenza oħra ta’ kwalifiki formali jew il-livell ta’ esperjenza meħtieġa għall-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(e)

meta l-kompetizzjoni hija fuq bażi ta’ eżamijiet, x’tip ikunu u kif ikunu mmarkati;

(f)

fejn applikabbli, l-għarfien tal-lingwi meħtieġa minħabba n-natura speċjali tal-posizzjonijiet li għandhom jimtlew;

(g)

fejn ikun il-każ, il-limitu taż-żmien u xi estensjoni tal-limitu taż-żmien fil-każ tal-ħaddiema tal-Unjoni li taw mhux anqas minn sena servizz;

(h)

id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet;

[…]”

13

Skont l-Artikolu 7 ta’ dan l-anness:

“1.   L-istituzzjoniet għandhom, wara konsultazzjonijiet mal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, jafdaw lill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal [(EPSO)] bir-responsabbiltà biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li standards uniformi huma applikati fil-proċeduri ta’ l-għażla ta’ l-uffiċjali tal-Unjoni […]”

Id‑Deċiżjoni 2002/620/KE

14

L-EPSO twaqqaf permezz tad-Deċiżjoni 2002/620/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti ta’ l-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tal-Kumitat u tar-Reġjuni u ta’ l-Ombudsman Ewropew tal‑25 ta’ Lulju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 46).

15

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni tistipula li l-EPSO għandu jeżerċita, b’mod partikolari, is-setgħa tal-għażla mogħtija mill-Anness III tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Awtoritajiet tal-Ħatra tal-istituzzjonijiet firmatarji tal-imsemmija deċiżjoni.

16

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2002/620 tipprevedi li kull rikors fl-oqsma imsemmija minn din id-deċiżjoni għandu jitressaq kontra l-Kummissjoni Ewropea.

It‑testi l‑oħra applikabbli

Ir‑Regoli Ġenerali li Jirregolaw il‑Kompetizzjonijiet Miftuħa

17

Fis‑27 ta’ Frar 2015, l-EPSO ppubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dokument intitolat “Regoli Ġenerali li jirregolaw il-Kompetizzjonijiet Miftuħa” (ĠU 2015, C 70 A, p. 1), li l-ewwel paġna tiegħu tippreċiża li dawn ir-“regoli ġenerali huma parti integrali mill-avviż tal-kompetizzjoni, u flimkien mal-avviż, jiffurmaw il-qafas obbligatorju tal-proċedura tal-kompetizzjoni”.

18

Il-punt 1.3 ta’ dawn ir-regoli ġenerali, intitolat “Eliġibbiltà”, jistabbilixxi, fir-rigward tal-għarfien tal-lingwi:

“[…]

Għal ħafna żmien ilha l-prassi li jintużaw l-aktar l-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjonijiet tal-UE u dawn huma wkoll il-lingwi użati l-aktar ta’ spiss fil-komunikazzjoni mad-dinja esterna u meta jiġu ttrattati każijiet.

L-għażliet tat-tieni lingwa għall-kompetizzjonijiet ġew definiti fl-interess tas-servizz, li jitlob li rekluti ġodda jkunu jistgħu jiffunzjonaw minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom. Jekk dan ma jkunx il-każ, it-tħaddim effettiv tal-istituzzjonijiet ikun affettwat ħażin ħafna.

Biex jiġi żgurat trattament ugwali tal-kandidati kollha, kulħadd – inklużi dawk li l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom hija waħda minn dawn it-tlieta – huwa meħtieġ li jagħmel it-test fit-tieni lingwa tiegħu, magħżula minn fost dawn it-tliet lingwi. Il-valutazzjoni tal-kompetenzi speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-Istituzzjonijiet jevalwaw il-ħila tal-kandidati sabiex ikunu jistgħu jaħdmu minnufih f’ambjent simili għal dak li se jsibu fl-impjieg. Xejn minn dan ma jaffettwa l-possibiltà ta’ taħriġ fil-lingwi aktar tard sabiex il-membri tal-persunal ikunu jistgħu jaħdmu fit-tielet lingwa, kif mitlub mill-Artikolu 45(2) tar-Regolamenti tal-Persunal […]”

L‑avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat

19

Il-Qorti Ġenerali, fil-punti 1 sa 13 tas-sentenza appellata, esponiet il-kontenut tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kif ġej:

“1

Fit‑12 ta’ Mejju 2016, l-[EPSO] ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea [l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat]. […]

2.

Huwa indikat […] fl-introduzzjoni tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] li dan tal-aħħar, flimkien mar-[Regoli Ġenerali], jikkostitwixxi l-kuntest ġuridiku vinkolanti li jirregola l-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata. Madankollu, huwa speċifikat li l-Anness II tar-Regoli Ġenerali Applikabbli għall-Kompetizzjonijiet Ġenerali […] ma japplikax għall-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni u huwa ssostitwit bit-test li jinsab fl-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat].

[…]

4.

Fil-parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] intitolat ‘Jien eliġibbli biex napplika?’, li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li l-persuni kkonċernati għandhom jissodisfaw meta jivvalidaw il-kandidatura tagħhom, huwa rikjest, skont kundizzjonijiet partikolari ta’ ammissjoni, ‘livell minimu – C1 [tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (CEFR)] f’waħda mill‑24 lingwa uffiċjali tal-UE’, b’din il-lingwa tkun indikata bħala ‘lingwa 1’ tal-kompetizzjoni,, u ‘livell minimu – B2 [ta’ CEFR] fil-Franċiż, fil-Ġermaniż jew fl-Ingliż’. Din it-tieni lingwa, indikata bħala l-‘lingwa 2’ tal-kompetizzjoni, għandha tkun differenti mil-lingwa magħżula mill-kandidat bħala lingwa 1.

5.

Huwa speċifikat ukoll li ‘l-formola ta’ applikazzjoni onlajn […] trid timliha bil-Franċiż, bil-Ġermaniż jew bl-Ingliż’.

6.

F’din l-istess parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] huwa indikat li ‘[I]t-tieni lingwa magħżula trid tkun il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż’ u li ‘[d]awn huma l-lingwi ta’ ħidma prinċipali użati fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]’ u ‘[li] fl-interessi tas-servizz, ir-rekluti l-ġodda jridu jkunu kapaċi li jibdew jaħdmu u jikkomunikaw mal-ewwel b’mod effiċjenti fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum f’mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi.’. Il-kandidati huma, f’dan ir-rigward, mistiedna li jirreferu għall-Anness II tal-avviż ikkontestat, intitolat ‘Il-Ġustifikazzjoni tas-sistema Lingwistika Applikabbli għal din il-Proċedura ta’ Selezzjoni’, ‘għal aktar informazzjoni dwar il-lingwi meħtieġa għal din il-kompetizzjoni’.

[…]

8.

Il-parti introduttiva tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] hija fformulata kif ġej:

‘Din il-kompetizzjoni hija kompetizzjoni speċjalizzata biex tirrekluta Amministraturi fil-qasam tal-Awditjar. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-taqsima ‘JIEN ELEĠIBBLI BIEX NAPPLIKA?’ ta’ dan l-Avviż ta’ Kompetizzjoni huma konformi mar-rekwiżiti primarji tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] għall-ħiliet speċjalizzati, l-esperjenza u l-għarfien u mal-ħtieġa għal rekluti ġodda li jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv, b’mod partikolari ma’ membri oħra tal-persunal.

Għal din ir-raġuni, l-applikanti huma mitluba li jagħżlu t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni] Din il-limitazzjoni hija wkoll minħabba restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u n-natura tal-metodi ta’ selezzjoni tal-EPSO deskritti fil-punti 1, 2 u 3 hawn taħt. Ir-rekwiżiti lingwistiċi għal din il-kompetizzjoni ġew adottati mill-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO b’kont meħud ta’ dawn il-fatturi u kundizzjonijiet oħra speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet jew il-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjonijiet tal-[Unjoni]

L-għan ewlieni ta’ din il-kompetizzjoni huwa li tinħoloq lista ta’ riżerva għar-reklutaġġ ta’ amministraturi fil-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll għadd limitat għar-reklutaġġ fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Ladarba jiġu impjegati, huwa essenzjali li l-amministraturi jkunu operazzjonali minnufih u jkunu kapaċi jikkomunikaw mal-kollegi u l-maniġers tagħhom. Fid-dawl tal-kriterji dwar l-użu tal-lingwi fi proċeduri ta’ selezzjoni tal-[Unjoni], l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jqisu li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-aktar għażliet xierqa għat-tieni lingwa għal din il-kompetizzjoni.

Peress li l-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ingliż huma l-lingwi l-iktar mitkellma, tradotti u użati għall-komunikazzjoni amministrattiva mill-persunal fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], il-kandidati jridu joffru mill-inqas waħda minn dawn il-lingwi fost iż-żewġ lingwi obbligatorji tagħhom.

Barra minn hekk kmand tajjeb tal-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż, huwa meqjus bħala essenzjali biex tiġi analizzata s-sitwazzjoni ta’ dawk awditjati, għall-preżentazzjonijiet, id-diskussjonijiet u l-kitba ta’ rapporti, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni effettivi tas-servizzi li qed jiġu awditjati u l-awtoritajiet kompetenti.

Il-kandidati għandhom jużaw it-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tagħhom (il-Franċiż, il-Ġermaniż jew l-Ingliż) meta jimlew l-applikazzjonijiet onlajn u l-EPSO jrid juża dawn il-lingwi ta’ komunikazzjoni tal-massa mal-kandidati li jkunu ressqu applikazzjoni valida u għal uħud mit-testijiet deskritti taħt il-punt 3.’

9.

Il-punt 1 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], intitolat ‘Ġustifikazzjoni għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni’, jipprevedi dan li ġej:

‘L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jemmnu li d-deċiżjoni fuq il-lingwi speċifiċi li għandhom jintużaw f’kull proċedura ta’ selezzjoni individwali u, b’mod partikulari, kull restrizzjoni fl-għażla tal-lingwi, għandha ssir abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

(i)

Rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali b’mod immedjat

Ir-rekluti ġodda jridu jkunu operazzjonali immedjatament u kapaċi jwettqu d-dmirijiet li għalihom ikunu ġew irreklutati. Għalhekk, l-EPSO għandu jiżgura li l-kandidati jkollhom għarfien adegwat ta’ kombinazzjoni ta’ lingwi li jippermettilhom li jwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod effettiv u, b’mod partikolari, li l-kandidati ta’ suċċess ikunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum mal-kollegi u l-maniġers [superjuri] tagħhom.

Għalhekk, jista’ jkun ġust li jiġu organizzati xi eżamijiet f’għadd limitat ta’ lingwi funzjonali, sabiex jiġi żgurat li l-kandidati kollha jkunu kapaċi jaħdmu f’mill-inqas waħda minnhom, tkun xi tkun l-ewwel lingwa uffiċjali tagħhom. Jekk dan ma jsirx, jinħoloq riskju għoli li proporzjon sostanzjali ta’ kandidati magħżula ma jkunux jistgħu jwettqu l-kompiti li għalihom jiġu rreklutati fi żmien raġonevoli. Barra minn hekk, dan ikun jinjora l-kunsiderazzjoni evidenti li l-kandidati li japplikaw għal xogħlijiet fis-servizz pubbliku tal-UE huma lesti li jissieħbu f’organizzazzjoni internazzjonali li trid tuża lingwi funzjonali sabiex taħdem sew u twettaq il-kompiti mogħtija lilha skont it-trattati tal-UE.

(ii)

In-natura tal-proċedura ta’ selezzjoni

F’xi każijiet, il-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwi mill-kandidati tista’ tkun iġġustifikata wkoll min-natura tal-proċedura tas-selezzjoni.

F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-EPSO jivvaluta l-kandidati f’kompetizzjonijiet miftuħa, li juża biex jevalwa l-ħiliet tal-kandidati u jipprevedi aħjar jekk il-kandidati jkunux kapaċi jwettqu dmirijiethom.

Iċ-ċentru ta’ valutazzjoni huwa metodu ta’ selezzjoni li jikkonsisti fl-evalwazzjoni tal-kandidati b’mod standardizzat, abbażi ta’ diversi xenarji osservati minn diversi membri tal-bord ta’ selezzjoni. Il-valutazzjoni tuża qafas ta’ kompetenza stabbilit minn qabel mill-awtoritajiet ta’ ħatra, metodu komuni ta’ punteġġ u teħid konġunt tad-deċiżjonijiet.

Il-valutazzjoni tal-ħiliet speċifiċi b’dan il-mod tippermetti lill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jevalwaw il-kapaċità tal-kandidati li jibdew jaħdmu minnufih f’ambjent li jixbaħ ħafna r-realtà tal-impjieg. Korp sostanzjali ta’ riċerka xjentifika wera li ċ-ċentri ta’ evalwazzjoni, li jissimulaw sitwazzjonijiet reali tax-xogħol huma l-aħjar mezz kif wieħed jipprevedi l-prestazzjoni fil-ħajja reali. Iċ-ċentri ta’ valutazzjoni huma għaldaqstant użati madwar id-dinja. Fid-dawl tat-tul tal-karrieri u l-grad ta’ mobilità fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni], dan it-tip ta’ valutazzjoni huwa kruċjali, b’mod partikolari fis-selezzjoni ta’ uffiċjali permanenti.

Sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkunu jistgħu jiġu vvalutati b’mod ugwali u jkunu jistgħu jikkomunikaw direttament mal-evalwaturi u l-kandidati l-oħra li jkunu qed jieħdu sehem fl-eżerċizzju, il-kandidati jiġu vvalutati flimkien fi grupp b’lingwa komuni. Sakemm iċ-ċentru ta’ valutazzjoni ma jsirx f’kompetizzjoni b’lingwa ewlenija waħda, dan jeħtieġ neċessarjament li ċ-ċentru ta’ valutazzjoni jiġi organizzat f’għadd ristrett ta’ lingwi.

(iii)

Limitazzjonijiet baġitarji u operazzjonali

Għal diversi raġunijiet, il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO jemmen li jkun imprattikabbli li tiġi organizzata l-fażi taċ-ċentru ta’ valutazzjoni ta’ kompetizzjoni unika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-[Unjoni].

L-ewwel nett, approċċ bħal dan jista’ jkollu implikazzjonijiet serji ħafna għar-riżorsi, li jagħmilha impossibbli għall-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ reklutaġġ tagħhom fil-qafas baġitarju attwali. Dan ukoll ma jkunx ta’ valur biżżejjed għall-flus għall-kontribwenti Ewropej.

It-tieni nett, it-twettiq taċ-ċentru ta’ valutazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha jkun jeħtieġ għadd sostanzjali ta’ interpreti biex jaħdmu fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO u l-użu ta’ bini adegwat b’kabini tal-interpretazzjoni.

It-tielet nett, għadd ferm akbar ta’ membri tal-bord tas-selezzjoni jkun meħtieġ biex ikopri l-lingwi differenti użati minn kandidati.’

10.

Skont il-punt 2 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], li għandu t-titolu ‘Kriterji għall-għażla tal-lingwi għal kull proċedura ta’ selezzjoni’:

‘Jekk il-kandidati jkunu mitluba jagħżlu minn għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni], il-Bord tat-Tmexxija tal-EPSO għandu jiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ il-lingwi li għandhom jintużaw għall-kompetizzjonijiet miftuħa individwali, filwaqt li jqis dan li ġej:

(i)

kull regola interna speċifika dwar l-użu tal-lingwi fl-istituzzjoni(jiet) jew korpi kkonċernati;

(ii)

ir-rekwiżiti speċifiċi relatati man-natura tad-dmirijiet u l-ħtiġijiet partikolari tal-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i;

(iii)

il-lingwi l-aktar użati fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i, stabbiliti fuq il-bażi ta’:

il-ħiliet lingwistiċi ddikjarati u ppruvati f’livell B2 jew ogħla tal-[CEFR] għal-Lingwi ta’ uffiċjali permanenti tal-[Unjoni] f’impjieg attiv;

l-aktar lingwi mira użati li fihom jiġu tradotti dokumenti maħsuba għall-użu intern fl-istituzzjonijiet tal-[Unjoni];

l-aktar lingwi sors użati li minnhom jiġu tradotti dokumenti prodotti internament mill-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] u maħsuba għall-użu estern;

(iv)

il-lingwi użati għall-komunikazzjoni amministrattiva fl-istituzzjoni(jiet) kkonċernata/i.

11.

Fl-aħħar nett, il-punt 3 tal-Anness II tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat], intitolat ‘Il-lingwi ta’ komunikazzjoni’, jindika dan li ġej:

‘Din it-taqsima tiddeskrivi r-regoli ġenerali dwar l-użu tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn l-EPSO u l-kandidati potenzjali. Ħtiġiet speċifiċi oħrajn jistgħu jiġu stabbiliti f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

L-EPSO jqis id-dritt tal-kandidati bħala ċittadini tal-[Unjoni] li jikkomunikaw bil-lingwa materna tagħhom. Huwa jirrikonoxxi wkoll li l-kandidati li jkunu vvalidaw l-applikazzjoni tagħhom huma membri prospettivi tas-servizz ċivili tal-UE li jibbenefikaw mid-drittijiet u l-obbligi mogħtija lilhom mir-Regolamenti tal-Persunal. L-istituzzjonijiet tal-UE għalhekk jemmnu li l-EPSO, kemm jista’ jkun, għandu jikkomunika mal-kandidati u jipprovdi lill-kandidati b’informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tagħhom fil-lingwi uffiċjali kollha tal-[Unjoni]. Biex jinkiseb dan, l-elementi stabbli fis-sit web tal-EPSO, l-avviżi tal-kompetizzjonijiet u r-regoli ġenerali li jirregolaw il-kompetizzjonijiet miftuħa jiġu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali kollha.

Il-lingwi li għandhom jintużaw fil-mili tal-formoli ta’ applikazzjoni onlajn huma speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni. L-istruzzjonijiet dwar il-mili tal-formola tal-applikazzjoni għandhom jiġu pprovduti fil-lingwi uffiċjali kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni meħtieġ biex tiġi stabbilita l-proċedura tal-applikazzjoni onlajn inizjali fil-lingwi uffiċjali kollha.

Sabiex ikun hemm komunikazzjoni mħaffa u effiċjenti, wara li l-applikazzjoni inizjali ta’ kandidat tkun ġiet validata, il-komunikazzjoni tal-massa mill-EPSO lil popolazzjonijiet kbar ta’ kandidati tkun f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni]. Din tkun jew l-ewwel jew it-tieni lingwa tal-kandidat kif stipulat fl-avviż rilevanti tal-kompetizzjoni.

Il-kandidati jistgħu jikkuntattjaw lil EPSO b’kull lingwa uffiċjali tal-[Unjoni] iżda, sabiex l-EPSO jittratta t-talba tagħhom b’mod aktar effiċjenti, il-kandidati huma mħeġġa li jagħżlu minn fost għadd limitat ta’ lingwi li l-persunal tal-EPSO huwa kapaċi jipprovdi kopertura lingwistika immedjata fihom mingħajr il-bżonn li jirrikorri għat-traduzzjoni.

Ċerti testijiet jistgħu jsiru wkoll f’għadd limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-[Unjoni] sabiex jiġi żgurat li l-kandidati jkollhom ħila fil-lingwi meħtieġa għall-parteċipazzjoni fil-fażi ta’ valutazzjoni tal-kompetizzjonijiet miftuħa. Il-lingwi għad-diversi testijiet ikunu speċifikati f’kull avviż ta’ kompetizzjoni.

L-istituzzjonijiet tal-[Unjoni”] jemmnu li dawn l-arranġamenti jiżguraw ambjent ġust u bilanċ xieraq bejn l-interessi tas-servizz u l-prinċipju tal-multilingwiżmu u n-non-diskriminazzjoni skont il-lingwa. L-obbligu fuq il-kandidati li jagħżlu t-tieni lingwa li hija differenti mill-ewwel lingwa tagħhom (normalment il-lingwa materna jew ekwivalenti għaliha) jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu kkomparati fuq bażi ugwali […]’

12.

Fil-parti tal-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat] intitolata ‘Kif inkun magħżul?’, huwa indikat, fil-punt 1, huwa indikat li l-eżamijiet tat-tip ‘testijiet b’għażliet multipli’ (QCM) fuq il-kompjuter, jiġifieri l-eżamijiet ta’ raġunament verbali, ta’ raġunament numeriku u ta’ raġunament astratt, li jikkostitwixxu l-ewwel stadju tal-proċedura ta’ selezzjoni kkonċernata, huma organizzati fil-lingwa magħżula, minn kull kandidat, bħala l-ewwel lingwa tal-kompetizzjoni.

13.

Barra minn hekk, skont il-punt 3 tal-imsemmija parti, wara s-‘selezzjoni bbażata fuq il-kwalifiki’, li tikkostitwixxi t-tieni fażi tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ikkontestat, il-kandidati li jkunu kisbu l-aħjar marki globali jiġu mistiedna jgħaddu, fil-lingwa li huma jkunu għażlu bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni, l-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, l-aħħar fażi tal-kompetizzjoni li tinkludi diversi testijiet intiżi sabiex jevalwaw kompetenzi differenti tal-kandidati.”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti Ġenerali u s‑sentenza appellata

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Awwissu 2016, ir-Repubblika Taljana ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Ir-Renju ta’ Spanja intervjena insostenn tar-Repubblika Taljana.

21

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Taljana kkontestat il-legalità ta’ żewġ aspetti tas-sistema lingwistika stabbilita mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat li tillimita għall-Ġermaniż, għall-Ingliż u għall-Franċiż l-għażla, minn naħa, tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-lingwa ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO.

22

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat, b’mod konġunt, it-tielet u s-seba’ motiv dwar l-ewwel aspett ta’ din is-sistema lingwistika.

23

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li l-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat (iktar ’il quddiem il-“limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni” jew il-“limitazzjoni inkwistjoni”) tikkostitwixxi, essenzjalment, differenza fit-trattament ibbażata fuq il-lingwa, bħala prinċipju pprojbita skont l-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li żiedet li tali differenza fit-trattament setgħet tiġi ġġustifikata.

24

Konsegwentement, hija wettqet, fil-punti 63 sa 199 tas-sentenza appellata, l-eżami ta’ tali ġustifikazzjoni.

25

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, hija vverifikat, fil-punti 80 sa 100 tas-sentenza appellata, it-tliet motivi mressqa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sabiex tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni inkwistjoni.

26

Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li la r-restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u lanqas l-ispeċifiċità tal-eżamijiet taċ-ċentru ta’ evalwazzjoni ma kienu jippermettu li tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament ikkonstatata.

27

F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 91 tas-sentenza appellata, li, għalkemm in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi tista’ potenzjalment tkun adatta sabiex tiġġustifika limitazzjoni għat-tliet lingwi inkwistjoni, la r-restrizzjonijiet baġitarji u operazzjonali u lanqas in-natura tal-proċedura ta’ għażla ma huma motivi li jistgħu jiġġustifikaw tali limitazzjoni.

28

Fir-rigward tal-ewwel wieħed minn dawn it-tliet motivi, il-Qorti Ġenerali, minn naħa, irrilevat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, li l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-parti introduttiva u fil-punt 1(i) tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, minkejja li jindikaw l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom u jikkomunikaw b’mod effikaċi malli jibdew jaqdu l-funzjonijiet tagħhom, ma humiex biżżejjed, fihom innifishom, sabiex jistabbilixxu li l-funzjonijiet inkwistjoni, jiġifieri dawk ta’ amministratur fil-qasam tal-awditjar fi ħdan l-istituzzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ikkontestat, jeħtieġu b’mod konkret għarfien suffiċjenti tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew dik Franċiża, bl-esklużjoni tal-lingwi uffiċjali l-oħra tal-Unjoni.

29

Min-naħa l-oħra, fil-punti 95 sa 98 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li din l-analiżi ma hijiex invalidata mid-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni rreklutati ser jiġu mitluba jwettqu, kif tinsab fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, peress li ma jidhirx possibbli li jiġi stabbilit, abbażi ta’ din id-deskrizzjoni biss, li t-tliet lingwi li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni inkwistjoni kollha jippermettu lill-kandidati li għaddew minn dawn il-kompetizzjonijiet li jkunu immedjatament operattivi. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-ebda element ta’ dan l-avviż ta’ kompetizzjoni ma jippermetti li jintwera użu effettiv ta’ dawn it-tliet lingwi fit-twettiq tal-kompiti elenkati fl-Anness I tiegħu jew inkella fil-preparazzjoni tal-preżentazzjonijiet, l-iżvolġiment tad-dibattiti u t-tfassil tar-rapporti li hemm riferiment għalihom fil-parti introduttivi tal-Anness II tiegħu. Bl-istess mod, la mill-imsemmi avviż u lanqas mill-elementi li jinsabu fil-proċessi ta’ dawn il-kawżi ma jirriżulta li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq huma kollha użati effettivament fir-rapporti tal-amministraturi responsabbli mill-funzjonijiet ta’ awditjar mal-entitajiet jew id-dipartimenti awditjati kif ukoll mal-awtoritajiet kompetenti.

30

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, li l-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi ma jistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali li saret fl-avviż ta’ kompetizzjoni kontenzjuż, kif ukoll tal-assenza ta’ indikazzjonijiet konkreti ta’ natura li jsostnuha, jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali vverifikat, sussegwentement, jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn ta’ dan il-motiv jistgħux juru li, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi li għandhom jimtlew, il-limitazzjoni inkwistjoni kienet oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata mill-ħtieġa li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

32

Għall-finijiet ta’ din il-verifika, il-Qorti Ġenerali eżaminat, l-ewwel, fil-punti 106 sa 149 tas-sentenza appellata, il-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku, jiġifieri:

il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 tal-President tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000 dwar is-semplifikazzjoni tal-proċess deċiżjonali, u l-proċess verbali tal‑1502 laqgħa tal-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2000, redatt fis‑6 ta’ Diċembru 2000 (PV(2002) 1502) dwar l-approvazzjoni, mill-kulleġġ tal-membri, ta’ din il-komunikazzjoni;

ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213) (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Proċedura”), kif emendati bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/138/UE, Euratom tal‑24 ta’ Frar 2010 (ĠU 2010, L 55, p. 60), u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura (C(2010) 1200 final);

estratt mill-Manwal tal-Proċeduri Operattivi tal-Kummissjoni, intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” u ċerti dokumenti relatati magħha, u

l-Anness tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni SEC(2006) 1489 final tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar it-traduzzjoni lill-Kummissjoni, intitolata “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006” (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Traduzzjoni wara l‑2006”).

33

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Qorti Ġenerali eżaminatha fil-punti 112 sa 117 tas-sentenza appellata, billi kkonstatat, fil-punt 113 ta’ dik is-sentenza, li l-għan tagħha jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni tad-diversi tipi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, kif kienu previsti fir-Regoli ta’ Proċedura tagħha fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fil-mument meta nħarġet din il-komunikazzjoni, u li tipproponi s-simplifikazzjoni tagħhom. Huwa f’tali kuntest u b’riferiment għal tip preċiż ta’ proċedura, jiġifieri l-proċedura bil-miktub, li l-punt 2.2 tal-imsemmija komunikazzjoni jindika li “id-dokumenti għandhom jinħarġu fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni”, mingħajr, barra minn hekk, ma jsemmihom. Issa, dan ir-riferiment waħdu, minkejja li jinkludi l-espressjoni “lingwi ta’ ħidma”, ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma l-lingwi effettivament użati mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Wara li rrilevat, fil-punti 114 sa 116 tal-imsemmija sentenza, li l-portata ta’ dan ir-riferiment hija, barra minn hekk, ikkwalifikata minn siltiet oħra tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 117 ta’ dik l-istess sentenza, li din il-komunikazzjoni “ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar l-użu effettiv tal-Ġermaniż, tal-Ingliż u tal-Franċiż fix-xogħol ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u lanqas a fortiori fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż [ta’ kompetizzjoni kkontestat]”.

34

Fil-punt 118 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mit-testi l-oħra li fid-dawl tagħhom il-Kummissjoni tissuġġerixxi li tiġi analizzata l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, jiġifieri r-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” billi eżaminat, wieħed wieħed, dawn it-tliet testi fil-punti 119 sa 121 ta’ dik is-sentenza.

35

Fil-punt 132 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat, f’dan ir-rigward, li, meħuda flimkien, it-testi msemmija fil-punt 34 ta’ din is-sentenza ma jistgħux jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ applikazzjoni, fir-Regoli tal-Proċedura, tas-sistema lingwistika ġenerali stabbilita mir-Regolament Nru 1/58, fis-sens tal-Artikolu 6 ta’ dan tal-aħħar. Bħalma speċifikat ukoll il-Kummissjoni, dawn it-testi sempliċement jirriflettu prassi amministrattiva stabbilita fit-tul fi ħdan din l-istituzzjoni, li tikkonsisti fl-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża bħala lingwi li fihom id-dokumenti għandhom isiru disponibbli sabiex ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-membri. Barra minn hekk, wara li kkonstatat b’mod partikolari, fil-punti 133 u 134 tas-sentenza appellata, li, b’mod partikolari, id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” estratt mill-Manwal tal-proċeduri operattivi ma jistax jiġi analizzat bħala deċiżjoni tal-President tagħha li tistabbilixxi l-lingwi ta’ preżentazzjoni tad-dokumenti ppreżentati lill-kulleġġ, il-Qorti Ġenerali osservat, fil-punt 135 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li ma kienx hemm deċiżjoni interna li tistabbilixxi l-lingwi ta’ ħidma fi ħdanha.

36

Wara li saru dawn l-“ispeċifikazzjonijiet preliminari”, il-Qorti Ġenerali sussegwentement ikkonstatat, fil-punt 136 tas-sentenza appellata, li, sa fejn l-uniku għan tagħhom huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, it-testi kollha prodotti minn din tal-aħħar ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi funzjonali tal-impjiegi msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

37

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li minn dawn it-testi ma jsegwix li teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jiżvolġu fi ħdan il-kulleġġ tal-membri tagħha, u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet kontenzjużi jistgħu jeżerċitaw. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-membri ta’ istituzzjoni partikolari jużaw esklużivament lingwa waħda jew ċerti lingwi fid-deliberazzjonijiet tagħhom, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien ta’ ebda waħda dawn il-lingwi, ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni inkwistjoni.

38

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li lanqas ma jirriżulta mit-testi prodotti mill-Kummissjoni li t-tliet lingwi kollha kklassifikati bħala “lingwi proċedurali” huma effettivament użati mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 tħalli x’tifhem li ma huwiex id-dipartiment sostanzjalment responsabbli għat-tfassil ta’ dokument, iżda id-direttorat ġenerali għat-traduzzjoni, li jistabbilixxi l-verżjonijiet ta’ dan id-dokument fil-lingwi “proċedurali” neċessarji sabiex dawn jintbagħtu lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni. Fil-punt 139 ta’ dik is-sentenza, din żiedet li, sa fejn ebda uffiċjal ma huwa obbligat ikollu għarfien sodisfaċenti tat-tliet lingwi kollha rikjesti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, huwa wkoll diffiċli li jiġi previst li l-istabbiliment ta’ abbozz ta’ att fil-verżjonijiet lingwistiċi rikjesti sabiex jintbagħat lil dan il-kulleġġ ikun fl-istess ħin imqassam bejn numru korrispondenti ta’ uffiċjali li jaqgħu taħt id-dipartiment responsabbli għat-tfassil ta’ dan l-abbozz. Barra minn hekk, wara li ċaħdet, fil-punti 140 sa 143 tal-imsemmija sentenza, l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 144 sa 148 tagħha, li t-testi prodotti minn din l-istituzzjoni ma jindikawx użu esklużiv tat-tliet lingwi “proċedurali” fil-proċeduri li huma jsemmu.

39

Fid-dawl ta’ din l-analiżi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 149 tas-sentenza appellata, li t-testi inkwistjoni ma humiex ta’ natura li juru li l-limitazzjoni inkwistjoni hija adatta sabiex tissodisfa l-bżonnijiet reali tas-servizz u, għaldaqstant, li tistabbilixxi l-eżistenza, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi msemmija minn dan l-avviż, ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

40

It-tieni, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 150 sa 165 tas-sentenza appellata, il-provi dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni inkarigati mill-funzjonijiet ta’ awditjar.

41

Minn naħa, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 152 sa 163 tas-sentenza appellata, l-anness intitolat “[D]ati sulla diffusione dell’inglese, del francese e del tedesco utilizzate come lingue veicolari dal personale della Commissione in funzione nel settore dell’audit al 30.09.2016” (data dwar l-użu tal-Ingliż, tal-Ġermaniż u tal-Franċiż bħala lingwi funzjonali mill-persunal tal-Kummissjoni attiv fil-qasam tal-awditjar fit‑30 ta’ Settembru 2016”, billi kkonstatat, fil-punt 157 ta’ dik is-sentenza, li din id-data ma tippermettix la waħidha u lanqas flimkien mat-testi eżaminati fil-punti 106 sa 149 tal-imsemmija sentenza li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-dipartimenti kkonċernati fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li jkunu indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ awditjar. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset li din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom ser iwassal sabiex kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat ikunu amministraturi immedjatament operattivi. Fil-punt 158 ta’ dik l-istess sentenza, din żiedet li, għal dawn l-istess motivi, il-provi addizzjonali prodotti mill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal tagħha li jaħdmu fil-qasam tal-awditjar u li jaqgħu taħt il-grupp ta’ funzjonijiet AST u l-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jistgħux ikunu rilevanti għar-riżoluzzjoni tat-tilwima quddiemha.

42

Barra minn hekk, wara li fakkret, fil-punt 159 tas-sentenza appellata, il-ġurisprudenza tagħha skont liema limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kandidati għal kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali ma tistax titqies li hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata meta jkun hemm, fost dawn il-lingwi, minbarra lingwa li l-għarfien tagħha huwa mixtieq jew neċessarju, lingwi oħra li ma jagħtu ebda vantaġġ partikolari lill-kandidati potenzjali li għaddew minn kompetizzjoni meta mqabbla ma’ lingwa uffiċjali oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 160 ta’ dik is-sentenza, li anki kieku kellu jitqies li l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal ingaġġati jista’ jindika li, sabiex tkun immedjatament operattiva fuq il-livell tal-komunikazzjoni interna, persuna li għadha kif ġiet irreklutata għandu jkollha għarfien tajjeb ħafna ta’ lingwa li numru kbir ta’ dawn il-membri tal-persunal għandu għarfien tagħha, id-data inkwistjoni ma tistax tiġġustifika l-limitazzjoni magħmula mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat għall-għażla tat-tieni lingwa.

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li, fil-fatt, minn analiżi tad-data dwar il-lingwi ddikjarati bħala “lingwa 1” u “lingwa 2” jirriżulta li huwa biss għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ingliża li jista’ jitqies bħala li jagħti vantaġġ lill-kandidati potenzjali li jgħaddu mill-kompetizzjoni inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tippermettix li jiġi spjegat għaliex kandidat li jkollu, pereżempju, għarfien profond tal-lingwa Taljana u għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ġermaniża jista’ jkun immedjatament operattiv għal dak li jirrigwarda l-komunikazzjoni interna, filwaqt li kandidat li għandu għarfien profond tal-lingwa Taljana u għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Olandiża ma jistax ikun. Barra minn hekk, fir-rigward tad-data dwar il-“lingwa 3”, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat, fil-punt 162 ta’ dik is-sentenza li, anki jekk il-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jbiddel din l-evalwazzjoni, din ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkunsiderazzjoni, peress li mill-anness ipprovdut mill-Kummissjoni ma jsegwix li l-membri tal-persunal imsemmija hemmhekk diġà wrew il-kapaċità li jaħdmu fit-tielet lingwa tagħhom.

44

Il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 163 tas-sentenza appellata, li d-data dwar l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal tal-Kummissjoni inkarigati minn funzjonijiet ta’ awditjar ma tippermettix li tiġi ġġustifikata l-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni immedjatament operattivi.

45

Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dokument ippreżentat mill-Kummissjoni u li jinkludi data miġbura mid-dipartiment ta’ awditjar intern tagħha, li minnu jirriżulta, skont dik l-istituzzjoni, li l-konsultazzjonijiet tagħha ma’ dipartimenti oħra jsiru biss bil-lingwa Ingliża u dik Franċiża, filwaqt li r-rapporti finali ta’ awditjar jiġu adottati bil-lingwa Ingliża biss, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 164 u 165 tas-sentenza appellata, li dan id-dokument ma huwiex rilevanti, peress li ma jinkludi ebda element li jista’ juri użu tal-lingwa Ġermaniża bħala lingwa ta’ ħidma jew lingwa funzjonali fi ħdan id-dipartimenti kkonċernati.

46

It-tielet, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 166 sa 187 tas-sentenza appellata, il-provi dwar il-funzjonament tal-Qorti tal-Awdituri. Fir-rigward, qabelxejn, tad-Deċiżjoni 22/2004 tal-Qorti tal-Awdituri tal‑25 ta’ Mejju 2004 dwar ir-regoli dwar it-traduzzjoni tad-dokumenti fid-dawl tal-laqgħat tal-membri tagħha, tal-gruppi ta’ awditjar u tal-kumitat amministrattiv (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 22/2004”), il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 172 ta’ dik is-sentenza, li din ma jistax ikollha rilevanza f’dan il-każ, sa fejn ma tinkludi ebda element dwar l-użu tal-lingwa Ġermaniża bħala lingwa ta’ ħidma jew lingwa funzjonali fi ħdan id-dipartimenti tal-Qorti tal-Awdituri.

47

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 175 sa 179 tas-sentenza appellata, nota tal-President tal-Qorti tal-Awdituri tal‑11 ta’ Novembru 1983 kif ukoll l-annessi tagħha, jiġifieri rapport tas-seduta ristretta tat‑12 ta’ Ottubru 1982 u nota ta’ dan il-President tal-istess jum, dwar is-sistema ta’ interpretazzjoni u l-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem, flimkien, in-“nota tal‑11 ta’ Novembru 1983”), billi kkonstatat b’mod partikolari, fil-punt 177 ta’ dik is-sentenza, li dawn id-dokumenti ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat liema hija l-lingwa jew il-lingwi ta’ ħidma jew il-lingwi funzjonali użati fid-dipartimenti li fi ħdanhom jiġu rreklutati l-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

48

Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali analizzat, fil-punti 181 sa 187 tas-sentenza appellata, tabella, prodotta mill-Kummissjoni, intitolata “LINGUE PARLATE DAL PERSONALE DELLA CORTE DEI CONTI IN SERVIZIO AL 30.09.2016” (lingwi mitkellma mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri fit‑30 ta’ Settembru 2016) u rrilevat, fil-punt 185 ta’ dik is-sentenza, li dan id-dokument lanqas ma jippermetti li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom iwassal sabiex il-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni kkonċernata mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat ikunu persuni immedjatament operattivi, peress li, bħad-data prodotta mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-membri tal-persunal rispettivi tagħha, dan sempliċement jidentifika l-għarfien tal-lingwi tad-diversi kategoriji ta’ membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 187 u 188 tas-sentenza appellata, li, bħall-provi prodotti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku, dawk dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-limitazzjoni inkwistjoni hija ġġustifikata mill-għan li l-amministraturi rreklutati jkunu immedjatament operattivi.

50

Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali eżaminat, fil-punti 189 sa 196 tas-sentenza appellata, il-provi dwar it-tixrid tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża bħala lingwi barranin mitkellma u studjati fl-Ewropa, billi ddeċidiet, fil-punti 195 u 196 ta’ dik is-sentenza, li dawn ma jistgħux, la waħedhom u lanqas meħuda flimkien ma’ elementi oħra tal-proċessi, jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni, peress li, l-iktar l-iktar, dawn l-elementi jkunu jistgħu eventwalment juru n-natura proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni, jekk kien ippruvat li din tissodisfa l-għan li jkun hemm kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni li jkunu immedjatament operattivi, aspett li madankollu jidher li l-Kummissjoni ma wrietx.

51

Fid-dawl tal-eżami tagħha tal-provi kollha mressqa mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 197 sa 199 tas-sentenza appellata, li din ma wrietx li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan ewlieni, li jikkonsisti fir-reklutaġġ ta’ amministraturi li jkunu immedjatament operattivi. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, ma huwiex suffiċjenti li l-prinċipju ta’ tali limitazzjoni jiġi difiż billi jsir riferiment għan-numru kbir ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni u għan-neċessità li jintagħżel numru iktar ristrett ta’ lingwi, jew saħansitra lingwa waħda, bħala lingwi ta’ komunikazzjoni interna jew “lingwi funzjonali”. Huwa wkoll neċessarju, fid-dawl tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal, li tiġi ġġustifikata oġġettivament l-għażla ta’ lingwa waħda jew iktar speċifiċi, bl-esklużjoni tal-lingwi l-oħrajn kollha.

52

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet u s-seba’ motiv u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sa fejn dan jillimita l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża.

53

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat is-sitt motiv dwar it-tieni parti tas-sistema lingwistika kkontestata u bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18 TFUE, tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 24 TFUE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikoli 1 u 2 tar-Regolament Nru 1/58 kif ukoll tal-Artikolu 1d(1) u (6) tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-punt 222 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan il-motiv u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sa fejn jillimita l-għażla tal-lingwi ta’ komunikazzjoni bejn il-kandidati u l-EPSO għall-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż.

54

Konsegwentement, fil-punt 223 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors u annullat l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kollu kemm hu. Barra minn hekk, hija ppreċiżat, fil-punti 225 sa 230 ta’ dik is-sentenza, li, għar-raġunijiet esposti f’dawn l-istess punti, dan l-annullament ma jistax ikollu effett fuq ir-reklutaġġi diġà mwettqa abbażi tal-listi ta’ riżerva stabbiliti fi tmiem il-proċedura ta’ selezzjoni inkwistjoni.

It‑talbiet tal‑partijiet fl‑appell

55

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tiċħad, sa fejn il-kawża hija fi stat li tiġi deċiża, ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u għal dawk tal-proċedura fl-ewwel istanza; u

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż rispettivi tagħha.

56

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Fuq l‑appell

57

Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

58

L-ewwel u t-tieni aggravju jirrigwardaw il-legalità tal-limitazzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni, filwaqt li t-tielet aggravju jirrigwarda l-legalità tal-limitazzjoni tal-lingwi li jistgħu jintużaw fil-komunikazzjonijiet bejn il-kandidati kkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u l-EPSO.

Fuq l‑ewwel aggravju

59

L-ewwel aggravju, li jinqasam fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u fid-definizzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni kif ukoll fuq ksur ta’ dan l-obbligu tal-Qorti Ġenerali.

Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fir‑rigward tal‑għan li jkun hemm kandidati immedjatament operattivi u fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal‑Qorti Ġenerali

– L‑argumenti tal‑partijiet

60

Il-Kummissjoni ssostni li, waqt l-eżami tagħha tal-provi relatati mal-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku u mal-lingwi użati mill-membri tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni inkarigati minn funzjonijiet ta’ awditjar, il-Qorti Ġenerali applikat, mingħajr ebda motivazzjoni, kriterji illegali sabiex tevalwa jekk dawn il-provi jurux in-natura ġġustifikata tal-limitazzjoni inkwistjoni, jiġifieri, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-kapaċità ta’ uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat li jipprovdi immedjatament “xogħol utli” fl-istituzzjoni ta’ reklutaġġ kif ukoll, fil-punti 159 sa 161 ta’ dik is-sentenza, l-assenza ta’ “vantaġġ partikolari” li uħud mil-lingwi li għalihom hija limitata l-għażla jagħtu lil tali uffiċjal. Madankollu, skont il-Kummissjoni, il-fatt li wieħed jibbaża ruħu fuq dawn il-kriterji jwassal sabiex jiġi miċħud l-interess tas-servizz li r-reklutati l-ġodda jkunu immedjatament operattivi.

61

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-kriterju adottat fil-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li peress li l-interess tas-servizz jeżiġi r-reklutaġġ ta’ kandidati immedjatament operattivi, iċ-ċirkustanza li dawn il-kandidati jkunu madankollu kapaċi li jipprovdu “xogħol utli” ma hijiex rilevanti.

62

Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, li wieħed jeżiġi li l-membri tal-persunal li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-kontinwità mal-membri tal-persunal fis-servizz ta’ assenjazzjoni u jmur lil hinn mis-sempliċi kapaċità li jiġi pprovdut immedjatament xogħol utli.

63

It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali la ddefinixxiet dak li jkopri dan il-kunċett ta’ “xogħol utli”, u lanqas ma sostniet il-konstatazzjoni li huwa possibbli li jitwettaq tali xogħol, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

64

It-tielet, skont il-Kummissjoni, huwa “impossibbli” li kandidat li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien tajjeb ta’ ebda waħda mit-tliet lingwi eliġibbli skont l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat bħala t-tieni lingwa, ikun jista’ jipprovdi xogħol utli fi ħdan istituzzjoni li l-korp ta’ tmexxija politika u ta’ direzzjoni tagħha, jiġifieri l-Kulleġġ tal-Membri tal-Kummissjoni, jieħu d-deċiżjonijiet interni tiegħu f’waħda biss minn dawn it-tliet lingwi. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-riferiment magħmul mill-Qorti Ġenerali fil-punti 121 u 122 tas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), huwa żbaljat, sa fejn il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), li għalih isir riferiment f’dawn il-punti, huwa korp, speċifikament previst fl-Artikolu 16(7) TUE, li huwa distint mill-istituzzjonijiet l-oħra. Issa, din il-kawża tikkonċerna membri tal-istess istituzzjoni, li tinkludi kemm il-kulleġġ kif ukoll id-diversi dipartimenti ta’ din l-istituzzjoni. Barra minn hekk, l-ispeċifiċità tal-funzjonijiet li għandhom jiġu eżerċitati fis-servizzi ta’ assenjazzjoni ma taffettwax il-fatt li huma, fl-aħħar mill-aħħar, id-dipartimenti li jibgħatu kull abbozz ta’ att lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni.

65

Ir-raba’, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha meta qieset li l-Kummissjoni kellha tippreżenta iktar spjegazzjonijiet sabiex tiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni, mingħajr, barra minn hekk, ma mmotivat tali evalwazzjoni.

66

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

67

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandu jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom u, b’mod partikolari, fid-determinazzjoni tal-kriterji ta’ kapaċità mitluba mill-impjiegi li għandhom jimtlew u, skont dawn il-kriterji u fl-interess tas-servizz, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni. Għalhekk, l-istituzzjonijiet, bħall-EPSO, meta dan tal-aħħar jeżerċita setgħat mogħtija lilu mill-imsemmija istituzzjonijiet, għandhom ikunu jistgħu jiddeterminaw, skont il-bżonnijiet tagħhom, il-kapaċitajiet li huma meħtieġa mill-kandidati li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet sabiex jorganizzaw id-dipartimenti tagħhom b’mod xieraq u raġonevoli (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 88).

68

Madankollu, l-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw, fl-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, l-osservanza tal-Artikolu 1d tagħhom li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa. Filwaqt li l-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jipprevedi ċertament li limitazzjonijiet għal din il-projbizzjoni huma possibbli, dan huwa bil-kundizzjoni li dawn ikunu “oġġettivament u raġonevolment iġġustifikat[i]”, u li jkunu “immirat[i] lejn oġġetti [għanijiet] leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal” (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 89).

69

Għalhekk, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, kif ukoll l-EPSO fil-kundizzjonijiet previsti fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, huma imperattivament limitati mill-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, b’tali mod li d-differenzi fit-trattament ibbażati fuq il-lingwa li jirriżultaw minn limitazzjoni tas-sistema lingwistika ta’ kompetizzjoni għal numru ristrett ta’ lingwi uffiċjali jistgħu jiġu aċċettati biss jekk tali limitazzjoni hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-ħtiġijiet reali tas-servizz. Barra minn hekk, kull kundizzjoni dwar għarfien tal-lingwi speċifiċi għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli li jippermettu lill-kandidati jifhmu r-raġunijiet għal din il-kundizzjoni u lill-Qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punti 90 sa 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Hija l-istituzzjoni li llimitat is-sistema lingwistika ta’ proċedura ta’ selezzjoni għal numru limitat ta’ lingwi uffiċjali tal-Unjoni li għandha tistabbilixxi li tali limitazzjoni hija fil-fatt xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu, li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li hija bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, filwaqt li hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fir-rigward tal-imsemmija bżonnijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punti 9394).

71

Fil-kuntest ta’ dan l-eżami, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li huma misluta minnhom (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104).

72

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali eżaminat il-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni fid-dawl ta’ għan li ma jikkorrispondix għal dak adottat mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

73

Issa, għandu jiġi kkonstatat li din il-kritika hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 137 u 159 sa 161 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom tfakkar fil-punti 37, 42 u 43 ta’ din is-sentenza.

74

Fil-fatt, minn dawn il-punti tas-sentenza appellata, moqrija fil-kuntest tagħhom, jirriżulta li huwa fid-dawl tar-“rekwiżit li r-rekluti ġodda jkunu operazzjonali b’mod immedjat”, imsemmi b’mod partikolari fl-inċiż (i) tal-punt 1 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat bħala ġustifikazzjoni ta’ tali limitazzjoni, li l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku u dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni inkarigati minn funzjonijiet ta’ awditjar jistgħux juru n-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni.

75

Għalhekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, billi qieset li “ma jistax jiġi preżunt, mingħajr iktar spjegazzjonijiet, li uffiċjal irreklutat ġdid, li ma jkollu għarfien ta’ ebda waħda [mil-lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa], ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni”, bl-ebda mod ma kkontestat l-interess tas-servizz li jkun hemm amministraturi li huma immedjatament operattivi iżda, għall-kuntrarju, fittxet li tiddetermina jekk il-provi prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku jurux li, sabiex jiġi ssodisfatt dan l-interess, huwa neċessarju, meħud kont tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u tal-lingwi effettivament użati mid-dipartimenti kkonċernati fix-xogħol ta’ kuljum tagħhom, li l-għażla tat-tieni lingwa ta’ dawn il-kompetizzjonijiet tkun limitata għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża (ara, ukoll, fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ċċitata fil-punt 137, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 106).

76

Barra minn hekk, billi pproċediet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali la naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u lanqas marret lil hinn mil-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha.

77

Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, huwa ġustament u mingħajr ma eċċediet il-limiti tal-istħarriġ tagħha li l-Qorti Ġenerali vverifikat jekk il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa kinitx oġġettivament iġġustifikata min-neċessità li jiġu rreklutati amministraturi immedjatament operattivi u jekk il-livell ta’ għarfien tal-lingwi meħtieġ kienx proporzjonat mal-bżonnijiet reali tas-servizz.

78

Fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri deċiżjonali rispettivi tagħha, u fir-rigward tal-kritika tagħha li l-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat għas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), kif ukoll li kkonstatat in-natura speċifika tal-funzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat sabiex tiċħad il-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Qorti Ġenerali eżaminat it-testi kollha prodotti mill-Kummissjoni, u li, fi tmiem dan l-eżami, waslet għall-konklużjoni li mill-eżistenza ta’ rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonijiet ta’ awditjar ma jsegwix li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkontestata ser ikunu jistgħu jeżerċitaw dan. Madankollu, il-Kummissjoni ma tikkontestax din il-konklużjoni, iżda sempliċement issostni li huwa “impossibbli” li tintuża lingwa differenti mit-tliet lingwi inkwistjoni.

79

Sussegwentement, anki jekk il-punt 121 tas-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑353/14 u T‑17/15, EU:T:2016:495), li jirreferi għalih il-punt 137 tas-sentenza appellata jirrigwarda l-argument tal-Kummissjoni dwar il-lingwi użati fi ħdan il-Coreper, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset ukoll, fil-punt 122 ta’ dik l-istess sentenza, li, b’mod ġenerali, fir-rigward tal-argumenti bbażati fuq l-użu ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi bħala “lingwi ta’ deliberazzjoni” ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr spjegazzjonijiet, li uffiċjal li jkun għadu kif ġie rreklutat, li ma jkollu għarfien tajjeb ta’ ebda waħda minn dawn il-lingwi, ma jkunx jista’ jipprovdi immedjatament xogħol utli fl-istituzzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, ma hijiex fondata ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi l-ġurisprudenza tagħha stess.

80

Fl-aħħar, fir-rigward tan-natura speċifika tal-funzjonijiet ikkonċernati mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 137 tas-sentenza appellata, li l-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi ma kinitx ġiet issostanzjata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

81

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali sempliċement wettqet, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza, l-eżami neċessarju sabiex tiddetermina l-għarfien tal-lingwi li jista’ oġġettivament jiġi rikjest mill-Kummissjoni fl-interess tas-servizz, fid-dawl tal-funzjonijiet partikolari koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

82

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilmenti tal-Kummissjoni diretti kontra l-punti 159 sa 161 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, kienet il-Kummissjoni li kellha tistabbilixxi li l-limitazzjoni tal-għażla tal-lingwa 2 tal-kompetizzjoni kienet tassew adatta sabiex tissodisfa bżonnijiet reali relatati mal-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser ikunu mitluba jwettqu.

83

Dan huwa preċiżament dak li vverifikat il-Qorti Ġenerali, fil-punti 159 sa 161 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li d-data ppreżentata mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-għarfien tal-lingwi tal-persunal ta’ dik l-istituzzjoni inkarigati minn funzjonijiet ta’ awditjar twassal, l-iktar l-iktar, sabiex jiġi konkluż li għalkemm l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża jista’ jkun ta’ natura li jagħti vantaġġ fil-komunikazzjoni interna għall-benefiċċju tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkontestata u għalhekk li jippermettilhom ikunu immedjatament operattivi fuq il-livell ta’ din il-komunikazzjoni, tali konklużjoni ma tapplikax għal dak li jikkonċerna l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża.

84

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, ġustament, li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi li l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda minn dawn iż-żewġ lingwi l-oħra jagħti vantaġġ sabiex jintlaħaq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

85

Peress li ebda wieħed mill-ilmenti ma huwa fondat, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal‑oneru tal‑prova u tal‑obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni f’avviż ta’ kompetizzjoni

– L‑argumenti tal‑partijiet

86

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddefinixxiet b’mod eċċessivament strett kemm l-obbligu ta’ motivazzjoni, fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni inkwistjoni kif ukoll l-oneru tal-prova tal-fondatezza ta’ din il-ġustifikazzjoni.

87

Għalhekk, l-ewwel, skont il-Kummissjoni, l-oneru tal-prova impost mill-Qorti Ġenerali fuq il-Kummissjoni sabiex tipprova l-eżistenza tal-ġustifikazzjonijiet invokati jmur ferm lil hinn mil-livell ta’ preċiżjoni meħtieġ mill-ġurisprudenza, sa fejn hija ddeċidiet, fl-aħħar sentenza tal-punt 113, fl-ewwel sentenza tal-punt 138 u fil-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni baqgħet ma pprovatx li t-tliet lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat kienu effettivament it-tliet lingwi użati kuljum mid-“dipartimenti kollha” ta’ din l-istituzzjoni.

88

It-tieni, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali eżiġiet, fil-punt 144 tas-sentenza appellata, il-prova tal-“użu esklużiv” ta’ dawn it-tliet lingwi fil-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, filwaqt li dan l-avviż kien jippreċiża li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jużawx esklużivament, iżda prinċipalment, l-imsemmija lingwi. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika jekk dawn it-tliet lingwi kinux effettivament l-iktar użati mill-istituzzjoni, u mhux l-uniċi lingwi użati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet dan l-istess żball fil-punti 159 sa 161 ta’ dik is-sentenza, billi żiedet kriterju ta’ eżami skont liema huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk it-tliet lingwi inkwistjoni jagħtux “vantaġġ partikolari” lill-kandidati tal-kompetizzjonijiet ikkontestati.

89

It-tielet, skont il-Kummissjoni, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Qorti Ġenerali fl-aħħar sentenza tal-punt 147 tas-sentenza appellata, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tidentifika dik mit-tliet lingwi li tista’ tintuża u l-importanza relattiva ta’ kull waħda minn dawn il-lingwi hija irrilevanti.

90

Ir-raba’, il-Kummissjoni tikkritika li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 193 tas-sentenza appellata, id-data statistika kollha li hija ppreżentat, għar-raġunijiet li ma jistax jiġi preżunt li din tirrifletti korrettament l-għarfien tal-lingwi tal-kandidati potenzjali fil-kompetizzjoni inkwistjoni.

91

Skont dik l-istituzzjoni, il-livell ta’ prova meħtieġ skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-lingwi uffiċjali li l-għarfien tagħhom huwa l-iktar komuni fl-Unjoni. Għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija ġġustifikata minn elementi oġġettivi relatati mat-tixrid tal-lingwi li jippermettu li jiġi dedott b’mod raġonevoli li din id-data tikkorrispondi għall-għarfien tal-lingwi li għandhom il-persuni li jixtiequ jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova li tali korrispondenza hija stabbilita b’mod korrett.

92

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-konklużjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tal-punt 197 tas-sentenza appellata, sa fejn hija bbażata fuq l-istess premessa żbaljata, hija wkoll ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

93

Fl-aħħar, il-ħames, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjonijiet purament ipotetiċi, billi naqqset b’mod sinjifikattiv il-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6.

94

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jikkontestaw dawn l-argumenti.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

95

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar, bħalma jirriżulta mill-punt 69 ta’ din is-sentenza, li kull kundizzjoni relatata ma’ għarfien tal-lingwi speċifiku għandha tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli sabiex il-kandidati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet ta’ din il-kundizzjoni u l-qrati tal-Unjoni jkunu jistgħu jistħarrġu l-legalità tagħha.

96

Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni għandha importanza partikolari ħafna, inkwantu din tippermetti lill-persuna kkonċernata tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk hijiex biħsiebha tippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni kif ukoll lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha, u li għalhekk tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet tal-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB, C‑584/20 P u C‑621/20 P, EU:C:2021:601, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97

F’dak li jirrigwarda l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa f’avviż ta’ kompetizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija l-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk dan l-avviż, id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kompetizzjonijiet ġenerali jew inkella l-provi prodotti mill-Kummissjoni jinkludux “indikazzjonijiet konkreti” li jippermettu li tiġi stabbilita, oġġettivament, l-eżistenza ta’ interess tas-servizz li tista’ tiġġustifika din il-limitazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 95).

98

Għaldaqstant, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament wettqet din il-verifika u kkonstatat, fil-punt 100 ta’ dik is-sentenza u wara l-eżami mwettaq b’mod partikolari fil-punti 93 sa 99 tagħha, li l-kontenut tiegħu ġie espost fil-punti 28 u 29 ta’ din is-sentenza, li, anki fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-funzjonijiet li jinsabu fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi, imsemmi f’dan l-avviż, ma jistax, fid-dawl tal-formulazzjoni vaga u ġenerali tiegħu u fl-assenza, fl-imsemmi avviż, ta’ indikazzjonijiet konkreti ta’ natura li jsostnuh, jiġġustifika l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni għal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża.

99

Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat, fir-rikors tal-appell tagħha, li ma tikkontestax il-punti 86 sa 100 tas-sentenza appellata.

100

Fit-tieni lok, sa fejn il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali imponiet fuqha oneru tal-prova sproporzjonat, mill-punti 70 u 71 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, minn naħa, il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija fil-fatt xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali dwar il-funzjonijiet li l-persuni rreklutati ser jiġu msejħa jeżerċitaw, li hija proporzjonata għal dawn il-bżonnijiet u li hija bbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi u prevedibbli, u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kellha twettaq eżami in concreto tan-natura oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata ta’ din il-limitazzjoni fid-dawl tal-imsemmija bżonnijiet, billi tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati mill-Kummissjoni, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda wkoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-ġustifikazzjoni tal-imsemmija limitazzjoni u jekk hijiex ta’ natura li ssostni l-konklużjonijiet li huma misluta minnha.

101

Issa, dan huwa preċiżament dak li għamlet il-Qorti Ġenerali meta eżaminat, fil-punti 106 sa 199 tas-sentenza appellata, il-provi prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-motiv ibbażat fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

102

L-ewwel, fir-rigward tal-ilmenti indirizzati kontra l-aħħar sentenza tal-punt 113, l-ewwel sentenza tal-punt 138 u l-punt 157 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom ġie espost fil-punti 33, 38 u 41 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eżiġiet li, sabiex tistabbilixxi n-natura ġġustifikata tal-limitazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha turi li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża jintużaw mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

103

Għalhekk, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat l-argument tal-Kummissjoni, skont liema l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, u b’mod partikolari l-punt 2.2 tagħha, tillimita n-numru ta’ “lingwi ta’ ħidma” ta’ din l-istituzzjoni għal tlieta, billi qieset li, fid-dawl b’mod partikolari tal-kuntest ta’ dan il-punt, li huwa relatat mat-teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni permezz tal-proċedura bil-miktub, is-sempliċi riferiment fih għat-“tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni” ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-fondatezza ta’ dan l-argument.

104

Skont din l-istess loġika, fil-punti 136 sa 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tal-provi kollha prodotti mill-Kummissjoni dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku, li, sa fejn l-uniku għan tagħhom huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni fejn minnhom la jirriżulta li teżisti rabta neċessarja bejn dawn il-proċeduri u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet ikkontestati ser ikunu jistgħu jeżerċitaw, u lanqas li t-tliet lingwi kollha kklassifikati bħala “lingwi proċedurali” effettivament jintużaw mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, dawn il-provi ma humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

105

Barra minn hekk, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, hija rrilevat li d-data pprovduta mill-Kummissjoni dwar l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni inkarigata minn funzjonijiet ta’ awditjar ma tippermettix la waħidha u lanqas flimkien mal-provi relatati mal-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku li tistabbilixxi liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-diversi dipartiment, li minnhom toħroġ din id-data, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum, jew il-lingwa jew il-lingwi li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat u li, għaldaqstant, din id-data ma tippermettix li jiġi stabbilit liema hija l-lingwa jew il-lingwi li għarfien sodisfaċenti tagħhom iwassal sabiex il-kandidati li jkunu għaddew minn dawn il-kompetizzjonijiet jkunu amministraturi immedjatament operattivi.

106

Għalhekk, mill-punti 113, 138 u 157 tas-sentenza appellata, moqrija fil-kuntest tagħhom, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali sempliċement ivverifikat, u dan ġustament, jekk il-provi, prodotti mill-Kummissjoni insostenn tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi, humiex ta’ natura li juru li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża huma dawk effettivament użati, fl-eżerċizzju tal-kompiti regolari tagħhom, mill-membri tal-persunal tad-dipartiment li l-kandidati tal-kompetizzjoni inkwistjoni huma, bħala prinċipju, mistennija li jiġu assenjati fih, b’tali mod li għarfien sodisfaċenti minn dawn tal-aħħar ta’ mill-inqas waħda minn dawn it-tliet lingwi huwa kemm neċessarju kif ukoll suffiċjenti sabiex dawn il-kandidati jkunu jistgħu jkunu immedjatament operattivi.

107

It-tieni, dawn l-istess kunsiderazzjonijiet japplikaw fir-rigward tal-ilment dirett kontra l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 144 tas-sentenza appellata, li, fi kwalunkwe każ u indipendentement anki mill-eżistenza ta’ rabta bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni u l-funzjonijiet speċifiċi msemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, il-provi prodotti minnha dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku bl-ebda mod ma jindikaw użu esklużiv tat-tliet lingwi “proċedurali”. Fil-fatt, f’dan il-punt 144, il-Qorti Ġenerali rrilevat biss, sussidjarjament, li l-provi inkwistjoni ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjoni li dawn il-proċeduri huma limitati għal dawn it-tliet lingwi. Barra minn hekk, il-possibbiltà, għall-membri tal-persunal tas-servizz li l-kandidati ta’ kompetizzjoni huma mistennija li jiġu assenjati fih, li jwettqu l-kompiti regolari tagħhom f’lingwi oħra minbarra dawk li għalihom hija limitata l-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni tista’, jekk ikun il-każ, tkun ta’ natura li tqiegħed fid-dubju n-neċessità għal dawn il-kandidati li jkollhom għarfien tajjeb ta’ waħda minn dawn il-lingwi sabiex ikunu immedjatament operattivi.

108

Barra minn hekk, l-ilment tal-Kummissjoni, li jgħid li l-Qorti Ġenerali eżiġiet, fil-punti 159 sa 161 tas-sentenza appellata, li l-għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mil-lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa tal-kompetizzjoni kontenzjuża jagħti vantaġġ partikolari lill-kandidati li għaddew, huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

109

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, li d-data ppreżentata mill-Kummissjoni fir-rigward tal-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal ta’ din l-istituzzjoni inkarigati minn funzjonijiet ta’ awditjar twassal, l-iktar l-iktar, sabiex jiġi konkluż li għalkemm l-għarfien tajjeb tal-lingwa Ingliża jista’ jkun ta’ natura li jagħti vantaġġ fil-komunikazzjoni interna għall-benefiċċju tal-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkontestata u għalhekk jippermettilhom ikunu immedjatament operattivi fuq il-livell ta’ din il-komunikazzjoni, tali konklużjoni ma tapplikax fir-rigward tal-għarfien tajjeb tal-lingwa Ġermaniża u Franċiża.

110

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kienx irnexxielha tipprova li l-għarfien sodisfaċenti tal-lingwa Ġermaniża jew Franċiża, kuntrarjament għal kombinazzjoni li tinkludi lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni, kien indispensabbli sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

111

It-tielet, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li kkunsidrat, fl-aħħar sentenza tal-punt 147 tas-sentenza appellata, li n-noti tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni li din tal-aħħar ipprovdiet u li jagħtu, konformement mad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, derogi permanenti f’ċerti oqsma billi jawtorizzaw il-preżentazzjoni ta’ abbozzi ta’ att f’lingwa “proċedurali” waħda, ma jippermettux li jinsiltu konklużjonijiet utli, peress li dawn ma jidentifikawx b’mod konkret dik minn dawn il-lingwi li tista’ konkretament tintuża.

112

Ir-raba’, fir-rigward tal-ilment tal-Kummissjoni dirett kontra l-punti 193 u 197 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata. Qabelxejn, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt 193, bl-ebda mod ma ċaħdet fl-intier tiegħu t-teħid inkunsiderazzjoni tad-data statistika dwar il-lingwi l-iktar studjati fl‑2012 fil-livell tal-edukazzjoni sekondarja inferjuri għar-raġuni li l-Kummissjoni ma pprovatx li dawn jirriflettu b’mod korrett l-għarfien tal-lingwi tal-kandidati potenzjali għall-kompetizzjoni kkontestata, iżda sempliċement osservat li s-saħħa probatorja ta’ din id-data hija inqas minħabba l-fatt li din tagħmel riferiment għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, inklużi persuni li ma laħqux l-età maġġuri.

113

Sussegwentement, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 194 tas-sentenza appellata, skont liema l-unika ħaġa li l-imsemmija data tista’ turi hija li n-numru ta’ kandidati potenzjali li s-sitwazzjoni tagħhom hija affettwata mil-limitazzjoni inkwistjoni huwa inqas milli jkun li kieku din l-għażla kienet limitata għal lingwi oħra.

114

Fl-aħħar u fuq kollox, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 195 tas-sentenza appellata, din l-istess data ma tistax turi li l-limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa tal-kompetizzjoni hija adattata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan li jkun hemm kandidati li għaddew immedjatament operattivi. Għaldaqstant, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, b’mod partikolari fil-punti 149 u 188 ta’ dik is-sentenza, li l-Kummissjoni baqgħet ma pproduċietx din il-prova, id-data statistika dwar il-lingwi l-iktar studjati ma kinitx ta’ natura li tista’ turi li din il-limitazzjoni kienet oġġettivament iġġustifikata fid-dawl ta’ dan l-għan.

115

Il-ħames, billi kkontestat l-evalwazzjoni, fil-punt 139 tas-sentenza appellata, esposta fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, li hija tqis ipotetika, u billi ssostni li l-Qorti Ġenerali naqqset b’mod sinjifikattiv il-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, il-Kummissjoni ma tinvokax żball ta’ liġi iżda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ din il-prova tal-Qorti Ġenerali b’dik tagħha stess.

116

Issa, mill-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jsegwi li l-appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali hija, għalhekk, unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll il-provi. L-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (digriet tas‑27 ta’ Jannar 2022, FT et vs Il‑Kummissjoni, C‑518/21 P, mhux ippubblikat, EU:C:2022:70, punt 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

117

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq l‑affermazzjoni li l‑Qorti Ġenerali eżiġiet il‑produzzjoni ta’ att legalment vinkolanti sabiex tiġi ġġustifikata l‑limitazzjoni tal‑għażla tat‑tieni lingwa skont l‑avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat

– L‑argumenti tal‑partijiet

118

Il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali naqqset il-portata tal-provi li hija pproduċiet dwar il-prassi interna tagħha fil-qasam lingwistiku abbażi ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni żbaljat, jiġifieri l-eżistenza ta’ att ġuridiku vinkolanti li jiddefinixxi l-lingwi ta’ ħidma tal-istituzzjoni kkonċernata. Issa, la mill-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li huma biss tali atti li jistgħu jiġġustifikaw limitazzjoni tal-għażla tat-tieni lingwa ta’ kompetizzjoni.

119

Barra minn hekk, kemm in-nota tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 kif ukoll ir-“Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” li jinsabu fil-Manwal tal-proċeduri operattivi jikkostitwixxu “regoli interni” fis-sens tal-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, sa fejn dawn huma vinkolanti għall-istituzzjoni.

120

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jikkonfutaw dan l-argument.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

121

Bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, din it-tielet parti tal-ewwel aggravju, skont liema l-Qorti Ġenerali allegatament naqqset il-portata tal-provi dwar il-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku billi kkunsidrat li huwa biss att ġuridiku vinkolanti li jista’ jiġġustifika limitazzjoni lingwistika bħal dik imposta mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, hija bbażata fuq qari żbaljat tal-punti 132 sa 135 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħha tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza.

122

Fil-fatt, minn dawn il-punti, moqrija flimkien mal-punti 136 sa 149 tas-sentenza appellata, esposti fil-punti 36 sa 39 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li huwa biss bħala preċiżazzjonijiet preliminari li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, ġustament, li dawn il-provi ma jistgħux jiġu analizzati bħala modalitajiet ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/58, filwaqt li eżaminat, sussegwentement, fil-fond, jekk l-imsemmija provi humiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi koperti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat. Għalhekk, il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li dan ma huwiex il-każ, ma hijiex marbuta mal-assenza ta’ deċiżjoni interna li tistabbilixxi l-lingwi ta’ ħidma fi ħdan il-Kummissjoni, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata u li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, iżda mal-fatt li l-uniku għan ta’ dawn l-istess provi huwa li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni.

123

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju ma tistax tirnexxi.

124

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it‑tieni aggravju

125

It-tieni aggravju jinkludi seba’ partijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni tinvoka l-iżnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali u żball ta’ liġi.

126

Preliminarjament, għandu jitfakkar li huma ammissibbli, fl-istadju tal-appell, ilmenti relatati mal-konstatazzjoni tal-fatti u mal-evalwazzjoni tagħhom fid-deċiżjoni kkontestata meta jiġi allegat li l-Qorti Ġenerali wettqet konstatazzjonijiet li l-ineżattezza materjali tagħhom tirriżulta mill-atti tal-proċess jew li żnaturat il-provi li ġew prodotti quddiemha (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2007, PKK u KNK vs Il‑Kunsill, C‑229/05 P, EU:C:2007:32, punt 35).

127

F’dan ir-rigward, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati minn dik il-qorti u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-elementi tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li titwettaq evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 43).

128

Barra minn hekk, għalkemm żnaturament tal-provi jista’ jikkonsisti f’interpretazzjoni ta’ dokument kuntrarja għall-kontenut tiegħu, dan għandu jirriżulta b’mod manifest mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u jippreżupponi li l-Qorti Ġenerali marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dawn il-provi. F’dan ir-rigward, ma huwiex biżżejjed li jintwera li dokument jista’ jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik magħżula mill-Qorti Ġenerali (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Qualcomm u Qualcomm Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑466/19 P, EU:C:2021:76, punt 44).

129

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu analizzati s-seba’ partijiet tat-tieni aggravju.

Fuq l‑ewwel parti, ibbażata fuq żnaturament tal‑Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 u tal‑approvazzjoni tagħha mill‑Kulleġġ tal‑membri tal‑Kummissjoni

– L‑argumenti tal‑partijiet

130

Il-Kummissjoni targumenta li, fil-punti 112 sa 117 u 138 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat is-sens u l-portata tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6. L-ewwel, il-Kummissjoni tenfasizza, fir-rigward tal-punt 113 tas-sentenza appellata, li din il-komunikazzjoni, pjuttost milli tikkostitwixxi sempliċi evalwazzjoni tal-proċeduri deċiżjonali tal-istituzzjoni, tillimita b’mod ċar in-numru ta’ lingwi ta’ ħidma tagħha għal tlieta, bħalma jsegwi mill-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni.

131

It-tieni, ir-riferiment magħmul f’dan il-punt 2.2 għaċ-ċirkustanza li dokument jista’ jiġi approvat fil-lingwa awtentika ma jneħħix, kuntrarjament għal dak li, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 115 tas-sentenza appellata, l-obbligu li jiġi approvat ukoll f’waħda mit-tliet lingwi ta’ ħidma.

132

It-tielet, l-involviment tad-dipartiment ta’ traduzzjoni ma jistħoqqlux l-importanza li attribwixxietlu l-Qorti Ġenerali fil-punti 116 u 138 tas-sentenza appellata. Fil-fatt, dan l-involviment huwa intiż biss sabiex tiġi żgurata ġestjoni iktar effettiva tar-riżorsi fid-diversi dipartimenti u ma jbiddel xejn mill-fatt li b’mod partikolari d-dipartiment awtur tal-abbozz ta’ att li għandu jiġi sottomess lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni għandu, fid-dawl tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-proċedura deċiżjonali u tal-obbligu li tiġi osservata s-sistema lingwistika msemmija fil-punt 4 tal-imsemmija komunikazzjoni, ikollu uffiċjali li jkollhom għarfien tajjeb tat-tliet lingwi ta’ ħidma.

133

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

134

Għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali, fl-eżami tagħha tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 magħmula fil-punti 112 sa 117 u 138 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tiegħu ġie espost fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, bl-ebda mod ma żnaturatha.

135

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-punt 1.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 jirriżulta li din hija intiża sabiex jiġu identifikati l-modi u l-mezzi li jippermettu li l-proċeduri deċiżjonali jsiru iktar effikaċi u trasparenti. Sabiex isir dan, din il-komunikazzjoni telenka, fil-punti 2 u 3 tagħha, il-proċeduri fis-seħħ u tipproponi, fil-punt 4 tagħha, il-mezzi sabiex jiġu ssimplifikati kif ukoll, fil-punt 5 tagħha, miżuri oħra li għandhom jittieħdu. Fir-rigward b’mod partikolari tal-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni, dan jirrileva, inter alia, li fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub, “id-dokumenti għandhom jinħarġu fit-tliet lingwi ta’ ħidma tal-Kummissjoni” filwaqt li, fil-kuntest tal-proċedura b’awtorizzazzjoni, it-test tad-deċiżjoni li għandha tiġi adottata huwa “ippreżentat biss f’lingwa waħda ta’ ħidma u/jew fil-verżjonijiet awtentiċi tagħha”.

136

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali manifestament ma żnaturatx il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, meta kkonstatat, fil-punt 113 tas-sentenza appellata, li l-għan tagħha “jikkonsisti, essenzjalment, fl-evalwazzjoni tad-diversi tipi ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni […] u li tipproponi s-simplifikazzjoni tagħha” u li “[h]uwa f’tali kuntest u b’riferiment għal tip preċiż ta’ proċedura, jiġifieri l-proċedura bil-miktub” li l-punt 2.2 tal-komunikazzjoni, li s-silta inkwistjoni fih hija barra minn hekk irriprodotta b’mod fidili, tagħmel riferiment għal-“lingwi ta’ ħidma”. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli f’dan il-punt 2.2 meta qieset li dan is-sempliċi riferiment ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-lingwa Ġermaniża, Ingliż u dik Franċiża effettivament jintużaw mid-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum.

137

L-istess japplika fir-rigward tal-konstatazzjoni li għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 115 tas-sentenza appellata, li sempliċement tirriproduċi b’mod fidil il-punt 2.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 f’dak li jikkonċerna s-sistema lingwistika applikabbli fil-kuntest tal-proċedura b’awtorizzazzjoni, u tal-evalwazzjoni, magħmula fil-punt 114 ta’ dik is-sentenza, li din l-aħħar sistema tikkwalifika l-portata tal-imsemmi riferiment. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-punt 4 ta’ din il-komunikazzjoni, li għalih tagħmel riferiment il-Kummissjoni, li tesponi, inter alia, li l-miżuri proposti għandhom ukoll l-effett li jissimplifikaw ir-rekwiżiti lingwistiċi fil-qasam tad-deċiżjonijiet, billi tirrileva li meta att jiġi adottat permezz ta’ proċedura bil-miktub, “il-proposta għandha tkun disponibbli tal-inqas fil-lingwi tal-ħidma tal-Kummissjoni”, filwaqt li fil-każ tad-deċiżjonijiet meħuda mill-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ delega, “it-test huwa meħtieġ biss fil-lingwa jew fil-lingwi li għalihom tkun indirizzata d-deċiżjoni”.

138

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali lanqas ma żnaturat il-punt 5.2 tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, intitolat “Tiġi ssimplifikata s-sistema lingwistika”, meta rrilevat, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, li dan “juri r-rwol tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni”, sa fejn dan jippreċiża li “waħda mir-raġunijiet prinċipali ta’ dewmien fit-tnedija jew it-tlestija tal-proċeduri bil-miktub u tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni hija l-kisba ta’ traduzzjonijiet, inklużi testi riveduti mill-ġuristi lingwisti, li jagħmel indispensabbli li jkun hemm trażmissjoni fil-ħin tad-dokumenti kkonċernati [lil din id-direttorat]”, u meta qieset, fil-punt 114 ta’ dik is-sentenza, li dan il-punt 5.2 huwa għalhekk ta’ natura wkoll li jikkwalifika l-portata tar-riferiment għal-“lingwi ta’ ħidma” tal-Kummissjoni.

139

Għaldaqstant, huwa mingħajr ma żnaturat il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 li l-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li l-punt 2.2 ta’ din il-komunikazzjoni ma jippermettix li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar l-użu effettiv u reali tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża fix-xogħol ta’ kuljum tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, u lanqas a fortiori fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet imsemmija fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

140

Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma żnaturat il-punt 5.2 tal-imsemmija komunikazzjoni meta qieset, fil-punt 138 tas-sentenza appellata, li dan jagħti x’jifhem li ma huwiex id-dipartiment materjalment responsabbli għat-tfassil ta’ dokument, iżda d-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, li jistabbilixxi l-verżjonijiet ta’ dan id-dokument fil-lingwi proċedurali neċessarji sabiex jintbagħtu lill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, peress li d-dipartiment responsabbli jillimita ruħu għal kompitu ta’ verifika tat-test tradott.

141

Issa, fl-assenza ta’ kwalunkwe żnaturament, l-importanza mogħtija mill-Qorti Ġenerali lil waħda jew lill-oħra mill-eventwalitajiet espressament previsti mill-imsemmija komunikazzjoni taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-provi li, min-natura tagħhom, jaqgħu ’l barra mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju tal-appell.

142

Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

Fuq it‑tieni parti, ibbażata fuq żnaturament tar‑Regoli tal‑Proċedura kif ukoll tal‑modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom

– L‑argumenti tal‑partijiet

143

Il-Kummissjoni targumenta li, fil-punti 119 sa 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rabta bejn ir-Regoli tal-Proċedura, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, il-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6 kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

144

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet qari selettiv tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura, billi naqset milli tqis li l-President ta’ din l-istituzzjoni jista’ jistabbilixxi l-lingwi li fihom għandhom ikunu disponibbli d-dokumenti, fid-dawl tal-ħtiġijiet minimi tal-membri tal-Kulleġġ jew tal-ħtiġijiet marbuta mal-adozzjoni ta’ att.

145

Issa, il-President tal-Kummissjoni applika din il-fakultà billi adotta l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6.

146

Għaldaqstant, u minkejja li din il-komunikazzjoni ma ssemmix speċifikament it-tliet lingwi ta’ ħidma li għandhom jintużaw mill-membri tal-Kulleġġ, skont il-Kummissjoni din tikkonferma l-prassi interna dwar l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża fil-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni.

147

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni sempliċement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

148

Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax li huwa b’mod għalkollox fidil li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 119 sa 126 tas-sentenza appellata, id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regoli tal-Proċedura u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, qabel ma wettqet analiżi tal-kontenut tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

149

Għalhekk, dak li tikkritika lill-Qorti Ġenerali huwa li din illimitat ruħha għal tali tfakkira, filwaqt li kellha tikkunsidra li dawn id-dokumenti jikkonfermaw l-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u Franċiża bħala lingwi ta’ ħidma.

150

Issa, għandu jiġi kkonstatat li mhux biss il-Kummissjoni tikkontesta l-evalwazzjoni tal-imsemmija dokumenti mingħajr ma turi kif il-Qorti Ġenerali żnaturathom, iżda l-argument tagħha huwa bbażat, barra minn hekk, fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

151

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma llimitat ruħha li tesponi l-kontenut tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn l-istess dokumenti. Għall-kuntrarju, hija evalwathom b’mod sħiħ flimkien mal-elementi l-oħra relatati mal-prassi interna tal-Kummissjoni fil-qasam lingwistiku, inkluża l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, billi kkonstatat, minn naħa, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, li, meħuda flimkien, dawn it-testi “sempliċement jirriflettu prassi amministrattiva stabbilita fit-tul fi ħdan din l-istituzzjoni, li tikkonsisti fl-użu tal-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża bħala lingwi li fihom id-dokumenti għandhom isiru disponibbli sabiex ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-kulleġġ tal-membri”, u min-naħa l-oħra, fil-punti 137 u 138 ta’ dik is-sentenza, li la mill-imsemmija testi u lanqas mill-elementi tal-proċess ma jsegwi li “teżisti rabta neċessarja bejn il-proċeduri deċiżjonali tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk li jiżvolġu fi ħdan il-kulleġġ tal-membri tiegħu, u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni kkontestata inkwistjoni ser ikunu jistgħu jeżerċitaw” jew li “t-tliet lingwi kollha [inkwistjoni] huma effettivament użati mid-dipartimenti tagħha, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum”. Huwa għal din ir-raġuni li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 149 tal-imsemmija sentenza, li dawn l-istess testi ma humiex ta’ natura li juru li l-limitazzjoni inkwistjoni hija xierqa sabiex tissodisfa bżonnijiet reali tas-servizz u, għaldaqstant, tistabbilixxi l-eżistenza, fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet funzjonali tal-impjiegi msemmija f’dan l-avviż, ta’ interess tas-servizz li l-persuni li jkunu għadhom kif ġew irreklutati jkunu immedjatament operattivi.

152

Għalhekk, il-Kummissjoni tillimita ruħha, fir-realtà, li ssostni li d-dokumenti li hija tinvoka jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali, li ma tikkostitwixxix, bħalma tfakkar fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, il-prova ta’ żnaturament ta’ dawn id-dokumenti.

153

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

Fuq it‑tielet parti, ibbażata fuq l‑iżnaturament tat‑taqsima dwar ir‑“Rekwiżiti lingwistiċi skont il‑proċedura ta’ adozzjoni”, inkluża fil‑Manwal tal‑proċeduri operattivi

– L‑argumenti tal‑partijiet

154

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 145 sa 149 tas-sentenza appellata, is-sens u l-portata tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

155

Il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li fl-evalwazzjoni tagħha ta’ dan id-dokument, il-Qorti Ġenerali manifestament injorat żewġ aspetti. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li, minn naħa, l-eżistenza tas-sistema tad-derogi ssostni pjuttost milli tinvalida r-regola tat-tliet lingwi proċedurali u, min-naħa l-oħra, l-imsemmi dokument jikkonferma b’mod inekwivoku li kienu d-dipartimenti tal-istituzzjoni li kellhom josservaw ir-rekwiżiti lingwistiċi stabbiliti fih.

156

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, minħabba li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din tal-aħħar żnaturathom.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

157

Għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni titlob, fir-realtà, lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” b’tagħha stess, mingħajr ma tistabbilixxi li din manifestament eċċediet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ dan id-dokument.

158

Għaldaqstant, dan l-argument ma jikkostitwixxix, bħalma tfakkar fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, it-turija ta’ żnaturament tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”.

159

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet parti tat-tieni aggravju hija inammissibbli.

Fuq ir‑raba’ parti, ibbażata fuq l‑assenza ta’ evalwazzjoni globali tal‑Komunikazzjoni SEC (2000) 2071/6, tar‑Regoli tal‑Proċedura tal‑Kummissjoni u tal‑modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom kif ukoll tat‑taqsima dwar ir‑“Rekwiżiti lingwistiċi skont il‑proċedura ta’ adozzjoni”

– L‑argumenti tal‑partijiet

160

Il-Kummissjoni ssostni li, billi kklassifikat, fil-punt 132 tas-sentenza appellata, bħala riflessjoni ta’ prassi amministrattiva l-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, ir-Regoli tal-Proċedura u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom, kif ukoll id-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni”, il-Qorti Ġenerali injorat l-aspett li dawn id-dokumenti jistabbilixxu regola vinkolanti għall-adozzjoni ta’ atti mill-Kummissjoni.

161

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont il-Kummissjoni l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 132 sa 137 u 139 tas-sentenza appellata, dawn id-dokumenti billi ċaħdithom mill-kwalità ta’ regoli interni, imsemmija fil-punt 2 tal-Anness II tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat, li hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni tagħhom sabiex tevalwa l-legalità tal-motivazzjoni mressqa fir-rigward tan-natura oġġettiva u proporzjonata tal-limitazzjoni inkwistjoni.

162

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

163

Qabelxejn għandu jitfakkar li, fil-punti 136 u 137 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-dokumenti msemmija fil-punti 107 u 108 ta’ dik is-sentenza kellhom biss l-għan li jiddefinixxu l-lingwi neċessarji għall-iżvolġiment tad-diversi proċeduri deċiżjonali ta’ dik l-istituzzjoni, iżda ma kinux jippermettu li tiġi stabbilita r-rabta neċessarja bejn dawn il-proċeduri u l-funzjonijiet li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet kontenzjużi jkunu jistgħu jeżerċitaw.

164

Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tas-saħħa vinkolanti tas-sistema lingwistika fi ħdan dik l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx, mingħajr ma tiżnatura dawn id-dokumenti, tikkonkludi li ma kienx hemm tali rabta.

165

Issa, minn naħa, mill-punt 122 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jidher li tqis il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma waslitx għal din il-konklużjoni għar-raġuni li s-sistema lingwistika applikabbli għad-diversi proċeduri deċiżjonali ma għandhiex saħħa vinkolanti fi ħdan dik l-istituzzjoni.

166

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma turix li l-Qorti Ġenerali, billi waslet għall-imsemmija konklużjoni, manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-imsemmija dokumenti li, kuntrarjament għal dak li donnha ssostni l-Kummissjoni, hija evalwat kemm individwalment kif ukoll globalment.

167

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-raba’ parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

Fuq il‑ħames parti, ibbażata fuq l‑iżnaturament tal‑Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final

– L‑argumenti tal‑partijiet

168

Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali żnaturat, fil-punti 140 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u, b’mod partikolari, l-anness tagħha intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”.

169

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkritika li l-Qorti Ġenerali ma osservatx, meta rrilevat fil-punt 141 ta’ dik is-sentenza li dawn ir-regoli ta’ traduzzjoni kienu jirreferu għad-dokumenti redatti bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, mhux bħala lingwi oriġinali, iżda bħala lingwi fil-mira, il-fatt li dawn it-tliet lingwi kienu l-lingwi ta’ traduzzjoni tad-dokumenti għal użu intern u li huwa biss f’dawn il-lingwi li l-parti l-iktar sinjifikattiva tad-dokumenti intiżi għal tali użu kellha tiġi tradotta. Għalhekk, huwa abbażi tat-traduzzjoni ta’ dokument f’waħda mill-imsemmija lingwi li d-dipartimenti tal-istituzzjoni kellhom jaħdmu.

170

Skont il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li ċerti dokumenti huma tradotti fil-lingwi uffiċjali kollha hija, f’dan ir-rigward, irrilevanti, peress li tali traduzzjoni tikkonċerna biss id-dokumenti intiżi għal użu estern.

171

Barra minn hekk, l-eżami tal-argument dwar it-traduzzjonijiet “griżi”, imwettaq fil-punt 142 tas-sentenza appellata, jikkostitwixxi żnaturament addizzjonali, peress li l-Qorti Ġenerali kkonċentrat fuq il-kontenut ta’ punt limitat ħafna tad-dokument inkwistjoni, filwaqt li injorat il-portata l-iktar wiesgħa li tirriżulta mill-kumplament tiegħu.

172

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja twettaq evalwazzjoni ġdida tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tistabbilixxi li din żnaturathom.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

173

Fil-punti 140 sa 143 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-evalwazzjoni li hija għamlet tal-Komunikazzjoni SEC(2000) 2071/6, tar-Regoli tal-Proċedura u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħhom kif ukoll tad-dokument intitolat “Rekwiżiti lingwistiċi skont il-proċedura ta’ adozzjoni” ma tistax tiġi kkontestata bl-argumenti li l-Kummissjoni tislet mill-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u b’mod partikolari mill-anness tagħha intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”, jiġifieri li minn dan jirriżulta li, fir-rigward tad-dokumenti għal użu intern, hija biss traduzzjoni bil-lingwa Ingliża, Franċiża u dik Ġermaniża li tkun meħtieġa, minbarra lingwa awtentika potenzjali, u li, barra minn hekk, id-dipartimenti tal-Kummissjoni jkunu meħtieġa jipproduċu traduzzjonijiet billi jużaw l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal tagħhom, magħrufa bħala traduzzjonijiet “griżi”.

174

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, minn naħa, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tal-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final ma għandux l-effett li jinvalida, iżda, għall-kuntrarju, li jikkonferma l-evalwazzjoni esposta fil-punti 137 u 138 ta’ dik is-sentenza. Fil-fatt, ir-“regoli tat-traduzzjoni wara l‑2006”, ippreżentati fl-anness ta’ din il-komunikazzjoni, isemmu l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża biss bħala lingwi fil-mira li fihom għandhom jiġu tradotti ċerti kategoriji ta’ dokumenti, mingħajr bl-ebda ma jiddefinixxu l-lingwa sors tagħhom. Barra minn hekk, għall-parti l-kbira tal-kategoriji ta’ dokumenti msemmija minn dan l-anness, hija prevista traduzzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha, u t-traduzzjoni lejn il-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża biss hija, fir-realtà, l-eċċezzjoni.

175

Fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq it-twettiq ta’ traduzzjonijiet “griżi”, dan ma huwa sostnut minn ebda prova dwar il-proporzjon eżatt li jirrappreżenta dan it-tip ta’ traduzzjoni fil-konfront tal-volum globali tat-traduzzjonijiet prodotti fil-Kummissjoni. Għalkemm il-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final tirrikonoxxi, fil-punt 2.2 tagħha, li huwa “estremament diffiċli li dawn it-traduzzjonijiet jiġu kklassifikati minħabba nuqqas ta’ indikaturi affidabbli”, hija xorta waħda tinkludi, fil-punt 3.1 tagħha, stima għas-sena 2007, skont liema t-traduzzjonijiet prodotti mid-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni jirrappreżentaw 1700000 paġna filwaqt li t-traduzzjonijiet “griżi” jilħqu 100000 paġna. Madankollu, peress li din iċ-ċifra tal-aħħar tikkorrispondi għad-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni minbarra dan id-direttorat, huwa evidenti ħafna li t-traduzzjonijiet “griżi” jirrappreżentaw biss kwantità żgħira ħafna fil-konfront tal-volum prodott mill-imsemmi direttorat. Fl-aħħar u fuq kollox, ebda prova fil-proċess ma tippermetti li jintwera li t-tliet lingwi msemmija iktar ’il fuq huma l-lingwi li lejhom isiru dawn it-traduzzjonijiet “griżi”.

176

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma turix li l-evalwazzjoni tal-Komunikazzjoni SEC(2006) 1489 final u tal-anness tagħha intitolat “Regoli ta’ traduzzjoni wara l‑2006”, li l-Qorti Ġenerali waslet għaliha f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, hija manifestament żbaljata, iżda tillimita ruħha, fir-realtà, li ssostni li dawn it-testi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata mill-Qorti Ġenerali.

177

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħames parti tat-tieni aggravju ma tistax tintlaqa’.

Fuq is‑sitt parti, ibbażata fuq żnaturament tad‑data dwar il‑lingwi użati mill‑membri tal‑persunal tal‑Kummissjoni inkarigati mill‑funzjonijiet ta’ awditjar kif ukoll fuq ksur tal‑obbligu ta’ motivazzjoni

– L‑argumenti tal‑partijiet

178

Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tan-natura żbaljata, invokata fil-kuntest tal-ewwel aggravju tagħha, tad-definizzjoni tal-kriterji għall-evalwazzjoni tal-provi, adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punti 157 sa 161 tas-sentenza appellata, din żnaturat, fil-punti 157 sa 163 ta’ dik is-sentenza, id-data dwar il-lingwi użati mill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni inkarigati mill-funzjonijiet ta’ awditjar, billi qieset li din ma kinitx ta’ natura li tistabbilixxi li l-għarfien ta’ waħda mit-tliet lingwi inkwistjoni kien jippermetti li l-kandidati tal-kompetizzjonijiet kontenzjużi jkunu immedjatament operattivi. Hija tfakkar f’dan ir-rigward li huwa sabiex jiġi deskritt l-ambjent lingwistiku tax-xogħol li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjonijiet kontenzjużi ser ikollhom jeżerċitaw il-funzjoni tagħhom fih li hija pproduċiet id-data statistika dwar it-tieni u t-tielet lingwa magħrufa mill-amministraturi li jeżerċitaw funzjonijiet ta’ awditjar.

179

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiċħad ir-rilevanza ta’ din id-data mingħajr ma tinjora n-natura tagħha, għaliex din turi li l-kombinazzjoni tat-tliet lingwi magħżula bħala t-tieni lingwa fl-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat tippermetti interazzjoni effikaċi fi ħdan il-membri tal-persunal, li tiżgura li l-kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni jkunu immedjatament operattivi.

180

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tillimita ruħha li tikkunsidra kriterju unikament kwantitattiv fl-analiżi ta’ din id-data, sabiex tikkonkludi minn dan li huwa biss l-għarfien tal-lingwa Ingliża li jagħti vantaġġ fl-ambjent lingwistiku tad-dipartiment tal-Kummissjoni kkonċernat mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

181

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 162 tas-sentenza appellata, id-data dwar it-tielet lingwa magħrufa mill-membri tal-persunal tad-dipartimenti kkonċernati hija rilevanti sabiex tingħata l-iktar stampa preċiża ta’ dan l-ambjent lingwistiku.

182

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-evalwazzjoni tagħha tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tipprova li din, b’xi mod, żnaturat dawn il-provi.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

183

Għandu jitfakkar li, fil-punt 157 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li d-data prodotta mill-Kummissjoni ma kinitx tippermetti li jiġu identifikati liema hija l-lingwa jew il-lingwi funzjonali effettivament użati mid-diversi dipartimenti li minnhom toriġina din id-data, fix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Barra minn hekk, hija estendiet din il-konstatazzjoni, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, għad-data dwar l-għarfien tal-lingwi tal-persunal li jaħdem fil-qasam tal-awditjar kif ukoll ta’ dak li jaqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet AST u fil-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

184

Barra minn hekk, fil-punti 159 sa 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li mid-data prodotta mill-Kummissjoni kien jirriżulta li, kuntrarjament għall-għarfien tal-lingwa Ingliża, dak tal-lingwa Ġermaniża u Franċiża ma kienx jippreżenta vantaġġ partikolari meta mqabbel mal-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-Unjoni fid-dawl tan-neċessità li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

185

Issa, bħalma jirriżulta mill-punti 82 sa 84, 105 u 108 sa 110 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tibbaża l-eżami tal-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni inkwistjoni fuq tali rekwiżit.

186

B’mod partikolari, konformement mal-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tagħmel qari żbaljat tas-sentenza appellata, meta tikkritika li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, fil-punti 159 u 161 tas-sentenza appellata, fuq il-kunċett ta’ “vantaġġ”. Fil-fatt, minflok ma llimitat ruħha għal evalwazzjoni kwantitattiva tad-data prodotta mill-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali rrilevat, ġustament, li l-għarfien tal-lingwa Ġermaniża u dik Franċiża ma kienx iktar iġġustifikat minn dak ta’ lingwa oħra tal-Unjoni.

187

Barra minn hekk, fir-rigward tad-data msemmija fil-punt 162 tas-sentenza appellata, dwar l-għarfien iddikjarat minn amministraturi responsabbli mill-funzjonijiet previsti mill-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat fir-rigward tat-tielet lingwa tagħhom, għandu jiġi rrilevat li din id-data ssemmiet “anki jekk il-kontenut tagħha bl-ebda mod ma jbiddel l-evalwazzjoni esposta fil-punt 161 [tas-sentenza appellata]”.

188

Peress li l-motiv imsemmi fil-punt 162 tas-sentenza appellata huwa superfluwu, l-ilmenti bbażati fuq żnaturament ta’ din id-data kif ukoll fuq motivazzjoni kontradittorja indirizzati kontra dan il-punt huma ineffettivi.

189

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq is‑seba’ parti, ibbażata fuq żnaturament tad‑Deċiżjoni 22/2004, tan‑nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 kif ukoll tad‑data dwar l‑għarfien tal‑lingwi tal‑membri tal‑persunal tal‑Qorti tal‑Awdituri

– L‑argumenti tal‑partijiet

190

Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Deċiżjoni 22/2004 u n-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 għandhom jinqraw flimkien sabiex tiġi evalwata n-neċessità għall-kandidati għall-kompetizzjoni kkontestati li jkollhom għarfien sodisfaċenti ta’ waħda mit-tliet lingwi eliġibbli bħala t-tieni lingwa skont l-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat.

191

Issa, billi llimitat ruħha għal qari individwali ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, b’mod żbaljat, li dawn ma humiex rilevanti sabiex jiġu identifikati l-lingwi funzjonali użati fi ħdan il-Qorti tal-Awdituri.

192

Skont il-Kummissjoni, id-data statistika dwar il-lingwi pprattikati mill-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri tippermetti li jiġi kkonstatat li l-lingwa Ġermaniża, Ingliża u dik Franċiża huma l-iktar użati bħala lingwi funzjonali fi ħdan dik l-istituzzjoni. Għaldaqstant, huwa biss billi isir żnaturament ta’ din id-data li l-Qorti Ġenerali setgħet tqis li din ma kinitx tiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm amministraturi immedjatament operattivi.

193

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ din il-parti tat-tieni aggravju, għar-raġuni li l-Kummissjoni tillimita ruħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-evalwazzjoni tagħha tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr ma tipprova li din, b’xi mod, żnaturat dawn il-provi.

– Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

194

L-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 173, 174 u 177 tas-sentenza appellata li, sa fejn id-Deċiżjoni 22/2004 u n-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 kienu sempliċement jistabbilixxu s-sistema ta’ traduzzjoni u ta’ interpretazzjoni applikabbli b’mod partikolari fid-dawl tal-laqgħat tal-Qorti tal-Awdituri, dawn id-dokumenti ma kinux jippermettu li jinsiltu konklużjonijiet utli dwar il-lingwi ta’ ħidma jew il-lingwi funzjonali użati mid-dipartimenti kollha ta’ din l-istituzzjoni.

195

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 173 tas-sentenza appellata, l-għan tad-Deċiżjoni 22/2004, li, bħalma jirriżulta mit-titolu tagħha, huwa l-istabbiliment ta’ “regoli dwar it-traduzzjoni ta’ dokumenti għal-laqgħat tal-membri tagħha, tal-gruppi ta’ awditjar u tal-Kumitat Amministrattiv”.

196

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 177 tas-sentenza appellata, li n-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 kienet tirrigwarda s-sistema tal-interpretazzjoni matul il-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri.

197

Issa, il-Kummissjoni ma tikkontestax li l-Qorti Ġenerali identifikat korrettament l-għanijiet tad-Deċiżjoni 22/2004 u tan-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983, iżda tikkritikaha li wettqet evalwazzjoni żbaljata ta’ dawn id-dokumenti, mingħajr madankollu ma tistabbilixxi żnaturament tagħhom.

198

It-tieni, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 178 u 179 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li l-għan tan-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983 huwa distint sew minn dak tad-Deċiżjoni 22/2004 u li, għaldaqstant, ma jistax jirnexxi l-argument tal-Kummissjoni li permezz tiegħu din kienet intiża, essenzjalment, li tistabbilixxi li, permezz ta’ din in-nota, il-lingwa Ġermaniża kienet ser tiżdied maż-żewġ “lingwi ta’ redazzjoni/lingwi msejħa “pivot” li jikkostitwixxu, skont din id-deċiżjoni preċedenti, il-lingwa Ingliża u dik Franċiża. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li l-imsemmija nota tirrifletti prassi li għadha valida f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni matul il-laqgħat tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri, xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma jirriżulta mit-test stess tan-nota inkwistjoni, tali sitwazzjoni fattwali hija bbażata fuq ftehim komuni ta’ dawn il-membri kif ukoll fuq ir-“rieda tajba” ta’ kull wieħed minnhom, jiġifieri fuq elementi li jistgħu jinbidlu fi kwalunkwe mument.

199

Konsegwentement, is-sentenza appellata ma tistax tiġi kkritikata li hija bbażata fuq qari iżolat tad-Deċiżjoni 22/2004. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tistabbilixxix li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 179 tas-sentenza appellata, manifestament qabżet il-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli ta’ din id-deċiżjoni jew tan-nota tal‑11 ta’ Novembru 1983.

200

It-tielet, u għar-raġunijiet esposti fil-punti 184 sa 186 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żnaturament tad-data prodotta mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-għarfien tal-lingwi tal-membri tal-persunal tal-Qorti tal-Awdituri, billi kkonstatat, fil-punt 187 tas-sentenza appellata, li din id-data ma tistax tiġġustifika l-limitazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-għan li jkun hemm kandidati li għaddew mill-kompetizzjoni immedjatament operattiv.

201

Peress li s-seba’ parti ma tistax tintlaqa’, hemm lok, konsegwentement, li t-tieni aggravju tal-appell jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it‑tielet aggravju

L‑argumenti tal‑partijiet

202

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors fl-ewwel istanza, minn naħa, abbażi ta’ evalwazzjoni żbaljata fid-dritt tal-ġustifikazzjoni tal-limitazzjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, billi żnaturat il-mezzi ta’ prova li din l-istituzzjoni pproduċiet, il-motivi tas-sentenza appellata dwar it-tieni aspett tal-avviż ta’ kompetizzjoni kkontestat huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

203

Ir-Repubblika Taljana u r-Renju ta’ Spanja jeċċepixxu l-inammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, għar-raġuni li ma huwiex motivat b’mod awtonomu iżda sempliċement itenni l-argument ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi dwar il-limitazzjoni inkwistjoni.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

204

Mill-evalwazzjonijiet dwar l-ewwel u t-tieni aggravju tal-appell isegwi li l-Kummissjoni naqset milli turi l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi u ta’ żnaturament tal-provi allegati.

205

Peress li t-tielet aggravju huwa bbażat fuq dawn l-istess allegazzjonijiet, dan għandu jiġi miċħud bħala infondat.

206

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, peress li ebda aggravju ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l‑ispejjeż

207

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tagħhom, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn jintalbu.

208

Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Repubblika Taljana.

209

L-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, meta, billi ma tkunx hija stess ippreżentat l-appell, intervenjenti fl-ewwel istanza tipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’ tiddeċiedi li hija għandha tbati l-ispejjeż tagħha. F’dan il-każ, ir-Renju ta’ Spanja, li kien intervenjent fl-ewwel istanza, mingħajr ma kien l-awtur tal-appell, ipparteċipa fil-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u talab li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Hemm lok li jiġi deċiż li r-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mir-Repubblika Taljana.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.