Kawżi magħquda C‑615/20 u C‑671/20

Proċeduri kriminali

kontra

YP et

(talbiet għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑13 ta’ Lulju 2023

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – Indipendenza tal-qrati – Supremazija tad-dritt tal-Unjoni – Artikolu 4(3) TUE – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali u sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef ordnati mill-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) – Nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità ta’ din l-awla – Bidla fil-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti mitlub jieħu konjizzjoni ta’ kawża li sa dak iż-żmien kienet fdata lil dak l-imħallef – Projbizzjonijiet għall-qrati nazzjonali li jikkontestaw il-leġittimità ta’ qorti, li jikkompromettu l-funzjonament tagħha jew li jevalwaw il-legalità jew l-effettività tal-ħatra tal-imħallfin jew tas-setgħat ġudizzjarji tagħhom taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari – Obbligu għall-qrati kkonċernati u għall-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti li jeskludu l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ tneħħija tal-immunità u ta’ sospensjoni tal-imħallef ikkonċernat – Obbligu għal dawn l-istess qrati u korpi li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu l-imsemmija projbizzjonijiet”

  1. Domandi preliminari – Proċedura mħaffa għal deċiżjoni preliminari – Kundizzjonijiet – Ċirkustanzi li jiġġustifikaw trattament mgħaġġel – Natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma li ma twassalx għall-applikazzjoni ta’ tali proċedura

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 105(1))

    (ara l-punti 32 sa 33, 35)

  2. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Attribuzzjoni lil awla dixxiplinari tal-Qorti Suprema ta’ kompetenzi fil-qasam tat-tneħħija tal-immunità minn proċeduri kriminali tal-imħallfin – Awla li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

    (Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 51 sa 53, 55)

  3. Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Effetti – Obbligi tal-Istat Membru li jwettaq in-nuqqas – Eżekuzzjoni integrali tas-sentenza – Obbligi tal-qrati u tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali kompetenti – Adozzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha intiżi li jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni – Obbligu għall-qorti tar-rinviju li tislet il-konsegwenzi kollha tas-sentenza li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

    (Artikolu 260(1) TFUE)

    (ara l-punti 56 sa 59, u d-dispożittiv 1)

  4. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Supremazija u effett dirett tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu li ma japplikawx, fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett – Att adottat minn istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità, u li, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, ineħħi l-immunità minn proċeduri kriminali u jissospendi mill-funzjonijiet tiegħu mħallef li jpoġġi bħala mħallef uniku fi ħdan kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali – Obbligu għal tali kulleġġ ġudikanti u għall-imsemmija qorti nazzjonali li jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-att

    (Artikoli 2 u 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, 47)

    (ara l-punti 61 sa 63, 65, 73, u d-dispożittiv 2)

  5. Stati Membri – Obbligi – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lil istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità l-kompetenza sabiex tneħħi l-immunità minn proċeduri kriminali tal-imħallfin u sabiex tissospendihom mill-funzjonijiet tagħhom – Leġiżlazzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja – Obbligu li ma tiġix applikata l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali – Obbligu li jitħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni

    (Artikolu 4(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

    (ara l-punt 64)

  6. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Supremazija u effett dirett tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Att ta’ istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jissospendi mill-funzjonijiet tiegħu mħallef ta’ qorti nazzjonali sedenti bħala mħallef uniku – Obbligu, għall-korpi ġudizzjarji kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti, li jeskludu l-applikazzjoni ta’ dan l-att – Assenza ta’ rilevanza ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

    (ara l-punti 70, 71, 73, u d-dispożittiv 2)

  7. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Supremazija u effett dirett tad-dritt tal-Unjoni – Obbligi tal-qrati nazzjonali – Obbligu li ma japplikawx, fuq inizjattiva tagħhom stess, kwalunkwe leġiżlazzjoni jew prattika nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett – Imħallef uniku ta’ qorti nazzjonali responsabbli għal kawża li sa dak iż-żmien kienet assenjata lil imħallef ieħor, wara s-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ att ta’ istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità – Obbligu li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ dan l-att u li ma jitkompliex l-eżami tal-kawża – Obbligu, għall-korpi ġudizzjarji kompetenti sabiex jiddeterminaw il-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti, li jassenjaw mill-ġdid il-kawża lill-imħallef inizjalment responsabbli għaliha – Assenza ta’ rilevanza ta’ kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE)

    (ara l-punti 76 sa 80, u d-dispożittiv 3)

  8. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Osservanza tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-eżami tal-osservanza tar-rekwiżiti relatati ma’ qorti indipendenti u imparzjali stabbilita minn qabel bil-liġi jiġi kklassifikat bħala ksur dixxiplinari – Leġiżlazzjoni meqjusa li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni permezz ta’ sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu – Qorti nazzjonali mitluba tagħti effett lil att li jimplika, bi ksur tad-dritt tal-Unjoni, is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ wieħed mill-imħallfin li jifformaw wieħed mill-kulleġġi ġudikanti tagħha – Leġiżlazzjoni li tostakola l-obbligu ta’ din il-qorti li teskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-att – Inammissibbiltà

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 82 sa 88, 93, u d-dispożittiv 4)

Sunt

Il‑Kawża C‑615/20

Abbażi ta’ att ta’ akkuża mill-Prokuratura Okręgowa w Warszawie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), YP u oħra ġew akkużati quddiem is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) b’sensiela ta’ reati kriminali. Din il-kawża ġiet assenjata lil kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku ta’ din il-qorti, kompost mill-Imħallef I. T.

Filwaqt li din il-kawża kienet tinsab fi stadju avvanzat ħafna tal-proċedura, il-Prokuratura Krajowa Wydział Spraw Wewnętrznych (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Nazzjonali, Sezzjoni tal-Affarijiet Interni, il-Polonja), fl‑14 ta’ Frar 2020, adixxa lill-Awla Dixxiplinari tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) ( 1 ) b’talba għal awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T. talli, f’Diċembru 2017, awtorizza rappreżentanti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni jirreġistraw immaġni u ħsejjes matul seduta kif ukoll matul l-għoti ta’ deċiżjoni fil-kawża kkonċernata u l-espożizzjoni orali tal-motivi ta’ din id-deċiżjoni u, b’dan il-mod, allegatament żvela informazzjoni li toriġina mill-proċedura istruttorja tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja fil-kawża inkwistjoni.

Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020 (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni kontenzjuża”), l-Awla Dixxiplinari awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-Imħallef I. T., issospendietu mill-funzjonijiet tiegħu u naqqset l-ammont tar-remunerazzjoni tiegħu b’25 % għat-tul ta’ din is-sospensjoni.

Il-qorti tar-rinviju, li hija l-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja responsabbli għall-proċeduri kriminali mibdija b’mod partikolari kontra YP u li fi ħdanha l-Imħallef I. T. ipoġġi bħala mħallef uniku, irrilevat li r-riżoluzzjoni kontenzjuża kienet ta’ natura li tipprekludi li hija tkun tista’ tkompli din il-proċedura. F’dan il-kuntest, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha sabiex tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu jagħtu lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma kinux iggarantiti, il-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni. Id-domandi tagħha kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ( 2 ), l-imħallef uniku li jifforma din il-qorti kienx jibqa’ ġġustifikat li jkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali minkejja r-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendietu mill-funzjonijiet tiegħu.

Il‑Kawża C‑671/20

Proċeduri kriminali oħra kienu seħħu bejn il-Uffiċċju tal-Prosekutur Reġjonali ta’ Varsavja u M., akkużat ukoll b’diversi reati kriminali, dwar deċiżjoni ta’ dan l-uffiċċju tal-prosekutur li ordnat il-ħolqien ta’ ipoteka mandatorja fuq proprjetà immobbli ta’ M. Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, qorti li fi ħdanha l-kawża marbuta ma’ dan ir-rikors kienet ġiet inizjalment assenjata lill-Imħallef I. T.

Wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża li ssospendiet b’mod partikolari lill-Imħallef I. T. mill-funzjonijiet tiegħu, il-President tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja inkariga lill-Presidenta tas-Sezzjoni li fiha kien ipoġġi l-Imħallef I. T. sabiex tibdel il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti fil-kawżi li kienu ġew assenjati lil dan l-imħallef, bl-eċċezzjoni tal-kawża li fiha l-Imħallef I. T. kien adixxa lill-Qorti tal-Ġustizzja bit-talba għal deċiżjoni preliminari li kienet is-suġġett tal-Kawża C‑615/20. Konsegwentement, din il-Presidenta tas-Sezzjoni adottat digriet li ordna l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi inizjalment assenjati lill-Imħallef I. T., fosthom il-kawża relatata ma’ M.

Skont il-qorti tar-rinviju, jiġifieri kulleġġ ġudikanti ieħor b’Imħallef uniku tal-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja li lilu ġiet assenjata din il-kawża, dawn l-avvenimenti juru li l-President ta’ din il-qorti rrikonoxxa s-saħħa vinkolanti tar-riżoluzzjoni kontenzjuża billi qies li s-sospensjoni tal-funzjonijiet tal-Imħallef I. T. kienet tipprekludi li l-imsemmija kawża tiġi eżaminata minn dan l-imħallef jew li kien jeżisti ostakolu fit-tul għal tali eżami.

Issa, din il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar in-natura vinkolanti ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża u dwar il-leġittimità tal-kulleġġi ġudikanti l-oħra maħtura wara l-eżekuzzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni. Hija indikat, barra minn hekk, li dispożizzjonijiet nazzjonali reċenti kienu jipprojbixxuha, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, milli teżamina n-natura vinkolanti tal-imsemmija riżoluzzjoni. Id-domandi tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja kienu intiżi, essenzjalment, sabiex jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet u tal-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni ( 3 ), hija setgħetx, mingħajr ir-riskju li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-Imħallef uniku li jpoġġi fi ħdanha, tqis ir-riżoluzzjoni bħala nieqsa minn saħħa vinkolanti, b’tali mod li hija ma tkunx iġġustifikata li taqta’ l-kawża prinċipali li kienet ġiet assenjata lilha mill-ġdid wara din ir-riżoluzzjoni, u jekk din il-kawża kellhiex, għaldaqstant, tiġi assenjata mill-ġdid lill-imħallef inizjalment responsabbli għaliha.

Fis-sentenza tagħha, mogħtija f’dawn il-kawżi magħquda, il-Qorti tal-Ġustizzja, bl-Awla Manja bħala l-kulleġġ ġudikanti, irreferiet għat-tagħlim li jinsab fil-ġurisprudenza tagħha ( 4 ), b’mod partikolari fis-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) ( 5 ). Hija ddeċidiet, essenzjalment, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jippermettu lil istanza, bħalma hija l-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma jkunux iggarantiti, tneħħi l-immunità ta’ mħallef, tissospendih mill-funzjonijiet tiegħu kif ukoll tnaqqas ir-remunerazzjoni tiegħu. Hija ppreċiżat ukoll, fid-dawl tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, il-konsegwenzi ta’ tali konklużjoni għall-qorti nazzjonali fir-rigward ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża li jimplika, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, is-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef li jpoġġi bħala mħallef uniku, kif ukoll għall-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-imsemmija qorti nazzjonali.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipprekludi dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu lil istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma jkunux iggarantiti l-kompetenza sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji u, fil-każ ta’ ħruġ ta’ tali awtorizzazzjoni, sabiex tissospendi l-funzjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati u sabiex tnaqqas ir-remunerazzjoni tagħhom matul l-imsemmija sospensjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, sa mit-tressiq ta’ dawn iż-żewġ kawżi għal deċiżjoni preliminari, hija kienet tat is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) li fiha hija kienet iddeċidiet b’mod partikolari li, billi tat is-setgħa lill-Awla Dixxiplinari, li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma kinux iggarantiti ( 6 ), li taqta’ kawżi li jkollhom effett dirett fuq l-istatus u l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ mħallef, bħal talbiet għall-awtorizzazzjoni ta’ ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallfin, il-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 7 ).

Fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sempliċi perspettiva, għall-imħallfin, li jinkorru r-riskju li awtorizzazzjoni sabiex jinfetħu proċeduri kriminali kontrihom tkun tista’ tintalab u tinkiseb minn istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx iggarantita tista’ taffettwa l-indipendenza tagħhom stess u li l-istess japplika fir-rigward tar-riskji li tali istanza tiddeċiedi dwar is-sospensjoni eventwali tagħhom mill-funzjonijiet tagħhom u dwar it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tagħhom ( 8 ).

F’dan il-każ, ir-riżoluzzjoni kontenzjuża ġiet adottata fir-rigward tal-Imħallef I. T. ( 9 ), abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li jmorru kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn dawn jagħtu l-kompetenza sabiex jiġu adottati atti bħal din ir-riżoluzzjoni lil tali istanza.

Għalkemm l-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat huma obbligati jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali li kienu s-suġġett ta’ sentenza għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex jirrenduhom konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qrati ta’ dan l-Istat Membru għandhom, min-naħa tagħhom, l-obbligu li jiżguraw l-osservanza ta’ dik is-sentenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħhom, li jimplika, b’mod partikolari, li dawn il-qrati għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun hemm lok, l-elementi legali stabbiliti fiha bil-għan li jiddeterminaw il-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li dawn għandhom il-missjoni li japplikaw. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 intalbet tislet, fil-kawża prinċipali, il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mit-tagħlim tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin).

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali f’dan is-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, adit b’kawża u kompost minn Imħallef uniku li fil-konfront tiegħu istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma jkunux iggarantiti adottat riżoluzzjoni li tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u li tordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, huwa ġġustifikat li jeskludi l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu f’dik il-kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti ta’ din il-qorti nazzjonali għandhom jeskludu wkoll l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni li tostakola l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza mill-imsemmi kulleġġ ġudikanti.

F’dan ir-rigward, hija fakkret li, skont ġurisprudenza stabbilita ( 10 ), il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi, b’mod partikolari, fuq kull qorti nazzjonali li tapplika, fil-kuntest tal-kompetenza tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fit-tilwima li jkollha quddiemha billi jekk ikun hemm bżonn ma tapplikax, fuq awtorità tagħha stess, kull leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkollha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra. L-osservanza ta’ dan l-obbligu tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

Issa, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ( 11 ), jibbenefika minn effett dirett li jimplika li ma għandha tiġi applikata ebda dispożizzjoni nazzjonali, ġurisprudenza jew prassi nazzjonali li tmur kontra dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ).

Anki fl-assenza ta’ miżuri leġiżlattivi nazzjonali li jkunu temmew nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiffaċilitaw it-twettiq tal-effett sħiħ tad-dritt tal-Unjoni skont it-tagħlim li jinsab fis-sentenza li tikkonstata dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, huma għandhom iħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Sabiex tissodisfa l-imsemmija obbligi, qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża li, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ikun ordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef meta dan ikun indispensabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni ( 13 ).

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, meta att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża jkun ġie adottat minn istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata ta’ din ir-riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli sabiex il-qorti tar-rinviju u l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jiġu preklużi milli jeskludu l-applikazzjoni ta’ tali riżoluzzjoni ( 14 ).

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-proċedura fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑615/20 ġiet sospiża mill-qorti tar-rinviju, fl-istennija ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-imħallef li jifforma l-kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku tal-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-istadju avvanzat li fih tinsab l-imsemmija proċedura li hija partikolarment kumplessa, ma tidhirx li tista’ tippreġudika ċ-ċertezza legali. Għall-kuntrarju, din tidher li hija ta’ natura li tippermetti li t-trattament tal-kawża prinċipali jista’ jwassal għal deċiżjoni li tkun konformi, minn naħa, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u, min-naħa l-oħra, mad-dritt tal-partijiet fil-kawża kkonċernati għal smigħ xieraq f’terminu raġonevoli.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑615/20 hija ġġustifikata li teskludi l-applikazzjoni tar-riżoluzzjoni kontenzjuża, sabiex tkun tista’ tkompli bl-eżami tal-kawża prinċipali fil-kompożizzjoni attwali tagħha mingħajr ma l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali jkunu jistgħu jostakolaw dan.

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali b’rabta mas-sitwazzjoni ta’ kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20, li lilu ġiet assenjata mill-ġdid kawża li qabel kienet assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ta’ din il-qorti nazzjonali u dan bħala konsegwenza ta’ att tal-Awla Dixxiplinari bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża, sabiex jiġi ddeterminat, b’mod partikolari, jekk din il-qorti tar-rinviju għandhiex, f’dan il-każ, teskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u tastjeni milli tkompli bl-eżami tal-imsemmija kawża.

Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jeskludu l-applikazzjoni ta’ riżoluzzjoni li twassal, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għas-sospensjoni tal-funzjonijiet ta’ mħallef, meta dan ikun indispensabbli fir-rigward tas-sitwazzjoni proċedurali inkwistjoni sabiex tiġi ggarantita s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni, huwa impost, b’mod partikolari, fuq il-kulleġġ ġudikanti li lilu l-kawża tkun ġiet assenjata mill-ġdid minħabba tali riżoluzzjoni. Dan il-kulleġġ ġudikanti għandu, konsegwentement, jastjeni milli jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża. L-imsemmi obbligu jorbot ukoll lill-korpi kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali, li għandhom, għaldaqstant, jassenjaw mill-ġdid l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti li inizjalment kien adit biha.

F’dan il-każ, ebda kunsiderazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali jew marbuta ma’ allegata awtorità ta’ res judicata tal-imsemmija riżoluzzjoni ma tista’ tiġi invokata b’mod utli.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fil-Kawża C‑671/20, u b’differenza minn kawżi oħra assenjati lill-Imħallef I. T. li, fil-frattemp, ġew ukoll assenjati mill-ġdid lil kulleġġi ġudikanti oħra, iżda li l-eżami tagħhom kien tkompla jew, skont il-każ, ingħalaq bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni minn dawn il-kulleġġi ġudikanti l-ġodda, il-proċedura fil-kawża prinċipali ġiet sospiża sakemm tingħata din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tkomplija ta’ din il-proċedura mill-Imħallef I. T. tidher li hija ta’ natura li tippermetti li l-imsemmija proċedura tkun tista’, minkejja d-dewmien ikkawżat mir-riżoluzzjoni kontenzjuża, twassal għal deċiżjoni li tkun konformi kemm mar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll ma’ dawk li jirriżultaw mid-dritt tal-parti fil-kawża kkonċernata għal smigħ xieraq.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali fis-sens:

minn naħa, li kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li, wara li jkun ġie assenjat mill-ġdid kawża li qabel kienet assenjata lil kulleġġ ġudikanti ieħor ta’ din il-qorti u dan bħala konsegwenza ta’ riżoluzzjoni adottata minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti u li awtorizzat il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallef uniku li jifforma dan l-aħħar kulleġġ ġudikanti u ordnat is-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, iddeċieda li jissospendi t-trattament ta’ din il-kawża sakemm tingħata deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jeskludi l-applikazzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni u jastjeni milli jkompli bl-eżami tal-imsemmija kawża, u,

min-naħa l-oħra, li l-korpi ġudizzjarji kompetenti fil-qasam tad-determinazzjoni u tat-tibdil tal-kompożizzjoni tal-kulleġġi ġudikanti tal-qorti nazzjonali huma obbligati, f’każ bħal dan, li jassenjaw mill-ġdid din l-istess kawża lill-kulleġġ ġudikanti inizjalment responsabbli għaliha.

Għal dak li jirrigwarda, fir-raba’ lok, id-dispożizzjonijiet nazzjonali u l-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali msemmija mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑671/20 ( 15 ), li jipprekludu li din il-qorti tal-aħħar tkun tista’, minkejja li hija obbligata tagħmel dan fid-dawl tar-risposti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi l-oħra tagħha, tiddeċiedi dwar l-assenza ta’ saħħa vinkolanti ta’ att bħar-riżoluzzjoni kontenzjuża u teskludi, jekk ikun il-każ, l-applikazzjoni tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-fatt, għal qorti nazzjonali, li teżerċita l-funzjonijiet fdati lilha mit-Trattati u li tosserva l-obbligi tagħha taħt dawn it-Trattati, billi tagħti effett lil dispożizzjoni bħat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, ma jistax jiġi pprojbit lilha u lanqas ma jista’ jitqies li huwa ksur dixxiplinari fil-konfront tal-imħallfin li jpoġġu f’tali qorti ( 16 ).

Bl-istess mod, fid-dawl tal-effett dirett li għandu t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qrati nazzjonali l-obbligu li ma japplikawx kull ġurisprudenza nazzjonali li tmur kontra din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, fil-każ li, wara sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, qorti nazzjonali titwassal sabiex tqis li l-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-fatt, għal tali qorti nazzjonali, li ma tapplikax l-imsemmija ġurisprudenza kostituzzjonali, konformement mal-prinċipju ta’ supremazija ta’ dan id-dritt, ma jistax ikun ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tagħha ( 17 ).

Konsegwentement, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni u ta’ kooperazzjoni leali jipprekludu:

minn naħa, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu lil qorti nazzjonali, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari imposti fuq l-imħallfin li jifformawha, milli teżamina n-natura vinkolanti ta’ att adottat minn istanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma jkunux iggarantiti u li awtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra mħallef u ordna s-sospensjoni tal-funzjonijiet tiegħu kif ukoll it-tnaqqis tar-remunerazzjoni tiegħu, u, jekk ikun il-każ, milli teskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-att, u,

min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza ta’ qorti kostituzzjonali li bis-saħħa tagħha l-atti ta’ ħatra tal-imħallfin ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, sa fejn l-imsemmija ġurisprudenza tkun ta’ natura li tostakola dan l-istess eżami.


( 1 ) Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema tat‑8 ta’ Diċembru 2017 stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), awla dixxiplinari ġdida msejħa Izba Dyscyplinarna (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”). Permezz ta’ Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019 li emendat il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li daħlet fis-seħħ fl‑2020, din l-awla ngħatat kompetenzi ġodda, b’mod partikolari, sabiex tawtorizza l-ftuħ ta’ proċeduri kriminali kontra l-imħallfin jew it-tqegħid tagħhom f’detenzjoni provviżorja (punt 1a tal-Artikolu 27(1)).

( 2 ) Jiġifieri l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2 TUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jistabbilixxu l-prinċipju tal-Istat tad-dritt u r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali.

( 3 ) Jiġifieri l-Artikolu 2 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif ukoll il-prinċipji ta’ supremazija, ta’ kooperazzjoni leali u ta’ ċertezza legali.

( 4 ) Dwar in-nuqqas ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari stabbilita mil-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2017, kif emendata fil-kuntest tar-riforma tal-ġustizzja Pollakka tal‑2019.

( 5 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2023, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin) (C‑204/21, EU:C:2023:442).

( 6 ) Fil-punt 102 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza preċedenti tagħha (punt 112 tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑791/19, EU:C:2021:596)), tenniet l-evalwazzjoni tagħha li tgħid li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġ.

( 7 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), dispożittiv 1.

( 8 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 101.

( 9 ) Jiġifieri qorti ordinarja li tista’ tintalab tiddeċiedi, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2022, RS (Effett tad-deċiżjonijiet ta’ qorti kostituzzjonali) (C‑430/21, EU:C:2022:99, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll il-punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Li timponi fuq l-Istati Membri obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż u li ma jkun akkumpanjat minn ebda kundizzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-qrati mitluba jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u tar-rekwiżit li dawn ikunu stabbiliti minn qabel bil-liġi.

( 12 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra) (C‑487/19, EU:C:2021:798, punti 159161).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza W.Ż. (Awla ta’ Stħarriġ Straordinarju u Affarijiet Pubbliċi tal-Qorti Suprema – Ħatra), punt 160).

( 15 ) L-Artikolu 42a(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji tas‑27 ta’ Lulju 2001, kif emendata bil-Liġi tal‑20 ta’ Diċembru 2019, jipprevedi, b’mod partikolari, fir-rigward tal-imsemmija qrati, projbizzjonijiet li tiġi kkontestata l-leġittimità tal-qrati jew li tiġi evalwata l-legalità tal-ħatra ta’ mħallef jew tas-setgħa tiegħu li jeżerċita funzjonijiet fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Il-punt 3 tal-Artikolu 107(1) ta’ din l-istess liġi jistabbilixxi bħala ksur dixxiplinari, b’mod partikolari, kull att tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li jikkontesta l-effettività tal-ħatra ta’ mħallef.

( 16 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 132.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza u ħajja privata tal-imħallfin), punt 132.