Kawżi Magħquda C-584/20 P u C-621/20 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Landesbank Baden-Württemberg
u
Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021

“Appell – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR) – Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) – Kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-sena 2017 – Awtentikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) – Obbligu ta’ motivazzjoni – Data kunfidenzjali – Legalità tar-Regolament Delegat (UE) 2015/63”

  1. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Prinċipju ta’ kontradittorju – Rispett fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja – Portata – Motiv ta’ liġi mqajjem ex officio mill-qorti – Nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) – Assenza ta’ stedina lill-partijiet biex iressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan il-motiv – Ksur tal-imsemmi prinċipju

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 56 sa 60, 62, 66 sa 71, 77)

  2. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ riżoluzzjoni (FUR) – Assenza ta’ neċessità li jintwerew, f’din id-deċiżjoni, l-elementi kollha li jippermettu li tiġi vverifikata l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet – Ibbilanċjar tal-obbligu ta’ motivazzjoni mal-prinċipji ġenerali ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali tal-istabbilimenti kkonċernati – Legalità tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/63 li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I)

    (ara l-punti 102 sa 105, 109, 120 sa 122, 124, 128, 130, 137 sa 140, 142)

  3. Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR) – Eżami ex officio mill-qorti

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punt 152)

  4. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ riżoluzzjoni (FUR) – Komunikazzjoni tal-BUR limitata għal parti mill-informazzjoni rilevanti li setgħet tiġi kkomunikata mingħajr ma jinkiser is-sigriet kummerċjali tal-istabbilimenti kkonċernati – Motivazzjoni insuffiċjenti – Annullament tad-deċiżjoni

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63)

    (ara l-punti 168 sa 172, dispożittiv 2)

  5. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ riżoluzzjoni (FUR) – Żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni sas-sostituzzjoni ta’ din tal-aħħar f’terminu raġjonevoli – Ġustifikazzjoni bbażata fuq motivi ta’ ċertezza legali

    (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014; Regolament tal-Kummissjoni 2015/63)

    (ara l-punti 175 sa 178, dispożittiv 3)

Sunt

Id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-2017 hija annullata fir-rigward tal-Landesbank Baden-Württemberg minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni

Filwaqt li waslet, f’dan ir-rigward, għall-istess riżultat bħall-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali peress li kisret il-prinċipju ta ’ kontradittorju u ma evalwatx korrettament il-portata tal-obbligu ta ’ motivazzjoni

Fil-11 ta’ April 2017, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (BUR) adotta, fil-kuntest tal-finanzjament tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (FUR), deċiżjoni li tistabbilixxi l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante dovuti għall-FUR minn kull istituzzjoni ta’ kreditu għas-sena 2017 ( 1 ). Fost dawn l-istabbilimenti kien hemm Landesbank Baden-Württemberg, istituzzjoni ta’ kreditu Ġermaniża.

Adita b’rikors għal annullament ippreżentat mil-Landesbank Baden-Württemberg, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet tikkonċerna lil dan l-istabbiliment ( 2 ). Hija qieset li din id-deċiżjoni ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni u, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ikkonstatat barra minn hekk li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet mill-BUR bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata ma kien fiha kważi l-ebda element li jservi għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante lill-FUR u li l-anness tagħha ma kienx jinkludi elementi suffiċjenti sabiex tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din il-kontribuzzjoni.

Adita b’appelli ppreżentati mill-Kummissjoni (Kawża C‑584/20 P) u mill-BUR (Kawża C‑621/20 P), il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fid-deċiżjoni b’mod definittiv dwar il-kawża, hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-Landesbank Baden-Württemberg minħabba insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, filwaqt li madankollu żżomm approċċ differenti minn dak tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-portata tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni ta’ tali deċiżjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju sa fejn ma tatx lill-BUR il-possibbiltà li jieħu pożizzjoni effettiva fuq il-motiv, imqajjem ex officio mill-Qorti Ġenerali, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ prova suffiċjenti tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kontenzjuża.

F’dan ir-rigward, hija tfakkar li, sabiex tiġi ggarantita l-osservanza effettiva tal-prinċipju ta’ kontradittorju, stedina minn qabel lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-motiv li l-qorti tal-Unjoni għandha l-intenzjoni li tqajjem ex officio għandha tiġi indirizzata lilhom f’kundizzjonijiet li jippermettulha tieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv fuq dan il-motiv, inkluż, jekk ikun il-każ, billi jippreżentaw lil din il-qorti l-provi neċessarji sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-imsemmi motiv billi tkun informata b’mod sħiħ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha tinforma lill-partijiet li kien beħsiebha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ awtentifikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u konsegwentement kellha tistidinhom jippreżentawlha l-argumenti li huma jqisu utli sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi dwar dan il-motiv. Issa, f’dan il-każ, la qabel u lanqas waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali effettivament ma poġġietx lill-BUR fi stat li jieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv fuq dan il-motiv, b’mod partikolari billi jippreżenta provi relatati mal-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

B’hekk, wara li kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-BUR żgura, b’mod suffiċjenti, l-awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, kemm f’dak li jikkonċerna l-korp kif ukoll l-anness tagħha, b’mod partikolari bl-użu tas-sistema informatika “ARES”.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandu l-BUR għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata.

Qabel kollox, hija tirrileva li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx korrettament il-portata ta’ dan l-obbligu sa fejn hija ddeċidiet li l-BUR kellu jinkludi fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża l-elementi li jippermettu lil-Landesbank Baden-Württemberg jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu lill-FUR għas-sena 2017, mingħajr ma jkun jista’ jkollha effett fuq dan l-obbligu n-natura kunfidenzjali ta’ wħud minn dawn l-elementi.

Minn naħa, il-motivazzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus ma għandhiex neċessarjament tinkludi l-elementi kollha li jippermettu lid-destinatarju tiegħu jivverifika l-eżattezza tal-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma. Min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni huma, bħala prinċipju, obbligati, skont il-prinċipju ta’ protezzjoni tas-sigriet kummerċjali, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li ma jiżvelawx lill-kompetituri ta’ operatur privat informazzjoni kunfidenzjali pprovduta minnu.

Fid-dawl tal-loġika tas-sistema ta’ finanzjament tal-FUR u tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR, ibbażat b’mod partikolari fuq l-użu tad-data kunfidenzjali relatata mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet ikkonċernati minn dan il-kalkolu, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi bbilanċjat mal-obbligu tal-BUR li josserva s-sigriet kummerċjali ta’ dawn l-istabbilimenti. Madankollu, dan l-aħħar obbligu ma għandux jiġi interpretat b’mod tant estensiv li jċaħħad lill-obbligu ta’ motivazzjoni mis-sustanza tiegħu. F’dan is-sens, motivazzjoni ta’ deċiżjoni li timponi fuq operatur privat il-ħlas ta’ somma flus mingħajr ma tipprovdilu l-elementi kollha li jippermettu li jiġi vverifikat b’eżattezza l-kalkolu tal-ammont ta’ din is-somma ta’ flus mhux neċessarjament tippreġudika, fil-każijiet kollha, is-sustanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li f’dan il-każ, l-obbligu ta’ motivazzjoni jiġi osservat meta d-destinatarji ta’ deċiżjoni li tiffissa kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR filwaqt li ma tiġix trażmessa data koperta mis-sigriet kummerċjali, ikollhom il-metodu ta’ kalkolu użat mill-BUR u informazzjoni suffiċjenti sabiex jifhmu, essenzjalment, b’liema mod ittieħdet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tagħhom, għall-finijiet tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħhom għall-FUR, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istabbilimenti kkonċernati l-oħra kollha.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkonfermax il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tgħid li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-BUR kien dovut, għall-parti tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-FUR dwar l-adattament skont il-profil ta’ riskju tal-istabbilimenti kkonċernati, għall-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ( 3 ).

Wara li speċifikat il-mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR għall-profil ta’ riskju, żgurat essenzjalment permezz tal-assenjazzjoni tal-istabbilimenti kkonċernati fuq il-bażi ta’ ċerti valuri għal “intervalli”, li tippermetti, fl-aħħar nett, id-determinazzjoni tal-multiplikatur ta’ aġġustament skont il-profil ta’ riskju, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-BUR jista’, mingħajr ma jikser l-obbligu tiegħu li josserva s-sigrieti kummerċjali, jiżvela l-valuri limitu tal-“intervalli” u l-indikaturi relatati magħhom. Dan l-iżvelar huwa intiż li jippermetti lill-istabbiliment ikkonċernat jiżgura, b’mod partikolari, li l-klassifikazzjoni li tkun ġiet attribwita lilu waqt id-diskretizzazzjoni tal-indikaturi tikkorrispondi effettivament għas-sitwazzjoni ekonomika tiegħu, li din id-diskretizzazzjoni tkun saret b’mod konformi mal-metodu ddefinit mir-Regolament ta’ Delega 2015/63 abbażi ta’ data plawżibbli u li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ta’ riskju kollha.

Barra minn hekk, il-fażijiet l-oħra tal-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR huma bbażati fuq data miġbura mill-istabbilimenti kkonċernati, li tista’ tiġi żvelata taħt forma aggregata mingħajr ma jiġi ppreġudikat l-obbligu tal-BUR li josserva s-sigrieti kummerċjali.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li r-Regolament ta’ Delega 2015/63 ma jipprekludix lill-BUR milli jiżvela, taħt forma aggregata u anonimizzata, informazzjoni suffiċjenti sabiex istituzzjoni tkun tista’ tifhem b’liema mod is-sitwazzjoni individwali tagħha tkun ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tagħha għall-FUR, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet l-oħra kkonċernati kollha. Ċertament, motivazzjoni bbażata fuq l-iżvelar tal-informazzjoni rilevanti taħt forma aggregata u anonimizzata ma tippermettix lil kull stabbiliment jidentifika sistematikament eventwali żball imwettaq mill-BUR fil-ġbir u fl-aggregazzjoni tad-data rilevanti. Min-naħa l-oħra, din hija biżżejjed sabiex tippermetti lil dan l-istabbiliment jiżgura ruħu li l-informazzjoni li huwa jkun ipprovda lill-awtoritajiet kompetenti tkun ġiet integrata sew fil-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tiegħu għall-FUR, konformement mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni rilevanti, u sabiex jidentifika, abbażi tal-għarfien ġenerali tiegħu tas-settur finanzjarju, użu eventwali ta’ informazzjoni nieqsa minn plawżibbiltà jew manifestament inkorretta, kif ukoll sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx lok li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-BUR li tistabbilixxi l-kontribuzzjoni ex ante tiegħu għall-FUR. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li dan l-approċċ dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni bħad-deċiżjoni kkontestata huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-qrati tal-Unjoni, sabiex jeżerċitaw stħarriġ ġudizzjarju effettiv konformement mar-rekwiżiti tal-Artikolu 47 tal-Karta, jitolbu lill-BUR jippreżenta data li tkun tista’ tiġġustifika l-kalkoli li l-eżattezza tagħhom hija kkontestata quddiemhom, billi jiżguraw, sa fejn ikun neċessarju, il-kunfidenzjalità ta’ din id-data.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex suffiċjentement motivata peress li l-elementi li jinsabu fiha kif ukoll dawk aċċessibbli fis-sit internet tal-BUR fid-data ta’ din id-deċiżjoni jkopru biss parti mill-informazzjoni rilevanti li l-BUR seta’ jikkomunika mingħajr ma jippreġudika s-sigriet kummerċjali. B’mod partikolari, la l-anness ta’ din id-deċiżjoni u lanqas is-sit internet tal-BUR ma kienu jinkludu data dwar il-valuri limitu ta’ kull “bin” u dwar il-valuri tal-indikaturi relatati magħhom. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija annullata sa fejn tikkonċerna lil Landesbank Baden-Württemberg.


( 1 ) Deċiżjoni tal-BUR fis-sessjoni eżekuttiva tiegħu tal-11 ta’ April 2017, fuq il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

( 2 ) Sentenza tat-23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden-Württemberg vs SRB (T‑411/17, EU:T:2020:435).

( 3 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38). Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat l-illegalità tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 u tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, li jirrigwardaw il-metodu ta’ kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-FUR.