Kawża C‑569/20

Proċeduri kriminali

kontra

IR

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-iSpetsializiran nakazatelen sad)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir‑Raba’ Awla) tad‑19 ta’ Mejju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 8 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess – Impossibbiltà li tiġi llokalizzata l-persuna akkużata minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Possibbiltà ta’ proċess u ta’ kundanna fil-kontumaċja – Artikolu 9 – Dritt għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor li jippermetti evalwazzjoni ġdida tal-mertu tal-kawża”

Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Direttiva 2016/343 – Dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu – Dritt għal proċess ġdid – Persuna akkużata li ħarbet – Impossibbiltà li din il-persuna tiġi llokalizzata u informata dwar il-proċess imressqa kontriha minkejja l-isforzi raġonevoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti – Żamma tal-proċess fil-kontumaċja – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Neċessità li jiġi żgurat lill-imsemmija persuna d-dritt għal proċess ġdid – Possibbiltà ta’ rifjut ta’ dan id-dritt – Kundizzjonijiet

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/343, premessi 38, 42 u 43, u Artikoli 8 u 9)

(ara l-punti 47 sa 50, 59 u d-dispożittiv)

Sunt

Persuna akkużata quddiem qorti li ma tkunx tista’ tiġi llokalizzata tista’ tiġi ġġudikata jew ikkundannata fil-kontumaċja iżda hija jkollha d-dritt, sussegwentement, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess fuq il-mertu tal-kawża fil-preżenza tagħha

Madankollu, din il-persuna tista ’ tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jekk hija tkun deliberatament evitat l-azzjoni ġudizzjarja billi tkun ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha dwar iż-żamma tal-proċess

Proċeduri kriminali tressqu fil-Bulgarija kontra IR, li huwa akkużat li pparteċipa fi grupp kriminali organizzat bil-għan li jwettaq reati fiskali, suġġetti għal pieni li jċaħħdu l-libertà. L-ewwel att ta’ akkuża kien ġie nnotifikat personalment lil IR u huwa kien indika indirizz li fih huwa seta’ jiġi kkuntattjat. Madankollu, meta nfetħet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri, huwa ma setax jinsab, b’mod li l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) ma setgħetx tħarrku għas-seduta. L-avukat innominat ex officio minn dik il-qorti lanqas ma kien stabbilixxa kuntatt miegħu. Barra minn hekk, peress li l-att ta’ akkuża li kien ġie nnotifikat lil IR kien ivvizzjat b’irregolarità, dan kien ġie ddikjarat null u l-proċeduri kienu ngħalqu. Wara t-tfassil ta’ att ta’ akkuża ġdid u l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri, IR kien reġa’ ġie mfittex, iżda ma setax jiġi llokalizzat. Minn dan il-qorti tar-rinviju finalment qieset li IR kien ħarab u li, f’dawk iċ-ċirkustanzi, il-kawża setgħet tiġi deċiża fl-assenza tiegħu.

Madankollu, sabiex il-persuna kkonċernata tkun korrettament informata dwar il-garanziji proċedurali li hija għandha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema ipoteżi prevista mid-Direttiva 2016/343 ( 1 ) tkopri s-sitwazzjoni ta’ IR li ħarab wara li ġie nnotifikat bl-ewwel att ta’ akkuża u qabel ma nbdiet il-fażi ġudizzjarja tal-proċeduri kriminali ( 2 ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara fir-risposta tagħha li l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2016/343 għandhom jiġu interpretati fis-sens li persuna akkużata, li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, minkejja l-isforzi raġonevoli tagħhom, ma jkunux irnexxilhom jillokalizzaw u li lilha dawn l-awtoritajiet, minħabba f’hekk, ma jkunux irnexxilhom jagħtu l-informazzjoni dwar il-proċess imressaq kontriha, tista’ tkun is-suġġett ta’ proċess u, jekk ikun il-każ, ta’ kundanna fil-kontumaċja. F’dan il-każ, din il-persuna għandu madankollu jkollha, bħala prinċipju, il-possibbiltà, wara l-komunikazzjoni ta’ din il-kundanna, li tinvoka direttament id-dritt, mogħti minn din id-direttiva, li tikseb il-ftuħ mill-ġdid tal-proċess jew l-aċċess għal rimedju legali ekwivalenti li jwassal għal eżami ġdid, fil-preżenza tagħha, tal-mertu tal-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża madankollu li l-imsemmija persuna tista’ tiġi mċaħħda minn dan id-dritt jekk minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li hija tkun irċeviet informazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf li kien ser jinżamm proċess kontriha u, permezz ta’ atti deliberati u bl-intenzjoni li tevita l-azzjoni ġudizzjarja, tkun ipprekludiet lill-awtoritajiet milli jinformawha uffiċjalment dwar iż-żamma ta’ dan il-proċess.

Il‑kunsiderazzjonijiet tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, qabelxejn, li l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2016/343, li jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni u l-portata tad-dritt għal proċess ġdid, għandhom jitqiesu li għandhom effett dirett. Dan id-dritt huwa rriżervat għall-persuni li l-proċess tagħhom jinżamm fil-kontumaċja għalkemm il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux issodisfatti. Għall-kuntrarju, il-possibbiltà mogħtija mid-Direttiva 2016/343 lill-Istati Membri li jżommu, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) tagħha jkunu ssodisfatti, proċess fil-kontumaċja u li jeżegwixxu d-deċiżjoni mingħajr ma jipprevedu d-dritt għal proċess ġdid hija bbażata fuq il-premessa li l-persuna kkonċernata, debitament informata, tkun irrinunzjat b’mod volontarju u inekwivokabbli li teżerċita d-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess kontra tagħha.

Din l-interpretazzjoni tiggarantixxi l-osservanza tal-iskop tad-Direttiva 2016/343, li jikkonsisti fit-tisħiħ tad-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, b’mod li tiżdied il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra, u f’li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jiġi evitat li persuna, li, minkejja li tkun informata biż-żamma ta’ proċess, tkun irrinunzjat inekwivokabbilment milli tkun preżenti waqtu, tkun tista’, wara kundanna fil-kontumaċja, titlob li jinżamm proċess ġdid u b’hekk abbużivament ixxekkel l-effettività tal-proċeduri kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Fir-rigward tal-informazzjoni dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li hija l-qorti nazzjonali kkonċernata li għandha tivverifika jekk dokument uffiċjali, li jindika b’mod inekwivoku d-data u l-post stabbiliti għall-proċess u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rappreżentanza minn avukat inkarigat, il-konsegwenzi ta’ eventwali nuqqas ta’ dehra, ikunx inħareġ għall-attenzjoni tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, hija dik il-qorti li għandha tivverifika jekk dan id-dokument ikunx ġie nnotifikat fi żmien xieraq b’mod li jippermetti lill-persuna kkonċernata, jekk tiddeċiedi li tipparteċipa fil-proċess, tipprepara d-difiża tagħha b’mod utli.

Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-persuni akkużati li jkunu ħarbu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li d-Direttiva 2016/343 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal proċess ġdid għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata tkun ħarbet u l-awtoritajiet ma jkunux irnexxilhom jillokalizzawha. Huwa biss meta minn indizji preċiżi u oġġettivi jirriżulta li l-persuna kkonċernata, filwaqt li tkun ġiet informata uffiċjalment li ġiet akkużata li wettqet reat kriminali u filwaqt li għalhekk tkun taf li proċess ser jinżamm kontriha, deliberatament tevita li tirċievi uffiċjalment l-informazzjoni dwar id-data u l-post tal-proċess, li din il-persuna tista’ titqies li tkun ġiet informata dwar iż-żamma tal-proċess u li tkun irrinunzjat b’mod volontarju u b’mod inekwivoku li teżerċita d-dritt tagħha li tkun preżenti waqtu, sitwazzjoni li taqa’ taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2016/343 ( 3 ). L-eżistenza ta’ tali indizji preċiżi u oġġettivi tista’ b’mod partikolari tiġi kkonstatata meta l-imsemmija persuna tkun ikkomunikat volontarjament indirizz żbaljat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam kriminali jew ma tkunx għadha tinsab fl-indirizz li hija tkun ikkomunikat. Barra minn hekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-informazzjoni li tkun ġiet ipprovduta lill-persuna kkonċernata kinitx biżżejjed, għandha tingħata attenzjoni partikolari, minn naħa, għad-diliġenza li biha l-awtoritajiet pubbliċi jkunu informaw lill-persuna kkonċernata u, min-naħa l-oħra, għad-diliġenza min-naħa ta’ din tal-aħħar sabiex tirċievi l-imsemmija informazzjoni.

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li din l-interpretazzjoni tirrispetta d-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali.


( 1 ) Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

( 2 ) B’mod iktar partikolari, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2016/343 jirrigwarda d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess kontra tiegħu. Skont l-Artikolu 8(2), l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li proċess li jista’ jwassal għal deċiżjoni dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata jista’ jinżamm fl-assenza tagħha, sakemm hija tkun ġiet informata, fi żmien xieraq, dwar iż-żamma tal-proċess u dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ dehra, jew sakemm il-persuna kkonċernata, li tkun ġiet informata dwar iż-żamma tal-proċess, tkun irrappreżentata minn avukat li hija tkun inkarigat jew li jkun ġie nnominat mill-Istat. L-Artikolu 8(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi li meta l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jinżammu proċessi fl-assenza tal-persuna kkonċernata, iżda ma jkunx possibbli li jiġu osservati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(2) għaliex hija ma tkunx tista’ tiġi llokalizzata minkejja sforzi raġonevoli mwettqa f’dan ir-rigward, l-Istati Membri jistgħu madankollu jipprevedu li deċiżjoni tkun tista’ tittieħed u tiġi eżegwita. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-persuni kkonċernati jkunu informati dwar l-imsemmija deċiżjoni, b’mod partikolari fil-mument tal-arrest tagħhom, huma jiġu informati wkoll dwar il-possibbiltà li jikkontestaw din id-deċiżjoni u dwar id-dritt tagħhom għal proċess ġdid jew għal rimedju legali ieħor, konformement mal-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva. B’mod iktar partikolari, skont l-Artikolu 9, il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati għandu jkollhom id-dritt għal proċess ġdid, meta huma ma kinux preżenti għall-proċess tagħhom u meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva ma jkunux ġew issodisfatti.

( 3 ) Bla ħsara għall-bżonnijiet partikolari tal-persuni vulnerabbli previsti fil-premessi 42 u 43 tad-Direttiva 2016/343.