SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
7 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘sentenza’ – Ordni għall-ħlas mogħtija fi Stat Membru ieħor wara eżami sommarju u kontradittorju ta’ sentenza mogħtija fi Stat terz – Artikolu 39 – Saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri”
Fil-Kawża C‑568/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura
J
vs
H Limited,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal J, minn C. Straberger, Rechtsanwalt, |
– |
għal H Limited, minn S. Turic, Rechtsanwalt, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u H. Leupold, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tas‑16 ta’ Diċembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 39, tal-Artikolu 42(1)(b) u tal-Artikoli 45, 46 u 53 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J u H Limited dwar l-eżekuzzjoni fl-Awstrija ta’ digriet ta’ ordni għall-ħlas maħruġ mill-High Court of Justice (England & Wales) [il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“High Court”)] abbażi ta’ żewġ sentenzi mogħtija fil-Ġordan. |
Il‑kuntest ġuridiku
3 |
Il-premessi 4, 6, 26 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdu:
[…]
[…]
[…]
|
4 |
Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament: “Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).” |
5 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
[…]
|
6 |
L-Artikolu 39 tal-istess regolament jistipula: “Sentenza mogħtija fi Stat Membru li hija eżegwibbli f’dak l-Istat Membru għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa l-ebda dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.” |
7 |
L-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi: “Għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenza fi Stat Membru mogħtija fi Stat Membru ieħor, ir-rikorrent għandu jipprovdi lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni kompetenti:
|
8 |
L-Artikolu 45(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi: “Fuq it-talba ta’ kwalunkwe parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza għandha tiġi rifjutata:
[…]” |
9 |
Skont l-Artikolu 46 tal-imsemmi regolament: “Fuq it-talba tal-persuna li kontra tagħha qed tintalab l-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni ta’ sentenza għandha tiġi rrifjutata meta jinstab li teżisti waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 45.” |
10 |
L-Artikolu 52 tal-istess regolament jipprovdi: “Taħt l-ebda ċirkostanzi, ma tista’ tiġi riveduta sentenza mogħtija fi Stat Membru fir-rigward tal-mertu tagħha fl-Istat Membru indirizzat.” |
11 |
L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej: “Il-qorti tal-oriġini għandha, fuq talba ta’ kull parti interessata, toħroġ iċ-ċertifikat bl-użu tal-formula li tidher fl-Anness I.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
12 |
Permezz ta’ digriet ta’ ordni għall-ħlas tal-20 ta’ Marzu 2019, il-High Court ikkundannat lil J, persuna fiżika residenti fl-Awstrija, għall-ħlas lil H Limited, istituzzjoni bankarja, tas-somma prinċipali ta’ USD 10392463 dollari tal-Istati Uniti (madwar EUR 9200000), flimkien mal-interessi u l-ispejjeż, skont żewġ sentenzi mogħtija fit‑3 ta’ Mejju u fl‑20 ta’ Mejju 2013 minn qrati Ġordaniżi (iktar ’il quddiem is-“sentenzi Ġordaniżi”). Barra minn hekk, il-High Court ħarġet iċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012. |
13 |
H Limited talbet l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet ta’ ordni għall-ħlas fil-ġurisdizzjoni tal-Bezirksgericht Freistadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Freistadt, l-Awstrija) abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012, billi pproduċiet b’mod partikolari ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament. |
14 |
Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ April 2019, il-Bezirksgericht Freistadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Freistadt) awtorizzat lil H Limited, abbażi tad-digriet tal-High Court tal-20 ta’ Marzu 2019 u b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet tal-aħħar bil-għan li tirkupra kreditu ta’ EUR 9249 915.62 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. Din il-qorti rrilevat, b’mod partikolari, li l-proċedura quddiem il-High Court kienet issodisfat il-prinċipju ta’ kontradittorju. |
15 |
L-appell ippreżentat minn J kontra dan id-digriet tat‑12 ta’ April 2019 ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) tat‑22 ta’ Ġunju 2020. Wara li rrilevat li d-digriet tal-High Court tal-20 ta’ Marzu 2019 kien jikkostitwixxi sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti tal-appell enfasizzat li ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 53 ta’ dan ir-regolament, prodott minn H Limited, ma kien iqajjem ebda dubju b’rabta ma’ waħda mir-raġunijiet għal rifjut ta’ rikonoxximent previsti fl-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament. |
16 |
J ippreżenta appell ta’ Reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. |
17 |
Din il-qorti tal-aħħar għandha tendenza li tikkunsidra li l-prinċipju ta’ esklużjoni ta’ exequatur doppju japplika wkoll għas-sentenzi ta’ ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ azzjoni li tfittex l-eżekuzzjoni ta’ sentenza barranija, peress li r-relazzjoni ġuridika li fuqha huwa bbażat id-dejn irrikonoxxut minn sentenza definittiva ma hijiex suġġetta għal stħarriġ fil-mertu. Is-sentenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali għalhekk ma taqax taħt il-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. |
18 |
F’każ bħal dan, stħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni skont dan ir-regolament ma huwiex eskluż. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqis li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jista’ jivverifika l-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 1215/2012, b’mod li d-debitur jista’ jinvoka l-assenza tal-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-eżekuzzjoni, pereżempju minħabba li ma jkunx hemm sentenza fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, jew li l-imsemmi regolament ma jkunx applikabbli. |
19 |
Madankollu, dik il-qorti tosserva li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex daqstant evidenti li ma tagħti lok għal ebda dubju raġonevoli. |
20 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
21 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li ordni għall-ħlas adottata minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz tikkostitwixxi sentenza u tgawdi saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra. |
22 |
B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti ġuridiċi msemmija l-aħħar tgħodd ukoll għar-Regolament Nru 1215/2012 sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2022, BMA Nederland,C‑498/20, EU:C:2022:173, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
23 |
Issa, dan huwa l-każ fir-rigward tal-Artikolu 25 u tal-punt 1 tal-Artikolu 27 ta’ din il-konvenzjoni kif ukoll tal-Artikolu 32 u tal-punt 1 tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 44/2001, minn naħa, u tal-Artikolu 2(a) kif ukoll tal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, min-naħa l-oħra. |
24 |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat fir-rigward tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 44/2001, li hija d-dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-kunċett ta’ “sentenza” jkopri kull deċiżjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, mingħajr ebda distinzjoni skont il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 23). |
25 |
Minn dan isegwi li dan il-kunċett jinkludi wkoll ordni għall-ħlas adottata minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz. |
26 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biżżejjed, sabiex sentenzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, li dawn ikunu deċiżjonijiet ġudizzjarji li, qabel ma jkunu ntalbu r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tagħhom fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ oriġini, kienu, jew setgħu jkunu, f’dan l-Istat Membru tal-oriġini, is-suġġett, taħt diversi modalitajiet, ta’ istruttorja kontradittorja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Gambazzi,C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
Din l-interpretazzjoni wiesgħa u awtonoma hija kkorroborata mis-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1215/2012 u kif ukoll mill-għanijiet imfittxija minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 26 u 28). |
28 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1215/2012, il-premessa 6 tiegħu tesponi l-għan tal-moviment liberu tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali. Barra minn hekk, mill-premessi 4 u 26 tiegħu jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jissimplifika l-formalitajiet fid-dawl tar-rikonoxximent u tal-eżekuzzjoni rapida u sempliċi tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri marbuta b’dan ir-regolament. Issa, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea, interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmi regolament tkun teħtieġ li l-kunċett ta’ “sentenza” jiġi marbut mal-kontenut tagħha, possibbiltà li tmur kontra dan l-għan. |
29 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sistema stabbilita bir-Regolament Nru 1215/2012, il-premessa 26 ta’ dan tal-aħħar tenfasizza l-importanza tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn il-qrati tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda l-eżekuzzjoni tas-sentenzi, u dan jippreżupponi li l-kunċett ta’ “sentenza” ma għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. |
30 |
Issa, din il-fiduċja reċiproka tiġi ppreġudikata jekk qorti ta’ Stat Membru tkun tista’ tiċħad in-natura ta’ “sentenza” ta’ ordni għall-ħlas li qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun adottat abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz. |
31 |
Fl-aħħar mill-aħħar, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “sentenza”, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, ikollha l-konsegwenza li toħloq kategorija ta’ atti adottati minn qrati li, sa fejn ma humiex inklużi fin-numru ta’ eċċezzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 45 ta’ dan ir-regolament, ma jkunux jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett ta’ “sentenza” u li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma jkunux għalhekk obbligati jeżegwixxu. L-eżistenza ta’ tali kategorija ta’ atti hija inkompatibbli mas-sistema stabbilita fl-Artikoli 39, 45 u 46 tal-imsemmi regolament, li tipprevedi l-eżekuzzjoni ipso jure tas-sentenzi u teskludi l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini minn dawk tal-Istat Membru indirizzat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et, C‑456/11, EU:C:2012:719, punt 31). |
32 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-digriet tal-High Court inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien suġġett tal-inqas għal istruttorja kontradittorja sommarja fl-Istat Membru tal-oriġini, b’mod li jikkostitwixxi sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Konsegwentement, sa fejn dan ġie ddikjarat eżekuttiv f’dan l-Istat Membru, huwa jgawdi, skont l-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra. |
33 |
Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, fil-mertu, l-imsemmi digriet ġie adottat b’eżekuzzjoni ta’ sentenzi mogħtija fi Stat terz li, bħala tali, ma humiex eżekuttivi fl-Istati Membri. |
34 |
Fil-fatt, minħabba l-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-kwistjonijiet ta’ ġurisdizzjoni, ta’ rikonoxximent u ta’ eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-Istati Membri u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet għad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-Istati terzi, dawn l-istess Stati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li jippermettu lill-qrati nazzjonali jieħdu konjizzjoni tal-kawżi mressqa quddiemhom. Minn dan isegwi li ċerti tipi ta’ proċeduri u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji li jeżistu fi Stat Membru ma għandhomx neċessarjament dawk ekwivalenti għalihom fl-Istati Membri l-oħra. |
35 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kwistjoni dwar liema effetti jista’ jkollhom, fl-Istati Membri, sentenzi mogħtija minn qrati ta’ Stati terzi, l-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni għandha l-konsegwenza li l-qrati ta’ Stat Membru jistgħu leġittimament jagħtu, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, deċiżjonijiet eżekuttivi abbażi ta’ dawn is-sentenzi, minkejja li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-istess sentenzi fi Stati Membri oħra jibqa’ suġġett għar-rekwiżit tal-exequatur. |
36 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li l-qorti tar-rinviju għandha t-tendenza li tqis, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C‑129/92, EU:C:1994:13), li minnha jista’ jiġi dedott, b’analoġija, li l-Artikoli 29 sa 31 tar-Regolament Nru 1215/2012 ma japplikawx għall-proċeduri intiżi sabiex sentenzi mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali fi Stat terz jiġu ddikjarati eżekuttivi, ma timplikax li deċiżjoni adottata abbażi ta’ sentenza mogħtija fi Stat terz, konformement mar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ proċedura ta’ Stat Membru, ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. |
37 |
Fil-fatt, minn naħa, u bħal dak li japplika għal kull deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali oħra, il-klassifikazzjoni ta’ att, bħad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, bl-ebda mod ma tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-proċedura li fi tmiemha ġie adottat taqax hija stess fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, peress li dan ma għandux l-għan li jrendi komuni r-regoli proċedurali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2021, Toplofikatsia Sofia et, C‑208/20 u C‑256/20, EU:C:2021:719, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 1994, Owens Bank (C‑129/92, EU:C:1994:13, punti 14 u 18), għamlet distinzjoni ċara bejn l-inapplikabbiltà tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 għall-proċeduri intiżi għar-rikonoxximent jew għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi mogħtija f’materji ċivili u kummerċjali fi Stat terz u l-applikabbiltà ta’ din il-konvenzjoni għal kull sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat kontraenti, irrispettivament mill-isem tagħha. |
39 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 u ebda wieħed mill-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament ma jostakola l-fatt li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz ikun jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
40 |
Madankollu, mis-sistema stabbilita fl-Artikoli 39, 45 u 46 tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li l-fatt li għal tali digriet tiġi rrikonoxxuta n-natura ta’ sentenza, fis-sens tal-Artikolu 2(a) ta’ dan ir-regolament, ma jċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jopponi l-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza billi jinvoka waħda mir-raġunijiet ta’ rifjut konformement mal-imsemmi Artikolu 45. |
41 |
B’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 46 tiegħu, fuq talba ta’ kull parti interessata, ir-rikonoxximent ta’ sentenza jiġi rrifjutat jekk dan ir-rikonoxximent ikun manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat. |
42 |
Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm l-Istati Membri jibqgħu, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw, konformement mal-kunċetti nazzjonali tagħhom, ir-rekwiżiti tal-ordni pubbliku tagħhom, il-limiti ta’ dan il-kunċett jaqgħu taħt l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, filwaqt li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kontenut tal-ordni pubbliku ta’ Stat Membru, madankollu hija għandha tistħarreġ il-limiti li fil-kuntest tagħhom il-qorti ta’ Stat Membru tista’ tagħmel użu minn dan il-kunċett sabiex ma tirrikonoxxix sentenza mogħtija minn Stat Membru ieħor (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punti 22 u 23, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
43 |
Barra minn hekk, billi jipprojbixxi l-istħarriġ tal-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprojbixxi lill-qorti tal-Istat Membru indirizzat milli tirrifjuta li tirrikonoxxi din is-sentenza unikament minħabba li tkun teżisti differenza bejn ir-regola tad-dritt applikata mill-qorti tal-Istat tal-oriġini u dik li kienet tapplika l-qorti tal-Istat indirizzat li kieku kienet adita bil-kawża. Bl-istess mod, il-qorti tal-Istat indirizzat ma tistax tistħarreġ l-eżattezza tal-evalwazzjonijiet ta’ liġi u ta’ fatt li jkunu saru mill-qorti tal-Istat tal-oriġini (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 36, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
44 |
B’hekk, sabiex tiġi osservata l-projbizzjoni tar-reviżjoni fil-mertu tas-sentenza mogħtija fi Stat Membru ieħor, l-użu tal-klawżola ta’ ordni pubbliku, li tinsab fl-Artikolu 45(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012, huwa mistenni biss fil-każ fejn ir-rikonoxximent tas-sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxi ksur manifest ta’ regola tad-dritt meqjusa essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat indirizzat jew ta’ dritt irrikonoxxut bħala fundamentali f’dan l-ordinament ġuridiku (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach,C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37, u tas-16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands,C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
Tali ksur jista’ b’mod partikolari jinsab fil-fatt li l-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni ma kienx f’pożizzjoni li jiddefendi ruħu b’mod effettiv quddiem il-qorti tal-oriġini u li jikkontesta, fl-Istat Membru tal-oriġini, is-sentenza li tagħha qiegħda tintalab l-eżekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi,C‑394/07, EU:C:2009:219, punti 27, 37, 45 u 46). |
46 |
B’hekk, f’dan il-każ, fil-każ li J jirnexxilu jistabbilixxi, quddiem il-qorti adita fl-Istat Membru indirizzat, li kien impossibbli għalih, fl-Istat Membru tal-oriġini, li jikkontesta fil-mertu l-pretensjonijiet li taw lok għas-sentenzi Ġordaniżi li huma s-suġġett tad-digriet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dik il-qorti tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ dan id-digriet minħabba l-inkompatibbiltà manifesta tiegħu mal-ordni pubbliku nazzjonali. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan. |
47 |
Fid-dawl ta’ dan kollu premess, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz jikkostitwixxi sentenza u jgawdi minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra jekk dan ikun ingħata fi tmiem proċedura kontradittorja fl-Istat Membru tal-oriġini u jkun ġie iddikjarat eżekuttiv fih, b’dan li madankollu n-natura ta’ sentenza ma ċċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jitlob, skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 45 tiegħu. |
Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda
48 |
Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u għat-tielet domanda. |
Fuq l‑ispejjeż
49 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet ta’ ordni għall-ħlas adottat minn qorti ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenzi definittivi mogħtija fi Stat terz jikkostitwixxi sentenza u jgawdi minn saħħa eżekuttiva fl-Istati Membri l-oħra jekk dan ikun ingħata fi tmiem proċedura kontradittorja fl-Istat Membru tal-oriġini u jkun ġie iddikjarat eżekuttiv fih, b’dan li madankollu n-natura ta’ sentenza ma ċċaħħadx lill-konvenut fil-proċedura ta’ eżekuzzjoni mid-dritt li jitlob, skont l-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni għal waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 45 tiegħu. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.