SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

28 ta’ April 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 3 – Obbligu ġenerali relatat mal-miżuri, mal-proċeduri u mar-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Artikolu 14 – Kunċett ta’ ‘spejjeż legali raġonevoli u proporzjonati’ – Konsulent fil-qasam tal-proprjetà intellettwali – Assenza ta’ possibbiltà ta’ evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tan-natura raġonevoli u proporzjonata tal-ispejjeż imposti fuq il-parti li tilfet”

Fil-Kawża C‑531/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

NovaText GmbH

vs

Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn I. Jarukaitis, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur) u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal NovaText GmbH, minn V. Feurstein, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u S. L. Kalėda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn NovaText GmbH u Ruprecht-Karls-Universität Heidelberg (iktar ’il quddiem l-“Università ta’ Heidelberg”) dwar it-tassazzjoni tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni konġunta ta’ avukat u ta’ espert ikkwalifikat bħala “konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali” (Patentanwalt) fi proċedura ġudizzjarja fil-qasam tal-kontrafazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li din l-università hija l-proprjetarja tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 10 u 17 tad-Direttiva 2004/48 jipprovdu:

“(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis-suq intern.

[…]

(17)

Il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għal din id-Direttiva għandhom ikunu determinati għal kull każ b’manjiera li jiġi kkunsidrati l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dak il-każ, li jinkludu il-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull dritt ta’ proprjetà intellettwali u, fejn hu xieraq, il-karattru intenzjonali jew mhux intenzjonali tal-kontravvenzjoni.”

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Materja tas-suġġett”:

“Din id-Direttiva tikkonċerna il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex tassigura l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu “diritijiet tal-proprjetà intellettwali” jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tagħha:

“Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti fil-Komunità jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il-mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet tal-Komunità u/jew bil-liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.”

6

Il-Kapitolu II tal-istess direttiva jinkludi l-Artikoli 3 sa 15 tagħha, dwar il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji rregolati mid-Direttiva 2004/48.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet talproprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.   Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

8

Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-ispejjeż legali”:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-ispejjeż legali u spejjeż oħra raġjonevoli u proprozjonati mħallsa mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, ikunu mħallsa mill-parti li tkun tilfet, sakemm jkun ekwità [sakemm ma jkunx ekwità].”

Id‑dritt Ġermaniż.

9

L-Artikolu 140 tal-Gesetz über den Schutz von Marken und sonstigen Kennzeichen (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Trade Marks u Sinjali Distintivi Oħra), tal‑25 ta’ Ottubru 1994, BGBI. 1994 I, p. 3082), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“MarkenG”), intitolat “Tilwimiet fil-qasam ta’ sinjali distintivi”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jistgħu jinġabru, fost l-ispejjeż li jkunu rriżultaw mill-parteċipazzjoni ta’ konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali f’kawża fil-qasam ta’ sinjali distintivi, l-onorarji msemmija fl-Artikolu 13 tar-[Rechtsanwaltsvergütungsgesetz (il-Liġi dwar ir-Remunerazzjoni tal-Avukati), tal‑5 ta’ Mejju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 718)] kif ukoll l-iżburżar indispensabbli sostnut mill-imsemmi konsulent.”

10

Skont l-Artikolu 125e(5) tal-MarkenG, l-Artikolu 140(3) tal-MarkenG japplika, mutatis mutandis għall-proċeduri quddiem qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li għandha ġurisdizzjoni.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

11

L-Università ta’ Heidelberg ressqet azzjoni għal inibizzjoni kontra NovaText għal kontrafazzjoni tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tagħha u invokat talbiet annessi skont id-dritt tat-trade marks. It-tilwima ġiet konkluża permezz ta’ tranżazzjoni ġudizzjarja. Permezz ta’ digriet tat‑23 ta’ Mejju 2017, il-Landgericht Mannheim (il-Qorti Reġjonali ta’ Mannheim, il-Ġermanja), bħala qorti tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea tal-ewwel istanza, ikkundannat lil NovaText għall-ispejjeż u stabbilixxiet il-valur tal-kawża għal EUR 50000. L-appell ippreżentat minnha ġie miċħud.

12

Fir-rikors, l-avukat tal-Università ta’ Heidelberg kien irrefera għall-parteċipazzjoni ta’ konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali u, matul il-proċedura ta’ tassazzjoni tal-ispejjeż, żgura li dan il-konsulat kien effettivament ipparteċipa fil-proċedura. Huwa indika li kull att proċedurali kien is-suġġett ta’ ftehim mal-imsemmi konsulent u li, b’dan il-mod, dan il-konsulent kien ipparteċipa wkoll fin-negozjati bil-għan tat-tranżazzjoni, anki jekk il-konverżazzjonijiet telefoniċi nżammu biss bejn l-avukati tal-partijiet.

13

Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Landgericht Mannheim (il-Qorti Reġjonali ta’ Mannheim) stabbilixxiet l-ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu rrimborsati lill-Università ta’ Heidelberg għal EUR 10 528.95, li minnhom EUR 4 867.70 għall-ispejjeż tal-konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali għall-azzjoni fl-ewwel istanza u EUR 325.46 għall-parteċipazzjoni ta’ dan il-konsulent fil-proċedura ta’ appell.

14

L-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe, il-Ġermanja), adita bl-appell ippreżentat minn NovaText kontra dan id-digriet, ċaħdet ir-rikors ta’ din tal-aħħar. Din il-qorti kkunsidrat li kienet adita b’tilwima fil-qasam tat-trade marks u tas-sinjali distintivi, fis-sens tal-Artikolu 140(3) tal-MarkenG, b’tali mod li, kuntrarjament għas-sistema ordinarja ta’ rkupru tal-ispejjeż fil-kuntest tal-kontenzjuż ċivili, ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-intervent tal-konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali kienx “neċessarju għal azzjoni legali utli”, jew jekk dan l-intervent kienx jikkostitwixxi “valur miżjud” meta mqabbel mas-servizz ipprovdut mill-avukat inkarigat mill-Università ta’ Heidelberg. Skont l-imsemmija qorti, kellu jitqies li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali hija konformi mad-Direttiva 2004/48 u li interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni li tgħid li għandu jiġi eżaminat jekk l-użu ta’ konsulent tal-proprjetà industrijali kienx neċessarju tmur b’mod ċar kontra l-għan tal-leġiżlatur nazzjonali, li jeskludi l-possibbiltà li ssir interpretazzjoni konformi tal-Artikolu 140(3) tal-MarkenG.

15

Permezz tal-appell tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), NovaText titlob l-annullament tad-digriet ta’ intaxxar tal-ispejjeż, sa fejn din tal-aħħar imponiet fuqha l-ispejjeż tal-konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali.

16

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li s-suċċess tal-appell essenzjalment jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward li, meta kkunsidrat l-ispejjeż tal-konsulent fi proprjetà industrijali bħala li jistgħu jinġabru skont l-Artikolu 140(3) tal-MarkenG, l-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe) kkonformat mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) u għall-opinjoni fil-parti l-kbira dominanti ħafna fid-duttrina nazzjonali.

17

Fid-dawl ta’ dan, fir-rigward tas-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611), il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward il-konformità tal-Artikolu 140(3) tal-MarkenG mal-Artikolu 3(1) u mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. Hija tqis, qabelxejn, li r-rimbors awtomatiku tal-ispejjeż relatati mal-attività ta’ konsulent fil-qasam ta’ proprjetà industrijali li l-intervent tiegħu, fil-prattika, ma kienx “neċessarju għal azzjoni legali utli” jista’ jirriżulta fi spiża għalja inutli, b’mod partikolari, fl-ipoteżi fejn il-kompitu li kien twettaq minn dan il-konsulent seta’ twettaq bl-istess mod mill-avukat speċjalizzat fi proprjetà intellettwali diġà inkarigat mill-parti kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, f’dak li jikkonċerna l-azzjoni ekstraġudizzjarja tad-dritt u, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali f’intimazzjoni skont id-dritt tat-trade marks, din diġà ddeċidiet li applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 140(3) tal-MarkenG ma kinitx possibbli u li, konsegwentement, l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tal-imsemmi konsulent jistgħu jinġabru biss jekk il-parteċipazzjoni tiegħu kienet neċessarja.

18

Sussegwentement, fid-dawl tal-fatt li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tagħha, id-Direttiva 2004/48 hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern u li, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, il-proċeduri u r-rimedji li hija tipprevedi għandhom ikunu dissważivi, jidher iġġustifikat li jiġu esklużi mir-rimbors l-ispejjeż eċċessivi minħabba onorarji eċċezzjonalment għoljin miftehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha, jew minħabba l-għoti ta’ servizzi mill-avukat, li ma jitqisux neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat.

19

Fl-aħħar, ir-rimbors tal-ispejjeż relatati mal-attività ta’ konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali, li l-intervent tiegħu ma kienx “neċessarju għal azzjoni legali utli”, jista’ ma jkollux natura proporzjonali, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, peress li r-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż ma jiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni karatteristiċi speċifiċi tal-każ inkwistjoni.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva [2004/48] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-obbligu għall-parti li tkun tilfet li tirrimborsa l-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa għall-parteċipazzjoni ta’ aġent tal-privattivi fi proċedura ġudizzjarja fil-qasam tad-dritt tat-trade marks, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-aġent tal-privattivi kinitx neċessarja għal azzjoni legali utli?”

Fuq id‑domanda preliminari

21

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti risposta utli lill-qorti nazzjonali sabiex tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li titressaq quddiemha. Għal dan il-għan, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirriformola d-domandi li jkunu sarulha. Fil-fatt, il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux ġew indikati espressament fid-domandi li jkunu ġew indirizzati lilha minn dawn il-qrati nazzjonali (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għal dawn il-finijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża prinċipali (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Fl-ewwel lok, fid-domanda tagħha, minbarra l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 3(1) tagħha. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-obbligu ġenerali impost, skont dan l-Artikolu 3, fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-kriterji li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji għandhom jissodisfaw sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jinkludi wkoll elementi rilevanti għall-finijiet tal-analiżi tad-domanda magħmula. Hekk kif jirriżulta barra minn hekk mill-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għalih ukoll.

24

F’dan ir-rigward, minn naħa, konformement mal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu, b’mod partikolari, leali u ġusti u ma għandhomx ikunu inutilment għaljin. Min-naħa l-oħra, skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji għandhom ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u għandhom jiġu applikati b’mod li joffru protezzjonijiet kontra l-użu abbużiv tagħhom.

25

Fit-tieni lok, fir-rigward tan-natura “neċessarja għal azzjoni legali utli” tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 ma jirrikonoxxix tali kriterju. Fil-fatt, skont dan l-Artikolu 14, l-ispejjeż legali u spejjeż oħra li jistgħu jinġabru għandhom ikunu “raġonevoli u proprozjonati”.

26

Issa, peress li l-kliem “spejjeż legali […] raġjonevoli u proprozjonati”, li jinsabu f’din id-dispożizzjoni, ma jinkludu ebda riferiment speċifiku għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens tagħhom u l-portata tagħhom, dawn għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, indipendentement mill-kwalifiki użati fl-Istati Membri, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni termini tad-dispożizzjoni inkwistjoni, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2021, LR Ģenerālprokuratūra,C‑3/20, EU:C:2021:969, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fit-tielet lok, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Karlsruhe) iddeċidiet li ma kienx hemm lok, f’dan il-każ, li l-Artikolu 140(3) tal-MarkenG jiġi interpretat fis-sens li hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk l-użu ta’ konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali huwiex neċessarju, sa fejn b’mod partikolari tali interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali b’mod ċar tmur kontra l-għan tal-leġiżlatur nazzjonali.

28

Madankollu, il-fatt li ressqet din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bħas-skiet tal-qorti tar-rinviju f’dan ir-rigward, jistgħu jinftehmu fis-sens li l-eventwali inkompatibbiltà tad-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kkonċernat, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji li jirriżultaw mill-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, kif imfakkra fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, tista’ tirriżulta mhux mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nnifisha, iżda mill-interpretazzjoni li hija ġeneralment mogħtija lilha fl-ordinament ġuridiku nazzjonali.

29

Fir-raba’ u fl-aħħar lok, hekk kif osserva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dubji tal-qorti tar-rinviju ma jikkonċernawx tant il-klassifikazzjoni tal-ispejjeż marbuta mal-intervent tal-konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali iżda l-fatt li jitħallsu inkondizzjonalment u awtomatikament mill-parti li titlef. Issa, din l-awtomatiċità tevitalhom stħarriġ ġudizzjarju dwar in-natura raġonevoli u proporzjonata tagħhom.

30

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, hemm lok li d-domanda magħmula minnha tiġi rriformulata fis-sens li, essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 3 u 14 tad-Direttiva 2004/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li ma tippermettix lill-qorti adita bi proċedura li taqa’ taħt din id-direttiva li tieħu debitament inkunsiderazzjoni, f’kull każ ippreżentat quddiemha, karatteristiċi speċifiċi ta’ dan tal-aħħar sabiex jiġi evalwat jekk l-ispejjeż legali sostnuti mill-parti rebbieħa humiex raġonevoli u proporzjonati.

31

Hekk kif huwa stabbilit fil-premessa 10 tagħha, l-għan tad-Direttiva 2004/48 huwa li tqarreb il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri għal dak li jirrigwarda l-mezzi sabiex jiġu rispettati d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

32

Għal dan il-għan, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2004/48 tikkonċerna l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji kollha biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jispeċifika li dawn il-miżuri, proċeduri u rimedji japplikaw għal kull ksur ta’ dawn id-drittijiet, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.

33

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48 ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti, minn naħa, mar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, mal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji ġuridiċi effettivi intiżi sabiex jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali eżistenti (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Madankollu, waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li jipproċedi għal armonizzazzjoni minima li tirrigwarda r-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b’mod ġenerali (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Constantin Film Verleih, C‑264/19, EU:C:2020:542, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, ir-regoli dwar l-ispejjeż legali, li jinsabu fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, jagħmlu parti mir-regoli dwar il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, previsti fil-Kapitolu II tagħha.

36

B’mod partikolari, minn naħa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jistabbilixxi l-prinċipju li l-ispejjeż legali raġonevoli u proporzjonati u l-ispejjeż l-oħra sostnuti mill-parti rebbieħa, bħala regola ġenerali, għandhom jitħallsu mill-parti li titlef.

37

Għalhekk, din id-dispożizzjoni hija intiża li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża tiġi dissważa milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Diageo Brands, C‑681/13, EU:C:2015:471, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Dan huwa barra minn hekk konformi kemm mal-għan ġenerali tad-Direttiva 2004/48, intiża għall-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll mal-għan speċifiku ta’ din id-dispożizzjoni, intiż sabiex jiġi evitat li parti leża ma tiġix dissważa milli tiftaħ proċeduri ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwardja d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha. Fil-fatt, konformement mal-imsemmija għanijiet, l-awtur tal-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu ġeneralment isostni l-konsegwenzi finanzjarji kollha tal-aġir tiegħu (sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Realchemie Nederland, C‑406/09, EU:C:2011:668, punt 49).

39

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, ir-regola ta’ tqassim tal-ispejjeż li huwa jipprevedi ma tapplikax jekk l-ekwità tipprojbixxi li tiġi imposta fuq il-parti li titlef ir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-parti rebbieħa, anki meta dawn ikunu raġonevoli u proporzjonati.

40

Qabelxejn, fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “spejjeż legali” li għandhom jiġu rrimborsati mill-parti li titlef, imsemmi fl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan il-kunċett jinkludi, fost affarijiet oħra, l-onorarji tal-avukat, peress li din id-direttiva ma kienet tinkludi ebda element li jwassal għall-konklużjoni li dawn l-ispejjeż, li ġeneralment jikkostitwixxu parti sostanzjali tal-ispejjeż imġarrba fil-kuntest ta’ proċedura intiża li jiġi żgurat dritt tal-proprjetà intelletwali, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu (sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 22).

41

Xejn iktar fid-Direttiva 2004/48 ma jipprekludi li l-ispejjeż ta’ rappreżentant, bħal konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali, li d-detentur tad-drittijiet ikun irrikorra għalih b’mod individwali jew, konġuntament, ma’ avukat, għandhom jitqiesu, bħala prinċipju, bħala li jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “spejjeż legali”, sa fejn dawn l-ispejjeż ikollhom bħala oriġini immedjata u diretta l-proċedura nnifisha, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tiegħu.

42

Tali oriġini tista’ tiġi rikonoxxuta għall-ispejjeż ta’ konsulent awtorizzat, skont id-dritt nazzjonali, sabiex jirrappreżenta fil-qorti d-detenturi ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali fil-proċeduri quddiem il-qrati kompetenti, imsemmija fid-Direttiva 2004/48, dwar, b’mod partikolari, it-tfassil, minn tali konsulent, tal-atti proċedurali jew id-dehra tiegħu fis-seduti miżmuma, jekk ikun il-każ, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri. Lanqas ma huwa eskluż li tali oriġini tista’ tiġi rrikonoxxuta wkoll għall-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ tali konsulent fil-passi intiżi għal soluzzjoni bonarja, b’mod partikolari, f’tilwima li hija diġà pendenti quddiem qorti.

43

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punti 39 u 40 tas-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties (C‑57/15, EU:C:2016:611), essenzjalment, li, sa fejn servizzi ta’ konsulent tekniku huma direttament u strettament marbuta ma’ azzjoni ġudizzjarja intiża sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-ispejjeż marbuta mal-assistenza ta’ dan il-konsulent jaqgħu taħt “spejjeż oħra”, fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48.

44

Madankollu, din il-klassifikazzjoni tidħol fil-kuntest fattwali partikolari tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, fejn ma kienx faċli li jiġi stabbilit jekk il-kawża prinċipali kinitx tirrigwarda “spejjeż ta’ identifikazzjoni u riċerka”, inkorsi ta’ spiss qabel proċedura ġudizzjarja u għalhekk ma jaqgħux neċessarjament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, iżda pjuttost taħt l-Artikolu 13 tagħha dwar il-kumpens għad-danni subiti mid-detentur tad-dritt, jew inkella s-servizzi indispensabbli sabiex tkun tista’ utilment titressaq azzjoni ġudizzjarja.

45

Sussegwentement, minn naħa, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw ir-rimbors tal-ispejjeż legali “raġonevoli” biss. Dan ir-rekwiżit, li japplika kemm għall-“ispejjeż legali” kif ukoll għall-“ispejjeż oħra”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirrifletti l-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li skont dan l-Istati Membri għandhom jiżguraw, b’mod partikolari, li l-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti minn din id-direttiva ma jkunux inutilment għaljin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 24).

46

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma humiex raġonevoli l-ispejjeż eċċessivi minħabba onorarji eċċezzjonalment għoljin miftehma bejn il-parti rebbieħa u l-avukat tagħha, jew minħabba għoti ta’ servizzi mill-avukat li ma jitqiesux neċessarji sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tal-proprjetà intellettwali kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 25).

47

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48 jipprevedi li l-ispejjeż legali li u l-ispejjeż l-oħra li għandhom jitħallsu mill-parti li titlef għandhom ikunu “proporzjonati”.

48

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kwistjoni jekk dawn l-ispejjeż humiex proporzjonati ma tistax tiġi evalwata indipendentement mill-ispejjeż li l-parti rebbieħa effettivament tkun ġarrbet għall-assistenza ta’ avukat, sa fejn dawn ikunu “raġonevoli” fis-sens tal-punt 45 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minkejja li r-rekwiżit ta’ proporzjonalità ma jimplikax li l-parti li titlef għandha neċessarjament tirrimborsa l-ispejjeż kollha mġarrba mill-parti l-oħra, dan jeżiġi madankollu li din il-parti tal-aħħar ikollha dritt għar-rimbors, mill-inqas, ta’ parti sinjifikattiva u xierqa tal-ispejjeż raġonevoli effettivament imġarrba mill-parti rebbieħa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punt 29).

49

Fl-aħħar, konformement mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha, il-qorti kompetenti għandha tkun f’pożizzjoni li tistħarreġ fil-każijiet kollha n-natura raġonevoli u proporzjonata tal-ispejjeż legali, sostnuti mill-parti rebbieħa, minħabba l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentant, bħal konsulent fil-qasam tal-proprjetà industrijali, u dan lil hinn mill-każijiet fejn tali stħarriġ ikun meħtieġ, skont dan l-Artikolu 14, minħabba l-ekwità.

50

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tariffi b’rata fissa bħala prinċipju hija kompatibbli mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, anki f’tali każ, dawn it-tariffi għandhom jiżguraw li l-ispejjeż li, skont din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jiġu imposti fuq il-parti li titlef ikunu raġonevoli u li l-ammonti massimi li jistgħu jintalbu għal dawn l-ispejjeż ukoll ma jkunux wisq baxxi meta pparagunati mat-tariffi normalment ipprattikati minn avukat fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, United Video Properties, C‑57/15, EU:C:2016:611, punti 25, 26, 30 u 32).

51

Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza ma jistax jiġi dedott li, fl-eżerċizzju ta’ din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-Istati Membri jistgħu jaslu sabiex jeskludu kategorija ta’ spejjeż legali jew spejjeż oħra minn kull stħarriġ ġudizzjarju tan-natura raġonevoli u proporzjonata tagħhom.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni awtomatika ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ twassal, f’ċerti każijiet, għal ksur tal-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/48, li skontu, b’mod partikolari, il-proċeduri implimentati mill-Istati Membri ma għandhomx ikunu inutilment għaljin.

53

It-tieni, tali applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dan it-tip tista’ tiddisswadi lil detentur preżunt ta’ drittijiet milli jippreżenta rikors ġudizzjarju intiż sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt tiegħu minħabba biża’ li jkollu jħallas, jekk jitlef, spejjeż legali kunsiderevolment għoljin, kuntrarjament għall-għan tad-Direttiva 2004/48, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat, b’mod partikolari, livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

54

It-tielet, hekk kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, it-teħid inkunsiderazzjoni inkundizzjonat u awtomatiku tal-ispejjeż permezz ta’ sempliċi dikjarazzjoni fuq l-unur ta’ rappreżentant ta’ parti fit-tilwima, mingħajr ma dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-qorti nazzjonali fir-rigward tan-natura raġonevoli u proporzjonata tagħhom fir-rigward tal-kawża kkonċernata, jista’ jiftaħ it-triq għal użu abbużiv ta’ tali dispożizzjoni bi ksur tal-obbligu ġenerali previst fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48.

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, id-domanda għandha tiġi risposta li l-Artikoli 3 u 14 tad-Direttiva 2004/48 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li ma tippermettix lill-qorti adita bi proċedura li taqa’ taħt din id-direttiva milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni, f’kull każ ippreżentat quddiemha, karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-każ għall-finijiet li jiġi evalwat jekk l-ispejjeż legali sostnuti mill-parti rebbieħa humiex raġonevoli u proporzjonati.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L‑Artikoli 3 u 14 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew interpretazzjoni tagħha li ma tippermettix lill-qorti adita bi proċedura li taqa’ taħt din id-direttiva milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni, f’kull każ ippreżentat quddiemha, karatteristiċi speċifiċi ta’ dan il-każ għall-finijiet li jiġi evalwat jekk l-ispejjeż legali sostnuti mill-parti rebbieħa humiex raġonevoli u proporzjonati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż