SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Mejju 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Artikolu 4(1)(a) – Għanijiet ambjentali relatati mal-ilmijiet tal-wiċċ – Obbligu tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx programm jew proġett li jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Kunċett ta’ ‘deterjorament’ tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ – Artikolu 4(6) u (7) – Derogi għall-projbizzjoni ta’ deterjorament – Kundizzjonijiet – Programm jew proġett li għandu impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ”
Fil-Kawża C‑525/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura
Association France Nature Environnement
vs
Premier ministre,
Ministre de la Transition écologique et solidaire,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, J. Passer (Relatur), F. Biltgen, N. Wahl u M L. Arastey Sahún, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: A. Rantos,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-association France Nature Environnement, minn B. Hogommat, |
|
– |
għall-Gvern Franċiż, minn T. Stéhelin, W. Zemamta u E. Toutain, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil kif ukoll minn L. Dvořáková, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. A. M. de Ree, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Valero u O. Beynet, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Jannar 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-association France Nature Environnement u l-Premier ministre (il-Prim Ministru, Franza) u l-ministre de la Transition écologique et solidaire (il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Solidari, Franza) dwar il-legalità ta’ digriet dwar l-iskemi gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġar tal-ilma u dwar l-iskemi għall-ippjanar u għall-immaniġġar tal-ilma. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Skont il-premessi 11, 25, 26 u 32 tad-Direttiva 2000/60:
[…]
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jistabbilixxi: “L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni ta’ l-ilmijiet tal-wiċċ interni, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art li:
[…]” |
|
5 |
Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva d-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
[…]
[…]
[…]” |
|
6 |
L-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Għanijiet ambjentali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 6 sa 8 tiegħu: “1. Meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara ikunu qed isiru operazzjonali:
[…] 6. Deterjorazzjoni temporanja fl-istat ta’ korpi ta’ l-ilma ma tiksirx il-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva jekk din tirriżulta minn ċirkostanzi ta’ kawżi naturali jew forzi maġġuri li huma eċċezzjonali jew li ma’ setgħux ikunu raġonevolment imbassra, partikularment dulluvji estremi u nuqqas ta’ xita għal tul ta’ żmien, jew ir-riżultat ta’ ċirkostanzi minħabba aċċidenti li ma’ setgħux raġonevolment ikunu mbassra, meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu intlaħqu:
7. L-Istati Membri ma’ jkunux qed jiksru din id-Direttiva meta:
u l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu milħuqa:
8. Meta jkun qed japplika l-paragrafi 3, 4, 5, 6 u 7, Stat Membru jrid jiżgura li l-applikazzjoni ma’ teskludix b’mod permaneti jew tikkomprometti l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva f’korpi oħra ta’ l-ilma fi ħdan l-istess distrett tal-baċin tax-xmara u huwa konsistenti ma’ l-implimentazzjoni ta’ leġislazzjoni Komunitarja oħra ambjentali.” |
|
7 |
L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Karatteristiċi tad-distrett ta’ baċin ta’ l-ilma, reviżjoni ta’ l-impatt ambjentali ta’ attività umana u analiżi ekonomika tal-użu ta’ l-ilma”, jipprovdi: “1, Kull Stati Membru jrid jiżgura li għal kull distrett tal baċin tax-xmara jew għal parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa fi ħdan it-territorju tiegħu:
hija marbuta skond l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi maħruġa fl-Anness II u III u li huwa komplut sa’ l-anqas erba snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 2. L-analiżi u riviżjonijiet imsemmija taħt paragrafu 1 iridu jiġu riveduti, u jekk meħtieġ aġġornati sa’ l-anqas 13 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull wara sitt xhur.” |
|
8 |
L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma tal-wiċċ, l-istat ta’ l-ilma ta’ taħt l-art u żoni protetti”, jipprovdi: “1. L-Istati Membri jridu jiżguraw li jkunu stabbiliti l-programmi għall-monitoraġġ ta’ l-istat ta’ l-ilma sabiex titwaqqaf deskrizzjoni ġenerika koerenti u komprensiva ta’ l-istat ta’ l-ilma fi ħdan kull distrett ta’ baċin tax-xmara:
[…] 2. Dawn il-programmi jridu jkunu operazzjonali mhux aktar tard minn sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva sakemm ma’ jkunx speċifikat mod ieħor fil-leġislazzjoni konċernata. Dan il-monitoraġġ irid ikun jaqbel mal-ħtiġiet ta’ l-Anness V. […]” |
|
9 |
Skont l-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Programm ta’ miżuri”: “1. Kull Stat Membru jrid jiżgura li jkun stabbilit għal kull distrett tal-baċin tax-xmara, jew għall-parti ta’ distrett internazzjonali tal-baċin tax-xmara fi ħdan it-territorju tiegħu, programm ta’ miżuri, b’konsiderazzjoni tar-riżultati ta’ l-analiżi meħtieġa taħt l-Artikolu 5, sabiex jinkisbu l-għanijiet imwaqqfa taħt l-Artikolu 4. Dawn il-programmi ta’ miżuri jistgħu jirreferu għal miżuri li joħorġu minn leġislazzjoni adottata f’livell nazzjonali u tkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru. Fejn hu xieraq, Stat Membru jista’ jadotta miżuri applikabbli għad-distretti kollha tal-baċin tax-xmara u/jew il-parti ta’ distretti internazzjonali tal-baċin tax-xmara li jaqa’ fi ħdan it-territorju tiegħu. […] 8. Il-programmi ta’ miżuri jridu jiġu riveduti, u jekk meħtieġ aġġornati sa’ mhux iktar minn 15-il sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull sitt xhur wara Kull miżura ġdida jew riveduta stabbilitaa taħt programm aġġornat trid issir operazzjonali fi żmien tlett snin mit-twaqqif tagħha.” |
|
10 |
L-Artikolu 13 tal-istess direttiva, intitolat “Pjanijiet ta’ mmaniġġjar ta’ baċin tax-xmara” jipprovdi: “1. L-Istati Membri jridu jiżguraw li pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara huwa prodott għal kull distrett tal-baċin tax-xmara li qiegħed kollu fi ħdan it-territorju tagħhom. […] 4. Il-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara jrid jinkludi l-informazzjoni dettaljata fl-Anness VII. […] 6. Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara jridu jiġu ppubblikati mhux aktar tard minn disa’ snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. 7. Pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma jridu jiġu riveduti u aġġornati mhux aktar tard minn 15 il-sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u kull sitt xhur wara.” |
|
11 |
L-Anness V tad-Direttiva 2000/60 jistabbilixxi, fil-punti 1.3 u 1.3.4 tiegħu: “1.3. Monitoraġġ ta’ stat ekoloġiku u stat kimiku għall-ilmijiet tal-wiċċ In-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ iridu jitwaqqfu bi qbil mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 8. In-networks ta’ monitoraġġ iridu jiġu disinjati sabiex jipprovdu diskrezzjoni koerenti u komprensiva ta’ stat ekoloġiku u kimiku fi ħdan kull baċin tax-xmara u jridu jippermettu klassifikazzjoni ta’ korpi ta’ l-ilma f’ħames klassijiet konsistenti mad-definizzjonijiet normattivi f’sezzjoni 1.2. L-Istati Membri jridu jipprovdu mappa jew mapep li juru n-networks ta’ monitoraġġ ta’ l-ilma tal-wiċċ fil-pjan ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara. […] 1.3.4. Frekwenza ta’ monitoraġġ Għall-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza, il-frekwenzi għal monitoraġġ ta’ parametri indikattivi ta’ elementi ta’ kwalità fiżiko-kimika mogħtija hawn taħt iridu jiġu applikati sakemm intervalli akbar ma’ jkunux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert. Għal elementi ta’ kwalità bioloġika jew idromorfoloġika monitoraġġ irid isir għall-inqas darba matul il-perjodu ta’ monitoraġġ ta’ sorveljanza. Għal monitoraġġ operazzjonali, il-frekwenza ta’ monitoraġġ meħtieġa għal kull paramentru trid tkun stabbilita minn Stati Membri sabiex tipprovdi data suffiċenti għal stat ta’ min joqgħod fuqu tal-element ta’ kwalità relevanti. Bħala linja ta’ gwida, monitoraġġ irid jitwettaq f’intervalli li ma’ jeċedux dawk li jidhru fit-tabella hawn taħt sakemm intervalli akbar ma’ jiġux ġustifikati fuq il-bażi ta’ taħriġ tekniku u ġudizzju ta’ espert. Frekwenzi jridu jiġu magħżula sabiex jinkiseb livell aċċettabbli ta’ kunfidenza u preċiżjoni. Stimi tal-kunfidenza u preċiżjoni milħuqa mis-sistema ta’ monitoraġġ użata jridu jiġu ddikjarati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara. Frekwenzi ta’ monitoraġġ iridu jiġu magħżula li jieħdu konsiderazzjoni tal-varjabilità fil-parametri li jirriżultaw kemm mill-kundizzjonijiet naturali u wkoll minn dawk antropoġeniċi. Iż-żminijiet ta’ meta jitwettaq monitoraġġ iridu jiġu magħżula sabiex jitnaqqas l-impatt ta’ varjazzjoni tal-istaġuni fuq ir-riżultati, u b’hekk jiżguraw li r-riżultati jirriflettu bdil fil-korp ta’ l-ilma bħala riżultat ta’ bdil minħabba pressjoni antropoġenika. Monitoraġġ addizzjonali matul staġuni differenti tal-istess sena jridu jsiru, fejn meħtieġ, biex jinkiseb dan il-għan.
[…]” |
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||
|
12 |
Skont l-Anness VII tad-Direttiva 2000/60 intitolat “Pjanijiet ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara”: “A. Pjanijiet ta’ l-immaniġġjar tal-baċin tax-xmara jridu jkopru l-elementi li jmiss: […]
[…]” |
Id-dritt Franċiż
|
13 |
L-artikolu L. 212–1 tal-Kodiċi tal-Ambjent jipprovdi li: “[…] III. Kull baċin jew grupp ta’ baċini tax-xmara għandu skema jew diversi skemi ta’ gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilmijiet li jistabbilixxu l-għanijiet imsemmija fil-paragrafu IV ta’ dan l-artikolu […] IV. L-għanijiet tal-kwalità u tal-kwantità tal-ilmijiet stabbiliti mill-iskemi gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilma jikkorrispondu: 1° Għall-ilma tal-wiċċ, bl-eċċezzjoni tal-korpi ta’ ilma artifiċjali jew modifikati ħafna permezz tal-attivitajiet tal-bniedem, ta’ stat ekoloġiku u kimiku tajjeb; 2° Għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ artifiċjali jew modifikati ħafna permezz tal-attivitajiet tal-bniedem, potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb; […] 4° Għall-prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet; […] VII. Emendi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-ilmijiet jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet umani ġodda jistgħu jiġġustifikaw, taħt kundizzjonijiet iddefiniti mid-digriet previst fil-paragrafu XIII, derogi motivati fir-rigward tal-għanijiet imsemmija fil-punti 1 sa 4 tal-paragrafi IV u VI […] XI. Il-programmi u d-deċiżjonijiet amministrattivi fil-qasam tal-ilma għandhom ikunu kompatibbli ma’ jew ikunu magħmula kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-iskemi gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilma. […] XIII. Digriet tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu.” |
|
14 |
L-Artikolu R. 212–13 tal-Kodiċi tal-Ambjent, kif emendat bid-Décret du 4 octobre 2018 relatif aux schémas directeurs d’aménagement et de gestion des eaux et schémas d’aménagement et de gestion des eaux (id-Digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2018 dwar l-Iskemi Gwida ta’ Żvilupp u ta’ Ġestjoni tal-Ilmijiet u l-Iskemi ta’ Żvilupp u ta’ Ġestjoni tal-Ilmijiet (JORF Nru 231 tas‑6 ta’ Ottubru 2018, test Nru 11)) jipprovdi: “Għall-applikazzjoni tal-punt 4 tal-paragrafu IV tal-Artikolu L. 212–1, il-prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet tikkonsisti f’li jiġi żgurat li:
[…] Sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu XI tal-Artikolu L. 212–1 mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma msemmi fil-punt 4 tal-paragrafu IV tal-istess artikolu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri għall-evitar u għat-tnaqqis u ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu R. 212–16 tal-Kodiċi tal-Ambjent: “[…] I bis. Id-derogi previsti fil-paragrafu VII tal-Artikolu L. 212–1 jistgħu jingħataw għal proġett li jwassal għal modifiki fil-karatteristiċi fiżiċi tal-ilmijiet jew l-eżerċizzju ta’ attivitajiet umani ġodda biss meta l-kundizzjonijiet li ġejjin kollha jkunu ssodisfatti: 1° Il-miżuri prattikabbli kollha jittieħdu sabiex jitnaqqas l-effett ta’ ħsara tal-proġett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati; 2° Il-modifiki jew alterazzjonijiet tal-korpi tal-ilma jissodisfaw interess ġenerali maġġuri jew il-benefiċċji mistennija mill-proġett fil-qasam tas-saħħa tal-bniedem, taż-żamma tas-sigurtà għall-persuni jew tal-iżvilupp sostenibbli li jipprevalu fuq il-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà li huma marbuta mat-twettiq tal-għanijiet iddefiniti fil-paragrafu IV tal-Artikolu L. 212–1; 3° L-għanijiet benefiki li għandhom jintlaħqu mill-proġett ma jistgħux, għar-raġunijiet ta’ possibbiltà teknika ta’ twettiq jew ta’ spejjeż sproporzjonati, jinkisbu permezz ta’ miżuri oħra li jikkostitwixxu għażla ambjentali sinjifikattivament aħjar. Il-prefett koordinatur ta’ baċir għandu jadotta l-lista ta’ proġetti li jissodisfaw jew li jistgħu jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet, prevista fil-paragrafu VII tal-Artikolu L. 212–1. Ir-raġunijiet għall-modifiki jew għall-alterazzjonijiet tal-korpi tal-ilma taħt dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu espressament indikati u mmotivati fl-iskema gwida għall-ippjanar u għall-immaniġġjar tal-ilmijiet fl-aġġornament tagħha. […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
16 |
Permezz ta’ rikors u ta’ nota oħra, irreġistrati rispettivament fl-1 ta’ April 2019 u fit‑22 ta’ Settembru 2020, l-association France Nature Environnement ippreżentat rikors quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) intiż għall-annullament minħabba Digriet Nru 2018‑847 sa fejn jipprevedi li jiġi miżjud paragrafu tal-aħħar mal-Artikolu R. 212–13 tal-Kodiċi tal-Ambjent, li skont dan, sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-programmi u tad-deċiżjonijiet amministrattivi adottati fil-qasam tal-ilma bil-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, “ma jiġux ikkunsidrati impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul” kif ukoll id-deċiżjoni impliċita li tirriżulta mir-rifjut tal-Prim Ministru li jilqa’ t-talba tagħha għall-irtirar ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
17 |
Insostenn tar-rikors tagħha, din l-assoċjazzjoni sostniet li l-imsemmija dispożizzjoni tikser id-Direttiva 2000/60, b’mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha, li jipprojbixxi kull deterjorament, kemm jekk temporanju jew fit-tul, tal-istat tal-korpi tal-ilma. |
|
18 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fis-sentenza tagħha tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433), il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a)(i) sa (iii) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma obbligati, bla ħsara għall-għoti ta’ derogi previsti fil-paragrafi 6 u 7 tal-imsemmi artikolu, li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-kisba ta’ stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew ta’ potenzjal ekoloġiku tajjeb u ta’ stat kimiku tajjeb ta’ tali ilmijiet fid-data prevista minn din id-direttiva. |
|
19 |
Quddiem din il-qorti, il-Ministru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika u Solidari ssostni li d-dispożizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2000/60, li għandha tirriżulta minn ċirkustanzi dovuti għal kawżi naturali jew ta’ forza maġġuri, iżda minn dik imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, li teskludi mill-kamp tal-ksur ta’ din id-direttiva d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp ta’ ilma li jirriżultaw minn attivitajiet sostenibbli ġodda ta’ żvilupp uman peress li l-erba’ kundizzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu huma kumulattivament issodisfatti. L-imsemmija Ministru pproduċiet, f’dan ir-rigward, id-dokument ta’ gwida Nru 36 intiż għad-“derogi mill-għanijiet ambjentali skont l-Artikolu 4(7)” imfassal, fil-kuntest tal-proċess imsejjaħ “Strateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar”, mill-amministrazzjonijiet ikkonċernati tal-Istati Membri u mill-Kummissjoni Ewropea, matul ix-xahar ta’ Diċembru 2017, li jgħid li meta tali attivitajiet ikollhom biss impatt temporanju għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp tal-ilma, dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjoni mingħajr ma din tkun suġġetta għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva. |
|
20 |
Skont il-qorti tar-rinviju, it-tweġiba għall-motiv imqajjem mill-assoċjazzjoni rikorrenti tiddependi għalhekk fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet tal-wiċċ, l-awtorità amministrattiva tistax ma tiħux inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul tal-programmi u tal-proġetti suġġetti għall-awtorizzazzjoni tagħha u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet u limiti. |
|
21 |
Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
22 |
Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuqhom u, jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet. |
|
23 |
Skont l-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, billi jagħmlu operazzjonali l-programmi ta’ miżuri previsti fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-paragrafi 6 u 7 ta’ dan l-artikolu u bla ħsara għall-paragrafu 8 tiegħu. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2000/60 ma jillimitax ruħu li jistabbilixxi, skont formulazzjoni programmatika, għanijiet sempliċi ta’ ppjanar tal-immaniġġjar, iżda japplika effetti vinkolanti, ladarba ġie stabbilit l-istat ekoloġiku tal-korp tal-ilma kkonċernat, f’kull stadju tal-proċedura mitluba minn din id-direttiva. Għalhekk din id-dispożizzjoni ma tinkludix biss obbligi ta’ prinċipju, iżda tikkonċerna wkoll proġetti partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punti 43 u 47). |
|
25 |
Għalhekk, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, kull deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jiġi evitat, irrispettivament mill-ippjanar għal iktar fit-tul previst minn pjanijiet tal-immaniġġar u minn programmi ta’ miżuri. L-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jibqa’ vinkolanti f’kull stadju tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2000/60 u huwa applikabbli għal kull tip u għal kull stat tal-korp tal-ilma tal-wiċċ li għalih ġie jew imissu ġie adottat pjan ta’ mmaniġġar. Konsegwentement, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta’ proġett meta dan tal-aħħar huwa ta’ natura li jiddeterjora l-istat tal-korp tal-ilma kkonċernat jew li jikkomprometti l-ksib ta’ stat tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, ħlief li jitqies li l-imsemmi proġett jaqa’ taħt deroga skont l-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 50). |
|
26 |
Dan jimplika li, matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, jikkontrollaw jekk dan il-proġett jistax iwassal għal effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 76). |
|
27 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “deterjorament tal-istat”, ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, mhux iddefinit fid-Direttiva 2000/60, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li għandu jitqies li jkun hemm deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, hekk kif l-istat ta’ minn tal-inqas wieħed mill-elementi ta’ kwalità, fis-sens tal-Anness V ta’ din id-direttiva, jonqos bi klassi waħda, anki jekk din id-degradazzjoni ma twassalx għal degradazzjoni fil-klassifikazzjoni, b’mod ġenerali, tal-korp tal-ilma tal-wiċċ. Madankollu, għalkemm l-element ta’ kwalità kkonċernat, fis-sens ta’ dan l-anness, ikun diġà jinsab fl-iktar klassi baxxa, kwalunkwe degradazzjoni ta’ dan l-element tikkostitwixxi deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
28 |
F’dan il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi li, għall-finijiet tal-kontroll relatat mal-prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, “ma jittiħdux inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul”. |
|
29 |
Għalhekk, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni hija intiża b’mod partikolari sabiex tippermetti l-awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett li jkollu biss tali impatt temporanju fuq l-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, mingħajr ma jkun meħtieġ, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet kumulattivi previsti fl-Artikolu 4(7) tad-Direttiva 2000/60 u riprodotti, essenzjalment, fl-Artikolu R. 212–16 tal-Kodiċi tal-Ambjent huma ssodisfatti. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-gvernijiet li intervjenew kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu, essenzjalment, li, anki meta jipprovokaw deterjorament fis-sens indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuq l-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ ma jikkostitwixxux neċessarjament deterjorament ipprojbit mill-Artikolu 4(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/60, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-iżviluppi li jinsabu fid-dokument ta’ gwida msemmi fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, dawn jirreferu, b’mod partikolari, għall-frekwenza stabbilita, għall-istudju tal-effetti tal-attività tal-bniedem fuq l-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ, għall-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva u, għall-aġġornament tal-programmi ta’ miżuri, għall-Artikolu 11 tagħha, kif ukoll għall-intervalli ta’ kontroll li huma indikati, għall-finijiet tal-programmi għall-monitoraġġ tal-istat tal-ilmijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, fit-tabella li tinsab fil-punt 1.3.4, tal-Anness V tagħha. Issa, fl-assenza ta’ deterjorament ipprojbit, lanqas ma jkun hemm iktar lok għal deroga fis-sens tal-Artikolu 4(7) tal-istess direttiva. |
|
31 |
Madankollu, tali interpretazzjoni, hekk kif proposta b’mod partikolari mill-imsemmi dokument ta’ gwida li l-Avukat Ġenerali enfasizza n-natura ġuridikament mhux vinkolanti tiegħu fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma tirriżultax mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60 u hija, barra minn hekk, ikkontestata mill-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-għanijiet li hija ssegwi. Fil-fatt, filwaqt li l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ ma jimplikax li l-Istati Membri jkunu obbligati, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li jieħdu inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul meta jiġi stabbilit li tali impatti għandhom biss, min-natura tagħhom, effett żgħir fuq l-istat tal-korpi tal-ilma, u li konsegwentement huwa ftit probabbli li jikkawżaw deterjorament tagħhom, dan ma huwiex l-istess meta jiġi stabbilit li tali impatti jistgħu jipprovokaw deterjorament fis-sens indikat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, minkejja li dan għandu natura temporanja. |
|
32 |
Qabelxejn, mill-qari flimkien tal-paragrafi 1 u 6 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 jirriżulta li l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ jinkludi dak li jipprevjeni deterjorament temporanju tal-istat tal-imsemmija korpi. Fil-fatt, il-fatt li tiġi prevista, fl-Artikolu 4(6) ta’ din id-direttiva, deroga għal tali deterjorament jikkonferma li l-Artikolu 4(1)(a)(i) tal-imsemmija direttiva jobbliga lill-Istati Membri jipprevjenu wkoll dan id-deterjorament. |
|
33 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 2000/60, din għandha bħala għan li tistabbilixxi qafas għall-protezzjoni tal-ilmijiet interni tal-wiċċ, ilmijiet temporanji, ilmijiet tal-kosta u ilmijiet ta’ taħt l-art, jipprevjeni “aktar” [kull] degradazzjoni addizzjonali u jipproteġi u jżid l-istatus tal-ekosistemi akkwatiċi u, bil-kunsiderazzjoni tal-ħtiġiet tagħhom tal-ilma, ekosistemi terrestri u artijiet mistagħdra li jiddependu direttament fuq ekosistemi akkwatiċi. Bl-istess mod, il-premessa 32 ta’ din id-direttiva tirreferi għall-“ħtiġiet” li jiġi evitat “aktar” [kull] degradazzjoni addizzjonali tal-istat tal-ilmijiet. |
|
34 |
Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 jimponi żewġ għanijiet distinti, għalkemm intrinsikament marbuta. Minn naħa, konformement mal-Artikolu 4(1)(a)(i) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-miżuri neċessarji sabiex jipprevjenu d-deterjorament tal-istat tal-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ (obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament). Min-naħa l-oħra, skont dan l-Artikolu 4(1)(a)(ii) u (iii), l-Istati Membri għandhom jipproteġu, itejbu u jirrestawraw il-korpi kollha tal-ilma tal-wiċċ sabiex jilħqu stat tajjeb mhux iktar tard minn tmiem is-sena 2015 (obbligu ta’ titjib) (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen, C‑535/18, EU:C:2020:391, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
35 |
Għalhekk, l-obbligu li jiġi prekluż id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma ġie mogħti status awtonomu mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ma huwiex limitat għal strument fis-servizz tal-obbligu ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 49). |
|
36 |
Fir-rigward tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk enfasizzat li, bla ħsara għall-għoti ta’ deroga, kwalunkwe deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ għandu jiġi evitat (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, fir-rigward tal-kriterji li jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma, mill-istruttura tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60, u b’mod partikolari mill-paragrafi 6 u 7 tiegħu, jirriżulta li d-deterjoramenti tal-istat ta’ korp tal-ilma, anki jekk tranżitorji, huma awtorizzati biss taħt kundizzjonijiet stretti ħafna u li, konsegwentement, il-livell li lil hinn minnu huwa kkonstatat ksur tal-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma għandu jkun baxx daqs kemm huwa possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 67, kif ukoll tal‑24 ta’ Ġunju 2021, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Deterjorazzjoni taż-żona naturali ta’ Doñana), C‑559/19, EU:C:2021:512, punt 48). |
|
38 |
Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, f’dan il-kuntest, li d-Direttiva 2000/60 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192(1) TFUE). F’dan ir-rigward, il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tfakkar li, kif indikat fl-Artikolu 174 KE (li sar l-Artikolu 191 KE), il-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha tikkontribwixxi sabiex jinkisbu l-għanijiet ikkostitwiti mis-salvagwardja, mill-ħarsien u mit-titjib tal-kwalità tal-ambjent kif ukoll mill-użu għaqli u razzjonali tar-riżorsi naturali, għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipju ta’ azzjoni preventiva u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill- ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f’ras il-għajn. |
|
39 |
Issa, kemm l-għanijiet u l-prinċipji hekk imfakkra kif ukoll l-għan finali tad-Direttiva 2000/60 li jikkonsisti li jilħqu minimu ta’ “stat tajjeb” l-ilmijiet tal-wiċċ kollha tal-Unjoni u li dan l-istat jinżamm, hekk kif tħabbar fil-premessa 26 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 37), min-naħa tagħhom jikkonfermaw l-interpretazzjoni li, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4(6) u (7) tal-imsemmija direttiva u bla ħsara għall-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu, kull deterjorament tal-istat ta’ korp ta’ ilma, anki temporanju jew tranżitorju u għal żmien qasir, għandu jiġi evitat, fir-rigward tal-effetti ta’ ħsara fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem li jistgħu jirriżultaw minn dan. |
|
40 |
Ċertament, fil-prattika, fid-dawl tal-frekwenzi tal-monitoraġġ previsti fil-punt 1.3.4 tal-Anness V tad-Direttiva 2000/60, jista’ jseħħ li, fil-kuntest tal-monitoraġġ tal-istat tal-ilmijiet tal-wiċċ meħtieġ fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, ma tiġix skoperta degradazzjoni temporanja ta’ element ta’ kwalità fis-sens imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza. |
|
41 |
Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali frekwenzi tal-monitoraġġi mwettqa għal finijiet ta’ analiżi, ta’ sorveljanza u ta’ skoperta eventwali, li jistgħu, skont il-każ, jiġu estiżi minn xahar sa sitt snin, ma jistgħux jitqiesu bħala kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ deterjorament potenzjali tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ fil-kuntest tal-kontroll ex ante msemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza. Li tiġi aċċettata interpretazzjoni li deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ ta’ tul prevedibbli għalhekk jiġi kkalkolat f’xhur jew fi snin ma jmurx kontra l-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament, imsemmi fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, u li, għaldaqstant, proġett li jista’ jipprovoka tali deterjorament jista’ jiġi awtorizzat mingħajr ma jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri għalhekk mingħajr ebda kontroll, ikun manifestament inkompatibbli ma’ dak li ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza. |
|
42 |
Minbarra dan, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, interpretazzjoni li l-obbligu ta’ prevenzjoni ta’ deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ ikopri wkoll deterjorament temporanju għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul ma ċċaħħadx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 minn koerenza. Fil-fatt, bħal kull proġett ieħor li jista’ jipprovoka deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ, proġett li jista’ jipprovoka deterjorament temporanju għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul bħala prinċipju jista’ jingħata awtorizzazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva. |
|
43 |
F’dan il-kuntest, u fir-rigward, b’mod partikolari, tal-proġetti intiżi sabiex jipproteġu jew itejbu l-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ, bħall-proġetti msejħa “rinaturalizzazzjoni”, invokati mill-Gvern Franċiż, jidher għalhekk, b’mod partikolari, li, a priori, tali proġetti jissodisfaw interess ġenerali maġġuri jew li l-benefiċċji għall-ambjent u għas-soċjetà li huma marbuta mat-twettiq tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60 ser ikunu, fil-każ ta’ tali proġetti, inferjuri għall-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem, għaż-żamma tas-sigurtà tal-persuni u għall-iżvilupp sostenibbli li jirriżultaw minn dan, kif jirrikjedi l-Artikolu 4(7)(ċ) ta’ din id-direttiva. |
|
44 |
Fir-rigward tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 4(7)(b) tad-Direttiva 2000/60 li tipprovdi li “(r)-raġunijiet għal dawk il-modifikazzjonijiet jew alterazzjonijiet [għandhom ikunu] speċifikament stabbiliti u spjegati fil-pjan ta’ mmaniġġjar tal-baċin ta’ l-ilma meħtieġ skond l-Artikolu 13 [ta’ din id-direttiva] u l-għanijiet huma riveduti kull sitt snin;”, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑346/14, EU:C:2016:322, punti 66 u 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u mill-kliem tal-punt 5 tal-Parti A tal-Anness VII tal-imsemmija direttiva, li din tista’ titqies bħala ssodisfatta meta r-raġunijiet fl-oriġini tal-proġett ikkonċernat, jinsabu biss, fid-data tal-awtorizzazzjoni tal-imsemmi proġett, fid-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tiegħu. |
|
45 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, iż-żewġ domandi għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuqhom, sakemm ma jkunx manifest li tali impatti, min-natura tagħhom, għandhom biss ftit effett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati u li ma jistgħux iwasslu għal “deterjorament” tiegħu, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jipprovoka tali deterjorament, dan il-programm jew dan il-proġett jista’, anki jekk dan id-deterjorament ikun ta’ natura temporanja, jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L‑Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lill-Istati Membri, meta jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ programm jew ta’ proġett partikolari mal-għan ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilmijiet, li ma jiħdux inkunsiderazzjoni impatti temporanji għal żmien qasir u mingħajr konsegwenzi fit-tul fuqhom, sakemm ma jkunx manifest li tali impatti, min-natura tagħhom, għandhom biss ftit effett fuq l-istat tal-korpi tal-ilma kkonċernati u li ma jistgħux iwasslu għal “deterjorament” tiegħu, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ programm jew ta’ proġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddeterminaw li dan jista’ jipprovoka tali deterjorament, dan il-programm jew dan il-proġett jista’, anki jekk dan id-deterjorament ikun ta’ natura temporanja, jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7) tal-imsemmija direttiva jkunu ssodisfatti. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.