SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2008/115/KE – Detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija – Artikolu 16(1) – Effett dirett – Faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni – Kunċett – Detenzjoni f’ħabs – Kundizzjonijiet – Artikolu 18 – Sitwazzjoni ta’ emerġenza – Kunċett – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju effettiv”

Fil-Kawża C‑519/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura mibdija kontra

K

fil-preżenza ta’:

Landkreis Gifhorn,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, K. Jürimäe, President tat-Tielet Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tal-Ħames Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, I. Jarukaitis u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: D. Dittert, Kap tal-Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑16 ta’ Settembru 2021,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K, minn P. Fahlbusch u B. Böhlo, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn M. K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) u tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tneħħija mibdija kontra K dwar il-legalità tad-detenzjoni tiegħu fit-taqsima ta’ Langenhagen (il-Ġermanja) tal-ħabs ta’ Hannover (il-Ġermanja).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 3, 13 u 16 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(3)

Fl-4 ta’ Mejju 2005 il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa adotta ‘Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat’.

[...]

(13)

L-użu ta’ miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta’ l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji minimi għat-twettiq tar-ritorn forzat, b’kont meħud tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta’ titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ ordni individwali ta’ tneħħija [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 78)]. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattwaw diversi possibilitajiet biex jissorveljaw ir-ritorn furzat.

[...]

(16)

L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta’ tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.”

4

L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Dment li ma jistgħux jiġu applikati b’mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f’detenzjoni ċittadin ta’ pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta’ ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta’ tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta’ ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta’ tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista’ jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta’ tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.”

5

L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista’ jipprovdi akkomodazzjoni f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f’ħabs, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għandhom jitħallew - fuq talba - jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma’ rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.   Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta’ detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmumin f’detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b’informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma’ l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4.”

6

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija direttiva:

“1.   Minuri mhux akkumpanjati u familji b’minuri għandhom jiġu detenuti biss bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perijodu ta’ żmien adatt.

2.   Familji miżmumin f’detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b’akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.

3.   Minuri f’detenzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ ħin liberu, inkluż attivitajiet ta’ logħob u rikreazzjoni adatti għall-età tagħhom, u għandu jkollhom, skond it-tul tas-soġġorn tagħhom, aċċess għall-edukazzjoni.

4.   Minuri mhux akkumpanjati għandhom, sa fejn hu possibbli, jkunu provduti b’akkomodazzjoni f’istituzzjonijiet provduti b’persunal u faċilitajiet li jieħdu kont tal-bżonnijiet tal-persuni ta’ l-età tagħhom.

5.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja fil-kuntest tad-detenzjoni ta’ minuri sakemm titwettaq it-tneħħija.”

7

L-Artikolu 18 tal-istess direttiva, intitolat “Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   F’każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta’ piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni ta’ Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista’, sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi li jippermetti perijodi għar-reviżjoni ġudizzjarja itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) u li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.   Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.   L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta’ l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva.”

Id‑dritt Ġermaniż

8

L-Artikolu 62a(1) tal-Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet (il-Liġi dwar ir-Residenza, ix-Xogħol u l-Integrazzjoni tal-Barranin fit-Territorju Federali), tat‑30 ta’ Lulju 2004 (BGBI. 2008 I, p. 162), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mid‑29 ta’ Lulju 2017 sal‑20 ta’ Awwissu 2019 (iktar ’il qudiem il-“Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin”), kien jistipula:

“Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha titwettaq bħala prinċipju f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Jekk ma tkun teżisti ebda faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-persuna barranija tkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ titwettaq f’ħabsijiet oħrajn; f’dan il-każ, il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.”

9

L-Artikolu 1(22) taz-Zweites Gesetz zur besseren Durchsetzung der Ausreisepflicht (it-Tieni Liġi għat-Titjib tal-Implimentazzjoni tal-Obbligu ta’ Tluq mit-Territorju), tal‑15 ta’ Awwissu 2019 (BGB1. 2019 I, p. 1294, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019”), jipprovdi:

“L-Artikolu 62a(1) [tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin], huwa ssostitwit bit-test li ġej:

‘Il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. Meta diversi membri ta’ familja jitqiegħdu f’detenzjoni, dawn għandhom jingħataw akkomodazzjoni separata minn persuni oħra ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija. Huma għandhom jiġu żgurati privatezza adegwata.’”

10

L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Emenda oħra [għal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin] b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2022

L-Artikolu 62a(1) tal- [Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin], huwa ssostitwit bit-test li ġej:

‘Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha titwettaq bħala prinċipju f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Jekk ma tkun teżisti ebda faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni fit-territorju federali jew jekk il-persuna barranija tkun ta’ theddida serja għall-integrità fiżika u għall-ħajja ta’ terzi jew għal interessi legali importanti ta’ sigurtà interna, id-detenzjoni tista’ titwettaq f’ħabsijiet oħrajn; f’dan il-każ, il-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji. Meta diversi membri ta’ familja jitqiegħdu f’detenzjoni, dawn għandhom jingħataw akkomodazzjoni separata minn persuni oħra ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija. Huma għandhom jiġu żgurati privatezza adegwata.’”

11

Skont l-Artikolu 8 tal-Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019:

“Dħul fis-seħħ

(1) Bla ħsara għall-paragrafu 2, din il-liġi għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-promulgazzjoni tagħha.

(2) L-Artikolu 6 għandu jidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2022.”

12

L-espożizzjoni tal-motivi tal-abbozz tal-liġi li wasslet għal-Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019, kienet tippreċiża, b’mod partikolari:

“Bħala konsegwenza tal-emenda tal-Artikolu 62a(1), ma għadux iktar meħtieġ temporanjament, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, li l-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija jingħataw akkomodazzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni. Id-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija tista’ titwettaq temporanjament fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni kollha u, b’limitu ta’ 500 post, f’ħabsijiet. Jibqa’ impost li l-persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija u l-priġunieri ordinarji jkunu mifrudin. Ir-regola attwali li tirrigwarda l-akkomodazzjoni ta’ diversi membri tal-istess familja stabbilita fit-tielet u r-raba’ sentenza tal-Artikolu 62(a)(1), kif ukoll ir-rekwiżiti tal-Artikoli 16 u 17 tad-Direttiva 2008/115 jibqgħu barra minn hekk japplikaw ukoll. Barra minn hekk, għadu dejjem neċessarju li tiġi evalwata u li tiġi deċiża l-kwistjoni dwar jekk akkomodazzjoni f’ħabs hijiex aċċettabbli u legali fil-każ konkret, pereżempju fir-rigward ta’ persuni li jappartjenu għal grupp vulnerabbli. Huwa previst li l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Länder għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni sa 500 post għal persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija sabiex, b’teħid inkunsiderazzjoni taż-żieda prevista fin-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni tal-Länder, total ta’ madwar 1000 post ikun disponibbli għad-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija. [...] L-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 joħloq, għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, il-possibbiltà ta’ deroga mill-obbligu ta’ separazzjoni skont l-Artikolu 16(1), kif ukoll mir-rekwiżit li l-familji jkollhom post ta’ akkomodazzjoni separat, stabbilit fl-Artikolu 17(2). [...] Il-kundizzjoni sabiex tkun tista’ tintuża l-possibbiltà ta’ deroga prevista fl-Artikolu 18(1), hija li għadd eċċezzjonalment kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn iqiegħed piż fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni jew fuq il-persunal amministrattiv u ġudizzjarju li jeċċedi dawn il-kapaċitajiet. Din il-kundizzjoni hija ssodisfatta għal dak li jirrigwarda l-Ġermanja. Il-kapaċitajiet eżistenti fil-Ġermanja huma (fis‑27 ta’ Marzu 2019) ta’ madwar 487 post ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija fit-territorju federali kollu. Minħabba l-iżbilanċ bejn in-numru ta’ persuni suġġetti għal obbligu eżekuttiv li jitilqu mit-territorju u n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, huwa ċar li hemm piż eċċessiv fuq dawn il-kapaċitajiet eżistenti. Dan il-piż ikbar mill-kapaċitajiet jikkostitwixxi fil-fatt restrizzjoni sinjifikattiva li tfixkel l-implimentazzjoni tal-obbligu eżekuttiv ta’ tluq mit-territorju. Il-postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija eżistenti huma diġà użati bl-aħjar mod fil-livell federali permezz ta’ koordinazzjoni bejn il-Länder. Il-Gemeinsame Zentrum zur Unterstützung der Rückkehr (il-Faċilità Komuni ta’ Sostenn fir-Ritorn, (ZUR)) stabbilita matul is-sena 2017, hija intiża wkoll għat-titjib tal-amministrazzjoni tal-postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija. Ir-rata ta’ postijiet ta’ detenzjoni okkupati, fit-territorju federali kollu, permezz taz-ZUR hija ta’ madwar għaxra fil-mija. Dan ifisser li, fil-prattika, numru kbir ta’ applikazzjonijiet għat-tqegħid f’detenzjoni ma jistgħux jiġu ppreżentati, minkejja li l-kundizzjonijiet huma ssodisfatti. Barra minn hekk, kien imprevedibbli li l-piż jeċċedi l-kapaċitajiet b’dan il-mod. Peress li n-numru ta’ applikanti għal protezzjoni ġodda kien ilu snin nieżel b’mod kostanti, sal-2015, il-Länder kienu addattaw, matul is-snin, il-kapaċitajiet ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għall-bżonnijiet, li kienu inqas, billi naqqsu n-numru tagħhom. Bħala konsegwenza tat-tibdil tas-sitwazzjoni matul is-sena 2015 u taż-żieda qawwija tan-numru ta’ applikanti għal protezzjoni, l-ewwel obbligu tal-Istat Federali u tal-Länder kien li joħolqu kapaċitajiet sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-persuni. Dan l-obbligu jirriżulta fost oħrajn mid-dritt Ewropew, b’mod partikolari mid-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96), u mid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll, lil hinn, mill-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. F’din is-sitwazzjoni, it-teħid inkarigu tal-persuni li kienu għadhom kemm waslu kien ta’ prijorità fuq iż-żieda tal-kapaċitajiet ta’ detenzjoni, bil-għan li f’data sussegwenti (wara li l-proċedura ta’ applikazzjoni għall-ażil u ta’ appell tkun waslet fi tmiemha) jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, ir-regola derogatorja prevista fl-Artikolu 18 [ta’ din id-direttiva] għandha, ġustament, l-għan u l-iskop li f’tali sitwazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet jieħdu ħsieb bi prijorità t-teħid inkarigu tal-persuni li jkunu għadhom kemm waslu mingħajr ma jiksru, b’mod prevedibbli, obbligi fil-futur. [...] Wara li s-sitwazzjoni eċċezzjonali kienet spiċċat, il-Länder bdew immedjatament jiżviluppaw il-kapaċitajiet ta’ detenzjoni u diġà waslu sabiex żiedu n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal 487 għat-territorju federali kollu (fis‑27 ta’ Marzu 2019). Fid-dawl taż-żmien normalment meħtieġ għat-twettiq ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni u l-ħolqien ta’ faċilitajiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, adegwatezza kompleta tan-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għall-bżonnijiet attwali għadha ma ntlaħqitx. Fid-dawl tal-miżuri meħuda, huwa mistenni li n-numru ta’ postijiet ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandu jissodisfa l-bżonnijiet fit‑30 ta’ Ġunju 2022. Sa din id-data, is-sitwazzjoni eċċezzjonali tippersisti u għalhekk l-Artikolu 62a(1), fil-formulazzjoni attwali tiegħu, għandu jitħassar sa din id-data. Imbagħad, il-leġiżlazzjoni attwalment applikabbli terġa’ tidħol fis-seħħ.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

13

Skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu stess, K, ċittadin Pakistani, fid‑9 ta’ Ottubru 2015 daħal fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fl‑24 ta’ Mejju 2017, l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu ġiet miċħuda bħala manifestament infondata.

14

It-twissija ta’ tneħħija, adottata sussegwentement fil-konfront tiegħu, ilha eżekuttiva mis‑7 ta’ Ġunju 2017.

15

Fil‑11 ta’ Awwissu 2020, K ġie arrestat abbord xarabank fuq il-linja Berlin‑Brussell. Fl-istess jum, l-Amtsgericht Meppen (il-Qorti Distrettwali ta’ Meppen, il-Ġermanja) ordnat it-tqegħid tiegħu f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija sal‑25 ta’ Settembru 2020 inkluż u tqiegħed f’detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs ta’ Hannover.

16

Fl‑24 ta’ Settembru 2020, il-Landkreis Gifhorn (id-Distrett ta’ Gifhorn, il-Ġermanja) talab lill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja) tordna l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ K sat‑12 ta’ Novembru 2020. Fit-talba tiegħu, id-Distrett ta’ Gifhorn indika li kien previst li K jinżamm f’detenzjoni fit-taqsima ta’ Langenhagen tal-ħabs ta’ Hannover.

17

Permezz ta’ digriet tal‑25 ta’ Settembru 2020, wara li semgħet lil K, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) ordnat it-tqegħid tiegħu f’detenzjoni f’din it-taqsima sat‑12 ta’ Novembru 2020.

18

Fit‑28 ta’ Settembru 2020, K ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-istess qorti u nstema’, fil-kuntest ta’ din il-proċedura ġdida, fis‑7 ta’ Ottubru 2020.

19

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju, li tqis li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ta’ K biss fir-rigward tat-tqegħid f’detenzjoni tiegħu bejn il‑25 ta’ Settembru u t‑2 ta’ Ottubru 2020, tirrileva li t-taqsima ta’ Langenhagen bdiet topera matul ix-xahar ta’ Mejju 2000 u li hija mmexxija minn uffiċjal tal-amministrazzjoni penitenzjarja. Il-ħabs ta’ Hannover, li miegħu hija marbuta amministrattivament, jista’ jilqa’, fl-intier tiegħu, madwar 600 priġunier u huwa mmexxi minn direttur, li huwa wkoll responsabbli mit-taqsima ta’ Langenhagen. Il-ħabs ta’ Hannover, kollu kemm hu, jinsab taħt is-sorveljanza tal-Ministru għall-Ġustizzja.

20

Din il-qorti tenfasizza wkoll li l-kapaċitajiet tat-taqsima ta’ Langenhagen, li kienu jippermettulha inizjalment li tilqa’ sa 171 persuna miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija, tnaqqsu b’mod ċar. Attwalment, huwa possibbli li jinżammu 48 persuna f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija. Il-kumpless huwa magħluq b’ċint bi xbieki tal-wajer għoljin u jinkludi tliet binjiet b’żewġ sulari ta’ daqs simili, li t-twieqi tagħhom huma mgħammra b’vireg, kif ukoll binja oħra żgħira u vireg kbar u jinkludi tliet binjiet ta’ daqs simili, li t-twieqi tagħhom huma mgħammra b’vireg, kif ukoll bini żgħir ieħor u żona għall-vetturi, użati bħala dħul għall-viżitaturi u għall-persunal tal-istabbiliment, kif ukoll għad-dħul u l-ħruġ ta’ vetturi.

21

Fl-ewwel wieħed minn dawn it-tliet binjiet jinżammu ċittadini ta’ pajjiżi terzi maskili miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija. It-tieni bini jilqa’ n-nisa u, skont ir-rata ta’ okkupazzjoni, irġiel, ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija. Il-persuni hekk miżmuma jistgħu jirċievu żjara kuljum, iqattgħu diversi sigħat fil-miftuħ, jaċċedu għall-Internet u jkollhom telefon ċellulari. Il-kmamar ma humiex magħluqa u huma okkupati biss minn persuna waħda. Madankollu, fuq talba tagħhom, diversi persuni jistgħu jiġu akkomodati flimkien fl-istess kamra. Fil-kuritur hemm doċċa komuni u latrini, aċċessibbli liberament il-ġurnata kollha.

22

It-tielet binja, li ngħalqet temporanjament mis-sena 2013, intużat, tal-inqas mill-adozzjoni tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Settembru 2020 u sat-2 ta’ Ottubru 2020, sabiex tilqa’ priġunieri ordinarji li jiskontaw pieni ta’ priġunerija għaliex naqsu milli jħallsu multa jew sentenzi qosra ta’ ħabs, li jistgħu jkunu sa tliet xhur. Il-ħabs kien jiżgura li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija, jiġu mifrudin minn dawn il-priġunieri. Ma kienx jeżisti aċċess dirett bejn il-binjiet okkupati miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jistennew it-tneħħija u l-binjiet fejn kienu jinżammu l-imsemmija priġunieri.

23

Il-qorti tar-rinviju tiddubita dwar il-fatt li, matul dan il-perijodu, it-taqsima ta’ Langenhagen kienet tikkostitwixxi “ċentru speċjalizzat ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, peress li din it-taqsima kienet tilqa’, minbarra persuni miżmuma għal finijiet ta’ tneħħija, ukoll priġunieri ordinarji u li separazzjoni ġeografika u organizzattiva ma kinitx żgurata hemmhekk. Fil-fatt, il-binjiet ta’ din it-taqsima jinsabu fil-viċinanza immedjata ta’ xulxin u huma aċċessibbli biss – b’mod partikolari għall-persunal tal-ħabs – minn żona ta’ dħul komuni.

24

Barra minn hekk, din il-qorti tirrileva li, minkejja li t-taqsima ta’ Langenhagen għandha d-direttriċi tagħha stess, l-istess persunal tal-ħabs jintervjeni hemmhekk sabiex jieħu ħsieb kemm persuni kkundannati kif ukoll persuni ddetenuti għal finijiet ta’ tneħħija.

25

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tqis li l-emenda magħmula fl-Artikolu 62a(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza tal-Barranin permezz tal-Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019, u li tippermetti, sal‑1 ta’ Lulju 2022, li ssir deroga mill-obbligu, li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment jinżammu f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

26

Fil-fatt, għalkemm, sabiex jidderoga minn dan l-Artikolu 16(1), il-leġiżlatur Ġermaniż ċertament invoka l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, din il-qorti tenfasizza li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, fid-data tal-adozzjoni tal-Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019, il-kundizzjonijiet imposti minn dan l-Artikolu 18 kinux issodisfatti, fi kwalunkwe każ għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet ma għadhomx issodisfatti. Fil-fatt, anki jekk jista’ jkun li l-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jkollhom piż kbir minħabba bżonnijiet ta’ tbegħid fiżiku marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19, dan il-piż madankollu ma huwiex marbut mal-preżenza ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, kif jeżiġi dan l-Artikolu 18(1). Barra minn hekk, il-leġiżlatur Ġermaniż ma pprovdiex informazzjoni dwar ir-rata ta’ okkupanza tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni, u lanqas ma ppreċiża n-numru provviżorju ta’ ċittadin ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu eżekuttiv li jitilqu mit-territorju u, fosthom, in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment li fir-rigward tagħhom jistgħu jeżistu raġunijiet ta’ detenzjoni.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk il-qorti nazzjonali għandhiex hija stess tivverifika l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 18, f’kull proċedura ta’ tqegħid f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija jew jekk għandhiex, għall-kuntrarju, taċċetta l-konstatazzjoni magħmula mil-leġiżlatur nazzjonali, mingħajr ma twettaq hija stess eżami fil-każ konkret.

28

Fil-każ li l-qorti li tordna t-tqegħid f’detenzjoni jkollha tiżgura ruħha hija stess mill-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 18, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 jobbligahiex teskludi l-applikazzjoni tal-Liġi tal‑15 ta’ Awwissu 2019 meta tali sitwazzjoni ta’ emerġenza ma tkunx stabbilita.

29

Jekk ir-risposta għal din id-domanda kellha tkun fl-affermattiv, ikun meħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk is-sempliċi integrazzjoni organizzattiva tal-faċilità ta’ detenzjoni fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja hijiex biżżejjed sabiex teskludi li din tista’ tiġi kkunsidrata bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115, u, jekk le, jekk din il-kwalifika bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” hijiex eskluża minħabba l-fatt li waħda mill-binjiet ta’ din il-faċilità tintuża għal finijiet ta’ priġunerija ta’ persuni kkundannati kriminalment.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva [2008/115], għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali li tiddeċiedi dwar detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija għandha teżamina l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik id-dispożizzjoni f’kull każ individwali, b’mod partikolari li s-sitwazzjoni eċċezzjonali għadha tippersisti, fil-każ fejn il-leġiżlatur nazzjonali, abbażi [ta’ dan l-]Artikolu 18(1), ikun idderoga fil-leġiżlazzjoni nazzjonali mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jitqiegħdu temporanjament f’ħabs sal-1 ta’ Lulju 2022, minkejja li faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni huma disponibbli fl-Istat Membru u minkejja li ma hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva li teħtieġ dan?

3)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx ‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ intiża għad-detenzjoni ta’ persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jekk:

il-‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ tkun indirettament suġġetta għall-istess membru tal-gvern bħall-faċilitajiet intiżi għad-detenzjoni tal-priġunieri, jiġifieri l-Ministru tal-Ġustizzja,

il-‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ tkun organizzata bħala taqsima ta’ ħabs u għalhekk, għalkemm għandha direttur tagħha stess, peress li hija taqsima ta’ ħabs tinsab taħt l-amministrazzjoni ta’ dan il-ħabs?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda:

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li hemm akkomodazzjoni f’‘faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni’ intiża għad-detenzjoni ta’ persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija, jekk ħabs jistabbilixxi taqsima speċjali bħala ċentru ta’ detenzjoni, jekk din it-taqsima tokkupa żona speċjali bi tliet binjiet imdawra b’ċint u waħda minn dawn it-tliet binjiet tkun temporanjament okkupata esklużivament minn priġunieri li qed jiskontaw pieni ta’ priġunerija għaliex naqsu milli jħallsu multa jew sentenzi qosra ta’ ħabs, fejn il-ħabs jiżgura li l-persuni detenuti għal finijiet ta’ tneħħija jiġu sseparati mill-priġunieri l-oħra, b’mod partikolari li kull binja jkollha l-faċilitajiet tagħha stess (ħanut tal-ħwejjeġ tagħha, infermerija tagħha, sala għall-isport tagħha) u fejn il-bitħa/ż-żona ta’ barra tkun viżibbli mid-djar kollha, iżda jkun hemm żona separata għall-priġunieri ta’ kull binja, imdawwra b’ċint ta’ xbieki tal-wajer, b’mod li ma jkun hemm l-ebda aċċess dirett bejn il-binjiet?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

31

B’deċiżjoni tat‑18 ta’ Novembru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lil din il-kawża abbażi tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

32

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati fl-ewwel lok u flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li taqsima speċifika ta’ ħabs li, minn naħa, filwaqt li għandha d-direttur tagħha stess, hija suġġetta għall-amministrazzjoni ta’ dan l-istabbiliment u suġġetta għall-awtorità tal-Ministru li għandu l-awtorità fuq il-ħabsijiet u li fiha, min-naħa l-oħra, ċittadini ta’ pajjiżi terzi huma miżmuma, għal finijiet ta’ tneħħija, f’binjiet speċifiċi li għandhom il-faċilitajiet tagħhom stess u huma iżolati mill-binjiet l-oħra ta’ dik it-taqsima li fihom jinsabu persuni kkundannati kriminalment, tista’ titqies bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni.

33

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, fl-ewwel lok għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li la l-Artikolu 16 u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2008/115 ma jiddefinixxu dak li għandu jinftiehem b’dan il-kunċett. Minn dan isegwi li dan għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponuh fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-imsemmi kliem (sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Staatssecretaris van Financiën (Rata mnaqqsa tal-VAT għal afrodiżijaċi),C‑331/19, EU:C:2020:786, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat fl-ewwel lok li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva tistabbilixxi l-prinċipju li d-detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment għandha titwettaq f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan isegwi li l-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, huma intiżi sabiex jippermettu lill-Istati Membri li jeżegwixxu deċiżjoni li tordna, skont l-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, jiġifieri miżura koerċittiva li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mil-libertà ta’ moviment tagħha u tiżolaha mill-bqija tal-popolazzjoni, billi timponilha li tibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság,C‑924/19 PPU u C-925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 223225).

36

Mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 16(1) jirriżulta wkoll li l-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni huma distinti mill-ħabsijiet, u dan jimplika li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni f’dawn il-faċilitajiet għandhom ikollhom ċerti karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-kundizzjonijiet normali ta’ eżekuzzjoni tal-pieni li jċaħħdu l-libertà f’ħabsijiet.

37

It-tieni, mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta espliċitament li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju ta’ Stat Membru tista’, fl-assenza ta’ miżuri oħra suffiċjenti, iżda inqas koerċittivi, li jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv, tiġi ġġustifikata biss sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn ta’ dan iċ-ċittadin u/jew sabiex titwettaq it-tneħħija tiegħu, b’mod partikolari meta jkun jeżisti riskju ta’ ħarba jew meta l-imsemmi ċittadin jevita jew ifixkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċedura ta’ tneħħija. Għalhekk, huwa biss fil-każ li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-forma ta’ tneħħija tirriskja, fid-dawl ta’ evalwazzjoni ta’ kull sitwazzjoni speċifika, li tiġi kompromessa bl-aġir tal-persuna kkonċernata li l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għaċ-ċaħda tal-libertà ta’ din tal-aħħar permezz ta’ detenzjoni (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punti 268269 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Minn dan isegwi li, meta tiġi ordnata għal finijiet ta’ tneħħija, id-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn u ma għandha ebda għan punittiv, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu.

39

It-tielet, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2008/115 hija intiża li tistabbilixxi politika effettiva ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni b’osservanza sħiħa tad-drittijiet fundamentali kif ukoll tad-dinjità tal-persuni kkonċernati (sentenza tal‑14 ta’ Jannar 2021, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Ritorn ta’ minuri mhux akkumpanjat),C‑441/19, EU:C:2021:9, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, għandu b’mod iktar partikolari jiġi enfasizzat li kwalunkwe detenzjoni li taqa’ taħt id-Direttiva 2008/115 hija rregolata b’mod strett mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tal-imsemmija direttiva, b’mod li jiġu ggarantiti, minn naħa, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jirrigwarda l-mezzi użati u l-għanijiet imfittxija u, min-naħa l-oħra, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kkonċernati ta’ pajjiżi terzi (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 274 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Għalhekk, il-miżuri ta’ detenzjoni adottati taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/115 għandhom, b’mod partikolari, ma jiksrux id-dritt għal-libertà taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ tali miżuri, kif iggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”).

42

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, inkwantu l-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li s-sens u l-portata ta’ dawn tal-aħħar huma l-istess bħal dak li tagħtihom din il-konvenzjoni, filwaqt li jippreċiża li d-dritt tal-Unjoni jista’ jagħti protezzjoni iktar estensiva. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta, għandu għalhekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5 tal-KEDB bħala limitu minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37).

43

Issa, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 5(1) tal-KEDB jeħtieġ li “l-post u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom ikunu xierqa” u li “għandha teżisti rabta bejn il-motiv invokat għaċ-ċaħda awtorizzata [tal-libertà] u l-post u s-sistema ta’ detenzjoni”, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li tali detenzjoni tista’ tapplika għal persuni “li, jekk ikun il-każ, ma wettqux ksur ieħor għajr dawk marbuta mar-residenza” (Qorti EDB, 13 ta’ Diċembru 2011, Kanagaratnam et vs Il‑Belġju, ECHR:2011:1213JUD001529709, punt 84, kif ukoll Qorti EDB, 28 ta’ Frar 2019, H.A. et vs Il‑Greċja, ECHR:2019:0228JUD001995116, punt 196).

44

Ir-raba’, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 3 tad-Direttiva 2008/115 tirreferi għal-“linj[i] gwida dwar ir-ritorn furzat”, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa. Skont l-għaxar wieħed minn dawn il-prinċipji, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi miżmuma għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom “normalment għandhom jitqiegħdu, fl-iqsar żmien, f’postijiet speċjalment assenjati għal dan il-għan, li joffru kundizzjonijiet materjali u sistema adattati għall-istatus ġuridiku tagħhom, u li għandhom persunal bi kwalifiki xierqa”[traduzzjoni mhux uffiċjali].

45

Mill-punti 34 sa 44 ta’ din is-sentenza jirriżulta li “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, hija kkaratterizzata minn tqassim u minn tagħmir tal-bini tiegħu kif ukoll minn modalitajiet ta’ organizzazzjoni u ta’ funzjonament li huma ta’ natura li jobbligaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li jkun jinsab hemmhekk sabiex jibqa’ b’mod permanenti f’perimetru ristrett u magħluq, filwaqt li jillimita tali restrizzjoni għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi żgurata preparazzjoni effettiva tat-tneħħija tiegħu. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni applikabbli f’tali faċilità għandhom ikunu tali li jevitaw, sa fejn huwa possibbli, li d-detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tkun tixbah ħafna lil qfil f’ambjent ta’ ħabs, li huwa adegwat għal detenzjoni għal finijiet punittivi.

46

Barra minn hekk, dawn il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni għandhom ikunu maħsuba b’tali mod li kemm id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta kif ukoll id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/115 jiġu rrispettati.

47

Fit-tieni lok, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ speċifiku. Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-klassifikazzjonijiet ġuridiċi neċessarji għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħtiha l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex tiggwidaha f’din l-evalwazzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing, C‑242/18, EU:C:2019:558, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’din il-perspettiva, għandu jiġi rrilevat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u wara evalwazzjoni globali tagħhom, jekk il-post u l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikkunsidrati globalment, humiex xierqa għal detenzjoni ordnata skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115.

49

Għal dan l-għan, għandu jiġi ppreċiżat, l-ewwel, li diversi elementi rilevanti, li jistgħu jiggwidaw l-evalwazzjoni globali li għandha twettaq dik il-qorti, jinsabu, b’mod partikolari, fl-għaxar u l-ħdax-il linja gwida dwar ir-ritorn furzat, adottati mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropea, u li għalihom tirreferi l-premessa 3 ta’ dik id-direttiva.

50

It-tieni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sempliċi fatt li post ta’ detenzjoni, li għandu l-istruttura ta’ tmexxija tiegħu stess, ikun marbut fuq il-livell amministrattiv ma’ awtorità li għandha wkoll kompetenzi fir-rigward ta’ ħabsijiet ma huwiex biżżejjed sabiex jeskludi li dan il-post jiġi kklassifikat bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115. Fil-fatt, tali rabta ta’ natura purament amministrattiva hija, bħala prinċipju, irrilevanti f’dan ir-rigward. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss kieku l-applikazzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet ta’ detenzjoni kienet marbuta ma’ tali rabta.

51

It-tielet, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, meta Stat Membru ma jkunx jista’ jqiegħed liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom, f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni u jkollu jżommhom f’ħabs, dawn iċ-ċittadini għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

52

Għaldaqstant, is-sempliċi separazzjoni, fi ħdan l-istess faċilità ta’ detenzjoni, taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment u tal-priġunieri ordinarji ma hijiex biżżejjed sabiex jitqies li l-parti minn din il-faċilità li fi ħdanha dawn iċ-ċittadini jinżammu għall-finijiet ta’ tneħħija tikkostitwixxi “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

53

Madankollu, u jekk kemm-il darba tali separazzjoni tkun effettivament iggarantita, il-klassifikazzjoni ta’ stabbiliment bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni” ma hijiex madankollu awtomatikament eskluża għar-raġuni li, bħal f’dan il-każ, parti separata minn kumpless li fih ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinżammu għall-finijiet ta’ tneħħija sservi sabiex jinżammu persuni kkundannati kriminalment.

54

Fil-fatt, għalkemm tali konfigurazzjoni għandha ċertament tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar għandha wkoll tagħti attenzjoni partikolari għat-tqassim tal-bini ddedikat speċifikament għad-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għar-regoli li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tagħhom kif ukoll għall-klassifikazzjoni speċifika u għall-attribuzzjonijiet tal-persunal responsabbli mill-istabbiliment li fih isseħħ din id-detenzjoni u għandha tiddetermina jekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-limitazzjoni imposta fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati tkun limitata għal dak li huwa neċessarju sabiex tiġi ggarantita proċedura effikaċi ta’ ritorn u tevita, sa fejn possibbli, li l-imsemmija detenzjoni tiġi tixbah lil qfil f’ambjent ta’ ħabs li huwa xieraq għal detenzjoni għal finijiet ta’ punizzjoni.

55

F’din il-perspettiva, il-fatt li r-regoli nazzjonali dwar l-eżekuzzjoni tal-pieni huma applikabbli, anki jekk b’analoġija, għad-detenzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm isseħħ it-tneħħija tagħhom jikkostitwixxi ħjiel qawwi li tali detenzjoni ma sseħħx f’“faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115.

56

Min-naħa l-oħra, il-fatt li tal-inqas il-parti l-kbira tal-persunal responsabbli sabiex jirregola d-detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fid-dawl tat-tneħħija tagħhom u l-persuni prinċipali responsabbli mill-funzjonament tal-istabbiliment li fih isseħħ id-detenzjoni għandhom taħriġ speċifiku għal tali regolazzjoni jikkostitwixxi ħjiel favur il-klassifikazzjoni ta’ dan l-istabbiliment bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”. L-istess japplika għall-fatt li l-persunal f’kuntatt dirett ma’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġi esklużivament assenjat għall-faċilità li fiha sseħħ id-detenzjoni tagħhom u mhux, simultanjament, f’ċentru li jservi għall-priġunerija ta’ persuni kkundannati kriminalment.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandu jiġi interpretat fis-sens li taqsima speċifika ta’ ħabs li, minn naħa, filwaqt li jkollha d-direttur tagħha stess, hija suġġetta għall-amministrazzjoni ta’ dan l-istabbiliment u hija suġġetta għall-awtorità tal-Ministru li għandu l-awtorità fuq il-ħabsijiet u li fiha, min-naħa l-oħra, jinżammu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għal finijiet ta’ tneħħija, f’binjiet speċifiċi li jkollhom il-faċilitajiet tagħhom stess u li jkunu iżolati mill-binjiet l-oħra ta’ dik it-taqsima li fihom jinżammu persuni kkundannati kriminalment, tista’ titqies bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni applikabbli għal dawk iċ-ċittadini jevitaw, sa fejn possibbli, li din id-detenzjoni tkun tixbah lil qfil f’ambjent ta’ ħabs u jekk kemm-il darba dawn ikunu mfassla b’mod li d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta kif ukoll id-drittijiet sanċiti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 ta’ dik id-direttiva jiġu rrispettati.

Fuq l‑ewwel domanda

58

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (3) tad-Direttiva 2008/115, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali li hija mitluba tordna t-tqegħid f’detenzjoni jew l-estensjoni tad-detenzjoni, f’ħabs, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija għandha tkun tista’ tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom dan l-Artikolu 18 jissuġġetta l-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi li dan iċ-ċittadin ikun suġġett għal detenzjoni f’ħabs.

59

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li d-detenzjoni u l-estensjoni tagħha huma ta’ natura analoga, sa fejn it-tnejn li huma għandhom l-effett li jċaħħdu mil-libertà liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz sabiex jiġi ppreparat ir-ritorn tiegħu u/jew titwettaq it-tneħħija tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 44).

60

Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 jippermetti lil Stat Membru jieħu miżuri ta’ emerġenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jidderoga minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva, meta numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn jimponi piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni tiegħu u sakemm din is-sitwazzjoni eċċezzjonali tippersisti. Il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 18 jippreċiża wkoll li l-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu ma jawtorizzax lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom li jieħdu l-miżuri kollha xierqa, sew jekk ġenerali jew partikolari, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/115.

61

Minn dan isegwi li Stat Membru li jadotta leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, jibqa’ obbligat josserva r-regoli, minbarra dawk previsti fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(2) tal-imsemmija direttiva, li jirregolaw it-tqegħid f’detenzjoni u l-estensjoni tad-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment.

62

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn hija ta’ natura li tippreġudika d-dritt għal-libertà taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, deċiżjoni li tordna t-tqegħid tiegħu f’detenzjoni jew l-estensjoni tad-detenzjoni tiegħu hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji stretti, jiġifieri, b’mod partikolari, il-protezzjoni kontra l-arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 40). Issa, tali protezzjoni timplika, fost l-oħrajn, li detenzjoni tista’ tiġi ordnata jew estiża biss b’osservanza tar-regoli ġenerali u astratti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tagħha.

63

Barra minn hekk, ikun kuntrarju għall-essenza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta, li ebda qorti ma tkunx tista’ teżamina jekk deċiżjoni li tordna detenzjoni, skont id-Direttiva 2008/115, tikkonformax mad-drittijiet u mal-libertajiet li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment fit-territorju ta’ Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 290).

64

Minn dan isegwi li, meta qorti tintalab, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, tordna, abbażi ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timplimenta l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, li d-detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija tiġi eżegwita f’ħabs jew li d-detenzjoni ta’ dan iċ-ċittadin f’tali stabbiliment tiġi estiża, din il-qorti għandha tkun f’pożizzjoni li qabel tagħti d-deċiżjoni tagħha twettaq eżami tal-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, li tivverifika jekk dik tal-aħħar hijiex konformi ma’ dak li jawtorizza dan l-Artikolu 18 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2021, Spetsializirana prokuratura (Dikjarazzjoni ta’ drittijiet),C‑649/19, EU:C:2021:75, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Għal dan il-għan, din il-qorti għandha tkun tista’ tiddeċiedi fuq kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti sabiex tiddetermina jekk, lil hinn mill-prinċipju nnifsu tad-detenzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, il-modalitajiet derogatorji li fihom din ser tiġi eżegwita, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, humiex iġġustifikati. B’hekk, l-imsemmija qorti għandha tkun tista’ tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatti u kif ukoll il-provi invokati mill-awtorità amministrattiva li titlob it-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs kif ukoll kwalunkwe osservazzjoni eventwali taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz. Barra minn hekk, hija għandha tkun f’pożizzjoni li tfittex kull element ieħor rilevanti għad-deċiżjoni tagħha fil-każ li tqis li dan huwa neċessarju. Minn dan isegwi li s-setgħat li l-awtorità ġudizzjarja għandha fl-ebda każ ma jistgħu jkunu limitati biss għall-elementi ppreżentati mill-awtorità amministrattiva kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Mahdi, C‑146/14 PPU, EU:C:2014:1320, punt 62).

66

Fl-aħħar, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Ġermaniż, l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/115, li jinforma lill-Kummissjoni bil-fatt li huwa jirrikorri għall-miżuri eċċezzjonali awtorizzati mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, bħat-tmiem tar-raġunijiet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dawn il-miżuri, ma huwiex ta’ natura li jbiddel tali konklużjoni. Fil-fatt, din il-proċedura ta’ sempliċi notifika ma hijiex ekwivalenti għal eżami ġudizzjarju tal-legalità tal-miżuri ta’ detenzjoni li jistgħu jiġu ordnati abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

67

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li tintalab, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tordna t-tqegħid f’detenzjoni jew l-estensjoni tad-detenzjoni, f’ħabs, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija għandha tkun tista’ tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom dan l-Artikolu 18 jissuġġetta l-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi li dan iċ-ċittadin jkun is-suġġett ta’ detenzjoni f’ħabs.

Fuq it‑tieni domanda

68

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ teskludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti, b’mod temporanju, li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu irregolarment jinżammu, għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, f’ħabsijiet, mifrudin mill-priġunieri ordinarji, meta l-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta l-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma humiex jew ma għadhomx issodisfatti.

69

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri huma awtorizzati jidderogaw mill-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, li jgħid li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jinżammu, għal finijiet ta’ tneħħija, f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, kemm skont it-tieni sentenza ta’ dan il-paragrafu kif ukoll skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 3639).

70

Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari, u minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, għandhom, għaldaqstant, jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jidderoga, mhux biss skont dan l-Artikolu 18, iżda wkoll skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, mill-obbligu li tiġi eżegwita miżura ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija f’faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni, qabel ma jiġi eżaminat jekk, meta ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma tkun applikabbli, qorti ta’ Stat Membru tistax tinjora l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru li tawtorizza temporanjament id-detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’ħabsijiet, mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

71

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jidderogaw minn ċerti prinċipji stabbiliti minn din id-direttiva meta l-preżenza, fit-territorju tagħhom, ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn timponi piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tagħhom, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

72

Issa, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li s-sempliċi preżenza ta’ numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ ritorn fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma tippermettix li jintwera li l-kundizzjonijiet imposti fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 huma ssodisfatti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 15(1) tagħha, parti biss minn dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tista’ titqiegħed f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija u, għaldaqstant, timponi piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

73

Għaldaqstant, l-implimentazzjoni, minn Stat Membru, tal-possibbiltà ta’ deroga mogħtija lilu fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 timplika li dan l-Istat Membru jkun f’pożizzjoni li juri li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni li tordna d-detenzjoni tagħhom għal finijiet ta’ tneħħija huwa tant għoli li jimponi piż kbir u mhux previst fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni li jinsabu fit-territorju kollu tiegħu.

74

F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, il-kundizzjoni speċifika dwar il-kobor tal-piż li għandu jaqa’ fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 ma jeżiġix li l-kapaċitajiet ta’ dawn il-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jkunu fit-tul u integralment saturati, iżda biss li dawn il-kapaċitajiet ikunu strutturalment qrib is-saturazzjoni.

75

Il-fatt li ċerti verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, bħall-verżjoni Ġermaniża, jirreferu għal “tagħbija żejda” (Überlastung) tal-kapaċitajiet ta’ dawn il-faċilitajiet ma jbiddilx tali konstatazzjoni. Fil-fatt, verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni sempliċement isemmu piż “kbir”, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Franċiża u dik Olandiża (zwaar worden belast), jew piż “importanti”, “kunsiderevoli” jew “kbir”, bħall-verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Taljana u Litwana (importante, notevole u didelė).

76

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni purament letterali ta’ verżjoni lingwistika waħda jew ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, bl-esklużjoni tal-oħrajn, ma tistax tipprevali, u dan peress li l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-Unjoni teżiġi li dawn jiġu interpretati fid-dawl, b’mod partikolari, tal-verżjonijiet imfassla bil-lingwi kollha. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha din id-dispożizzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo, C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punt 72).

77

F’dan ir-rigward, għalkemm, kif ġie rrilevat fil-punt 71 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 għandu ċertament jiġi interpretat b’mod strett, din l-interpretazzjoni għandha, madankollu, tkun konformi wkoll mal-għan imfittex minn dan l-artikolu u ma tistax iċċaħħdu mill-effetti tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40). Issa, il-possibbiltà ta’ deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 li dan l-Artikolu 18 jagħti lill-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn minkejja s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li huma jaffaċċjaw, tiġi mċaħħda ħafna mill-effett tagħha li kieku Stat Membru jkun imxekkel milli jadotta leġiżlazzjoni li tawtorizza, matul ċertu perijodu, it-tqegħid f’detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’ħabs sempliċement minħabba li, matul dan il-perijodu, isiru disponibbli postijiet jew jistgħu jsiru disponibbli postijiet, anki jekk għal żmien qasir u f’ammont żgħir ħafna, f’ċerti faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni li jinsabu fit-territorju tiegħu.

78

Għaldaqstant, Stat Membru jista’ jadotta, skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, leġiżlazzjoni li tippermetti t-tqegħid ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija f’ħabsijiet, anki jekk ma huwiex eskluż li, fil-perijodu li matulu dan l-Istat Membru jagħmel użu minn tali fakultà, xi postijiet ikunu temporanjament disponibbli f’ċerti faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni fit-territorju tiegħu.

79

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kundizzjoni speċifika dwar in-natura mhux prevista tal-piż li għandu jaqa’ fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 2008/115, il-miżuri li jidderogaw mill-Artikolu 16(1) u mill-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva li jistgħu jiġu adottati minn Stat Membru, skont dan l-Artikolu 18, huma miżuri ta’ emerġenza, ta’ natura eċċezzjonali. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2008/115 għandhom, bħala prinċipju, ikunu f’pożizzjoni li jwettqu d-detenzjoni f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Bero u Bouzalmate, C‑473/13 u C‑514/13, EU:C:2014:2095, punt 29).

80

L-Istat Membru kkonċernat għandu, għaldaqstant, ikun jista’ juri li, fid-data li fiha adotta tali miżuri derogatorji, huwa ma setax jiġi kkritikat b’mod raġonevoli talli ma antiċipax iktar il-piż kbir li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ tqegħid f’detenzjoni, f’din id-data ser iqiegħdu piż, fuq il-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni li jinsabu fit-territorju tiegħu jew, tal-inqas, li ma setax jiġi kkritikat b’mod raġonevoli talli ma adottax, f’din id-data, miżuri strutturali suffiċjenti sabiex jittaffa tali piż fuq il-kapaċitajiet ta’ dawn il-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

81

Minn dan isegwi li Stat Membru ma jistax, b’mod partikolari, jinvoka l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 meta l-piż kbir fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tiegħu ma jkunx il-konsegwenza ta’ żieda mhux mistennija fin-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu suġġetti għal miżura ta’ detenzjoni, iżda jkun biss ikkawżat mit-tnaqqis tan-numru ta’ postijiet disponibbli f’dawn il-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni jew minn nuqqas ta’ antiċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali.

82

Fit-tielet lok, huwa importanti wkoll li l-imsemmi Stat Membru jkun jista’ juri li l-piż kbir, fis-sens tal-punt 74 tas-sentenza preżenti, jippersisti tul il-perijodu kollu li matulu huwa jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, sabiex jidderoga mill-prinċipju stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, minn dan l-Artikolu 18(1) jirriżulta espressament li tali miżuri għandhom jieqfu jipproduċu l-effetti tagħhom hekk kif is-sitwazzjoni ta’ emerġenza deskritta f’din id-dispożizzjoni tispiċċa.

83

Barra minn hekk, dan l-Istat Membru għandu jkun f’pożizzjoni li jagħti prova, matul il-perijodu kollu li fih jimplimenta l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, li għadu ma kienx possibbli għalih li jadotta l-miżuri strutturali suffiċjenti, fis-sens tal-punt 80 ta’ din is-sentenza, sabiex itaffi dan il-piż kbir fuq il-kapaċitajiet ta’ dawn il-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

84

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115 jawtorizza, għalhekk, lil Stat Membru jżomm fis-seħħ leġiżlazzjoni li tippermetti, b’mod temporanju, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jinżammu, għal finijiet ta’ tneħħija, f’ħabsijiet sakemm ma jkunx jista’ raġonevolment jiġi mistenni minn dan l-Istat Membru li jġib fi tmiemu l-piż kbir, li seħħ b’mod imprevist, li jkompli jagħfas fuq il-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni kollha tiegħu, minħabba n-numru eċċezzjonalment għoli ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma suġġett għal deċiżjoni li tordna d-detenzjoni tagħhom għal finijiet ta’ tneħħija.

85

L-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet tista’ teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ikunu legalment obbligati jeżaminaw mill-ġdid, perjodikament, il-persistenza ta’ tali sitwazzjoni ta’ emerġenza, tal-inqas meta l-leġiżlazzjoni adottata minn dan l-Istat Membru, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, ma tkunx intiża li tipproduċi l-effetti tagħha biss fuq perijodu qasir, jekk ikun il-każ, li jiġġedded.

86

Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, kif ġie enfasizzat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, Stat Membru ma jistax, abbażi tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, iċaħħad lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment minn drittijiet oħra minbarra dawk li huma rrikonoxxuti lilu fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva.

87

Issa, kif jikkonfermaw il-premessi 13 u 16 tagħha, id-Direttiva 2008/115 tissuġġetta b’mod espress li wieħed jirrikorri għal miżuri koerċittivi u, b’mod partikolari, miżuri ta’ detenzjoni, għall-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jikkonċerna l-mezzi użati u l-għanijiet segwiti.

88

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta dan l-Artikolu 18 għandha tipprovdi li d-detenzjoni f’ħabs ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija tista’ tiġi ordnata jew estiża biss wara li tkun eżaminat, f’kull każ individwali, minn naħa, jekk l-ebda post ma huwa attwalment disponibbli f’waħda mill-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, jekk ebda miżura oħra inqas koerċittiva ma hija prevedibbli.

89

Barra minn hekk, l-Istat Membru li japplika l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jibqa’ obbligat jagħti, skont l-Artikolu 16(3) u l-Artikolu 17(3) sa (5) ta’ din id-direttiva, attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni tal-persuni vulnerabbli mqiegħda f’detenzjoni, u speċifikament għas-sitwazzjoni tal-minuri li l-aħjar interess tagħhom għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala kunsiderazzjoni primordjali.

90

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz vulnerabbli ma jistax jitqiegħed f’detenzjoni, għal finijiet ta’ tneħħija, f’ħabs, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, meta tali detenzjoni tirriżulta inkompatibbli mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-bżonnijiet partikolari li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà tiegħu.

91

Fl-aħħar, meta jimplimenta l-fakultà rrikonoxxuta lilu mill-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, l-Istat Membru kkonċernat għandu josserva wkoll id-drittijiet fundamentali sanċiti mill-Karta u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6 tagħha. Għaldaqstant, u konformement ma’ dak li ġie rrilevat fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza preżenti, dak l-Istat Membru għandu jiżgura ruħu li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mqiegħda, għal finijiet ta’ tneħħija, f’ħabsijiet jkunu differenti, sa fejn possibbli, mill-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni tal-persuni kkundannati kriminalment li jinsabu impriġunati hemmhekk. F’dan ir-rigward, huwa importanti, b’mod partikolari, li l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li jiġi evitat, sa fejn huwa possibbli, li dawn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jsibu ruħhom f’kuntatt mal-persuni kkundannati għal piena ta’ priġunerija.

92

Fit-tieni lok, it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tawtorizza lill-Istati Membri, b’mod eċċezzjonali u barra mis-sitwazzjonijiet imsemmija b’mod espress fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, iqiegħdu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment, f’detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija, f’ħabs, sakemm dawn ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji meta, minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni, huma ma jistgħux josservaw l-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva billi jiżguraw id-detenzjoni tagħhom f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punt 39).

93

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk iddeċidiet li tali dispożizzjoni, ta’ interpretazzjoni restrittiva, kienet tippermetti, b’mod partikolari, id-detenzjoni f’ħabs ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, għal finijiet ta’ tneħħija, meta dan jirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew is-sigurtà interna jew esterna tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm dan iċ-ċittadin ikun mifrud mill-priġunieri ordinarji (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Stadt Frankfurt am Main, C‑18/19, EU:C:2020:511, punti 3148).

94

Bl-istess mod, saturazzjoni totali, f’daqqa u momentarja tal-kapaċitajiet tal-faċilitajiet speċjalizzati kollha ta’ detenzjoni li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru, distinta mill-piż kbir u mhux previst fl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115, tista’ twassal ukoll sabiex ikun impossibbli għal dan l-Istat Membru li josserva l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2008/115 filwaqt li jiżgura li ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jinżammu għal finijiet ta’ tneħħija jitqiegħdu f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

95

Dan ikun il-każ jekk Stat Membru jiġi kkonfrontat b’saturazzjoni tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tiegħu, kif deskritta fil-punt preċedenti, u jkun jidher, b’mod manifest, li ebda miżura inqas koerċittiva mit-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz speċifiku, suġġett għal obbligu ta’ ritorn, ma hija suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-effettività tal-proċedura ta’ ritorn li tikkonċernah.

96

F’tali ipoteżi, għandu jiġi kkunsidrat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115 tawtorizza, bħala prinċipju, li dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm, temporanjament, f’ħabs, mifrud mill-priġunieri ordinarji.

97

Madankollu, fid-dawl tal-fatt li din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni kemm restrittiva kif ukoll kompatibbli mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, it-tqegħid f’detenzjoni f’ħabs, f’sitwazzjoni bħal dik imsemmija fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, tista’, l-ewwel nett, tiġi ordnata biss għal żmien qasir, li ma jistax jeċċedi xi ġranet u biss sabiex l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jieħu, b’urġenza, il-miżuri neċessarji sabiex jiġi ggarantit lill-persuna kkonċernata li d-detenzjoni tagħha ser tkompli sseħħ, fl-iqsar żmien possibbli, fi ħdan faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni. Barra minn hekk, tali detenzjoni ma tibqax iġġustifikata, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, meta s-saturazzjoni tal-faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni tal-Istat Membru kkonċernat tkompli lil hinn minn ftit jiem jew tirrepeti ruħha sistematikament u f’intervalli qosra.

98

Għandu jitfakkar ukoll li tali detenzjoni f’ħabs għandha tirrispetta kemm id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta kif ukoll id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2008/115.

99

Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti li jiġi ordnat it-tqegħid f’detenzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija f’ħabs filwaqt li l-kundizzjonijiet li għalihom it-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2008/115 jissuġġettaw tali possibbiltà ma humiex issodisfatti, tikser id-dritt li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ miżura ta’ detenzjoni għal finijiet ta’ tneħħija jisiltu mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva li jinżammu biss f’faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni.

100

Issa, minn naħa, din l-aħħar dispożizzjoni hija inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża sabiex ikollha effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi, C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 47).

101

Min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, fl-ipoteżi fejn ikun impossibbli għaliha li twettaq interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha, bħala korp ta’ Stat Membru, l-obbligu li ma tapplikax kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li tmur kontra dispożizzjoni ta’ dan id-dritt li jkollha effett dirett fil-kawża li tkun tressqet quddiemha (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 139).

102

Minn dan isegwi li, sakemm ma tkunx tista’ tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik imsemmija fil-punt 99 ta’ din is-sentenza konformement mad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali, adita fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, għandha tirrifjuta li tapplika tali leġiżlazzjoni fil-kawża mressqa quddiemha.

103

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti, b’mod temporanju, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment jinżammu, għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, f’ħabsijiet, mifrudin mill-priġunieri ordinarji, meta l-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 18(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jissuġġettaw il-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma jkunux jew, ma jkunux għadhom, issodisfatti.

Dwar l‑ispejjeż

104

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqsima speċifika ta’ ħabs li, minn naħa, filwaqt li jkollha d-direttur tagħha stess, hija suġġetta għall-amministrazzjoni ta’ dan l-istabbiliment u hija suġġetta għall-awtorità tal-Ministru li għandu l-awtorità fuq il-ħabsijiet u li fiha, min-naħa l-oħra, jinżammu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għal finijiet ta’ tneħħija, f’binjiet speċifiċi li jkollhom il-faċilitajiet tagħhom stess u li jkunu iżolati mill-binjiet l-oħra ta’ dik it-taqsima li fihom jinżammu persuni kkundannati kriminalment, tista’ titqies bħala “faċilità speċjalizzata ta’ detenzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni applikabbli għal dawk iċ-ċittadini jevitaw, sa fejn possibbli, li din id-detenzjoni tkun tixbah lil qfil f’ambjent ta’ ħabs u jekk kemm-il darba dawn ikunu mfassla b’mod li d-drittijiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll id-drittijiet sanċiti fl-Artikolu 16(2) sa (5) u fl-Artikolu 17 ta’ dik id-direttiva jiġu rrispettati.

 

2)

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti nazzjonali li tintalab, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, tordna t-tqegħid f’detenzjoni jew l-estensjoni tad-detenzjoni, f’ħabs, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għal finijiet ta’ tneħħija għandha tkun tista’ tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet li għalihom dan l-Artikolu 18 jissuġġetta l-possibbiltà għal Stat Membru li jipprevedi li dan iċ-ċittadin jkun is-suġġett ta’ detenzjoni f’ħabs.

 

3)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha teskludi l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti, b’mod temporanju, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu irregolarment jinżammu, għall-finijiet tat-tneħħija tagħhom, f’ħabsijiet, mifrudin mill-priġunieri ordinarji, meta l-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 18(1) u t-tieni sentenza tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jissuġġettaw il-konformità ta’ tali leġiżlazzjoni mad-dritt tal-Unjoni ma jkunux jew, ma jkunux għadhom, issodisfatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.