SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Direttiva 2003/88/KE – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Artikolu 7 – Leave annwali – Ħin tax-xogħol – Sahra – Kalkolu tal-ħin tax-xogħol fuq bażi ta’ xahar – Assenza ta’ żieda għas-sahra fil-każ ta’ teħid ta’ leave”

Fil-Kawża C‑514/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

DS

vs

Koch Personaldienstleistungen GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’Awla),

komposta minn I. Ziemele (Relatriċi), Presidenta tas-Sitt Awla, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal DS, minn R. Buschmann,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn DS u Koch Personaldienstleistungen GmbH (iktar ’il quddiem “Koch”) dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-jiem ta’ leave annwali mħallas fil-kalkolu tal-volum tas-sigħat maħduma li jagħtu dritt għal żieda għas-sahra.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2003/88:

“(4)

It-titjib tas-sigurtà, l-iġene u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol huwa għan li m’għandux ikun subordinat sempliċement għal raġunijiet ekonomiċi.

(5)

Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan. […]”

4

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Leave annwali”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas għall-anqas għal erba’ ġimgħat bi qbil mal-kundizzjonijiet tal-intitolament għal, u l-għotja ta’, dan il-leave stipulat mil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew prattika.

2.   Il-perijodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistgħax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

Id‑dritt Ġermaniż

5

Il-Manteltarifvertrag für Zeitarbeit (il-Ftehim Kollettiv Ġenerali dwar ix-Xogħol Temporanju), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“MTV”), jinkludi, fil-punt 3.1 tiegħu, dwar il-“ħin tax-xogħol”, is-silta li ġejja:

“3.1.1. Il-ħin tax-xogħol normali fix-xahar ta’ ħaddiem full-time huwa ta’ 151.67 siegħa. […]

3.1.2. Il-ħin tax-xogħol individwali normali ta’ kull xahar huwa bbażat fuq in-numru ta’ jiem ta’ xogħol.

Il-ħin tax-xogħol ta’ kull xahar huwa:

[…]

ta’ 161 siegħa f’xahar li jinkludi 23 jum ta’ xogħol.

[…]”

6

Il-punt 4.1.2. tal-MTV jipprevedi:

“Iż-żidiet għas-sahra għandhom jitħallsu għas-sigħat maħduma lil hinn minn:

[…]

184 siegħa għal 23 jum ta’ xogħol.

Iż-żieda għas-sahra hija ta’ 25 %.”

Il‑fatti fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

7

Matul Awwissu 2017, li kellu 23 jum tax-xogħol, DS, impjegat minn Koch bħala ħaddiem temporanju full-time, ħadem 121.75 siegħa matul l-ewwel 13-il jum, u sussegwentement ħa, fl-10 jiem li kien fadal, leave annwali mħallas, li jikkorrispondi għal 84.7 siegħa ta’ xogħol.

8

Peress li qies li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-jiem ta’ leave annwali mħallas sabiex jiġi ddeterminat in-numru ta’ sigħat maħduma, DS ippreżentat rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi intiż sabiex Koch tiġi kkundannata tħallsu żieda ta’ 25 % għal 22.45 siegħa, jiġifieri EUR 72.32, li tikkorrispondi għall-volum fis-siegħa maħduma li jaqbeż il-limitu ta’ 184 siegħa.

9

Peress li r-rikors tiegħu ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, DS ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

10

Il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) tirrileva li, skont il-formulazzjoni tal-punt 4.1.2 tal-MTV, is-sigħat maħduma biss jistgħu jingħaddu sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħaddiem qabiżx il-limitu tal-kwota tal-ħin tax-xogħol normali fix-xahar. Fil-fatt, il-kliem “sigħat maħduma” jirreferu għall-kunċett ta’ sigħat ta’ xogħol realment maħduma, bl-esklużjoni tal-perijodi ta’ leave.

11

Barra minn hekk, l-għan taż-żieda għas-sahra jinsab, skont MTV, fil-kumpens ta’ ammont ta’ xogħol partikolari li ma jseħħx matul it-teħid ta’ leave annwali mħallas, b’tali mod li ż-żieda hija intiża sabiex tikkumpensa l-impjegat li jwettaq xogħol lil hinn mill-obbligi kuntrattwali tiegħu. B’hekk, l-imsemmija żieda hija dritt li jinkiseb permezz tax-xogħol, mingħajr ma jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ leave.

12

L-imsemmija qorti tindika, barra minn hekk, li ż-żidiet għas-sahra jistgħu wkoll jinkoraġġixxu lill-persuni li jimpjegaw sabiex ma jindaħlux fil-ħin ta’ ħin liberu tal-ħaddiema, peress li tali ndħil joħloq spiża addizzjonali ta’ 25 % tas-salarju fis-siegħa stabbilit kuntrattwalment.

13

Madankollu, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) tikkonstata li d-dispożizzjonijiet tal-MTV jistgħu jinkoraġġixxu lill-ħaddiema sabiex ma jiħdux il-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas. F’dan il-każ, kieku DS kien ħadem matul is-sigħat li jikkorrispondu għal-leave annwali mħallas li huwa ħa, huwa kien jaqbeż b’22.45 siegħa l-kwota standard tax-xogħol normali u kien ikollu dritt għal dawn is-sigħat għaż-żieda ta’ 25 %.

14

B’hekk, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema implimentata mill-MTV, sa fejn din fl-aħħar twassal għal tnaqqis tad-dritt għal żieda għas-sahra, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-ħaddiema ma jistgħux jiġu dissważi milli jinvokaw id-dritt tagħhom għall-perijodu minimu ta’ leave annwali mħallas.

15

F’dan ir-rigward, din il-qorti tqis li l-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija relattivament qrib għal dik li wasslet għas-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock (C‑539/12, EU:C:2014:351), sa fejn, fiż-żewġ każijiet, l-iżvantaġġ finanzjarju ma jikkonċernax il-kumpens għal leave mħallas fil-veru sens tal-kelma, iżda jseħħ matul perijodu preċedenti jew sussegwenti għal-leave.

16

Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 47), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol jirrikjedu mill-ħaddiem li jwettaq sahra li għandha natura prevedibbli u abitwali ħafna, u li r-remunerazzjoni tagħha tikkostitwixxi element importanti tar-remunerazzjoni totali, ir-remunerazzjoni għal din is-sahra għandha tiġi inkluża fir-remunerazzjoni dovuta matul il-perijodu ta’ leave.

17

Issa, jekk il-ġurisprudenza stabbilita fl-imsemmija sentenza kellha tiġi trasposta għall-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatt li, fil-fatt, is-sahra tidher li hija eċċezzjonali u imprevedibbli, ma hemmx lok li jiġi inkluż l-ammont taż-żidiet dovuti għas-sahra maħdum fir-remunerazzjoni mħallsa matul il-leave annwali mħallas. Għaldaqstant, huwa loġiku li l-jiem ta’ leave ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-volum fis-siegħa li jagħti dritt għal żieda għas-sahra.

18

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-ftehimiet kollettivi ma jistgħux jidderogaw mill-Artikolu 1 tal-Mindesturlaubsgesetz für Arbeitnehmer (il-Liġi dwar il-Perijodu Minimu ta’ Leave għall-Ħaddiema (Bundesurlaubsgesetz)), li jipprevedi li kull ħaddiem għandu dritt għal leave għal kull sena kalendarja, u li għandu jiġi interpretat skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 31(2) tal-[Karta] u l-Artikolu 7 tad-Direttiva [2003/88] jipprekludu dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li, sabiex jiġi stabbilit jekk ħaddiem għandux dritt għal żidiet fil-ħlas għas-sahra u sabiex jiġi kkalkolat in-numru ta’ sigħat li għandhom jitqiesu għal dan l-għan, tieħu inkunsiderazzjoni biss is-sigħat tax-xogħol li jkunu fil-fatt saru, filwaqt li tinjora s-sigħat li matulhom il-ħaddiem jieħu l-perijodu minimu tiegħu ta’ leave annwali bi ħlas?”

Fuq id‑domanda preliminari

20

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 31(2) tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li permezz tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu tas-sigħat maħduma li jagħti dritt għal żieda għas-sahra jkunx intlaħaq, is-sigħat li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ leave annwali mħallas meħud mill-ħaddiem ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala sigħat ta’ xogħol maħduma.

21

L-ewwel, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, “[l]-stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali mħallas għall-anqas għal erba’ ġimgħat”.

22

Għalkemm, minn kliem din id-dispożizzjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu ruħhom milli jissuġġettaw għal xi kundizzjoni l-kostituzzjoni stess tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, King, C‑214/16, EU:C:2017:914, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li l-implimentazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tista’ ssir biss fil-limiti espressament stipulati f’din id-direttiva (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, id-dritt għal-leave annwali mħallas għandu, fil-kwalità tiegħu ta’ prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni, mhux biss importanza partikolari, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta, li għandha, skont l-Artikolu 6(1) TUE, l-istess saħħa legali bħat-Trattati (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca SpA, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

B’hekk, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jirrifletti u jikkonkretizza d-dritt fundamentali għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni u Il‑Kunsill vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punt 115). Fil-fatt, filwaqt li din l-aħħar dispożizzjoni tiggarantixxi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal perijodu annwali ta’ leave mħallas, l-ewwel dispożizzjoni timplimenta dan il-prinċipju billi tiffissa t-tul tal-imsemmi perijodu.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-osservanza tal-Karta hija meħtieġa, kif jirriżulta mill-Artikolu 51(1) tagħha, meta l-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni.

27

Peress li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tali implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88, huwa għalhekk fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta li l-Artikolu 7(1) tagħha għandu jiġi interpretat sabiex jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni tipprekludix tali leġiżlazzjoni.

28

It-tielet, fir-rigward tal-għan tad-Direttiva 2003/88, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 4 tagħha, din għandha bħala għan it-titjib tas-sigurtà, tal-iġjene u tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. Fir-rigward tal-premessa 5 ta’ din id-direttiva, din tippreċiża li l-ħaddiema għandu jkollhom perijodi ta’ mistrieħ suffiċjenti.

29

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li din tal-aħħar tistabbilixxi rekwiżiti minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol fir-rigward, b’mod partikolari, tal-perijodi minimi ta’ leave annwali.

30

Fid-dawl tal-għanjiet tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dritt għal-leave annwali, stabbilit fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu żewġ għanijiet, jiġifieri l-għan li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ mit-twettiq tal-kompiti li huwa għandu obbligu jwettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għan li dan igawdi perijodu ta’ rilassament u ta’ rikreazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca SpA, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fil-fatt, huwa fl-interess ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà u tas-saħħa tiegħu li l-ħaddiem għandu normalment ikun jista’ jibbenefika minn mistrieħ effettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, EU:C:2009:18, punt 23).

32

Minn dan isegwi li l-inċentivi li dak li jkun jirrinunzja għal-leave ta’ mistrieħ jew li jagħmlu b’mod li l-ħaddiema jirrinunzjaw għalihom huma inkompatibbli mal-għanijiet tad-dritt għal-leave annwali mħallas, u huma relatati, b’mod partikolari, man-neċessità li jkun żgurat li l-ħaddiem jibbenefika minn mistrieħ effettiv, bl-intenzjoni ta’ protezzjoni effikaċi tas-sigurtà tiegħu u tas-saħħa tiegħu. B’hekk, kull prattika jew ommissjoni, min-naħa tal-persuna li timpjega, li jkollha l-effett potenzjali li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem, hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas (sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Kreuziger, C‑619/16, EU:C:2018:872, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Din hija r-raġuni għalfejn ġie deċiż li l-kisba tar-remunerazzjoni ordinarja matul il-perijodu ta’ leave annwali mħallas hija intiża sabiex tippermetti lill-ħaddiem jieħu effettivament il-jiem ta’ leave li għalihom huwa għandu dritt. Issa, meta r-remunerazzjoni mogħtija fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija inqas mir-remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv, hemm riskju li tali ħaddiem ikun inkoraġġit li ma jiħux il-leave annwali mħallas, għall-inqas matul il-perijodi ta’ dan ix-xogħol, sa fejn dan iwassal, matul dawn il-perijodi, għal tnaqqis fir-remunerazzjoni tiegħu (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein, C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ħaddiem seta’ jiġi skoraġġit milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali fid-dawl ta’ żvantaġġ finanzjarju, anki jekk dan jiġi pospost, jiġifieri matul il-perijodu ta’ wara dak tal-leave annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 21).

35

Fil-każ inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra li l-punt 4.1.2 tal-MTV jista’ jkun tali li jiddiswadi ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas, sa fejn dan il-punt jipprevedi li s-sigħat maħduma biss jistgħu, għall-finijiet tal-eventwali benefiċċju ta’ żieda għas-sahra, jiġu kkalkolati sabiex jiġi stabbilit jekk il-ħaddiem eċċediex il-limitu tal-kwota tal-ħin tax-xogħol normali fix-xahar.

36

F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ħadem 121.75 siegħa matul l-ewwel 13-il jum ta’ xogħol tax-xahar ta’ Awwissu 2017, imbagħad ħa leave annwali matul l-10 ijiem ta’ xogħol li kien għad fadal f’dan ix-xahar. Issa, kieku huwa kien ħadem matul dawn l-aħħar 10 ijiem, huwa kien ikun iwettaq 84.7 siegħa ta’ xogħol li jaqbżu l-121.75 siegħa, b’tali mod li, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, il-volum ta’ sigħat maħduma matul l-imsemmi xahar kien ikun ta’ 206.45 u kien jaqbeż b’22.45 siegħa l-limitu tan-numru ta’ sigħat maħduma li kien jagħti dritt għal żieda għas-sahra.

37

Madankollu, peress li, skont il-punt 4.1.2. tal-MTV, l-unità ta’ riferiment sabiex jiġi ddeterminat il-limitu tal-volum fis-siegħa meħud inkunsiderazzjoni għal żieda għas-sahra hija ddefinita kull xahar, il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ħa ġranet ta’ leave annwali matul ix-xahar li matulu huwa wettaq sahra kellu l-effett, b’applikazzjoni ta’ dan l-istess punt 4.1.2, li l-livell ta’ kull xahar ta’ 184 siegħa ma jintlaħaqx.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżerċizzju mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tad-dritt tiegħu għal-leave kellu l-effett li r-remunerazzjoni rċevuta għal Awwissu 2017 kienet inqas minn dik li kien jirċievi li kieku ma ħax leave matul dan ix-xahar.

39

Bl-istess mod, fil-każ fejn ħaddiem jieħu leave fil-bidu tax-xahar, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jkollha wkoll bħala konsegwenza tnaqqis tar-remunerazzjoni għal dan ix-xahar, peress li s-sahra mwettqa, jekk ikun il-każ, minn dan il-ħaddiem wara l-leave jistgħu jiġu nnewtralizzati mill-jiem ta’ leave meħuda fil-bidu tax-xahar. Issa, kif tfakkar fil-punt 34 tal-preżenti sentenza, żvantaġġ finanzjarju li jkun pospost, jiġifieri matul il-perijodu ta’ wara dak tal-leave annwali, jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2014, Lock, C‑539/12, EU:C:2014:351, punt 21).

40

Għaldaqstant, mekkaniżmu li jgħodd is-sigħat maħduma, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu t-teħid ta’ leave jista’ jwassal għal tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-ħaddiem, peress li dan jitnaqqas miż-żieda prevista għas-sahra effettivament maħduma, huwa tali li jiddiswadi lill-ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu għal leave annwali mħallas matul ix-xahar li matulu huwa wettaq sahra, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

41

Issa, kif tfakkar fil-punt 32 tal-preżenti sentenza, kull prattika jew ommissjoni min-naħa tal-persuna li timpjega li potenzjalment ikollha l-effett li tiskoraġġixxi t-teħid tal-leave annwali minn ħaddiem hija wkoll inkompatibbli mal-għan tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

42

Tali konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt, irrilevat mill-qorti tar-rinviju, li l-akkwist tad-dritt għal żieda għas-sahra huwa marbut, skont il-punt 4.1.2. tal-MTV, mas-sigħat ta’ xogħol effettivament “maħduma”. Fil-fatt, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq din il-qorti f’dan ir-rigward, filwaqt li huwa paċifiku li r-rikorrent fil-kawża prinċipali wettaq sahra li għaliha kellha tiġi assenjata żieda ta’ 25 %, id-dritt għal żieda għas-sahra ġie nnewtralizzat mill-fatt li l-unità ta’ riferiment sabiex tiffissa l-limitu tal-volum fis-siegħa meħud inkunsiderazzjoni għal tali żieda hija ddefinita kull xahar u li r-rikorrent eżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul ix-xahar li matulu huwa wettaq is-sahra.

43

Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, EU:C:2018:1018, punt 47), kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat il-kwistjoni tan-neċessità li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sahra mwettqa minn ħaddiem għall-kalkolu tar-remunerazzjoni ordinarja dovuta għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 u, b’hekk, il-kundizzjonijiet għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ din is-sahra sabiex tiġi ddeterminata din ir-remunerazzjoni ordinarja, sabiex il-ħaddiem igawdi, waqt dan il-leave, kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli għal dawk li jibbenefika minnhom waqt l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu.

44

Issa, din il-kwistjoni għandha tiġi distinta minn dik dwar il-limitu ta’ bidu tal-ħlas taż-żieda għas-sahra effettivament maħduma mill-ħaddiem għal perijodu ta’ kull xahar partikolari, bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, b’tali mod li l-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 47 ta’ din is-sentenza fir-rigward tar-remunerazzjoni ordinarja għal-leave annwali mħallas ma humiex rilevanti f’dan il-każ.

45

Konsegwentement, mekkaniżmu li jgħodd is-sigħat maħduma bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex kompatibbli mad-dritt għal-leave annwali mħallas, previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

46

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li permezz tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu tas-sigħat maħduma li jagħti dritt għal żieda għas-sahra jintlaħaqx, is-sigħat li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ leave annwali mħallas meħud mill-ħaddiem ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala sigħat ta’ xogħol maħduma.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, moqri fid-dawl tal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni ta’ ftehim kollettiv li permezz tagħha, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-limitu tas-sigħat maħduma li jagħti dritt għal żieda għas-sahra jintlaħaqx, is-sigħat li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ leave annwali mħallas meħud mill-ħaddiem ma jittiħdux inkunsiderazzjoni bħala sigħat ta’ xogħol maħduma.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.