SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

2 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Direttiva 2005/36/KE – Artikolu 5(2) – Espert tal-vetturi bil-mutur stabbilit fi Stat Membru li jmur fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu – Rifjut tal-organu professjonali tal-Istat Membru ospitanti, li fih kien stabbilit preċedentement, li jirreġistrah fir-reġistru tal-provvisti temporanji u okkażjonali – Kunċett ta’ ‘provvista temporanja u okkażjonali’”

Fil-Kawża C‑502/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Mons (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Ottubru 2020, fil-proċedura

TP

vs

Institut des Experts en Automobiles,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Piçarra, President, M. Vilaras (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tad-Disa’ Awla, u K. Jürimäe, Imħallef,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TP, minn V. Grévy, avocat,

għall-Institut des Experts en Automobiles, minn P. Botteman u R. Molders‑Pierre, avocats,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Machovičová, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn É. Gippini Fournier u L. Armati, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22, rettifiki fil-ĠU 2007, L 271, p. 18, fil-ĠU 2008, L 93, p. 28, u fil-ĠU 2014, L 305, p. 115), kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013 (ĠU 2013, L 354, p. 132) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2005/36”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TP u l-Institut des Experts en Automobiles (l-Istitut tal-Esperti tal-Vetturi bil-Mutur, iktar ’il quddiem l-“IEA”) dwar l-eżerċizzju minn TP, fil-Belġju, tal-professjoni ta’ espert tal-vetturi bil-mutur.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2005/36 tistipula, b’mod partikolari, li din id-direttiva ma għandhiex l-għan li tinterferixxi mal-interess leġittimu tal-Istati Membri li jipprekludu lil uħud miċ-ċittadini tagħhom milli jevitaw b’mod abbużiv l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-professjonijiet.

4

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘professjoni regolata’: attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju. Fejn l-ewwel sentenza ta’ din id-definizzjoni ma tapplikax, professjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandha tiġi trattata bħala professjoni regolata;

(b)

‘kwalifiki professjonali’: kwalifiki attestati minn prova ta’ kwalifiki formali, attestazzjoni ta’ kompetenza kif imsemmija fis-subparagrafu (i) tal-punt (a) ta’ l-Artikolu 11 u/jew esperjenza professjonali;

[…]”

5

It-Titolu II tal-istess direttiva, intitolat “Il-libertà li jiġu provduti servizzi”, jinkludi l-Artikoli 5 sa 9 tagħha. L-Artikolu 5, intitolat “Il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi”, jiddisponi:

“1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt [tal-Unjoni], kif ukoll l-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri m’għandhomx jirrestrinġu, għal xi raġuni relatata ma’ kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu provduti servizzi fi Stat Membru ieħor:

(a)

jekk il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit legalment fi Stat Membru bl-għan li jeżerċita l-istess professjoni hemmhekk (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ l-‘Istat Membru ta’ stabbiliment’), u

(b)

fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, jekk ikun eżerċita dik il-professjoni fl-Istat Membru ta’ stabbiliment għal mhux inqas minn sentejn matul l-għaxar snin ta’ qabel il-provvista tas-servizzi meta l-professjoni mhijiex regolata f’dak l-Istat Membru. Il-kondizzjoni li teħtieġ sentejn ta’ eżerċizzju m’għandhiex tapplika fejn jew il-professjoni jew l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-professjoni huma regolati.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu għandhom japplikaw biss fejn il-fornitur tas-servizz imur fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti sabiex jeżerċita, fuq bażi temporanja u ta’ kultant, il-professjoni msemmija fil-paragrafu 1.

In-natura temporanja u ta’ kultant tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun stmata każ b’każ, b’tenut kont b’mod partikolari tat-tul taż-żmien, tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha.

3.   Fejn il-fornitur tas-servizz jibdel il-pajjiż, għandu jkun soġġett għal regoli professjonali ta’ natura professjonali statutorja, jew amministrattiva li huma konnessi direttament mal-kwalifiki professjonali, bħalma hija d-definizzjoni tal-professjoni, l-użu ta’ titoli u abbuż professjonali serju li huwa konness direttament u speċifikament mal-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumatur, kif ukoll dispożizzjonijiet dixxiplinari li huma applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għal professjonisti li jeżerċitaw l-istess professjoni f’dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet”, jiddisponi fil-paragrafu 1(a) tiegħu:

“Skond l-Artikolu 5(1), l-Istat Membru ospitanti għandu jeżenta lil fornituri tas-servizz li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor mir-rekwiżiti li dan jimponi fuq professjonisti stabbiliti fit-territorju tiegħu rigward:

(a)

awtorizzazzjoni permezz ta’ reġistrazzjoni jew sħubija f’organizzazzjoni jew korp professjonali. Sabiex tiġi faċilitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dixxiplinarji fis-seħħ fit-territorju tagħhom skond l-Artikolu 5(3) ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu jew għal reġistrazzjoni awtomatika temporanja jew għal sħubija pro forma ma’ din l-organizzazzjoni jew korp professjonali, bil-kondizzjoni li din ir-reġistrazzjoni jew is-sħubija ma tittardjax jew tikkumplika b’ebda mod il-provvista ta’ servizzi u ma twassalx għal spejjeż addizzjonali għall-fornitur tas-servizz. […]”

7

Skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/36, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li, meta l-fornitur imur minn Stat Membru għall-ieħor għall-ewwel darba sabiex jipprovdi s-servizzi, huwa għandu jinforma minn qabel lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Din id‑dikjarazzjoni għandha tiġi mġedda darba fis‑sena jekk il‑fornitur jkollu l‑ħsieb li jipprovdi servizzi b’mod temporanju jew okkażjonali f’dak l‑Istat Membru matul is‑sena kkonċernata.

Id-dritt Belġjan

Il-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007

8

Fil-Belġju, l-istatut u d-drittijiet u obbligi tal-esperti tal-vetturi bil-mutur jikkostitwixxu s-suġġett tal-loi du 15 mai 2007 relative à la reconnaissance et à la protection de la profession d’expert en automobiles et créant un Institut des experts en automobiles (il-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007 dwar ir-Rikonoxximent u l-Protezzjoni tal-Professjoni ta’ Espert tal-Vetturi bil-Mutur u li Toħloq l-Istitut tal-Esperti tal-Vetturi bil-Mutur) (Moniteur belge tat‑2 ta’ Ġunju 2007, p. 28087), kif emendata bil-Liġi tas‑6 ta’ Ottubru 2011 (Moniteur belge tal‑10 ta’ Novembru 2011, p. 67853) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007”).

9

Skont il-punt 2(b) tal-Artikolu 5(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007, l-istatus ta’ membru sħiħ tal-IEA jingħata lil kull persuna fiżika li tixtieq tistabbilixxi ruħha fil-Belġju bħala espert tal-vetturi bil-mutur u li titlob dan, sa fejn hija tipprovdi attestazzjoni ta’ kompetenza jew prova ta’ kwalifika formali maħruġa minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Il-punt 6 tal-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi jżid li l-persuna kkonċernata għandha tiġi inkluża fil-lista tal-membri sħaħ tal-IEA.

10

L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“Fil-każ fejn, fil-kuntest tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni […] imorru fit-territorju tal-Belġju għall-ewwel darba sabiex jeżerċitaw, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni ta’ espert tal-vetturi bil-mutur, huma għandhom jinformaw minn qabel lill-bord kompetenti tal-kunsill [tal-IEA] permezz ta’ dikjarazzjoni bil-miktub, konformement mal-Artikolu 9[(1)] tal-loi du 12 février 2008 instaurant un […] cadre général pour la reconnaissance des qualifications professionnelles [UE] (il-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008 li Tistabbilixxi Qafas Ġenerali għar-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali UE) […]”.

Il-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008

11

Id-Direttiva 2005/36 ġiet trasposta fid-dritt Belġjan permezz tal-loi du 12 février 2008 instaurant un cadre général pour la reconnaissance des qualifications professionnelles UE (il-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008, li Tistabbilixxi Qafas Ġenerali għar-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali UE) (Moniteur belge tat‑2 ta’ April 2008, p. 17886, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008”).

12

It-Titolu II ta’ din il-liġi, intitolat “Libertà li jiġu pprovduti servizzi”, jinkludi l-Artikoli 6 sa 11 tagħha. L-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi jiddisponi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-titolu japplikaw biss fil-każ fejn il-fornitur imur fit-territorju tal-Belġju sabiex jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni msemmija fl-Artikolu 7[(1)].

In-natura temporanja u okkażjonali tal-provvista ta’ servizzi għandha tkun evalwata każ b’każ, b’mod partikolari skont it-tul tal-provvista, il-frekwenza, ir-regolarità u l-kontinwità tagħha.”

13

L-Artikolu 9 tal-istess liġi jorganizza s-sistema ta’ dikjarazzjoni minn qabel, konformement mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/36.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

TP eżerċita, għal diversi snin, il-professjoni ta’ espert tal-vetturi bil-mutur fil-Belġju. Mit‑28 ta’ Jannar 2014, huwa jirrisjedi fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u jeżerċita hemmhekk l-istess professjoni.

15

Il-qorti tar-rinviju tindika li mill-provi prodotti minn TP jirriżulta li, għalkemm, minn dik id-data, huwa wettaq xi xogħol fil-Belġju, il-parti l-kbira tal-attività professjonali tiegħu attwalment titwettaq barra mit-territorju Belġjan, b’tali mod li l-attività professjonali li huwa jeżerċita fil-Belġju tista’ tiġi kklassifikata bħala “anċillari”.

16

Fix-xahar ta’ Settembru 2015, l-IEA stieden lil TP sabiex jinkiteb fil-lista tal-membri sħaħ tal-IEA, sabiex jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu fil-Belġju.

17

TP irrifjuta li jressaq tali talba u, peress, li skont l-indikazzjonijiet tiegħu, huwa jwettaq xi perizji fil-Belġju, huwa talab l-inklużjoni tiegħu fil-lista temporanja u okkażjonali tal-esperti tal-vetturi bil-mutur, kif previst fl-Artikolu 9 tal-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008.

18

L-IEA jikkunsidra li, billi jeżerċita l-professjoni ta’ espert tal-vetturi bil-mutur fil-Belġju mingħajr ma huwa membru tal-IEA, TP jeżerċita attività irregolari u żleali. Għaldaqstant, huwa ħarrek lil TP quddiem it-tribunal de commerce du Hainaut (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hainaut, il-Belġju), sabiex jiġi pprojbit milli juża t-titolu ta’ espert tal-vetturi bil-mutur kif ukoll milli jeżerċita din il-professjoni fil-Belġju.

19

TP, min-naħa tiegħu, talab lill-istess qorti, bħala kontrotalba, tordna l-inklużjoni tiegħu fil-lista temporanja u okkażjonali tal-esperti tal-vetturi bil-mutur, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007.

20

Permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, it-tribunal de commerce du Hainaut (il-Qorti Kummerċjali ta’ Hainaut) laqa’ t-talba tal-IEA u ċaħad il-kontrotalba ta’ TP. Fil‑15 ta’ Frar 2018, TP ippreżenta appell minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, il-qorti tar-rinviju ddikjarat ammissibbli l-appell ta’ TP u ddeċidiet, abbażi tad-dokumenti prodotti minnu, li huwa għandu stabbiliment fil-Lussemburgu, fis-sens tal-Artikoli 16 sa 19 tad-Direttiva 2005/36.

22

Il-qorti tar-rinviju tindika madankollu li għandha dubji dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tal-kliem “temporanju u okkażjonali” li jinsabu fl-Artikolu 6 tal-Liġi tal‑15 ta’ Mejju 2007, kif difiża mill-IEA, li tgħid li l-eżerċizzju preċedenti, fi Stat Membru, ta’ attività fit-tul u regolari jostakola r-rikonoxximent tan-natura temporanja u okkażjonali tal-eżerċizzju tal-istess attività f’dan l-Istat Membru, wara l-istabbiliment tal-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor. Issa, TP kompla b’attività li huwa kien ilu jeżerċita fil-Belġju għal iktar minn 25 sena.

23

Barra minn hekk, dik il-qorti saħqet li n-natura temporanja ta’ provvista ta’ servizzi għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tat-tul ta’ din il-provvista, iżda wkoll tal-frekwenza, tar-regolarità u tal-kontinwità tagħha. Minn dan hija tiddeduċi li ċerta rikorrenza ma tipprekludix, bħala prinċipju, ir-rikonoxximent tan-natura temporanja ta’ attività. Barra minn hekk, in-natura temporanja ta’ provvista ta’ servizzi ma teskludix il-possibbiltà, għall-persuna kkonċernata, li jkollha, fl-Istat Membru li fih hija tipprovdi s-servizzi tagħha, ċerta infrastruttura, bħal uffiċċju.

24

Il-cour d’appel de Mons (il-Qorti tal-Appell ta’ Mons, il-Belġju), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tal-[punt 2(b) tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu] 6 tal-Liġi […] tal‑15 ta’ Mejju 2007 […], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008 […], speċjalment l-Artikoli 6, 8 u 9 jistgħu jiġu interpretati fis-sens li fornitur ta’ servizz li jbiddel il-post ta’ stabbiliment tiegħu fi Stat Membru ieħor, ma jistax jitniżżel, wara din il-bidla fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, jiġifieri l-Belġju, fir-reġistru ta’ provvisti temporanji u okkażjonali tal-IEA, sabiex jeżerċita hemmhekk attività temporanja u okkażjonali. Tali interpretazzjoni hija kompatibbli mal-libertà ta’ stabbiliment irrikonoxxuta fid-dritt tal-Unjoni?

2)

Id-dispożizzjonijiet tal-[punt 2(b) tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu] 6 tal-Liġi […] tal‑15 ta’ Mejju 2007 […], moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tat‑12 ta’ Frar 2008 […], speċjalment l-Artikoli 6, 8 u 9, interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ attività temporanja u okkażjonali jeskludi l-possibbiltà għal fornitur stabbilit fi Stat Membru ta’ oriġini li jwettaq provvisti fi Stat Membru destinatarju jekk huma jkollhom ċerta rikorrenza, mingħajr ma jkunu regolari, jew li l-fornitur ikun permess ikollu hemmhekk ċerta infrastruttura, huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tad-Direttiva [2005/36]?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, għalkemm it-tifsira letterali tad-domandi preliminari mill-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern mad-dritt tal-Unjoni, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti risposta utli lil dik il-qorti billi tipprovdi lil din l-elementi għall-interpretazzjoni li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni li jippermettu lil dik il-qorti tiddeċiedi hija stess dwar l-interpretazzjoni tad-dritt intern u dwar il-kompatibbiltà ta’ din mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, CTT – Correios de Portugal, C‑661/18, EU:C:2020:335, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li TP huwa legalment stabbilit fil-Lussemburgu u jeżerċita hemmhekk il-professjoni ta’ espert tal-vetturi bil-mutur. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal “xogħol” imwettaq minn TP f’diversi Stati Membri, b’mod partikolari fit-territorju tar-Renju tal-Belġju, li jimplika li jmur fiżikament f’dan l-Istat Membru sabiex hemmhekk jeżerċita l-professjoni tiegħu.

27

Minn dan isegwi, minn naħa, li tali provvista ta’ servizzi taqa’ taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2005/36, li l-paragrafu 1(a) tiegħu jistabbilixxi l-prinċipju li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu, għal raġunijiet relatati mal-kwalifiki professjonali, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi jekk il-fornitur ikun legalment stabbilit fi Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita l-istess professjoni hemmhekk. F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tad-Direttiva 2005/36 japplikaw biss f’każ li l-fornitur imur fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jeżerċita l-professjoni tiegħu b’mod temporanju u okkażjonali.

28

Min-naħa l-oħra, peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jaqgħu taħt it-Titolu II tad-Direttiva 2005/36, li jinkludi l-Artikolu 5 tagħha, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36), ma japplikax, kuntrarjament għal dak li sostna l-Gvern Olandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, skont il-punt 6 tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, l-Artikolu 16 tagħha ma japplikax għall-materji koperti mit-Titolu II tad-Direttiva 2005/36, kif ukoll għar-rekwiżiti fis-seħħ fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz, li jirriżervaw attività għal professjoni partikolari (sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2015, X‑Steuerberatungsgesellschaft, C‑342/14, EU:C:2015:827, punt 36).

29

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, hemm lok li jinftiehem li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li, kif interpretata mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, ma tippermettix lil professjonist stabbilit fi Stat Membru ieħor jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, minħabba li dan il-professjonist, fil-passat, kellu stabbiliment f’dak l-Istat Membru, li l-provvisti li jipprovdi għandhom ċertu rikorrenza jew li akkwista, fl-imsemmi Stat Membru, infrastruttura, bħal uffiċċju.

30

Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa neċessarju li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36 u, b’mod iktar partikolari, tal-kunċett ta’ eżerċizzju “b’mod temporanju u okkażjonali” ta’ professjoni fl-Istat Membru ospitanti, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita fl-Artikolu 56 TFUE.

31

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm lok li ssir distinzjoni tal-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u tal-libertà ta’ stabbiliment. Għal dan il-għan, għandu jiġi ddeterminat jekk l-operatur ekonomiku huwiex stabbilit jew le fl-Istat Membru li fih huwa joffri s-servizz inkwistjoni. Meta dan ikun stabbilit fl-Istat Membru li fih huwa joffri dan is-servizz, huwa jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, kif iddefinit fl-Artikolu 49 TFUE. Meta, għall-kuntrarju, l-operatur ekonomiku ma jkunx stabbilit fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, huwa jkun fornitur transkonfinali li jaqa’ taħt il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Il-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, jimplika l-eżerċizzju effettiv ta’ attività ekonomika permezz ta’ installazzjoni stabbli fl-Istat Membru ospitanti għal żmien indeterminat. Konsegwentement hija tippreżupponi installazzjoni reali tal-operatur ikkonċernat f’dan l-Istat Membru u l-eżerċizzju ta’ attività ekonomika effettiva fih (sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li persuna tista’ tkun stabbilita, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment, f’iktar minn Stat Membru wieħed, b’mod partikolari bil-ħolqien tat-tieni domiċilju professjonali (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għall-kuntrarju, f’każ li l-fornitur ta’ servizz imur fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak li fih huwa stabbilit, id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tat-Trattat FUE marbuta mas-servizzi, u, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE jipprevedu li dan il-fornitur ikun qiegħed jeżerċita hemmhekk l-attività tiegħu fuq bażi temporanja (sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2018, Vorarlberger Landes‑ und Hypothekenbank, C‑625/17, EU:C:2018:939, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “servizz”, fis-sens tat-Trattat FUE, jista’ jkopri servizzi ta’ natura differenti ħafna, inklużi servizzi li operatur ekonomiku stabbilit fi Stat Membru jipprovdi b’mod ftit jew wisq frekwenti jew regolari, anki fuq perijodu twil, lil persuni stabbiliti fi Stat Membru wieħed jew iktar. Ebda dispożizzjoni tat-Trattat FUE ma tippermetti li jiġi ddeterminat, b’mod astratt, it-tul jew il-frekwenza li minnha l-provvista ta’ servizz jew ta’ ċertu tip ta’ servizz fi Stat Membru ieħor ma tistax titqies iktar bħala provvista ta’ servizzi fis-sens tat-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2003, Schnitzer, C‑215/01, EU:C:2003:662, punti 3031, kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2012, Duomo Gpa et, C‑357/10 sa C‑359/10, EU:C:2012:283, punt 32).

36

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-natura temporanja tal-provvista ta’ servizzi ma teskludix il-possibbiltà għall-fornitur ta’ servizzi li jkollu, fl-Istat Membru ospitanti, ċerta infrastruttura (inkluż uffiċċju, kabinett jew studju) sa fejn din l-infrastruttura hija neċessarja għall-finijiet tat-twettiq tas-servizz inkwistjoni (sentenza tat‑30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, EU:C:1995:411, punt 27).

37

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula.

38

Fl-ewwel lok, f’sitwazzjoni fejn professjonist stabbilit fi Stat Membru jmur fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, li fih, fil-passat, kellu stabbiliment sabiex jeżerċita hemmhekk il-professjoni tiegħu biss fuq bażi temporanja u okkażjonali, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandhom id-dritt, kif tikkonferma l-premessa 11 tad-Direttiva 2005/36, li jikkontrollaw il-veraċità tal-affermazzjonijiet tal-imsemmi professjonist sabiex jiżguraw ruħhom li huwa ma jipprovax jaħrab b’mod abbużiv mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-professjonijiet.

39

Barra minn hekk, f’tali sitwazzjoni, la mill-Artikoli 56 u 57 TFUE jew mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36, u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punti 31 sa 36 ta’ din is-sentenza, ma jirriżulta li s-sempliċi fatt li professjonist, fil-passat, kellu stabbiliment fl-Istat Membru ospitanti jista’ jostakola li, fl-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, huwa jeżerċita l-professjoni tiegħu f’dan l-aħħar Stat Membru billi jmur hemmhekk mill-Istat Membru li fih huwa attwalment stabbilit.

40

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li s-servizzi pprovduti fl-Istat Membru ospitanti minn professjonist stabbilit fi Stat Membru ieħor jippreżentaw ċertu rikorrenza ma jipprekludix il-klassifikazzjoni tagħhom bħala servizzi pprovduti “b’mod temporanju u okkażjonali”, fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36, fl-Istat Membru ospitanti.

41

Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li professjonist, f’din is-sitwazzjoni, ikollu, fl-Istat Membru ospitanti, ċerta infrastruttura, bħal uffiċċju, lanqas ma jostakola, bħala tali, tali klassifikazzjoni tas-servizzi li huwa jipprovdi fl-Istat Membru ospitanti.

42

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2005/36, il-fornituri ta’ servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, huma eżentati mir-rekwiżiti imposti fuq il-professjonisti stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, relatati, b’mod partikolari, mal-awtorizzazzjoni, mar-reġistrazzjoni jew mal-affiljazzjoni ma’ organizzazzjoni professjonali jew ma’ organu professjonali, peress li dan l-Istat Membru jista’ biss jipprevedi reġistrazzjoni temporanja li sseħħ awtomatikament jew adeżjoni pro forma ma’ organizzazzjoni professjonali jew ma’ organu professjonali, sabiex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet dixxiplinari, konformement mal-Artikolu 5(3) tal-imsemmija direttiva, u sakemm, b’mod partikolari, ma jdewmux jew b’xi mod jikkomplikaw il-provvista ta’servizzi.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li, kif interpretata mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, ma tippermettix lil professjonist stabbilit fi Stat Membru ieħor jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, minħabba li dan il-professjonist, fil-passat, kellu stabbiliment f’dak l-Istat Membru, li l-provvisti li jipprovdi għandhom ċerta rikorrenza jew li akkwista, fl-imsemmi Stat Membru, infrastruttura, bħal uffiċċju.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Novembru 2013, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li, kif interpretata mill-awtoritajiet kompetenti tiegħu, ma tippermettix lil professjonist stabbilit fi Stat Membru ieħor jeżerċita, b’mod temporanju u okkażjonali, il-professjoni tiegħu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, minħabba li dan il-professjonist, fil-passat, kellu stabbiliment f’dak l-Istat Membru, li l-provvisti li jipprovdi għandhom ċerta rikorrenza jew li akkwista, fl-imsemmi Stat Membru, infrastruttura, bħal uffiċċju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.