SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

10 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Il-punt 2 tal-Artikolu 7 – Ġurisdizzjoni f’materji ta’ delitt jew kważi delitt – Azzjoni mressqa minn kuratur kontra terz fl-interess tal-kredituri – Post fejn seħħ l-avveniment dannuż – Il-punt 2 tal-Artikolu 8 – Talba għal intervent minn persuna li tiddefendi l-interessi kollettivi – Regolament (KE) Nru 864/2007 – Kamp ta’ applikazzjoni – Regola ġenerali”

Fil-Kawża C‑498/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

ZK, fil-kwalità ta’ suċċessur ta’ JM, kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ BMA Nederland BV,

vs

BMA Braunschweigische Maschinenbauanstalt AG,

fil-preżenza ta’:

Stichting Belangbehartiging Crediteuren BMA Nederland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Jääskinen, President tal-Awla, M. Safjan (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ZK, fi kwalità ta’ suċċessur ta’ JM, kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ BMA Nederland BV, minn I. Lintel u T. van Zanten, advocaten,

għal BMA Braunschweigische Maschinenbauanstalt AG, minn L. Kortmann, B. Kraaipoel u N. Pannevis, advocaten,

għal Stichting Belangbehartiging Crediteuren BMA Nederland, minn F. Eikelboom, advocaat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller kif ukoll minn F. Wilman u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni, minn naħa, tal-punt 2 tal-Artikolu 7 u tal-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ZK, fil-kwalità ta’ suċċessur ta’ JM, kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ BMA Nederland BV (iktar ’il quddiem “BMA NL”), u BMA Braunschweigische Maschinenbauanstalt AG (iktar ’il quddiem “BMA AG”) dwar l-aġir dannuż li din tal-aħħar kellha, bi ksur tal-obbligu ta’ diliġenza tagħha, għad-detriment tal-kredituri tal-ewwel waħda.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3

Il-premessi 15, 16 u 34 tar-Regolament Nru 1215/2012 huma fformulati kif ġej:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. L-eżistenza ta’ konnessjoni mill-qrib għandha tiżgura ċ-ċertezza legali u tevita l-possibbiltà li l-konvenut jiġi mħarrek f’qorti ta’ Stat Membru li dan il-konvenut ma setax raġonevolment jipprevedi. Dan hu importanti b’mod partikolari fir-rigward ta’ tilwim li jirriżulta minn obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża l-malafama.

[…]

(34)

Għandha tiġi żgurata l-kontinwità bejn il-Konvenzjoni [tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni (iktar 'il quddiem il-‘Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968')], ir-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 44/2001 [tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42),] u dan ir-Regolament, u għal dan il-għan għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet tranżitorji. L-istess ħtieġa għal kontinwità tapplika għall-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968 u r-Regolamenti li jissostitwixxieha.”

4

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 1, intitolata “Dispożizzjonijiet ġenerali” u t-Taqsima 2, intitolata “Ġurisdizzjoni speċjali”. L-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, li jinsab fl-imsemmija Taqsima 1, jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

L-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tiegħu, jipprovdi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

[…]

2)

fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kważi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

6

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, li jaqa’ wkoll taħt l-imsemmija Taqsima 2, persuna ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija bil-qorti:

“bħala parti terza f’azzjoni dwar garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li quddiemha jitressqu l-proċedimenti oriġinali, sakemm dawn ma kinux ġew mibdija biss bl-objettiv uniku li titneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tismal-każ tagħha”

Ir-Regolament Ruma II

7

Il-premessa 7 tar-Regolament Ruma II tipprovdi:

“Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament [Nru 44/2001] u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.”

8

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(d)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji u dwar korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra ġuridiċi jew mhux inkorporati, ir-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u ta’ membri simili għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp u r-responsabbiltà personali ta’ awdituri lejn kumpannija jew lejn il-membri tagħha fil-verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà”.

9

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament huwa ddedikat għall-avvenimenti dannużi. Intitolat “Regola ġenerali”, l-Artikolu 4 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili [li tirriżulta minn avveniment dannuż] għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili [li l-avveniment dannuż] huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili [mal-avveniment dannuż] in kwistjoni.”

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

10

L-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1994, jipprovdi:

“1.   Il-fondazzjonijiet jew l-assoċjazzjonijiet b’kapaċità ġuridika sħiħa jistgħu jeżerċitaw azzjonijiet intiżi għall-protezzjoni ta’ interessi simili ta’ persuni oħra, sakemm jiddefendu dawn l-interessi f’konformità mal-istatuti tagħhom.

[…]

3.   Azzjoni bħal dik imsemmija fil-paragrafu 1 ma jistax […] ikollha bħala suġġett ħlas ta’ kumpens fi flus.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

BMA NL u l-kumpannija omm tagħha, BMA Groep BV, huma kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi. BMA AG, stabbilita fil-Ġermanja, hija l-kumpannija omm ta’ BMA Groep u konsegwentement, il-kumpannija “nanna” ta’ BMA NL. BMA Groep, li għandha 100 % mill-azzjonijiet ta’ BMA NL, hija l-unika amministratur.

12

Bejn is-sena 2004 u s-sena 2011, BMA AG tat self lil BMA NL fl-ammont totali ta’ EUR 38 miljun. Fil-ftehimiet ta’ finanzjament, il-qorti Ġermaniża hija indikata bħala l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni u l-liġi Ġermaniża hija indikata bħala l-liġi applikabbli. Il-finanzjament sar permezz ta’ bank stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi. BMA AG aġixxiet xi drabi wkoll bħala l-garanti tad-dejn ta’ BMA NL u hija wettqet kontribuzzjonijiet ta’ kapital favur BMA NL.

13

Fil-bidu tas-sena 2012, BMA AG temmet l-għajnuna finanzjarja favur BMA NL. Din tal-aħħar għalhekk ippreżentat talba għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza. L-insolvenza ta’ BMA NL ġiet iddikjarata fit-3 ta’ April 2012.

14

Mill-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-assi ta’ BMA NL ma humiex biżżejjed sabiex jissodisfaw kompletament lill-kredituri kollha, li l-maġġoranza tad-dejn mhux iggarantit irrikonoxxut b’mod provviżorju jappartjeni lil BMA AG u lil kumpanniji oħra ta’ dan il-grupp stabbiliti fil-Ġermanja u li l-kredituri l-oħra mhux issodisfatti huma stabbiliti f’diversi pajjiżi oħra, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha.

15

Fil-kawża prinċipali, ZK ressqet, kontra BMA AG, azzjoni li, fid-dritt Olandiż, hija magħrufa bl-isem ta’ “azzjoni Peeters/Gatzen”. Din hija azzjoni f’materji ta’ delitti jew kważi delitti mressqa minn kuratur kontra terz li allegatament ikun ipparteċipa fit-twettiq tad-dannu kkawżat lill-kredituri ta’ kumpannija ddikjarata insolventi. L-azzjoni titressaq favur iżda mhux f’isem il-kredituri kollha u hija intiża sabiex tistabbilixxi mill-ġdid il-possibbiltajiet tagħhom ta’ rkupru. Ir-riżultat huwa ta’ benefiċċju għall-kredituri kollha. Sabiex tingħata deċiżjoni dwar tali azzjoni, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-pożizzjoni individwali ta’ kull wieħed mill-kredituri kkonċernati.

16

ZK isostni li BMA AG aġixxiet b’mod illegali billi kisret id-dmir ta’ diliġenza tagħha fir-rigward tal-kredituri kollha ta’ BMA NL u li BMA AG hija responsabbli għad-dannu mġarrab minn dawn tal-aħħar.

17

Skont il-kuratur, dan il-ksur jikkonsisti preċiżament fil-fatt li BMA AG waqfet tiffinanzja lil BMA NL u dan kellu l-effett li l-insolvenza tagħha kienet saret inevitabbli.

18

Wara kontestazzjoni ta’ BMA AG, ir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland), li hija l-qorti tar-rinviju, iddikjarat li kellha ġurisdizzjoni, matul is-sena 2018, sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba tal-kuratur, abbażi tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9).

19

Matul is-sena 2019, din il-qorti laqgħet, abbażi tal-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012, it-talba mressqa mill-iStichting Belangenbehartiging Crediteuren BMA Nederland (Fondazzjoni għall-protezzjoni tal-interessi tal-kredituri ta’ BMA Nederland) (iktar ’il quddiem l-“iStichting”) sabiex tkun tista’ tintervjeni fil-kawża prinċipali.

20

L-iStichting għandha l-għan li tiddefendi l-interessi tal-kredituri ta’ BMA NL li jġarrbu jew li diġà ġarrbu dannu minħabba azzjonijiet jew ommissjonijiet ta’ BMA AG. L-iStichting tiddefendi l-interessi ta’ iktar minn 50 kreditur, li l-kreditu tagħhom jammonta, b’mod kollettiv, għal madwar 40 % tad-dejn kollu irrikonoxxut lill-kredituri mhux assigurati, li ma għanhom ebda konnessjoni ma’ BMA AG.

21

Bħal ZK, l-iStichting isosstni wkoll li BMA AG aġixxiet b’mod illegali fir-rigward tal-kredituri u li hija obbligata tikkumpensa d-dannu mġarrab minnhom. Madankollu, filwaqt li l-kuratur jitlob il-ħlas lill-assi ta’ BMA NL, l-iStichting titlob li d-djun jitħallsu direttament lil kull wieħed mill-kredituri.

22

It-talba tal-iStichting ħadet il-forma ta’ azzjoni kollettiva, fis-sens tal-Artikolu 305a tal-Ktieb 3 tal-Kodiċi Ċivili.

23

Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li, fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ Frar 2019, NK (C‑535/17, EU:C:2019:96), hija wettqet żball meta ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 2015/848. Għaldaqstant, hija għandha tevalwa jekk għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni, abbażi tar-Regolament Nru 1215/2012, tal-azzjonijiet tal-kuratur u ta’ dawk tal-iStichting bħala intervenjenti. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq dawn il-punti fis-sentenza tas-6 ta’ Frar 2019, NK (C‑535/17, EU:C:2019:96), u li jeżisti dubju raġonevoli f’dan ir-rigward.

24

Il-fatt li din hija azzjoni kollettiva favur parti mill-kredituri kollha jwassal ukoll għal diffikultajiet fir-rigward tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli għall-“post fejn iseħħ id-dannu”, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, b’tali mod li għandha tinkiseb ukoll interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Il-kunċett ta’ ‘post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq' li jinsab fil-parti introduttiva u punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘il-post fejn seħħ il-fatt li jagħti lok għad-dannu' (Handlungsort) huwa l-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija li l-krediti tal-kredituri tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati, jekk in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rkupru huwa r-riżultat ta’ ksur ta’ dmir ta’ diliġenza mwettaq mill-kumpannija ‘nanna' ta’ din il-kumpannija fil-konfront ta’ dawn il-kredituri?

b)

Il-kunċett ta’ ‘post fejn l-avveniment dannuż jkun twettaq' li jinsab fil-parti introduttiva u punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012], għandu jiġi interpretat fis-sens li “l-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu” (Erfolgsort) huwa l-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija li l-krediti tal-kredituri tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati, jekk in-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ rkupru huwa r-riżultat ta’ ksur ta’ dmir ta’ diliġenza mwettaq mill-kumpannija “nanna” ta’ din il-kumpannija fil-konfront ta’ dawn il-kredituri?

c)

Ċirkustanzi addizzjonali huma meħtieġa sabiex tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija li l-krediti tal-kredituri tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati u, fl-affermattiv, liema huma dawn iċ-ċirkustanzi?

d)

Iċ-ċirkustanza li l-kuratur Olandiż tal-kumpannija li l-krediti tal-kredituri tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati jkun ressaq, fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi, favur (iżda mhux f’isem) il-kredituri kollha, azzjoni għad-danni fil-materji ta’ delitt jew kważi delitt għandha effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-parti introduttiva u punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012]? Tali azzjoni timplika li ma hemmx lok li tiġi eżaminata s-sitwazzjoni proprja ta’ kull wieħed mill-kredituri individwali u li t-terz li r-responsabbiltà tiegħu hija kkontestata ma jistax jinvoka kontra l-kuratur il-mezzi ta’ difiża kollha li huwa eventwalment seta’ juża fil-konfront ta’ ċerti kredituri individwali?

e)

Iċ-ċirkustanza li parti mill-kredituri li l-kuratur iressaq l-azzjoni favurihom ikollhom id-domiċilju tagħhom barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandha effett fuq id-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni skont il-parti introduttiva u punt 2 tal-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 1215/2012]?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tkun differenti jekk din tkun azzjoni mressqa minn fondazzjoni li għandha bħala għan il-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-kredituri li ssubixxew dannu, kif imsemmi fl-ewwel domanda? Tali azzjoni kollettiva timplika li l-proċedura mhux ser tistabbilixxi (a) liema huma d-domiċilji tal-kredituri msemmija iktar ’il fuq (b) liema huma ċ-ċirkustanzi partikolari li jagħtu lok għal krediti tal-kredituri individwali fir-rigward tal-kumpannija u (c) jekk jeżistix fir-rigward tal-kredituri individwali dmir ta’ diliġenza, kif imsemmi iktar ’il fuq, u jekk dan inkisirx?

3)

Il-parti introduttiva u punt 2 tal-Artikolu 8 tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk il-qorti adita bl-azzjoni oriġinali tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha li hija għandha, fir-rigward tal-azzjoni, ġurisdizzjoni, din il-qorti titlef, minħabba dan il-fatt, ipso jure, ukoll il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar azzjonijiet ippreżentati mill-intervenjenti?

4)

a)

L-Artikolu 4(1) tar-[Regolament Ruma II] għandu jiġi interpretat fis-sens li ‘fejn iseħħ id-dannu' huwa l-post fejn hija stabbilita l-kumpannija li ma toffrix kumpens għad-dannu subit mill-kredituri tagħha minħabba l-ksur imsemmi iktar ’il fuq tad-dmir ta’ diliġenza?

b)

Iċ-ċirkustanza li l-azzjonijiet ġew ippreżentati minn kuratur skont il-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi kif ukoll minn persuna li tiżgura l-protezzjoni kollettiva ta’ interessi (“collectieve belangenbehartiger”) favur (iżda mhux f’isem) il-kredituri kollha għandha effett fuq id-determinazzjoni ta’ dan il-post?

c)

Iċ-ċirkustanza li parti mill-kredituri għandhom id-domiċilju tagħhom barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea għandha effett fuq id-determinazzjoni ta’ dan il-post?

d)

Iċ-ċirkustanza li bejn il-kumpannija Olandiża ddikjarata f’falliment u l-kumpannija ‘nanna' tagħha kienu jeżistu ftehimiet ta’ finanzjament b’għażla tal-ġurisdizzjoni quddiem il-qorti Ġermaniża u li ddikjaraw applikabbli l-liġi Ġermaniża hija ċirkustanza li tagħmel l-allegat delitt ta’ BMA AG manifestament iktar konness ma’ pajjiż ieħor barra l-Pajjiżi l-Baxxi, kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

26

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post fejn tkun stabbilita l-kumpannija li d-djun tagħha ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, minħabba li l-kumpannija “nanna” ta’ din il-kumpannija tkun kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-kredituri tagħha, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni kollettiva għad-danni li jaqgħu taħt materji ta’ delitt jew kważi delitt, li l-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ din il-kumpannija jkun ressaq, fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi, favur iżda mhux f’isem il-kredituri kollha li jkollhom, sussegwentement, jaġixxu għall-finijiet tal-kumpens tad-danni individwali tagħhom.

27

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, konformement mal-premessa 34 tar-Regolament Nru 1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament Nru 44/2001, li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti legali tal-aħħar, tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti”. Issa, dan huwa l-każ tal-punt 3 tal-Artikolu 5 ta’ din il-konvenzjoni, kif emendata, kif ukoll, minn naħa, tar-Regolament Nru 44/2001, u min-naħa l-oħra, tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Vereniging van Effectenbezitters, C‑709/19, EU:C:2021:377, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fil-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, li tippermetti lir-rikorrent jippreżenta l-azzjoni tiegħu f’materji ta’ delitt jew kważi-delitt quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ l-avveniment dannuż, għandha tiġi interpretata b’mod awtonomu u strett (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2021, Vereniging van Effectenbezitters, C‑709/19, EU:C:2021:377, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għaldaqstant, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’deroga għar-regola ġenerali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tad-domiċilju tal-konvenut, stabbilita fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ rabta partikolarment stretta bejn il-kontestazzjoni u l-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment dannuż, fatt li jiġġustifika l-għoti ta’ ġurisdizzjoni lil dawn tal-aħħar għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u l-organizzazzjoni utli tal-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 49, u tal-24 ta’ Novembru 2020, Wikingerhof, C‑59/19, EU:C:2020:950, punt 28).

30

Fil-fatt, fil-qasam ta’ delitt jew kważi delitt, il-qorti tal-post fejn seħħ jew jista’ jseħħ l-avveniment dannuż hija normalment l-iktar adattata sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ viċinanza għat-tilwima u ta’ faċilità fl-amministrazzjoni tal-provi (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punt 50).

31

Fir-rigward tal-azzjonijiet intiżi sabiex membru tal-bord tad-diretturi kif ukoll azzjonist ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata fi stralċ jitqiesu responsabbli għad-djun ta’ din il-kumpannija, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-“post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq”, imsemmi fil-punt 3 tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 44/2001, jinsab fil-post li miegħu huma marbuta l-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija kumpannija kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja marbuta ma’ dawn l-attivitajiet, post li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB (C‑147/12, EU:C:2013:490), kien jidher li huwa dak tas-sede tal-imsemmija kumpannija (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, ÖFAB, C‑147/12, EU:C:2013:490, punti 5455).

32

Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li dan l-aħħar post jikkostitwixxi wkoll dak fejn seħħ jew jista’ jseħħ l-avveniment dannuż, fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012, meta trid tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ azzjoni għad-danni mressqa mill-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ kumpannija li d-djun tagħha ma jistgħux jiġu rkuprati, minħabba li l-kumpannija “nanna” ta’ din il-kumpannija kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-kredituri tagħha, kontra din il-kumpannija “nanna”.

33

Fil-fatt, huwa permess li jitqies li huwa fil-post tal-istabbiliment tal-kumpannija ddikjarata insolventi li hija disponibbli l-informazzjoni dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din il-kumpannija, li fir-rigward tagħha tista’ tiġi evalwata l-eżistenza u l-portata tal-ksur tal-obbligu ta’ diliġenza allegat f’dan il-każ.

34

Għal dawn ir-raġunijiet, teżisti, f’termini ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta’ organizzazzjoni utli tal-proċess, rabta partikolarment stretta bejn l-azzjoni mressqa u l-imsemmi post, kif teħtieġ il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 29 ta’ din is-sentenza. Barra minn hekk, kif tenfasizza l-premessa 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, il-post tal-istabbiliment jippreżenta, kemm għar-rikorrent kif ukoll għall-kumpannija konvenuta, livell għoli ta’ prevedibbiltà.

35

Min-naħa l-oħra, id-dannu indirettament imġarrab minn kull wieħed mill-kredituri tal-kumpannija ddikjarata insolventi huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għall-azzjoni mressqa mill-kuratur fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 21).

36

Għaldaqstant, għandu jitqies li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab il-post ta’ stabbiliment ta’ kumpannija ddikjarata insolventi għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni kollettiva għad-danni li jaqgħu taħt materji ta’ delitt jew kważi delitt, li l-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ din il-kumpannija ippreżenta, fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi.

37

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li tali azzjoni ma tirrigwardax is-sitwazzjoni speċifika għal kull wieħed mill-kredituri individwali, b’tali mod li t-terz li r-responsabbiltà tiegħu hija mqiegħda inkwistjoni ma jistax jinvoka fir-rigward tal-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza, li jaġixxi fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu, il-mezzi kollha ta’ difiża li seta’ possibbilment iressaq kontra ċerti kredituri individwali.

38

Fil-fatt, tali ċirkustanzi speċifiċi għat-tip ta’ azzjoni prevista mid-dritt nazzjonali applikabbli ma jistgħux jinfluwenzaw l-interpretazzjoni awtonoma tal-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 li, permezz tal-formulazzjoni komprensiva tiegħu, jinkludi diversità kbira ta’ tipi ta’ responsabbiltà (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1976, Bier, 21/76, EU:C:1976:166, punt 18), peress li teħid inkunsiderazzjoni ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni bbażati fuq id-dritt sostantiv nazzjonali jmur kontra l-għanijiet ta’ unifikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u ta’ ċertezza legali mfittxija minn dan ir-regolament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Melzer, C‑228/11, EU:C:2013:305, punti 3435).

39

Peress li barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 jkopri wkoll azzjonijiet sempliċement deklaratorji li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjonijiet għall-kumpens tad-dannu sussegwenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2004, DFDS Torline, C‑18/02, EU:C:2004:74, punt 28), għandu jitqies li huwa irrilevanti, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, il-fatt li, fil-kuntest ta’ azzjoni kollettiva mressqa mill-kuratur, ma tiġix eżaminata s-sitwazzjoni individwali ta’ kull kreditur li jista’ jibbaża ruħu, għall-finijet tal-kumpens għad-dannu tiegħu, fuq id-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-azzjoni.

40

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post tal-istabbiliment ta’ kumpannija li d-djun tagħha ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, minħabba li l-kumpannija “nanna” ta’ din il-kumpannija tkun kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-kredituri tagħha, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni kollettiva għad-danni li jaqgħu taħt materji ta’ delitt jew kważi-delitt, li l-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ din il-kumpannija jkun ressaq, fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi favur, iżda mhux f’isem il-kredituri kollha.

Fuq it-tieni domanda

41

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkunx differenti jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kawża prinċipali, fondazzjoni taġixxi sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-kredituri u li l-azzjoni mressqa għal dan il-għan ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-kredituri.

42

Issa, peress li, fil-kawża prinċipali, l-iStichting hija biss parti intervenjenti, is-sitwazzjoni tagħha u l-prerogattivi proċedurali li d-dritt applikabbli jagħtiha ma jistgħux jaffettwaw il-punt dwar jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni mressqa mill-kuratur.

43

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-risposta għall-ewwel domanda ma hijiex differenti jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kawża prinċipali, fondazzjoni taġixxi sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-kredituri u li l-azzjoni mressqa għal dan il-għan ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-kredituri.

Fuq it-tielet domanda

44

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-qorti adita bl-azzjoni oriġinali tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni, hija titlef, ipso jure, ukoll il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet imressqa mill-intervenjenti.

45

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjoni oriġinali għandha, bħala prinċipju, ġurisdizzjoni wkoll sabiex tieħu konjizzjoni ta’ talba eventwali għal intervent. Minn dan isegwi, min-naħa l-oħra, li, jekk din il-qorti tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha dwar l-azzjoni oriġinali fis-sens li, fl-aħħar mill-aħħar, hija ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, hija lanqas ma jista’ jkollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tat-talba għal intervent.

46

Għandu jitqies li interpretazzjoni kuntrarja ta’ din id-dispożizzjoni tmur kontra l-għanijiet sottostanti intiżi, minn naħa, li titnaqqas kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ proċeduri simultanji u li jiġi evitat li jingħataw deċiżjonijiet irrikonċiljabbli f’żewġ Stati Membri u, min-naħa l-oħra, li jiġi previst forum ibbażat fuq ir-rabta stretta bejn il-qorti u t-tilwima sabiex tiġi ffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, SOVAG, C‑521/14, EU:C:2016:41, punt 38).

47

Fil-fatt, jekk tinżamm il-ġurisdizzjoni biss fir-rigward tat-talba għal intervent, dan iwassal neċessarjament għall-eżistenza ta’ proċeduri simultanji.

48

Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-qorti adita bl-azzjoni oriġinali tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni, hija titlef, ipso jure, ukoll il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet imressqa mill-intervenjenti.

Fuq ir-raba’ domanda

49

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata kollha kemm hi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II għandux jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ kumpens abbażi tad-dmir ta’ diliġenza tal-kumpannija “nanna” ta’ kumpannija ddikjarata insolventi hija, bħala prinċipju, dik tal-pajjiż fejn hija stabbilita din tal-aħħar.

50

Preliminarjament, għandu jiġi vverifikat jekk ir-responsabbiltà inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt id-dritt tal-kumpanniji u hijiex, konsegwentement, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma II skont l-Artikolu 1(2)(d) tiegħu. Fil-fatt, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, DocMorris, C‑190/20, EU:C:2021:609, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Din id-dispożizzjoni tkopri l-obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw mid-dritt tal-kumpanniji, tal-assoċjazzjonijiet u tal-persuni ġuridiċi, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, il-funzjonament intern u x-xoljiment ta’ dawn l-entitajiet, kif ukoll ir-responsabbiltà personali tas-soċji u tal-korpi għad-dejn tal-imsemmija entitajiet u r-responsabbiltà personali tal-awdituri fir-rigward tal-kumpannija jew tal-korpi tagħha inkarigati mill-verifiki tad-dokumenti tal-kontabbiltà.

52

Għandu jitfakkar li, fir-rigward tal-esklużjoni korrispondenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6 u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-kumpanniji, tal-assoċjazzjonijiet u tal-persuni ġuridiċi, stabbilit fl-Artikolu 1(2)(f) ta’ dan ir-regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din tirrigwarda esklużivament l-aspetti strutturali tagħhom (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Verein für Konsumenteninformation, C‑272/18, EU:C:2019:827, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, ir-responsabbiltà personali tas-soċji u tad-diretturi bħala tali għad-djun tal-kumpannija, tal-assoċjazzjoni jew tal-persuna ġuridika u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà personali tal-awdituri inkarigati mill-verifika legali tad-dokumenti tal-kontabbiltà fil-konfront tal-kumpannija jew tal-korpi tagħha, imsemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II, ma jikkostitwixxux aspetti strutturali ta’ dawn il-kumpanniji, ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet u ta’ dawn il-persuni ġuridiċi, b’tali mod li għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-esklużjoni prevista permess ta’ kriterju funzjonali.

54

Peress li l-għan sottostanti għal din l-esklużjoni huwa r-rieda leġiżlattiva li jinżammu taħt l-istatus uniku tal-lex societatis l-aspetti li għalihom teżisti soluzzjoni speċifika li tirriżulta mir-rabta bejn dawn l-aspetti u l-funzjonament kif ukoll l-operat ta’ kumpannija, ta’ assoċjazzjoni jew ta’ persuna ġuridika, għandu jiġi vverifikat f’kull każ jekk obbligu mhux kuntrattwali tas-soċji, tal-amministraturi jew tal-awdituri msemmija fl-Artikolu 1(2)(d) tar-Regolament Ruma II jeżistix għal raġunijiet speċifiċi għad-dritt tal-kumpanniji, jew li ma humiex relatati miegħu.

55

Għal dak li jirrigwarda speċifikament in-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ diliġenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha ssir distinzjoni skont jekk jirrigwardax id-dmir speċifiku ta’ diliġenza li jirriżulta mir-relazzjoni bejn il-korp u l-kumpannija, li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Ruma II, jew mid-dmir ġenerali ta’ diliġenza erga omnes, li jaqa’ taħtu. Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan.

56

Għal dak li jirrigwarda, fil-każ li din l-evalwazzjoni kellha twassal lill-qorti tar-rinviju sabiex tikkonstata l-applikabbiltà tar-Regolament Ruma II, il-punt dwar jekk l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li “l-post fejn iseħħ id-dannu” huwa dak fejn hija stabbilita l-kumpannija li ma toffrix kumpens għad-dannu subit mill-kredituri ta’ din il-kumpannija minħabba l-ksur, mill-kumpannija “nanna” tagħha, tad-dmir ta’ diliġenza, mill-punt 35 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dannu inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħ fl-ewwel lok fuq il-patrimonju tal-kumpannija ddikjarata insolventi, b’tali mod li ma jikkostitwixxix, għall-kredituri tagħha, ħlief dannu indirett.

57

Issa, l-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament jippreċiża li l-pajjiż fejn l-avveniment li wassal għad-dannu jseħħ u dak fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti potenzjali tiegħu huma t-tnejn mingħajr effett.

58

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, meta jkun possibbli li tiġi identifikata l-okkorrenza ta’ dannu dirett, il-post ta’ dan id-dannu dirett ikun il-fattur ta’ konnessjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli, indipendentement mill-konsegwenzi indiretti tal-avveniment dannuż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Lazar, C‑350/14, EU:C:2015:802, punt 25).

59

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġurisdizzjoni fil-materji ta’ delitt jew kważi delitt jirriżulta li l-post fejn iseħħ id-dannu huwa dak fejn iseħħ id-dannu inizjali tal-persuni direttament affettwati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 1990, Dumez France u Tracoba, C‑220/88, EU:C:1990:8, punt 22).

60

Konformement mar-rekwiżiti ta’ koerenza previsti fil-premessa 7 tar-Regolament Ruma II, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni din il-ġurisprudenza wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic, C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 43).

61

Minn dan isegwi li l-pajjiż fejn iseħħ id-dannu, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Ruma II, huwa dak fejn tkun stabbilita l-kumpannija li ma toffrix kumpens għad-dannu subit mill-kredituri ta’ din il-kumpannija minħabba l-ksur, mill-kumpannija “nanna” tagħha, tad-dmir ta’ diliġenza.

62

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-fatt li, fil-kawża prinċipali, l-azzjonijiet tressqu jew minn kuratur, abbażi tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi, jew minn persuna li tiżgura d-difiża kollettiva tal-interessi favur, iżda mhux f’isem il-kredituri kollha, għandu qabelxejn jiġi nnotat li, konformement mas-sistema stabbilita mir-Regolament Ruma II, il-kwistjonijiet dwar min iressaq azzjoni u liema tip ta’ azzjoni ma għandhomx effett fuq l-identifikazzjoni tal-post fejn iseħħ id-dannu.

63

Għal dak li jikkonċerna l-allegata preeżistenza ta’ ftehim ta’ finanzjament bejn il-kumpannija ddikjarata insolventi u l-kumpannija “nanna” tagħha, flimkien ma’ għażla tal-forum, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II, rabta manifestament eqreb ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq relazzjoni li kienet teżisti qabel bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li jkollha rabta mill-qrib mal-avveniment dannuż inkwistjoni.

64

Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 89 u 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 4(1) jew (2), u ma tippermettix l-applikazzjoni awtomatika tal-liġi tal-kuntratt għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali.

65

Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Ruma II, il-qorti għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ rabta sinjifikattiva bejn l-obbligu mhux kuntrattwali u l-pajjiż fejn il-liġi tirregola r-relazzjoni preeżistenti. Huwa biss jekk il-qorti tqis li din ir-rabta tirriżulta, li għandha tapplika l-liġi ta’ dan il-pajjiż.

66

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 4 tar-Regolament Ruma II għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ kumpens skont id-dmir ta’ diliġenza tal-kumpannija “nanna” ta’ kumpannija ddikjarata insolventi hija, bħala prinċipju, dik tal-pajjiż fejn hija stabbilita din tal-aħħar, minkejja li l-preeżistenza ta’ ftehim ta’ finanzjament bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, flimkien ma’ klawżola ta’ għażla tal-forum, hija ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi rabtiet manifestament iktar stretti ma’ pajjiż ieħor, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

Fuq l-ispejjeż

67

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 2 tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-post tal-istabbiliment ta’ kumpannija li d-djun tagħha ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati, minħabba li l-kumpannija “nanna” ta’ din il-kumpannija tkun kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza fir-rigward tal-kredituri tagħha, għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni kollettiva għad-danni li jaqgħu taħt materji ta’ delitt jew kważi delitt, li l-kuratur fil-proċedura ta’ insolvenza ta’ din il-kumpannija jkun ressaq, fil-kuntest tal-missjoni legali tiegħu ta’ likwidazzjoni tal-assi favur, iżda mhux f’isem, il-kredituri kollha.

 

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari ma hijiex differenti jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kawża prinċipali, fondazzjoni taġixxi sabiex tiddefendi l-interessi kollettivi tal-kredituri u li l-azzjoni mressqa għal dan il-għan ma tiħux inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali tal-kredituri.

 

3)

Il-punt 2 tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk il-qorti adita bl-azzjoni oriġinali tmur lura fuq id-deċiżjoni tagħha li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din l-azzjoni, hija titlef minħabba dan il-fatt, ipso jure, ukoll il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-azzjonijiet imressqa mill-intervenjenti.

 

4)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-liġi applikabbli għal obbligu ta’ kumpens skont id-dmir ta’ diliġenza tal-kumpannija “nanna” ta’ kumpannija ddikjarata insolventi hija, bħala prinċipju, dik tal-pajjiż fejn hija stabbilita din tal-aħħar, minkejja li l-preeżistenza ta’ ftehim ta’ finanzjament bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, flimkien ma’ klawżola ta’ għażla tal-forum, hija ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi rabtiet manifestament iktar stretti ma’ pajjiż ieħor, fis-sens tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.