Kawża C-490/20

V.М.А.

vs

Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-14 ta’ Diċembru 2021

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Wild imwieled fl‑Istat Membru ospitanti tal-ġenituri tiegħu – Att ta’ twelid maħruġ minn dan l-Istat Membru li jsemmi żewġ ommijiet għal dan il-wild – Rifjut mill-Istat Membru ta’ oriġini ta’ waħda minn dawn iż-żewġ ommijiet li joħroġ att ta’ twelid tal-imsemmi wild fl-assenza ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-omm bijoloġika tiegħu – Pussess ta’ tali att li jikkostitwixxi l-kundizzjoni għall-ħruġ ta’ karta tal-identità jew passaport – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ta’ oriġini li ma taċċettax l-istat ta’ ġenitur ta’ persuni tal-istess sess”

  1. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Limiti – Kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf tan-nazzjonalità – Inklużjoni fil-kompetenza tal-Istati Membri

    (ara l-punt 38)

  2. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae –Ċittadin ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor – Inklużjoni – Effett – Tgawdija tad-drittijiet assoċjati mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea

    (Artikoli 20(1) TFUE u 21(1) TFUE)

    (ara l-punt 40)

  3. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta’ applikazzjoni ratione personae –Minuri ċittadin ta’ Stat Membru li qatt ma eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Inklużjoni – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Portata – Dritt ta’ minuri li jikseb karta tal-identità jew passaport li jindika n-nazzjonalità u l-kunjom tiegħu – Inklużjoni – Filjazzjoni bijoloġika jew legali bejn il-minuri u ż-żewġ ġenituri tiegħu stabbilit mill-Istat Membru ospitanti – Rifjut mill-Istat Membru ta’ oriġini tal-wild li jirrikonoxxi din il‑filjazzjoni – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet marbuta mal-ordni pubbliku u mal-identità nazzjonali – Assenza

    (Artikolu 21(1) TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill 2004/38, Artikolu 4(3))

    (ara l-punti 41-50, 52, 54-58)

  4. Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Rikonoxximent kemm mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem – Sens u portata identiċi

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7)

    (ara l-punt 60)

  5. Drittijiet fundamentali – Rispett tal-ħajja privata u tal-familja – Kunċetti – Relazzjoni ta’ koppja tal-istess sess – Inklużjoni – Possibbiltà għal ġenitur u l-wild tiegħu li jkunu flimkien – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi superjuri tal-wild

    (Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 7)

    (ara l-punti 61 sa 65)

  6. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Wild imwieled fl-Istat Membru ospitanti tal-ġenituri tiegħu – Att tat-twelid maħruġ minn dan l-Istat Membru li jindika żewġ ommijiet għall-wild – Assenza ta’ informazzjoni fuq l-identità tal-omm bijoloġika tal-wild – Obbligi għall-Istat Membru ta’ nazzjonalità tal-wild – Portata – Għoti ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport – Rikonoxximent tal‑att tat-twelid tal-Istat Membru ospitanti – Inklużjoni

    (Artikolu 4(2) TUE; Artikoli 20 u 21 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 24 u 45)

    (ara l-punt 69 u d-dispożittiv)

Sunt

Wild minuri ċittadin tal-Unjoni li l-att tat-twelid tiegħu stabbilit mill-Istat Membru ospitanti jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess: l-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin huwa obbligat li joħroġlu karta tal-identità jew passaport, mingħajr ma jeżiġi li jiġi stabbilit minn qabel att tat-twelid mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu

Huwa obbligat ukoll li jirrikonoxxi d-dokument li joriġina mill-Istat Membru ospitanti li jippermetti lill-imsemmi wild jeżerċita, flimkien ma ’ kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni, id-dritt tiegħu ta ’ moviment u ta ’ residenza liberi fit-territorju tal-Unjoni

V. M.A., ċittadina Bulgara, u K.D.K. ilhom jirrisjedu fi Spanja mill-2015 u żżewġu fl-2018. Il-wild tagħhom, S.D.K.A., twieldet fl-2019 fi Spanja. L-att tat-twelid ta’ dan il-wild, maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli, isemmi ż-żewġ ommijiet bħala l-ġenituri tagħha.

Peress li att tat-twelid maħruġ mill-awtoritajiet Bulgari kien neċessarju għall-kisba ta’ dokument ta’ identità Bulgara, V.М.А. talbet lill-komun ta’ Sofija ( 1 ) joħroġ dokument għal S.D.K.A. Insostenn ta’ din it-talba, V.M.A ppreżentat traduzzjoni bil-Bulgaru, iċċertifikata konformi, tal-estratt tar-reġistru ta’ status ċivili Spanjol dwar iċ‑ċertifikat ta’ twelid ta’ S.D.K.A.

Il-komun ta’ Sofija ordna lil V.М.А tippreżenta provi dwar il-filjazzjoni ta’ S.D.K.A., fir-rigward tal‑identità tal-omm bioloġika tagħha. Fil-fatt, il-mudell ta’ att tat-twelid fis-seħħ fil-Bulgarija jipprevedi kaxxa waħda għall-“omm ( 2 )”, u oħra għall-“missier”, u isem wieħed li jista’ jiġi inkluż f’kull waħda minn dawn il-kaxxi.

Peress li V.M.A. qieset li ma kinitx obbligata tipprovdi l-informazzjoni rikjesta, il-komun ta’ Sofija rrifjuta li joħroġ l-att tat-twelid mitlub fid-dawl tal-assenza ta’ informazzjoni dwar l‑identità tal-omm bijoloġika tal-wild ikkonċernat u tal-fatt li l-indikazzjoni f’att tat-twelid ta’ żewġ ġenituri ta’ sess femminili kienet tmur kontra l-ordni pubbliku Bulgaru, li ma jawtorizzax iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess.

V.M.A. ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

Hija qed tistaqsi jekk ir-rifjut tal-awtoritajiet Bulgari li jirreġistraw it-twelid ta’ ċittadin Bulgaru ( 3 ), li seħħ fi Stat Membru ieħor u li ġie attestat permezz ta’ att tat-twelid li jsemmi żewġ ommijiet, maħruġ f’dan l-aħħar Stat Membru, jippreġudikax id-drittijiet mogħtija lill‑imsemmi ċittadin mill-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll mill-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ). Fil-fatt, dan ir-rifjut jista’ jirrendi iktar diffiċli l-ħruġ ta’ dokument ta’ identità Bulgaru u, għaldaqstant, jostakola għal dan il-wild l‑eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu u għalhekk it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 4(2) TUE ( 5 ), tal-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta. Hija tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet jobbligawx Stat Membru joħroġ att tat-twelid, bl-għan li jinkiseb dokument ta’ identità Bulgaru, għal wild, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, li t-twelid tagħha fi Stat Membru ieħor huwa attestat minn att tat‑twelid stabbilit mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, u li jindika, bħala l-ommijiet ta’ din il-wild, ċittadina tal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri u l-konjuġi mara tagħha, mingħajr ma jispeċifika liema minn dawn iż-żewġ nisa welldet lil din il-wild.

Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d‑dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’ il fuq fis-sens li, fir-rigward ta’ wild minuri, ċittadin tal‑Unjoni li l-att tat-twelid tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess, l-Istat Membru li dan il-wild huwa ċittadin tiegħu huwa obbligat, minn naħa, li joħroġlu karta tal-identità jew passaport, mingħajr il-ħtieġa ta’ stabbiliment minn qabel ta’ att ta’ twelid mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi, bħal kull Stat Membru ieħor, id‑dokument li joħroġ mill-Istat Membru ospitanti li jippermetti lill-imsemmi wild li jeżerċita, ma’ kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni, id-dritt tiegħu ta’ moviment u residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar qabelxejn li, sabiex iċ‑ċittadini tal-Istati Membri jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta’ moviment u residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri ( 6 ), irrikonoxxut lil kull ċittadin tal-Unjoni mill‑Artikolu 21(1) TFUE, id-Direttiva 2004/38 ( 7 ) timponi fuq l-Istati Membri obbligu li, waqt li jaġixxu skont il-leġiżlazzjonijiet tagħhom, joħorġu liċ-ċittadini tagħhom karta tal-identità jew passaport li jindikaw n-nazzjonalità tagħhom.

Għaldaqstant, sa fejn S.D.K.A. għandha n-nazzjonalità Bulgara, l-awtoritajiet Bulgari għandhom joħorġu lilha karta tal-identità jew passaport Bulgaru, li jindika l-kunjom tagħha kif jirriżulta mill-att tat-twelid stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli, indipendentement mill‑istabbiliment ta’ att ta’ twelid ġdid.

Tali dokument, waħdu jew assoċjat ma’ dokument maħruġ mill-Istat Membru ospitanti, għandu jippermetti lil wild bħal S.D.K.A. jeżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu, ma’ kull waħda miż-żewġ ommijiet tiegħu, li l-istatus ta’ ġenituri ta’ dan il-wild ġie stabbilit mill-Istat Membru ospitanti matul residenza konformi mad-Direttiva 2004/38.

Fil-fatt, id-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill-Artikolu 21(1) TFUE jinkludu d-dritt li jkollhom ħajja tal-familja normali kemm fl-Istat Membru ospitanti tagħhom kif ukoll fl‑Istat Membru li tiegħu jkollhom in-nazzjonalità, meta jirritornaw fit-territorju ta’ dan l‑Istat Membru, filwaqt li jibbenefikaw hemmhekk mill-preżenza, flimkien magħhom, tal-membri tal‑familja tagħhom. Peress li l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew legalment l-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni, bijoloġika jew legali, bejn S.D.K.A. u ż-żewġ ġenituri tagħha, attestata fl-att tat-twelid maħruġ għall-wild, V.M.A. u K.D.K. għandhom għalhekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE u tad-Direttiva 2004/38, jingħataw mill-Istati Membri kollha id-dritt, bħala ġenituri ta’ ċittadina minuri tal-Unjoni li huma effettivament jiżguraw il-kustodja tagħha, li jakkumpanjaw lil din tal-aħħar meta teżerċita d-drittijiet tagħha.

Minn dan jirriżulta, minn naħa, li l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu din ir-rabta ta’ filjazzjoni sabiex jippermettu lil S.D.K.A. teżerċita, ma’ kull waħda mill-ġenituri tagħha, id‑dritt ta’ moviment liberu tagħha. Min-naħa l-oħra, iż-żewġ ġenituri għandhom ikollhom dokument li jawtorizzawhom jivvjaġġaw ma’ din il-wild. L-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jistabbilixxu tali dokument, li jista’ jikkonsisti fl‑att tat-twelid u li l-Istati Membri l-oħra għandhom l-obbligu li jirrikonoxxu.

Ċertament, l-istatus tal-persuni jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, li huma liberi li jipprevedu jew le, fid-dritt nazzjonali tagħhom, iż-żwieġ għal persuni tal-istess sess jew l-istat ta’ ġenitur ta’ dawn tal-aħħar. Issa, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, kull Stat Membru għandu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il‑libertà ta’ moviment u ta’ residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni, b’rikonoxximent ta’, għal dawn il-finijiet, l-istatus tal-persuni stabbilit fi Stat Membru ieħor skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru.

F’dan il-każ, l-obbligu għal Stat Membru, minn naħa, li joħroġ dokument ta’ identità lil wild, ċittadin tal-imsemmi Stat, li jkun twieled fi Stat Membru ieħor li fih l-att tat-twelid ikun ġie stabbilit u jindika bħala ġenituri żewġ persuni tal-istess sess, u, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi r-rabta ta’ filjazzjoni bejn dan il-wild u kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 21 TFUE u tal-atti sekondarji relatati , la jippreġudika l-identità nazzjonali u lanqas jhedded l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru. Fil-fatt, dan ma jimplikax, għall-Istat Membru kkonċernat, li jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-istat ta’ ġenitur ta’ persuni tal-istess sess jew li jirrikonoxxi, għal finijiet differenti mill-eżerċizzju tad-drittijiet li dan il-wild għandu taħt id‑dritt tal-Unjoni, ir-rabta ta’ filjazzjoni bejn l-imsemmi wild u l-persuni msemmija bħala ġenituri tiegħu fl-att tat-twelid stabbilit mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti.

Fl-aħħar nett, miżura nazzjonali ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal‑persuni tista’ tiġi ġġustifikata biss meta tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta ( 8 ). Issa, huwa kuntrarju għad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 24 tal-Karta li l-wild jiġi mċaħħad mir-relazzjoni ma’ wieħed mill-ġenituri tiegħu waqt l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jew li jirrendu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba li l-ġenituri tiegħu huma tal-istess sess.


( 1 ) Is-Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (il-komun ta’ Sofija, distrett amministrattiv ta’ Pancharevo, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“komun ta’ Sofija”).

( 2 ) Skont is-Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja Bulgaru), fil-verżjoni applikabbli tiegħu għall-kawża prinċipali, il-filjazzjoni fir-rigward tal-omm tiġi ddeterminata mit-twelid, peress li l-omm tal-wild hija ddefinita bħala l-mara li tkun wellditu, inkluż fil-każ ta’ prokreazzjoni medikament assistita.

( 3 ) Skont dik il-qorti, huwa paċifiku li, anki fl-assenza ta’ att tat-twelid maħruġ mill-awtoritajiet Bulgari, il-wild għandha n-nazzjonalità Bulgara bis-saħħa, b’mod partikolari, tal-Artikolu 25(1) tal-Kostituzzjoni Bulgara.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 ) Li bis-saħħa tiegħu, b’mod partikolari, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhhom.

( 6 ) Iktar ’il quddiem id-“dritt ta’moviment liberu”.

( 7 ) L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id‑drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id‑Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

( 8 ) Huma rilevanti fis-sitwazzjoni li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali d-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u tal‑familja ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll id-drittijiet tat-tfal iggarantiti mill-Artikolu 24 tagħha, b’mod partikolari d-dritt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal kif ukoll dak li jkollhom regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri tagħhom.