SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 20 u 21 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Wild imwieled fl-Istat Membru ospitanti tal-ġenituri tiegħu – Att ta’ twelid maħruġ minn dan l-Istat Membru li jsemmi żewġ ommijiet għal dan il‑wild – Rifjut mill-Istat Membru ta’ oriġini ta’ waħda minn dawn iż-żewġ ommijiet li joħroġ att ta’ twelid tal-imsemmi wild fl-assenza ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-omm bijoloġika tiegħu – Pussess ta’ tali att li jikkostitwixxi l‑kundizzjoni għall-ħruġ ta’ karta tal-identità jew passaport – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru ta’ oriġini li ma taċċettax l-istat ta’ ġenitur ta’ persuni tal‑istess sess”

Fil-Kawża C‑490/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2020, li waslet fil‑Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

V.М.А.

vs

Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Regan, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), J.‑C. Bonichot, T. von Danwitz u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Frar 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal V.М.А., minn D. I. Lyubenova, advokat,

għall-Gvern Bulgaru, minn T. Mitova u L. Zaharieva, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn J. Möller u S. Heimerl, sussegwentement minn J. Möller, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn S. Centeno Huerta u J. Ruiz Sánchez, sussegwentement minn J. Ruiz Sánchez, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn W. Ferrante, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u Z. Biró‑Tóth, bħala aġenti,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn C. S. Schillemans, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn E. Borawska‑Kędzierska, A. Siwek‑Ślusarek u B. Majczyna, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn E. Montaguti, I. Zaloguin u M. Wilderspin, sussegwentement minn E. Montaguti u I. Zaloguin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 4(2) TUE, tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll tal-Artikoli 7, 9, 24 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn V.M.A. u Stolichna obshtina, rayon “Pancharevo” (il-komun ta’ Sofija, distrett amministrattiv ta’ Pancharevo, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem il-“komun ta’ Sofija”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal‑aħħar li joħroġ att ta’ twelid tat-tifla ta’ V.M.A. u l-konjuġi mara tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989 (Ġabra tat-Trattati tan‑Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1577, p. 3) jiddisponi:

“1.   L-Istati partijiet jintrabtu li jirrispettaw id-drittijiet stabbiliti f’din il‑Konvenzjoni u li jiggarantixxu dawn id-drittjiet lit-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom, mingħajr ebda distinzjoni, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni ta’ razza, kulur, sess, lingwa, reliġjon, opinjoni politika jew opinjoni oħra tat-tifel jew tal-ġenituri jew tar-rappreżentanti legali tiegħu, l-oriġini nazzjonali, etnika jew soċjali tagħhom, is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, l‑inkapaċità tagħhom, it-twelid tagħhom jew kwalunkwe sitwazzjoni oħra.

2.   L-Istati partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex it-tifel ikun protett b’mod effettiv kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni jew sanzjoni bbażata fuq is-sitwazzjoni legali, attivitajiet, opinjonijiet iddikjarati jew kundanni tal‑ġenituri, rappreżentanti legali jew membri tal-familja tiegħu.”

4

L-Artikolu 7 ta’ din il-Konvenzjoni jipprevedi:

“1.   Tifel jiġi rreġistrat hekk kif jitwieled u għandu d-dritt għal isem, id-dritt li jakkwista nazzjonalità u, sa fejn hu possibbli, id-dritt li jkun jaf lill-ġenituri tiegħu u li jitrabba minnhom.

2.   L-Istati partijiet għandhom jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu implimentati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u l-obbligi tagħhom taħt l-istrumenti internazzjonali applikabbli f’dan il-qasam, b’mod partikolari f’każijiet fejn inkella t-tifel ikun mingħajr Stat.”

Id-dritt tal-Unjoni

It-Trattat UE

5

L-Artikolu 4(2) TUE jiddisponi:

“L-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza ta’ l-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali, fundamentali tagħhom, inkluża l-awtonomija lokali u reġjonali. Hija għandha tirrispetta l-funzjonijiet Statali essenzjali tagħhom, inkluż dawk li jassiguraw l-integrità territorjali ta’ l-Istat, iż-żamma ta’ l-ordni pubbliku u l‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. B’mod partikolari, is-sigurtà nazzjonali tibqa’ r-responsabbiltà unika ta’ kull Stat Membru.”

It-Trattat FUE

6

L-Artikolu 20 tat-TFUE jipprevedi:

“1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta’ l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru hija ċittadina ta’ l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta’ l‑Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.   Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)

id-dritt ta’ moviment liberu u d-dritt ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l‑Istati Membri;

[…]

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.”

7

L-Artikolu 21(1) tat-TFUE jistabbilixxi:

“Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l‑kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.”

Il-Karta

8

L-Artikolu 7 tal-Karta, intitolat “Ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja”, jiddisponi:

“Kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-kommunikazzjonijiet tagħha.”

9

L-Artikolu 9 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għaż-żwieġ u dritt għat-twaqqif ta’ familja”, jipprevedi:

“Id-dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja huma ggarantiti skond il‑liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.”

10

L-Artikolu 24 tal-Karta, intitolat “Id-drittijiet tat-tfal”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   It-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura meħtieġa għall-ġid tagħhom. Huma jistgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom liberament. Dawn l‑opinjonijiet għandhom jitqiesu f’materji li jirrigwardawhom skond l-età u l‑maturità tagħhom.

2.   Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

3.   It-tfal kollha għandhom id-dritt li jkollhom, regolarment, relazzjoni personali u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kontra l-interessi tat-tfal.”

11

L-Artikolu 45 tal-Karta, intitolat “Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza”, jistabbilixxi:

“1.   Kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu d-dritt tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

2.   Il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tista’ tingħata, skond it-Trattati, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

Id-Direttiva 2004/38/KE

12

Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), tipprevedi, fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘ċittadin ta’ l-Unjoni’ tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru;

2.

‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)

ir-raġel jew martu [il-konjuġi];

(b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ‑ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il‑kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)

il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas‑sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3.

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l‑Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.

[…]”

13

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ ħruġ”, jiddisponi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli għall-kontroll fil-fruntieri nazzjonali, iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l-identità valida jew passaport validu u l-membri tal-familja tagħhom li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru u li għandhom passaport validu għandhom id-dritt li joħorġu mit-territorju ta’ Stat Membru biex jivvjaġġaw lejn Stat Membru ieħor.

[…]

3.   Skond il-liġijiet tagħhom, l-Istati Membri għandhom joħorġu jew iġeddu għaċ-ċittadini tagħhom karta ta’ l-identità jew passaport li jiddikjara ċ‑ċittadinanza tagħhom.

4.   Il-passaport għandu jkun validu minn ta’ l-inqas għall-Istati Membri kollha u għall-pajjiżi li minnhom irid jgħaddi meta ċ-ċittadin ikun qed jivjaġġa bejn l-Istati Membri. Fejn il-liġi ta’ Stat Membru ma tipprevedix li joħorġu karti ta’ l-identità, il-perjodu ta’ validità tal-passaport, meta jinħareġ jew jiġi mġedded, m’għandux ikun inqas minn ħames snin.”

14

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jistabbilixxi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar dokumenti ta’ vjaġġar applikabbli fil-kontrolli tal-fruntieri nazzjonali, l-Istati Membri għandhom iħallu jidħlu fit-territorju tagħhom iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li għandhom karta ta’ l‑identità jew passaport li huma validi, kif ukoll lill-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru li għandhom passaport validu.

[…]

4.   Meta ċittadin ta’ l-Unjoni, jew membru tal-familja li mhux ċittadin ta’ Stat Membru, m’għandux id-dokumenti ta’ vjaġġar neċessarji jew, jekk meħtieġ, il‑visas neċessarji, l-Istat Membru kkonċernat, qabel ma jibgħathom lura, għandu jagħti lil dawn il-persuni kull opportunità raġonevoli biex jiksbu jew iġibu d‑dokumenti neċessarji f’perjodu ta’ żmien raġonevoli jew inkella jistgħu juru jew jiċċertifikaw b’mezzi oħra li huma koperti mid-dritt ta’ moviment liberu u residenza.

[…]”

Id-dritt Bulgaru

15

Skont l-Artikolu 25(1) tal-Konstitutsia na Republika Bulgaria (il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”):

“Għandha n-nazzjonalità Bulgara kull persuna li minn tal-inqas wieħed mill‑ġenituri tagħha għandu nazzjonalità Bulgara jew li twieldet fit-territorju Bulgaru, jekk ma tiksibx nazzjonalità oħra permezz ta’ filjazzjoni. In-nazzjonalità Bulgara tista’ wkoll tinkiseb permezz ta’ naturalizzazzjoni.”

16

Skont l-Artikolu 8 taż-Zakon za balgarskoto grazhdanstvo (il-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Bulgara), tal‑5 ta’ Novembru 1998 (DV Nru 136, tat‑18 ta’ Novembru 1998, p. 1), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar in-Nazzjonalità”), “[għandha] n‑nazzjonalità Bulgara permezz ta’ filjazzjoni, kull persuna li minn tal-inqas wieħed mill-ġenituri tagħha għandu n-nazzjonalità Bulgara”.

17

Is-Semeen kodeks (il-Kodiċi tal-Familja), tat‑12 ta’ Ġunju 2009 (DV Nru 47, tat‑23 ta’ Ġunju 2009, p. 19), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil‑kawża prinċipali, jipprevedi, fl-Artikolu 60 tiegħu, intitolat “Filjazzjoni fir‑rigward tal-omm”:

“(1)   Il-filjazzjoni fir-rigward tal-omm hija ddeterminata permezz tat-twelid.

(2)   L-omm tal-wild hija l-mara li tkun wellditu, inkluż fil-każ ta’ prokreazzjoni assistita b’mod mediku.

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

V.M.A. hija ċittadina Bulgara u K.D.K. hija ċittadina tar-Renju Unit. Din tal‑aħħar twieldet f’Ġibiltà, fejn iż-żewġ nisa żżewġu fl‑2018. Huma ilhom jirrisjedu fi Spanja mis-sena 2015.

19

Fix-xahar ta’ Diċembru 2019, V.M.A. u K.D.K. kellhom tifla, S.D.K.A., li twieldet u tirrisjedi maż-żewġ ġenituri tagħha fi Spanja. L-att tat-twelid ta’ din it‑tifla, maħruġ mill-awtoritajiet Spanjoli, isemmi lil V.M.A. bħala l-“omm A” u lil K.D.K. bħala l-“omm” tagħha.

20

Fid‑29 ta’ Jannar 2020, V.М.А. talbet lill-komun ta’ Sofija joħorġilha att tat‑twelid għal S.D.K.A., peress li dan l-att huwa meħtieġ, fost l-oħrajn, għall-ħruġ ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport Bulgaru. Insostenn tat-talba tagħha, V.M.A. ppreżentat traduzzjoni bil-lingwa Bulgara, awtentikata u ċċertifikata konformi, tal-estratt tar-reġistru ta’ status ċivili ta’ Barcelona (Spanja) dwar l-att ta’ twelid ta’ S.D.K.A.

21

Permezz ta’ ittra elettronika tas‑7 ta’ Frar 2020, il-komun ta’ Sofija ordna lil V.M.A. tippreżenta, f’terminu ta’ sebat ijiem, provi dwar il-filjazzjoni ta’ S.D.K.A., fir-rigward tal-identità tal-omm bijoloġika tagħha. Huwa ppreċiża f’dan ir-rigward li l-mudell ta’ att ta’ twelid li huwa inkluż fil-mudelli ta’ atti ta’ status ċivili fis-seħħ fil-livell nazzjonali jipprevedi biss kaxxa waħda għall-“omm” u oħra għall-“missier”, u isem wieħed biss jista’ jiġi inkluż f’kull waħda minn dawn il-kaxxi.

22

Fit‑18 ta’ Frar 2020, V.М.А. wieġbet lill-komun ta’ Sofija li, skont il-leġiżlazzjoni Bulgara fis-seħħ, hija ma kinitx obbligata tipprovdi l-informazzjoni mitluba.

23

Permezz tad-deċiżjoni tal‑5 ta’ Marzu 2020, il-komun ta’ Sofija għaldaqstant ċaħad it-talba ta’ V.M.A. għall-ħruġ ta’ att ta’ twelid ta’ S.D.K.A. Huwa bbaża din id-deċiżjoni ta’ ċaħda fuq l-assenza ta’ informazzjoni dwar l-identità tal-omm bijoloġika tal-wild ikkonċernat u fuq il-fatt li l-indikazzjoni f’att ta’ twelid ta’ żewġ ġenituri tas-sess femminili kienet “tmur kontra l-ordni pubbliku tar‑Repubblika tal-Bulgarija”, li ma jawtorizzax iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal‑istess sess.

24

V.M.A. ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l‑Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il‑Bulgarija), il-qorti tar-rinviju.

25

Dik il-qorti tispjega li, skont l-Artikolu 25(1) tal-Kostituzzjoni u skont l‑Artikolu 8 tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità, S.D.K.A. għandha n-nazzjonalità Bulgara, minkejja l-fatt li, sal-ġurnata tal-lum, il-persuna kkonċernata ma għandhiex att ta’ twelid maħruġ mill-awtoritajiet Bulgari. Fil-fatt, ir-rifjut ta’ dawn l-awtoritajiet li jagħtuha tali att ma jfissirx li n-nazzjonalità Bulgara tiġi rrifjutata lilha.

26

L-imsemmija qorti għandha min‑naħa l-oħra dubji dwar jekk ir-rifjut mill‑awtoritajiet Bulgari li jirreġistraw it-twelid ta’ ċittadin Bulgaru, li seħħ fi Stat Membru ieħor u li ġie attestat permezz ta’ att ta’ twelid li jsemmi żewġ ommijiet, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-aħħar Stat Membru, jippreġudikax id-drittijiet mogħtija lil tali ċittadin fl-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll fl‑Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta. Fil-fatt, ir-rifjut mill-awtoritajiet Bulgari li joħorġu att ta’ twelid – anki jekk ma jkollux effett legali fuq in-nazzjonalità Bulgara tal‑wild ikkonċernat u, konsegwentement, fuq iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ din tal-aħħar – jista’ jirrendi iktar diffiċli l-ħruġ ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport Bulgaru u, għaldaqstant, jostakola għal din il-wild l-eżerċizzju tad-dritt għall‑moviment liberu u għalhekk it-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tiegħu jew tagħha bħala ċittadin tal-Unjoni.

27

Barra minn hekk, sa fejn l-omm l-oħra ta’ S.D.K.A., K.D.K., hija ċittadina tar‑Renju Unit, l-istess qorti tistaqsi jekk il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill‑Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 7, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-fatt li din il-wild ma tistax iktar tibbenifika mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni permezz tan-nazzjonalità ta’ K.D.K., humiex rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ din il‑kwistjoni.

28

Barra minn hekk, l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) tistaqsi jekk l-obbligu impost, jekk ikun il-każ, fuq l-awtoritajiet Bulgari, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ att ta’ twelid, li jissemmew f’dan l-att żewġ ommijiet bħala l-ġenituri tal-wild ikkonċernata, jistax jippreġudika l-ordni pubbliku u l-identità nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija, peress li dan l-Istat Membru ma pprevediex il-possibbiltà li jissemmew f’att ta’ twelid żewġ ġenituri tal-istess sess għal din il-wild. Dik il-qorti tirrileva, f’dan ir-rigward, li d‑dispożizzjonijiet li jirregolaw il-filjazzjoni tal-imsemmija wild għandhom importanza fundamentali fit-tradizzjoni kostituzzjonali Bulgara, kif ukoll fid‑duttrina Bulgara fil-qasam tad-dritt tal-familja u tas-suċċessjonijiet, kemm mill-perspettiva purament legali kif ukoll mill-perspettiva tal-valuri, fid-dawl tal‑istadju attwali tal-evoluzzjoni tas-soċjetà fil-Bulgarija.

29

Għalhekk, l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) tqis li huwa meħtieġ li jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-identità kostituzzjonali u nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija u, min-naħa l-oħra, l-interessi tal-wild, u b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata u għall-moviment liberu tagħha.

30

Dik il-qorti tistaqsi jekk, f’dan il-każ, tali bilanċ jistax jintlaħaq b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod partikolari, jekk l-indikazzjoni, taħt it‑taqsima “Omm”, ta’ isem ta’ waħda miż-żewġ ommijiet fl-att ta’ twelid stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli, li tista’, jew tkun l-omm bijoloġika tal-wild, jew tkun dik li tkun saret omm b’mod ieħor, pereżempju permezz tal-adozzjoni, mingħajr ma timtela t-taqsima “Missier”, tikkostitwixxix bilanċ xieraq bejn dawn id-diversi interessi leġittimi. Hija tosserva li, għalkemm tali soluzzjoni tista’ wkoll toħloq ċerti diffikultajiet, minħabba differenzi eventwali bejn l-att ta’ twelid stabbilit mill-awtoritajiet Bulgari u dak stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli, din is‑soluzzjoni tippermetti għalhekk il-ħruġ ta’ att ta’ twelid mill-awtoritajiet Bulgari, li jneħħi, jew, tal-inqas, inaqqas, eventwali ostakoli għall-moviment liberu tal-wild ikkonċernata. L-imsemmija qorti tistaqsi, madankollu, jekk l‑imsemmija soluzzjoni hijiex kompatibbli mad-dritt għall-ħajja privata u tal‑familja ta’ din il-wild, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

31

Fl-aħħar lok, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li d-dritt tal-Unjoni jeżiġi li jissemmew iż-żewġ ommijiet tal-wild ikkonċernata fl-att ta’ twelid stabbilit mill-awtoritajiet Bulgari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-modalitajiet li għandhom jiġu segwiti sabiex dan ir-rekwiżit jiġi implimentat, peress li dik il‑qorti ma tistax tissostitwixxi l-mudell ta’ att ta’ twelid li huwa inkluż fil-mudelli ta’ atti ta’ status ċivili fis-seħħ fil-livell nazzjonali.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1.

L-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll l-Artikoli 7, 24 u 45 tal-[Karta] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jippermettux li l-awtoritajiet amministrattivi Bulgari li tkun saritilhom talba għall-ħruġ ta’ att ta’ twelid ta’ wild, li jkun ċittadin Bulgaru, liema twelid ikun seħħ fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni, kif iċċertifikat f’att tat-twelid stabbilit mill-awtoritajiet Spanjoli, li fih huma indikati żewġ persuni ta’ sess femminili bħala ommijiet, mingħajr ma jispeċifika jekk waħda minn dawn il-persuni hijiex l‑omm bijoloġika tal-wild, u liema waħda minnhom hija l-omm bijoloġika ta’ dan il-wild, jirrifjutaw li joħorġu l-att tat-twelid mitlub, għar-raġuni li r‑rikorrenti qiegħda tirrifjuta li tindika min hija din l-omm bijoloġika?

2.

L-Artikolu 4(2) TUE u l-Artikolu 9 tal-Karta għandhom jiġu interpretati fis‑sens li l-protezzjoni tal-identità nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni timplika li dawn tal-aħħar igawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tar-regoli li jiddeterminaw il-filjazzjoni? B’mod partikolari:

L-Artikolu 4(2) TUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jeżiġu informazzjoni dwar il-filjazzjoni bijoloġika tal-wild?

L-Artikolu 4(2) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 7 u 24(2) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l‑identità nazzjonali u kostituzzjonali tal-Istat Membru, filwaqt li jitqies il‑fatt li attwalment ma jeżistix kunsens, la minn perspettiva ta’ valuri u lanqas minn perspettiva legali, dwar il-possibbiltà li bħala ġenituri fl-att tat‑twelid jissemmew persuni tal-istess sess, mingħajr ma jiġi speċifikat jekk waħda minn dawn il-persuni hijiex ġenitur bijoloġiku tal-wild, u liema waħda minn dawn il-persuni hija tali ġenitur bijoloġiku, u, min-naħa l-oħra, l-interess superjuri tal-wild? Fl-affermattiv, kif għandu jintlaħaq dan il‑bilanċ fil-prattika?

3.

Il-konsegwenzi legali [tal-Ftehim dwar il-Ħruġ] għandhom impatt fuq ir‑risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda sa fejn waħda mill‑ommijiet imsemmija fl-att ta’ twelid maħruġ fi Stat Membru ieħor hija ċittadina tar-Renju Unit filwaqt li l-oħra hija ċittadina ta’ Stat Membru tal‑Unjoni, peress li, b’mod partikolari, ir-rifjut li jinħareġ att ta’ twelid Bulgaru jipprekludi l-ħruġ ta’ dokument ta’ identità għall-wild minn Stat Membru tal-Unjoni u, għaldaqstant, jista’ jagħmel iktar diffiċli l-eżerċizzju sħiħ minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni?

4.

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ effettività, jobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali ma jimxux mal-mudell ta’ att tat-twelid [inkluż fil-mudelli ta’ atti ta’ status ċivili] fis-seħħ [fil-livell nazzjonali]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju titlob it-trattament tal-kawża permezz ta’ proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105 tar-Regoli tal‑Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dik il-qorti ssostni b’mod partikolari li r‑rifjut tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġu lil S.D.K.A., li hija ċittadina Bulgara, att ta’ twelid jikkawża lil din il-wild diffikultajiet serji sabiex tikseb karta tal-identità jew passaport Bulgaru u, għalhekk, sabiex teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri, iggarantit mill‑Artikolu 21 TFUE.

34

L-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, fuq talba tal-qorti tar‑rinviju jew, f’każijiet eċċezzjonali, ex officio, il-President tal-Qorti tal‑Ġustizzja jista’ jiddeċiedi, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għal proċedura mħaffa meta n-natura tal-kawża teżiġi li din tiġi ttrattata f’qasir żmien.

35

F’dan il-każ, fid‑19 ta’ Ottubru 2020, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li jilqa’ t-talba għal proċedura mħaffa msemmija fil-punt 33 ta’ din is-sentenza. Din id-deċiżjoni kienet motivata mill-fatt li S.D.K.A., wild ta’ età żgħira, hija attwalment imċaħħda minn passaport, filwaqt li tirrisjedi fi Stat Membru li tiegħu hija ma għandhiex in‑nazzjonalità. Peress li d-domandi magħmula huma intiżi sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet Bulgari humiex obbligati joħorġu att ta’ twelid għal din il-wild u peress li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li tali att huwa meħtieġ, skont id-dritt nazzjonali, sabiex tkun tista’ tikseb passaport Bulgaru, risposta mill‑Qorti tal-Ġustizzja li tingħata f’termini qosra hija ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex l-imsemmija wild ikollha karta tal-identità jew passaport iktar malajr (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑3 ta’ Lulju 2015, Gogova, C‑215/15, mhux ippubblikat, EU:C:2015:466, punti 12 sa 14).

Fuq id-domandi preliminari

36

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jobbligax lil Stat Membru joħroġ att ta’ twelid, bl-għan li tinkiseb karta tal-identità jew passaport skont il-leġiżlazzjoni tiegħu, għal wild, ċittadina ta’ dan l-Istat Membru, li t-twelid tagħha fi Stat Membru ieħor huwa attestat minn att ta’ twelid li ġie stabbilit mill‑awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, skont id-dritt nazzjonali tiegħu, u li jindika, bħala l-ommijiet ta’ din il-wild, ċittadina tal-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri u l-konjuġi mara tagħha, mingħajr ma jispeċifika liema minn dawn iż-żewġ nisa welldet lil din il-wild. Jekk tingħata risposta fl-affermattiv, dik il‑qorti tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li tali att jinkludi, bħal dak stabbilit mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn twieldet il-wild, l-indikazzjoni tal-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ nisa fil-kwalità tagħhom ta’ ommijiet.

37

L-imsemmija qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk il-fatt li l-omm l-oħra tal-wild ikkonċernata hija ċittadina tar-Renju Unit, li issa ma għadux Stat Membru, huwiex ta’ rilevanza għar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda.

38

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, minn naħa, id-definizzjoni tal‑kundizzjonijiet ta’ ksib u ta’ telf tan-nazzjonalità taqa’, skont id-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru u li, min-naħa l-oħra, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar (sentenzi tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann, C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 3941, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et, C‑221/17, EU:C:2019:189, punt 30).

39

Skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju, l-unika waħda kompetenti f’dan ir-rigward, S.D.K.A. għandha, minħabba t-twelid tagħha, in‑nazzjonalità Bulgara skont l-Artikolu 25(1) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija.

40

Skont l-Artikolu 20(1) TFUE, hija ċittadina tal-Unjoni kull persuna li għandha ċ‑ċittadinanza ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li, bħala ċittadina Bulgara, S.D.K.A tgawdi, skont din id-dispożizzjoni, mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

41

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31, u tal‑15 ta’ Lulju 2021, A (Kura tas-saħħa pubblika), C‑535/19, EU:C:2021:595, punt 41).

42

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċittadin ta’ Stat Membru li, fil-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, jista’ jinvoka d-drittijiet relatati ma’ din il-kwalità, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikolu 21(1) TFUE, inkluż, skont il-każ, fir-rigward tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Jistgħu wkoll jinvokaw din id-dispożizzjoni u d-dispożizzjonijiet adottati għall-applikazzjoni tagħha ċ-ċittadini tal-Unjoni li twieldu fl-Istat Membru ospitanti tal-ġenituri tagħhom u li qatt ma eżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu (sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2019, Bajratari, C‑93/18, EU:C:2019:809, punt 26 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

43

Skont l-Artikolu 21(1) TFUE, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattati u mid-dispożizzjonijiet adottati għall‑applikazzjoni tagħhom. Sabiex iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jeżerċitaw dan id-dritt, l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li, waqt li jaġixxu skont il-leġiżlazzjonijiet tagħhom, joħorġu liċ-ċittadini tagħhom karta tal-identità jew passaport li jindikaw in-nazzjonalità tagħhom.

44

Għaldaqstant, sa fejn S.D.K.A. hija ċittadina Bulgara, l-awtoritajiet Bulgari għandhom joħorġulha karta tal-identità jew passaport li jindika n-nazzjonalità tagħha kif ukoll il-kunjom tagħha kif jirriżulta mill-att ta’ twelid stabbilit mill‑awtoritajiet Spanjoli, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tikkonstata li l-Artikolu 21 TFUE jipprekludi li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, billi japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom, jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom ta’ tifel kif ikun intgħażel u jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru ieħor, li fih it-tifel ikun twieled u fejn ikun ilu jirrisjedi minn mindu twieled (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C‑353/06, EU:C:2008:559, punt 39).

45

Għandu jiġi ppreċiżat għal darba oħra li l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38 jimponi obbligu fuq l-awtoritajiet Bulgari li joħorġu karta tal-identità jew passaport lil S.D.K.A. indipendentement mill-istabbiliment ta’ att ta’ twelid ġdid għal din il-wild. Għalhekk, sa fejn id-dritt Bulgaru jeżiġi l-istabbiliment ta’ att ta’ twelid Bulgaru qabel il-ħruġ ta’ karta tal-identità jew ta’ passaport Bulgaru, dan l‑Istat Membru ma jistax jinvoka d-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jirrifjuta li jistabbilixxi, għal S.D.K.A., tali karta tal-identità jew tali passaport.

46

Tali dokument, waħdu jew assoċjat ma’ dokumenti oħra, jekk ikun il-każ ma’ dokument maħruġ mill-Istat Membru ospitanti tal-wild ikkonċernat, għandu jippermetti lil wild, li jinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ S.D.K.A., li jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri, iggarantit mill-Artikolu 21(1) TFUE, ma’ kull waħda miż-żewġ ommijiet tiegħu, li l-istatus tagħhom bħala ġenitur ta’ dan il-wild ġie stabbilit mill-Istat Membru ospitanti tagħhom matul residenza konformi mad-Direttiva 2004/38.

47

Għandu jitfakkar li d-drittijiet irrikonoxxuti liċ-ċittadini tal-Istati Membri mill‑Artikolu 21(1) TFUE jinkludu d-dritt li jkollhom ħajja tal-familja normali kemm fl-Istat Membru ospitanti tagħhom kif ukoll fl-Istat Membru li huma għandhom in-nazzjonalità tiegħu, meta jirritornaw fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, filwaqt li jibbenefikaw hemmhekk mill-preżenza, flimkien magħhom, tal-membri tal-familja tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Huwa stabbilit li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Spanjoli stabbilixxew legalment l-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni, bijoloġika jew legali, bejn S.D.K.A. u ż-żewġ ġenituri tagħha, V.M.A. u K.D.K., u attestaw dan fl-att ta’ twelid maħruġ lill-wild ta’ dawn tal-aħħar. V.M.A. u K.D.K. għandhom għalhekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFEU u tad-Direttiva 2004/38, bħala ġenituri ta’ ċittadina minuri tal-Unjoni li huma effettivament jiżguraw il-kustodja tagħha, jingħataw mill-Istati Membri kollha d-dritt li jakkumpanjaw lil din tal-aħħar fl‑eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal‑Istati Membri (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 50 sa 52 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

49

Għaldaqstant, l-awtoritajiet Bulgari, bħall-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, huma obbligati jirrikonoxxu din ir-rabta ta’ filjazzjoni sabiex jippermettu lil S.D.K.A., ladarba din kisbet, skont il-qorti tar-rinviju, in‑nazzjonalità Bulgara, teżerċita mingħajr ostakolu, ma’ kull waħda miż-żewġ ġenituri tagħha, id-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal‑Istati Membri, iggarantit mill-Artikolu 21(1) TFUE.

50

Barra minn hekk, sabiex S.D.K.A. tkun tista’ effettivament teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri flimkien ma’ kull waħda miż-żewġ ġenituri tagħha, huwa meħtieġ li V.M.A. u K.D.K. jista’ jkollhom dokument li jsemmihom bħala persuni li jistgħu jivvjaġġaw ma’ din il‑wild. F’dan il-każ, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti huma fl-aħjar pożizzjoni sabiex jistabbilixxu tali dokument, li jista’ jikkonsisti fl-att ta’ twelid. L-Istati Membri l-oħra għandhom l-obbligu li jirrikonoxxu dan id-dokument.

51

Ċertament, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 9 tal-Karta jipprevedi li d‑dritt għaż-żwieġ u d-dritt għat-twaqqif ta’ familja jkunu ggarantiti skont il‑liġijiet nazzjonali li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

52

F’dan ir-rigward, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-istatus tal-persuni, li jinkludi r-regoli dwar iż-żwieġ u l-filjazzjoni, huwa qasam li jaqa’ taħt il‑kompetenza tal-Istati Membri u d-dritt tal-Unjoni ma jaffettwax din il‑kompetenza. Għaldaqstant, l-Istati Membri huma liberi li jipprevedu jew le, fid‑dritt nazzjonali, iż-żwieġ għal persuni tal-istess sess kif ukoll l-istat ta’ ġenitur ta’ dawn tal-aħħar. Madankollu, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, kull Stat Membru għandu jirrispetta d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id‑dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni, b’rikonoxximent ta’, għal dawn il-finijiet, l-istatus tal-persuni stabbilit fi Stat Membru ieħor skont id-dritt ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 36 sa 38 u l‑ġurisprudenza ċċitata).

53

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l‑Artikolu 4(2) TUE jistax jiġġustifika r-rifjut tal-awtoritajiet Bulgari li joħorġu att ta’ twelid ta’ S.D.K.A u, għalhekk, karta tal-identità jew passaport għal din il‑wild. Dik il-qorti tispjega, b’mod partikolari, li obbligu eventwali għal dawn l‑awtoritajiet li jistabbilixxu att ta’ twelid li jsemmi, bħala ġenituri tal-imsemmija wild, żewġ persuni ta’ sess femminili jista’ jippreġudika l-ordni pubbliku kif ukoll l-identità nazzjonali tar-Repubblika tal-Bulgarija, sa fejn il-Kostituzzjoni jew id‑dritt tal-familja Bulgara ma jipprevedux l-istat ta’ ġenitur għal żewġ persuni tal‑istess sess.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-identità nazzjonali tal-Istati Membri tagħha, inerenti fl-istrutturi politiċi u kostituzzjonali fundamentali tagħhom.

55

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut li l-kunċett ta’ “ordni pubbliku” bħala ġustifikazzjoni għal deroga minn libertà fundamentali għandu jinftiehem b’mod strett, b’tali mod li l-portata tiegħu ma għandhiex tkun stabbilita unilateralment minn kull wieħed mill-Istati Membri mingħajr stħarriġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Minn dan jirriżulta li l-ordni pubbliku jista’ jiġi invokat biss fil-każ ta’ theddida reali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 44, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

56

Issa, kif essenzjalment irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 150 u 151 tal‑konklużjonijiet tagħha, l-obbligu għal Stat Membru, minn naħa, li jagħti lil wild, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, li twieled fi Stat Membru ieħor u li l-att ta’ twelid maħruġ mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor jindika bħala ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess, karta tal-identità jew passaport u, min‑naħa l‑oħra, li jirrikonoxxi r-rabta ta’ filjazzjoni bejn dan il-wild u kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni fl-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu skont l‑Artikolu 21 TFUE u l-atti sekondarji relatati, la jippreġudika l-identità nazzjonali u lanqas jhedded l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat Membru.

57

Fil-fatt, tali obbligu ma jimplikax, għall-Istat Membru li tiegħu l-wild ikkonċernat huwa ċittadin, li jipprevedi, fid-dritt nazzjonali tiegħu, l-istat ta’ ġenitur ta’ persuni tal-istess sess jew li jirrikonoxxi, għal finijiet oħrajn minbarra l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-imsemmi wild għandu skont id-dritt tal-Unjoni, ir-rabta ta’ filjazzjoni bejn dan il-wild u l-persuni msemmija bħala l-ġenituri tiegħu fl-att ta’ twelid stabbilit mill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti (ara, b’analoġija, is‑sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 4546).

58

Għandu jingħad ukoll li miżura nazzjonali li hija ta’ natura li tostakola l-eżerċizzju tal-moviment liberu ta’ persuni tista’ tiġi ġġustifikata biss meta din il-miżura tkun konformi mad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta u li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 47).

59

Fis-sitwazzjoni li hija s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, id-dritt għar‑rispett għall-ħajja privata u tal-familja ggarantiti mill-Artikolu 7 tal-Karta kif ukoll id-drittijiet tat-tfal iggarantiti mill-Artikolu 24 tagħha, b’mod partikolari d‑dritt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha relatati mat-tfal kif ukoll dak li jkollhom regolarment relazzjonijiet personali u kuntatti diretti maż-żewġ ġenituri, huma fundamentali.

60

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), konformement mal-Artikolu 52(3) tal‑Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 ta’ din għandhom l-istess sens u l‑istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

61

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l‑eżistenza ta’ “ħajja tal-familja” hija kwistjoni ta’ fatt li tiddependi mir-realtà prattika tar-rabtiet personali mill-qrib u li l-possibbiltà li ġenitur u l-wild tiegħu jkunu flimkien tirrappreżenta element fundamentali tal-ħajja tal-familja (Qorti EDB, sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, K. u T. vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2001:0712JUD002570294, punti 150 u 151). Barra minn hekk, kif il‑Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tikkonstata, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-relazzjoni miżmuma minn koppja omosesswali tista’ taqa’ taħt il‑kunċett ta’ “ħajja privata” kif ukoll taħt dak ta’ “ħajja tal-familja” bl-istess mod bħal dik ta’ koppja eterosesswali li tkun tinsab fl-istess sitwazzjoni (ara sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 50, kif ukoll il‑ġurisprudenza ċċitata).

62

Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-relazzjoni tal-wild ikkonċernata ma’ kull waħda miż-żewġ persuni li magħhom għandha ħajja tal-familja effettiva fl-Istat Membru ospitanti u li jissemmew bħala ġenituri tagħha fl-att ta’ twelid stabbilit mill-awtoritajiet tiegħu hija protetta mill-Artikolu 7 tal-Karta.

63

Barra minn hekk, kif tfakkar fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, id-dritt għar-rispett għall-ħajja tal-familja, kif stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tat-tfal, irrikonoxxut fl‑Artikolu 24(2) tal-Karta. Issa, peress li l-Artikolu 24 tal-Karta jikkostitwixxi, kif ifakkru l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, integrazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tad-drittijiet prinċipali tat-tfal stabbiliti fil‑Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl‑20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, hemm lok, fl‑interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu, li jittieħdu debitament inkunsiderazzjoni d‑dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien, C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 39, u tal‑11 ta’ Marzu 2021, État belge (Ritorn tal-ġenitur ta’ minuri), C‑112/20, EU:C:2021:197, punt 37).

64

B’mod partikolari, l-Artikolu 2 ta’ din il-konvenzjoni jistabbilixxi, għall-ulied, il‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li jeżiġi li d-drittijiet stabbiliti fl-imsemmija konvenzjoni, li fosthom hemm, fl-Artikolu 7 tagħha, id-dritt li jiġu rreġistrati sa mit-twelid tagħhom, li jkollhom isem, u li jiksbu nazzjonalità, jiġu ggarantiti lil dawn l-ulied, mingħajr ma dawn jiġu suġġetti għal, f’dan ir-rigward, diskriminazzjoni, inkluża diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali tal-ġenituri tagħhom.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għad-drittijiet fundamentali li l-Artikoli 7 u 24 tal-Karta jiggarantixxu lil din il-wild li tiġi mċaħħda mir-relazzjoni ma’ waħda mill-ġenituri tagħha fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment u ta’ residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri jew li jirrendu l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, de facto, impossibbli jew eċċessivament diffiċli minħabba li l-ġenituri tagħha huma tal-istess sess.

66

Fl-aħħar nett, il-fatt li waħda mill-ġenituri tal-wild ikkonċernata hija ċittadina tar‑Renju Unit, li issa ma għadux Stat Membru, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

67

Barra minn hekk, fl-ipoteżi fejn, wara verifika, S.D.K.A. ma kellux ikollha n‑nazzjonalità Bulgara, għandu jitfakkar li, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk huma stess għandhomx il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni, K.D.K. u S.D.K.A. għandhom jitqiesu mill-Istati Membri kollha bħala li huma, rispettivament, il-konjuġi u d-dixxendenta diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2004/38, u, konsegwentement, bħala li huma membri tal-familja ta’ V.M.A. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punti 3651).

68

Fil-fatt, wild minuri li l-kwalità tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ma hijiex stabbilita u li l-att ta’ twelid tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess li waħda minnhom hija ċittadina tal-Unjoni għandu jitqies, mill-Istati Membri kollha, bħala dixxendent dirett ta’ din iċ-ċittadina tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, għall-ħtiġijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21(1) TFUE u l-atti tad-dritt sekondarju relatati miegħu.

69

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(2) TUE, l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) tad‑Direttiva 2004/38, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni li l-att ta’ twelid tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess, l-Istat Membru li dan il-wild huwa ċittadin tiegħu huwa obbligat, minn naħa, li joħroġlu karta tal-identità jew passaport, mingħajr il-ħtieġa ta’ stabbiliment minn qabel ta’ att ta’ twelid mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi, bħal kull Stat Membru ieħor, id-dokument li joħroġ mill-Istat Membru ospitanti li jippermetti lill-imsemmi wild li jeżerċita, ma’ kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni, id-dritt tiegħu ta’ moviment u residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri.

Fuq l-ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(2) TUE, l-Artikoli 20 u 21 TFUE kif ukoll l-Artikoli 7, 24 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit‑territorju ta’ l-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir‑rigward ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni li l-att ta’ twelid tiegħu maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jindika bħala l-ġenituri tiegħu żewġ persuni tal-istess sess, l-Istat Membru li dan il‑wild huwa ċittadin tiegħu huwa obbligat, minn naħa, li joħroġlu karta tal‑identità jew passaport, mingħajr il-ħtieġa ta’ stabbiliment minn qabel ta’ att ta’ twelid mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu, kif ukoll, min-naħa l-oħra, li jirrikonoxxi, bħal kull Stat Membru ieħor, id-dokument li joħroġ mill-Istat Membru ospitanti li jippermetti lill-imsemmi wild li jeżerċita, ma’ kull waħda minn dawn iż-żewġ persuni, id-dritt tiegħu ta’ moviment u residenza liberi fit-territorju tal-Istati Membri.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.