SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

20 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2009/65/KE – Impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) – Kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS – Obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri – Artikolu 72 – Obbligu ta’ aġġornament tal-‘elementi essenzjali tal-prospett’ – Portata – Artikolu 69(2) – Informazzjoni msemmija fl-Iskeda A tal-Anness I – Kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment – Artikolu 99a(r) – Traspożizzjoni fl-ordinament ġuridiku tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni nazzjonali li testendi s-sitwazzjonijiet li fihom ksur relatat mal-aġġornament tal-prospett jista’ jiġi kkonstatat u ssanzjonat”

Fil-Kawża C‑473/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Settembru 2020, li wasslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

“Invest Fund Management” AD

vs

Komisia za finansov nadzor

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin u I. Ziemele (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. M. Collins,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Invest Fund Management” AD, minn I. Antov, S. Dobrev, I. Georgiev, B. Karadzhov, M. Mitkova, T. Nacheva, S. Nedev, B. Teknedzhiev u V. Tokushev, аdvokati,

għall-Komisia za finansov nadzor, minn B. Gercheva, A. Giorchev, L. Valchovska u M. Vasileva,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Heimerl, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Lussemburgiż, minn A. Germeaux u T. Uri, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Auvret, C. Georgieva, J. Rius Riu u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

għall-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), minn F. Barzanti, G. Filippa u R. Vasileva Hoff, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑31 ta’ Marzu 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 69(2), tal-Artikolu 72 u tal-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU 2009, L 302, p. 32), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014 (ĠU 2014, L 257, p. 186, rettifika fil-ĠU 2016, L 52, p. 37) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/65”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, “Invest Fund Management” AD (iktar ’il quddiem “IFM”) u, min-naħa l-oħra, il-Komisia za finansov nadzor (il-Kummissjoni Finanzjarja ta’ Superviżjoni, il-Bulgarija, iktar ’il quddiem il-“KFS”) dwar sanzjoni pekunjarja imposta fuq IFM minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li taġġorna l-prospett dwar impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) li hija tiżgura l-amministrazzjoni tagħha.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 3, 4, 15, 58, 59, 61 u 69 tad-Direttiva 2009/65 jipprovdu:

“(3)

Il-liġijiet nazzjonali li jirregolaw impriżi ta’ investiment kollettiv għandhom ikunu kkoordinati bl-iskop tal-approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawk l-impriżi fil-livell tal-Komunità, waqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni aktar effettiva u aktar uniformi għat- titolari ta’ unitajiet. Din il-koordinazzjoni tiffaċilita t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-unitajiet fir-rigward tal-UCITS fil-Komunità.

(4)

Filwaqt li jiġu kkunsidrati dawk l-objettivi, huwa mixtieq li jkunu previsti regoli bażiċi komuni għall-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-istruttura u l-attivitajiet tal-UCITS stabbiliti fl-Istati Membri u l-informazzjoni li huma obbligati li jippubblikaw.

[…]

(15)

Stat Membru ta’ domiċilju għandu jkun jista’, bħala regola ġenerali, jistabbilixxi regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kundizzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni, rekwiżiti prudenzjali u r-regoli dwar ir-rappurtar u l-prospett.

[…]

(58)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu distinzjoni ċara bejn il-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u l-iżvelar obligatorju għall-investituri previst f’din id-Direttiva. Żvelar obbligatorju għall-investituri jinkludi t-tagħrif ewlieni għall-investitur, il-prospett u r-rapporti annwali u ta’ kull sitt xhur.

(59)

It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jitforna bħala dokument speċifiku lill-investituri mingħajr ħlas, fi żmien biżżejjed qabel is-sottoskrizzjoni tal-UCITS, sabiex jgħinhom jieħdu deċiżjoni mgħarrfa dwar l-investiment. Tali tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jinkludi biss l-elementi essenzjali għat-teħid ta’ tali deċiżjoni. In-natura tat-tagħrif li jinstab fit-tagħrif ewlieni għall-investitur għandha tkun armonizzata b’mod sħiħ sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni għall-investitur u komparabbiltà xierqa. It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jiġi ppreżentat f’format qasir. Dokument wieħed ta’ tul limitat li jippreżenta t-tagħrif f’seqwenza speċifika huwa l-aktar mod xieraq biex jintlaħqu ċ-ċarezza u s-sempliċità fil-preżentazzjoni li jkunu meħtieġa mill-investituri mhux professjonisti, u għandu jippermetti paragun utli, b’mod partikulari tal-ispejjeż u l-profil tar-riskju relatati mad-deċiżjoni tal-investiment.

[…]

(61)

It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jingħata għall-UCITS kollha. Il-kumpaniji tal-maniġment jew, fejn applikabbli, il-kumpaniji tal-investiment għandhom jipprovdu t-tagħrif essenzjali għall-investitur lill-entitajiet rilevanti, f’ konformita’ mal-metodu tad-distribuzzjoni użat (bejgħ dirett jew intermedjat). […]

[…]

(69)

Huwa neċessarju li tittejjeb il-konverġenza tas-setgħat għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex ikun hemm l-istess infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Ġabra minima komuni ta’ setgħat, konsistenti ma’ dawk konferiti lill-awtoritajiet kompetenti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra dwar is-servizzi finanzjarji, għandha tiggarantixxi superviżjoni effikaċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali, li jistgħu jinkludu penali kriminali u amministrattivi, u miżuri amministrattivi, applikabbli għall-ksur ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-penali jiġu infurzati.”

4

L-Artikolu 1(7) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr ħsara għal dan il-Kapitolu, Stat Membru jista’ japplika għal UCITS stabbiliti fit-territorju tiegħu, rekwiżiti li huma aktar stretti minn jew addizzjonali għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva, sakemm dawn ikunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jkunux f’kunflitt mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 2(1)(b) u (s) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għall- finijiet ta’ din il-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

b)

‘kumpanija tal-maniġment’ tfisser kumpanija, li n-negozju regolari tagħha huwa l- immaniġġjar ta’ UCITS fil-forma ta’ fondi komuni u/jew ta’ kumpaniji ta’ investiment (maniġment kollettiv ta’ portafoll ta’ UCITS);

[…]

s)

‘korp tal-maniġment’ tfisser il-korp bl-awtorità deċiżjonali aħħarija f’kumpanija tal-maniġment, kumpanija ta’ investiment jew depożitarju, inklużi l-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali, jew il-funzjoni maniġerjali biss jekk iż-żewġ funzjonijiet ikunu separati. Fejn, skont il-liġi nazzjonali, fil-kumpanija tal-maniġment, il-kumpanija ta’ investiment jew depożitarju jkunu stabbiliti korpi differenti b’funzjonijiet speċifiċi, ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva diretti lejn il-korp tal-maniġment jew lejn il-korp tal-maniġment fil-funzjoni superviżorja tiegħu għandhom ukoll, jew għandhom minflok, japplikaw għal dawk il-membri ta’ korpi oħrajn tal-kumpanija tal-maniġment, tal-kumpanija ta’ investiment jew depożitarju li lilhom il-liġi nazzjonali applikabbli tassenja r-responsabbiltà rispettiva;

[…]”

6

L-Artikolu 68(1)(a) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Kumpanija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li tamministra, kumpanija tal-maniġment għandha tippubblika dawn li ġejjin:

a)

prospett.”

7

L-Artikolu 69(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni neċessarja biex l-investituri jkunu jistgħu jagħmlu ġudizzju infurmat tal-investiment propost lilhom, u, b’mod partikolari, tar-riskji annessi magħhom.

Il-prospett għandu jinkludi, indipendentement mill-istrumenti li hemm investiment fihom, spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi.

Il-prospett għandu jinkludi jew:

a)

id-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitajiet tal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni, fejn jeżisti tali kumitat; jew

b)

sommarju tal-politika ta’ remunerazzjoni u dikjarazzjoni li tgħid li d-dettalji tal-politika ta’ remunerazzjoni aġġornata, inklużi imma mhux limitati għal, deskrizzjoni ta’ kif inhuma kkalkolati r-remunerazzjoni u l-benefiċċji, l-identitàtal-persuni responsabbli għall-għoti tar-remunerazzjoni u l-benefiċċji, inkluż il-kompożizzjoni tal-kumitat ta’ remunerazzjoni fejn jeżisti tali kumitat, huma disponibbli permezz ta’ sit elettroniku inkluż referenza għal dak is-sit elettroniku u li, fuq talba, ser issir disponibbli kopja stampata bla ħlas.

2.   Il-prospett għandu jkollu mill-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I, safejn dik l-informazzjoni ma tidhirx diġà fir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni annessi mal-prospectus skont l-Artikolu 71(1).”

8

L-Artikolu 71 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni ta’ kumpanija ta’ investiment għandhom jiffurmaw parti integrali tal-prospett u għandhom jiġu annessi miegħu.

2.   Madankollu, id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 m’humiex rikjesti li jiġu annessi mal-prospett sakemm l-investitur jiġi infurmat li fuq talba tiegħu jintbagħtulu dawk id-dokumenti jew jiġi infurmat dwar il-post fejn, f’kull Stat Membru li fih l-unitajiet jitqiegħdu fis-suq, jista’ jikkonsultahom.”

9

Skont l-Artikolu 72 tal-imsemmija direttiva:

“L-elementi essenzjali tal-prospett għandhom jinżammu aġġornati.”

10

L-Artikolu 74 tal-istess direttiva jipprevedi:

“L-UCITS għandhom jibagħtu l-prospetti tagħhom u kull emenda li ssirilhom, kif ukoll ir-rapporti annwali u ta’ nofs is-sena tagħhom, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS. L-UCITS għandha tipprovdi dik id-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija tal-maniġment meta dan jitlob hekk.”

11

L-Artikolu 75(1) u (2) tad-Direttiva 2009/65 jipprovdi:

“1.   Il-prospett u l-aħħar rapporti annwali u ta’ nofs is-sena ppubblikati għandhom jingħataw lill-investituri fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas.

2.   Il-prospett jista’ jingħata f’mezz durabbli jew permezz ta’ websajt. Għandha tingħata kopja fuq karta lill-investituri fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas.”

12

Konformement mal-Artikolu 78(1) sa (3) u (5) ta’ din id-direttiva:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li kumpanija ta’ investiment u, għal kull wieħed mill-fondi komuni li timmaniġġja l-kumpanija ta’ investiment, kumpanija tal-maniġment ifasslu dokument qasir li jiġbor fih tagħrif ewlieni għall-investituri. Dak id-dokument għandu jkun magħruf bħala ‘t-tagħrif ewlieni għall-investituri’ f’din id-Direttiva. Il-kliem ‘tagħrif ewlieni għall-investituri’ għandu jidher b’mod ċar f’dak id-dokument, f’waħda mill-lingwi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 94(1).

2.   It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jinkludi tagħrif xieraq dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS ikkonċernata, biex jiġi pprovdut lill-investituri bil-għan li jkunu raġonevolment kapaċi li jifhmu n-natura u r-riskji tal-prodott ta’ investiment li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi infurmata.

3.   It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jipprovdi tagħrif dwar l-elementi essenzjali li ġejjin fir-rigward tal-UCITS ikkonċernata:

a)

identifikazzjoni tal-UCTIS u tal-awtorità kompetenti tal-UCITS;

b)

deskrizzjoni qasira tal-għanijiet u l-politika ta’ investiment tagħha;

c)

preżentazzjoni tar-riżultati mgħoddija jew, meta jkun xieraq, xenarji tar-riżultati;

d)

l-ispejjeż u l-imposti assoċjati; u

e)

il-profil tar-riskji u l-benefiċċji tal-investiment, li jinkludi linji ta’ gwida xierqa u twissijiet dwar ir-riskji assoċjati mal-investmenti fl-UCITS relevanti.

Dawn l-elementi essenzjali għandhom ikunu jistgħu jinftehmu mill-investitur mingħajr ebda referenza għal dokumenti oħra.

[…]

5.   It-tagħrif ewlieni għall-investitur għandu jkun miktub b’ mod konċiż u f’lingwaġġ mhux tekniku. Għandu jitfassal b’mod b’format komuni, li jippermetti li jsir paragun, u jiġi ppreżentat b’mod li jinftiehem mill-investituri mhux professjonisti.”

13

L-Artikolu 79(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“It-tagħrif ewlieni għall-investituri għandu jikkostitwixxi tagħrif prekontrattwali. Għandu jkun ġust, ċar u ma jiżgwidax. Għandu jkun konsistenti mal-partijiet relevanti tal-prospett.”

14

L-Artikolu 82 tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-UCITS għandhom jibagħtu t-tagħrif ewlieni tagħhom għall-investituri u kull emenda li tkun saritlu, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha.

2.   L-elementi essenzjali tat-tagħrif ewlieni għall-investituri għandhom jinżammu aġġornati”

15

L-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 99(1) u l-Artikolu 99(6) tad-Direttiva 2009/65 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 98 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq kumpaniji u persuni fir-rigward ta’ ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati.

[…]

Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

[…]

6.   F’konformità mal-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li fil-każijiet kollha msemmija fil-paragrafu 1, il-penali amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn li jistgħu jiġu applikati tal-inqas jinkludu dan li ġej:

[…]

e)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi ta’ EUR 5000000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom ma tkunx l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fis‑17 ta’ Settembru 2014 jew 10 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment; […]

[…]

g)

bħala alternattiva għall-punti (e) u (f), sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi massimi tal-inqas sad-doppju tal-ammont tal-benefiċċju meħud mill-ksur fejn dak il-benefiċċju jista’ jiġi determinat, anke jekk jaqbeż l-ammonti massimi fil-punti (e) u (f).”

16

L-Artikolu 99a ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti, jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-Direttiva jipprovdu għal sanzjonijiet, b’mod partikolari meta: […]

[…]

r)

kumpanija tal-investiment jew, għal kull fond komuni li timmaniġġa, kumpanija tal-maniġment, tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82;

[…]”

17

L-Anness I tal-imsemmija direttiva jinkludi żewġ skedi, A u B. L-Iskeda A hija kkostitwita minn tabella diviża fi tliet kolonni li t-tieni waħda minnhom hija fformulata kif ġej:

“1.

Informazzjoni li tikkonċerna l-kumpanija tal-maniġment, inkluża indikazzjoni dwar jekk il-kumpanija tal-maniġment hijiex stabbilita fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS.

[…]

1.8.

Ismijiet u pożizzjonijiet fil-kumpanija tal-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u ta’ superviżjoni. Dettalji tal-attivitajiet ewlenija tagħhom barra l-kumpanija meta dawn ikunu sinifikattivi fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

[…]”

Id‑dritt Bulgaru

18

L-Artikolu 1 taż-żakon za deynostta na kolektivnite investitsionni shemi i na drugi predpriyatiya za kolektivno investirane (il-Liġi dwar l-Iskemi ta’ Investiment Kollettiv u Impriżi ta’ Investiment Kollettiv Oħrajn, DV Nru 77), tal‑4 ta’ Ottubru 2011, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-IIK”), jipprevedi:

“Din il-liġi tirregola:

1.   l-attività tal-iskemi ta’ investiment kollettiv u kumpanniji tal-maniġment;

2.   l-attività ta’ impriżi oħra ta’ investiment kollettiv;

[…]”

19

L-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-IIK jipprovdi li, fil-każ ta’ kwalunkwe bidla fl-elementi essenzjali tal-prospett ta’ investiment kollettiv, dan il-prospett għandu jiġi aġġornat fi żmien erbatax-il jum mill-bidla u għandu jiġi ppreżentat lill-KFS fl-istess terminu.

20

L-Artikolu 273 ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   Kull min iwettaq jew jippermetti ksur ta’:

[…]

10. […] Artikolu 56(1) [ta’ din il-liġi] jista’ jiġi kkundannat għal multa ta’ 4000 lev Bulgaru (BGN) sa BGN 5000000 [(madwar EUR 2000 sa EUR 2500000)];

[…]

(5)   Fir-rigward ta’ ksur skont il-Paragrafu 1 li twettaq minn persuni ġuridiċi jew kummerċjanti waħdanija, sanzjoni pekunjarja għandha tkun imposta kif ġej:

[…]

10.

Fir-rigward ta’ ksur imsemmi fil-punt 10 tal-Paragrafu 1 – ta’ BGN 10000 sa BGN 5000000, [(madwar EUR 5000 sa EUR 2500000)] u fil-każ ta’ reċidiva – ta’ BGN 20000 sa BGN 10000000 [(madwar EUR 10000 sa EUR 5000000)].”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

21

IFM hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Bulgaru, bis-sede tagħha f’Sofija (il-Bulgarija), li għandha awtorizzazzjoni sabiex teżerċita l-attività ta’ kumpannija tal-maniġment, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65, u li hija mniżżla fir-reġistru miżmum mill-KFS. IFM tmexxi u timmaniġġja ħames UCITS distinti.

22

Waqt kontroll, l-aġenti tal-KFS ikkonstataw li l-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ IFM, kif indikata fir-reġistru tal-kummerċ Bulgaru, kienet is-suġġett ta’ bidla fit‑28 ta’ Awwissu 2019 bir-reġistrazzjoni ta’ żewġ membri ġodda li ma humiex eżekuttivi, li lilhom ma ġew delegati l-ebda funzjonijiet ta’ tmexxija, fi ħdan il-Bord tad-Diretturi ta’ IFM.

23

L-aġenti tal-KFS għalhekk qiesu li IFM kellha taġġorna l-prospett ta’ kull wieħed mill-ħames UCITS li din il-kumpannija tamministra fit-terminu statutorju ta’ 14-il jum u mhux iktar tard mill‑11 ta’ Settembru 2019. Peress li l-aġġornament seħħ fis‑17 ta’ Ottubru 2019, il-KFS, permezz ta’ ħames deċiżjonijiet distinti, imponiet sanzjonijiet amministrattivi fuq IFM, jiġifieri ħames sanzjonijiet pekunjarji li jammontaw għal BGN 10000 (madwar EUR 5000) kull waħda.

24

IFM ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Il-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna wieħed minn dawn il-ħames rikorsi. IFM issostni, minn naħa, li l-informazzjoni dwar il-bidla fil-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment ma tikkostitwixxix “element essenzjali”, fis-sens tal-Artikolu 56(1) tal-Liġi dwar l-IIK, li timponi aġġornament, fit-termini indikati, tal-prospett tal-UCITS sa fejn il-membri eletti mill-ġdid tal-Bord tad-Diretturi ma humiex membri eżekuttivi u ma jeżerċitaw l-ebda funzjoni ta’ ġestjoni u, min-naħa l-oħra, li l-ħames sanzjonijiet pekunjarji ġew imposti fuqha illegalment peress li kien hemm, skont il-każ, ksur wieħed biss.

25

Il-KFS issostni, minn naħa tagħha, li kull bidla ta’ persuni fil-kompożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment tikkostitwixxi bidla ta’ “element essenzjali”, sa fejn din taqa’ taħt il-kontenut minimu meħtieġ fil-prospett, li jirrendi obbligatorju l-aġġornament ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, il-ħames sanzjonijiet pekunjarji distinti ma ġewx imposti illegalment, fid-dawl tal-fatt li ġiet ikkonstatata ommissjoni għal kull wieħed mill-ħames UCITS amministrati minn IFM.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sofiyski Rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

X’tifsira kellu l-intenzjoni jagħti l-leġiżlatur Ewropew lill-kunċett ta’ ‘elementi essenzjali’ tal-prospett, li jinsab fl-Artikolu 72 tad-[Direttiva 2009/65]?

2)

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65 għandha tiġi interpretata fis-sens li kull bidla fl-informazzjoni minima rikjesta fil-prospett, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I, taqa’ f’kull każ taħt il-kunċett ta’ ‘elementi essenzjali’ fis-sens tal-Artikolu 72 ta’ din id-direttiva, u b’hekk huwa meħtieġ l-aġġornament f’waqtu tagħha?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, għandu jitqies li l-informazzjoni dwar bidla fil-kompożizzjoni tal-membri tal-bord tad-diretturi ta’ kumpannija tal-maniġment partikolari, li ma humiex membri eżekuttivi u li ma humiex responsabbli għat-tmexxija, taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘elementi essenzjali’ fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65?

4)

Id-dispożizzjoni prevista fl-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandha tiġi interpretata fis-sens li tippermetti l-impożizzjoni ta’ sanzjoni fuq kumpannija tal-maniġment, għal kull fond komuni li timmaniġġja, fil-każ biss li tonqos ripetutament milli tosserva l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni li għandha tingħata lill-investituri imposti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tad-Direttiva 2009/65?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda

27

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar kumpannija tal-maniġment, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-prospett għandu tal-inqas jinkludi skont l-Artikolu 69(2) tagħha, taqax taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 72, b’tali mod li għandha tinżamm aġġornata.

28

Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2009/65 ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”.

29

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma jagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha għandhom normalment ikollhom, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, id-Direttiva 2009/65 ma tinkludix riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”, fis-sens tal-Artikolu 72 tagħha, b’tali mod li dan il-kunċett għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha u dan iktar u iktar peress li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-premessa 3 tad-Direttiva 2009/65 jirriżulta li din għandha l-għan li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-impriżi, b’tali mod, minn naħa, li jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi għad-detenturi ta’ unitajiet.

31

Barra minn hekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” ma huwiex iddefinit mid-Direttiva 2009/65, dan għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponih fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintuża dan il-kliem u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-kliem imsemmi (sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2021, Magistrat der Stadt Wien (Grand Hamster II)– C‑357/20, EU:C:2021:881, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Fir-rigward, l-ewwel, tas-sens normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kelma “essenzjali”, għandu jiġi rrilevat li dan l-aġġettiv jindika element li huwa indispensabbli, għall-kuntrarju ta’ element aċċessorju jew sekondarju.

33

Għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala elementi essenzjali tal-prospett l-elementi li huma indispensabbli sabiex dan id-dokument ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu.

34

F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni tagħmel parti mit-Taqsima 1 intitolata “Il-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi” tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2009/65, dwar l-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni lill-investituri, u li hija immedjatament wara dispożizzjonijiet li jispeċifikaw liema informazzjoni għandha tkun inkluża fil-prospett, b’mod partikolari l-Artikolu 69(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu.

35

B’mod partikolari, għandu jitfakkar, qabelxejn, li l-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 69(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedu li l-prospett għandu jinkludi l-informazzjoni li hija neċessarja sabiex l-investituri jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar l-investiment propost lilhom, u b’mod partikolari r-riskji inerenti għalih, u li għandu jinkludi spjegazzjoni ċara u li tinftiehem faċilment tal-profil ta’ riskju tal-fondi, indipendentement mill-istrumenti li fihom jinvesti.

36

Sussegwentement, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65, il-prospett għandu jinkludi ċerta informazzjoni dwar il-politika ta’ remunerazzjoni.

37

Għalhekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 69(1) tad-Direttiva 2009/65 u tal-Artikolu 72 tagħha jirriżulta li huma “essenzjali”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, l-elementi tal-prospett li huma indispensabbli sabiex l-investituri jkunu jistgħu jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti l-investiment propost lilhom, u b’mod partikolari r-riskji inerenti għalih.

38

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65 jipprovdi li l-prospett għandu jinkludi tal-inqas l-informazzjoni prevista fl-Iskeda A tal-Anness I tagħha, sa fejn din l-informazzjoni ma tinsabx diġà fir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni annessi mal-prospett, konformement mal-Artikolu 71(1) ta’ din id-direttiva. Din hija informazzjoni dwar il-fondi komuni ta’ investiment, il-kumpannija tal-maniġment u l-kumpannija ta’ investiment, kif ukoll informazzjoni dwar id-depożitarju, informazzjoni dwar id-ditti ta’ konsulenza jew il-konsulenti ta’ investiment esterni, informazzjoni dwar il-miżuri meħuda sabiex isiru l-ħlasijiet lid-detenturi ta’ unitajiet, ix-xiri mill-ġdid jew ir-rimbors tal-unitajiet kif ukoll it-tixrid tal-informazzjoni dwar l-UCITS, kif ukoll ċerta informazzjoni oħra dwar l-investimenti u ta’ natura ekonomika.

39

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 34 u 36 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-kliem “mill-inqas” f’din id-dispożizzjoni juri l-intenzjoni tal-leġiżlatur li l-informazzjoni li għaliha tirreferi l-Iskeda A tal-Anness I tad-Direttiva 2009/65 tikkostitwixxi l-informazzjoni minima li l-prospett għandu jinkludi, li fosthom hemm, skont il-punt 1.8 ta’ din l-iskeda, l-identità u l-funzjonijiet fil-kumpannija tal-membri tal-korpi amministrattivi, tal-maniġment u ta’ superviżjoni, kif ukoll l-attivitajiet prinċipali tagħhom barra mill-kumpannija meta dawn ikunu sinjifikattivi fir-rigward tagħha.

40

Peress li l-elementi elenkati f’din l-Iskeda A tqiesu għalhekk mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala indispensabbli sabiex il-prospett ikun jista’ jissodisfa l-funzjoni tiegħu li jippermetti lill-investituri jiddeċiedu b’għarfien sħiħ tal-fatti dwar l-investiment propost lilhom, għandu jitqies li dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett”, fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65.

41

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma stabbilixxiex ġerarkija bejn din l-informazzjoni indispensabbli, la skont l-importanza tagħha għall-investitur, u lanqas abbażi ta’ kriterju ieħor.

42

Għalhekk, jekk jitqiesu, kif issuġġerew, essenzjalment, IFM kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, Lussemburgiż u Pollakk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, li huma “essenzjali,” fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65, biss uħud minn dawn l-elementi indispensabbli, bħall-elementi li huma ta’ natura li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi ekonomiċi tal-investituri jew li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom, jew ukoll dawk li huma partikolarment importanti għall-investituri sabiex jevalwaw ir-riskju inerenti għall-investimenti proposti lilhom, imur kontra l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħti natura imperattiva ta’ valur ugwali lill-elementi indikati fl-Artikolu 69(2) tad-Direttiva 2009/65.

43

It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2009/65, mill-premessi 3 u 4 ta’ din tal-aħħar jirriżulta li, sabiex tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet ta’ UCITS fi ħdan l-Unjoni, din id-direttiva hija intiża li tikkoordina l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn l-impriżi, b’tali mod li, minn naħa, jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-imsemmija impriżi u, min-naħa l-oħra, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tad-detenturi tal-unitajiet. Għal dan il-għan, din id-direttiva tistabbilixxi regoli bażiċi komuni f’dak li jirrigwarda l-awtorizzazzjoni, is-superviżjoni, l-istruttura, l-attivitajiet u l-informazzjoni li l-UCITS għandhom jippubblikaw.

44

Issa, qabelxejn, ma hemm l-ebda dubju li aġġornament fil-pront, wara l-modifika tagħha, ta’ informazzjoni li l-inklużjoni tagħha fil-prospett jew fid-dokumenti li jagħmlu parti integrali minnu huwa indispensabbli, jissodisfa l-għan ta’ protezzjoni tal-investituri, sa fejn tali attwalizzazzjoni obbligatorja tiggarantilhom l-affidabbiltà tal-informazzjoni li dan il-prospett jinkludi.

45

Tali interpretazzjoni hija wkoll kompatibbli mal-għan, imfakkar fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet tal-UCITS u li jiġu approssimati, fl-Unjoni, il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn dawn l-impriżi. Fil-fatt, l-obbligu ta’ aġġornament tal-informazzjoni li l-inklużjoni tagħha fil-prospett hija indispensabbli, li japplika b’mod uniformi għall-UCITS u għall-kumpanniji tal-maniġment, indipendentement mill-Istat Membru ta’ oriġini jew ta’ stabbiliment tagħhom, jikkontribwixxi għal tneħħija tar-restrizzjonijiet u għal approssimazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn tali impriżi.

46

Il-konklużjoni msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mill-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li jingħaqdu miegħu fuq dan il-punt fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja IFM u l-Gvern Lussemburgiż, li jipprovdu, essenzjalment, li l-portata tal-Artikolu 72 għandha tiġi ddeterminata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 78 tad-Direttiva 2009/65, dwar id-dokument intitolat “tagħrif ewlieni għall-investituri”, li l-kumpanniji tal-investiment u tal-maniġment huma obbligati li jistabbilixxu, b’tali mod li huma biss l-elementi indikati f’dan l-Artikolu 78 li għandhom jitqiesu li huma “elementi essenzjali” fis-sens tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 78(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65 jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni li għandha titqies bħala “tagħrif ewlieni għall-investituri”, jiġifieri l-informazzjoni xierqa dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-UCITS ikkonċernata, peress li l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 78 jelenka, barra minn hekk, ċertu numru ta’ informazzjoni kklassifikata bħala “elementi essenzjali fir-rigward tal-UCITS ikkonċernata” li għandha, f’dan ir-rigward, tkun tinsab fid-dokument imsemmi f’din id-dispożizzjoni. Issa, l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 jirrigwarda l-elementi essenzjali mhux tal-UCITS ikkonċernata, iżda tal-prospett. Kif irrileva għalhekk l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikoli 72 u 78 tad-Direttiva 2009/65 ma jużawx l-istess kunċett.

48

Barra minn hekk, għalkemm l-Artikoli 69, 72 u 78 tad-Direttiva 2009/65 jinsabu fl-istess Kapitolu IX tagħha, l-ewwel żewġ artikoli jagħmlu parti mit-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, intitolata “Il-pubblikazzjoni ta’ prospett u rapporti perijodiċi”, filwaqt li l-Artikolu 78 ta’ din id-direttiva jinsab fit-Taqsima 3 tal-imsemmi kapitolu, intitolata “Tagħrif ewlieni għall-investituri”. Din it-Taqsima 3 tiġbor fiha dispożizzjonijiet dwar id-dokument li fih din l-informazzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 82 tad-Direttiva 2009/65 li jagħlaq l-imsemmija Taqsima 3, billi tipprevedi obbligu li jinżammu aġġornati l-elementi essenzjali tal-informazzjoni ewlenija għall-investitur.

49

Għalhekk jeżisti paralleliżmu bejn l-Artikoli 72 u 82 tad-Direttiva 2009/65 li kull wieħed minnhom jistabbilixxi, u b’mod distint sew, obbligu ta’ aġġornament tal-prospett, minn naħa, u informazzjoni importanti għall-investitur, min-naħa l-oħra.

50

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-portata tal-informazzjoni pprovduta minn dawn iż-żewġ dokumenti hija differenti, peress li t-“tagħrif ewlieni għall-investituri” kien maħsub bħala dokument qasir ħafna li fih kontenut standardizzat, ipprovdut mingħajr ħlas, fi żmien utli qabel is-sottoskrizzjoni ta’ kull UCITS, kif jirriżulta mill-premessi 59 u 61 tad-Direttiva 2009/65, intiż sabiex jiffaċilita l-paragun bejn diversi proposti, li jagħmlu b’mod partikolari l-investituri mhux professjonisti, kif jirriżulta mill-Artikolu 78(5) ta’ din id-direttiva. Il-prospett, min-naħa l-oħra, huwa indirizzat lil kull tip ta’ investitur u jinkludi informazzjoni iktar dettaljata u iktar eżawrjenti.

51

Minn dan jirriżulta li interpretazzjoni tal-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 fis-sens li huma biss l-elementi essenzjali relatati mal-UCITS ikkonċernata, fis-sens tal-Artikolu 78(2) u (3) tad-Direttiva 2009/65, li jikkostitwixxu l-elementi essenzjali tal-prospett, twassal sabiex jiġu assimilati żewġ dokumenti distinti, jiġifieri, minn naħa, it-“tagħrif ewlieni għall-investituri” u, min-naħa l-oħra, il-prospett.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni dwar kumpannija tal-maniġment, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-prospett għandu tal-inqas jinkludi skont l-Artikolu 69(2) tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 72, b’tali mod li għandha tinżamm aġġornata.

Fuq it‑tielet domanda

53

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir‑raba’ domanda

54

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li abbażi tagħha kumpannija tal-maniġment li ma osservatx, fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu dwar l-aġġornament tal-prospett, previst fl-Artikoli 68 sa 82 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ diversi UCITS, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-impriżi, meta l-bidla li kellha tkun is-suġġett ta’ aġġornament ta’ dawn il-prospetti kienet tirrigwarda element uniku dwar il-kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jittrasponu din id-direttiva jipprevedu sanzjonijiet, b’mod partikolari meta kumpannija ta’ investiment jew, għal kull wieħed mill-fondi speċjali ta’ investiment li hija tamministra, kumpannija tal-maniġment ma tosservax, ripetutament, l-obbligi dwar l-informazzjoni tal-investituri imposti skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tal-imsemmija direttiva.

56

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u, b’mod partikolari, mill-użu tal-kliem “b’mod partikolari”, jirriżulta li, għalkemm l-Istati Membri huma obbligati jipprevedu sanzjonijiet fir-rigward tal-aġir imsemmi fl-Artikolu 99a(r) ta’ din id-direttiva, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tipprekludihom milli jissanzjonaw aġir ieħor.

57

Fit-tieni lok, tali interpretazzjoni hija kkonfermata mill-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2009/65, moqri flimkien mal-premessa 69 tagħha, l-Istati Membri huma, bla ħsara għad-dritt tagħhom li japplikaw sanzjonijiet kriminali, obbligati, minn naħa, li jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li għandhom jiġu imposti fuq il-kumpanniji u l-persuni fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-imsemmija direttiva fl-ordinament ġuridiku intern u, min-naħa l-oħra, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħhom.

58

Barra minn hekk, mill-Artikolu 1(7) tal-imsemmija direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli iktar stretti minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar ir-rapporti kif ukoll dwar il-prospett, bil-kundizzjoni li dawn ir-regoli iktar stretti jkunu ta’ applikazzjoni ġenerali u ma jmorrux kontra l-istess direttiva.

59

Għaldaqstant, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2009/65 ma twettaqx armonizzazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, b’tali mod li dawn tal-aħħar għandhom is-setgħa li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa.

60

Minn dan jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sanzjonijiet għal ksur tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2009/65 fl-ordinament ġuridiku intern li huma kkostitwiti minn aġir differenti minn dak imsemmi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 99a(r) tagħha, peress li tali sanzjonijiet jistgħu wkoll ikunu iktar severi minn dawk previsti mid-Direttiva 2009/65.

61

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2009/65 jirriżulta li s-sanzjonijiet amministrattivi għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

62

L-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65, kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, huwa wkoll konformi mal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva, ifformulati fil-premessa 3 tagħha, b’mod partikolari, li tiġi żgurata protezzjoni iktar effettiva u iktar uniformi tad-detenturi tal-unitajiet u, għalhekk, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet ta’ UCITS fl-Unjoni.

63

Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprevedi li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza unika tal-obbligi li jikkonċernaw l-informazzjoni tal-investituri imposti skont dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 68 sa 82 tal-imsemmija direttiva, kumpannija tal-maniġment tista’ tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kull fond ta’ investiment li hija tamministra, bil-kundizzjoni li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

64

Konsegwentement, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li abbażi tagħha kumpannija tal-maniġment li ma osservatx, fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu relatat mal-aġġornament tal-prospett, previst mill-Artikoli 68 sa 82 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ diversi UCITS, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-impriżi, meta l-bidla li kellha tkun is-suġġett ta’ aġġornament ta’ dawn il-prospetti kienet tirrigwarda element uniku dwar il-kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment, bil-kundizzjoni li s-sanzjoni amministrattiva, filwaqt li tkun effettiva u disswasiva, tkun proporzjonata.

Fuq l‑ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 72 tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), kif emendata bid-Direttiva 2014/91/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Lulju 2014

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-informazzjoni dwar kumpannija tal-maniġment, prevista fl-Iskeda A tal-Anness I ta’ din id-direttiva, li l-prospett għandu tal-inqas jinkludi skont l-Artikolu 69(2) tagħha, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “elementi essenzjali tal-prospett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 72, b’tali mod li għandha tinżamm aġġornata.

 

2)

L-Artikolu 99a(r) tad-Direttiva 2009/65, kif emendata bid-Direttiva 2014/91,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, li abbażi tagħha kumpannija tal-maniġment li ma osservatx, fit-terminu impost minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-obbligu relatat mal-aġġornament tal-prospett, previst mill-Artikoli 68 sa 82 ta’ din id-direttiva, fir-rigward ta’ diversi unitajiet tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli, hija suġġetta għal sanzjoni amministrattiva fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn l-impriżi, meta l-bidla li kellha tkun is-suġġett ta’ aġġornament ta’ dawn il-prospetti kienet tirrigwarda element uniku dwar il-kompożizzjoni ta’ korp tal-kumpannija tal-maniġment, bil-kundizzjoni li s-sanzjoni amministrattiva, filwaqt li tkun effettiva u disswasiva, tkun proporzjonata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.