SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

31 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti – Kuntratti ta’ kreditu – Self iddenominat f’munita barranija rimborsabbli fil-munita nazzjonali – Klawżola kuntrattwali li tqiegħed ir-riskju tal-kambju fuq il-konsumatur – Natura inġusta ta’ klawżola relatata mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt – Effetti – Nullità tal-kuntratt – Dannu gravi għall-konsumatur – Effett utli tad-Direttiva 93/13 – Opinjoni mhux vinkolanti tal-qorti suprema – Possibbiltà li l-partijiet jerġgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż”

Fil-Kawża C‑472/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Lombard Pénzügyi és Lízing Zrt.

vs

PN,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, N. Jääskinen (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Lombard Pénzügyi és Lízing Zrt., minn Zs. Bohács, ügyvéd,

għal PN, minn L. Gönczi, ügyvéd,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u K. Szíjjártó, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Rubene, Zs. Teleki, N. Ruiz García u L. Havas, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lombard Pénzügyi és Lízing Zrt. (iktar ’il quddiem “Lombard”) u PN dwar l-effetti legali ta’ klawżola kuntrattwali dwar ir-riskju tal-kambju sostnut mill-konsumatur fil-każ ta’ kuntratt ta’ kreditu f’munita barranija iżda rimborsabbli fil-munita nazzjonali.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 93/13 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu[.]

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

4

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva, “[f]il-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar”.

5

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jgħid li:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi li:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7

Skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id‑dritt Ungeriż

8

L-Artikolu 239 tal-Polgári Törvénykönyvről szóló 1959. évi IV. törvény (il-Liġi Nru IV tal‑1959 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Preċedenti”), kien jipprevedi li:

“(1)   Kwalunkwe klawżola ta’ kundizzjonijiet ġenerali, jew kwalunkwe klawżola ta’ kuntratt ma’ konsumatur li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali, hija inġusta jekk, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ bona fide u ta’ ekwità, b’mod unilaterali u mingħajr ġustifikazzjoni hija tiddetermina d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt b’mod li tiżvantaġġa lill-parti kontraenti li ma hijiex dik li timponi l-klawżola kuntrattwali inkwistjoni.

(2)   Sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ klawżola, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha eżistenti fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt u li ddeterminaw il-konklużjoni tiegħu, kif ukoll in-natura tas-self miftiehem u r-rabta tal-klawżola inkwistjoni ma’ klawżoli oħra tal-kuntratt jew ma’ kuntratti oħra.

(3)   Leġiżlazzjoni speċjali tista’ tiddetermina l-klawżoli li jitqiesu li huma inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur jew li għandhom jitqiesu bħala tali sakemm ma tingħatax prova kuntrarja.

(4)   Klawżola kuntrattwali ġenerali, jew klawżola kuntrattwali li ma hijiex innegozjata b’mod individwali ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur, għandha wkoll titqies inġusta minħabba s-sempliċi fatt li ma tkunx redatta b’mod ċar u li jinftiehem.

(5)   Id-dispożizzjonijiet dwar il-klawżoli kuntrattwali inġusti ma humiex applikabbli għall-klawżoli li jiddefinixxu s-servizz prinċipali u lanqas għal dawk li jistabbilixxu l-proporzjon bejn is-servizz u l-korrispettiv, sakemm dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod ċar u li jinftiehem.”

9

Skont l-Artikolu 209/A tal-Kodiċi Ċivili Preċedenti:

“(1)   Il-parti leża tista’ tikkontesta klawżola inġusta mdaħħla fil-kuntratt bħala kundizzjoni ġenerali.

(2)   Il-klawżoli inġusti mdaħħla f’kuntratti konklużi ma’ konsumatur bħala kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali jew li l-bejjiegħ jew il-fornitur ikun ifformula b’mod unilaterali, minn qabel u mingħajr negozjar individwali, huma nulli. In-nullità tista’ biss tiġi invokata fl-interess tal-konsumatur.”

10

L-Artikolu 237 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“1.   Fil-każ ta’ kuntratt li ma huwiex validu, għandha tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

(2)   Jekk ma jkunx possibbli li tipprevali s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-qorti tista’ tiddikjara l-kuntratt applikabbli sakemm tkun tat id-deċiżjoni. Kuntratt invalidu jista’ jiġi ddikjarat validu jekk ikun possibbli li titneħħa l-kawża tal-invalidità, b’mod partikolari permezz tat-tneħħija tal-vantaġġ sproporzjonat fil-każ ta’ sproporzjon tas-servizzi tal-partijiet f’kuntratt bl-użura. F’każ bħal dan, għandha tiġi ordnata r-restituzzjoni tas-servizz li jkun għadu dovut, jekk ikun il-każ, mingħajr korrispettiv.”

11

L-Artikolu 203(4) u (5) tal-hitelintézetekről és a pénzügyi vállalkozásokról szóló 1996. évi CXII. törvény (il-Liġi Nru CXII tal‑1996 dwar l-Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u l-Impriżi Finanzjarji), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, kien jistabbilixxi li:

“(4)   Fil-każ ta’ kuntratt konkluż ma’ klijent li jkollu l-kwalità ta’ konsumatur li jkollu bħala għan l-għoti ta’ self f’munita barranija jew li jimplika l-possibbiltà li tinxtara proprjetà immobbli, l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tispjega lill-klijent ir-riskju li jkun qiegħed jassumi bit-tranżazzjoni kuntrattwali u għandha tistabbilixxi permezz tal-firma tal-klijent li huwa konxju minnu.

(5)   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi:

a)

fil-każ ta’ kuntratt intiż li jingħata kreditu f’munita barranija, il-preżentazzjoni tar-riskju tal-kambju kif ukoll l-effett tiegħu fuq l-ammont tal-iskadenzi tar-rimbors,

[…]”

12

L-Artikolu 1 tal-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény (il-Liġi Nru XL tal‑2014 dwar id-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw il-Bilanċ tal-Kontijiet imsemmi fil-Liġi Nru XXXVIII tal‑2014 dwar Suġġetti Speċifiċi marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) Mogħtija fl-Interess ta’ Interpretazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet ta’ Dritt Ċivili dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet Fita’ Kreditu u Konsumaturi, u dwar Numru ta’ Dispożizzjonijiet Oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi DH2”) jistabbilixxi li:

“L-effett ta’ din il-liġi jestendi għall-kuntratti ta’ self konklużi mal-konsumaturi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXXVIII tal‑2014 dwar Suġġetti Speċifiċi marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) Mogħtija fl-Interess ta’ Interpretazzjoni Uniformi tad-Dispożizzjonijiet ta’ Dritt Ċivili dwar Kuntratti ta’ Self Konklużi bejn Istituzzjonijiet ta’ Kreditu u Konsumaturi)].”

13

L-Artikolu 37 tal-Liġi DH2 huwa fformulat kif ġej:

“(1)   B’rabta ma’ kuntratti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-partijiet jistgħu jagħmlu rikors lill-qorti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-kuntratt jew ta’ ċerti klawżoli tiegħu (iktar ’il quddiem l-‘invalidità parzjali’) – irrispettivament mir-raġunijiet għal tali invalidità – biss jekk huma jitolbu li jiġu applikati l-konsegwenzi legali tal-invalidità, jiġifieri, dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt saż-żmien tal-adozzjoni tas-sentenza. Jekk ma jkunx hemm talba bħal din – u wara li tkun ingħatat u ma tteħditx l-opportunità ta’ regolarizzazzjoni – ir-rikors ma jkunx ammissibbli u l-mertu tal-kawża ma jkunx jista’ jiġi eżaminat. Jekk il-partijiet jitolbu li jiġu ddeterminati l-konsegwenzi legali ta’ invalidità totali jew parzjali, huma għandhom jindikaw ukoll liema konsegwenza legali l-qorti għandha tapplika. Dwar l-applikazzjoni tal-konsegwenzi legali, il-partijiet għandhom iressqu talba espliċita, iddefinita kwantitattivament, li tkun tinkludi wkoll il-bilanċ tal-kontijiet bejniethom.

(2)   Meqjusa d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 b’rabta mal-kuntratti li għalihom tapplika din il-liġi, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ma l-partijiet jiġu ordnati jidhru jew l-eżami tal-każ għandu jitwaqqaf waqt li jkunu għaddejja proċeduri għal dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt skont l-Artikolu 239/A(1) tal-[Kodiċi Ċivili Preċedenti] jew tal-Artikolu 6:108(2) tal-[Polgári törvénykönyvről szóló 2013. évi V. törvény (il-Liġi Nru V tal‑2013 li Tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili)], sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi. Ir-rikors ma għandux jiġi ddikjarat inammissibbli mingħajr ordni sabiex il-partijiet jidhru u lanqas ma għandu jitwaqqaf l-eżami tal-każ, jekk il-parti kkonċernata, minbarra li tkun talbet dikjarazzjoni ta’ invalidità totali jew parzjali tal-kuntratt, tkun talbet ukoll forma oħra ta’ ordni fl-istess proċeduri; f’dak il-każ it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha titqies bla bażi. L-istess għandu jseħħ fi proċeduri li jitkomplew wara li tkun intemmet sospensjoni.”

14

Skont l-Artikolu 33(1) tal-bíróságok szervezetéről és igazgatásáról szóló 1997. évi LXVI. törvény (il-Liġi Nru LXVI tal-1997 dwar l-Organizzazzjoni u l-Amministrazzjoni Ġudizzjarja), l-Awla Mħallta tal-Kúria (il-Qorti Suprema) għandha tanalizza l-ġurisprudenza u tagħti opinjoni dwar il-kwistjonijiet kontenzjużi ta’ applikazzjoni tad-dritt sabiex tiġi żgurata l-uniformità tal-ġurisprudenza.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

15

Fl‑4 ta’ Diċembru 2009, PN ikkonkluda ma’ Lombard Finanszírozási Zrt. kuntratt ta’ self individwali b’rata varjabbli għall-finijiet tax-xiri ta’ vettura (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self inkwistjoni”). Dan il-kuntratt kien iddenominat fi franki Svizzeri (CHF) u l-pagamenti mensili li kellhom jiġu rrimborsati kienu kkonvertiti f’forint Ungeriżi (HUF).

16

Waqt il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, PN iffirma dikjarazzjoni ta’ għarfien tar-riskju. Din tal-aħħar ippreċiżat, minn naħa, li l-eżistenza tar-riskju tal-kambju kellha tinġarr mill-konsumatur, u, min-naħa l-oħra, li l-iżvilupp futur tal-rata tal-kambju kien imprevedibbli. B’hekk, il-pagamenti mensili kienu ffissati fi franki Svizzeri, imbagħad ikkonvertiti f’forint Ungeriżi u d-differenza fil-kambju, ikkalkolata waqt din il-konverżjoni, kellha tiġi sostnuta minn min jissellef. Minn dan id-dokument jirriżulta wkoll li, meta r-rata tal-kambju fir-rigward tal-forint Ungeriż fid-data tal-iskadenza kienet tvarja meta mqabbla mar-rata tal-kambju ta’ referenza stabbilita waqt il-konklużjoni tal-kuntratt, id-differenza bejn ir-rati tal-bejgħ u tax-xiri kienet ukoll dovuta minn min jissellef.

17

Fil‑31 ta’ Awwissu 2010, Lombard Finanszírozási Zrt. ġiet xolta permezz ta’ assorbiment u Lombard ħadet postha bħala aventi kawża universali. Konsegwentement, l-obbligi u d-drittijiet kollha ta’ Lombard Finanszírozási Zrt. ġew ittrasferiti lil Lombard.

18

Fix-xahar ta’ April 2015, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni kien is-suġġett ta’ regolarizzazzjoni, permezz ta’ bilanċ tal-kontijiet, skont il-Liġi DH2. Wara dan il-bilanċ tal-kontijiet, somma ta’ HUF 284502 (madwar EUR 800), meqjusa li nġabret indebitament mill-organu li jsellef, tnaqqset mill-ammont dovut minn PN. Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ interessi annwali, li kienet ta’ 22.32 % qabel r-regolarizzazzjoni tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, baqgħet identika. Dan il-bilanċ tal-kontijiet intbagħat lil PN li ma ppreżentax ilment.

19

Peress li PN kellu dewmien fil-ħlas tal-pagamenti mensili tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni, Lombard indikatlu, fit‑12 ta’ Awwissu 2015, li huwa kellu jħallas is-somma ta’ HUF 121722 (madwar EUR 342) bħala arretrati, filwaqt li ppreċiżat li, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas, dan il-kuntratt kien ser jiġi xolt b’effett immedjat. PN ma ssodisfax din it-talba, b’tali mod li Lombard xoljiet unilateralment l-imsemmi kuntratt fl‑14 ta’ Settembru 2015 u ordnat lil PN iħallas il-bilanċ dovut ta’ HUF 472399 (madwar EUR 1320). PN irċeva din it-talba fil‑15 ta’ Ottubru 2015.

20

Sussegwentement, Lombard ressqet kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, fejn talbet li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni jiġi ddikjarat validu, b’mod retroattiv, u li PN jiġi kkundannat għall-ħlas tas-somma ta’ HUF 490102 (madwar EUR 1370) bħala kapital tal-kreditu kuntrattwali, kif ukoll għall-ħlas tal-interessi moratorji.

21

PN invoka, min-naħa tiegħu, in-natura inġusta tal-klawżoli li jinsabu fil-kuntratt ta’ self inkwistjoni li jqiegħdu kompletament ir-riskju tal-kambju fuqu. Huwa kkontesta l-fatt li l-fuljett informattiv dwar ir-riskju tal-kambju kien redatt b’mod ċar u li jinftiehem. Bħala kontrotalba, huwa talab b’mod partikolari li Lombard tiġi kkundannata tirrimborsah is-somma ta’ HUF 1734144 (madwar EUR 4870) bħala arrikkiment indebitu li jirriżulta mill-invalidità ta’ dan il-kuntratt.

22

Il-qorti tal-ewwel istanza eżaminat b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li fihom kuntratt bħall-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jiġi ddikjarat validu fid-dawl tal-opinjoni mogħtija fix-xahar ta’ Ġunju 2019 mill-korp konsultattiv tal-Kúria (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem l-“opinjoni tal-Kúria”). Skont l-imsemmija opinjoni, meta kuntratt ta’ self invalidu jiġi ddikjarat validu, hemm żewġ soluzzjonijiet disponibbli għall-qrati. Huma jistgħu jiddikjaraw il-kuntratt bħala validu, b’tali mod li dan jitqies li kien ġie fformulat f’forint Ungeriżi, permezz ta’ rata ta’ interessi li tikkorrispondi għall-valur tar-rata ta’ interessi fis-seħħ għat-tranżazzjonijiet f’forint Ungeriżi fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, miżjuda bil-marġni applikat. Alternattivament jistgħu jiddikjaraw il-kuntratt bħala validu billi jimmassimizzaw ir-rata tal-kambju bejn il-munita barranija u l-forint Ungeriż, fejn ir-rata ta’ interessi stabbilita fil-kuntratt tibqa’ l-istess sad-data ta’ konverżjoni f’forint Ungeriżi.

23

Il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li, għalkemm il-fatt li l-klawżola tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni li tgħid li r-riskju tal-kambju kellu jiġi sostnut minn PN kienet ta’ natura inġusta, dan il-kuntratt kellu jitqies li kien validu b’effett retroattiv fid-data tal-konklużjoni tiegħu, iżda li kien, minn din l-istess data, iddenominat f’forint Ungeriżi. Barra minn hekk, hija ddeċidiet li r-rata ta’ interessi annwali kellha tiġi ffissata għal 23.07 %, billi bbażat ruħha fuq il-kalkolu, magħmul minn Lombard, ibbażat fuq id-differenza bejn l-ammont inizjali tas-self u l-ammont totali tal-pagamenti mensili rrimborsati minn PN. F’dan il-każ, l-ammont inizjali tas-self kien ta’ HUF 1417500 (madwar EUR 4000) u kien previst li l-ammont totali tal-pagamenti mensili ta’ rimbors kien jammonta għal HUF 2689225 (madwar EUR 7600). Peress li PN, fil-fatt, ħallas is-somma ta’ HUF 3151644 (madwar EUR 8900), il-qorti tal-ewwel istanza kkundannat lil Lombard, abbażi tal-arrikkiment indebitu, għar-rimbors tad-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti tal-aħħar, jiġifieri HUF 462419 (madwar EUR 1300).

24

Lombard appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), billi kkontestat id-deċiżjoni li tgħid li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni kellu jitqies li kien, sa mid-data tal-konklużjoni tiegħu, iddenominat f’forint Ungeriżi. Hija ssostni b’mod partikolari li d-dikjarazzjoni ta’ validità ta’ dan il-kuntratt ma jistax ikollha l-konsegwenza li taqleb il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet sal-punt u b’tali mod li jinħoloq żbilanċ, fir-relazzjoni ġuridika, bejn il-valuri rispettivi tas-servizz u tal-korrispettiv. Barra minn hekk, skont Lombard, tali kuntratti, iddenominati f’munita barranija u li jqiegħdu r-riskju tal-kambju fuq il-konsumaturi, ma jistgħux jiġu ddikjarati illegali bħala tali.

25

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-għażliet legali possibbli meta kuntratt, fil-każ ta’ invalidità relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu, jiġi ddikjarat bħala validu, jew bħala li jkun ħoloq l-effetti tiegħu bejn il-partijiet.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Jekk il-klawżola kuntrattwali inġusta tirreferi għas-suġġett prinċipali tal-kuntratt (l-informazzjoni dwar ir-rata tal-kambju ma kinitx konformi), bil-konsegwenza li l-kuntratt ma’ jistax jissussiti, u ma jeżistix ftehim bejn il-partijiet, il-fatt li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni supplimentari tad-dritt nazzjonali, ikun teħid ta’ pożizzjoni tal-qorti suprema, li madankollu ma hjiex vinkolanti għall-qrati inferjuri, li jagħti gwida għad-dikjarazzjoni ta’ validità jew ta’ effettività tal-kuntratt, jiggarantixxi l-effettività sħiħa tad-Direttiva 93/13?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari huwa possibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni oriġinali meta l-kuntratt ma jistax jissussisti minħabba l-klawżola inġusta li tirreferi għas-suġġett prinċipali tiegħu, ma jeżistix ftehim bejn il-partijiet u t-teħid ta’ pożizzjoni indikat preċedentement lanqas ma jista’ japplika?

3)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda preliminari, fil-każ ta’ talba li permezz tagħha tintalab id-dikjarazzjoni ta’ invalidità li tirreferi għas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, il-liġi tista’ timponi r-rekwiżit, fir-rigward ta’ [dawn] it-tip ta’ kuntratti, li l-konsumatur għandu jressaq ukoll, flimkien ma’ din it-talba, talba sabiex tiġi ddikjarata l-validità jew l-effettività tal-kuntratt?

4)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda preliminari, meta ma jkunx possibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni oriġinali, il-kuntratti jistgħu jiġu ddikjarati validi jew effettivi b’mod leġiżlattiv a posteriori, sabiex jiġi żgurat il-bilanċ bejn il-partijiet?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

27

Għandu jitfakkar li, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jeżiġi li t-talba għal deċiżjoni preliminari tinkludi l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group, C‑92/19, EU:C:2020:733, punt 38).

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni li għandha tevalwa, fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Għaldaqstant, peress li d-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, hija marbuta li tagħti deċiżjoni, ħlief jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domanda (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Huwa paċifiku wkoll li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta u tapplika dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja biss hija awtorizzata tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni, abbażi tal-fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Trapeza Peiraios, C‑243/20, EU:C:2021:1045, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-każ, kif jenfasizza l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju dwar ir-raġunijiet li għalihom huwa neċessarju li d-dritt tal-Unjoni jiġi interpretat u r-rilevanza tal-ewwel domanda għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali huma, ċertament, lakoniċi.

31

Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Lombard appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi kkontestat, b’mod partikolari, il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni bħala kuntratt iddenominat f’forint Ungeriżi. Issa, mill-imsemmija deċiżjoni jirriżulta wkoll li din il-klassifikazzjoni mill-ġdid saret b’applikazzjoni tal-ewwel soluzzjoni li tinsab fl-opinjoni tal-Kúria.

32

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jidhirx b’mod manifest li l-ewwel domanda, dwar il-possibbiltà, fir-rigward tad-Direttiva 93/13, li jsir użu minn tali opinjoni sabiex jiġi ddeterminat l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex kuntratt jiġi ddikjarat validu jew bħala li jkun ħoloq effetti meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu, hija irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

33

Minn dan isegwi li l-ewwel domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha jista’ jiġi żgurat, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ natura supplimentari li tirregola tali sitwazzjoni, permezz ta’ opinjoni mhux vinkolanti maħruġa mill-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat li tindika lill-qrati inferjuri l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex kuntratt jiġi ddikjarat validu jew bħala li jkun ħoloq effetti bejn il-partijiet meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu.

35

Qabelxejn għandu jitfakkar li, għalkemm jirriżulta b’mod ċar mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE li l-Istati Membri, waqt it-traspożizzjoni ta’ direttiva, għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-metodi u tal-mezzi intiżi sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni tagħha, din il-libertà ma taffetwax l-obbligu, għal kull wieħed minn dawn l-Istati, li jadottaw il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw l-effett sħiħ tad-direttiva kkonċernata, konformement mal-għan imfittex minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Fashion ID, C‑40/17, EU:C:2019:629, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 93/13, din timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effikaċi sabiex jitwaqqaf l-użu ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito, C‑618/10, EU:C:2012:349, punt 68).

37

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li, fir-rwol tagħhom ta’ armonizzazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dritt u fl-interess taċ-ċertezza legali, il-qrati supremi ta’ Stat Membru jistgħu, fl-osservanza tad-Direttiva 93/13, jistabbilixxu ċerti kriterji li fid-dawl tagħhom il-qrati inferjuri għandhom jeżaminaw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 68).

38

Minn dan jirriżulta wkoll li l-linji gwida mogħtija minn dawn il-qrati supremi u li jinkludu tali kriterji ma jistgħux madankollu jkollhom l-effett li jipprekludu lill-qorti nazzjonali kompetenti, minn naħa, milli tiżgura l-effett sħiħ tad-Direttiva 93/13 billi twarrab, jekk ikun il-każ ex officio, kull dispożizzjoni li tmur kontra l-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk adottata sussegwentement, inkluża kwalunkwe prattika ġudizzjarja kuntrarja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel tagħhom permezz ta’ miżuri leġiżlattivi, ġudizzjarji jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra u, min-naħa l-oħra, milli tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 61).

39

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li d-Direttiva 93/13, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma tipprekludix li qorti suprema ta’ Stat Membru tadotta, fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi tad-dritt, deċiżjonijiet vinkolanti dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ din id-direttiva, sakemm dawn la jipprojbixxu lill-qorti kompetenti milli tiżgura l-effett sħiħ tar-regoli previsti fl-imsemmija direttiva u toffri lill-konsumatur rimedju effettiv għall-protezzjoni tad-drittijiet li huwa jista’ jislet minnhom, u lanqas milli tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari f’dan ir-rigward (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 64).

40

Madankollu, l-eżistenza ta’ opinjoni mhux vinkolanti ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru, li tippermetti għalhekk lill-qrati inferjuri, mitluba li jsegwuha, li jinjorawha liberament, ma tistax titqies li hija ta’ natura li tiżgura l-effett utli tad-Direttiva 93/13, billi tiggarantixxi li l-persuni leżi mill-klawżola inġusta jkunu kompletament protetti.

41

Huwa minnu li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandu bħala prinċipju jiġi annullat fl-intier tiegħu wara li l-qorti nazzjonali tkun iddeċidiet li tħassar klawżola kuntrattwali inġusta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludix qorti nazzjonali, b’applikazzjoni ta’ prinċipji tad-dritt tal-kuntratti, milli tħassar il-klawżola inġusta billi tissostitwixxiha b’dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li għandha natura supplimentari, f’sitwazzjonijiet fejn it-tħassir tal-klawżola inġusta jobbliga lill-qorti tannulla l-kuntratt fl-intier tiegħu, u b’hekk tesponi lill-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, b’mod li dan tal-aħħar jiġi ppenalizzat (sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Issa, għandu jitqies li opinjoni mhux vinkolanti ta’ qorti suprema ta’ Stat Membru, bħall-opinjoni tal-Kúria, ma tistax tiġi assimilata ma’ tali dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari intiża li tissostitwixxi klawżola ta’ kuntratt ta’ self meqjusa bħala inġusta.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha ma jistax, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ natura supplimentari li tirregola tali sitwazzjoni, jiġi żgurat unikament permezz ta’ opinjoni mhux vinkolanti tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat li tindika lill-qrati inferjuri l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex kuntratt jiġi ddikjarat validu jew bħala li jkun ħoloq effetti bejn il-partijiet meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

Fuq l‑ammissibbiltà

44

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punti 27 sa 29 ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-elementi msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx b’mod manifest li t-tieni domanda hija irrilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, liema domanda tirrigwarda l-possibbiltà li l-partijiet f’kuntratt ta’ self jerġgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż meta l-imsemmi kuntratt, minħabba l-klawżola inġusta relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu, ma jistax jibqa’ fis-seħħ, meta l-partijiet ma jaqblux bejniethom u meta l-opinjoni mhux vinkolanti msemmija fil-kuntest tal-ewwel domanda ma tkunx tista’ tapplika.

45

Minn dan isegwi li t-tieni domanda hija ammissibbli.

Fuq il‑mertu

46

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li terġa’ tqiegħed il-partijiet f’kuntratt ta’ self fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż għar-raġuni li klawżola tal-imsemmi kuntratt relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu għandha tiġi ddikjarata inġusta skont din id-direttiva.

47

Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ma għandhiex tkopri b’mod partikolari d-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sakemm dawn il-klawżoli jkunu fformulati b’mod ċar u li jinftiehem.

48

Għalhekk, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprevedi l-possibbiltà għall‑Istati Membri li jadottaw jew iżommu, fil-qasam irregolat minnha, l-iktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta’ protezzjoni lill-konsumatur.

49

Għalhekk, fil-punti 30 sa 35, 40 u 43 tas-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2010, Caja de Ahorros y Monte de Piedad de Madrid (C‑484/08, EU:C:2010:309), il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-klawżoli msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 jaqgħu taħt il-qasam irregolat minn din tal-aħħar u li, għaldaqstant, l-Artikolu 8 tagħha japplika wkoll għall-imsemmi Artikolu 4(2), iddeċidiet li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti stħarriġ ġudizzjarju tan-natura inġusta ta’ tali klawżoli li tiżgura lill-konsumatur livell ogħla ta’ protezzjoni minn dak stabbilit b’din id-direttiva.

50

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni ġudizzjarja tan-natura inġusta ta’ tali klawżola għandha, bħala prinċipju, ikollha l-konsegwenza li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni fid-dritt u fil-fatt tal-konsumatur li kien ikun fiha fl-assenza tal-imsemmija klawżola (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

51

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 huwa intiż li jissostitwixxi l-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-kontraenti b’bilanċ reali ta’ natura li jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejn dawn tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 28, kif ukoll tat‑3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għal dak li jirrigwarda l-effett ta’ konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali fuq il-validità tal-kuntratt ikkonċernat, għandu jiġi enfasizzat li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-imsemmi “kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti” (sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 29, u tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH, C‑19/20, EU:C:2021:341, punt 53).

53

F’dan il-kuntest, il-qrati nazzjonali li jikkonstataw in-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali huma obbligati, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, minn naħa, li jisiltu l-konsegwenzi kollha li jirriżultaw minnhom skont id-dritt nazzjonali, sabiex il-konsumatur ma jkunx marbut mill-imsemmija klawżoli, u, min-naħa l-oħra, li jevalwaw jekk il-kuntratt ikkonċernat jistax jibqa’ fis-seħħ mingħajr dawn il-klawżoli inġusti (digriet tat‑22 ta’ Frar 2018, ERSTE Bank Hungary, C‑126/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:107, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Fil-fatt, l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tad-Direttiva 93/13 huwa li jistabbilixxi mill-ġdid l-ekwilibriju bejn il-partijiet, filwaqt li jżomm, bħala prinċipju, il-validità tal-kuntratt b’mod ġenerali, u mhux li jannulla l-kuntratti kollha li jkun fihom klawżoli inġusti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai, C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et, C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 40).

55

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, għalkemm huma l-Istati Membri li, permezz tad-dritt nazzjonali tagħhom, għandhom jiddefinixxu l-modalitajiet li fil-kuntest tagħhom għandha tiġi stabbilita l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola inkluża f’kuntratt u li fil-kuntest tagħhom jimmaterjalizzaw l-effetti legali konkreti ta’ din il-konstatazzjoni, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali konstatazzjoni għandha tippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni legali u fattwali li kien ikun fiha l-konsumatur fl-assenza ta’ din il-klawżola inġusta, b’mod partikolari billi sservi ta’ bażi għad-dritt għar-restituzzjoni tal-vantaġġi miksuba indebitament, għad-detriment tal-konsumatur, mill-bejjiegħ jew fornitur fuq il-bażi tal-imsemmija klawżola inġusta (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2018, Sziber, C‑483/16, EU:C:2018:367, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Barra minn hekk, meta l-qorti nazzjonali tqis li l-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża mressqa quddiemha ma jistax, skont id-dritt tal-kuntratti, jibqa’ legalment fis-seħħ wara t-tneħħija tal-klawżoli inġusti kkonċernati u meta ma tkun teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali ta’ natura supplimentari jew dispożizzjoni applikabbli fil-każ ta’ ftehim tal-partijiet għall-kuntratt li tista’ tissostitwixxi l-imsemmija klawżoli, hemm lok li jitqies li, sa fejn il-konsumatur ma jkunx esprima x-xewqa tiegħu li jżomm il-klawżoli inġusti u sa fejn l-annullament tal-kuntratt jesponi lil dan il-konsumatur għal konsegwenzi partikolarment dannużi, il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, li għandu jiġi żgurat skont id-Direttiva 93/13, jeżiġi li, sabiex il-bilanċ reali bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-partijiet kontraenti jiġi stabbilit mill-ġdid, il-qorti nazzjonali għandha tieħu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali tagħha fl-intier tiegħu, il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lill-konsumatur mill-konsegwenzi partikolarment dannużi li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża, b’mod partikolari minħabba l-eżiġibbiltà immedjata tal-kreditu tal-bejjiegħ jew fornitur fil-konfront tiegħu (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 41).

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, jekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fid-dawl tan-natura tal-kuntratt ta’ self, il-qorti nazzjonali tqis li ma huwiex possibbli li l-partijiet jerġgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż, hija għandha tiżgura li l-konsumatur ikun jinsab finalment fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-klawżola meqjusa inġusta qatt ma eżistiet.

58

F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-interessi tal-konsumatur jistgħu għalhekk jiġu ssalvagwardati permezz, b’mod partikolari, ta’ rimbors favur tiegħu ta’ somom indebitament irċevuti mill-persuna li ssellef abbażi tal-klawżola meqjusa inġusta, peress li tali rimbors isir abbażi tal-arrikkiment indebitu. F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tal-ewwel istanza kklassifikat mill-ġdid il-kuntratt ta’ self inkwistjoni bħala kuntratt ta’ self iddenominat f’forint Ungeriżi, imbagħad iddeterminat ir-rata ta’ interessi applikabbli u obbligat lil Lombard tħallas lura l-ammont li jikkorrispondi għal tali arrikkiment indebitu.

59

Madankollu, għandu jitfakkar li s-setgħat tal-qorti ma jistgħux jestendu lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi stabbilit mill-ġdid il-bilanċ kuntrattwali bejn il-partijiet għall-kuntratt u b’hekk jiġi protett il-konsumatur mill-konsegwenzi li partikolarment jikkawżaw preġudizzju li l-annullament tal-kuntratt ta’ self inkwistjoni jista’ jikkawża (sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, Banca B., C‑269/19, EU:C:2020:954, punt 44).

60

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li terġa’ tqiegħed il-partijiet f’kuntratt ta’ self fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż għar-raġuni li klawżola tal-imsemmi kuntratt relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu għandha tiġi ddikjarata inġusta skont din id-direttiva, bil-kundizzjoni li, jekk dan ma jkunx possibbli, hija għandha tiżgura li l-konsumatur ikun jinsab finalment fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-klawżola meqjusa inġusta qatt ma eżistiet.

Fuq it‑tielet domanda

61

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 93/13 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi fuq il-konsumatur li jippreżenta rikors għall-konstatazzjoni tal-invalidità relatata mas-suġġett prinċipali tal-kuntratt, l-obbligu li jippreżenta wkoll mar-rikors tiegħu talba intiża li tiġi ddikjarata l-validità jew l-effettività tal-kuntratt ta’ self.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, il-konsumatur, kif enfasizzat Lombard fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma huwiex ir-rikorrent, iżda l-konvenut.

63

Min-naħa l-oħra, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali rekwiżit proċedurali huwa applikabbli jew ġie applikat għall-kontrotalba tiegħu quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, peress li l-qorti tar-rinviju ma tindikax sa fejn risposta għat-tielet domanda hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiemha.

64

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma esponietx b’livell ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni suffiċjenti r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel it-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ma kkonformatx ruħha mar-rekwiżit previst fl-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda hija inammissibbli.

Fuq ir‑raba’ domanda

66

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ li ma jkunx possibbli li l-partijiet jerġgħu jitqiegħdu fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż, invokat fil-kuntest tat-tieni domanda, il-kuntratt ta’ self inkwistjoni jistax, bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sussegwenti, jiġi ddikjarat validu jew bħala li ħoloq l-effetti tiegħu sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-partijiet.

67

Kif enfasizza l-Gvern Ungeriż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-qorti tar-rinviju ma ddefinixxietx x’tifhem bl-“adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sussegwenti” li hija tirreferi għaliha f’din id-domanda.

68

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju lanqas ma tindika sa fejn risposta għall-imsemmija domanda hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża mressqa quddiemha.

69

Konsegwentement, għall-istess raġuni bħal dik mogħtija fil-punt 64 ta’ din is-sentenza, din id-domanda hija inammissibbli.

Fuq l‑ispejjeż

70

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens li l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tagħha ma jistax, fl-assenza ta’ dispożizzjoni legali nazzjonali ta’ natura supplimentari li tirregola tali sitwazzjoni, jiġi żgurat unikament permezz ta’ opinjoni mhux vinkolanti tal-qorti suprema tal-Istat Membru kkonċernat li tindika lill-qrati inferjuri l-approċċ li għandu jiġi segwit sabiex kuntratt jiġi ddikjarat validu jew bħala li jkun ħoloq effetti bejn il-partijiet meta dan il-kuntratt ma jkunx jista’ jibqa’ fis-seħħ minħabba n-natura inġusta ta’ klawżola relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu.

 

2)

Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li l-qorti nazzjonali kompetenti tiddeċiedi li terġa’ tqiegħed il-partijiet f’kuntratt ta’ self fis-sitwazzjoni li kienu jkunu fiha li kieku dan il-kuntratt ma kienx ġie konkluż għar-raġuni li klawżola tal-imsemmi kuntratt relatata mas-suġġett prinċipali tiegħu għandha tiġi ddikjarata inġusta skont din id-direttiva, bil-kundizzjoni li, jekk dan ma jkunx possibbli, hija għandha tiżgura li l-konsumatur ikun jinsab finalment fis-sitwazzjoni li kien ikun fiha li kieku l-klawżola meqjusa inġusta qatt ma eżistiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.