SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)
28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal żmien twil – Artikolu 11 – Direttiva 2011/98/UE – Drittijiet tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku – Artikolu 12 – Direttiva 2009/50/KE – Drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-karta blu tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 14 – Direttiva 2011/95/UE – Drittijiet tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Artikolu 29 – Ugwaljanza fit-trattament – Sigurtà soċjali – Regolament (KE) Nru 883/2004 – Koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali – Artikolu 3 – Benefiċċji tal-familja – Assistenza soċjali – Protezzjoni soċjali – Aċċess għal oġġetti u għal servizzi – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-benefiċċju ta’ ‘karta tal-familja’”
Fil-Kawża C‑462/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura
Associazione per gli Studi Giuridici sull’Immigrazione (ASGI),
Avvocati per niente onlus (APN),
Associazione NAGA – Organizzazione di volontariato per l’Assistenza Socio-Sanitaria e per i Diritti di Cittadini Stranieri, Rom e Sinti
vs
Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per le politiche della famiglia,
Ministero dell’Economia e delle Finanze,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),
komposta minn C. Lycourgos, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Għaxar Awla, I. Jarukaitis (Relatur) u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għall-Associazione per gli Studi Giuridici sull’Immigrazione (ASGI), għall-Avvocati per niente onlus (APN) u għall-Associazione NAGA – Organizzazione di volontariato per l’Assistenza Socio-Sanitaria e per i Diritti di Cittadini Stranieri, Rom e Sinti, minn A. Guariso, L. Neri u I. Traina, avukati, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) u (f) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), tal-Artikolu 12(1)(e) u (g) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1), tal-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU 2009, L 155, p. 17), u tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Associazione per gli Studi Giuridici sull’Immigrazione (ASGI), l-Avvocati per niente onlus (APN) u l-Associazione NAGA – Organizzazione di volontariato per l’Assistenza Socio-Sanitaria e per i Diritti di Cittadini Stranieri, Rom e Sinti à la Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per le politiche della famiglia (Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri – Dipartiment tal-Politika tal-Familja, l-Italja) u l-Ministero dell’Economia e delle Finanze (il-Ministeru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, l-Italja) dwar l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mill-benefiċċju ta’ karta mogħtija lill-familji li tagħti l-possibbiltà li jinkisbu skontijiet jew tnaqqis tariffarju waqt ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi (iktar ’il quddiem il-“karta tal-familja”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2003/109
|
3 |
L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi li: “1. Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’: […]
[…]
[…] 2. Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat. […]” |
Id-Direttiva 2009/50
|
4 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2009/50, intitolat “Trattament ugwali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Id-detenturi ta’ Karta Blu tal-UE għandhom igawdu minn trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tal-Istat Membru li ħareġ il-Karta Blu, fir-rigward ta’: […]
[…]
[…]” |
Id-Direttiva 2011/95
|
5 |
L-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Għajnuna soċjali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.” |
Id-Direttiva 2011/98
|
6 |
L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98, intitolat “Dritt għal trattament ugwali”, jipprevedi li: “1. Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’: […]
[…]
[…] 2. L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali: […]
[…]” |
Ir-Regolament Nru 883/2004
|
7 |
L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jgħid li: “Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
|
|
8 |
L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li: “Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali: […] (j) benefiċċji marbuta mal-familja.” |
Id-dritt Taljan
|
9 |
L-Artikolu 1(391) tal-legge n. 208/2015 – Disposizioni per la formazione del bilancio annuale e pluriennale dello Stato (legge di stabilità 2016) (il-Liġi Nru 208/2015, li Tistabbilixxi Dispożizzjonijiet għall-Istabbiliment tal-Baġit Annwali u Multiannwali tal-Istat (Liġi ta’ Stabbiltà 2016)), tat‑28 ta’ Diċembru 2015 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 302, tat‑30 ta’ Diċembru 2015), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jistabbilixxi li: “Karta tal-familja intiża għall-familji komposti minn ċittadini Taljani jew minn ċittadini ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li jirrisjedu b’mod regolari fit-territorju Taljan u li l-unità domestika tagħhom tinkludi mill-inqas tlett ulied li l-età tagħhom ma taqbiżx is‑26 sena, hija stabbilita sa mis-sena 2016. Il-karta għandha tingħata lill-familji li jitolbuha skont il-kriterji u l-modalitajiet stabbiliti b’digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri jew tal-Ministru għall-Familja u għall-Persuni b’Diżabbiltà, b’konsultazzjoni mal-Ministru għall-Ekonomija u għall-Finanzi, adottat f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni. Il-karta tippermetti li jingħataw, mill-entitajiet pubbliċi jew privati li jipparteċipaw fl-inizjattiva, skontijiet għax-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi jew tnaqqis tariffarju. L-entitajiet li jipparteċipaw fl-inizjattiva, li jagħtu skontijiet jew tnaqqis ogħla minn dak normalment mogħti fis-suq, jistgħu jenfasizzaw il-fatt li huma jkunu qegħdin jipparteċipaw fl-inizjattiva għal finijiet promozzjonali u pubbliċitarji.” |
|
10 |
L-Artikolu 1(391) ta’ din il-liġi ġie implimentat permezz tad-decreto della Presidenza del Consiglio dei Ministri – Dipartimento per le politiche della famiglia – Rilascio della Carta della famiglia (id-Digriet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri – Dipartiment tal-Politika tal-Familja, dwar il-Ħruġ tal-Karta tal-Familja), tas‑27 ta’ Ġunju 2019 (GURI Nru 203, tat‑30 ta’ Awwissu 2019). Dan id-digriet jipprevedi li l-karta tal-familja għandha tinħareġ mid-Dipartiment tal-Politika tal-Familja tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri fuq talba tal-persuni kkonċernati. It-talba għandha tintbagħat permezz ta’ sit internet u, fiha, l-applikant għandu jiddikjara li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi, b’mod partikolari l-kwalità ta’ ċittadin Taljan jew ta’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni residenti b’mod regolari fl-Italja. Il-fornituri pubbliċi jew privati ta’ oġġetti u ta’ servizzi (pereżempju n-negozjanti) jipparteċipaw liberament fl-inizjattiva. Għal dan il-għan, huma jistgħu jikkonkludu ftehim mad-Dipartiment tal-Politika tal-Familja tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri. Huma għandhom jimpenjaw ruħhom li jagħtu lid-detenturi tal-karta tnaqqis ta’ mill-inqas 5 % fuq il-prezz pubbliku ta’ ċerti oġġetti jew servizzi li huma jagħżlu huma stess. L-ismijiet tal-fornituri parteċipanti huma ppubblikati fuq is-sit internet. |
|
11 |
L-Artikolu 90 bis tad-decreto-legge n. 18/2020 – Misure di potenziamento del Servizio sanitario nazionale e di sostegno economico per famiglie, lavoratori e imprese connesse all’emergenza epidemiologica da COVID‑19 (id-Digriet-Liġi Nru 18/2020, dwar Miżuri ta’ Tisħiħ tas-Servizz tas-Saħħa Nazzjonali u ta’ Għajnuna Ekonomika lill-Familji, lill-Ħaddiema u lill-Impriżi Marbuta mal-Kriżi Epidemjoloġika tal-COVID‑19), tas‑17 ta’ Marzu 2020 (GURI Nru 70, tas‑17 ta’ Marzu 2020), introdott mil-legge di conversione n. 27/2020 (il-Liġi ta’ Konverżjoni Nru 27/2020), tal‑24 ta’ April 2020 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 110, tad‑29 ta’ April 2020), naqqas, għall‑2020, għal wild wieħed biss in-numru ta’ ulied dipendenti meħtieġa sabiex jibbenefikaw mill-karta tal-familja. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
12 |
Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Marzu 2020, l-ASGI u żewġ assoċjazzjonijiet oħra li ma humiex rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu lid-Dipartiment tal-Politika tal-Familja tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri sabiex il-leġiżlazzjoni dwar il-karta tal-familja titwarrab sa fejn teskludi mill-benefiċċju tagħha liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom status protett mid-dritt tal-Unjoni. |
|
13 |
Peress li din it-talba baqgħet mingħajr tweġiba, ir-rikorrenti adixxew lit-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja), il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ proċedura speċjali applikabbli għat-tilwim fil-qasam tad-diskriminazzjoni, sabiex din il-leġiżlazzjoni titwarrab f’dan ir-rigward u sabiex tiġi ordnata emenda tal-imsemmija leġiżlazzjoni. |
|
14 |
Quddiem din il-qorti, ir-rikorrenti jsostnu b’mod partikolari li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, peress li l-karta tal-familja taqa’, fil-fehma tagħhom, taħt il-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “għajnuna soċjali” u ta’ “protezzjoni soċjali” msemmija f’din id-dispożizzjoni. Din il-leġiżlazzjoni tmur kontra wkoll l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, moqri flimkien mal-Artikolu 1(z) u mal-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, peress li l-karta tal-familja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “benefiċċji tal-familja” msemmi f’dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, l-imsemmija leġiżlazzjoni tmur kontra l-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva 2009/50, moqri flimkien mal-istess dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 883/2004, kif ukoll mal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95, peress li l-karta tal-familja taqa’ taħt il-kunċett ta’ “protezzjoni soċjali” msemmi f’din id-dispożizzjoni. |
|
15 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun inkompatibbli wkoll mad-dritt tal-Unjoni jekk kellu jitqies li l-ħruġ tal-karta tal-familja jikkostitwixxi servizz fis-sens tal-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, tal-Artikolu 12(1)(g) tad-Direttiva 2011/98 u tal-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva 2009/50. |
|
16 |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jitolbu li r-rikors jiġi miċħud billi jsostnu, għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2003/109, li l-karta tal-familja ma taqax taħt il-kunċetti ta’ “għajnuna soċjali” jew ta’ “protezzjoni soċjali”, iżda tikkostitwixxi miżura ta’ sostenn għall-familja u ta’ tnaqqis tal-ispejjeż tas-servizzi għall-familja. Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-għoti ta’ din il-karta ma jiddependix mid-dħul tal-benefiċjarji u li hija ma hijiex iffinanzjata mill-awtoritajiet pubbliċi, peress li t-tnaqqis jingħata mill-fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi li magħhom jeżisti ftehim. Għal raġunijiet analogi, huma jqisu li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali la tmur kontra d-Direttiva 2011/98, peress li l-karta tal-familja ma tistax titqies li hija benefiċċju tal-familja, la kontra d-Direttiva 2009/50 u lanqas kontra d-Direttiva 2011/95. |
|
17 |
Il-qorti tar-rinviju tesponi li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi prinċipalment fuq il-kwistjoni dwar jekk il-karta tal-familja taqax taħt wieħed mill-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “għajnuna soċjali”, ta’ “protezzjoni soċjali”, ta’ “aċċess għal oġġetti u għal servizzi” jew ta’ “benefiċċju tal-familja”, imsemmija fid-direttivi invokati kif ukoll fir-Regolament Nru 883/2004. |
|
18 |
Hija tosserva li, għalkemm it-telf ta’ profitt marbut mat-tnaqqis li minnu jibbenefikaw il-familji li għandhom il-karta tal-familja jibqa’ r-responsabbiltà tal-fornituri ta’ oġġetti u ta’ servizzi, pubbliċi jew privati, li jiddeċiedu li jikkonkludu ftehim mad-Dipartiment tal-Politika tal-Familja tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, dan id-dipartiment, li l-funzjonament tiegħu jitħallas mill-baġit tal-Istat, jittratta t-talbiet għall-għoti ta’ karti tal-familja, joħroġhom u jippubblika l-ismijiet tal-entitajiet pubbliċi jew privati li jkunu kkonkludew tali ftehim. |
|
19 |
Hija tosserva li l-kwistjonijiet ta’ liġi mqajma mill-partijiet għandhom jiġu deċiżi billi tingħata interpretazzjoni awtonoma tad-dritt tal-Unjoni. |
|
20 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Milano (il-Qorti Distrettwali ta’ Milano, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
21 |
Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1)(d) jew l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 12(1)(e) jew l-Artikolu 12(1)(g) tad-Direttiva 2011/98, l-Artikolu 14(1)(e) jew l-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva 2009/50 u l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn id-direttivi mill-benefiċċju ta’ karta tal-familja li tippermetti li jinkisbu skontijiet jew tnaqqis tariffarju waqt ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi pprovduti minn entitajiet pubbliċi jew privati li jkunu kkonkludew ftehim mal-gvern ta’ dan l-Istat Membru. |
|
22 |
Sabiex jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk din l-esklużjoni tmurx kontra l-ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji koperti minn dawn id-direttivi, għandu jiġi eżaminat jekk il-karta tal-familja taqax taħt waħda minn dawn il-benefiċċji. |
|
23 |
Għal dan il-għan, għandu jiġi osservat, qabelxejn, li l-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 u fl-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva 2009/50 huma dawk li jappartjenu għall-oqsma differenti tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti mid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mir-Regolament Nru 883/2004. |
|
24 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-distinzjoni bejn il-benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 u dawk li huma esklużi minnu hija bbażata essenzjalment fuq l-elementi li jikkostitwixxu kull benefiċċju, b’mod partikolari l-għanijiet u l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dan, u mhux fuq il-fatt jekk benefiċċju huwiex ikklassifikat jew le bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali mil-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
25 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li benefiċċju jista’ jitqies li huwa benefiċċju tas-sigurtà soċjali sa fejn, minn naħa, dan jingħata lill-benefiċjarji mingħajr ebda evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan ikun marbut ma’ wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 883/2004 (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
26 |
Għaldaqstant, benefiċċji mogħtija awtomatikament lill-familji li jissodisfaw ċerti kriterji oġġettivi bbażati b’mod partikolari fuq id-daqs tagħhom, id-dħul tagħhom u r-riżorsi f’kapital tagħhom, minbarra kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, u li huma intiżi sabiex jikkumpensaw il-piżijiet tal-familja, għandhom jitqiesu bħala benefiċċji tas-sigurtà soċjali (sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Caisse pour l’avenir des enfants (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 37). |
|
27 |
Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk benefiċċju partikolari jaqax taħt il-benefiċċji tal-familja previsti fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(z) ta’ dan ir-regolament, it-termini “benefiċċju marbut mal-familja” ifissru l-benefiċċji kollha in natura jew fi flus maħsuba sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja, minbarra għotjiet ta’ pagamenti għall-manteniment u allowances speċjali marbutin mat-twelid ta’ tarbija jew ma’ adozzjoni msemmija fl-Anness I tal-imsemmi regolament. Il-benefiċċji tal-familja huma intiżi għalhekk sabiex jgħinu soċjalment lill-ħaddiema li għandhom ir-responsabbiltà ta’ familja billi jinvolvu lis-soċjetà f’dawn l-ispejjeż. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kliem “jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż tal-familja” għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, b’mod partikolari, għal kontribuzzjoni pubblika għall-baġit tal-familja intiża sabiex tnaqqas l-ispejjeż li jirriżultaw mill-manteniment tal-ulied (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Lachheb, C‑177/12, EU:C:2013:689, punti 34 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata; tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, FV u GW (Wild tal-konjuġi ta’ ħaddiem fruntalier), C‑802/18, EU:C:2020:269, punt 38). |
|
28 |
Issa, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, il-karta tal-familja hija intiża għall-familji u ġiet ikklassifikata mil-leġiżlatur Taljan bħala “miżura ta’ sostenn favur familji numerużi”, u għalkemm il-ħruġ ta’ din il-karta, il-konklużjoni ta’ ftehimiet mal-fornituri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kkonċernati kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ isimhom huma żgurati u ffinanzjati mill-Istat, jidher madankollu li l-għan tal-imsemmija karta huwa l-ksib ta’ skontijiet jew ta’ tnaqqis tariffarju mogħti minn dawn il-fornituri, li jsostnu l-ispiża tagħha u li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-azzjoni favur il-familji hija volontarja. Għaldaqstant, kif isostnu l-Gvern Taljan u l-Kummissjoni Ewropea, il-karta tal-familja ma tikkostitwixxix benefiċċju li għandu n-natura ta’ kontribuzzjoni pubblika li tinvolvi lis-soċjetà fl-ispejjeż tal-familja u ma taqax, konsegwentement, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004. |
|
29 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 u l-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva 2009/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
30 |
Sussegwentement, bid-differenza tad-Direttivi 2011/98 u 2009/50, id-Direttiva 2003/109 tirreferi għad-dritt nazzjonali sabiex jiġi ddeterminat jekk benefiċċju soċjali partikolari jaqax taħt dawk li hija tkopri, peress li l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din tal-aħħar jipprevedi ugwaljanza fit-trattament bejn residenti għal żmien twil u ċittadini nazzjonali għal dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, l-għajnuna soċjali u l-protezzjoni soċjali “kif definiti bil-liġi nazzjonali”. |
|
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni għamel riferiment espress għal-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif huwa l-każ fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, ma huwiex ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti lit-termini kkonċernati definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, l-assenza ta’ definizzjoni awtonoma u uniformi, skont id-dritt tal-Unjoni, tal-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “għajnuna soċjali” u ta’ “protezzjoni soċjali” għall-finijiet ta’ din id-direttiva u r-riferiment għad-dritt nazzjonali ma jimplikawx li l-Istati Membri jistgħu jippreġudikaw l-effett utli tagħha fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 77 u 78). |
|
32 |
F’dan il-każ, ma jidhirx madankollu li l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom l-istatus ta’ resident għal żmien twil, skont id-Direttiva 2003/109, mill-benefiċċju tal-karta tal-familja tista’ tippreġudika l-effett utli ta’ din id-direttiva għal dak li jirrigwarda l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tal-għajnuna soċjali u tal-protezzjoni soċjali. Għaldaqstant, sakemm din il-karta ma taqax, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, taħt il-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “għajnuna soċjali” jew ta’ “protezzjoni soċjali”, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 ma jipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
33 |
Għal dak li jirrigwarda d-Direttiva 2011/95, l-Artikolu 29 tagħha jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-istess assistenza soċjali neċessarja kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. Għalhekk, din id-direttiva tirrikjedi li l-livell tal-benefiċċji soċjali mogħtija lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali mill-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni jkun l-istess bħal dak offrut liċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Ayubi, C‑713/17, EU:C:2018:929, punt 25). |
|
34 |
Għalkemm id-Direttiva 2011/95 ma tipprovdi ebda dettalji dwar il-benefiċċji li għandhom jirċievu l-benefiċjarji tal-assistenza soċjali skont l-Artikolu 29 tagħha, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-kunċett ta’ “benefiċċji ta’ assistenza soċjali” jirreferi għall-iskemi kollha ta’ għajnuna stabbiliti minn awtoritajiet pubbliċi, kemm fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jirrikorri għalihom individwu li ma jkollux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑11 ta’ Novembru 2014, Dano, C‑333/13, EU:C:2014:2358, punt 63, u tal‑15 ta’ Settembru 2015, Alimanovic, C‑67/14, EU:C:2015:597, punt 44). |
|
35 |
F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, il-karta tal-familja tikkostitwixxix benefiċċju ta’ assistenza soċjali, fis-sens tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95. |
|
36 |
Sabiex, fit-tieni lok, jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fid-Direttivi 2003/109, 2011/98 u 2009/50 mill-benefiċċju tal-karta tal-familja tmurx kontra l-ugwaljanza fit-trattament prevista fl-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, fl-Artikolu 12(1)(g) tad-Direttiva 2011/98 u fl-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva 2009/50, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu ugwaljanza fit-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn id-direttivi ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-aċċess għal oġġetti u għal servizzi u tal-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi offruti lill-pubbliku. |
|
37 |
Issa, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tal-karta tal-familja huwa li tippermetti l-aċċess għal oġġetti u għal servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi offruti lill-pubbliku billi jibbenefikaw minn skont jew minn tnaqqis tariffarju. |
|
38 |
Għalhekk, l-esklużjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn id-direttivi mill-benefiċċju tal-karta tal-familja, sa fejn iċċaħħadhom mill-aċċess għal dawn l-oġġetti u għal dawn is-servizzi kif ukoll mill-provvista tagħhom taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini Taljani, tikkostitwixxi inugwaljanza fit-trattament li tmur kontra l-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 12(1)(g) tad-Direttiva 2011/98 u l-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva 2009/50. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-atti tal-proċess u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Taljan, ma jirriżultax li dan tal-aħħar esprima b’mod ċar li huwa kellu l-intenzjoni li jibbaża ruħu fuq id-derogi msemmija fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 u fl-Artikolu 12(2)(d)(i) tad-Direttiva 2011/98 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
40 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li:
|
Fuq l-ispejjeż
|
41 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru u l-Artikolu 14(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn dawn id-direttivi mill-benefiċċju ta’ karta mogħtija lill-familji li tagħti il-possibbiltà li jinkisbu skontijiet jew tnaqqis tariffarju waqt ix-xiri ta’ oġġetti u ta’ servizzi pprovduti minn entitajiet pubbliċi jew privati li jkunu kkonkludew ftehim mal-gvern ta’ dan l-Istat Membru. |
|
L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li dan lanqas ma jipprekludi tali leġiżlazzjoni sakemm tali karta ma taqax, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru, taħt il-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, ta’ “għajnuna soċjali” jew ta’ “protezzjoni soċjali”. |
|
l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi tali leġiżlazzjoni jekk l-imsemmija karta taqa’ taħt skema ta’ għajnuna stabbilita minn awtoritajiet pubbliċi li jirrikorri għaliha individwu li ma jkollux riżorsi suffiċjenti sabiex jissodisfa l-bżonnijiet bażiċi tiegħu kif ukoll dawk tal-familja tiegħu. |
|
L-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 12(1)(g) tad-Direttiva 2011/98 u l-Artikolu 14(1)(g) tad-Direttiva 2009/50 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu tali leġiżlazzjoni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.