SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Ġunju 2023 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza minn Stat Membru kontra ċittadin ta’ pajjiż terz ġenitur ta’ wild minuri, li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru – Wild li jinsab barra mit-territorju tal-Unjoni u li qatt ma rrisjeda fit-territorju tagħha”

Fil-Kawża C‑459/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

X

vs

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, P. G. Xuereb, A. Kumin (Relatur) u I. Ziemele, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Frar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X, minn M. van Werven u J. Werner, avukati,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn M. Jespersen, J. Nymann-Lindegren u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Ladenburger, E. Montaguti u M. G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X, ċittadina Tajlandiża, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) dwar iċ-ċaħda, minnu, tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ residenza ppreżentata minn X.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3

X irrisjediet b’mod regolari fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn hija kienet miżżewġa ma’ A, ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi. Minn din l-unjoni twieled wild ta’ nazzjonalità tal-Pajjiżi l-Baxxi.

4

Dan il-wild, li kellu għaxar snin fid-data tal-preżentata tat-talba għal deċiżjoni preliminari, twieled fit-Tajlandja fejn trabba min-nanna materna tiegħu, peress li X irritornat fil-Pajjiżi l-Baxxi wara dan it-twelid. Il-wild dejjem għex f’dan il-pajjiż terz u qatt ma rrisjeda fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni.

5

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2017, l-awtoritajiet Olandiżi rrevokaw id-dritt ta’ residenza ta’ X b’effett retroattiv mill-1 ta’ Ġunju 2016, id-data tas-separazzjoni de facto ta’ A u ta’ X.

6

Fis-17 ta’ Mejju 2018, ġie ddikjarat id-divorzju ta’ A u ta’ X.

7

Fis-6 ta’ Mejju 2019, is-Segretarju tal-Istat innotifika lil X li hija kienet ser titkeċċa lejn Bangkok (it-Tajlandja) fit-8 ta’ Mejju 2019.

8

Fis-7 ta’ Mejju 2019, X applikat għal residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ B, ċittadin ta’ dan l-Istat Membru. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ din l-applikazzjoni, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi vverifikaw ex officio jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħetx tikseb dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE sabiex tkun tista’ tirrisjedi mal-wild tagħha fit-territorju tal-Unjoni.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad l-applikazzjoni msemmija, b’mod partikolari minħabba li X ma setgħetx tinvoka dritt ta’ residenza dderivat skont l-Artikolu 20 TFUE, kif irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354).

10

Fit-8 ta’ Mejju 2019, X tkeċċiet lejn Bangkok.

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2019, is-Segretarju tal-Istat ċaħad ilment imressaq minn X kontra d-deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2019. X għalhekk adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’rikors li fil-kuntest tiegħu hija ssostni li, minħabba din id-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza, il-wild tagħha, minkejja li huwa ċittadin tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa mċaħħad mill-possibbiltà li jirrisjedi fl-Unjoni u li, konsegwentement, l-imsemmija deċiżjoni tpoġġi indiskussjoni l-effett utli tad-drittijiet li huwa għandu minħabba l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni.

12

F’dan ir-rigward, X tenfasizza li l-wild tagħha, li dejjem kien dipendenti fuqha, kemm legalment kif ukoll finanzjarjament u li miegħu dejjem kellha relazzjoni affettiva, huwa kompletament dipendenti fuqha. Hija tippreċiża li, sa mir-ritorn tagħha lejn it-Tajlandja, hija tieħu ħsiebu kuljum. In-nanna materna tal-wild, minħabba l-istat ta’ saħħitha, ma tistax tibqa’ tieħu ħsieb lil dan tal-aħħar. X iżżid li, permezz ta’ sentenza tal-Qorti ta’ Surin (it-Tajlandja) tal-5 ta’ Frar 2020, ingħatatilha l-kustodja esklużiva tal-wild.

13

Peress li dan il-wild ma jitkellem la bil-lingwa Ingliża u lanqas bil-lingwa Olandiża, huwa ma jistax jikkomunika ma’ missieru li miegħu huwa ma kien għad kellu ebda kuntatt sa mis-sena 2017. Skont X, A ma għandu l-ebda relazzjoni affettiva mal-wild u ma assuma ebda responsabbiltà fil-konfront tiegħu.

14

Is-Segretarju tal-Istat isostni li d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ residenza indirizzata lil X ma timplikax li l-wild tagħha huwa obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, peress li huwa ilu jirrisjedi fit-Tajlandja sa mit-twelid tiegħu. Barra minn hekk, ma jistax jitqies awtomatikament li X għandha l-kustodja esklużiva tal-wild, peress li d-deċiżjoni tal-qorti Tajlandiża li hija tinvoka f’dan ir-rigward ma ġietx illegalizzata. Barra minn hekk, X ma wrietx li hija effettivament ilha tieħu ħsieb il-wild sa mir-ritorn tagħha fit-Tajlandja. Ma teżisti ebda prova oġġettiva tal-eżistenza, bejnha u bejn il-wild, ta’ rabta ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar huwa mġiegħel jirrisjedi barra mit-territorju tal-Unjoni jekk jiġi rrifjutat dritt ta’ residenza lil X. Huwa probabbli li l-fatt li l-wild ġie sseparat minn ommu matul kważi ħajtu kollha, kellu effett fuq ir-rabta tiegħu u għalhekk fuq id-dipendenza tiegħu fuq din tal-aħħar. Barra minn hekk, ir-rwol ta’ A fil-ħajja tal-wild ma huwiex ċar u l-fatt li X issostni li A ma jiħux ħsieb il-wild huwa element suġġettiv. Is-Segretarju tal-Istat iżid li X ma pprovatx li l-wild tagħha jixtieq jiġi jgħix fil-Pajjiżi l-Baxxi jew li huwa fl-interess ta’ dan il-wild li ommu jkollha permess ta’ residenza f’dan l-Istat Membru.

15

Il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar l-applikabbiltà tal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734), tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776), kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354), f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, jirrisjedi barra mit-territorju tal-Unjoni jew qatt ma rrisjeda f’dan it-territorju.

16

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li risposta negattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun tfisser, skont id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, li ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ ċittadin tal-Unjoni minuri, qatt ma jkun jista’ jingħata dritt ta’ residenza dderivat mill-Artikolu 20 TFUE u jkun jista’ jidħol fil-Pajjiżi l-Baxxi b’mod regolari biss jekk jippreżenta applikazzjoni għal residenza bbażata fuq id-dritt għall-ħajja privata u tal-familja fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950. Skont il-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi, tali applikazzjoni teżiġi, bħala prinċipju, li l-applikant ikollu awtorizzazzjoni ta’ residenza provviżorja bħala membru tal-familja estiża. Għal dan l-għan, madankollu, jeħtieġ, fost l-oħrajn, li l-membru tal-familja li miegħu hija prevista r-residenza, jiġifieri l-“isponsor”, ikollu huwa stess iktar minn 21 sena. Issa, mid-definizzjoni tiegħu stess, wild minuri ma jistax jissodisfa din il-kundizzjoni, li jfisser li tali applikazzjoni għal residenza ma jkollha, mill-bidu nett, ebda possibbiltà li tirnexxi.

17

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza taċ-ċittadin tal-Unjoni fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz kif ukoll dwar il-kwistjoni tal-kustodja tal-wild effettiv fil-kuntest tal-kawża prinċipali.

18

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Utrecht (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, sedenti f’Utrecht, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li Stat Membru jirrifjuta li jagħti lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, meta huwa jkollu wild minuri dipendenti, ċittadin tal-Unjoni, u meta dan il-minuri jkun jinsab f’relazzjoni effettiva ta’ dipendenza ma’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru fejn il-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni jkollu n-nazzjonalità tiegħu, meta dan tal-aħħar jirrisjedi barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew tal-Unjoni u/jew qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni, b’tali mod li l-minuri li huwa ċ-ċittadin tal-Unjoni jiġi de facto rrifjutat l-aċċess għat-territorju tal-Unjoni?

2)

(a)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni (minuri) huma obbligati li jinvokaw l-eżistenza jew il-possibbiltà ta’ interess fl-eżerċizzju tad-drittijiet li huma jibbenefikaw minnhom skont din iċ-ċittadinanza?

(b)

F’dan ir-rigward, x’importanza għandha tingħata lill-fatt li minuri li huma ċittadini tal-Unjoni ma jistgħux ġeneralment jinvokaw id-drittijiet tagħhom huma stess u lanqas ma għandhom vuċi f’dak li jikkonċerna l-post ta’ residenza tagħhom, iżda fuq dan il-punt jiddependu fuq il-ġenitur(i) tiegħu/tagħhom, u li dan ikun jista’ jimplika li talba tkun tista’ ssir f’isem minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni, filwaqt li jista’ jkun li dan imur kontra l-interessi l-oħra tiegħu fis-sens, fost oħrajn, tas-sentenza [tal-10 ta’ Mejju 2017,] Chavez Vilchez [et (C‑133/15, EU:C:2017:354)]?

(c)

Dawn id-drittijiet huma assoluti, fis-sens li ma jistgħu jkunu suġġetti għal ebda ostakolu jew l-Istat Membru li l-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni għandu n-nazzjonalità tiegħu għandu saħansitra obbligu pożittiv li jagħmel possibbli l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet?

3)

(a)

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bħal dik prevista fl-ewwel domanda, għandha tingħata importanza determinanti, minn naħa, lill-kwistjoni dwar jekk il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, qabel l-applikazzjoni għad-dritt ta’ residenza jew qabel id-deċiżjoni li permezz tagħha dan id-dritt ġie miċħud, jew qabel il-mument li fih qorti (nazzjonali) għandha tiddeċiedi fi proċeduri ġudizzjarji li tressqu minħabba dak ir-rifjut, huwiex responsabbli jew le għall-kura ta’ kuljum tal-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, u, min-naħa l-oħra, jekk kienx hemm persuni oħra li kienu responsabbli għall-kura ta’ kuljum fil-passat u/jew jistgħu (jibqgħu) jkunu responsabbli għaliha?

(b)

F’dan ir-rigward, jista’ jkun mistenni minn minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, sabiex jeżerċita konkretament id-drittijiet mogħtija lilu mid-dritt tal-Unjoni, li huwa jistabbilixxi ruħu fit-territorju tal-Unjoni mal-ġenitur l-ieħor tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, minkejja li dan il-ġenitur possibbilment ma għadx għandu l-kustodja ta’ dan il-minuri?

(c)

Fl-affermattiv, jagħmel għalhekk differenza jekk il-ġenitur ħax ħsieb jew le u/jew ħax responsabbiltà tal-kustodja u/jew ir-responsabbiltà legali, finanzjarja [jew] affettiva tal-minuri u jekk effettivament huwiex lest jew le li jieħu din ir-responsabbiltà u/jew il-kura tal-minuri?

(d)

Jekk kellu jiġi stabbilit li l-ġenitur, li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, għandu l-kustodja esklużiva tal-minuri li huwa ċittadin tal-Unjoni, dan ifisser li għandha tingħata inqas importanza lill-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà legali, finanzjarja u/jew affettiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jgħix sa mit-twelid tiegħu barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni jeskludi li wieħed mill-ġenituri tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, li dan il-wild huwa dipendenti fuqu, jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq dan l-artikolu.

20

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 20 TFUE jagħti lil kull persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41, u tad-9 ta’ Ġunju 2022, Préfet du Gers u Institut national de la statistique et des études économiques, C‑673/20, EU:C:2022:449, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni dritt fundamentali u individwali li jiċċaqlaq u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet u għar-restrizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat FUE kif ukoll għall-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 TFUE jipprekludi miżuri nazzjonali, inklużi deċiżjonijiet li jirrifjutaw id-dritt ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jkollhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadini tal-Unjoni mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet mogħtija mill-istatus tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano, C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42; tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 45, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 61).

23

Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni ma jagħtu ebda dritt awtonomu liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, id-drittijiet eventwali mogħtija lil tali ċittadini ma humiex drittijiet awtonomi ta’ dawn iċ-ċittadini, iżda drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi minnhom iċ-ċittadin tal-Unjoni. L-għan u l-ġustifikazzjoni ta’ dawn id-drittijiet idderivati huma bbażati fuq il-konstatazzjoni li r-rifjut tar-rikonoxximent tagħhom huwa ta’ natura li jippreġudika, b’mod partikolari, il-libertà ta’ moviment taċ-ċittadin tal-Unjoni fit-territorju tal-Unjoni (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza abbażi tal-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li jeżistu sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom, minkejja l-fatt li d-dritt sekondarju tal-Unjoni dwar id-dritt ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma jkunx applikabbli u li ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat ma jkunx għamel użu mil-libertà ta’ moviment tiegħu, dritt ta’ residenza għandu madankollu jingħata lil ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ dan iċ-ċittadin, taħt piena li jiġi ppreġudikat l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jekk, bħala konsegwenza tar-rifjut ta’ tali dritt, dan iċ-ċittadin jiġi mġiegħel, fil-fatt, jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kkunsidrat kollu kemm hu, u b’hekk jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija b’dan l-istatus (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Is-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza huma kkaratterizzati mill-fatt li, anki jekk huma rregolati minn leġiżlazzjoni li taqa’ a priori taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni li tikkonċerna d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi Stati terzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt idderivat tal-Unjoni, li, taħt ċerti ċirkustanzi, jipprevedu l-għoti ta’ tali dritt, dawn is-sitwazzjonijiet għandhom madankollu relazzjoni intrinsika mal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni, li tipprekludi li dan id-dritt ta’ dħul u ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dawn iċ-ċittadini fl-Istat Membru fejn jirrisjedi dan iċ-ċittadin, sabiex din il-libertà ma tiġix ippreġudikata (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rifjut li jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreġudika l-effett utli taċ-ċittadinanza tal-Unjoni biss jekk ikun hemm, bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadin tal-Unjoni, membru tal-familja tiegħu, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel jakkumpanja liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz inkwistjoni u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni ikkunsidrat fl-intier tiegħu (sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, bħar-rifjut jew it-telf ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru, projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju tal-Unjoni, imposta fuq ċittadin ta’ pajjiż terz, li huwa membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, tista’ twassal biex dan iċ-ċittadin jiġi mċaħħad mit-tgawdija effettiva tad-drittijiet essenzjali mogħtija mill-istatus tiegħu, meta, minħabba r-relazzjoni ta’ dipendenza eżistenti bejn dawn il-persuni, din il-projbizzjoni ta’ dħul tobbliga, fil-fatt, lill-imsemmi ċittadin jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, sabiex jakkumpanja lill-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett tal-imsemmija projbizzjoni (sentenza tas-27 ta’ April 2023, M.D. (Projbizzjoni ta’ dħul fl-Ungerija), C‑528/21, EU:C:2023:341, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza fil-konfront tal-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, ma jistax iwassal, kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-kawżi dwar l-Artikolu 20 TFUE li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, biex dan il-wild ikun imġiegħel jakkumpanja lill-ġenitur tiegħu li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz u li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, peress li, mit-twelid tiegħu, huwa jgħix f’pajjiż terz u qatt ma rrisjeda fl-Unjoni.

29

Madankollu, minn naħa, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, fil-ġurisprudenza msemmija fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li l-wild ikkonċernat kien dejjem irrisjeda fl-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu, din il-preċiżazzjoni kienet intiża biss biex tenfasizza li l-benefiċċju tad-dritt ta’ residenza dderivat li jirriżulta mill-Artikolu 20 TFUE ma jiddependix fuq l-eżerċizzju minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu ta’ moviment liberu u ta’ residenza fi ħdan l-Unjoni, iżda miċ-ċittadinanza tiegħu tal-Unjoni, status li huwa jgawdi indipendentement mill-eżerċizzju tal-imsemmija drittijiet, mis-sempliċi fatt li jkollu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru.

30

Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn teżisti rabta ta’ dipendenza bejn wild ċittadin tal-Unjoni u l-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz, ir-rifjut tar-residenza ta’ dan tal-aħħar fl-Istat Membru li tiegħu dan il-wild għandu n-nazzjonalità jista’ jipprekludi lill-imsemmi wild milli jirrisjedi jew jiċċaqlaq fit-territorju tal-Unjoni, sa fejn ikun għalhekk imġiegħel jibqa’ f’pajjiż terz ma’ dan il-ġenitur.

31

F’dan ir-rigward, il-konsegwenzi, għall-wild ċittadin tal-Unjoni, minħabba l-fatt li huwa prekluż, fil-prattika, milli jidħol u jirrisjedi fl-Unjoni għandhom jitqiesu li huma simili għal dawk minħabba l-fatt li jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

32

Kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza tal-Unjoni jagħtu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi biss drittijiet idderivati minn dawk li jgawdi ċ-ċittadin tal-Unjoni.

33

Id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 20 TFUE, fil-kwalità tiegħu ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, huwa ġġustifikat għar-raġuni li tali residenza hija neċessarja sabiex dan iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun jista’ jgawdi, b’mod effettiv, is-sostanza tad-drittijiet mogħtija minn dan l-istatus sakemm tibqa’ teżisti r-relazzjoni ta’ dipendenza mal-imsemmi ċittadin (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 41).

34

Issa, ir-rifjut tad-dritt ta’ residenza fil-konfront tal-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild ċittadin tal-Unjoni jista’ jkollu konsegwenzi fuq l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet minn dan il-wild biss fil-każ fejn dan tal-aħħar ikollu jidħol fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma’ dan il-ġenitur jew jingħaqad miegħu u li jkollu jibqa’, sussegwentement, f’dan it-territorju.

35

Għall-kuntrarju, fil-każ fejn il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild ċittadin tal-Unjoni jirrisjedi waħdu fit-territorju tal-Unjoni, meta dan il-wild jibqa’ f’pajjiż terz, deċiżjoni li tirrifjuta lil dan il-ġenitur id-dritt ta’ residenza f’dan it-territorju tkun nieqsa minn kull effett fuq l-eżerċizzju mill-imsemmi wild tad-drittijiet tiegħu.

36

Għaldaqstant, dritt ta’ residenza bbażat fuq l-Artikolu 20 TFUE ma huwiex intiż biex jingħata lill-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ta’ wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, f’sitwazzjoni li fiha la l-applikazzjoni ta’ dan il-ġenitur intiża biex jinkiseb dritt ta’ residenza dderivat u lanqas il-kuntest ġenerali tal-kawża ma jippermettu li jiġi konkluż li dan il-wild, li qatt ma rrisjeda fl-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità, ser jeżerċita d-drittijiet tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni billi jidħol u jirrisjedi mal-imsemmi ġenitur fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.

37

Hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni f’dan ir-rigward, li għandha twettaq il-verifiki fattwali neċessarji sabiex tevalwa, fil-kawża prinċipali, mhux biss jekk teżistix relazzjoni ta’ dipendenza, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll jekk huwiex stabbilit li l-wild ikkonċernat ser jidħol u jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi mal-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jgħix sa mit-twelid tiegħu barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni ma jeskludix li wieħed mill-ġenituri tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, li fuqu dan il-wild huwa dipendenti, jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq dan l-artikolu, sakemm jiġi stabbilit li l-imsemmi wild ser jidħol u jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità flimkien ma’ dan il-ġenitur.

Dwar it-tieni domanda

39

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru adit b’applikazzjoni għal dritt ta’ residenza dderivat minn ċittadin ta’ pajjiż terz li l-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, huwa dipendenti u jgħix sa mit-twelid tiegħu f’dan il-pajjiż terz mingħajr ma kien jirrisjedi qatt fit-territorju tal-Unjoni, jista’ jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni li t-tneħħija lejn l-imsemmi Stat Membru li jippreżupponi l-eżerċizzju minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni ma hijiex fl-interess, reali jew plawżibbli, tal-imsemmi wild.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 20 u 22 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, mogħti lil kull ċittadin tal-Unjoni, jirriżulta direttament mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, mingħajr ma l-eżerċizzju tiegħu jkun suġġett għat-turija ta’ xi interess li jinvoka l-benefiċċju tiegħu.

41

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li, skont prinċipju tad-dritt internazzjonali, li d-dritt tal-Unjoni ma jistax jikser, Stat Membru ma jistax jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dritt li jidħlu fit-territorju tiegħu u li jirrisjedu hemmhekk u li għalhekk dawn igawdu minn dritt ta’ residenza inkundizzjonat hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li wild minuri jista’ jinvoka d-drittijiet ta’ moviment liberu u ta’ residenza ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni. Il-kapaċità ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li jkollu drittijiet iggarantiti mit-Trattat FUE u mid-dritt sekondarju fil-qasam tal-moviment liberu tal-persuni ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tkun laħqet l-età meħtieġa sabiex ikollha l-kapaċità ġuridika li teżerċita hija stess l-imsemmija drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen, C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 20).

43

Barra minn hekk, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li huma l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiddeċiedu dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interess tal-wild ikkonċernat, tali teħid inkunsiderazzjoni ġie previst biss sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jew il-konsegwenzi ta’ deroga mid-dritt ta’ residenza dderivat prevista f’dan l-artikolu bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà pubblika jew ta’ ordni pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71, kif ukoll tal-5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 53). Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li dan l-interess superjuri seta’ jiġi invokat, mhux sabiex tiġi miċħuda applikazzjoni għal permess ta’ residenza, iżda, għall-kuntrarju, sabiex tiġi ostakolata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li ġġiegħel lil dan il-wild jitlaq mit-territorju tal-Unjoni.

44

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux, mingħajr ma jissostitwixxu indebitament lid-detenturi tal-awtorità tal-ġenituri fuq il-wild ikkonċernat, fl-assenza ta’ miżuri meħuda sabiex jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din l-awtorità, u mingħajr ma jiksru l-kapaċità ta’ dan il-wild li jeżerċita d-drittijiet li huwa għandu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal mogħtija lilu mill-Artikolu 20 TFUE, imfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, jiddeterminaw jekk it-tneħħija tal-imsemmi wild lejn l-Istat Membru li tiegħu għandu n-nazzjonalità hijiex fl-interess ta’ dan il-wild.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru adit b’applikazzjoni għal dritt ta’ residenza dderivat minn ċittadin ta’ pajjiż terz li l-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, huwa dipendenti u jgħix sa mit-twelid tiegħu f’dan il-pajjiż terz mingħajr ma kien jirrisjedi qatt fit-territorju tal-Unjoni, ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni minħabba li t-tneħħija lejn l-imsemmi Stat Membru li jippreżupponi l-eżerċizzju minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni ma hijiex fl-interess, reali jew plawżibbli, tal-imsemmi wild.

Dwar it-tielet domanda

46

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu elementi determinanti sabiex jiġi evalwat jekk wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, huwiex dipendenti fir-rigward tal-ġenitur tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, il-fatt li dan tal-aħħar mhux dejjem assuma l-manteniment ta’ kuljum ta’ dan il-wild, minkejja li għandu l-kustodja esklużiva tiegħu, kif ukoll il-fatt li l-imsemmi wild jista’, jekk ikun il-każ, jistabbilixxi ruħu fit-territorju tal-Unjoni mal-ġenitur l-ieħor tiegħu, ċittadin tal-Unjoni.

47

Kif jirriżulta mill-punti 26 sa 28, 30, 31 u 33 ta’ din is-sentenza, dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE jingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, biss f’sitwazzjonijiet partikolari ħafna li fihom ikun hemm bejn dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u dan iċ-ċittadin tal-Unjoni relazzjoni ta’ dipendenza tali li twassal biex dan tal-aħħar, fin-nuqqas ta’ rikonoxximent lill-imsemmi ċittadin ta’ dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Unjoni, ikun imġiegħel jakkumpanjah u jitlaq minn dan it-territorju, meħud fl-intier tiegħu jew li ma jkunx jista’ jidħol u jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu.

48

Huwa għalhekk fid-dawl tal-intensità tar-relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, li għandha tiġi eżaminata l-applikazzjoni għal dritt ta’ residenza dderivat, peress li tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15,EU:C:2017:354, punt 71; tat-8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 72, kif ukoll tas-27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punt 56).

49

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ dipendenza, qieset li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni tal-kustodja effettiva ta’ dan il-wild kif ukoll dik dwar jekk ir-responsabbiltà legali, finanzjarja jew affettiva tal-imsemmi wild hijiex assunta mill-ġenitur li jkun ġej minn pajjiż terz. L-età ta’ tali wild, l-iżvilupp fiżiku u emottiv tiegħu, il-livell tar-relazzjoni emottiva tiegħu kemm mal-ġenitur ċittadin tal-Unjoni kif ukoll mal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz, kif ukoll ir-riskju li s-separazzjoni minn ma’ dan tal-aħħar jista’ joħloq għall-bilanċ ta’ dan il-wild, ukoll tqiesu bħala ċirkustanzi rilevanti (sentenza tas-7 ta’ Settembru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Natura tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE), C‑624/20, EU:C:2022:639, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sempliċi fatt li jista’ jidher deżiderabbli għal ċittadin ta’ Stat Membru, għal raġunijiet ekonomiċi jew sabiex iżomm il-familja tiegħu magħquda fit-territorju tal-Unjoni, li xi membri tal-familja tiegħu, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ikunu jistgħu jirrisjedu miegħu fit-territorju tal-Unjoni, ma huwiex suffiċjenti sabiex jitqies li ċ-ċittadin tal-Unjoni jkun obbligat jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jekk tali dritt ma jingħatax (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta familjari, kemm jekk tkun ta’ natura bioloġika jew ġuridika, bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-membru tal-familja tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma tistax tkun biżżejjed sabiex tiġġustifika li jiġi rrikonoxxut, bis-saħħa tal-Artikolu 20 TFUE, dritt ta’ residenza dderivat lill-imsemmi membru tal-familja fit-territorju tal-Istat Membru li l-minorenni jkun ċittadin tiegħu (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni kif din tkun fil-mument meta jintalbu jiddeċiedu, sa fejn dawn l-awtoritajiet għandhom jevalwaw il-konsegwenzi prevedibbli tad-deċiżjoni tagħhom fuq it-tgawdija effettiva, mill-wild ikkonċernat, tal-essenzjal tad-drittijiet li huwa għandu taħt l-istatus mogħti lilu mill-Artikolu 20 TFUE. Sabiex jiġi evitat li dan il-wild jiġi mċaħħad minn din it-tgawdija effettiva, huma, barra minn hekk, il-qrati nazzjonali msejħa sabiex jiddeċiedu dwar rikors intiż għal deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ fatt li seħħew wara din id-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ April 2018, B u Vomero, C‑316/16 u C‑424/16, EU:C:2018:256, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53

Għaldaqstant, il-fatt li l-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, ma assumiex a priori l-manteniment ta’ kuljum tal-wild ikkonċernat għal perijodu twil u l-eventwali assenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza li tista’ tirriżulta minnha matul dan il-perijodu ma jistgħux jiġu rrikonoxxuti bħala determinanti, peress li dan il-fatt ma jeskludix li, fil-jum li fih l-istess awtoritajiet jew dawn il-qrati nazzjonali jiddeċiedu, dan il-ġenitur effettivament jassumi r-responsabbiltà għal din il-manteniment.

54

Barra minn hekk, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-koabitazzjoni bejn il-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, ma tikkostitwixxix kundizzjoni neċessarja sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza bejniethom (sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55

Għall-kuntrarju, is-sempliċi fatt li l-imsemmi ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz iwettaq, fil-mument meta l-qorti nazzjonali tintalab tiddeċiedi dwar il-kawża, il-kura ta’ kuljum effettiva fir-rigward tal-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi dedotta l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ dipendenza, peress li din l-evalwazzjoni għandha dejjem tkun ibbażata fuq eżami globali taċ-ċirkustanzi rilevanti.

56

Sussegwentement, fir-rigward tal-fatt li wieħed mill-ġenituri tal-wild ikkonċernat huwa ċittadin tal-Unjoni residenti fi Stat Membru, għandu jiġi rrilevat li tali ċirkustanza tkun rilevanti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, jekk jiġi stabbilit li dan il-ġenitur huwa realment kapaċi u lest li jassumi waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva ta’ dan il-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 71).

57

Madankollu, dan il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, ma huwiex, fih innifsu suffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li ma teżistix, bejn il-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikun imġiegħel ma jidħolx u jirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni jekk dritt ta’ residenza jiġi rrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, peress li tali konstatazzjoni għandha neċessarjament tkun ibbażata fuq eżami globali taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2022, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Residenza ta’ membru tal-familja – Riżorsi insuffiċjenti), C‑451/19 u C‑532/19, EU:C:2022:354, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Minkejja li, bħala prinċipju, huwa l-kompitu tal-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz li jressaq l-elementi intiżi biex jintwera li huwa għandu dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 20 TFUE, b’mod partikolari dawk li jistabbilixxu li, fil-każ ta’ rifjut ta’ residenza, il-wild jiġi mċaħħad mill-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex dan iċ-ċittadin ikun jista’ jibbenefika minn tali dritt ta’ residenza, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-oneru tal-prova ma tkunx tista’ tikkomprometti l-effett utli tal-Artikolu 20 TFUE (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 76).

59

B’hekk, l-applikazzjoni ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-oneru tal-prova ma tiddispensax lill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat milli jipproċedi, fuq il-bażi tal-elementi pprovduti miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, bir-riċerki neċessarji sabiex jiġi ddeterminat fejn jirrisjedi l-ġenitur ċittadin ta’ dan l-Istat Membru u sabiex jiġi eżaminat, minn naħa, jekk dan huwiex, jew le, fil-fatt kapaċi u lest li waħdu jassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild, u min-naħa l-oħra, jekk teżistix, jew le, relazzjoni ta’ dipendenza bejn il-wild u l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz b’mod li deċiżjoni li tirrifjuta d-dritt ta’ residenza lil dan tal-aħħar iċċaħħad lill-wild mit-tgawdija effettiva tal-essenzjal tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 77).

60

Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 48 sa 50 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-fatt li l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz għandu l-kustodja esklużiva tal-wild minuri, huwa fattur rilevanti iżda mhux determinanti għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dipendenza effettiva, li ma tistax, kif jirriżulta mill-punt 51 ta’ din is-sentenza, tirriżulta direttament mir-relazzjoni legali li torbot lill-ġenitur, ċittadin ta’ pajjiż terz, mal-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni.

61

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, huwiex dipendenti fuq il-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, mingħajr ma jistgħu jitqiesu li huma determinanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz mhux dejjem assuma l-manteniment ta’ kuljum ta’ dan il-wild iżda issa għandu l-kustodja esklużiva tiegħu, jew il-fatt li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-imsemmi wild.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jgħix sa mit-twelid tiegħu barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u qatt ma rrisjeda fit-territorju tal-Unjoni ma jeskludix li wieħed mill-ġenituri tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, li fuqu dan il-wild huwa dipendenti, jista’ jibbenefika minn dritt ta’ residenza dderivat ibbażat fuq dan l-artikolu, sakemm jiġi stabbilit li l-imsemmi wild ser jidħol u jirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità flimkien ma’ dan il-ġenitur.

 

2)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru adit b’applikazzjoni għal dritt ta’ residenza dderivat minn ċittadin ta’ pajjiż terz li l-wild minuri tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, li għandu n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, huwa dipendenti u jgħix sa mit-twelid tiegħu f’dan il-pajjiż terz mingħajr ma kien jirrisjedi qatt fit-territorju tal-Unjoni, ma jistax jiċħad din l-applikazzjoni minħabba li t-tneħħija lejn l-imsemmi Stat Membru li jippreżupponi l-eżerċizzju minn dan il-wild tad-drittijiet tiegħu bħala ċittadin tal-Unjoni ma hijiex fl-interess, reali jew plawżibbli, tal-imsemmi wild.

 

3)

L-Artikolu 20 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk wild minuri, ċittadin tal-Unjoni, huwiex dipendenti fuq il-ġenitur tiegħu ċittadin ta’ pajjiż terz, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, mingħajr ma jistgħu jitqiesu li huma determinanti f’dan ir-rigward il-fatt li l-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz mhux dejjem assuma l-manteniment ta’ kuljum ta’ dan il-wild iżda issa għandu l-kustodja esklużiva tiegħu, jew il-fatt li l-ġenitur l-ieħor, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jassumi r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-imsemmi wild.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) Fil-punti 9, 15, 16, 17, 36, 39, 45 u d-dispożittiv ta’ dan it-test saru modifiki ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.