Kawża C‑453/20

CityRail a.s.

vs

Správa železnic, státní organizace

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Úřad pro přístup k dopravní infrastruktuře)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑3 ta’ Mejju 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Kriterji strutturali u funzjonali – Eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi – Direttiva 2012/34/UE – Artikoli 55 u 56 – Korp regolatorju nazzjonali uniku tas-settur ferrovjarju – Awtorità ta’ superviżjoni settorjali indipendenti – Awtorizzazzjoni sabiex taġixxi ex officio – Setgħa ta’ sanzjoni – Deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja – Inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari”

Domandi preliminari – Talba mressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja – Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Kunċett – Determinazzjoni bis-saħħa ta’ kriterji strutturali u funzjonali – Úřad pro přístup k dopravní infrastruktuře (il-Korp Regolatorju tal-Aċċess għall-Infrastruttura tat-Trasport, ir-Repubblika Ċeka) – Korp li ma jeżerċitax funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja iżda ta’ natura amministrattiva – Esklużjoni

(Artikolu 267 TFUE)

(ara l-punti 41‑50, 53, 60‑63, 67‑69, 71 u d-dispożittiv)

Sunt

Správa železnic, korp pubbliku mwaqqaf mil-liġi, huwa responsabbli għall-ġestjoni, fir-Repubblika Ċeka, ta’ network ferrovjarju kif ukoll tal-faċilitajiet ta’ servizz relatati. Huwa stabbilixxa u ppubblika dikjarazzjoni dwar in-network, fis-sens tad-Direttiva 2012/34 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea ( 1 ), li tindika, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li għalihom kien suġġett l-aċċess għal ċerti faċilitajiet mill‑1 ta’ April 2020.

CityRail, impriża ferrovjarja, ikkontestat dawn il-kundizzjonijiet, abbażi tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija ( 2 ), quddiem il-Korp Regolatorju tal-Aċċess għall-Infrastruttura tat-Trasport (iktar ’il quddiem il-“Korp Regolatorju”) ( 3 ), fil-kapaċità tiegħu ta’ korp regolatorju nazzjonali tas-settur ferrovjarju, minħabba li dawn imorru kontra r-regoli previsti mid-Direttiva 2012/34.

Peress li kellu dubji dwar il-konformità ta’ dawn il-kundizzjonijiet mad-Direttiva 2012/34 kif ukoll dwar il-konformità tad-dritt nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali ma’ din l-istess direttiva, il-Korp Regolatorju ddeċieda li jressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Filwaqt li tiddeċiedi bħala Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad bħala inammissibbli t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korp Regolatorju, għar-raġuni li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, dan ma jeżerċitax funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja iżda jeżerċita funzjonijiet ta’ natura amministrattiva. Għaldaqstant, il-Korp Regolatorju ma jistax jitqies li huwa “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

L‑evalwazzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja tibda billi tfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tagħha f’dan il-qasam ( 4 ), li skontha, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-korp tar-rinviju inkwistjoni huwiex “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ biss taħt id-dritt tal-Unjoni, hija tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ fatturi, bħall-oriġini legali ta’ dan il-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorju tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-imsemmi korp, tad-dispożizzjonijiet legali kif ukoll l-indipendenza tiegħu. Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali jistgħu jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja biss jekk ikun hemm tilwima pendenti quddiemhom u jekk huma jintalbu jagħtu sentenza fil-kuntest ta’ proċedura intiża li twassal għal deċiżjoni ta’ natura ġudizzjarja ( 5 ).

Il-kwistjoni dwar jekk korp jistax jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja hija għaldaqstant iddeterminata abbażi ta’ kriterji kemm strutturali kif ukoll funzjonali. Għalhekk, korp nazzjonali jista’ jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, meta huwa jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji, filwaqt li, fl-eżerċizzju ta’ funzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura amministrattiva, din il-klassifikazzjoni ma tistax tiġi rrikonoxxuta fir-rigward tiegħu. Minn dan jirriżulta, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, li, sabiex jiġi stabbilit jekk korp nazzjonali, li lilu l-liġi tikkonferixxi funzjonijiet ta’ natura differenti, għandux jiġi kklassifikat bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, huwa neċessarju li tiġi vverifikata n-natura speċifika tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita fil-kuntest legali speċifiku li fih huwa jintalab jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li din il-verifika hija ta’ importanza partikolari fil-każ ta’ awtoritajiet amministrattivi li l-indipendenza tagħhom tkun konsegwenza diretta tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtuhom kompetenzi ta’ superviżjoni settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq. Minkejja li dawn l-awtoritajiet jistgħu jissodisfaw il-kriterji mfakkra iktar ’il fuq, li jirriżultaw mis-sentenza Vaassen‑Göbbels, l-attività ta’ sorveljanza settorjali u ta’ sorveljanza tas-swieq hija fil-fatt, essenzjalment, ta’ natura amministrattiva, inkwantu din timplika l-eżerċizzju ta’ kompetenzi li jkunu estranji għal dawk attribwiti lill-qrati.

Issa, fis-sentenza Westbahn Management ( 7 ), invokata mill-Korp Regolatorju, il-Qorti tal-Ġustizzja, adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Schienen‑Control Kommission (it-Tribunal għall-Istħarriġ ta’ Kwistjonijiet Ferrovjarji, l-Awstrija), eżaminat biss il-kriterji li jirriżultaw mis-sentenza Vaassen‑Göbbels, u b’hekk naqset milli teżamina jekk dan il-korp kienx jeżerċita, fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għal dik it-talba, funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li s-setgħa tal-korp li jressaq proċeduri ex officio kif ukoll dik li jimponi, ukoll ex officio, sanzjonijiet fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jikkostitwixxu indizji tal-fatt li l-korp inkwistjoni ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji iżda jeżerċita funzjonijiet amministrattivi. Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-proċedura li tat lok għal talba għal deċiżjoni preliminari tressqitx fuq l-inizjattiva ta’ persuna kkonċernata ma hijiex ta’ importanza deċiżiva, meta din il-proċedura setgħet titressaq ex officio. Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li r-rwol u l-pożizzjoni ta’ korp fl-ordinament ġuridiku nazzjonali huma wkoll rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura tal-funzjonijiet tiegħu.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina qabelxejn, essenzjalment, in-natura u l-funzjoni ta’ korp regolatorju, bħall-Korp Regolatorju, fis-sistema ta’ ġestjoni u ta’ regolament tal-attivitajiet ferrovjarji stabbilita mid-Direttiva 2012/34 ( 8 ).

B’hekk mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2012/34 ( 9 ) jirriżulta li l-ġestjoni effikaċi u l-użu ekwu u nondiskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja, previsti minn din id-direttiva, jeżiġu t-twaqqif ta’ awtorità inkarigata, fl-istess ħin, li tissorvelja, fuq inizjattiva tagħha stess, l-applikazzjoni mwettqa mill-atturi tas-settur ferrovjarju tar-regoli previsti mill-imsemmija direttiva u li taġixxi bħala korp ta’ appell. Din l-akkumulazzjoni ta’ funzjonijiet timplika li, meta korp regolatorju ( 10 ) jiġi adit b’appell, dan il-fatt ikun bla ħsara għall-kompetenza ta’ dan l-istess korp li jieħu, jekk ikun meħtieġ ex officio, miżuri xierqa sabiex jiġi rrimedjat kull ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli u li jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu, jekk huwa jqis neċessarju, b’sanzjonijiet, fatt li jikkonferma n-natura amministrattiva tal-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, id-Direttiva 2012/34 ( 11 ) tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju jkunu jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fatt li wkoll huwa indikattiv tan-natura amministrattiva ta’ tali deċiżjonijiet.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina sussegwentement jekk, minkejja, bħala prinċipju, in-natura amministrattiva ta’ korp regolatorju bħall-Korp Regolatorju, dan tal-aħħar għandux jitqies, fil-kuntest speċifiku tal-funzjonijiet li huwa jeżerċita fil-kuntest tal-kawża prinċipali, bħala “qorti jew tribunal”, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE.

Għal dan il-għan, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li s-setgħa tal-Korp Regolatorju li jressaq anki ex officio l-proċedura li tkun tat lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bħas-setgħa tiegħu li jinvestiga irregolaritajiet skoperti matul din il-proċedura fuq inizjattiva tiegħu stess, huma indizji partikolarment rilevanti ta’ natura li jsostnu l-konstatazzjoni li dan il-korp, fil-kawża prinċipali, ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji iżda amministrattivi.

Barra minn hekk, mill-informazzjoni pprovduta mill-Korp Regolatorju jirriżulta li d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja. Issa, meta, skont ir-regoli tat-tqassim tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u mill-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva, il-qrati amministrattivi jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-Korp Regolatorju, dan tal-aħħar ikollu l-istatus ta’ konvenut. Barra minn hekk, mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ( 12 ) jirriżulta li, quddiem il-qrati ċivili, li, skont il-Korp Regolatorju, għandhom b’mod partikolari ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikorsi kontra d-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 34e tal-Liġi dwar il-Linji tal-Ferrovija, hekk kif huwa l-każ fil-kawża prinċipali, il-Korp Regolatorju għandu d-dritt jippreżenta osservazzjonijiet, mingħajr ma jkun parti fil-proċedura. Issa, tali parteċipazzjoni tal-Korp Regolatorju fi proċedura għat-tressiq ta’ kawża, li tikkontesta d-deċiżjoni tiegħu stess, tikkostitwixxi indizju tal-fatt li, meta huwa jadotta tali deċiżjoni, il-Korp Regolatorju ma jkollux il-kwalità ta’ terz fir-rigward tal-interessi preżenti u għalhekk ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-Korp Regolatorju ma jeżerċitax funzjonijiet ta’ natura ġudizzjarja iżda ta’ natura amministrattiva. Għaldaqstant huwa ma jistax jitqies li huwa “qorti jew tribunal” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’tali mod li t-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minnu hija inammissibbli.


( 1 ) Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32, rettifiki fil-ĠU 2015, L 196, p. 67 u fil-ĠU 2015, L 67, p. 32), kif emendata bid-Direttiva (UE) 2016/2370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 352, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2012/34”), punt 26 tal-Artikolu 3.

( 2 ) Artikolu 34e tal-Liġi Nru 266/1994 dwar il-Linji tal-Ferrovija.

( 3 ) Fir-Repubblika Ċeka, l-Úřad pro přístup k dopravní infrastruktuře (il-Korp Regolatorju tal-Aċċess għall-Infrastruttura tat-Trasport) jagħmel parti mill-awtoritajiet ċentrali tal-amministrazzjoni tal-Istat. Huwa twaqqaf permezz tal-Liġi Nru 320/2016 dwar il-Korp Regolatorju tal-Aċċess għall-Infrastruttura tat-Trasport.

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1966, Vaassen-Göbbels (61/65, EU:C:1966:39, p. 395, iktar ’il quddiem is-“sentenza Vaassen-Göbbels”).

( 5 ) Digriet tas‑26 ta’ Novembru 1999, ANAS (C‑192/98, EU:C:1999:589, punt 21), u sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punt 39).

( 6 ) Digriet tas‑26 ta’ Novembru 1999, ANAS (C‑192/98, EU:C:1999:589, punti 2223), u sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, Belov (C‑394/11, EU:C:2013:48, punti 4041).

( 7 ) Sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, Westbahn Management (C‑136/11, EU:C:2012:740).

( 8 ) L-Artikoli 55 u 56 tad-Direttiva 2012/34 jipprevedu l-eżistenza, fl-Istati Membri kollha, ta’ korpi regolatorji nazzjonali tas-settur ferrovjarju, jistabbilixxu l-prinċipji tal-organizzazzjoni tagħhom, u jiddeterminaw il-kompetenzi li dawn għandhom jingħataw.

( 9 ) Artikoli 55 u 56 tad-Direttiva 2012/34, moqrija fid-dawl tal-premessa 76 tagħha.

( 10 ) Imwaqqaf b’applikazzjoni tal-Artikolu 55 tad-Direttiva 2012/34.

( 11 ) Artikolu 56(10) tad-Direttiva2012/34.

( 12 ) Artikolu 250c(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.