SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-immigrazzjoni – Direttiva 2003/109/KE – Artikolu 9(1)(ċ) – Telf tal‑istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għal żmien twil – Assenza mit‑territorju tal-Unjoni Ewropea matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv – Interruzzjoni ta’ dan il-perijodu ta’ assenza – Residenzi irregolari u għal żmien qasir fit-territorju tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑432/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Settembru 2020, fil‑proċedura

ZK,

fil-preżenza ta’:

Landeshauptmann von Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal ZK, minn E. Drabek, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u C. Schweda, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u H. Leupold, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ZK u l-Landeshauptmann von Wien (il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jġedded il-permess ta’ residenza ta’ resident għal żmien twil ta’ ZK.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2003/109

3

Il-premessi 2, 4, 6, 10 u 12 tad-Direttiva 2003/109 jgħidu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità [Ewropea] dikjarata fit-Trattat [KE].

[…]

(6)

Il-kriterju prinċipali għall-kisba ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul għandu ikun it-tul ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru. Ir-residenza għandha tkun kemm legali u kontinwa sabiex turi li persuna tkun stabbilixxit l-għeruq tagħha f’dak il-pajjiż. Għandha ssir disposizzjoni għall-grad ta’ flssibilità sabiex jingħata kont taċ-ċirkostanzi li fihom persuna setgħa kellha titlaq mit-territorju fuq bażi temporanju.

[…]

(10)

Għandu jiġi preskritt sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċeduri għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-istatus ta’ residenti ta’ perjodu twil ta’ żmien. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u maniġġabbli, u jagħtu kont ta’ l-ammont normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll ikunu trasparenti u ġusti, sabiex joffru ċ-ċertezza legali adattata lil dawk konċernati. Dawn ma għandhomx jikkostitwixxu mezz biex ifixklu l-eżerċizzju tad-dritt tar-residenza.

[…]

(12)

Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

it-termini għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul mogħti minn Stat membru f’relazzjoni ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li legalment jirrisjedu fit-territorju tiegħu, u d-drittijiet marbuta miegħu; u

(b)

it-termini ta’ residenza fi Stati Membri oħra minbarra dak li kien ikkonferixxa l-istatus għat-tul fuqhom għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu dak l-istatus.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘residenti għat-tul’ tfisser xi ċittadin ta’ pajjiż terz li ikollu status ta’ residenti għat-tul kif hekk provdut taħt l-Artikoli 4 sa 7;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 4 tal-istess direttiva, intitolat “Tul ta’ żmien ta’ residenza”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ residenti għat-tul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ikunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni relevanti.

[…]

3.   Il-perjodi ta’ assenza mit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat ma għandhomx jinterrompu l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 u għandu jingħata kont għall-kalkolazzjoni tagħhom meta ikunu iqsar minn sitt xhur konsekuttivi u ma jeċċedux fit-total 10 xhur fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 1.

[…]”

7

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul” jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Biex jinkiseb status ta’ residenti għat-tul, iċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat għandu jibgħat applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih ikun/tkun tirrisjedi. […]”

8

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Permess ta’ residenza għal residenti għat-tul – [UE]”, jipprevedi:

“1.   L-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu Permess [UE] ta’ residenza għal residenza għat-tul lir-residenti għat-tul. [UE]. Il-permess għandu ikun validu għal ta’ l-anqas ħames snin; dan għandu ma’ l-applikazzjoni jekk meħtieġa, jiġġedded awtomatikament malli jiskadi.

[…]”

9

L-Artikolu 9 tal-istess direttiva, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jipprevedi:

“1.   Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:

[…]

(ċ)

fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-[Unjoni] għal perjodu ta’ 12‑il xahar konsekuttiv.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1(ċ), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li assenzi li jeċċedu t‑12‑il xahar konsekuttivi jew għal raġunijiet speċifiċi jew eċċezzjonali ma għandhomx jinvolvu l-irtirar jew it-telf ta’ l-istatus.

[…]

5.   Fir-rigward tal-każi msemmija fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 4, l-Istati Membri li ikunu taw l-istatus għandhom jipprovdu għal proċedura faċilitata għall-kisba mill-ġdid ta’ l-istatus ta’ residenti għat-tul. […]”

10

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, bit-titolu “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.   Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

[…]

(b)

edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, inklużi għotjiet ta’ studju skond il-liġi nazzjonali;

[…]

(d)

sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

(e)

benefiċċji tat-taxxa;

(f)

aċċess għal oġġetti u servizzi u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula disponibbli lill-pubbliku u l-proċeduri għal ksib ta’ akkommodazzjoni;

(g)

il-libertà ta’ assoċjazzjoni u affiljazzjoni u sħubija ta’ organizzazzjoni li tirrappresenta l-ħaddiema jew lil min iħaddem jew ta’ xi organizzazzjoni li l-membri tagħha ikunu jwettqu xi xogħol speċifiku, inklużi l-benefiċċji konferiti minn dawk l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet nazzjonali dwar politika pubblika u sigurtà pubblika;

[…]

2.   Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer [jagħmel] talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]”

Id-Direttiva 2004/38/KEE

11

L-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46), jipprevedi:

“Meta jinkiseb, id-dritt ta’ residenza permanenti għandu jintilef biss permezz ta’ assenza mill-Istat Membru ospitanti għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi.”

Id-dritt Awstrijak

12

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jinsabu fil-Bundesgesetz über die Niederlassung und den Aufenthalt in Österreich (Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz – NAG) (il-Liġi dwar l-Istabbiliment u r-Residenza), tas‑16 ta’ Awwissu 2005 (BGBl. I, 100/2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem in-“NAG”).

13

L-Artikolu 2(7) tan-NAG huwa fformulat kif ġej:

“Il-perijodi ta’ residenza għal żmien qasir fit-territorju nazzjonali u barra mill-pajjiż, b’mod partikolari għal finijiet ta’ żjarat, ma jinterrompux it-tul ta’ residenza jew ta’ installazzjoni meħtieġ għall-finijiet tal-kisba jew tat-telf ta’ dritt għal permess ta’ residenza. […]”

14

L-Artikolu 20(3) u (4) tan-NAG, intitolat “Perijodu ta’ validità tal-permessi ta’ residenza”, jipprevedi:

“(3)   Id-detenturi ta’ permess ta’ residenza ‘resident għal żmien twil – UE’ […] għandhom ikunu stabbiliti fl-Awstrija – bla ħsara għall-perijodu ta’ validità limitat tad-dokument li jikkorrispondi għal dawn il-permessi ta’ residenza – għal żmien indeterminat. Dan id-dokument għandu jinħareġ għal perijodu ta’ ħames snin u […] għandu jiġġedded fuq talba anki wara l-iskadenza tiegħu […]

(4)   Permess ta’ residenza maħruġ skont il-paragrafu 3 iktar ’il fuq għandu jiddekadi meta ċ-ċittadin barrani jirrisjedi għal perijodu ta’ iktar minn tnax‑il xahar konsekuttivi barra mit-territorju [taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Għal raġunijiet li jistħoqqilhom b’mod partikolari li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħal mard gravi, it-twettiq ta’ obbligu soċjali jew ta’ servizz paragunabbli mas-servizz militari obbligatorju jew mas-servizz ċivili, iċ-ċittadin barrani jista’ jirrisjedi sa 24 xahar barra mit-territorju taż-ŻEE, meta huwa jinforma b’dan minn qabel lill-awtorità kompetenti. Fejn ikun hemm interess leġittimu taċ-ċittadin barrani, l-awtorità kompetenti għandha tikkonstata, fuq talba, in-nuqqas ta’ dekadenza tal-permess ta’ residenza. Il-prova tar-residenza fit-territorju taż-ŻEE għandha taqa’ fuq iċ-ċittadin barrani.

[…]”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Fis‑6 ta’ Settembru 2018, ZK, ċittadin Kazaki, ressaq talba għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu għal residenti għal żmien twil – UE quddiem il-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna. Dan tal-aħħar ċaħad din it-talba permezz tad-deċiżjoni tad‑9 ta’ Lulju 2019.

16

Fit-12 ta’ Awwissu 2019, ZK ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

17

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, għalkemm huwa stabbilit li, fil-perijodu bejn ix-xahar ta’ Awwissu 2013 u x-xahar ta’ Awwissu 2018 kif ukoll sussegwentement, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali qatt ma rrisjeda barra mit-territorju tal-Unjoni għal perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv jew iktar, huwa daqstant stabbilit li, matul dan il-perijodu, dan tal-aħħar kien preżenti f’dan it-territorju biss għal ftit jiem fis-sena. Din l-aħħar ċirkustanza ġiet aċċettata mill-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna sabiex tiġġustifika r-rifjut tat-tiġdid tal-permess ta’ residenza għal żmien twil – UE mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali pproduċa, quddiem il-qorti tar-rinviju, analiżi ġuridika mwettqa minn grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni Ewropea għall-migrazzjoni regolari, li tgħid li l-kundizzjoni dwar l-assenza mit-territorju tal-Unjoni, prevista fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, għandha tiġi interpretata b’mod strett, fis-sens li hija biss l-assenza fiżika minn dan it-territorju matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv li twassal għat-telf tal-istatus ta’ resident għal żmien twil, taħt din id-dispożizzjoni, u li, f’dan ir-rigward, hija irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk ir-resident għal żmien twil ikkonċernat kienx, matul il-perijodu rilevanti, barra minn hekk, materjalment stabbilit jew kienx stabbilixxa r-residenza abitwali tiegħi fl-imsemmi territorju.

19

Il-qorti tar-rinviju tqis li tali analiżi, li magħha hija ttendi li taqbel, issaħħaħ l-argument tar-rikorrent fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk wieħed isegwi din l-analiżi, anki residenza għal żmien qasir, saħansitra, bħal f’dan il-każ, perijodi ta’ residenza ta’ ftit jiem fis-sena biss, ikunu suffiċjenti sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, b’mod li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jżomm l-istatus tiegħu ta’ resident għal żmien twil.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109/KE [2003/109] għandu jiġi interpretat fis-sens li kull żjara fiżika, tkun kemm tkun qasira, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil fit-territorju tal-[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, teskludi t-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil skont din id-dispożizzjoni?

2)

Fil-każ li għall-ewwel domanda l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fin-negattiv: liema kundizzjonijiet kwalitattivi u/jew kwantitattiva għandhom jissodisfaw iż-żjarat fit-territorju tal-[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi sabiex jiġi eskluż it-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil? Iż-żjarat fit-territorju tal-[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi jeskludu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa resident għal żmien twil biss jekk iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz ikkonċernati, matul dan il-perijodu, kellhom ir-residenza abitwali tagħhom jew iċ-ċentru tal-interessi tagħhom fit-territorju tal-[Unjoni]?

3)

Regoli tad-dritt tal-Istati Membri li jipprovdu li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti għal żmien twil jitilfu l-istatus tagħhom meta dawn, minkejja li kienu residenti fit-territorju tal-[Unjoni] matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttivi, la kellhom ir-residenza abitwali tagħhom u lanqas iċ-ċentru tal-interessi tagħhom hemm, huma kompatibbli mal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva [2003/109]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21

Il-qorti tar-rinviju talbet li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrilevat, b’mod partikolari, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konjuġi tiegħu u l-erba’ wlied minuri tagħhom kienu fl-aħħar lok stabbiliti fir-Renju Unit abbażi ta’ permessi ta’ residenza ta’ dan l-Istat li għandhom tul ta’ validità pluriannwali. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jixtieq madankollu jerġa’ jistabbilixxi ruħu fl-Awstrija u li jingħaqdu miegħu l-membri tal-familja tiegħu abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, pass li jippreżupponi, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, li qabel kollox jiġi kkonstatat li r-rikorrent fil-kawża prinċipali għad għandu dritt għal status ta’ resident għal żmien twil.

22

Fit‑28 ta’ Settembru 2020, it-Tielet Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatriċi, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tiċħad din it-talba, peress li l-qorti tar-rinviju ma esponietx biżżejjed iċ-ċirkustanzi li jippermettu li jiġi stabbilit li kien urġenti li tingħata deċiżjoni fuq din il-kawża. B’hekk, dik il-qorti ma kinitx b’mod partikolari semmiet riskju li r-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-membri tal-familja tiegħu jiġu suġġetti għal miżuri ta’ tneħħija fir-Renju Unit jew fl-Awstrija u lanqas sitwazzjoni li fiha r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom, bħad-dritt għal ħajja tal-familja, ikun mhedded.

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 għandux jiġi interpretat fis-sens li kull preżenza fiżika ta’ resident għal żmien twil fit-territorju tal-Unjoni matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv, anki jekk tali preżenza ma taqbiżx, matul dan il-perijodu, tul totali ta’ ftit jiem biss, huwiex biżżejjed sabiex jipprekludi t-telf, minn dan ir-resident, tad-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, taħt din id-dispożizzjoni, jew jekk, min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri li jitolbu, sabiex jiġi evitat tali telf, li r-resident għal żmien twil ikkonċernat jissodisfa kundizzjonijiet addizzjonali, bħal dik li jkun kellu matul mill-inqas parti mill-perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv ikkonċernat, ir-residenza abitwali tiegħu jew iċ-ċentru tal-interessi tiegħu fl-imsemmi territorju.

24

B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ resident għal żmien twil liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament matul l-aħħar ħames snin fit-territorju tagħhom. Il-kisba ta’ dan l-istatus madankollu ma hijiex awtomatika. Fil-fatt, skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu, għal dan il-għan, iressaq applikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jirrisjedi, u din l-applikazzjoni għandu tkun akkumpanjata b’dokumenti ta’ sostenn li jipprovaw li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikoli 4 u 5 tal-imsemmija direttiva. B’mod partikolari, huwa għandu, skont l-Artikolu 5(1)(a) tal-istess direttiva, juri li huwa għandu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti sabiex iżomm lilu nnifsu u l-membri tal-familja tiegħu mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta’ għajnuna soċjali ta’ dan l-Istat Membru. (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja), C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 59).

25

F’dan il-każ, huwa stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, wara li kiseb l-istatus ta’ resident għal żmien twil u li nħariġlu, fl-Awstrija, permess ta’ residenza għal residenti għal żmien twil – UE, skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/109, matul il-perijodu mix-xahar ta’ Awwissu 2013 sax-xahar ta’ Awwissu 2018, kien preżenti fit-territorju tal-Unjoni għal ftit jiem biss fis-sena. Huwa fid-dawl ta’ dan il-fatt li l-Kap tal-Gvern tal-Land ta’ Vjenna qies li dan kellu jiġi kkunsidrat bħala li kien, matul dan il-perijodu, “assenti”, fis-sens tal-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, u li tali assenza twassal għat-telf tad-dritt tal-persuna kkonċernata għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, u li huwa rrifjuta, konsegwentement, li jġedded il-permess ta’ residenza ta’ din tal-aħħar li jikkonferma dan l-istatus.

26

Għalhekk għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, u b’mod partikolari dik dwar il-kunċett ta’ “assenza”.

27

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, ir-resident għal żmien twil jitlef id-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil fil-każ ta’ assenza mit-territorju tal-Unjoni matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv.

28

Peress li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “assenza” li jinsab fiha għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjonijiet użati fl‑Istati Membri, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest li fih hija taqa’ u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal żmien twil – Riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti), C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 26).

29

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kliem tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi rrilevat li, f’numru kbir ta’ verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva, terminu ekwivalenti għat-terminu “assenza” huwa użat f’din id-dispożizzjoni. Issa, il-kunċett ta’ “assenza”, kif jidher fl-imsemmija dispożizzjoni u konformement mas-sens normali ta’ dan it-terminu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, ifisser in-“nuqqas ta’ preżenza” fiżika tar-resident għal żmien twil ikkonċernat fit-territorju tal-Unjoni. B’hekk, dan il-kunċett donnu jenfasizza li kull preżenza fiżika tal-persuna kkonċernata f’dan it-territorju hija tali li tinterrompi tali assenza.

30

Huwa minnu li, kif isostni l-Gvern Awstrijak insostenn tal-interpretazzjoni tiegħu tal-istess dispożizzjoni, li tgħid li għandu jkun meħtieġ li l-persuna kkonċernata jkollha r-residenza abitwali tagħha jew iċ-ċentru tal-interessi tagħha fit-territorju tal-Unjoni, jintużaw, fil-verżjonijiet bil-lingwa Ġermaniża u bil-lingwa Olandiża tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, minflok espressjoni li tuża l-kelma “assenza”, il-verbi “aufhalten”, u “verblijven”. Għalhekk, dawn il-verżjonijiet jistrieħu fuq il-fatt li wieħed jirrisjedi jew jibqa’ fit-territorju tal-Unjoni u jistgħu, għalhekk, skont il-kuntest, jimplikaw preżenza iktar permanenti milli preżenza fiżika ta’ kwalunkwe tul ta’ żmien.

31

Madankollu, tali sfumatura, minn naħa, ma teskludix li dawn l-espressjonijiet jistgħu wkoll jirreferu għal sempliċi nuqqas ta’ preżenza fiżika u, min-naħa l-oħra, għandha, fi kwalunkwe każ, tiġi rrelativizzata sa fejn dawn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/109 jużaw barra minn hekk, huma wkoll, termini, rispettivament “Abwesenheit” u “afwezigheid”, li jikkorrispondu għall-kunċett ta’ “assenza”.

32

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi li l-istatus ta’ resident għal żmien twil huwa permanenti, “bla ħsara għall-Artikolu 9” ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, peress li n-natura permanenti ta’ dan l-istatus hija r-regola ġenerali, dan l-Artikolu 9 għandu jiġi interpretat b’mod derogatorju u, konsegwentement strett (ara b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 11(4) tal-imsemmija direttiva, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni), C‑94/20, EU:C:2021:477, punt 37). Dan ir-rekwiżit jimmilita kontra interpretazzjoni estensiva tal-imsemmi Artikolu 9, fis-sens li s-sempliċi preżenza fiżika tar-resident għal żmien twil fit-territorju tal-Unjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tinterrompi l-assenza tiegħu minn dan it-territorju.

33

It-tieni nett, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/109 li, meta, fost il-verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-direttiva msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, din teżiġi mill-persuna kkonċernata li l-preżenza tagħha fit-territorju kkonċernat tmur lil hinn minn sempliċi preżenza fiżika u li tkun ta’ ċertu tul jew li jkollha ċerta stabbiltà, hija tippreċiża dan b’mod espliċitu billi tuża l-espressjonijiet rilevanti. Huwa b’dan il-mod li l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva juża, fl-imsemmija verżjonijiet, espressjonijiet li jikkorrispondu għall-verb “rrisjedew”, u jippreċiża li l-persuna kkonċernata għandha, skont din id-dispożizzjoni, tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat “legalment u kontinwament […] għal ħames snin li jiġu minnufih qabel is-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni [tagħha]”, bla ħsara għall-perijodi ta’ assenza ammessi skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva.

34

Issa, tali preċiżazzjonijiet ma jeżistux fl-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, li sempliċement jiddefinixxi l-perijodu ta’ assenza mit-territorju tal-Unjoni li jikkawża t-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil. Din id-dispożizzjoni ma tindikax, b’mod partikolari, li, sabiex tkun tista’ tinterrompi din l-assenza, il-preżenza tal-persuna kkonċernata f’dan it-territorju għandha tkun ta’ ċertu tul jew ikollha ċerta stabbiltà bħal dik li tikkorrispondi għall-fatt li l-persuna kkonċernata jkollha r-residenza abitwali tagħha jew iċ-ċentru tal-interessi tagħha fl-imsemmi territorju, bil-kontra ta’ dak li jsostni l-Gvern Awstrijak. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni lanqas ma timponi kundizzjonijiet oħra dwar it-tul jew man-natura ta’ din il-preżenza, relatati, b’mod partikolari, mal-eżistenza ta’ “rabta effettiva u awtentika” mal-istess territorju, bħal, pereżempju, il-fatt li l-persuna kkonċernata jkollha, fl-Istat Membru kkonċernat, membri tal-familja tagħha jew patrimonju, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni.

35

L-eżami tal-kuntest li jagħmel parti minnu l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 jikkorrobora għalhekk l-interpretazzjoni li toħroġ mit-termini ta’ din id-dispożizzjoni.

36

Fir-rigward, fit-tielet u l-aħħar lok, tal-għan imfittex permezz tad-Direttiva 2003/109, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-premessi 2, 4, 6 u 12 tagħha li din hija intiża sabiex tiggarantixxi l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul u legalment fl-Istati Membri u, għal dan il-għan, li jiġu approssimati d-drittijiet ta’ dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ma’ dawk li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tiġi stabbilita l-ugwaljanza fit-trattament ma’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y. Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja), C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 63). Huwa sabiex l-imsemmija ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jibbenefikaw mid-drittijiet previsti f’din id-direttiva li jingħatalhom, skont l-Artikolu 4(1) tagħha, l-istatus ta’ resident għal żmien twil.

37

Tali għan isostni interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109, li skontha dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li diġà għandhom, permezz tat-tul tar-residenza tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, xhieda tal-ankraġġ tagħhom f’dan l-Istat Membru, huma, fil-prinċipju, liberi, bħal ċittadini tal-Unjoni, li jiċċaqilqu u li jirrisjedu, ukoll matul perijodi itwal, barra mit-territorju tal-Unjoni, mingħajr ma dan iwassal, minħabba f’hekk, għat-telf tal-istatus tagħhom ta’ resident għal żmien twil, bil-kundizzjoni li ma jkunux assenti minn dan it-territorju matul il-perijodu kollu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv imsemmi f’dan id-dispożizzjoni.

38

It-tieni nett, mill-premessa 10 tad-Direttiva 2003/109 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jsegwi l-għan imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza billi jipprovdi lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tar-regoli proċedurali li jirregolaw l-eżami tat-talba għall-kisba ta’ dan l-istatus, livell adegwat ta’ ċertezza legali. Issa, l-importanza hekk mogħtija lill-prinċipju ta’ ċertezza legali fir-rigward tal-kisba tal-imsemmi status għandha neċessarjament tgħodd ukoll għat-telf tiegħu, sa fejn dan jirrendi inapplikabbli din il-kisba, kif barra minn hekk huwa kkonfermat fix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2003/109, li fihom ġie enfasizzat li “l-istatus ta’ resident għal żmien twil għandu jiżgura ċertezza legali massima lid-detentur tiegħu” u li “r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-irtirar tiegħu [għandhom ikunu] elenkati u inkwadrati b’mod eżawrjenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-Istatus taċ-Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi Residenti għal Żmien Twil (COM(2001) 127 final).

39

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2019, Human Operator, C‑434/17, EU:C:2019:112, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 fis-sens li kull preżenza fiżika tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Unjoni hija tali li tinterrompi l-assenza tagħha mill-imsemmi territorju u li tevita, konsegwentement, it-telf tal-istatus tagħha ta’ resident għal żmien twil, skont din id-dispożizzjoni, tissuġġetta ż-żamma ta’ dan l-istatus għal kriterju ċar, preċiż u prevedibbli marbut ma’ sempliċi avveniment oġġettiv, b’tali mod li tali interpretazzjoni hija dik li l-iktar tista’ tiggarantixxi lill-persuni kkonċernati livell adegwat ta’ ċertezza legali.

41

It-tielet nett, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-għan tal-Artikolu 9(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, għandu jitqies li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat li jibqgħu jibbenefikaw mill-istatus ta’ resident għal żmien twil u drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu f’ċirkustanzi li fihom iż-żamma ta’ dan l-istatus ma jibqa’ jkollha l-ebda utilità sabiex jintlaħaq l-għan imsemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

42

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38, li din id-dispożizzjoni tirrigwarda t-telf tad-dritt ta’ residenza permanenti ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba assenzi ta’ perijodu itwal minn sentejn konsekuttivi mill-Istat Membru ospitanti u li tali miżura hija ġġustifikata bil-fatt li, wara tali assenza, ir-rabta mal-Istat Membru ospitanti tinqata’ (sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias, C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għalkemm id-Direttivi 2003/109 u 2004/38 huma distinti minn xulxin minħabba s-suġġetti u l-għanijiet tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 40 sa 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi jistgħu jiġu analizzati b’mod komparattiv u, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjonijiet analogi, li huwa ġġustifikat, b’mod partikolari, fil-każ tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 u tal-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2004/38, li huma bbażati fuq l-istess loġika.

44

Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-possibbiltà prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2003/109, il-paragrafu 1(ċ) ta’ dan l-artikolu jirreferi, fl-aħħar mill-aħħar, għat-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil f’sitwazzjonijiet li fihom ir-rabta li d-detentur ta’ dan id-dritt kellu preċedentement mat-territorju tal-Unjoni tinqata’. Issa, skont din id-dispożizzjoni, dan huwa l-każ biss wara assenza minn dan it-territorju matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv.

45

Konsegwentement, l-għan speċifiku tal-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 jikkorrobora l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tgħid li huwa biżżejjed, sabiex jiġi prekluż it-telf tad-dritt għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, li ċ-ċittadin għal żmien twil ikkonċernat ikun preżenti, matul il-perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv wara l-bidu tal-assenza tiegħu, fit-territorju tal-Unjoni, anki jekk tali preżenza ma tkunx iktar minn waħda ta’ xi jiem.

46

Madankollu, is-sitwazzjoni ta’ resident għal żmien twil li kellu jgħaddi xi jiem fis-sena fit-territorju tal-Unjoni u li għalhekk ma kienx assenti matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv għandha tiġi distinta minn dik fejn ikunu jeżistu indizji li tali resident wettaq abbuż ta’ dritt. F’dan il-każ, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jsemmi ebda element li jippermetti li jiġi konkluż li jeżisti tali abbuż ta’ dritt.

47

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull preżenza fiżika ta’ resident għal żmien twil fit-territorju tal-Unjoni matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv, anki jekk tali preżenza ma taqbiżx, matul dan il-perijodu, żmien totali ta’ ftit jiem biss, hija biżżejjed sabiex tipprekludi t-telf, minn dan ir-resident, tad-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, taħt din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li kull preżenza fiżika ta’ resident għal żmien twil fit-territorju tal-Unjoni Ewropea matul perijodu ta’ tnax‑il xahar konsekuttiv, anki jekk tali preżenza ma taqbiżx, matul dan il-perijodu, żmien totali ta’ ftit jiem biss, hija biżżejjed sabiex tipprekludi t-telf, minn dan ir-resident, tad-dritt tiegħu għall-istatus ta’ resident għal żmien twil, taħt din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.