SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

18 ta’ Novembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (UE) Nru 1178/2011 – Rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi applikabbli għall-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili – Punt A(9) u (10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I – Korsijiet ta’ taħriġ għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ pilota kummerċjali – Taħriġ fit-titjir – Żmien bl-istrumenti fuq l-art – Kalkolu – Taħriġ fuq simulatur – Eżami prattiku – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza mogħtija bħala deċiżjoni preliminari”

Fil-Kawża C‑413/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de première instance francophone de Brussell (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

État belge

vs

LO,

OG,

SH,

MB,

JD,

OP,

Bluetail Flight School SA (BFS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tad-Disa’ Awla, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal LO, OG, SH, MB, JD u OP, minn S. Golinvaux, T. Godener u P. Frühling, avukati,

għal Bluetail Flight School SA (BFS), minn J. d’Oultremont, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Van Regemorter, L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn L. Delmotte u B. Van Hyfte, advocaten,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Kunnert, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Sasinowska u C. Vrignon kif ukoll minn W. Mölls, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal‑punt A(9) u (10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat‑3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 311, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1119 tal‑31 ta’ Lulju 2018 (ĠU 2018, L 204, p. 13) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1178/2011”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-État belge (l-Istat Belġjan), minn naħa, u LO, OG, SH, MB, JD u OP (iktar ’il quddiem l-“ex studenti”) kif ukoll Bluetail Flight School SA (iktar ’il quddiem il-“BFS”), min-naħa l-oħra, dwar id-dritt tal-ex studenti li jingħataw liċenzja ta’ pilota kummerċjali ta’ ajruplan.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1178/2011 tiddikjara:

“L-għan tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (ĠU 2008, L 79, p. 1),] huwa li jiġi stabbilit u miżmum livell uniformi għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. Dak ir-Regolament jistipola l-mezzi għall-ilħuq ta’ dak l-għan u għanijiet oħra fil-kamp tal-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.”

4

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1178/2011:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għal:

(a)

kwalifiki differenti tal-liċenzji tal-bdoti, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, iż-żamma, l-emendar, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji […];

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘liċenzja skont il-Parti-FCL’ tfisser liċenzja tal-ekwipaġġ tal-ajru li tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness I;

[…]

(16)

‘organizzazzjoni tat-taħriġ approvata (ATO)’ tfisser organizzazzjoni li tkun intitolata tipprovdi taħriġ għall-bdoti abbażi ta’ approvazzjoni maħruġa skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1);

[…]”

6

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Bla ħsara għall-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, il-bdoti tal-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) u (c) u l-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi stabbiliti fl-Anness I u l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.”

7

L-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, intitolat “Parti FCL”, jinkludi, b’mod partikolari, Subparti A, intitolata “Rekwiżiti Ġenerali”, li tiġbor fiha l-punti FCL.001 sa FCL.070.

8

Taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, il-punt FCL.005 ta’ dan l-anness jipprovdi:

“Din il-Parti tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-ħruġ tal-liċenzji ta’ bdot u klassifikazzjonijiet u ċertifikati assoċjati u l-kundizzjonijiet għall-validità u l-użu tagħhom.”

9

Il-punt FCL.010 tal-imsemmi anness, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-Parti, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

‘Simulatur ta’ Titjira Sħiħa’ (FFS - Full Flight Simulator) tfisser replika fuq skala reali tat-tip, il-mudell u s-serje speċifiċi ta’ kabina tal-pilota, inklużi l-assemblaġġ tat-tagħmir u l-programmi informatiċi kollha meħtieġa biex jirrappreżentaw l-inġenju tal-ajru waqt operazzjonijiet fuq l-art u fl-ajru, sistema viżiva li tipprovdi veduta ta’ barra mill-kabina, u sistema ta’ riproduzzjoni tal-movimenti.

[…]

‘Apparat tat-Taħriġ fit-Titjir’ (FTD - Flight Training Device) tfisser replika fuq skala reali tal-istrumenti, it-tagħmir, il-panewijiet u l-kontrolli ta’ tip speċifiku ta’ inġenju tal-ajru f’żona ta’ kabina tal-pilota miftuħa jew magħluqa fuq inġenju tal-ajru, inklużi l-assemblaġġ tat-tagħmir u l-programmi informatiċi meħtieġa biex jirrappreżentaw l-inġenju tal-arju f’kundizzjonijiet fuq l-art u fl-ajru skont is-sistemi installati fl-apparat. Dan ma jeħtieġx sistema ta’ riproduzzjoni tal-movimenti jew sistema viżiva, minbarra fil-każ tal-livelli FTD 2 u 3 tal-ħelikopters, fejn ikunu meħtieġa sistemi viżivi.

‘Għalliem għal Taħriġ fi Proċeduri ta’ Titjir u Navigazzjoni’ (FNPT - Flight and Navigation Procedures Trainer) tfisser apparat ta’ taħriġ li jirrappreżenta l-ambjent tal-kabina tal-pilota, inklużi l-assemblaġġ ta’ tagħmir u programmi tal-kompjuter meħtieġa biex jirrappreżentaw tip jew klassi ta’ inġenju tal-ajru f’operazzjonijiet ta’ titjiriet sal-punt li s-sistemi jidhru li jiffunzjonaw bħal f’inġenju tal-ajru.

[…]

‘Ħin ta’ titjir bl-istrumenti’ tfisser il-ħin li matulu l-bdot jikkontrolla inġenju tal-ajru waqt it-titjira permezz ta’ strumenti biss.

‘Ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art’ tfisser il-ħin li matulu l-bdot jingħata tagħlim fit-titjir bl-istrumenti simulat, f’apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir (FSTD - Flight Simulation Training Devices).

‘Ħin ta’ titjir bl-istrumenti’ [‘ħin bl-istrumenti’] tfisser ħin ta’ titjir bl-istrumenti jew ħin bl-istrumenti fuq l-art.

[…]

‘Kooperazzjoni bejn aktar minn ekwipaġġ wieħed’ (MCC – Multi‑Crew Cooperation) tfisser il-funzjonament ta’ ekwipaġġ ta’ titjira bħala tim ta’ membri li jikkoperaw bejniethom, immexxija mill-bdot kmandant.

[…]

‘Bdot kmandant’ (PIC - Pilot-in-command) tfisser il-bdot maħtur bħala kmandant u bil-kompitu li jwettaq titjira sigura.

[…]

‘Test tal-ħiliet’ tfisser il-wiri ta’ ħiliet b’rabta ma’ liċenzja jew klassifikazzjoni, inkluż kwalunkwe eżami orali li jista’ jkun meħtieġ.

[…]

‘Bdot kmandant student’ (SPIC - Student pilot-in-command) tfisser bdot student li jaġixxi bħala bdot kmandant f’titjira b’għalliem fejn dan tal-aħħar josserva biss lill-bdot student u la jinfluwenza u lanqas jikkontrolla t-titjira tal-inġenju tal-ajru.

[…]”

10

Il-punt FCL.030 tal-istess anness, intitolat “Test tal-ħila prattika”, jaqra kif ġej:

“(a)

Qabel ma jsir test tal-ħiliet għall-ħruġ ta’ liċenzja, klassifikazzjoni jew ċertifikat, l-applikant għandu jkun għadda mill-eżami meħtieġ tal-għarfien teoriku, minbarra fil-każ ta’ applikanti li jkunu qed isegwu kors ta’ taħriġ integrat tat-titjir.

F’kull każ, it-tagħlim tal-għarfien teoriku għandu dejjem ikun tlesta qabel ma jsiru t-testijiet tal-ħiliet.

(b)

Għajr għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ linja tal-ajru, applikant għal test tal-ħiliet għandu jiġi rrakkomandat għat-test mill-organizzazzjoni/persuna responsabbli għat-taħriġ, ladarba jitlesta t-taħriġ. Ir-rekords tat-taħriġ għandhom ikunu disponibbli għall-eżaminatur.”

11

L-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jiddeskrivi, kif speċifikat fil-punt 1 tiegħu, “[i]r-rekwiżiti għat-tipi differenti ta’ korsijiet ta’ taħriġ għall-ħruġ ta’ CPL u ATPL [airline transport pilot licence], b’IR [kwalifika ta’ titjira bl-istrumenti] u mingħajrha”.

12

Il-punt A ta’ dan l-appendiċi, intitolat “Kors Integrat ta’ ATP – Ajruplani”, fih il-passaġġ li ġej:

“ĠENERALI

[…]

4.

Il-kors għandu jinkludi:

(a)

tagħlim fl-għarfien teoretiku sal-livell ta’ għarfien tal-ATPL(A);

(b)

taħriġ fit-titjir viżiv u bl-istrumenti;

(c)

taħriġ fl-MCC għat-tħaddim ta’ ajruplani b’aktar minn pilota wieħed;

[…]

TAĦRIĠ FIT-TITJIR

9.

It-taħriġ fit-titjir, minbarra t-taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip, għandu jinkludi total ta’ mill-inqas 195 siegħa, li jinkludu t-testijiet tal-progress kollha, li minnhom sa 55 sigħat tal-kors kollu jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art. Fi ħdan it-total ta’ 195 siegħa, l-applikanti għandhom iwettqu mill-inqas:

(a)

95 siegħa ta’ tagħlim ma’ bdot ieħor, li minnhom sa 55 sigħat jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art;

(b)

70 siegħa bħala PIC, inklużi titjir [Visual Flight Rule (VFR)] u ħin ta’ titjir bl-istrumenti bħala bdot kmandant student (SPIC). Il-ħin ta’ titjir bl-istrumenti bħala SPIC għandu jingħadd bħala ħin ta’ titjir PIC sa massimu ta’ 20 siegħa;

(c)

50 siegħa ta’ titjir cross-country bħala PIC, inkluża titjira cross-country VFR ta’ mill-inqas 540 km (300 NM) u li matulha għandu jsir inżul ta’ waqfien sħiħ f’żewġ ajrudromi differenti mill-ajrudrom tat-tluq;

(d)

5 sigħat ta’ ħin ta’ titjir għandhom jitwettqu billejl, inklużi mill-inqas 3 sigħat ta’ tagħlim ma’ bdot ieħor li jinkludu mill-inqas siegħa ta’ navigazzjoni cross-country, u li matulhom għandhom isiru 5 telgħat bil-bdot waħdu u 5 niżliet l-art b’waqfien sħiħ bil-bdot waħdu;

(e)

115 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti li jinkludu, mill-inqas:

(1)

20 siegħa bħala SPIC;

(2)

l5-il siegħa ta’ MCC, li għalihom jista’ jintuża FFS jew FNPT II;

(3)

50 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti, li minnhom sa:

(i)

25 siegħa jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art f’FNPT I, jew

(ii)

40 siegħa jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art f’FNPT II, FTD 2 jew FFS, li minnhom sa 10 sigħat jistgħu jitwettqu f’FNPT I.

Applikant li għandu ċertifikat ta’ tlestija ta’ kors għall-Modulu Bażiku ta’ Titjir bl-Istrumenti għandu jkun ikkreditat sa massimu ta’ 10 sigħat fir-rigward tal-ħin mitlub ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti. Is-sigħat imwettqa f’[sistema bażika ta’ taħriġ fit-titjir bl-istrumenti (Basic Instrument Training Device – BITD)] m’għandhomx ikunu kkreditati.

(f)

5 sigħat għandhom jitwettqu f’ajruplan iċċertifikat għall-ġarr ta’ mill-inqas 4 persuni li għandu skrun varjabbli bis-snien tal-ingranaġġ u attrezzatura għall-inżul li tidħol u toħroġ.

TEST TAL-ĦILIET

10.

Mat-tlestija tat-taħriġ fit-titjir relatat, l-applikant għandu jagħmel it-test tal-ħiliet CPL(A) jew fuq ajruplan b’magna waħda jew fuq ajruplan b’iktar minn magna waħda, kif ukoll it-test tal-ħiliet tal-IR fuq ajruplan b’iktar minn magna waħda.”

Id-dritt Belġjan

13

L-Artikolu 1 tad-Digriet Irjali tal‑25 ta’ Ottubru 2013 li jimplimenta r-[Regolament Nru 1178/2011] (Moniteur belge tas‑16 ta’ Diċembru 2013, p. 98879) jistipula:

“Għall-finijiet ta’ dan id-digriet,

[…]

12° DGTA tfisser id-Direttorat Ġenerali tat-Trasport bl-Ajru tas-SPF Mobbiltà u Trasport;

[…]”

14

Skont l-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet Irjali:

“Id-DGTA huwa nnominat bħala awtorità kompetenti skont kif previst fl-Artikolu 11b tar-[Regolament Nru 1178/2011].”

15

L-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet Irjali jipprovdi:

“Id-DGTA huwa nnominat bħala awtorità kompetenti skont kif previst fil-FCL.001 tal-Anness I tar-[Regolament Nru 1178/2011].”

16

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju fit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-DGTA ma għandux personalità ġuridika distinta mill-Istat Belġjan.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

F’data indeterminata, l-ex studenti bdew taħriġ fit-titjir mal-BFS, organu ta’ taħriġ approvat mid-DGTA u li l-manwali ta’ taħriġ tas-snin 2014 u 2016 tiegħu ġew approvati minn dan tal-aħħar. Dan it-taħriġ kien intiż sabiex jippermettilhom jiksbu liċenzja ta’ pilota kummerċjali tal-ajruplan, imsejħa liċenzja CPL(A).

18

Wara li għaddew mill-eżami prattiku previst fil-punt A(10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, l-ex studenti, bl-eċċezzjoni ta’ OP, adixxew, fl-aħħar tas-sena 2018, lid-DGTA b’applikazzjoni għal liċenzja CPL(A).

19

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑15 ta’ Jannar 2019, id-DGTA rrifjuta li jagħti lill-ex studenti l-liċenzja mitluba. Wara s-sospensjoni provviżorja ta’ dawn id-deċiżjonijiet mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) u l-irtirar tagħhom mid-DGTA, dan tal-aħħar innotifika, fit‑22 ta’ Frar 2019, lill-ex studenti, bl-eċċezzjoni ta’ OP, b’deċiżjonijiet ġodda ta’ rifjut.

20

Fid-deċiżjonijiet tat‑22 ta’ Frar 2019, id-DGTA jirrileva li n-numru ta’ sigħat ta’ ħin bl-istrumenti segwiti minn kull wieħed mill-ex studenti huwa inqas mill-115-il siegħa meħtieġa mill-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011. Fil-fatt, is-sigħat maħduma fuq FNPT II lil hinn min-numru massimu ta’ 55 siegħa msemmi fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu 9 ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżit minimu ta’ 115-il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti stabbilit fl-imsemmi paragrafu 9(e).

21

Adit b’talba għal miżuri provviżorji mill-ex studenti, bl-eċċezzjoni ta’ OP, il-President tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) ordna, fit‑18 ta’ April 2019, lid-DGTA sabiex joħroġilhom liċenzja CPL(A). Dan id-digriet, li ġie eżegwit mid-DGTA, ġie kkonfermat, fit‑8 ta’ Awwissu 2019, mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju), li rrilevat, b’mod partikolari, li d-DGTA kien ibbaża ruħu fuq interpretazzjoni ġdida, li għadha tvarja, tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

22

Fil-frattemp, fil‑31 ta’ Mejju 2019, l-Istat Belġjan ħarrek lill-ex studenti, bl-eċċezzjoni ta’ OP, kif ukoll lill-BFS quddiem il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari sabiex tal-ewwel jiġu kkundannati jagħtu lura l-liċenzji CPL(A) li kienu ngħatawlhom skont id-digriet tat‑18 ta’ April 2019. Peress li d-DGTA sussegwentement ħareġ, provviżorjament, liċenzja CPL(A) lil OP, dan tal-aħħar ġie mħarrek ukoll, għall-istess finijiet, quddiem din il-qorti permezz ta’ ċitazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 2019.

23

Skont l-Istat Belġjan, l-ex studenti għandhom jikkompletaw it-taħriġ tagħhom billi jwettqu sigħat ta’ taħriġ bl-istrumenti f’inġenju tal-ajru u, sussegwentement, jagħmlu mill-ġdid l-eżami prattiku. L-ex studenti u l-BFS huma ta’ fehma kuntrarja.

24

Kien f’dawn iċ‑ċirkustanzi li t-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal‑Ġustizzja d‑domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Il-punt [A(9)] tal-Appendiċi 3 […] tal-Anness I tar-[Regolament Nru 1178/2011] jippermetti, għall-kalkolu ta’ 115-il siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti msemmija fil-[paragrafu] 9(e), li jittieħdu inkunsiderazzjoni sigħat ta’ taħriġ li jkunu saru fuq simulatur tat-titjir FNPT II (ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art) apparti n-numru ta’ 15-il siegħa MCC imsemmi fil-[paragrafu] 9(e)(2) u apparti l-massimu ta’ 40 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti mwettqa f’FNPT II, imsemmi fil-[paragrafu] 9(e)(3)(ii), jiġifieri iktar minn 55 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art?

2)

Ir-risposta għall-ewwel domanda tvarja skont jekk is-sigħat mwettqa flimkien mal-15 u l-40 siegħa ċċitati iktar ’il fuq, ikunux ikkostitwiti minn sigħat MCC jew sigħat ta’ tip ieħor ta’ taħriġ fuq simulatur?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ domandi iktar ’il fuq, il-[punt A(10)] tal-Appendiċi 3 […] tal-Anness I tal-istess regolament jippermetti li l-liċenzja CPL(A) tingħata wara li l-kandidati piloti jkunu lestew it-taħriġ tagħhom permezz ta’ numru ta’ sigħat suffiċjenti mwettqa f’inġenju tal-ajru, mingħajr ma jerġa jiġi ripetut it-test tal-ħiliet (“skill test”) dwar titjira bl-istrumenti?

4)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tliet domandi iktar ’il fuq, il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali jimponi li tiġi limitata ratione temporis l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-regola tad-dritt inkwistjoni, pereżempju sabiex tiġi applikata biss għall-kandidati piloti li jitolbu l-għoti ta’ liċenzja CPL(A), jew anki għal dawk li jkunu bdew it-taħriġ tagħhom sabiex jiksbu tali liċenzja, wara d-data tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

25

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti previsti f’din id-dispożizzjoni, huwiex possibbli li jiġu inklużi fil-kalkolu iktar minn 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art li jaqbżu l-40 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti u l-15‑il siegħa ta’ xogħol f’ekwipaġġ li jistgħu jsiru fuq l-art.

26

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Tigers, C‑156/16, EU:C:2017:754, EU:C:2017:754, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Il-punt A tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jistabbilixxi l-lista ta’ korsijiet ta’ taħriġ neċessarji għall-ħruġ ta’ liċenzja CPL(A) u ta’ kwalifika “IR”. Konformement mal-punt A(4) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, dawn il-korsijiet għandhom jinkludu taħriġ teoretiku u taħriġ prattiku, imsejjaħ “taħriġ fit-titjir”.

28

Il-kontenut tat-taħriġ fit-titjir huwa rregolat mill-punt A(9) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tal-imsemmi regolament.

29

Skont din id-dispożizzjoni, dan it-taħriġ jinkludi “total ta’ mill-inqas 195 siegħa, li jinkludu t-testijiet tal-progress kollha, li minnhom sa 55 sigħat tal-kors kollu jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art”. L-imsemmija dispożizzjoni telenka, sussegwentement, taħt l-ittri (a) sa (f) tagħha, is-sigħat u n-natura tal-korsijiet li l-kandidati għandhom “mill-inqas” iwettqu matul dawn il-195 siegħa.

30

F’dan ir-rigward, jidher, taħt l-ittra (e), ir-rekwiżit li jitwettqu mill-inqas “115 siegħa ta’ ħin ta’ titjir bl-istrumenti”.

31

Konformement mal-punt A(9)(e)(1) sa (3) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, dawn il‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti jinkludu, min-naħa tagħhom, “mill-inqas”, l-ewwel, 20 siegħa bħala bdot kmandant student, it-tieni, 15-il siegħa ta’ xogħol f’ekwipaġġ, li għalihom jista’ jintuża FFS jew FNPT II, u, it-tielet, 50 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti, fosthom, “massimu” ta’ 25 siegħa jistgħu jkunu ħin bl-istrumenti fuq l-art f’FNPT I jew ta’ 40 siegħa jistgħu jkunu ħin bl-istrumenti fuq l-art f’FNPT II, FTD 2 jew FFS (li minnhom massimu ta’ 10 sigħat jistgħu jkunu f’FNPT I).

32

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni letterali tal-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, għandu jiġi rrilevat li l-użu tal-espressjoni “mill-inqas” jindika li kemm il-115-il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti kif ukoll l-20 siegħa bħala bdot kmandant student, il-15-il siegħa ta’ xogħol f’ekwipaġġ u l-50 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti jikkostitwixxu rekwiżiti minimi. Il-fatt li s-somma ta’ dawn l-20, 15 u 50 siegħa rispettivi tibqa’ inqas minn 115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti meħtieġa jikkonferma l-kunsiderazzjoni li l-imsemmija 20, 15 u 50 siegħa jirriflettu rekwiżiti minimi, li jimplika li dawn għandhom jiġu kkompletati b’sigħat ta’ taħriġ supplimentari sabiex jintlaħqu l‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti meħtieġa.

33

Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ħin bl-istrumenti” li tinsab fil-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, jirriżulta wkoll li l‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti meħtieġa jistgħu jinkludu kemm il-“ħin ta’ titjir bl-istrumenti”, li matulu l-inġenju tal-ajru huwa kkontrollat biss permezz tal-istrumenti, u kif ukoll il-“ħin bl-istrumenti fuq l-art”, li matulu pilota jirċievi tagħlim fit-titjir bl-istrumenti simulat f’apparat ta’ taħriġ ta’ simulazzjoni tat-titjir, li jkun FFS, FNPT jew FTD.

34

Fir-rigward tal-aħħar, mill-kliem stess tal-punt A(9)(e)(2) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 jirriżulta li l‑15‑il siegħa xogħol f’ekwipaġġ jistgħu jsiru kompletament fuq l-art f’FFS jew FNPT II. Fid-dawl ta’ dan il-kliem, tal-kunsiderazzjonijiet li saru fil-punt 32 ta’ din is-sentenza u fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kuntrarja f’din id-dispożizzjoni u f’dan ir-regolament, għandu jiġi kkunsidrat li, kandidat mhux biss jista’ jwettaq iktar minn 15‑il siegħa xogħol f’ekwipaġġ, iżda huwa jista’ wkoll, bħala prinċipju, iwettaq is-sigħat eċċedenti fuq l-art. Għalhekk, bħala prinċipju, huwa possibbli li jiġu inklużi fil-kalkolu iktar minn 15‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art.

35

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tagħlim fit-titjir bl-istrumenti, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-kliem tal-punt A(9)(e)(3) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 u, b’mod iktar partikolari, mill-użu tal-kliem “sa massimu” li, jekk il-kandidat ikollu jwettaq mill-inqas 50 siegħa ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti, huwa ma jistax iwettaq iktar minn 40 minn dawn is-sigħat fl-art f’FNPT II, FTD 2 jew FFS. Minn dan isegwi li s-sigħat ta’ tagħlim fit-titjir bl-istrumenti mwettqa fuq l-art li jaqbżu dawn l-40 siegħa ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tas-sigħat ta’ taħriġ meħtieġa.

36

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tad-dispożizzjoni li tinsab fil-punt A(9)(e)(2) u (3) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, għandu jitfakkar li, kif ġie rrilevat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, dan il-paragrafu 9, li fih tinsab din id-dispożizzjoni, jipprovdi li t-taħriġ fit-titjir jinkludi “mill-inqas 195 siegħa […] li minnhom sa 55 sigħat tal-kors kollu jistgħu jkunu ħin ta’ titjir bl-istrumenti fuq l-art”.

37

Minn dan isegwi, mingħajr ekwivoku, li kandidat ma jistax jinkludi fil-kalkolu iktar minn 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art sabiex jikkompleta t-taħriġ tiegħu tat-titjir, kull siegħa ta’ taħriġ meħuda flimkien. Fi kliem ieħor, sigħat li jista’ jkun hemm ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art imwettqa lil hinn minn dawn il-55 siegħa ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tas-sigħat ta’ taħriġ imwettqa sabiex jintlaħqu l-195 siegħa meħtieġa bħala total.

38

B’hekk, il-punt A(9)(e)(2) u (3) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma jistax, mingħajr ma jmur kontra l-istruttura u l-koerenza intrinsika ta’ dan il-paragrafu 9, jiġi interpretat fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ numru ta’ sigħat bl-istrumenti fuq l-art ta’ iktar minn 55 siegħa.

39

Għaldaqstant, fil-każ fejn kandidat ikun wettaq, kif jippermettilu l-punt A(9)(e)(3)(ii) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, 40 siegħa ta’ tagħlim bl-istrumenti fuq l-art, huwa jista’ jinkludi, l-iktar l-iktar, 15‑il siegħa ta’ xogħol f’ekwipaġġ imwettqa fuq l-art skont dan il-paragrafu 9(e)(2).

40

B’kuntrast ma’ dan, kandidat, li wettaq inqas minn 40 siegħa ta’ tagħlim bl-istrumenti fuq l-art, jista’ jinvoka iktar minn 15‑il siegħa ta’ xogħol f’ekwipaġġ fuq l-art sakemm it-taħriġ tiegħu josserva, b’mod partikolari, il-limitu massimu ta’ 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art fil-kors kollu.

41

Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-ex studenti u mill-BFS fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, l-interpretazzjoni hekk mogħtija tal-punt A(9)(e)(2) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 ma hijiex tali li tittrasforma r-rekwiżit minimu li jinsab fih f’limitu massimu.

42

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni li skontha kandidat ma jistax jinkludi fil-kalkolu iktar minn 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art skont il-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 hija kkorroborata mill-għan imfittex minn dan ir-regolament.

43

Fil-fatt, l-imsemmi regolament jintegra ruħu, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, f’ġabra leġiżlattiva intiża sabiex tiżgura s-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

44

Issa, dan l-għan jeżiġi li kull kandidat jikseb esperjenza fit-titjir reali, billi jwettaq numru kbir ta’ sigħat ta’ taħriġ f’kundizzjonijiet reali f’ajruplan. Għalkemm it-taħriġ fuq l-art huwa supplimentari għal dak tat-titjir, huwa madankollu ma jistax jissostitwixxih.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu tal‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti previsti f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex possibbli li jiġu inklużi fil-kalkolu iktar minn 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art.

Fuq it-tielet domanda

46

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt A(10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kandidat ikun għamel l-eżami prattiku qabel ma jkun wettaq is-sigħat ta’ taħriġ kollha meħtieġa, il-liċenzja CPL(A) tista’ tingħatalu ladarba jkun ikkompleta t-taħriġ tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li jerġa’ jagħmel l-eżami prattiku korrispondenti.

47

Skont il-punt A(10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, “[m]at-tlestija tat-taħriġ fit-titjir irrelatat, l-applikant għandu jagħmel it-test tal-ħiliet […]”.

48

It-test ta’ din id-dispożizzjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-verżjoni Ġermaniża (“[n]ach Abschluss”), Spanjola (“[t]ras la finalizacion”), Franċiża (“[à] l’issue”), Taljana (“[i]n seguito al completamento”) jew Ingliża (“[u]pon completion”), jipprovdi wkoll b’mod espliċitu li huwa biss wara li jkun wettaq it-taħriġ fit-titjir li kandidat jista’ jippreżenta ruħu għall-eżami prattiku.

49

Ebda interpretazzjoni differenti ma tista’ tiġi dedotta mid-definizzjoni tal-eżami prattiku, kif tinsab fil-punt FCL.010 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, u lanqas mir-rekwiżiti ġenerali relatati ma’ dan l-eżami, esposti fil-punt FCL.030 ta’ dan l-anness. Dawn, fil-fatt, ma jinkludu ebda indikazzjoni li minnha jista’ jiġi dedott b’mod ċar li l-eżami prattiku jista’ jseħħ qabel it-twettiq tas-sigħat ta’ taħriġ fit-titjir kollha.

50

Minn dan isegwi li kandidat li jkun għadda mill-eżami prattiku qabel ma jkun wettaq in-numru ta’ sigħat ta’ taħriġ meħtieġa għandu mhux biss jikkompleta t-taħriġ tiegħu iżda wkoll jagħmel mill-ġdid l-eżami prattiku li jikkorrispondi mat-tmiem ta’ taħriġ sħiħ.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-punt A(10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kandidat ikun għamel l-eżami prattiku qabel ma jkun wettaq is-sigħat ta’ taħriġ kollha meħtieġa, il-liċenzja CPL(A) tista’ tingħatalu biss ladarba jkun ikkompleta t-taħriġ tiegħu u jkun għamel mill-ġdid l-eżami prattiku korrispondenti.

Fuq il-limitazzjoni tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza

52

Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, għandha tingħata deċiżjoni dwar id-dubji tal-qorti tar-rinviju, espressi fil-kuntest tar-raba’ domanda tagħha, dwar il-possibbiltà li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

53

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil regola tad-dritt tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, għandha tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ. Minn dan isegwi li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti għal relazzjonijiet ġuridiċi mnissla u stabbiliti qabel l-għoti tas-sentenza li tiddeċiedi dwar it-talba għal interpretazzjoni, jekk, inter alia, il-kundizzjonijiet sabiex titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti jkunu ssodisfatti (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, titwassal sabiex tillimita l-possibbiltà li l-persuni kkonċernati jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li jqiegħdu f’dubju relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi deċiża, huwa neċessarju li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li la t-talba għal deċiżjoni preliminari u lanqas l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludu elementi ta’ natura li jistabbilixxu li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza tinvolvi riskju ta’ diffikultajiet serji, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni preċiża fir-rigward tan-numru ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide u li jistgħu jkunu affettwati minn din l-interpretazzjoni.

56

Din l-evalwazzjoni ma hijiex imqiegħda f’dubju mill-argument imressaq mill-ex studenti u mill-BFS fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom li r-risposti għall-ewwel sat-tielet domanda neċessarjament u awtomatikament iwasslu għall-irtirar retroattiv tal-liċenzji kollha CPL(A) mogħtija fl-Istati Membri kollha wara taħriġ irregolari.

57

Fil-fatt, u filwaqt li dan l-argument jidher li huwa bbażat fuq il-premessa li liċenzji CPL(A) mogħtija permezz ta’ deċiżjonijiet li saru definittivi għandhom jiġu rtirati, għandu jitfakkar, bla ħsara għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, li, konformement mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li awtorità amministrattiva tkun, bħala prinċipju, obbligata tibdel deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet natura definittiva mal-iskadenza tat-termini raġonevoli għall-kontestazzjoni jew permezz tal-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji. L-osservanza ta’ dan il-prinċipju tippermetti li tiġi evitata l-kontestazzjoni indefinita ta’ atti amministrattivi li għandhom effetti legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz, C‑453/00, EU:C:2004:17, punti 2224, u tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 186 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-każ ineżami, l-ebda element ma huwa ta’ natura li jiġġustifika deroga mill-prinċipju li sentenza ta’ interpretazzjoni tipproduċi l-effetti tagħha fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, ma hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis.

60

Barra minn hekk, sabiex tingħata lill-qorti tar-rinviju risposta kompleta, għandu jingħad ukoll li l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u l-protezzjoni effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu minnu jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu żgurati mill-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni imputabbli lilu, sa fejn dan il-prinċipju huwa inerenti għas-sistema tat-Trattati li fuqhom din tal-aħħar hija bbażata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punti 20, 3952, u tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Deutsche Umwelthilfe, C‑752/18, EU:C:2019:1114, punt 54).

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt A(9)(e) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat‑3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2018/1119 tal‑31 ta’ Lulju 2018, għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-kalkolu tal‑115‑il siegħa ta’ ħin bl-istrumenti previsti f’din id-dispożizzjoni, ma huwiex possibbli li jiġu inklużi fil-kalkolu iktar minn 55 siegħa ta’ ħin bl-istrumenti fuq l-art.

 

2)

Il-punt A(10) tal-Appendiċi 3 tal-Anness I tar-Regolament Nru 1178/2011, kif emendat bir-Regolament 2018/1119, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn kandidat ikun għamel l-eżami prattiku qabel ma jkun wettaq is-sigħat ta’ taħriġ kollha meħtieġa, il-liċenzja CPL(A) tista’ tingħatalu biss ladarba jkun ikkompleta t-taħriġ tiegħu u jkun għamel mill-ġdid l-eżami prattiku korrispondenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.