SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Direttiva 2008/115/KE – Standards u proċeduri komuni applikabbli fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu fil-pajjiż irregolarment – Artikolu 6(1) u Artikolu 8(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ residenza irregolari, l-impożizzjoni ta’ multa flimkien mal-obbligu ta’ tluq mit-territorju – Possibbiltà li r-residenza tiġi rregolarizzata matul terminu stabbilit – Artikolu 7(1) u (2) – Terminu għat-tluq volontarju”

Fil-Kawża C‑409/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Pontevedra (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pontevedra, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑2 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

UN

vs

Subdelegación del Gobierno en Pontevedra,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jurimäe, Presidenta ta’ Awla, N. Jääskinen, M. Safjan (Relatur), N. Piçarra u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UN, minn E. M. Tomé Torres, A. de Ceballos Cabrillo u J. L. Rodríguez Candela, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig u L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u I. Galindo Martín, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3), tal-Artikolu 6(1) u (5), u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn UN u s-Subdelegación del Gobierno en Pontevedra (is-Subdelegazzjoni tal-Gvern fil-Provinċja ta’ Pontevedra, Spanja) dwar ir-residenza irregolari ta’ UN fit-territorju Spanjol.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 2, 4, 6 u 10 tad-Direttiva 2008/115 jistabbilixxu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l‑4 u l‑5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta’ politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

[…]

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta’ ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b’mod tajjeb.

[…]

(6)

[…] Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta’ l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta’ każ b’każ u abbażi ta’ kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta’ soġġorn illegali. […]

[…]

(10)

Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina l-iskop tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju aktar milli ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. [Għandha tingħata estensjoni tat-terminu tat-tluq volontarju meta din titqies meħtieġa minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ każ individwali.] […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi li:

“Għall-finijiet ta’ din [id-direttiva] għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(4)

‘deċiżjoni ta’ ritorn’ tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta’ ritorn;

(5)

‘tneħħija’ tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta’ ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

[…]

(8)

‘tluq volontarju’ tfisser konformità ma’ l-obbligu ta’ ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta’ ritorn;

[…]”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet aktar favorevoli”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

7

Skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115, intitolat “Deċiżjoni ta’ ritorn”:

“1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u għandhom permess ta’ residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta’ non-konformità miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat ma’ din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. F’dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F’dan il-każ m’għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta’ ritorn. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta’ soġġorn.

5.   Jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru jkun is-suġġett ta’ proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta’ xi permess ieħor li joffri d-dritt ta’ soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti […]

[…]”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tluq volontarju”, jiddisponi fil-paragrafi 1, 2 u 4 tiegħu:

“1.   Id-deċiżjoni ta’ ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta’ bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. […]

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

[…]

4.   Jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta’ żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.”

9

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva intitolat “Tneħħija”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta’ ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie rispettat f’dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.”

Id‑dritt Spanjol

Il‑Liġi dwar il‑Barranin

10

L-Artikolu 28(3)(c) tal-Ley Orgánica 4/2000, sobre derechos y libertades de los extranjeros en España y su integración social (il-Liġi Organika Nru 4/2000 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Barranin fi Spanja u dwar l-Integrazzjoni Soċjali Tagħhom), tal‑11 ta’ Jannar 2000 (BOE Nru 10, tat‑12 ta’ Jannar 2000, p. 1139), kif emendata bil-Ley Orgánica 2/2009 (il-Liġi Organika 2/2009), tal‑11 ta’ Diċembru 2009 (BOE Nru 299, tat‑12 ta’ Diċembru 2009, p. 104986) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”), jipprevedi li barrani għandu jitlaq mit-territorju Spanjol fil-każ taċ-ċaħda amministrattiva ta’ applikazzjoni mressqa minnu sabiex ikompli jirrisjedi f’dan it-territorju, jew fil-każ ta’ assenza ta’ awtorizzazzjoni sabiex jirrisjedi fi Spanja.

11

L-Artikolu 53(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin jiddefinixxi bħala ksur “serju”“[i]l-fatt li persuna tkun tinsab f’sitwazzjoni irregolari fit-territorju Spanjol għar-raġuni li ma tkunx kisbet l-estensjoni tar-residenza jew il-permess ta’ residenza, jew dawn ikunu skadew b’iktar minn tliet xhur, mingħajr il-persuna kkonċernata ma tkun talbet it-tiġdid tagħhom fit-terminu previst mil-leġiżlazzjoni”.

12

Bis-saħħa tal-Artikolu 55(1)(b) ta’ din il-liġi, is-sanzjoni imposta fil-każ ta’ ksur serju hija multa ta’ bejn EUR 501 sa EUR 10000.

13

Skont l-Artikolu 57 tal-imsemmija liġi:

“1.   Meta dawk li jwettqu l-ksur huma barranin u l-aġir inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala ‘serju ħafna’ jew ‘serju’, skont l-Artikolu 53(1)(a), (b), (c), (d) u (f) ta’ din il-liġi organika, il-multa tista’ tiġi ssostitwita bit-tneħħija mit-territorju Spanjol, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, wara l-proċedura amministrattiva korrispondenti u permezz ta’ deċiżjoni motivata li tevalwa l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur.

[…]

3.   Is-sanzjonijiet ta’ tneħħija u ta’ multa ma jistgħu fl-ebda każ jiġu imposti flimkien.

[…]”

14

L-Artikolu 63 tal-istess liġi, dwar il-“proċedura prijoritarja”, jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu:

“L-eżekuzzjoni tal-ordni ta’ tneħħija fil-każijiet previsti f’dan l-artikolu għandha ssir immedjatament.”

15

L-Artikolu 63 bis (2) tal-Liġi dwar il-Barranin jiddisponi:

“Id-deċiżjoni ta’ adozzjoni tal-miżura ta’ tneħħija mogħtija wara l-proċedura ordinarja għandha tinkludi terminu ta’ tluq volontarju li matulu l-persuna kkonċernata għandha titlaq mit-territorju nazzjonali. It-tul ta’ dan it-terminu jvarja bejn seba’ u tletin jum u jibda jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq. It-terminu ta’ tluq volontarju ffissat bl-ordni ta’ tneħħija jista’ jiġi estiż għal perijodu ta’ tul raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, bħat-tul tar-residenza, l-eżistenza ta’ tfal dipendenti li jmorru l-iskola jew rabtiet ta’ familja u soċjali oħrajn.”

Id‑Digriet Irjali 240/2007

16

Ir-Real Decreto 240/2007, sobre entrada, circulación y residencia en España de ciudadanos de los Estados miembros de la Unión Europea y de otros Estados parte en el Acuerdo sobre el Espacio Económico Europeo (id-Digriet Irjali Nru 240/2007 dwar id-Dħul, il-Libertà ta’ Moviment u r-Residenza fi Spanja taċ-Ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-Oħra li Huma Partijiet fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea), tas‑16 ta’ Frar 2007 (BOE Nru 51, tat‑28 ta’ Frar 2007 p. 8558), jittrasponi fid-dritt Spanjol id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

17

Fid‑9 ta’ Mejju 2017, UN, ċittadina Kolombjana, daħlet legalment bħala turista fit-territorju Spanjol mill-ajruport ta’ Madrid-Barajas (Spanja) permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ akkomodazzjoni privata pprovduta minn binha, ċittadin Spanjol maġġorenni residenti f’Pontevedra (Spanja).

18

Peress li r-residenza legali ta’ UN ma tistax teċċedi perijodu ta’ 90 jum, din kellha titlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu. Madankollu hija baqgħet fi Spanja wara li skada l-imsemmi perijodu u rreġistrat ruħha fir-reġistru tal-popolazzjoni ta’ Pontevedra billi indikat ir-residenza ta’ binha bħala indirizz ta’ residenza.

19

Fit‑13 ta’ Frar 2019, il-Ministerio del Interior (il-Ministeru għall-Intern, Spanja) fetaħ fir-rigward ta’ UN il-proċedura ta’ sanzjoni prevista fl-Artikolu 63a tal-Liġi dwar il-Barranin minħabba li din ma kellhiex permess ta’ residenza fi Spanja.

20

Matul ix-xahar ta’ Marzu 2019, UN ippreżentat quddiem l-oficina de extranjería de Pontevedra (l-Uffiċċju tal-Barranin ta’ Pontevedra, Spanja) applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ma’ binha Spanjol, konformement mad-Digriet Irjali 240/2007.

21

Fl-istess ħin, UN ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha waqt is-seduta mogħtija fil-kuntest tal-proċedura ta’ sanzjoni miftuħa mill-Ministeru għall-Intern. Hija indikat hemmhekk il-qrubija mal-familja tagħha fi Spanja, minħabba l-fatt li hija ma kellhiex iktar familja u lanqas kellha mezzi ta’ għajxien fil-Kolombja, il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, kif ukoll il-fatt li hija ma kellhiex rekords kriminali u lanqas ma kienet is-suġġett ta’ xi arrest preċedenti. Hija invokat ukoll motivi umanitarji u marbuta mal-protezzjoni tal-familja kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

22

Fit‑30 ta’ April 2019, id-direttur tal-l-Uffiċċju tal-Barranin ta’ Pontevedra adotta deċiżjoni li tiċħad l-applikazzjoni ta’ UN intiża għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, minħabba li din ma kinitx weriet li kienet dipendenti fuq binha fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha u lanqas ma kellha assigurazzjoni għall-mard privata fi Spanja.

23

UN ikkontestat din id-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2019 quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 2 de Pontevedra (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 2 ta’ Pontevedra, Spanja) u, skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, din il-proċedura għadha pendenti.

24

Fit‑8 ta’ Mejju 2019, is-Subdelegada del Gobierno en Pontevedra (is-Subdelegata tal-Gvern fil-Provinċja ta’ Pontevedra, Spanja) adottat, flimkien mad-deċiżjoni tat‑30 ta’ April 2019, deċiżjoni li tikkonstata li UN kienet tinsab f’sitwazzjoni irregolari, jiġifieri mingħajr permess ta’ residenza u mingħajr viża, u imponiet fuqha sanzjoni li tikkonsisti fit-tneħħija tagħha mit-territorju Spanjol bi projbizzjoni ta’ dħul matul tliet snin. Fil-motivi ta’ din id-deċiżjoni, din l-awtorità kkonstatat li UN kienet wettqet ir-reat serju msemmi fl-Artikolu 53(1)(a) tal-Liġi dwar il-Barranin u li ma kienx jaqa’ taħt il-każijiet koperti mid-dritt għall-ażil.

25

Fil‑31 ta’ Ottubru 2019, UN ippreżentat quddiem il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Pontevedra (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru 1 ta’ Pontevedra, Spanja), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni jew, sussidjarjament, għas-sostituzzjoni tas-sanzjoni ta’ tneħħija b’sanzjoni pekunjarja, jiġifieri multa. UN talbet ukoll is-sospensjoni provviżorja ta’ din is-sanzjoni ta’ tneħħija, peress li l-qorti tar-rinviju laqgħet din it-talba permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Diċembru 2019.

26

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, għalkemm l-Artikolu 57 tal-Liġi dwar il-Barranin jipprojbixxi li jiġu imposti flimkien, fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi b’mod irregolari fit-territorju Spanjol, multa u sanzjoni ta’ tneħħija, din il-liġi tippermetti li jiġu imposti dawn iż-żewġ sanzjonijiet b’mod suċċessiv fir-rigward ta’ tali ċittadin.

27

Fi kwalunkwe każ, l-impożizzjoni ta’ multa ma teżentax liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz mill-obbligu ta’ tluq mit-territorju Spanjol konformement mal-Artikolu 28(3)(c) tal-Liġi dwar il-Barranin jekk ma jiksibx il-viża jew il-permess ta’ residenza meħtieġa. Jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jirregolarizzax is-sitwazzjoni tiegħu f’terminu raġonevoli, tista’ tinbeda proċedura ġdida ta’ sanzjoni kontrih, li tintemm permezz ta’ tneħħija bil-forza. Fil-fatt, konformement mal-ġurisprudenza Spanjola, il-fatt li ġiet imposta multa fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li r-residenza tiegħu fi Spanja hija irregolari huwa kkunsidrat bħala ċirkustanza aggravanti, fis-sens ta’ din il-liġi.

28

Fil-fatt, fis-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 2008/115 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi, fil-każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ dak l-Istat, l-impożizzjoni, skont iċ-ċirkustanzi, jew ta’ multa jew ta’ tneħħija, u ż-żewġ miżuri jeskludu b’mod reċiproku lil xulxin.

29

Madankollu, l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni Spanjola ppreżentata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza hija differenti minn dik mogħtija mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, il-multa prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkorrispondi għal intimazzjoni sabiex wieħed jitlaq volontarjament mit-territorju Spanjol f’terminu stabbilit. Fil-każ li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat ma jitlaqx b’mod volontarju dan it-territorju qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, miżura ta’ tkeċċija obbligatorja tittieħed jekk dan iċ-ċittadin ma jirregolarizzax is-sitwazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-multa prevista mil-leġiżlazzjoni Spanjola inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, waħedha, tirregolarizza s-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin u lanqas tipprekludi t-tneħħija ulterjuri tiegħu.

30

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li kien is-suġġett tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260), hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ ċirkustanza aggravanti, jiġifieri kundanna preċedenti għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn u sitt xhur għat-traffikar tad-droga. Għall-kuntrarju, ma kien hemm ebda ċirkustanza aggravanti fil-kawża prinċipali, peress li UN ma għandha ebda anteċedenti kriminali, għandha d-dokumenti tagħha u daħlet fi Spanja legalment. Barra minn hekk, UN tista’ potenzjalment tirregolarizza r-residenza tagħha fi Spanja permezz, b’mod partikolari, tar-rabtiet tal-familja tagħha.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Contencioso-Administrativo no 1 de Pontevedra (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali Nru°1 ta’ Pontevedra) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva [2008/115] (Artikoli 4(3), 6(1), 6(5) u 7(1)), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali […] li tissanzjona r-residenza irregolari ta’ barranin mingħajr ċirkustanzi aggravanti inizjalment permezz ta’ sanzjoni li tinvolvi multa flimkien ma’ rekwiżit ta’ ritorn volontarju lejn il-pajjiż ta’ oriġini, segwita, sussegwentement, mis-sanzjoni ta’ tneħħija jekk il-barrani la jirregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u lanqas ma jirritorna volontarjament lejn pajjiżu?

2)

L-interpretazzjoni tas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260), fis-sens li l-amministrazzjoni u l-qrati Spanjoli jistgħu japplikaw direttament id-Direttiva 2008/115 għad-detriment ta’ individwu, billi jitħallew barra d-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fil-qasam tas-sanzjonijiet li huma iktar favorevoli, billi jaggravaw ir-responsabbiltà tas-sanzjoni tal-imsemmi individwu u billi jiġu ommessi l-prinċipju ta’ legalità f’materji kriminali, hija kompatibbli mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-limiti tal-effett dirett tad-direttivi? Jew id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali iktar favorevoli għall-individwu għandhom ikomplu jiġu applikati sakemm ma jiġux emendati jew imħassra mir-riforma leġiżlattiva rilevanti?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

32

Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ottubru 2020, ir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bagħat lill-qorti tar-rinviju s-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Subdelegación del Gobierno en Toledo (Konsegwenzi tas-sentenza Zaizoune) (C‑568/19, EU:C:2020:807), fejn stedinha tindikalu jekk, fid-dawl ta’ din is-sentenza, kellhiex l-intenzjoni li żżomm ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tagħha u, b’mod iktar partikolari, it-tieni domanda.

33

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Novembru 2020, il-qorti tar-rinviju rtirat it-tieni domanda, filwaqt li żammet l-ewwel domanda.

Fuq id‑domanda preliminari

34

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2008/115 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissanzjona r-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, inizjalment, permezz ta’ multa flimkien ma’ obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru f’terminu stabbilit sakemm, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-residenza ta’ dan iċ-ċittadin ma tkunx irregolarizzata, u, sussegwentement, fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni tar-residenza tal-imsemmi ċittadin, permezz ta’ deċiżjoni li tordna b’mod obbligatorju it-tkeċċija tiegħu.

35

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ kawża li tikkonċerna l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune (C‑38/14, EU:C:2015:260). Skont il-punt 29 ta’ din is-sentenza, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-residenza irregolari taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Spanjol tista’, b’applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni, tiġi ssanzjonata esklużivament permezz ta’ multa, li hija inkompatibbli mat-tneħħija mit-territorju nazzjonali, peress li din l-aħħar miżura hija biss meħuda inkunsiderazzjoni meta jeżistu fatturi aggravanti addizzjonali.

36

Issa, il-qorti tar-rinviju tindika li din l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali tipprojbixxi, ċertament, li jiġu imposti flimkien, fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju nazzjonali, multa u sanzjoni ta’ tneħħija, iżda tipprevedi madankollu l-impożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ sanzjonijiet b’mod suċċessiv fir-rigward ta’ tali ċittadin. Għalhekk, il-fatt li tiġi imposta tali multa jkollha bħala konsegwenza l-obbligu ta’ tluq mit-territorju Spanjol f’terminu stabbilit għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat li ma jippreżentax ċirkustanzi aggravanti sakemm, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-residenza ta’ dan iċ-ċittadin ma tkunx irregolarizzata minn awtorità nazzjonali. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ din il-multa tkun segwita, fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni tar-residenza tal-imsemmi ċittadin, minn deċiżjoni li tordna t-tneħħija bil-forza tiegħu.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li hija ġurisprudenza stabbilita li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tivverifika jew tikkontesta l-eżattezza tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali magħmula mill-qorti nazzjonali, peress li din l-interpretazzjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, meta tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali, tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun tressqet quddiemha minn din il-qorti (sentenzi tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, EU:C:2009:660, punt 57, u tas‑16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C‑189/18, EU:C:2019:861, punt 29).

38

Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domanda magħmula billi wieħed jitlaq mill-premessa, li hija dik tal-qorti tar-rinviju, li tgħid li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti, fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, li tiġi ssanzjonata r-residenza irregolari ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju nazzjonali permezz tal-impożizzjoni ta’ multa, flimkien ma’ obbligu ta’ ritorn, u, suċċessivament, ma’ miżura ta’ tneħħija.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 2008/115, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 tagħha, huwa li tiġi stabbilita politika effikaċi ta’ tneħħija u ta’ ripatrijazzjoni. Din id-direttiva tistabbilixxi, bis-saħħa tal-Artikolu 1 tagħha, l-“istandards u proċeduri komuni” li għandhom jiġu applikati minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu irregolarment (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 30).

40

Id-Direttiva 2008/115 tirrigwarda biss ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jirrisjedu irregolarment u għalhekk ma għandhiex l-għan li tarmonizza l-leġiżlazzjoni kollha tal-Istati Membri dwar ir-residenza tal-barranin. Konsegwentement, din id-direttiva ma tipprekludix lid-dritt ta’ Stat Membru milli jikklassifika r-residenza irregolari bħala reat u jistabbilixxi multi sabiex jiddisswadi u jiskoraġġixxi t-twettiq ta’ tali ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Madankollu, id-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi bi preċiżjoni l-proċedura li għandha tiġi applikata minn kull Stat Membru għar-ritorn taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jirrisjedu irregolarment u tiffissa l-ordni tal-iżvolġiment tad-diversi stadji li tinvolvi suċċessivament din il-proċedura (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ April 2011, El Dridi (C‑61/11 PPU, EU:C:2011:268, punt 34).

42

Għalhekk, l-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi, b’mod prinċipali, obbligu għall-Istati Membri li jieħdu deċiżjoni ta’ ritorn kontra kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt, ladarba tiġi kkonstatata l-irregolarità tar-residenza, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, skont dan l-artikolu u mingħajr ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi (2) u (5) tal-istess artikolu, jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

Barra dan, għandu jiġi rrilevat li, meta deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, iżda l-obbligu ta’ ritorn ma jkunx ġie osservat minn dan tal-aħħar, kemm jekk fit-terminu mogħti għat-tluq volontarju jew meta ma jingħata ebda terminu għal dan il-għan, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tal-proċeduri ta’ ritorn, li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata titneħħa, jiġifieri, bis-saħħa tal-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, it-trasferiment fiżiku taċ-ċittadin barra mill-Istat Membru kkonċernat (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta kemm mid-dmir ta’ lealtà tal-Istati Membri kif ukoll mir-rekwiżiti ta’ effikaċja mfakkra b’mod partikolari fil-premessa 4 tad-Direttiva 2008/115, l-obbligu impost, mill-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva fuq l-Istati Membri sabiex jipproċedu, fl-ipoteżijiet iddikjarati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għat-tneħħija tal-imsemmi ċittadin għandu jiġi ssodisfatt mill-iktar fis possibbli (sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-fatt li tiġi imposta multa fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment jimplika l-obbligu għal dan iċ-ċittadin li jitlaq mit-territorju nazzjonali f’terminu stabbilit sakemm, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-residenza tal-imsemmi ċittadin ma tkunx irregolarizzata minn awtorità nazzjonali. Huwa biss meta, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, dan l-istess ċittadin la rregolarizza s-sitwazzjoni tiegħu u lanqas ma jkun wettaq tluq volontarju li l-awtorità kompetenti tadotta b’mod obbligatorju deċiżjoni ta’ tneħħija.

47

Fl-ewwel lok, għalkemm, konformement ma’ dak li tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix li d-dritt ta’ Stat Membru jikkwalifika r-residenza irregolari bħala reat u jipprevedi sanzjonijiet sabiex jiddisswadi u jissanzjona t-twettiq ta’ tali ksur, tali sanzjonijiet ma jistgħux jippreġudikaw l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva u għalhekk iċaħħdu lil din mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata)..

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-impożizzjoni ta’ piena pekunjarja ma tistax, fiha nnifisha, tostakola l-proċedura ta’ ritorn stabbilita mid-Direttiva 2008/115, peress li din il-piena ma tipprekludix li deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed u tiġi implimentata b’osservanza sħiħa tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 8 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Sagor, C‑430/11, EU:C:2012:777, punt 36).

49

F’dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli jirriżulta li l-multa imposta fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li l-irregolarità tar-residenza tiegħu tkun ġiet ikkonstatata hija neċessarjament akkumpanjata mill-obbligu ta’ dan iċ-ċittadin li jitlaq mit-territorju nazzjonali f’terminu stabbilit.

50

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-obbligu li jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ ritorn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Direttiva 2008/115, għandha tingħata prijorità, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, għall-eżekuzzjoni volontarja ta’ dan l-obbligu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), peress li t-tneħħija bil-forza tista’ sseħħ biss bħala l-aħħar rimedju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 252).

51

Għalkemm mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “tluq volontarju”, li tinsab fil-punt 8 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, jirriżulta li t-terminu stabbilit fid-deċiżjoni ta’ ritorn huwa intiż sabiex jippermetti lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li jikkonforma mal-obbligu ta’ ritorn li huwa s-suġġett tiegħu, madankollu għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprekludi li, matul dan it-terminu kollu, dan iċ-ċittadin ikun jista’ jipprova jikseb ir-regolarizzazzjoni tar-residenza tiegħu.

52

Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu, f’kull waqt, joħorġu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra ta’ residenza għal raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew għal raġunijiet oħra lil ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tagħhom. Fejn deċiżjoni ta’ ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta’ residenza jew ta’ awtorizzazzjoni oħra ta’ residenza.

53

Fir-rigward tat-tul tat-terminu li jista’ jingħata lill-persuna kkonċernata għall-finijiet tal-eżekuzzjoni volontarja tal-obbligu ta’ ritorn, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115 jiddisponi li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-artikolu, id-deċiżjoni ta’ ritorn tipprevedi, bħala prinċipju, terminu xieraq li jmur minn sebat ijiem sa tletin jum għat-tluq volontarju.

54

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, fejn neċessarju, l-Istati Membri għandhom jestendu t-terminu għat-tluq volontarju għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tal-perijodu ta’ residenza, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet oħra tal-familja u soċjali. Din id-dispożizzjoni ma tissuġġetta din il-possibbiltà offruta lill-Istati Membri għal ebda kundizzjoni partikolari.

55

Għalhekk, anki fil-każ fejn ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment ma jkunx ikkonforma mal-obbligu ta’ ritorn fit-terminu għal tluq volontarju stabbilit konformement mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/115, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi partikolari għal kull każ, li jiġi ddifferit il-mument tal-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn permezz ta’ tneħħija.

56

Għaldaqstant, għalkemm id-Direttiva 2008/115 ma tirregolax ir-relazzjonijiet bejn il-proċedura relatata ma’ applikazzjoni għal residenza għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz u l-proċedura li tirrigwarda l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn jew ta’ tneħħija, mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 51 u 55 ta’ din is-sentenza jirriżulta madankollu li din id-direttiva tippermetti, fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 7(1) u (2) tagħha, lil Stat Membru li jipposponi l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ritorn fir-rigward ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, meta dan ifittex, minħabba ċirkustanzi speċifiċi għas-sitwazzjoni tiegħu, li jirregolarizza r-residenza tiegħu, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ familja.

57

Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-premessa 6 tad-Direttiva 2008/115 tistabbilixxi b’mod partikolari li, konformement mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, id-deċiżjonijiet meħuda bis-saħħa ta’ din id-direttiva għandhom jittieħdu każ b’każ u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kriterji oġġettivi, li jimplika li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi oħra minbarra s-sempliċi fatt ta’ residenza irregolari. B’mod partikolari, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tiġi dejjem żgurata matul l-istadji kollha tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva, inkluż l-istadju relatat mal-proċedura ta’ ritorn, li fil-kuntest tiegħu l-Istat Membru kkonċernat għandu jippronunzja ruħu dwar l-għoti ta’ terminu ta’ tluq volontarju skont l-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. U O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 49 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2008/115 ma tipprekludix, fiha nnifisha, li Stat Membru jkun jista’, fl-assenza ta’ ċirkustanzi, imsemmija fl-Artikolu 7(4) ta’ din id-direttiva, li jiġġustifikaw it-tneħħija immedjata ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment taħt l-obbligu ta’ ritorn, itawwal it-terminu għat-tluq volontarju ta’ dan iċ-ċittadin sakemm tintemm proċedura ta’ regolarizzazzjoni tar-residenza tiegħu.

59

F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tostakola l-applikazzjoni tal-istandards u tal-proċeduri komuni stabbiliti mid-Direttiva 2008/115 u, minħabba f’hekk, tippreġudika l-effett utli ta’ din id-direttiva, billi ddewwem ir-ritorn ta’ persuna li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, Zaizoune, C‑38/14, EU:C:2015:260, punti 3940 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Għalhekk, fir-rigward ta’ proċedura ta’ ritorn li tibda bl-impożizzjoni ta’ multa flimkien ma’ obbligu ta’ ritorn u segwita, fl-ipoteżi fejn iċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ma jikkonformax ruħu ma’ dan l-obbligu fit-terminu stabbilit għal dan il-għan, bit-tneħħija tiegħu, huwa importanti li dan it-terminu ma jkunx jista’ jwassal għal dewmien ta’ natura li jċaħħad lid-Direttiva 2008/115 mill-effettività tagħha.

61

Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, l-obbligu impost mill-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva fuq l-Istati Membri li jipproċedu bit-tneħħija għandu jiġi ssodisfatt mill-iktar fis possibbli.

62

B’mod partikolari, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jiżgura li kull estensjoni tat-terminu għat-tluq volontarju skont l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115 tkun limitata għal tul xieraq u, kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ din id-direttiva, neċessarja minħabba ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ.

63

F’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki tal-qorti tar-rinviju, mil-leġiżlazzjoni Spanjola rilevanti jirriżulta, minn naħa, li t-tul taż-żmien terminu għat-tluq volontarju ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed jirrisjedi irregolarment ivarja bejn sebat ijiem u tletin jum u, min-naħa l-oħra, li dan it-terminu jista’ jiġi estiż matul perijodu ta’ tul raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, bħat-tul tar-residenza, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola jew l-eżistenza ta’ rabtiet oħra tal-familja u soċjali. Issa, sa fejn tali estensjoni tingħata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni applikazzjoni għar-regolarizzazzjoni taċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż irregolarment, huwa importanti li t-terminu hekk mogħti jiġi ffissat skont ir-rekwiżiti li jinsabu fil-punt preċedenti.

64

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2008/115, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 6(4) u mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissanzjona r-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, inizjalment, permezz ta’ multa flimkien ma’ obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru f’terminu stabbilit sakemm, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-residenza ta’ dan iċ-ċittadin ma tkunx irregolarizzata, u, sussegwentement, fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni tar-residenza tal-imsemmi ċittadin, permezz ta’ deċiżjoni li tordna b’mod obbligatorju it-tkeċċija tiegħu, sakemm l-imsemmi terminu ikun stabbilit b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l‑ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 8(1) tagħha, ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 6(4) u mal-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissanzjona r-residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, fl-assenza ta’ ċirkustanzi aggravanti, inizjalment, permezz ta’ multa flimkien ma’ obbligu ta’ tluq mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru f’terminu stabbilit sakemm, qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, ir-residenza ta’ dan iċ-ċittadin ma tkunx irregolarizzata, u, sussegwentement, fl-assenza ta’ regolarizzazzjoni tar-residenza tal-imsemmi ċittadin, permezz ta’ deċiżjoni li tordna b’mod obbligatorju it-tkeċċija tiegħu, sakemm l-imsemmi terminu ikun stabbilit b’mod konformi mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmija direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.