SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Appell – Dritt istituzzjonali – Status uniku ta’ deputat Ewropew – Deputati Ewropej eletti f’kostitwenzi Taljani – Bidla tad-drittijiet tal-pensjoni – Att li jikkawża preġudizzju – Pożizzjoni provviżorja – Effetti legali awtonomi”

Fil-Kawża C‑408/20 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl‑1 ta’ Settembru 2020,

Danilo Poggiolini, residenti f’Ruma (l-Italja), irrappreżentat minn F. Sorrentino, A. Sandulli u B. Cimino, avvocati,

appellant,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn S. Alves u S. Seyr, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, Danilo Poggiolini jitlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Falqui u Poggiolini vs Il-Parlament (T‑347/19 u T‑348/19, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet appellat”, EU:T:2020:303), li permezz tiegħu din ċaħdet bħala manifestament inammissibbli r-rikors tiegħu intiż għall-annullament tan-nota tal‑11 ta’ April 2019 stabbilita mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u li tikkonċerna l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li huwa jibbenefika minnhom wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) (iktar ’il quddiem in-“nota kontenzjuża”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

D. Poggiolini huwa ex membru tal-Parlament Ewropew, elett fl-Italja. Huwa jibbenefika, f’dan ir-rigward, minn pensjoni tal-irtirar.

3

Fit‑12 ta’ Lulju 2018, l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati ddeċieda li jikkalkola mill-ġdid, skont is-sistema tal-kontribuzzjoni, l-ammont tal-pensjonijiet tal-ex membri ta’ din il-Kamra marbuta mas-snin ta’ mandat imwettqa sal‑31 ta’ Diċembru 2011 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 14/2018”).

4

Permezz taż-żieda ta’ kumment fuq ir-rendikonti tal-pensjoni tal-appellant tax-xahar ta’ Jannar 2019, il-Parlament informah bil-fatt li l-ammont tal-pensjoni tiegħu seta’ jiġi rrivedut, skont id-Deċiżjoni Nru 14/2018, u li dan il-kalkolu l-ġdid seta’ eventwalment jagħti lok għal irkupru tas-somom imħallsa indebitament.

5

Permezz ta’ nota mingħajr data tal-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament, annessa mar-rendikonti tal-pensjoni tal-appellant tax-xahar ta’ Frar 2019, il-Parlament informah, qabelxejn, li s-servizz legali tiegħu kien ikkonferma l-applikabbiltà awtomatika tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 għas-sitwazzjoni tiegħu. Din in-nota kienet tippreċiża, sussegwentement, li, hekk kif il-Parlament ikun irċieva l-informazzjoni neċessarja mill-Camera dei deputati (il-Kamra tad-Deputati, l-Italja), huwa kien jikkomunika lill-appellant l-iffissar mill-ġdid tad-dritt tal-pensjoni tiegħu u kien jipproċedi għall-irkupru tad-differenza eventwali matul it-tnax-il xahar sussegwenti. Fl-aħħar nett, din in-nota kienet tinforma lill-appellant li l-iffissar definittiv tad-drittijiet tal-pensjoni tiegħu kien ser ikun stabbilit permezz ta’ att formali li kontrih ikun possibbli li jitressaq ilment jew rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

6

Sussegwentement, permezz tan-nota kontenzjuża, dan il-Kap tad-Diviżjoni kkomunika lill-appellant li l-ammont tal-pensjoni tiegħu kien ser jiġi adattat sat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet analogi mħallsa fl-Italja lill-ex deputati nazzjonali b’applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 14/2018. Din in-nota kienet tippreċiża wkoll li l-ammont tal-pensjoni tal-appellant kien ser jiġi adattat mix-xahar ta’ April 2019 b’applikazzjoni tal-abbozz għall-iffissar tad-drittijiet tal-pensjoni l-ġodda trażmessi fl-anness tal-imsemmija noti. Barra minn hekk, l-istess nota kienet tagħti lill-appellant terminu ta’ 30 jum, li jibda jiddekorri minn meta jirċeviha, sabiex iressaq l-osservazzjonijiet tiegħu. Fin-nuqqas tal-preżentata ta’ tali osservazzjonijiet fit-terminu mogħti, in-nota kontenzjuża tkun titqies li tipproduċi effetti definittivi li jkunu jimplikaw, b’mod partikolari, l-irkupru tal-ammonti rċevuti indebitament għax-xhur minn Jannar sa Marzu 2019.

7

Permezz ta’ ittra elettronika tat‑22 ta’ Mejju 2019, l-appellant bagħat l-osservazzjonijiet tiegħu lid-dipartiment kompetenti tal-Parlament. Permezz ta’ ittra elettronika tal-istess jum, il-Parlament irrikonoxxa li rċieva dawn l-osservazzjonijiet u indika lill-appellant li kienet ser tingħatalu risposta wara li jiġu eżaminati l-argumenti tiegħu.

8

Wara l-preżentata tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019, il-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament wieġeb għall-osservazzjonijiet mibgħuta mill-appellant billi indika li dawn ma kinux jinkludu elementi ta’ natura li jiġġustifikaw reviżjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa fin-nota kontenzjuża, u li, konsegwentement, id-drittijiet tal-pensjoni kif ukoll il-pjan ta’ rkupru tal-ammonti mħallsa indebitament, kif ikkalkolati mill-ġdid u kkomunikati fl-anness ta’ din in-noti, kienu saru definittivi fid-data ta’ notifika ta’ din l-ittra.

Ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

9

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżenta rikors intiż għall-annullament tan-nota kontenzjuża.

10

Fid‑29 ta’ Awwissu 2019, il-Parlament, permezz ta’ att separat, eċċepixxa l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

11

Fis‑6 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżenta nota ta’ adattament tar-rikors tiegħu.

12

Fl‑20 ta’ Jannar 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tgħaqqad l-eżami tar-rikors għal annullament ippreżentat minn S. Poggiolini, irreġistrat bin-numru T‑348/19, ma’ dak tar-rikors, irreġistrat bin-numru T‑347/19, ippreżentat minn rikorrent ieħor, li kien ukoll ex Membru tal-Parlament.

13

Permezz tad-digriet appellat, adottat bl-applikazzjoni tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, hija ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi bħala manifestament inammissibbli.

14

Qabel kollox, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 53 tad-digriet appellat, li n-nota kontenzjuża ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u, għaldaqstant, ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, fil-punt 59 tad-digriet appellat, hija ċaħdet bħala manifestament inammissibbli l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament ta’ din in-nota.

15

Sabiex tiġġustifika din l-evalwazzjoni, hija, fl-ewwel lok, ippreċiżat, fil-punti 47 sa 49 tad-digriet appellat, li ċ-ċirkustanza li l-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-pensjonijiet kien applikabbli mix-xahar ta’ April 2019 ma kienx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-Parlament kien ħa pożizzjoni definittiva f’dan ir-rigward. Minn naħa, in-nota kontenzjuża kienet espliċitament ippreżentata bħala abbozz. Min-naħa l-oħra, hija speċifikat li dawn jsiru definittivi biss fl-assenza ta’ osservazzjonijiet ifformulati mid-destinatarju tagħha f’terminu ta’ 30 jum minn meta tiġi rċevuta. Issa, ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali kien ippreżenta tali osservazzjonijiet f’dan it-terminu.

16

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 52 u 56 tad-digriet appellat, li l-ittra tal-Parlament tat‑8 ta’ Lulju 2019 kienet tikkostitwixxi t-teħid ta’ pożizzjoni definittiva tal-Parlament fil-konfront tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali u ma setgħetx tiġi analizzata bħala att purament konfermattiv tan-nota kontenzjuża.

17

Fit-tielet lok, hija ddeċidiet, fil-punt 57 tad-digriet appellat, li l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat kontra n-nota kontenzjuża ma kienx ta’ natura li jippreġudika d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, peress li, minn naħa, l-invokazzjoni ta’ dan id-dritt ma tistax twassal sabiex jitwarrbu l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rikorsi espressament previsti mit-Trattat FUE u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali kellu d-dritt li jippreżenta rikors għal annullament kontra l-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019.

18

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 58 tad-digriet appellat, l-argument tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali li l-Parlament seta’ jevita l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali meta naqas milli jwieġeb għall-osservazzjonijiet ippreżentati fuq in-nota kontenzjuża, billi indikat li, f’dan il-każ, il-Parlament kien wieġeb għall-osservazzjonijiet ippreżentati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, fi kwalunkwe każ, anki jekk il-Parlament kien astjena illegalment milli jieħu azzjoni fuq dan il-punt, il-persuni kkonċernati dejjem għandhom il-possibbiltà li jippreżentaw rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni sabiex iġiegħlu lill-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu b’mod definittiv.

19

Sussegwentement, fil-punti 62 u 63 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tieni kap tat-talbiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019. F’dan ir-rigward, hija qieset li n-nota ta’ adattament ippreżentata mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali kienet manifestament inammissibbli għar-raġuni li parti tista’ tadatta t-talbiet u l-motivi tar-rikors inizjali tagħha biss jekk dan tal-aħħar kien huwa nnifsu ammissibbli fid-data tal-preżentata tiegħu.

20

Fl-aħħar nett, fil-punt 67 tad-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-tielet kap tat-talbiet tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż sabiex il-Parlament jiġi kkundannat iħallas is-somom li huwa żamm indebitament, sa fejn dan il-kap tat-talbiet kien manifestament inammissibbli.

It-talbiet tal-partijiet

21

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet appellat;

konsegwentement, tannulla n-nota kontenzjuża u n-nota kkomunikata permezz tal-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019;

fin-nuqqas ta’ dan, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

22

Il-Parlament jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell, u

tikkundanna lill-appellant għall-ispejjeż relatati mal-appell.

Fuq l-appell

L-argumenti tal-partijiet

23

L-appellant jinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tiegħu, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-evalwazzjoni, rispettivament, tan-natura tardiva tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma quddiemha mill-Parlament, tan-natura kontestabbli tan-nota kontenzjuża, u tal-ammissibbiltà tat-talba għal annullament ifformulata fin-nota ta’ adattament.

24

Fid-dawl tal-argumenti li huwa jiżviluppa insostenn tal-aggravji tiegħu, l-appellant għandu jiġi kkunsidrat bħala li qiegħed jitlob l-annullament tad-digriet appellat inkwantu, permezz ta’ dan tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ċaħdet it-talbiet tiegħu intiżi għall-annullament tan-nota kontenzjuża kif ukoll tad-deċiżjoni espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019.

25

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, li għandu jiġi eżaminat qabel kollox, l-appellant isostni li n-nota kontenzjuża tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat u li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta ddikjarat inammissibbli r-rikors għal annullament ippreżentat kontriha.

26

L-appellant isostni, f’dan ir-rigward, li din in-nota ma hijiex sempliċi att preparatorju, peress li pproduċiet effetti legali immedjati billi wasslet, sa mix-xahar ta’ April 2019, għat-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni mħallsa lilu.

27

Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet ikkostitwixxiet biss sempliċi fakultà u, li, fin-nuqqas ta’ użu ta’ din il-fakultà, ladarba jiskadi t-terminu ta’ 30 jum indikat fin-nota kontenzjuża, it-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni kien jibqa’ japplika mingħajr intervent ulterjuri tal-amministrazzjoni. Huwa jsostni li, f’dan il-każ, huwa ma rċeviex tweġiba għall-osservazzjonijiet tiegħu fil-mument tal-preżentata tar-rikors tiegħu u li kien kostrett jaġixxi sabiex jevita li jiġi prekluż.

28

L-approċċ adottat mill-Qorti Ġenerali jkun jippreġudika, barra minn hekk, id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva. Minn naħa, huwa jkun iċaħħad lill-appellant mill-protezzjoni kontra miżura li għandha effett dirett fuq is-sitwazzjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, huwa jkun jippermetti lill-Parlament li jevita kull stħarriġ ġudizzjarju billi jastjeni milli jwieġeb għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet ikkonċernati.

29

Il-Parlament isostni, fl-ewwel lok, li t-tnaqqis tal-ammont tal-pensjoni tal-appellant kien ta’ natura provviżorja u li dan it-tnaqqis seta’ jiġi rivedut abbażi tal-osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellant. Din in-natura provviżorja tirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tan-nota kontenzjuża u mill-possibbiltà li kellu l-appellant li jippreżenta osservazzjonijiet qabel ma saret definittiva, possibbiltà li huwa ġustament uża. Il-pożizzjoni definittiva tal-Parlament ġiet deċiża biss sussegwentement.

30

Fit-tieni lok, il-protezzjoni ġudizzjarja tal-appellant kienet żgurata mill-possibbiltà li jippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni finali, espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019, li l-eżami tagħha ppermetta, jekk ikun il-każ, li tiġi annullata n-nota kontenzjuża u, konsegwentement, li jiġu rrimedjati l-effetti tagħha. F’dan ir-rigward, ir-riskju li l-Parlament jastjeni milli jwieġeb għall-osservazzjonijiet jista’ jiġi eskluż għar-raġuni indikata fil-punt 58 tad-digriet appellat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31

Bħalma rrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 45 tad-digriet appellat, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li jitqiesu li huma “atti li jistgħu jiġu kkontestati” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħhom, li jkunu intiżi li jipproduċu xi effetti legali vinkolanti (sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 31, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir-Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-att ikkontestat jipproduċix tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att u għandhom jiġu evalwati dawn l-effetti fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi, bħall-kontenut tal-imsemmi att, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-kuntest tal-adozzjoni ta’ dan tal-aħħar kif ukoll is-setgħat tal-istituzzjoni li tkun l-awtriċi tiegħu (sentenzi tal‑20 ta’ Frar 2018, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 32, u tad‑9 ta’ Lulju 2020, Ir‑Repubblika Ċeka vs Il‑Kummissjoni, C‑575/18 P, EU:C:2020:530, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Għandu jitfakkar ukoll li, kif essenzjalment enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 46 tad-digriet appellat, miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw, fil-kuntest ta’ proċedura li tinkludi diversi fażijiet, id-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Tali atti intermedjarji huma qabelxejn atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni kkonċernata (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Issa, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 47 sa 51 tad-digriet appellat, li n-nota kontenzjuża ma kinitx tiffissa l-pożizzjoni definittiva tal-Parlament, peress li l-pożizzjoni adottata f’dawn in-noti setgħet tinbidel sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi inklużi fl-osservazzjonijiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali.

36

F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mill-appellant, li n-nota kontenzjuża ma kinitx ta’ natura provviżorja minħabba li l-effetti tagħha kellhom isiru definittivi fil-każ li huwa ma jkunx ippreżenta osservazzjonijiet fit-terminu mogħti minn din in-nota, ma jistax jintlaqa’.

37

Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 49 tad-digriet appellat, ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali ppreżenta osservazzjonijiet qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, u għalhekk permezz tagħha pprekluda wkoll li l-effetti tan-nota kontenzjuża jiksbu natura definittiva.

38

Madankollu, il-konstatazzjoni li att ta’ istituzzjoni jikkostitwixxi miżura intermedjarja li ma tesprimix il-pożizzjoni finali ta’ istituzzjoni ma tistax tkun suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit, b’mod sistematiku, li dan l-att ma jikkostitwixxix “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

39

Għalhekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li att intermedjarju li jipproduċi effetti legali awtonomi jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament sa fejn ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata l-illegalità marbuta ma’ dan l-att fl-okkażjoni ta’ rikors dirett kontra d-deċiżjoni finali li tagħha jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni (sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Għaldaqstant, meta l-kontestazzjoni tal-legalità ta’ att intermedjarju fil-kuntest ta’ tali rikors ma hijiex ta’ natura li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva lir-rikorrent kontra l-effetti ta’ dan l-att, dan għandu jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 63; tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 56, kif ukoll tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 48).

41

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tad-digriet appellat u kif isostni l-appellant fl-appell tiegħu, in-nota kontenzjuża kienet twassal għal tnaqqis immedjat tal-ammont tal-pensjonijiet tal-appellant, mix-xahar ta’ April 2019, peress li l-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis ma kinitx sospiża sakemm tintemm il-proċedura mmexxija mill-Parlament.

42

Minn dan isegwi li n-nota kontenzjuża kienet tipproduċi, bħala tali, effetti legali awtonomi fuq is-sitwazzjoni patrimonjali tal-appellant.

43

Tali effetti ma jistgħux jiġu assimilati mal-effetti proċedurali tal-atti li jesprimu pożizzjoni provviżorja tal-Kummissjoni Ewropea jew mal-effetti ta’ tali atti li ġew irrikonoxxuti bħala li ma jippreġudikawx l-interessi tal-persuni kkonċernati, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat bħala li ma jistgħux iwasslu għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra tali atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punti 1718).

44

Il-fatt, irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 50 tad-digriet appellat, li min-nota kontenzjuża jsegwi li l-Parlament kien ipproċeda għall-irkupru tas-somom irċevuti għax-xhur minn Jannar sa Marzu 2019 biss fl-assenza ta’ osservazzjonijiet ippreżentati mill-appellant f’terminu ta’ 30 jum wara li rċieva din in-nota ma huwiex ta’ natura li jikkontesta n-natura immedjata tal-effetti legali prodotti mill-imsemmija nota.

45

Barra minn hekk, minkejja li n-nota kontenzjuża kienet tipprevedi li l-Parlament kellu jadotta pożizzjoni finali wara li jirċievi l-osservazzjonijiet magħmula mill-appellant, huwa paċifiku li l-adozzjoni ta’ tali pożizzjoni ma kienet akkumpanjata minn ebda terminu.

46

L-effetti legali awtonomi tan-nota kontenzjuża setgħu, konsegwentement, ikomplu jeżistu għal perijodu potenzjalment twil li t-terminu tiegħu ma huwiex iddefinit a priori.

47

F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li t-tnaqqis durabbli tal-ammont ta’ pensjoni huwa ta’ natura li jkollu konsegwenzi potenzjalment irriversibbli fuq is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, l-appellant kellu jkollu l-possibbiltà li jeżerċita rikors effettiv kontra n-nota kontenzjuża u għalhekk jagħmel ostakolu għat-tnaqqis tal-pensjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 1992, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑47/91, EU:C:1992:284, punt 28, u tad‑9 ta’ Ottubru 2001, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑400/99, EU:C:2001:528, punt 63).

48

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tad-digriet appellat, l-eżerċizzju ta’ rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni finali li l-Parlament kellu jadotta wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-appellant ma kienx ta’ natura li jiżguralu protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

49

Il-possibbiltà li għandha l-persuna kkonċernata, fl-assenza ta’ tweġiba tal-Parlament għall-osservazzjonijiet li hija ppreżentat, li tippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontrih, li kkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tad-digriet appellat, lanqas ma hija ta’ natura li tiżguralha protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

50

Ċertament, il-Parlament għandu jwieġeb għal tali osservazzjonijiet f’terminu raġjonevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid Arango Jaramillo et vs BEI, C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28) u l-persuna kkonċernata għandha, konsegwentement, id-dritt li tippreżenta rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jekk din l-istituzzjoni ma tikkonformax ma’ dan l-obbligu.

51

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat tali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni setgħet tkun biżżejjed sabiex teskludi l-kontinwazzjoni ta’ stat ta’ nuqqas ta’ azzjoni tal-Kummissjoni wara l-adozzjoni ta’ miżura intermedjarja adottata minn din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il‑Kummissjoni, C‑282/95 P, EU:C:1997:159, punt 38).

52

Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux ikunu determinanti f’dan il-każ peress li, minn naħa, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni ppreżentat kontra l-Parlament ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-effetti legali awtonomi tan-nota kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, it-termini neċessarji sabiex ikun jista’ jiġi eżaminat tali rikors u sussegwentement, jekk ikun il-każ, ta’ rikors għal annullament ikunu eċċessivi f’kuntest fejn din in-nota twassal immedjatament għal tnaqqis tal-ammont tal-pensjonijiet imħallsa lil persuna fiżika.

53

F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza, irrilevata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 58 tad-digriet appellat, li l-Parlament kien, f’dan il-każ, wieġeb għall-osservazzjonijiet tal-appellant hija, fi kwalunkwe każ, mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament ippreżentat kontra n-nota kontenzjuża, peress li din it-tweġiba ngħatat wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

54

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 53 tad-digriet appellat, li n-natura provviżorja tan-nota kontenzjuża kienet tippermetti li jiġi kkunsidrat li din ma kinitx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u, għaldaqstant, li ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

55

Konsegwentement, hemm lok li t-tieni aggravju jintlaqa’ u li jiġi annullat id-digriet appellat, sa fejn dan ċaħad l-ewwel kap tat-talbiet ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑348/19, intiż għall-annullament tan-nota kontenzjuża.

56

Minn dan isegwi wkoll li d-digriet appellat għandu jiġi annullat sa fejn dan ċaħad it-tieni kap tat-talbiet ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑348/19, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019, peress li ċ-ċaħda ta’ dan il-kap tat-talbiet hija esklużivament ibbażata fuq l-inammissibbiltà tal-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali, intiż għall-annullament tan-nota kontenzjuża.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet aggravju, sa fejn dawn ma humiex, fi kwalunkwe każ, ta’ natura li jinvolvu annullament iktar estiż tad-digriet appellat.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

58

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, hija tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

59

Fl-ewwel lok, peress li l-Parlament sostna biss, permezz tal-eċċezzjonijiet tiegħu ta’ inammissibbiltà mqajma quddiem il-Qorti Ġenerali, li r-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali kien inammissibbli minħabba li n-nota kontenzjuża kienet tikkostitwixxi att preparatorju, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 38 sa 54 ta’ din is-sentenza, din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

60

Fit-tieni lok, peress li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali rrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikorsi u peress li din ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali bħala manifestament inammissibbli mingħajr ma fetħet il-proċedura orali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament fuq dan ir-rikors.

61

Konsegwentement, hemm lok li l-kawża tiġi rrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar it-talbiet tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi għall-annullament tan-nota kontenzjuża u tad-deċiżjoni espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019.

Fuq l-ispejjeż

62

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑3 ta’ Lulju 2020, Falqui u Poggiolini vs Il-Parlament (T‑347/19 u T‑348/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:303), huwa annullat sa fejn dan ċaħad it-talbiet ippreżentati minn Danilo Poggiolini fil-Kawża T‑348/19 intiżi għall-annullament tan-nota tal‑11 ta’ April 2019 stabbilita mill-Kap tad-Diviżjoni “Remunerazzjoni u drittijiet soċjali tad-deputati” tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u li jikkonċernaw l-aġġustament tal-ammont tal-pensjonijiet li huwa jibbenefika minnhom wara d-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2019, tad-Deċiżjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) u tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew espressa fl-ittra tat‑8 ta’ Lulju 2019.

 

2)

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Parlament Ewropew quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T‑348/19 hija miċħuda.

 

3)

Il-Kawża T‑348/19 hija rrinvijata lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tiddeċiedi fuq it-talbiet ippreżentati minn Danilo Poggiolini fil-Kawża T‑348/19 intiżi għall-annullament ta’ din in-nota u ta’ din id-deċiżjoni.

 

4)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.