SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza lill‑passiġġieri fil‑każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjira – Artikolu 2(l) – Artikolu 5(1) – Bidla fil-ħin tat-tluq ta’ titjira – Tluq pospost b’madwar tliet sigħat – Informazzjoni lill-passiġġieri disat ijiem qabel it-tluq – Kunċetti ta’ ‘kanċellazzjoni’ u ta’ ‘dewmien’”

Fil-Kawża C‑395/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura

EP,

GM

vs

Corendon Airlines Turistik Hava Taşımacılık A.Ş.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.‑C. Bonichot u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal EP u GM, minn F. Puschkarski, Rechtsanwältin,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Kühne, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Pethke u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(l), tal-Artikolu 5(1) u tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġiera fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir‑Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, EP u GM, żewġ passiġġieri tal-ajru (iktar ’il quddiem il-“passiġġieri inkwistjoni”), u, min-naħa l-oħra, il-kumpannija tal-ajru Corendon Airlines Turistik Hava Tașımacılık A.Ș. (iktar ’il quddiem “Corendon Airlines”) dwar ir‑rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lill-passiġġieri inkwistjoni minħabba l‑posponiment tal-ħin tat-tluq inizjalment previst għat-titjira tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(l)

‘kanċellazzjoni’ tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

4

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jistabbilixxi fil‑paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat”.

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dewmien”, jistipula:

“1.   Meta trasportatur ta’ l-ajru li jopera jistenna b’mod raġonevoli li titjira tiġi mdewma lil hin mil-ħin tat-tluq tagħha skedat:

(a)

għal sagħtejn jew aktar, fil-każ ta’ titjiriet ta’ 1500 kilometru jew inqas; jew

(b)

għal tlett sigħat jew aktar, fil-każ tat-tijiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilometru; jew

(ċ)

għal erba’ sigħat jew aktar, fil-każ tat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b),

passiġġieri għandhom jiġu offruti mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera:

(i)

l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(a) u 9(2); u

(ii)

meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni hu mill-inqas il-ġurnata wara l-ħin tat-tluq li kien imħabbar qabel, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(iii)

meta d-dewmien hu ta’ mill-inqas ħames sigħat, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 8(1)(a).

2.   Fi kwalunkwe każ, l-assistenza għandha tiġi offruta fil-limiti tal-ħin stabbiliti hawn fuq fir-rigward ta’ kull parentesi ta’ distanza.”

6

Skont l-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

[…]

(b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

[…]”

7

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għar-rimbors jew rotta differenti”, jipprovdi:

“1.   Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jiġu offruti l-għażla bejn:

(a)

rimbors fi żmien sebat ijiem, permezz tal-mezzi previsti fl-Artikolu 7(3), tal-prezz sħiħ tal-biljett bil-prezz b’liema ġie mixtri, għall-parti jew partijiet tal-vjaġġ li ma ġewx magħmulin, u għall-parti jew partijiet li diġá ġew magħmulin jekk it-titjira m’għadhiex qed taqdi kwalunkwe skop fir-rigward tal-pjan ta’ vjaġġ oriġinali tal-passiġġier, flimkien ma’, meta rilevanti,

titjira lura għall-ewwel punt ta’ tluq, ma’ l-ewwel opportunitá;

(b)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom ma’ l-ewwel opportunitá; jew

(ċ)

rotta differenti, taħt kondizzjonijiet tat-trasport paragunabbli, għad-destinazzjoni finali tagħhom f’data aktar tard skond il-konvenjenza tal-passiġġier, soġġett għall-postijiet li qegħdin għad-dispożizzjoni.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Il-passiġġieri inkwistjoni rriżervaw pakkett tal-ivvjaġġar permezz tal-pjattaforma tal-internet “Check24”. Ir‑riżervazzjoni tagħhom ġiet ikkonfermata minn Corendon Airlines, it‑trasportatur tal-ajru li jopera, għal titjira li kellha ssir fit‑18 ta’ Mejju 2019 minn Düsseldorf (il-Ġermanja) lejn Antalya (it-Turkija), b’ħin tat-tluq skedat għas‑13.20 u b’ħin tal-wasla skedat fl-istess jum għas‑17.50.

9

Sussegwentement, Corendon Airlines ipposponiet din it-titjira, filwaqt li żammitilha n-numru tagħha, u ffissat il-ħin tat-tluq il-ġdid għall‑16.10 u l-ħin tal-wasla l-ġdid għad‑20.40 fit‑18 ta’ Mejju 2019, u hija informat lill-passiġġieri inkwistjoni disat ijiem qabel il-bidu tat-titjira. Peress li t-titjira hekk mibdula ġarrbet dewmien, it‑tluq seħħ fil‑17.02 u l-inżul fid‑21.30, fit‑18 ta’ Mejju 2019.

10

Il-passiġġieri inkwistjoni talbu kumpens mingħand Corendon Airlines fl-ammont ta’ EUR 400 kull wieħed, taħt l-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7(1)(b) tar‑Regolament Nru 261/2004.

11

Wara li Corendon Airlines irrifjutat li tikkumpensa lil dawn il-passiġġieri, huma ppreżentaw rikors quddiem l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), li ċaħdet dan ir-rikors għar-raġunijiet, minn naħa, li għalkemm il-ħin tat-tluq tat-titjira kien ġie mibdul, l‑iskedar inizjali ta’ din it-titjira ma kienx ġie abbandunat. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija passiġġieri, fi kwalunkwe każ, kienu ġew informati bil-bidla fil-ħin tat-tluq fit‑terminu previst fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa bejn ġimagħtejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-bidla tal-ħin tat-tluq tat-titjira kinitx tikkostitwixxi kanċellazzjoni jew dewmien twil tal-imsemmija titjira. Barra minn hekk, din il-qorti rrilevat li l-kwistjoni dwar jekk Corendon Airlines kinitx issodisfat l-obbligu ta’ informazzjoni tagħha fir-rigward tad-drittijiet tal‑passiġġieri inkwistjoni skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament ma kinitx rilevanti, peress li eventwali ksur ta’ tali obbligu ta’ informazzjoni ma jagħtix dritt għal kumpens taħt l-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament.

12

Peress li l-passiġġieri inkwistjoni appellaw mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem il‑Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), din tal-aħħar tirrileva li din is-sentenza ma tistax tiġi kkonfermata jekk il‑posponiment tal-ħin tat-tluq ta’ titjira bi kważi tliet sigħat jikkostitwixxi kanċellazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, u jekk il-komunikazzjoni dwar dan il-posponiment ma tikkostitwixxix offerta ta’ rotta ġdida taħt il‑kundizzjonijiet previsti minn dan ir-regolament.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ikun hemm kanċellazzjoni ta’ titjira fis-sens tal-punt l tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 5(1) tar-[Regolament Nru 261/2004] meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jiskeda mill-ġdid it-titjira rriżervata fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivvjaġġar mit-tluq skedat fis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata?

2)

In-notifika, li tiġi kkomunikata disat ijiem qabel il-bidu tal-vjaġġ, dwar l-iskedar mill-ġdid tat-titjira mis‑13.20 (ħin lokali) għall‑16.10 (ħin lokali) fl-istess ġurnata tikkostitwixxi offerta ta’ rotta differenti fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004 u, jekk tingħata risposta fl-affermattiv, din l-offerta għandha tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 8(1) [ta’ dan ir-]Regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

14

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li titjira titqies li hija “kkanċellata”, fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jipposponi l-ħin tat-tluq tagħha b’inqas minn tliet sigħat, mingħajr ma jwettaq xi modifika oħra għal din it-titjira.

15

Għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id‑domanda biss f’relazzjoni mal-posponiment tal-ħin tat-tluq ta’ sagħtejn u ħamsin minuta tat-titjira kkonċernata, mingħajr ma tirreferi fid-domandi preliminari tagħha għad‑dewmien ulterjuri subit minn din it-titjira.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament bħala “in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

17

Il-kunċett ta’ “titjira” ma huwiex iddefinit mill-imsemmi regolament. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, titjira tikkonsisti, essenzjalment, f’“operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li r-rotta tikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, peress li din tal‑aħħar titwettaq konformement ma’ skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur tal-ajru (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30).

18

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, skont l-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, b’differenza mid-dewmien ta’ titjira, il-kanċellazzjoni hija l‑konsegwenza tal-fatt li titjira inizjalment skedata ma tkunx saret. Minn dan jirriżulta, f’dan ir-rigward, li t-titjiriet ikkanċellati u t-titjiriet imdewma jikkostitwixxu żewġ kategoriji ta’ titjiriet distinti ħafna. Għalhekk minn dan ir‑regolament ma jistax jiġi dedott li titjira mdewma tista’ tiġi kklassifikata bħala “titjira kkanċellata” minħabba s-sempliċi fatt li t-tul tad-dewmien ġie mtawwal, anki jekk b’mod sinjifikattiv (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 33).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sakemm il-passiġġieri nġarru fuq titjira li l-ħin tat-tluq tagħha ddewwem meta mqabbel mal-ħin tat-tluq inizjalment skedat, it-titjira tista’ titqies li hija “ikkanċellata” biss jekk it-trasportatur tal-ajru jipprovdi t‑trasport tal-passiġġieri fuq titjira oħra, li l-iskedar inizjali tagħha jkun differenti minn dak tat-titjira inizjalment skedata (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 35).

20

Issa, iċ-ċirkustanza li l-posponiment tal-ħin tat-tluq tat-titjira kien tħabbar lill-passiġġieri inkwistjoni diversi jiem bil-quddiem ma għandhiex, fiha nnifisha, effett fuq id‑distinzjoni bejn il-kunċetti ta’ “dewmien” u ta’ “kanċellazzjoni”.

21

Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi żewġ kategoriji ta’ titjiriet distinti ħafna, jiġifieri, minn naħa, it-titjiriet ikkanċellati, fis-sens tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, u, min‑naħa l-oħra, it-titjiriet li jitilqu tard, fis-sens tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. L-istess regolament ma jagħmilx il-klassifikazzjoni f’waħda jew l‑oħra minn dawn il-kategoriji dipendenti biss fuq it-tħabbir minn qabel tal‑posponiment tal-ħin tat-tluq tat-titjira.

22

Għalhekk, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-konklużjonijiet tiegħu, ikun kuntrarju għall-aċċettazzjoni komuni tal-kliem tar-Regolament Nru 261/2004 u għall-istruttura tiegħu li jitqies li titjira li kienet is-suġġett ta’ posponiment ta’ inqas minn tliet sigħat, imħabbra diversi jiem bil-quddiem, liema titjira sussegwentement ma kienet is-suġġett ta’ ebda bidla, tikkostitwixxi “kanċellazzjoni”, fis-sens tal‑Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament.

23

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ma titqiesx li hija “kkanċellata”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jipposponi l-ħin tat-tluq tagħha b’inqas minn tliet sigħat, mingħajr ma ssir xi bidla oħra għal din it-titjira.

Fuq it-tieni domanda

24

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-informazzjoni kkomunikata dwar il-posponiment tat-tluq ta’ titjira tikkostitwixxix offerta għal rotta differenti, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) tar-Regolament Nru 261/2004, li jagħmel riferiment għall-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament.

25

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġiera fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira ma titqiesx li hija “kkanċellata”, fis-sens ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet, meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jipposponi l-ħin tat‑tluq tagħha b’inqas minn tliet sigħat, mingħajr ma ssir xi bidla oħra għal din it‑titjira.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.