SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
13 ta’ Jannar 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kumpanniji – Taxxa fuq il-kumpanniji – Kontroll fiskali – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 51(1) – Implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Assenza – Ir-Raba’ Direttiva 78/660/KEE – Kontabbiltà annwali ta’ ċerti forom ta’ kumpanniji – Kontabilizzazzjoni ta’ dħul minn drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Artikolu 2(3) – Prinċipju ta’ stampa vera u ġusta – Artikolu 31 – Evalwazzjoni tal-entrati inklużi fil-kontijiet annwali – Osservanza tal-prinċipji ta’ kontabbiltà”
Fil-Kawża C‑363/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Awwissu 2020, fil-proċedura
Marcas MC Szolgáltató Zrt.
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn J. Passer (Relatur), President tas‑Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat‑Tmien Awla, F. Biltgen u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑15 ta’ Settembru 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal Marcas MC Szolgáltató Zrt., minn B. Tóásó, ügyvéd, |
|
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Maddalo, avvocato dello Stato, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn G. Braun, V. Uher u L. Havas, sussegwentement minn G. Braun, V. Uher u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 47 u 54 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll tal-Artikolu 2(3) u tal-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal‑25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu [50(2)(g) TFUE] dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 21), kif emendata mid-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 273) (iktar ’il quddiem ir-“Raba’ Direttiva”). |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Marcas MC Szolgáltató Zrt. (iktar ’il quddiem “Marcas”) u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága (id-Direttorat għall‑Appelli tal-Amministrazzjoni Nazzjonali tat-Taxxa u tad-Dwana, l‑Ungerija) (iktar ’il quddiem “l-amministrazzjoni fiskali”), dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din tal-aħħar ikkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa fuq Marcas u imponiet fuqha interessi moratorji kif ukoll multa fiskali. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
|
3 |
L-Artikolu 2 tar-Raba’ Direttiva huwa fformulat kif ġej: “1. Il-kontijiet annwali għandhom jikkomprendu l-karta tal-bilanċi, l-kont ta’ qligħ u telf u n-noti dwar il-kontijiet. Dawn id-dokumenti għandhom jikkostitwixxu xi ħaġa sħiħa u komposta. […] 2. Huma għandhom isiru b’mod ċar u skond id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. 3. Il-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta ta’ l-attiv, tal-passiv, tal-pożizzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew telf tal-kumpannija. […] 5. Meta f’każijiet eċċezzjonali l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun inkompatibbli ma’ l-obbligu speċifikat fil-paragrafu 3, wieħed għandu jitbiegħed minn dik id-dispożizzjoni sabiex tingħata stampa vera u ġusta fis-sens tal-paragrafu 3. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti dwar il-kontijiet flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għal dan u dikjarazzjoni dwar l-effett tiegħu fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ u telf. L-Istati Membri jistgħu jfissru l-każijiet eċċezzjonali relattivi u jispeċifikaw ir-regoli rilevanti u speċjali. […]” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, li jagħmel parti mit-Taqsima 7 tagħha, intitolata “Regoli ta’ valutazzjoni”: “1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-entrati kollha murija fil-kontijiet annwali huma valutati skond il-prinċipji ġenerali li ġejjin:
[…] 2. It-tbegħid minn dawn il-prinċipji ġenerali għandu jitħalla f’każijiet eċċezzjonali. Kull tbegħid bħal dak għandu jintwera fin-noti tal-kontijiet u r-raġunijiet għalihom għandhom jingħataw flimkien ma’ valutazzjoni ta’ l-effett tagħhom fuq l-attiv, il-passiv, il-pożizzjoni finanzjarja u l-qligħ jew telf.” |
Id‑dritt Ungeriż
|
5 |
L-Artikolu 1(5) tal-a társasági adóról és az osztalékadóról szóló 1996. évi LXXXI. törvény (il-Liġi Nru LXXXI tal‑1996, dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi”), jistabbilixxi: “Din il-liġi għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Kontabbiltà u skont dawn id-dispożizzjonijiet. Id-derogi mir-rekwiżiti tal-Liġi tal-Kontabbiltà intiżi li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta ma jistgħux ikollhom bħala riżultat li jbiddlu l-ammont tat-taxxa dovuta.” |
|
6 |
L-Artikolu 7(1)(s) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi jiddisponi: “Dak li jirriżulta qabel l-impożizzjoni tat-taxxa għandu jitnaqqas: b’50 fil-mija tad-dħul ikkontabilizzat bħala qligħ qabel l-impożizzjoni tat-taxxa tas-sena fiskali abbażi tat-tariffi miġbura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 14.” |
|
7 |
L-Artikoli 15 u 16 tal-a számvitelrġl szóló 2000. évi C. törvény (il-Liġi C tal‑2000, dwar il-Kontabbiltà) (Magyar Közlöny 2000/95. (IX. 21.), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-Kontabbiltà”) jinkludu l-prinċipji bażiċi li l-persuna taxxabbli għandha tosserva waqt l-istabbiliment u ż-żamma tal-kontijiet. Dawn il-prinċipji huma s-segwenti:
|
|
8 |
L-Artikolu 15(2) tal-Liġi tal-Kontabbiltà jipprevedi: “Impriża għandha tikkontabilizza l-avvenimenti kollha li jaffettwaw l-assi u r-riżultat tas-sena kummerċjali, inklużi, minn naħa, l-avvenimenti relatati mas-sena kummerċjali li jiġu wara d-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ iżda li jkunu magħrufa qabel l-istabbiliment tal-karta tal-bilanċ u, min-naħa l-oħra, l-avvenimenti relatati mas-sena kummerċjali li jirriżultaw minn avvenimenti tas-sena kummerċjali li tintemm fid-data tal-għeluq tal-karta tal-bilanċ u li jkunu għadhom ma seħħux f’dik id-data, iżda li jkunu magħrufa qabel l-istabbiliment tal-karta tal-bilanċ (prinċipju ta’ kompletezza).” |
|
9 |
L-Artikolu 15(7) tal-Liġi tal-Kontabbiltà huwa fformulat kif ġej: “Sabiex jiġi ddeterminat ir-riżultat ta’ sena kummerċjali, huwa biss id-dħul ikkontabilizzat li jirriżulta minn attivitajiet eżerċitati matul il-perijodu inkwistjoni u l-ispejjeż (piżijiet) li jikkorrispondu għal dan id-dħul li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, indipendentement mill-ħlasijiet. Id-dħul u l-ispejjeż għandhom ikunu relatati mal-perijodu li fih iseħħu ekonomikament (prinċipju ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali).” |
|
10 |
Skont l-Artikolu 44(1) u (2) tal-az adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. törvény (il-Liġi Nru XCII tal‑2003, dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali) (Magyar Közlöny 2003/131. (XI. 14.), iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti”): “1) Id-dokumenti, il-kotba u r-reġistri previsti fil-leġiżlazzjoni, inklużi d-data u l-informazzjoni elettronika rreġistrati fuq mezz informatiku, għandhom jiġu ppreżentati u għandhom jinżammu b’mod li jippermettu l-istabbiliment u l-kontroll tal-bażi tat-taxxa, tal-ammont tat-taxxa, tal-eżenzjonijiet, tal-vantaġġi, u tal-bażi u tal-ammont tas-sussidji, kif ukoll li jiġi stabbilit u vverifikat jekk it-taxxa tkunx tħallset jew jekk ikunx ittieħed benefiċċju mis-sussidju. 2) Sakemm ma jkunx previst mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni fil-leġiżlazzjoni, il-kotba u reġistri għandhom jinżammu b’tali mod li:
|
|
11 |
L-Artikolu 49(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jistabbilixxi: “Il-persuni taxxabbli jistgħu jirrettifikaw permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni t-taxxi stabbiliti jew li ma jkunux ġew stabbiliti, il-valur taxxabbli għal dak li jikkonċerna t-taxxa […] u l-ammont tas-sussidji. Jekk persuna taxxabbli tiskopri qabel il-bidu ta’ proċedura ta’ kontroll mill-awtorità tat-taxxa li ma tkunx stabbilixxiet il-bażi tat-taxxa, it-taxxa jew l-ammont tas-sussidju b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni, jew li d-dikjarazzjoni tagħha tindika, minħabba żball ta’ kalkolu jew ta’ kitba, il-bażi jew l-ammont tat-taxxa jew tas-sussidju b’mod żbaljat, hija tista’ temenda d-dikjarazzjoni tagħha billi tippreżenta dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni.” |
|
12 |
L-Artikolu 87(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jiddisponi: “1) L-għanijiet ta’ kontroll tal-amministrazzjoni fiskali jintlaħqu permezz ta’ kontrolli:
2) Il-kontroll previst fil-paragrafu 1(a) jagħti lok għal perijodu magħluq permezz ta’ kontroll.” |
|
13 |
L-Artikolu 165 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti jipprevedi: “1) Interessi moratorji jkunu dovuti fil-każ ta’ dewmien fil-ħlas tat-taxxa u fil-każ ta’ ġbir antiċipat ta’ għajnuna, rispettivament mid-data ta’ skadenza u sa dik id-data. […] […] 3) Fil-każ ta’ ċirkustanza li jkun jistħoqqilha evalwazzjoni eċċezzjonali, l-amministrazzjoni fiskali tista’, fid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-insuffiċjenza ta’ taxxa, ex officio jew fuq talba, tiffissa d-data tal-bidu tal-interessi moratorji f’data li tiġi wara, rispettivament, id-data ta’ skadenza tat-taxxa jew id-data ta’ ġbir tal-għajnuna baġitarja. L-interessi moratorji minħabba insuffiċjenza fiskali jistgħu jiġu applikati mid-data ta’ skadenza inizjali sad-data tal-proċess verbal tal-kontroll għal perijodu li madankollu ma jistax jaqbeż it-tliet snin. Il-bażi tal-interessi moratorji intaxxati fil-każ ta’ insuffiċjenza ta’ taxxa ma tistax titnaqqas bl-ammont ta’ ħlas żejjed li kien jeżisti fid-data tal-iskadenza mal-istess amministrazzjoni fiskali bħala taxxa oħra.” |
|
14 |
L-Artikolu 170(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti huwa fformulat kif ġej: “1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa, għandha titħallas multa fiskali. L-ammont tal-multa jista’ jitla’, sakemm ma jkunx previst b’mod ieħor permezz ta’ dispożizzjoni ta’ din il-liġi, sa 50 % tal-ammont mhux imħallas. […] 2. Id-differenza ta’ impożizzjoni tat-taxxa stabbilita fuq il-persuna taxxabbli ma għandhiex, meta tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni, titqies li tkun insuffiċjenza ta’ taxxa ħlief jekk din id-differenza ma tkunx tħallset qabel l-iskadenza jew jekk tkun ibbenefikat mis-sussidju. Ħlas żejjed fid-data tal-iskadenza inizjali jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa biss jekk dan il-ħlas żejjed ikun jeżisti wkoll fid-data li fiha jibda l-kontroll.” |
|
15 |
Skont l-Artikolu 171(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti: “Ir-rata tal-multa, jew saħansitra l-multa maħruġa, tista’ titnaqqas, kemm ex officio, kif ukoll fuq talba, fil-każ ta’ ċirkustanzi li jkunu jistħoqqilhom jitqiesu eċċezzjonali u li jippermettu li jiġi konkluż li l-persuna taxxabbli […] tkun aġixxiet bid-diskrezzjoni li setgħet tkun mistennija mingħandha fis-sitwazzjoni speċifika. It-tnaqqis tal-multa għandu jiġi ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-portata tad-dejn fiskali, iċ-ċirkustanzi tat-tnissil tiegħu, il-gravità u l-frekwenza tal-aġir illegali tal-persuna taxxabbli (att jew ommissjoni).” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
|
16 |
Marcas xtrat fl-2006 trade mark li tagħha hija tat, permezz ta’ kuntratti konklużi bejn is-sena 2011 u s-sena 2013, il-liċenzja lil kumpanniji relatati, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ somma li tammonta għal 2 % tal-bejgħ nett magħmul minn dawn il-kumpanniji taħt din it-trade mark. Il-kalkolu tas-somma u l-fatturazzjoni tagħha kienu jsiru kif ġej: Marcas kienet toħroġ fatturi trimestrali fir-rigward tat-trimestru kurrenti abbażi ta’ stimi ta’ bejgħ għal dan it-trimestru, fejn l-ammont hekk miksub kien jiżdied jew jitnaqqas, f’dawn il-fatturi, bid-differenza kkonstatata bejn l-istimi ta’ bejgħ u l-bejgħ reali tat-trimestru preċedenti. Il-fatturi tat-trimestru kurrenti kienu jitħallsu fi żmien 30 jum mill-ħruġ tagħhom u l-kalkolu tal-bejgħ reali ta’ dan it-trimestru kien jiġi kkomunikat fi żmien 30 jum wara d-data finali għall-ħlas, sabiex dan jittieħed inkunsiderazzjoni fil-fatturi tat-trimestru ta’ wara. |
|
17 |
Għall-perijodu li jmur bejn ix-xahar ta’ Jannar 2010 u x-xahar ta’ Diċembru 2013, l-amministrazzjoni fiskali wettqet, bis-saħħa ta’ ittra ta’ missjoni tal‑11 ta’ Marzu 2014, verifika tal-osservanza minn Marcas ta’ wħud mill-obbligi fiskali tagħha li, skont il-proċess verbal tal-kontroll, kien jirrigwarda esklużivament it-tranżazzjonijiet marbuta mas-somom. Fit-tmiem ta’ dan il-kontroll, hija kkonkludiet li d-dokumenti, il-kotba u r-reġistri kienu miżmuma skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti. |
|
18 |
Bis-saħħa ta’ ittra ta’ missjoni tat‑18 ta’ Settembru 2014, l-amministrazzjoni tat-taxxa wettqet kontroll a posteriori tad-dikjarazzjonijiet ta’ Marcas għas-sena finanzjarja 2013 fir-rigward tat-tipi kollha ta’ impożizzjonijiet, ta’ taxxi u ta’ sussidji. |
|
19 |
Fid-deċiżjoni tagħha tal‑4 ta’ April 2016, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li Marcas kienet iżżomm il-kotba u r-reġistri tagħha skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal-Kontabbiltà, iżda li l-metodu ta’ kontabbiltà tad-dħul provenjenti mis-somom fl-2013 ma kienx konformi mal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali msemmija fl-Artikolu 15(2) u (7) ta’ din il-liġi, minħabba li Marcas kienet ikkontabilizzat fl-ewwel trimestru tas-sena 2013 ammont ta’ EUR 961 273.09 bi tnaqqis tas-somom relatati mar-raba’ trimestru tas-sena 2012, filwaqt li kienet ikkontabilizzat għall-ewwel trimestru tas-sena 2014 ammont ta’ EUR 57 376.17 biss fir-rigward tas-somom relatati mar-raba’ trimestru tas-sena 2013. |
|
20 |
Peress li l-kalkoli tas-sena 2012 u dak tar-raba’ trimestru tas-sena 2013 kienu magħrufa minn Marcas qabel id-dati ta’ stabbiliment tal-bilanċi, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li, fl‑2013, Marcas kienet ikkontabilizzat dħul fl-ammont ta’ EUR 1018 649.26 inqas mid-dħul reali tagħha. Konsegwentement, hija qieset li, skont l-Artikolu 15(2) u (7), l-Artikolu 32(1) u l-Artikolu 44(1) tal-Liġi tal-Kontabbiltà, il-qligħ qabel it-taxxa ta’ Marcas għas-sena kummerċjali 2013 kellu jiżdied, meta, fid-dawl tal-Artikolu 7(1)(s) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji u d-Dividendi, irriżulta f’żieda tal-bażi tat-taxxa tal-kumpanniji ta’ Marcas għall-massimu ta’ 151223000 forint Ungeriż (HUF) (madwar EUR 423424), li ġab bħala konsegwenza li differenza fl-impożizzjoni tat-taxxa ta’ HUF 28732000 (madwar EUR 80450) kellha tiġi kkonstatata a karigu ta’ Marcas. |
|
21 |
L-amministrazzjoni fiskali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 170(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti, ikkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa ta’ ammont ugwali għall-ammont tad-differenza ta’ impożizzjoni tat-taxxa u konsegwentement, imponiet fuq Marcas multa fiskali ta’ HUF 14366000 (madwar EUR 40225), ugwali għal 50 % ta’ dan l-ammont. Skont l-Artikolu 165(1) u (3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti, hija imponiet fuqha wkoll interessi moratorji fl-ammont ta’ HUF 1281000 (madwar EUR 3587). |
|
22 |
Wara d-deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2016, Marcas ippreżentat dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni li tikkonċerna d-dejn fiskali tagħha għas-snin kummerċjali 2011 u 2012, li wriet ammont ta’ taxxa fuq il-kumpanniji li kellu jitħallas iktar baxx minn EUR 961 273.09 meta mqabbel mal-ammont iddikjarat għas-sena kummerċjali 2012. Marcas la talbet ir-rimbors ta’ dan l-ammont u lanqas it-trasferiment tiegħu lejn kont kurrenti ieħor u ħallietu fil-kont kurrenti fiskali tagħha bħala ħlas żejjed. |
|
23 |
L-amministrazzjoni fiskali, fuq ilment, irriformat din id-deċiżjoni u naqqset l-ammont tal-multa fiskali imposta fuq Marcas għal 10 % tal-ammont tal-insuffiċjenza ta’ taxxa. |
|
24 |
Marcas ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ bidla quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), il-qorti tar-rinviju. |
|
25 |
Din il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni u ordnat lill-amministrazzjoni fiskali tieħu deċiżjoni ġdida. |
|
26 |
Permezz tad-deċiżjoni tagħha tat‑22 ta’ Awwissu 2018, l-amministrazzjoni fiskali fakkret li l-kawża tal-insuffiċjenza ta’ taxxa ma kinitx aġir intenzjonali ta’ Marcas, iżda interpretazzjoni żbaljata tal-liġi. F’din l-istess deċiżjoni, l-amministrazzjoni fiskali, minn naħa, irriformat id-deċiżjoni tal‑4 ta’ April 2016 billi naqqset l-ammont tal-multa fiskali għal HUF 2873000 (madwar EUR 8044), jiġifieri għal 10 % tal-ammont tal-insuffiċjenza ta’ taxxa, kif ukoll billi ffissat l-interessi moratorji għal HUF 88000 (madwar EUR 246), u, min-naħa l-oħra, ikkonfermatha għall-bqija. |
|
27 |
Fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, Marcas invokat il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ smigħ xieraq u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi waqt li kkontestat il-bażi legali tal-insuffiċjenza ta’ taxxa, il-multa u l-interessi moratorji. Skont Marcas, l-amministrazzjoni fiskali arbitrarjament semmiet, fost il-prinċipji bażiċi msemmija fl-Artikolu 15 tal-Liġi tal-Kontabbiltà, żewġ prinċipji, jiġifieri dawk ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li l-metodu ta’ Marcas ma kienx konformi magħhom, u siltet il-konklużjonijiet inkriminanti, filwaqt li dan il-metodu kien konformi mal-prinċipji bażiċi l-oħra msemmija f’dan l-Artikolu 15. Marcas tosserva li hija ħallset qabel id-data ta’ skadenza t-taxxa fuq il-kumpanniji meqjusa li kienet insuffiċjenza ta’ taxxa, u li hija emendat l-ammont fil-kuntest ta’ dikjarazzjoni ta’ regolarizzazzjoni billi indikat ħlas żejjed għas-sena 2012 u billi ħalliet dan l-ammont fil-kont kurrenti fiskali tagħha, iżda li, minkejja dan, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat insuffiċjenza ta’ taxxa. Marcas enfasizzat ukoll li ma riditx tevadi t-taxxa. L-amministrazzjoni fiskali kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, sa fejn ma setax raġonevolment jiġi mistenni minn Marcas, fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ kontrolli preċedenti, li hija temenda, mingħajr ebda indikazzjoni f’dan is-sens, il-metodu tagħha ta’ kontabbiltà tat-tranżazzjonijiet. |
|
28 |
L-amministrazzjoni fiskali ssostni li l-prinċipji ta’ kontabbiltà li jinsabu fil-Liġi tal-Kontabbiltà għandhom, bħala prinċipju, jiġu osservati kollha. Hija tenfasizza li l-ewwel kontroll tagħha kien intiż biss għall-konformità tal-preżentazzjoni u taż-żamma tal-kontabbiltà mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali preċedenti. |
|
29 |
Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-kawża li hija adita biha tirrigwarda d-determinazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta minn Marcas għas-sena kummerċjali 2013, filwaqt li din it-tip ta’ taxxa ma hijiex armonizzata fil-livell tal-Unjoni Ewropea u li l-leġiżlazzjoni tal-proċedura amministrattiva fiskali tibqa’ kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu hija tirrileva li ġew adottati direttivi fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji u li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxew ukoll sabiex dispożizzjonijiet li jkollhom kontenut simili jiġu integrati fid-dritt tal-kumpanniji tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-kwistjonijiet imqajma fil-kuntest ta’ din il-kawża. |
|
30 |
Din il-qorti tqis li, fid-dawl tad-differenzi notevoli bejn il-ġurisprudenza tagħha u dik tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija), il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt li timponi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandha effett fuq l-eżitu tal-imsemmija kawża u għalhekk hija rilevanti. Barra minn hekk, din il-kwistjoni ma tistax tiġi deċiża mingħajr talba għal deċiżjoni preliminari u interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
31 |
Huwa f’dan il-kuntest li l-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal‑Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq il‑ġurisdizzjoni tal‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
32 |
Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kawża prinċipali toriġina mill-ksur, skont l-amministrazzjoni fiskali Ungeriża, minn Marcas ta’ dispożizzjonijiet ta’ kontabbiltà, u għalkemm it-tieni domanda ssemmi dispożizzjonijiet tar-Raba’ Direttiva, xorta jibqa’ l-fatt li, bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-dritt għal smigħ xieraq irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta, tal-abbuż ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 54 tal-Karta kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ċerti prattiċi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li jirrigwardaw il-kontroll u s-sanzjoni ta’ ksur fiskali fil-qasam ta’ taxxa fuq il-kumpanniji. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi għall-Istati Membri meta huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni biss (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 33). |
|
34 |
L-Artikolu 6(1) TUE, l-istess bħall-Artikolu 51(2) tal-Karta, jippreċiża li d-dispożizzjonijiet ta’ din tal-aħħar ma għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi tal-Unjoni kif iddefiniti mit-Trattati (digriet tas‑17 ta’ Lulju 2014, Yumer, C‑505/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2129, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2021, Land Oberösterreich (Għajnuna għall-akkomodazzjoni),C‑94/20, EU:C:2021:477, punt 59). |
|
35 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, meta sitwazzjoni legali ma tkunx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha u d-dispożizzjonijiet eventwalment invokati tal-Karta ma jistgħux, fihom innifishom, jistabbilixxu dik il-ġurisdizzjoni (ara d-digrieti tas‑17 ta’ Lulju 2014, Yumer, C‑505/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2129, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Mejju 2021, PONS Holding, C‑703/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:365, punt 16). |
|
36 |
Fir-rigward tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, dawn għandhom jiġu osservati minn leġiżlazzjoni nazzjonali li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni jew li timplimenta lil dan id-dritt (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa, C‑206/13, EU:C:2014:126, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
37 |
Issa, kif tirrileva l-Kummissjoni Ewropea, id-dritt tal-Unjoni ma armonizzax ir-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontrolli fiskali u tas-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi fiskali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Settembru 2015, Balogh, C‑424/14, mhux ippubblikat, EU:C:2015:708, punt 32, u s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2020, Google Ireland, C‑482/18, EU:C:2020:141, punt 37). Għalhekk, dawn ir-regoli ma jistgħux jitqiesu, bħala tali, li jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. |
|
38 |
Barra minn hekk, għalkemm, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sanzjonijiet fiskali u l-prosekuzzjoni għal evażjoni tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud jikkostitwixxu implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, peress li huma l-eżekuzzjoni mill-Istati Membri tal-obbligu tagħhom li jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat il-ġbir tat-taxxa kollha li tipprovdi r-riżorsi proprji tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson,C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 26 u 27), dan ma huwiex il-każ tas-sanzjonijiet u tal-proċeduri fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji, peress li din it-taxxa ma tagħmilx parti mis-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni. |
|
39 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula, sa fejn dawn jirrigwardaw prattiċi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru relatati mal-kontroll u mas-sanzjoni ta’ ksur fiskali fil-qasam tat-taxxa fuq il-kumpanniji. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel u t‑tieni domanda, sa fejn jirrigwardaw l‑Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar‑Raba’ Direttiva
|
40 |
Għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu prassi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tikkontesta kitbiet ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija għar-raġuni li dawn ma jsegwux il-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-prinċipji ta’ kontabbiltà l-oħra kollha previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu ġew osservati. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm r-Raba’ Direttiva ma għandhiex bħala għan li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom il-kontijiet annwali tal-kumpanniji jistgħu jew għandhom iservu bħala bażi għad-determinazzjoni, mill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri, tal-bażi jew tal-ammont tat-taxxi, bħat-taxxa tal-kumpanniji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandu jiġi bl-ebda mod eskluż, min-naħa l-oħra, li l-kontijiet annwali jkunu jistgħu jintużaw bħala bażi ta’ riferiment mill-Istati Membri għall-finijiet tat-taxxa (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 70). Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni ta’ din id-direttiva ma tipprekludi lill-Istati Membri milli jikkoreġu, fuq livell tat-taxxa, l-effetti tar-regoli ta’ kontabbiltà inklużi f’din id-direttiva, bil-għan li jiġi ddeterminat qligħ taxxabbli eqreb lejn ir-realtà ekonomika (sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 28). |
|
42 |
Jeħtieġ li jitfakkar ukoll li r-Raba’ Direttiva hija intiża li tiżgura l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw l-istruttura u l-kontenut tal-kontijiet annwali kif ukoll tar-rapport ta’ ġestjoni u l-metodi ta’ evalwazzjoni bil-għan li jiġu protetti l-persuni assoċjati u t-terzi (sentenzi tas‑7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C‑306/99, EU:C:2003:3, punt 69, u tat‑3 ta’ Ottubru 2013, GIMLE, C‑322/12, EU:C:2013:632, punt 29). |
|
43 |
Ir-Raba’ Direttiva tibbaża dan l-għan ta’ koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kontenut tal-kontijiet annwali fuq il-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, li l-osservanza tiegħu hija l-għan primordjali tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑6 ta’ Marzu 2014, Bloomsbury, C‑510/12, mhux ippubblikat, EU:C:2014:154, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
F’dan ir-rigward, ir-Raba’ Direttiva tiddisponi, fl-Artikolu 2(3) tagħha, li l-kontijiet annwali għandhom jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew tat-telf tal-kumpannija. |
|
45 |
L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta għandu jkun iggwidat, sa fejn dan ikun possibbli, mill-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà msemmija fl-Artikoli 31 tar-Raba’ Direttiva (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2017, Immo Chiaradia u Docteur De Bruyne, C‑444/16 u C‑445/16, EU:C:2017:465, punt 42). |
|
46 |
Skont dawn il-prinċipji ġenerali, l-Artikolu 31(1)(d) ta’ din id-direttiva jiddisponi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-piżijiet u d-dħul relatati mas-sena kummerċjali li għaliha jirrelataw il-kontijiet, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ ħlas jew ta’ ġbir ta’ dawn l-piżijiet jew tad-dħul. |
|
47 |
Madankollu, l-Artikolu 31(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li derogi mill-imsemmija prinċipji ġenerali huma ammessi f’każijiet eċċezzjonali u jippreċiża li, meta jsir użu minn dawn id-derogi, dawn għandhom jiġu indikati fl-anness u jkunu debitament motivati, b’indikazzjoni tal-influwenza tagħhom fuq l-assi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf. |
|
48 |
Jirriżulta mill-kliem tad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 44 sa 47 ta’ din is-sentenza li l-osservanza tal-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà kollha hija bħala prinċipju meħtieġa u li d-derogi minnhom huma possibbli biss b’mod eċċezzjonali u għandhom ikunu s-suġġett ta’ riferimenti speċifiċi fl-anness tal-kontijiet annwali. Fid-dawl tal-fatt li l-funzjoni tal-kontijiet annwali hija li tagħti stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja u tal-qligħ jew tat‑telf tal-kumpannija, tali derogi jistgħu jkollhom biss l-għan li jiżguraw tali stampa vera u ġusta, fil-każijiet eċċezzjonali fejn l-osservanza ta’ wieħed jew iktar mill‑prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà tkun ta’ ostakolu għaliha. |
|
49 |
Il-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà kollha tirriżulta, barra minn hekk, mill-fatt li kull wieħed minn dawn il-prinċipji jikkonċerna rekwiżit speċifiku marbut mal-kontabilizzazzjoni tat-tranżazzjonijiet tal-impriżi li l-ksur tagħha jista’, waħdu u anki jekk il-prinċipji l-oħra kollha jiġu osservati, jipprekludi li l-kontijiet annwali jagħtu stampa vera u ġusta tal-assi, tas-sitwazzjoni finanzjarja kif ukoll tal-qligħ jew tat-telf tal-kumpannija kkonċernata. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Ungeriż ġustament jirrileva li l-ewwel u t-tieni domanda, kif ifformulati mill-qorti tar-rinviju, huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-operaturi ekonomiċi huma liberi li jagħżlu ma’ liema prinċipji ġenerali ta’ kontabbiltà jikkonformaw ruħhom u, għalhekk, li ma josservawhomx kollha. |
|
51 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, essenzjalment, bħalma jagħmel il-Gvern Taljan, li manipulazzjoni tal-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali hija intiża b’mod partikolari għal tranżazzjonijiet iddettati minn għanijiet ta’ pjanifikazzjoni fiskali, bħall-antiċipazzjoni tal-imputazzjoni ta’ element negattiv fuq sena kummerċjali jew ta’ posponiment tal-imputazzjoni ta’ element pożittiv għall-finijiet tad-differiment tat-taxxa. Tali manipulazzjoni, b’mod partikolari fl-okkażjoni tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ fatturazzjoni f’żewġ stadji li jinkludu stima tal-kont segwita minn kont korrettiv, bħal dik użata fil-kawża prinċipali, tista’ wkoll tkun suġġetta għal tqassim tal-qligħ jew telf tal-impriża kkonċernata fuq diversi snin kummerċjali sabiex tiġi ottimizzata t-taxxa. |
|
52 |
F’dan il-każ, mill-proċess li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-Teżor Pubbliku Ungeriż ma sofriex dannu u ma qiesx li Marcas kellha intenzjoni frawdolenti. Xorta jibqa’ l-fatt, fir-rigward tal-aspett ta’ kontabbiltà, li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, l-istampa vera u ġusta ma kinitx żgurata mill-kontijiet annwali ta’ Marcas, peress li, għas-sena kummerċjali 2013, il-kontabbiltà ta’ parti mid-dħul miksub fir-rigward tas-somom tħalliet barra. |
|
53 |
Fl-aħħar nett, bl-ebda mod ma jirriżulta mill-proċess, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, li kienu ntalbu, u kienu ġew iddokumentati, derogi mill-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali minn Marcas fl-anness tal-kontijiet annwali tagħha. |
|
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(3) u l-Artikolu 31 tar-Raba’ Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux prassi tal-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru li tikkontesta kitbiet ta’ kontabbiltà ta’ kumpannija għar-raġuni li dawn ma josservawx il-prinċipji ta’ kompletezza u ta’ indipendenza tas-snin kummerċjali, li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li l-prinċipji ta’ kontabbiltà l-oħra kollha previsti minn din il-leġiżlazzjoni jkunu ġew osservati, meta dan in-nuqqas ta’ osservanza ma jkunx jikkostitwixxi deroga eċċezzjonali u neċessarja sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ stampa vera u ġusta, indikata fl-anness tal-kontijiet annwali u debitament motivata, b’indikazzjoni tal-influwenza tagħha fuq l-assi, is-sitwazzjoni finanzjarja u l-qligħ jew it-telf. |
Fuq l‑ispejjeż
|
55 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.