SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

28 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali – Anness IV(a) – Cricetus cricetus (ħamster komuni) – Postijiet ta’ mistrieħ u siti tat-tgħammir – Deterjorazzjoni jew qerda”

Fil-Kawża C‑357/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

IE

vs

Magistrat der Stadt Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Ewwel Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u L. Dvořáková, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hermes u M. Noll-Ehlers, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn IE, impjegat ta’ kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, u l-Magistrat der Stadt Wien (l-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna, l-Awstrija), dwar l-adozzjoni minn din tal-aħħar ta’ deċiżjoni amministrattiva kriminali li timponi multa fuq IE u, fil-każ ta’ nuqqas ta’ rkupru tagħha, piena ta’ priġunerija bħala piena alternattiva minħabba li, fil-kuntest ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ bini, huwa ddeterjora u qered postijiet ta’ mistrieħ kif ukoll siti tat-tgħammir tal-ispeċi Cricetus cricetus (ħamster komuni) inkluża fil-lista tal-ispeċi tal-annimali protetti li tinsab fl-Anness IV(a) tad-Direttiva “habitats”. Din il-kawża diġà tat lok għal talba għal deċiżjoni preliminari, li dwarha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), (C‑477/19, EU:C:2020:517).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 2 tad-Direttiva “habitats” jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat [FUE].

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-[Unjoni Ewropea].

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

4

L-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

(a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

(b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

(ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

(d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

5

Fost l-ispeċi ta’ annimali li għandhom “interess [għall-Unjoni] u li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fl-Anness IV(a) tal-imsemmija direttiva, jinsab inkluż, b’mod partikolari, il-Cricetus cricetus (ħamster komuni).

Id-dritt Awstrijak

6

Il-Wiener Naturschutzgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tan-Natura tal-Land ta’ Vjenna), tal‑31 ta’ Awwissu 1998 (LGBl. für Wien, 45/1998), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“WNSchG”), tittrasponi d-Direttiva “habitats” fid-dritt nazzjonali għal-Land ta’ Vjenna (l-Awstrija).

7

Il-punt 4 tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG jirriproduċi l-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(d) ta’ din id-direttiva. Dan jipprovdi, b’mod partikolari, li huwa pprojbit li wieħed jiddeterjora jew jeqred is-siti tat-tgħammir jew il-postijiet ta’ mistrieħ ta’ annimali strettament protetti.

8

Is-sanzjonijiet previsti għal ksur tal-punt 4 tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG huma stabbiliti fil-punt 5 tal-Artikolu 49(1) tagħha. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, hija suġġetta għal multa li tista’ tilħaq EUR 21000 jew, fil-każ li din ma titħallasx, għal piena ta’ priġunerija alternattiva li tista’ tilħaq erba’ ġimgħat, u, fil-każ ta’ repetizzjoni, għal multa li tista’ tilħaq EUR 35000, jew fil-każ li din ma titħallasx, għal piena ta’ priġunerija alternattiva li tista’ tilħaq sitt ġimgħat, kull persuna li, bi ksur tal-punt 4 tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG, tiddeterjora jew teqred siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ tal-annimali strettament protetti.

9

Skont l-Artikolu 22(5) tal-WNSchG, l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza interventi individwali jekk il-miżura prevista, individwalment jew flimkien ma’ miżuri oħra meħtieġa mill-awtorità kompetenti, ma tikkompromettix b’mod sinjifikattiv l-għan tal-protezzjoni.

10

L-Anness tal-Wiener Naturschutzverordnung jiddefinixxi l-Cricetus cricetus (ħamster komuni) bħala speċi ta’ annimali strettament protetta.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, li jimpjega lil IE, wettaq xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ bini fuq art li fiha kien jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni). Il-proprjetarju ta’ din l-art, li kien jaf b’din is-sitwazzjoni, informa lil dan il-kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, li nnomina espert ambjentali qabel il-bidu tax-xogħlijiet. B’hekk, dan stabbilixxa mappa tad-daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) u stabbilixxa, f’settur partikolari, jekk dawn il-postijiet kinux abitati jew le.

12

Qabel it-twettiq tax-xogħlijiet, l-imsemmi kuntrattur ta’ proprjetà immobbli neħħa s-saff veġetali, naddaf il-post ta’ kostruzzjoni, żviluppa triq ta’ kostruzzjoni u bena parkeġġ fil-viċinanza immedjata tad-daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) (iktar ’il quddiem il-“miżuri dannużi”). B’mod partikolari, it-tneħħija tas-saff veġetali kienet intiża sabiex iċċaqlaq lill-Cricetus cricetus (ħamster komuni), li kien jgħix fuq is-superfiċji fejn seħħet l-attività ta’ kostruzzjoni, lejn is-superfiċji li kienu speċifikament protetti u rriżervati għal din l-ispeċi ta’ annimali. Madankollu, l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-miżuri dannużi ma kinitx ġiet mitluba mingħand l-awtorità kompetenti u, konsegwentement, ma kinitx inkisbet qabel ma nbdew ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, inqerdu mill-inqas żewġ daħliet għall-postijiet fejn jgħix il-ħamster komuni.

13

L-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna għalhekk ikkunsidrat li IE, bħala impjegat tal-istess kuntrattur ta’ proprjetà immobbli, kien responsabbli għad-deterjorazzjoni u għall-qerda tal-postijiet ta’ mistrieħ kif ukoll għas-siti tat-tgħammir tal-Cricetus cricetus (ħamster komuni), b’hekk imponietlu, skont il-punt 4 tal-Artikolu 10(3) tal-WNSchG, multa li, fil-każ li ma titħallasx, tista’ tiġi kkonvertita f’piena ta’ priġunerija.

14

IE adixxa lill-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’azzjoni intiża sabiex jikkontesta l-impożizzjoni ta’ din il-multa, minħabba, b’mod partikolari, li, minn naħa, il-postijiet ikkonċernati fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) ma kinux okkupati minn din tal-aħħar fil-mument li ġew implimentati l-miżuri dannużi u, min-naħa l-oħra, dawn il-miżuri ma kinux wasslu għad-deterjorazzjoni jew għall-qerda tal-postijiet ta’ mistrieħ jew tas-siti tat-tgħammir ta’ din l-ispeċi ta’ annimali.

15

F’dan il-kuntest, din il-qorti, permezz tal-ewwel talba għal deċiżjoni preliminari, tat‑12 ta’ Ġunju 2019, għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja sensiela ta’ domandi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, sabiex tikseb preċiżazzjonijiet dwar dak li jkopru l-kunċetti ta’ “post ta’ mistrieħ”, ta’ “sit tat-tgħammir”, ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Permezz tas-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni) (C‑477/19, EU:C:2020:517), il-Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għall-ewwel waħda minn dawn id-domandi billi ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kunċett ta’ “postijiet ta’ mistrieħ” jinkludi wkoll il-postijiet ta’ mistrieħ li ma jkunux iktar okkupati mill-Cricetus cricetus (ħamster komuni), sa fejn ikun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li din l-ispeċi terġa’ tiġi lura f’dawn il-postijiet ta’ mistrieħ, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. Barra minn hekk, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat id-domandi l-oħra inammissibbli minħabba insuffiċjenzi tat-talba għal deċiżjoni preliminari fid-definizzjoni tal-kuntest fattwali u tal-kuntest ġuridiku nazzjonali kkonċernati kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar il-motivi preċiżi li għalihom l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba kienet neċessarja għall-qorti tar-rinviju għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

16

Huwa f’dan il-kuntest li din il-qorti ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari ġdida, li tippreżenta espożizzjoni tal-fatti iktar iddettaljata u tippreċiża li d-“deterjorazzjoni ta’ post ta’ mistrieħ”, il-“qerda ta’ post ta’ mistrieħ”, id-“deterjorazzjoni ta’ sit tat-tgħammir” u l-“qerda ta’ sit tat-tgħammir” jikkostitwixxu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, erba’ vjolazzjonijiet distinti li għandhom jiġu ssanzjonati b’mod awtonomu. Għalhekk, hija tqis neċessarju, sabiex tiġi riżolta l-kawża prinċipali, li tiġi ddeterminata l-portata kemm fil-kuntest kif ukoll fiż-żmien tal-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir” kif ukoll il-kriterji ta’ distinzjoni bejn id-“deterjorazzjoni” u l-“qerda” ta’ sit tat-tgħammir u/jew ta’ post ta’ mistrieħ.

17

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” tkoprix biss l-abitazzjoni konkreta tal-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) jew jekk din testendix ukoll għall-madwar ta’ dawn il-postijiet ta’ għajxien. Barra minn hekk, fid-dawl tad-diverġenzi bejn l-opinjoni tal-espert privat innominat minn IE u dak tal-esperti tal-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Belt ta’ Vjenna, hija tirrileva n-neċessità li tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk il-perijodu ta’ abitazzjoni konkreta u effettiva fil-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) kif ukoll dak ta’ emanċipazzjoni tal-frieħ ta’ din l-ispeċi ta’ annimali biss għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kwalifika, fuq il-livell temporali, ta’ sit tat-tgħammir jew jekk għandux jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-perijodu ta’ ġestazzjoni u l-perijodu ta’ dipendenza eventwali tagħha.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Xi tfisser l-espressjoni ‘sit tat-tgħammir’ fis-sens tal-Artikolu 12[(1)(d)] tad-Direttiva [‘habitats’] u, fuq livell ġeografiku, kif għandu “sit tat-tgħammir’ jiġi distint minn postijiet oħra?

2)

Skont liema fatturi għandu jiġi ddeterminat jekk l-eżistenza ta’ sit tat-tgħammir hijiex limitata fiż-żmien u, jekk dan huwa l-każ, għal liema perijodu ta’ żmien?

3)

Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk att jew ommissjoni rriżultawx f’deterjorazzjoni jew f’qerda ta’ sit tat-tgħammir?

4)

Skont liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk ‘post ta’ mistrieħ’ fis-sens tal-Artikolu 12[(1)(d)] tad-Direttiva [‘habitats’] ġie ddeterjorat jew meqrud?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

19

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “siti tat-tgħammir”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludix biss il-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) jew jekk dan jestendix ukoll għall-madwar tad-daħliet tal-postijiet fejn tgħix din l-ispeċi ta’ annimali protetta.

20

Skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li, skont l-istess kliem tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett tal-ispeċi tal-annimali msemmija fl-Anness IV(a), ta’ din id-direttiva, fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu id-deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.

22

Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif inhi, ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk il-protezzjoni mogħtija minn din id-dispożizzjoni lis-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta testendix ukoll għall-madwar ta’ dawn is-siti.

23

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, għalkemm id-Direttiva “habitats” ma tinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir”, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax direttament l-ispeċi tal-annimali iżda hija intiża sabiex tipproteġi partijiet sinjifikattivi tal-habitat tagħhom (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 28).

24

Minn dan jirriżulta li l-protezzjoni stretta mogħtija mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” hija intiża sabiex tiggarantixxi li partijiet sinjifikattivi tal-habitat tal-ispeċi ta’ annimali protetti jiġu ppreżervati b’mod li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kundizzjonijiet rikjesti sabiex, b’mod partikolari, jirriproduċu fihom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 29).

25

Issa, għandu jiġi rrilevat li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir”, li jinsab fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, kif issuġġerita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandha l-intenzjoni li tillimita l-portata ta’ dan il-kunċett biss għall-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni), tista’ teskludi minn din il-protezzjoni ż-żoni neċessarji għat-tgħammir u għat-tnissil ta’ frieħ ta’ din l-ispeċi ta’ annimali protetta, li jistgħu jinsabu fil-madwar ta’ dawn il-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni). Tali interpretazzjoni ma hijiex ta’ natura li tiggarantixxi li partijiet sinjifikattivi tal-habitat tal-imsemmija speċi ta’ annimali jiġu ppreżervati b’mod li din tal-aħħar tkun tista’ tibbenefika mill-kundizzjonijiet rikjesti sabiex, b’mod partikolari, tirriproduċi fihom.

26

F’dan ir-rigward, fid-Dokument ta’ Gwida fuq il-Protezzjoni Stretta tal-Ispeċi ta’ Annimali ta’ Interess Komunitarju skont id-Direttiva “habitats” 92/43/KEE (verżjoni finali, Frar 2007), il-Kummissjoni tippreċiża li, minn naħa, l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi miftiehem li għandu l-għan li jissalvagwardja l-funzjonalità ekoloġika tas-siti tat-tgħammir u, min-naħa l-oħra, li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinkludu s-siti neċessarji għar-rit ta’ tgħammir, it-tgħammir, il-kostruzzjoni ta’ bejtiet jew għażla ta’ sit ta’ tqegħid ta’ bajd jew ta’ ħlas, il-post ta’ żvilupp u tat-tfaqqis tal-bajd u s-sit ta’ fejn ibejtu jew ta’ fejn isir il-ħlas, meta jkun okkupat minn frieħ dipendenti fuq dak is-sit.

27

Għalhekk, jirriżulta mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” li l-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir” għandu jinftiehem bħala li jkopri ż-żoni kollha neċessarji sabiex jippermetti li l-ispeċi ta’ annimali kkonċernata tkun tista’ tirriproduċi ruħha b’suċċess, inkluż il-madwar tas-sit tat-tgħammir, fejn din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għanijiet ta’ din id-direttiva.

28

Fil-fatt, fit-tielet lok, għandu jitfakkar, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 18 tas-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), (C‑477/19, EU:C:2020:517), li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva “habitats”, din tal-aħħar [għandha] “[l]-għan […] li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat [FUE]”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda abbażi tagħha huma ddisinjati sabiex jiżguraw iż-żamma jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Unjoni, u għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.

29

Barra minn hekk, id-Direttiva “habitats” tfittex li tiżgura protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali, permezz b’mod partikolari tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tagħha, b’tali mod li s-sistema ta’ protezzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni għandha tkun f’pożizzjoni li effettivament tevita li jkun hemm ħsara lill-habitat tal-ispeċi ta’ annimali protetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni),C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Għaldaqstant, il-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta, prevista fl-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, għandha tippermetti li jiġi ggarantit li dawn is-siti jikkontribwixxu għaż-żamma jew għall-irripristinar ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ din l-ispeċi tal-annimali, fis-sens li din il-protezzjoni tiżgura l-permanenza tal-funzjonalità ekoloġika tagħhom.

31

Issa, ma jkunx kompatibbli ma’ dan l-għan li jiġi mċaħħad mill-protezzjoni l-madwar ta’ dawn is-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta peress li dan jista’ jkun neċessarju sabiex din l-ispeċi ta’ annimali tkun tista’ tirriproduċi ruħha b’suċċess.

32

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-miżuri dannużi kkonsistew fit-tneħħija tas-saff veġetali mill-madwar tad-daħliet tal-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni), it-tindif tal-post ta’ kostruzzjoni, l-iżvilupp ta’ triq ta’ kostruzzjoni u l-bini ta’ parkeġġ fil-viċinanza immedjata tad-daħliet tal-imsemmija postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni).

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif jirriżulta kemm mill-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll mill-għanijiet segwiti minnu, għandu jiġi kkunsidrat li l-protezzjoni ta’ sit tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta, kif din id-dispożizzjoni timponi, tisfa mingħajr effett utli jekk attivitajiet tal-bniedem, imwettqa madwar dan is-sit, kellhom bħala għan jew bħala effett li din l-ispeċi ta’ annimali ma tibqax tiffrekwenta iktar is-sit tat-tgħammir ikkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

34

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-madwar ta’ dan is-sit peress li dan jirriżulta neċessarju sabiex jippermetti lill-ispeċi ta’ annimali protetti msemmija fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, bħall-Cricetus cricetus (ħamster komuni), jirriproduċu ruħhom b’suċċess.

Fuq it-tieni domanda

35

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandux jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta mogħtija minn din id-dispożizzjoni hijiex limitata fiż-żmien.

36

Mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tfittex, b’mod iktar partikolari, li tkun taf jekk din il-protezzjoni tkoprix biss il-perijodu ta’ abitazzjoni konkreta u effettiva fil-postijiet fejn jgħix il-Cricetus cricetus (ħamster komuni) u tal-emanċipazzjoni tal-frieħ ta’ din l-ispeċi ta’ annimali protetta jew jekk tiġix applikata wkoll għall-perijodu kollu ta’ ġestazzjoni u l-perijodu ta’ dipendenza eventwali tagħha.

37

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, fis-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), (C‑477/19, EU:C:2020:517), tippreċiża l-portata tal-kunċett ta’ “post ta’ mistrieħ”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”. Hija b’hekk adottat, skont interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni, tifsira wiesgħa tal-portata ta’ dan il-kunċett fiż-żmien, li jimplika li l-protezzjoni ta’ postijiet ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali kkonċernata tkopri wkoll il-postijiet ta’ mistrieħ li ma humiex iktar okkupati minn din l-ispeċi ta’ annimali peress li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi ta’ annimali terġa’ tiġi lura f’dawn il-postijiet ta’ mistrieħ.

38

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 24, 29 u 30 ta’ din is-sentenza dwar il-protezzjoni stretta mogħtija mill-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, tali tifsira wiesgħa għandha tiġi adottata wkoll fir-rigward tal-portata fiż-żmien tal-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir, kif imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

39

Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni stretta mogħtija minn din id-dispożizzjoni, is-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni fit-tul sakemm dan ikun neċessarju sabiex din l-ispeċi ta’ annimali tkun tista’ tirriproduċi ruħha b’suċċess, b’tali mod li din il-protezzjoni testendi wkoll għas-siti tat-tgħammir li ma humiex iktar okkupati peress li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi ta’ annimali terġa’ tiġi lura f’dawn is-siti, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

40

Tali konklużjoni hija barra minn hekk sostnuta mill-qari tad-Dokument ta’ Gwida, imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li fih il-Kummissjoni tippreċiża li s-siti tat-tgħammir huma kruċjali għaċ-ċiklu tal-ħajja ta’ speċi ta’ annimali protetta u jikkostitwixxu partijiet importanti ħafna tal-habitat globali neċessarju għas-sopravivenza tagħha, b’tali mod li dawn għandhom jiġu protetti anki meta ma jkunux okkupati, iżda jkun hemm probabbiltà qawwija li l-ispeċi tal-annimali kkonċernata terġa’ lura f’dawn is-siti.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-protezzjoni tas-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta li din id-dispożizzjoni tipprevedi hija limitata għall-perijodu ta’ abitazzjoni konkreta u effettiva jew għall-perijodu ta’ ġestazzjoni u għall-perijodu ta’ dipendenza eventwali ta’ din l-ispeċi ta’ annimali.

42

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni, hija għalhekk il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina, b’mod partikolari, abbażi tas-salvagwardja tal-funzjonalità ekoloġika tas-siti tat-tgħammir tal-Cricetus cricetus (ħamster komuni), jekk hemmx probabbiltà suffiċjentement kbira li, barra mill-perijodi msemmija fil-punt preċedenti, din l-ispeċi ta’ annimali protetta terġa’ lura f’dawn is-siti sabiex tirriproduċi ruħha.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li s-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni fit-tul sakemm dan ikun neċessarju sabiex din l-ispeċi ta’ annimali tkun tista’ tirriproduċi ruħha b’suċċess, b’tali mod li din il-protezzjoni testendi wkoll għas-siti tat-tgħammir li ma humiex iktar okkupati, peress li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi ta’ annimali terġa’ tiġi lura f’dawn is-siti.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

44

Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, fis-sens tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”.

45

B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina jekk il-miżuri dannużi jikkostitwixxux “deterjorazzjoni” jew “qerda” ta’ sit tat-tgħammir u/jew ta’ post ta’ mistrieħ, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva “habitats” ma tinkludix definizzjoni ta’ dawn il-kunċetti, li għandhom, għalhekk, jiġu interpretati konformement mat-tifsira normali tal-kliem li jikkomponuhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw dawn it-termini u l-għanijiet intiżi mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti l-kliem imsemmi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2020, Staatssecretaris van Financiën (Rata mnaqqsa ta’ VAT għal afrodiżijaċi), C‑331/19, EU:C:2020:786, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Fir-rigward, qabel kollox, tat-tifsira normali fil-lingwaġġ ta’ kuljum tal-kliem “deterjorazzjoni” u “qerda”, għandu jiġi rrilevat li dawn il-kliem huma intiżi, rispettivament, għall-azzjoni ta’ degradazzjoni, inkluż il-fatt li gradwalment tiddgħajjef, u l-azzjoni li tagħmel xi ħaġa tisparixxi.

48

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kuntest li fih jinsab l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, jirriżulta mid-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni, imsemmi fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, li d-deterjorazzjoni tista’ tiġi ddefinita bħala degradazzjoni fiżika li taffettwa habitat, sit tat-tgħammir jew post ta’ mistrieħ li, b’differenza għall-qerda, tista’ sseħħ bil-mod u progressivament tnaqqas il-funzjonalità ekoloġika tas-sit jew tal-post ikkonċernat, b’tali mod li din id-degradazzjoni ma tistax twassal immedjatament għal telf ta’ funzjonalità, iżda tikkompromettiha kwalitattivament jew kwantitattivament u tista’, eventwalment, twassal għal telf totali.

49

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-projbizzjoni tal-atti li jikkawżaw id-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti tat-tgħammir jew tal-postijiet ta’ mistrieħ imsemmija f’din id-dispożizzjoni ma hijiex limitata, kuntrarjament għal dak li huwa previst għall-atti msemmija fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tal-imsemmija direttiva, għall-atti intenzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Magistrat der Stadt Wien (Ħamster komuni), C‑477/19, EU:C:2020:517, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Fl-aħħar lok, fir-rigward tal-għan segwit mid-Direttiva “habitats”, huwa importanti li jitfakkar ukoll li dan huwa intiż, kif ġie msemmi fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, sabiex jiżgura protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali, b’mod partikolari permezz tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tagħha.

51

Fid-dawl ta’ din is-sistema ta’ protezzjoni stretta, għandu jiġi kkunsidrat li l-grad ta’ ħsara għall-funzjonalità ekoloġika tas-sit tat-tgħammir jew tal-post ta’ mistrieħ, kemm jekk dan ikun intenzjonat jew le, jikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv għall-finijiet li tiġi stabbilita distinzjoni bejn, minn naħa, att li jikkawża deterjorazzjoni ta’ dan is-sit tat-tgħammir jew ta’ dan il-post ta’ mistrieħ u, min-naħa l-oħra, att li jikkawża l-qerda tagħhom.

52

B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat li s-siti tat-tgħammir u l-postijiet ta’ mistrieħ ta’ speċi ta’ annimali protetta ma jiġux iddeterjorati jew meqruda permezz tal-attivitajiet tal-bniedem, b’mod li jkomplu jipprovdu l-kundizzjonijiet rikjesti sabiex din l-ispeċi ta’ annimali tkun tista’ tistrieħ jew tirriproduċi ruħha b’suċċess. Tali evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġiet ekoloġiċi speċifiċi għal kull speċi ta’ annimal ikkonċernata, li għaliha jappartjeni l-individwu inkwistjoni, kif ukoll is-sitwazzjoni fil-livell tal-individwi ta’ din l-ispeċi ta’ annimali li jokkupaw is-sit tat-tgħammir jew il-post ta’ mistrieħ ikkonċernati.

53

F’dan il-każ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats”, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk il-miżuri dannużi kinux ta’ natura li jnaqqsu progressivament jew jeliminaw totalment il-funzjonalità ekoloġika ta’ dawn il-habitats.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva “habitats” għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, rispettivament, għat-tnaqqis progressiv tal-funzjonalità ekoloġika ta’ sit tat-tgħammir jew ta’ post ta’ mistrieħ ta’ speċi ta’ annimali protetta u t-telf totali ta’ din il-funzjonalità, indipendentement min-natura intenzjonali jew le ta’ tali danni.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sit tat-tgħammir”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, jinkludi wkoll il-madwar ta’ dan is-sit peress li dan jirriżulta neċessarju sabiex jippermetti lill-ispeċi ta’ annimali protetti msemmija fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, bħall-Cricetus cricetus (ħamster komuni), jirriproduċu ruħhom b’suċċess.

 

2)

L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li s-siti tat-tgħammir ta’ speċi ta’ annimali protetta għandhom jibbenefikaw minn protezzjoni fit-tul sakemm dan ikun neċessarju sabiex din l-ispeċi ta’ annimali tkun tista’ tirriproduċi ruħha b’suċċess, b’tali mod li din il-protezzjoni testendi wkoll għas-siti tat-tgħammir li ma humiex iktar okkupati, peress li jkun hemm probabbiltà suffiċjentement kbira li l-imsemmija speċi ta’ annimali terġa’ tiġi lura f’dawn is-siti.

 

3)

L-Artikolu 12(1)(d) tad-Direttiva 92/43 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċetti ta’ “deterjorazzjoni” u ta’ “qerda”, imsemmija f’din id-dispożizzjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu, rispettivament, għat-tnaqqis progressiv tal-funzjonalità ekoloġika ta’ sit tat-tgħammir jew ta’ post ta’ mistrieħ ta’ speċi ta’ annimali protetta u t-telf totali ta’ din il-funzjonalità, indipendentement min-natura intenzjonali jew le ta’ tali danni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.