SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Diċembru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Artikolu 1(3) – Artikolu 6(1) – Proċeduri ta’ konsenja bejn Stati Membri – Kundizzjonijiet għall‑eżekuzzjoni – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – It‑tieni paragrafu tal-Artikolu 47 – Dritt ta’ aċċess għal qorti indipendenti u imparzjali – Difetti strutturali jew fundamentali – Kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja emittenti’ – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ żviluppi li seħħew wara li nħareġ il‑mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat – Obbligu tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tivverifika b’mod konkret u preċiż l-eżistenza ta’ raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna kkonċernata ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq fil-każ ta’ konsenja”
Fil-Kawżi magħquda C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-31 ta’ Lulju u tat-3 ta’ Settembru 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Lulju u fit-3 ta’ Settembru 2020, fil-proċeduri relatati mal-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġin kontra
L (C‑354/20 PPU),
P (C‑412/20 PPU),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras (Relatur), E. Regan, L. Bay Larsen, N. Piçarra u A. Kumin, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, D. Šváby, S. Rodin, K. Jürimäe, L.S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat it-talbiet tar-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) tal-31 ta’ Lulju u tat-3 ta’ Settembru 2020 li r-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura b’urġenza, konformement mal‑Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ottubru 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal L, minn M. A. C. de Bruijn u H. A. F. C. Tack, advocaten, |
– |
għal P, minn T. E. Korff u T. Mustafazade, advocaten, |
– |
għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u C. L. E. McGivern, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Belġjan (C‑354/20 PPU), minn M. Van Regemorter u M. Jacobs, bħala aġenti, |
– |
għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn C. Donnelly, BL, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, A. Dalkowska, J. Sawicka u S. Żyrek, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Van Nuffel, J. Tomkin, K. Herrmann u S. Grünheid, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (2002/584/ĠAI) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas‑26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). |
2 |
Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ żewġ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa, rispettivament, fil-Kawża C‑354/20 PPU, fil‑31 ta’ Awwissu 2015, mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań, il-Polonja) għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra L u, fil‑Kawża C‑412/20 PPU, fis-26 ta’ Mejju 2020, mis-Sąd Okręgowy w Sieradzu (il‑Qorti Reġjonali ta’ Sieradz, il-Polonja) għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta fuq P. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 5, 6 u 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
4 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. 3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [TUE].” |
5 |
L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija deċiżjoni qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew. |
6 |
L-Artikolu 6 ta’ din id-deċiżjoni qafas, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti”, jipprovdi: “1. L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru emittenti li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 2. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat. 3. Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.” |
7 |
Skont l-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”: “1. L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata. 2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17. 3. L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin titrasmetti kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.” |
Id-dritt nazzjonali
8 |
Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġiet trasposta fid-dritt Olandiż permezz tal-Wet tot implementatie van het kaderbesluit van de Raad van de Europese Unie betreffende het Europees aanhoudingsbevel en de procedures van overlevering tussen de lisdstaten van de Europese Unie (il-Liġi li Timplimenta d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-Proċeduri ta’ Konsenja bejn l-Istati Membri) tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195), kif emendata fl-aħħar lok bil-Liġi tat-22 ta’ Frar 2017 (Stb. 2017, Nru 82). |
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C‑354/20 PPU
9 |
Fis-7 ta’ Frar 2020, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita mill-officier van justitie (rappreżentant tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-31 ta’ Awwissu 2015, mis-Sąd Okręgowy w Poznaniu (il-Qorti Reġjonali ta’ Poznań). |
10 |
Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u għall-konsenja ta’ L, ċittadin Pollakk mingħajr domiċilju jew residenza fissa fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali għat-traffikar ta’ drogi u pussess ta’ dokumenti ta’ identità foloz. |
11 |
Il-Qorti tar-rinviju eżaminat it-talba għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew f’seduta pubblika, fl-10 ta’ Marzu 2020. Fl‑24 ta’ Marzu sussegwenti, hija tat sentenza interlokutorja, li ssospendiet l-istruttorja sabiex tippermetti lil L u lill-Uffiċju tal-Prosekutur jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar l-iżviluppi l-iktar reċenti fir-rigward tal-Istat tad-dritt fil-Polonja, kif ukoll dwar il-konsegwenzi tagħhom f’dak li jirrigwarda l-obbligi ta’ dik il-qorti li jirriżultaw mis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586). |
12 |
Fit-12 ta’ Ġunju 2020, f’seduta pubblika li saret wara s-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet ta’ L u tal-Uffiċju tal-Prosekutur, il-qorti tar-rinviju tat sentenza interlokutorja oħra, li permezz tagħha talbet lill-Uffiċju tal-Prosekutur jagħmel ċerti domandi lill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Din tal-aħħar wieġbet, fil-25 ta’ Ġunju u fis-7 ta’ Lulju segwenti, għad-domandi magħmula, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkonċernaw is-Sąd Najwyższy (Izba Dyscyplinarna) (il-Qorti Suprema, Awla Dixxiplinari, il-Polonja), li fir-rigward tagħhom hija indikat li l-qorti tar-rinviju kellha tindirizza ruħha direttament lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). |
13 |
Fuq talba tal-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għamel domanda oħra dwar is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lill-awtorità ġudizzjarja li ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni kif ukoll, permezz tal-Eurojust, lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) innifisha, mingħajr madankollu ma kiseb risposta. |
14 |
Il-Qorti tar-rinviju tirreferi għal diversi żviluppi reċenti li fid-dawl tagħhom hija għandha dubji dwar l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja, fosthom:
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tqis, abbażi, b’mod partikolari, ta’ dawn l-elementi l-ġodda, li l-indipendenza tal-qrati Pollakki, inkluża ta’ dik li ħarġet il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hijiex żgurata. Fil-fatt, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-imħallfin Pollakki jirriskjaw li jkunu suġġetti għal proċeduri dixxiplinari quddiem istanza li l-indipendenza tagħha ma hijiex żgurata, b’mod partikolari fil-każ li dawn l-imħallfin jivverifikaw jekk imħallef jew qorti jippreżentawx il-garanziji ta’ indipendenza meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni. |
16 |
Skont il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel lok, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja emittenti li l-indipendenza tagħha ma għadhiex iggarantita, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew wara l-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest. |
17 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li mis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 74) jirriżulta li, minkejja li l-awtorità li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew tkun imħallef jew qorti, din l-awtorità għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li hija taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti għall-ħruġ ta’ tali mandat ta’ arrest. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, qorti li tkun ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew għandha tkompli tissodisfa dan ir-rekwiżit anki wara l-ħruġ ta’ dan il-mandat ta’ arrest, peress li hija tista’ tintalab twettaq kompiti intrinsikament marbuta mal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, bħall-għoti ta’ informazzjoni supplimentari jew addizzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jew garanzija fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jew ta’ akkoljenza tal-persuna kkonsenjata. Issa, il-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja emittenti li ma tkunx għadha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għadha ma ġietx deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
18 |
Fit-tieni lok, fil-każ li l-ewwel domanda preliminari magħmula tingħata risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tirrileva li mill-iżviluppi reċenti msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza jirriżulta li jeżistu difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka, b’tali mod li d-dritt għal qorti indipendenti ma għadux iktar iggarantit għal kwalunkwe persuna obbligata tidher quddiem qorti Pollakka. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni dwar jekk tali konstatazzjoni hijiex suffiċjenti waħedha sabiex tiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata, kif tirrikjedi s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 79), is-sitwazzjoni personali tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ tali mandat ta’ arrest. |
19 |
Skont il-qorti tar-rinviju, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv, minkejja dik is-sentenza, li fil-fatt ma tikkonċernax il-każ fejn id-difetti strutturali u fundamentali relatati mal-indipendenza tal-ġudikatura huma tali li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru emittenti ma għadhiex tiggarantixxi din l-indipendenza. |
20 |
Fit-tielet lok, fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda magħmula tkun fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, minkejja li d-domanda magħmula lill-awtorità ġudizzjarja emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dwar is-Sąd Najwyższy (Izba Dyscyplinarna) (il-Qorti Suprema, Awla Dixxiplinari), baqgħet mingħajr risposta, hija taf permezz ta’ sorsi oħra li din tal-aħħar kompliet tiddeċiedi dwar kawżi li jikkonċernaw imħallfin Pollakki, anki wara l-adozzjoni tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ April 2020, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-konstatazzjoni hijiex biżżejjed sabiex jitqies li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, anki meta s-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tar-reati li bihom tkun akkużata u l-kuntest fattwali li fih jinħareġ il-mandat ta’ arrest ma jkunux jippermettu li jiġi preżunt li l-eżekuttiv jew il-leġiżlatura jkunu ser jeżerċitaw pressjoni fuq il-qrati tal-Istat Membru emittenti sabiex jinfluwenzaw il-proċedura kriminali mibdija kontra din il-persuna. Fil-fehma tagħha, din id-domanda għandha wkoll tingħata risposta affermattiva. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
u dan, anki jekk, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, il-persuna mitluba ma tkunx esprimiet tħassib speċifiku u anki jekk is-sitwazzjoni personali tagħha, in-natura tal-ksur li għalih hija akkużata u l-kuntest li fuqu huwa bbażat l-[mandat ta’ arrest Ewropew] ma jagħtux lok għal biża’, minbarra dawn id-difetti strutturali u fundamentali, ta’ eżerċizzju ta’ presssjoni konkreta jew ta’ influwenza fuq il-proċedura kriminali tagħha mill-poter eżekuttiv u/jew leġiżlattiv?” |
Il-Kawża C‑412/20 PPU
22 |
Fit-23 ta’ Ġunju 2020, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) ġiet adita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur b’talba għall-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fis-26 ta’ Mejju 2020 mis-Sąd Okręgowy w Sieradzu (il-Qorti Reġjonali ta’ Sieradz). |
23 |
Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż għall-arrest u l-konsenja ta’ P, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ piena ta’ priġunerija li kienet ġiet imposta fuq P permezz ta’ sentenza tas-Sąd Rejonowy w Wieluniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Wieluń, il-Polonja), tat‑18 ta’ Lulju 2019. Il-Qorti tar-rinviju tindika li P kien ġie kkundannat għal diversi fatti ta’ theddid u ta’ vjolenza mwettqin kollha matul il-ħames snin wara li serva piena ta’ priġunerija ta’ sitt xhur jew iktar, li kienet ġiet imposta fuqu għal delitti simili. |
24 |
Il-Qorti tar-rinviju tirreferi għall-motivi invokati fit-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett tal-Kawża C‑354/20 PPU. Hija tippreċiża li, fil-fehma tagħha, qorti li toħroġ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva kemm meta tintalab il-konsenja tal-persuna rikjesta għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kif ukoll meta tintalab għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija. Hija żżid tgħid li, fil-Kawża C‑412/20 PPU, il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni fil-kawża prinċipali nħareġ wara l-iżviluppi reċenti msemmija fil-punt 14 ta’ din is-sentenza. |
25 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Id-Deċiżjoni Qafas [2002/584] it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) [TUE] u/jew it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-[Karta] effettivament jipprekludu lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn qorti meta din il-qorti ma tissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva/protezzjoni legali attwali u diġà ma kinitx tissodisfahom fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew peress li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ ħruġ ma tiggarantixxix l-indipendenza ta’ din il-qorti u diġà ma kintix tiggarantixxiha fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew?” |
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
26 |
Il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni tal-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tat-talbiet tagħha, hija invokat il-fatt li kemm L kif ukoll P huma attwalment imċaħħda mil-libertà tagħhom. |
27 |
Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ taħt l-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja. Għaldaqstant, huma jistgħu jiġi suġġetti għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
28 |
Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali tinsab attwalment imċaħħda mil-libertà tagħha u li ż-żamma tagħha taħt detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
29 |
Issa, il-miżura ta’ detenzjoni li L huwa s-suġġett tagħha ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra l-persuna kkonċernata. Għal dak li jirrigwarda lil P, għalkemm il-qorti tar-rinviju indikat li, waqt il-komunikazzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑412/20 PPU, huwa kien għadu taħt detenzjoni b’eżekuzzjoni ta’ piena ta’ priġunerija imposta minn qorti Olandiża, hija xorta ppreċiżat li din id-detenzjoni kienet ser tintemm fl-20 ta’ Ottubru 2020 u li, mill-għada, P kien ser jitqiegħed taħt detenzjoni għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront tiegħu. |
30 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, fit-12 ta’ Awwissu u fl-10 ta’ Settembru 2020 rispettivament, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari jiġu suġġetti għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
31 |
Barra minn hekk, hija ddeċidiet li tirrinvija l-Kawżi C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġu assenjati lill-Awla Manja. |
32 |
Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Settembru 2020, il-Kawżi C‑354/20 PPU u C‑412/20 PPU ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza, fid-dawl tal-konnessjoni bejniethom. |
Fuq id-domandi preliminari
33 |
Permezz tad-domandi tagħha f’dawn iż-żewġ kawżi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha provi li juru difetti strutturali u fundamentali f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru li jkun ħareġ dan il-mandat ta’ arrest li kienu jeżistu meta dan inħareġ jew li seħħew wara dan il-ħruġ, din l-awtorità tista’ ċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-qorti li tkun ħarġet l-imsemmi mandat ta’ arrest u tista’ tippreżumi li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, din il-persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma tagħmel verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, in-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll il-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat. |
34 |
Sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu, fl-ewwel lok, jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ ċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, lill-qorti li tkun ħarġet mandat ta’ arrest Ewropew, għas-sempliċi raġuni li hija jkollha provi li juru difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti li kienu jeżistu fil-mument tal-ħruġ ta’ dan il-mandat jew li seħħew wara dan il-ħruġ. |
35 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar qabel kollox li kemm il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li jistrieħ huwa nnifsu fuq il-fiduċja reċiproka bejn dawn tal-aħħar, għandhom, fid-dritt tal-Unjoni, importanza fundamentali, peress li jippermettu l-ħolqien u ż-żamma ta’ żona mingħajr fruntieri interni. B’mod iktar speċifiku, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jeżiġi, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li kull wieħed minn dawn l-Istati jqis, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, jirrispettaw id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt (Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191, kif ukoll is-sentenza tas‑27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 43). |
36 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mill-premessa 6 tagħha jirriżulta li l-mandat ta’ arrest Ewropew li hija tistabbilixxi huwa “l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew semma bħala l-bażi tal-kooperazzjoni ġudizzjarja”. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat, dan il-prinċipju huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija deċiżjoni qafas (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41). |
37 |
Minn dan isegwi li l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni, fil-prinċipju, ma jistgħux jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat ħlief għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tkun suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet previsti b’mod limitat fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni qafas. Konsegwentement, filwaqt li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa maħsub bħala eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
38 |
Madankollu, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku jippreżumi li huma biss il-mandati ta’ arrest Ewropej, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li għandhom jiġu eżegwiti konformement mad-dispożizzjonijiet tagħha, u dan jirrikjedi li tali mandat, li huwa kklassifikat, f’din id-dispożizzjoni, bħala “deċiżjoni ġudizzjarja”, jinħareġ minn “awtorità ġudizzjarja”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 46 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-kunċett tal-aħħar jimplika li l-awtorità kkonċernata taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 74 u 88). |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali fil-garanzija tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet fil-kawża jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari, tal-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48). |
40 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-obbligu ta’ kull Stat Membru, sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni sħiħa tal-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi li fuqhom huwa bbażat il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jiżgura, taħt l-istħarriġ aħħari tal-Qorti tal-Ġustizzja, iż-żamma tal-indipendenza tal-ġudikatura tiegħu, billi jastjeni minn kull miżura li tista’ tippreġudikaha. |
41 |
Madankollu, awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li jkollha elementi li juru difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti li kienu jeżistu meta nħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat jew li seħħew wara dan il-ħruġ ma tistax iċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, lil kull imħallef u lil kull qorti ta’ dan l-Istat Membru, li jaġixxu, min-natura tagħhom, b’indipendenza sħiħa mill-eżekuttiv. |
42 |
Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali difetti ma għandhiex neċessarjament effett fuq kull deċiżjoni li l-qrati tal-imsemmi Stat Membru jista’ jkollhom jadottaw f’kull każ partikolari. |
43 |
Interpretazzjoni kuntrarja twassal sabiex jiġu estiżi l-limitazzjonijiet li jistgħu jiġu imposti fuq il-prinċipji ta’ fiduċja u ta’ rikonoxximent reċiproċi lil hinn minn “ċirkustanzi eċċezzjonali”, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, billi twassal għal esklużjoni ġġeneralizzata tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji fil-kuntest ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati tal-Istat Membru kkonċernat minn dawn id-difetti. |
44 |
Barra minn hekk, hija tkun tfisser li ebda qorti ta’ dan l-Istat Membru ma tkun tista’ titqies iktar bħala “qorti” għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 38 u 43). |
45 |
It-tagħlim li jirriżulta mis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma jistax iqiegħed fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet preċedenti. |
46 |
Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, qabel kollox, li l-kelmiet “awtorità ġudizzjarja”, li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, ma jindikawx sempliċement l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandhom jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru, b’differenza, b’mod partikolari, mill-ministeri jew mis-servizzi tal-pulizija, li jaqgħu taħt l-eżekuttiv (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punt 50). |
47 |
Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qiegħda taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. Hija ppreċiżat li din l-indipendenza teħtieġ li jkunu jeżistu regoli statutorji u ta’ organizzazzjoni xierqa sabiex jiġi ggarantit li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sabiex jinħareġ tali mandat ta’ arrest, għal kwalunkwe riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet f’każ speċifiku min-naħa tal-eżekuttiv (sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 74). |
48 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Prosekuturi inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għal dik is-sentenza ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza inerenti għall-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mhux abbażi ta’ provi intiżi sabiex juru l-eżistenza ta’ difetti strutturali u fundamentali f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru li taħtha kienu jaqgħu dawn il-prosekuturi, iżda minħabba regoli statutorji u ta’ organizzazzjoni, adottati minn dan l-Istat Membru abbażi tal-awtonomija proċedurali tiegħu, li kienu jqiegħdu lil dawn il-prosekuturi f’relazzjoni ta’ subordinazzjoni legali fil-konfront tal-eżekuttiv u b’hekk kienu jesponuhom għal riskju li jkunu suġġetti għal ordnijiet jew għal istruzzjonijiet f’każ speċifiku min-naħa tal-eżekuttiv fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew. |
49 |
Madankollu, f’Unjoni tad-dritt, ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jeskludi li dawn ikunu jistgħu jiġu suġġetti għal ġerarkija jew subordinazzjoni fir-rigward ta’ xi ħadd u li jkunu jistgħu jirċievu ordnijiet jew istruzzjonijiet tkun xi tkun l-oriġini tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44; tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 63; kif ukoll tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 57). |
50 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, mis-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456), ma jistax jiġi dedott li difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, ikunu kemm ikunu serji, jistgħu jkunu suffiċjenti, waħedhom, sabiex jippermettu lil awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tqis li l-qrati kollha ta’ dan l-Istat Membru ma jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. |
51 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha provi li juru riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, hija tista’ tippreżumi li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li din il-persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, mingħajr ma tagħmel verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, in-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll il-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat. |
52 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 79), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali jkollha provi, bħal dawk li jinsabu fi proposta motivata tal-Kummissjoni, adottata skont l-Artikolu 7(1) TUE, li jindikaw l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni pprovduta minn dan l-Istat Membru, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ikunux jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru. |
53 |
Minn dan jirriżulta li l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif interpretat f’din is-sentenza, tippreżupponi eżami f’żewġ stadji. |
54 |
Fil-kuntest tal-ewwel stadju, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni għandha tiddetermina jekk jeżistux elementi oġġettivi, affidabbli, preċiżi u debitament aġġornati li jindikaw l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 61). |
55 |
Fil-kuntest tat-tieni stadju, din l-awtorità għandha tivverifika, b’mod konkret u preċiż, sa fejn dawn id-difetti jista’ jkollhom effett fil-livell tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-persuna rikjesta u jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali ta’ din il-persuna, tan-natura tar-reat li bih din tal-aħħar tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest, u fid-dawl tal-informazzjoni possibbilment ipprovduta mill-imsemmi Stat Membru b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li l-imsemmija persuna ser taffaċċja tali riskju fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 74 sa 77). |
56 |
Għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif tfakkar fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza, iż-żewġ stadji ta’ dan l-eżami jinvolvu analiżi tal-informazzjoni miksuba abbażi ta’ kriterji differenti, b’tali mod li dawn l-istadji ma jistgħux jiġu konfużi. |
57 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 10 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji msemmija fl-Artikolu 2 TUE, fosthom dak tal-Istat tad-dritt, ikkonstatat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) TUE, bil-konsegwenzi previsti fl-Artikolu 7(3) TUE. |
58 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa biss fil-każ ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew, bħal dik prevista fil-punt preċedenti, segwita mis-sospensjoni mill-Kunsill tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tirrifjuta awtomatikament li teżegwixxi kull mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn dan l-Istat Membru, mingħajr ma jkollha twettaq ebda evalwazzjoni konkreta tar-riskju reali affaċċjat mill-persuna kkonċernata li jaffettwa l-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 72). |
59 |
Issa, jekk jiġi aċċettat li difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, ikunu kemm ikunu serji, jippermettu li jiġi preżunt li jeżistu, fir-rigward tal-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li din il-persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq fil-każ ta’ konsenja lil dan l-Istat Membru, li, kieku jiġġustifika n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest, dan kieku jwassal għal rifjut awtomatiku li dan il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-imsemmi Stat Membru jiġi eżegwit u, għaldaqstant, għal sospensjoni de facto tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew fir-rigward tal-istess Stat Membru, filwaqt li l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill ma adottawx id-deċiżjonijiet previsti fil-punt preċedenti. |
60 |
Konsegwentement, fl-assenza ta’ tali deċiżjonijiet, jekk il-konstatazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ provi li juru difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti, jew ta’ aggravazzjoni ta’ tali difetti, għandha, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, tinkoraġġixxi lil din l-awtorità għal viġilanza, u din ma tistax, min-naħa l-oħra, tillimita ruħha għal din is-sempliċi konstatazzjoni sabiex tastjeni milli twettaq it-tieni stadju tal-eżami mfakkar fil-punti 53 sa 55 ta’ din is-sentenza. |
61 |
Fil-fatt, huwa l-obbligu ta’ din l-awtorità, fil-kuntest ta’ dan it-tieni stadju, li tevalwa, jekk ikun il-każ fid-dawl ta’ tali aggravazzjoni, jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni personali tal-persuna li l-konsenja tagħha tkun mitluba mill-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat, tan-natura tar-reat li bih din il-persuna tkun akkużata u tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ dan il-mandat ta’ arrest, bħal dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament ġudizzjarju li għandu jingħata każ individwali, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni li tkun ġiet ikkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, ladarba tkun ikkonsenjata lill-Istat Membru emittenti, l-imsemmija persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet tagħha għal smigħ xieraq. Jekk dan ikun il-każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tastjeni, skont l-Artikolu 1(3) ta’ din id-deċiżjoni qafas, milli teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat. Fil-każ kuntrarju, hija għandha tipproċedi għall-eżekuzzjoni ta’ dan tal-aħħar, konformement mal-obbligu ta’ prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija deċiżjoni qafas. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-mekkaniżmu ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż b’mod partikolari għall-ġlieda kontra l-impunità ta’ persuna rikjesta li tkun tinsab f’territorju differenti minn dak li fih tkun allegatament wettqet ir-reat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK (Eżekuzzjoni ta’ piena addizzjonali), C‑551/18 PPU, EU:C:2018:991, punt 39). |
63 |
Dan il-għan jipprekludi interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fis-sens li l-eżistenza jew l-aggravazzjoni ta’ difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fi Stat Membru hija biżżejjed, waħedha, sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta’ dan l-Istat Membru. |
64 |
Fil-fatt, tali interpretazzjoni tinvolvi riskju għoli ta’ impunità ta’ persuni li jippruvaw jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati jew ġew issuspettati li wettqu reat, minkejja li ma jkunux jeżistu provi, relatati mas-sitwazzjoni personali ta’ dawn il-persuni, li jippermettu li jitqies li dawn kienu qegħdin jaffaċċjaw riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq, fil-każ ta’ konsenja lill-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat. |
65 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandhiex, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru emittenti li jkunu seħħew wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew li l-eżekuzzjoni tiegħu tkun mitluba, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ minn Stat Membru għall-finijiet tal-arrest u tal-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta kemm għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali kif ukoll għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. |
66 |
Fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru bil-għan tal-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-finijiet ta’ proċeduri kriminali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑354/20 PPU, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, sabiex tevalwa, b’mod konkret u preċiż, jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, jeżistux raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, wara din il-konsenja, din il-persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, teżamina b’mod partikolari sa liema punt id-difetti strutturali u fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura tal-Istat Membru emittenti jista’ jkollhom effett fil-livell ta’ qrati ta’ dan l-Istat Membru li ser ikollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-proċeduri li għalihom tkun ser tkun suġġetta l-imsemmija persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 68 u 74). Dan l-eżami jinvolvi, konsegwentement, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-effett ta’ tali nuqqasijiet li seħħew wara l-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew ikkonċernat. |
67 |
Dan japplika wkoll fil-każ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ minn Stat Membru bil-għan tal-konsenja ta’ persuna rikjesta għall-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni meta, wara l-konsenja eventwali tagħha, din il-persuna tkun is-suġġett ta’ proċedura ġudizzjarja oħra, jekk ikun il-każ minħabba l-preżentata ta’ rikors dwar l-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ta’ kustodja jew ta’ din l-ordni ta’ detenzjoni jew ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ġudizzjarja li l-eżekuzzjoni tagħha tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
68 |
Madankollu, f’dan it-tieni każ, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha wkoll teżamina sa fejn id-difetti strutturali jew fundamentali li kienu jeżistu fl-Istat Membru emittenti fil-mument tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest Ewropew affettwaw, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, l-indipendenza tal-qorti ta’ dan l-Istat Membru li tkun tat il-piena ta’ kustodja jew l-ordni ta’ detenzjoni li l-eżekuzzjoni tagħha tkun is-suġġett ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. |
69 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha provi li juru li hemm difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru li jkun ħareġ dan il-mandat ta’ arrest li kienu jeżistu fil-mument tal-ħruġ tiegħu jew li seħħew wara dan il-ħruġ, din l-awtorità ma tistax iċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-qorti li tkun ħarġet l-imsemmi mandat ta’ arrest u ma tistax tippreżumi li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, din il-persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, mingħajr ma twettaq verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, tan-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat, bħal dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament ġudizzjarju li għandu jingħata każ individwali. |
Fuq l-ispejjeż
70 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun mitluba tiddeċiedi dwar il-konsenja ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ikollha provi li juru li hemm difetti strutturali jew fundamentali fir-rigward tal-indipendenza tal-ġudikatura fl-Istat Membru li jkun ħareġ dan il-mandat ta’ arrest li kienu jeżistu fil-mument tal-ħruġ tiegħu jew li seħħew wara dan il-ħruġ, din l-awtorità ma tistax iċċaħħad mill-kwalità ta’ “awtorità ġudizzjarja emittenti” lill-qorti li tkun ħarġet l-imsemmi mandat ta’ arrest u ma tistax tippreżumi li jeżistu raġunijiet serji u pprovati sabiex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ konsenja lil dan l-aħħar Stat Membru, din il-persuna ser taffaċċja riskju reali ta’ ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, mingħajr ma twettaq verifika konkreta u preċiża li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni personali tal-imsemmija persuna, tan-natura tar-reat inkwistjoni kif ukoll tal-kuntest fattwali li fih ikun inħareġ il-mandat, bħal dikjarazzjonijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jinterferixxu fit-trattament ġudizzjarju li għandu jingħata każ individwali. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-proċedura: l-Olandiż.