Kawża C‑348/20 P

Nord Stream 2 AG

vs

Il-Parlament Ewropew
u
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat‑12 ta’ Lulju 2022

“Appell – Enerġija – Suq intern tal-gass naturali – Direttiva 2009/73/KE – Direttiva (UE) 2019/692 – Estensjoni tal-applikabbiltà tad-Direttiva 2009/73 għal-linji tal-gass bejn Stati Membri u pajjiżi terzi – Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE – Rikors għal annullament – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun direttament ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Assenza ta’ setgħa diskrezzjonali fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-appellanti – Kundizzjoni li l-appellanti għandha tkun individwalment ikkonċernata mill-miżura li tkun is-suġġett tal-appell tagħha – Aġġustament tad-derogi li jeskludu lill-appellanti inkwantu l-unika operatriċi mill-benefiċċju tagħhom – Talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess – Regoli fil-qasam ta’ produzzjoni ta’ provi quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea – Dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni”

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza diretta – Kriterji – Direttiva li temenda li bħala prinċipju tissuġġetta l-parti tal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass li tinsab bejn Stat Membru u pajjiż terz għar-regoli applikabbli għas-suq intern tal-gass naturali – Inċidenza diretta ta’ proprjetarju ta’ pipelines li jistgħu jaqgħu taħt l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni – Kundizzjonijiet – Direttiva li tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-proprjetarju – Assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni tad-Direttiva fir-rigward tiegħu

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, il-punt 17 tal-Artikolu 2, Artikoli 9, 32, 36 u 49a, u 2019/692, Artikolu 1)

    (ara l-punti 43, 44, 62 sa 67, 70, 74 sa 77, 95, 97 sa 112, 114, 164)

  2. Proċedura ġudizzjarja – Kwistjoni proċedurali – Talba għall-irtirar ta’ dokumenti mill-proċess – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tagħmel bilanċ bejn l-interessi tal-partijiet fir-rigward tad-dritt għal smigħ xieraq tagħhom – Portata

    (l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(3); Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 42 u 47; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1))

    (ara l-punti 128 sa 134, 136 sa 148)

  3. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Direttiva li temenda li bħala prinċipju tissuġġetta l-parti tal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass li tinsab bejn Stat Membru u pajjiż terz għar-regoli applikabbli għas-suq intern tal-gass naturali – Rikors ta’ proprjetarju ta’ pipelines li jistgħu jaqgħu taħt l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni – Direttiva li tippermetti l-għoti ta’ derogi mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali – Inċidenza individwali tal-proprjetarju inkwantu l-uniku operatur eskluż mid-direttiva mill-benefiċċju tal-imsemmija derogi – Ammissibbiltà

    (ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/73, il-punt 17 tal-Artikolu 2, Artikoli 36 u 49a, u 2019/692, Artikolu 1)

    (ara l-punti 156 sa 163)

Sunt

L-appellanti, Nord Stream 2, hija kumpannija rregolata mid-dritt Svizzeru li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-kumpannija b’responsabbiltà limitata pubblika Russa Gazprom. Hija responsabbli mill-ippjanar, mill-kostruzzjoni u mill-operat tal-pipeline offshore Nord Stream 2, intiż li jiżgura l-fluss tal-gass bejn Vyborg (ir-Russja) u Lubmin (il-Ġermanja). Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni bdew f’Jannar 2017.

Fis‑17 ta’ April 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Direttiva 2019/692 ( 1 ), li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali. Id-Direttiva 2019/692, li daħlet fis-seħħ fit‑23 ta’ Mejju 2019, hija intiża li tiżgura li r-regoli applikabbli għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew iktar ikunu applikabbli wkoll, ġewwa l-Unjoni Ewropea, għal-linji ta’ trasmissjoni tal-gass lejn u minn pajjiżi terzi, bħall-pipeline Nord Stream 2. Għalhekk, wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva, il-proprjetarji ta’ pipelines bejn Stat Membru u pajjiż terz, bħall-appellanti, bħala prinċipju minn dak il-mument isibu ruħhom suġġetti għall-obbligi previsti mid-Direttiva 2009/73 għall-parti tal-linji ta’ trażmissjoni tal-gass tagħhom li tinsab fit-territorju tal-Istati Membri, f’dan il-każ il-parti tal-pipeline Nord Stream 2 li tinsab fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Dan jimplika għal dawn l-operaturi, b’mod partikolari, l-obbligu li jiġu sseparati s-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-istrutturi ta’ produzzjoni u ta’ provvista ( 2 ) kif ukoll li tiġi stabbilita sistema ta’ aċċess mhux diskriminatorja minn terzi mas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass fuq il-bażi ta’ tariffi ppubblikati u approvati ( 3 ).

Permezz ta’ digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020 ( 4 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat mill-appellanti u intiż għall-annullament tad-Direttiva kontenzjuża, minħabba li ma kinitx direttament ikkonċernata minn din ta’ l-aħħar. B’mod partikolari, hija qieset li direttiva ma setgħetx, minnha nfisha, toħloq obbligi fuq individwu fl-assenza ta’ adozzjoni preċedenti ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali rrinunzjat milli teżamina l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-inċidenza individwali tal-appellanti. F’dan ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ordnat ukoll l-irtirar mill-proċess ta’ ċerti dokumenti interni prodotti mill-appellanti fil-kuntest tar-rikors tagħha mingħajr awtorizzazzjoni tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

Adita b’appell ippreżentat mill-appellanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali u tiddikjara l-appell ammissibbli. F’din l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża l-ġurisprudenza tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rikorsi diretti ppreżentati minn individwi kontra direttivi. Hija tippreċiża wkoll ir-rwol tar-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti ( 5 ) għall-finijiet tal-eżami ta’ talbiet għall-irtirar ta’ dokumenti interni mill-proċess ġudizzjarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, skont it-tieni parti tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kull persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-atti li jikkonċernawha direttament u individwalment. Sabiex individwu jkun direttament ikkonċernat mill-att ikkontestat, żewġ kriterji għandhom jiġu ssodisfatti kumulattivament. Minn naħa, il-miżura kkontestata għandha tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tiegħu u, min-naħa l-oħra, hija ma għandha tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni dwar il-produzzjoni ta’ effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ individwu, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-kapaċità ta’ att li jipproduċi tali effetti ma tistax tiġi evalwata biss fid-dawl tal-forma tiegħu u li għandu jsir riferiment għas-sustanza ta’ dan l-att. Isegwi li kull att jista’, bħala prinċipju, jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ individwu, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan l-att jinvolvix miżuri ta’ implimentazzjoni, inklużi, fir-rigward ta’ direttiva, miżuri ta’ traspożizzjoni. Fil-fatt, dawn tal-aħħar ma jikkontestawx in-natura diretta tar-rabta eżistenti bejn din id-direttiva u dawn l-effetti, bil-kundizzjoni li l-imsemmija direttiva ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tal-imsemmija effetti fuq dan l-individwu.

F’dan il-każ, billi estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/73 għal-linji tal-gass bejn Stati Membri u pajjiżi terzi, id-Direttiva kontenzjuża għandha l-konsegwenza li tissuġġetta lill-appellanti, bħala proprjetarja ta’ tali linja tal-gass, għall-obbligi li jirriżultaw minnha. F’dan ir-rigward, il-ħtieġa għall-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li jadotta miżuri ta’ traspożizzjoni sabiex jimplimenta dawn l-obbligi ma għandhiex effett sa fejn dan l-Istat Membru ma jkollux marġni ta’ diskrezzjoni li tista’ tipprekludi l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi fuq l-appellanti.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Direttiva kontenzjuża ma pproduċietx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-appellanti.

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lid-destinatarji ta’ att bil-għan li jiġi implimentat, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-eżistenza ta’ tali marġni għandha wkoll tiġi eżaminata fid-dawl tas-sustanza ta’ dan l-att u għandha, barra minn hekk, neċessarjament tiġi evalwata fid-dawl tal-effetti legali konkreti msemmija fir-rikors u li jistgħu effettivament jipproduċu ruħhom fis-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata.

Issa, f’dan il-każ, għalkemm l-Istati Membri destinatarji tad-Direttiva kontenzjuża għandhom ċertu marġni ta’ manuvra fir-rigward tal-konkretizzazzjoni tal-obbligi li din timponi, l-Istat Membru kkonċernat ma jgawdi minn ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi fuq l-appellanti. B’mod partikolari, ma għandux il-possibbiltà li jagħtiha waħda mid-derogi previsti fid-Direttiva 2009/73 ( 6 ). Fil-fatt, minkejja l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-għoti tad-derogi previsti fid-Direttiva 2009/73 lil impriżi tal-gass li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-għoti tagħhom, l-ebda waħda minn dawn id-derogi ma tista’ tapplika għas-sitwazzjoni tal-appellanti, li ma tissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. B’hekk teżisti rabta diretta bejn id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża u l-impożizzjoni fuq l-appellanti tal-obbligi msemmija fiha.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-Direttiva kontenzjuża kienet tħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-appellanti u l-fatt li d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva kontenzjuża kellu bħala konsegwenza diretta li jissuġġetta lil din tal-aħħar għal obbligi li hija ma tistax taħrab minnhom.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-appellanti hija direttament ikkonċernata mid-Direttiva kontenzjuża.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina t-talba tal-Kunsill intiża għall-irtirar mill-proċess ta’ ċerti dokumenti interni prodotti b’mod irregolari mill-appellanti matul il-proċedura. Dawn kienu, b’mod iktar preċiż, rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill intiża għall-ftuħ ta’ negozjati bejn l-Unjoni u Stat terz bil-għan li jiġi konkluż ftehim internazzjonali, parir tas-servizz legali tal-Kunsill dwar din ir-rakkomandazzjoni, kif ukoll osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fformulati fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ta’ adozzjoni tad-Direttiva kontenzjuża.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tinnota, qabelxejn, li l-ammissibbiltà tal-provi prodotti b’mod irregolari, bħad-dokumenti interni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li l-produzzjoni tagħhom ma kinitx ġiet awtorizzata, tiddependi mill-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet b’mod partikolari fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat id-dritt għal smigħ xieraq tagħhom. F’dan ir-rigward, għalkemm ir-Regolament Nru 1049/2001 għandu ċertu valur indikattiv fil-kunsiderazzjoni ta’ dawn l-interessi, dan ma jirregolahiex b’mod eżawrjenti.

Għalhekk, fir-rigward tal-parir tas-servizz legali tal-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, bħall-Qorti Ġenerali, li l-ibbilanċjar ixaqleb favur il-protezzjoni tal-interessi tal-Kunsill, li d-dritt għal smigħ xieraq tiegħu u l-interess tiegħu li jirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti jiġu ppreġudikati biż-żamma tal-imsemmi parir fil-proċess ġudizzjarju mingħajr ma l-uniku interess tal-appellanti li ssostni l-argument tagħha bl-għajnuna ta’ dan il-parir ikun suffiċjenti, f’dan il-każ, sabiex jiġġustifika tali żamma, iktar u iktar peress li l-fondatezza ta’ dan l-argument bl-ebda mod ma tiddependi mill-produzzjoni ta’ tali parir. Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Qorti Ġenerali, fir-realtà, applikat esklużivament id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, mingħajr ma bbilanċjat l-interessi preżenti u mingħajr ma eżaminat, f’dan il-kuntest, jekk iż-żamma tal-istess dokumenti fil-proċess setgħetx konkretament u effettivament tippreġudika l-interess invokat sabiex l-irtirar tagħhom jiġi ġġustifikat, jiġifieri l-interess pubbliku f’dak li jirrigwarda r-relazzjonijiet internazzjonali ( 7 ).

Wara li laqgħet l-appell, billi użat is-setgħa tagħha li taqta’ l-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fl-aħħar nett, fuq l-inċidenza individwali tal-appellanti mid-Direttiva kontenzjuża. F’dan ir-rigward, din tikkonstata li l-appellanti hija individwalment ikkonċernata mill-kundizzjonijiet ta’ deroga li huma previsti fiha, peress li hija l-uniku operatur li jinsab, u li jista’ jsib ruħu, f’sitwazzjoni li jiġi eskluż mill-benefiċċju tagħhom.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara r-rikors għal annullament tal-appellanti ammissibbli u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu.


( 1 ) Direttiva (UE) 2019/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali (ĠU 2019, L 117, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva kontenzjuża”).

( 2 ) Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/73.

( 3 ) Artikolu 32 tad-Direttiva 2009/73.

( 4 ) Digriet tal‑20 ta’ Mejju 2020, Nord Stream 2 vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (T‑526/19, EU:T:2020:210).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejj 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Għandu jiġi osservat li dan ir-regolament ma huwiex applikabbli għal din il-kawża.

( 6 ) Artikoli 36 u 49a tad-Direttiva 2009/73.

( 7 ) Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1049/2001.