SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Ottubru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ħolqien ta’ qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol – Projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi fuq il-post tax-xogħol kwalunkwe manifestazzjoni ta’ twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku – Projbizzjoni li tkopri l-kliem, l-ilbies jew kwalunkwe tip ieħor ta’ manifestazzjoni ta’ dan it-twemmin – Ilbies ta’ ħwejjeġ b’konnotazzjoni reliġjuża”

Fil-Kawża C‑344/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

L.F.

vs

S.C.R.L.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tal-Awla, M. L. Arastey Sahún, F. Biltgen (Relatur), N. Wahl u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L.F., minn V. Van der Plancke, avocate,

għal S.C.R.L., minn A. Kamp, avocate, u T. Perdieus, advocaat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, L. Van den Broeck u M. Van Regemorter, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Martin u M. Van Hoof, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 2(2)(a) u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn L. F., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, u S.C.R.L., il-konvenuta fil-kawża prinċipali, li hija kumpannija kooperattiva b’responsabbiltà limitata li l-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kiri u fl-operat ta’ akkomodazzjonijiet soċjali, dwar l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kandidatura spontanja tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal stage minħabba r-rifjut ta’ din tal-aħħar li tosserva l-projbizzjoni magħmula minn S.C.R.L. għall-impjegati tagħha li juru, b’mod partikolari bl-ilbies, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑Direttiva 2000/78

3

Il-premessi 1, 4, 11 u 12 tad-Direttiva 2000/78 jistipulaw:

“(1)

Skond l-Artikolu 6 [TUE], l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għal-libertajiet fundamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fundamentali kif iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] u kif jirriżultaw mit-traduzzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni].

[…]

(4)

Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jikonstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet, iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta’ l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(11)

Id-diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tista’ tikkomprometti t-twettiq tal-miri tat-Trattat [FUE], speċjalment li jintlaħaq livell għoli ta’ mpjieg u protezzjoni soċjali, li jiġi mgħolli l-istandard tal-ħajja u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà, u l-moviment liberu tal-persuni.

(12)

B’dan l-iskop, kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali, għar-rigward ta’ arji [oqsma] koperti minn din id-Direttiva għandhom ikunu pprojbiti [fl-Unjoni] […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli [kif hija ttrattata, ġiet ittrattata jew x’aktarx tiġi ttrattata persuna] oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew […]

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-[Unjoni], din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew jikkonservaw dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva.”

Id‑dritt Belġjan

8

Il-Loi du 10 mai 2007 tendant à lutter contre certaines formes de discrimination (il-Liġi tal-10 ta’ Mejju 2007 għall-Ġlieda kontra Ċertu Forom ta’ Diskriminazzjoni (Moniteur belge tat-30 ta’ Mejju 2007, p. 29016), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni”), hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2000/78 fid-dritt Belġjan.

9

L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Din il-liġi għandha l-għan li toħloq, fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5, qafas ġenerali sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa attwali jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali.”

10

L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi, li jirrigwarda d-definizzjonijiet, jipprovdi:

“Għall-applikazzjoni ta’ din il-liġi, għandu jinftiehem:

[…]

4° kriterji protetti: l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-istatus ċivili, it-twelid, is-sitwazzjoni finanzjarja, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, it-twemmin politiku, il-lingwa, l-istat ta’ saħħa preżenti jew futur, diżabbiltà, karatteristiċi fiżiċi jew ġenetiċi jew l-oriġini soċjali”.

[…]

6° distinzjoni diretta: is-sitwazzjoni li sseħħ meta fuq il-bażi ta’ wieħed mill-kriterji protetti, persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli;

7° diskriminazzjoni diretta: distinzjoni diretta, ibbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti, li ma tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu II,

[…]”

11

L-Artikolu 5(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Bl-eċċezzjoni ta’ kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunitajiet jew tar-Reġjuni, din il-liġi tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, inklużi korpi pubbliċi […]”

12

Artikolu 7 tal-Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni jipprovdi:

“Kwalunkwe distinzjoni diretta bbażata fuq wieħed mill-kriterji protetti tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, sakemm dik id-distinzjoni diretta ma tkunx oġġettivament iġġustifikata minn għan leġittimu u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u meħtieġa.”

13

L-Artikolu 8(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“B’deroga mill-Artikolu 7, u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan it-titolu, distinzjoni diretta bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew diżabbiltà fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 5(1), (4), (5) u (7) tista’ tkun iġġustifikata biss minn rekwiżiti tax-xogħol essenzjali u determinanti.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

14

Fl-14 ta’ Marzu 2018, fil-kuntest tal-istudji vokazzjonali tagħha fl-awtomatizzazzjoni għall-uffiċċji, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija Musulmana u tilbes il-velu Iżlamiku, bagħtet kandidatura spontanja lil S.C.R.L. sabiex twettaq stage mingħajr ħlas ta’ sitt ġimgħat.

15

Fit-22 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali saritilha intervista mal-maniġers ta’ S.C.R.L., li fi tmiemha dawn tal-aħħar indikaw li kellhom opinjoni pożittiva fir-rigward tal-kandidatura tagħha u staqsewha jekk hija setgħetx taċċetta li tikkonforma ruħha mar-regola ta’ newtralità promossa fi ħdan S.C.R.L.

16

Din ir-regola ta’ newtralità hija stabbilita fl-Artikolu 46 tat-Termini tal-Impjieg ta’ S.C.R.L., li tipprevedi li “l-ħaddiema jintrabtu li jirrispettaw il-politika ta’ newtralità stretta li tipprevali fi ħdan l-impriża” u li huma għandhom “għalhekk jaraw li ma jimmanifestaw bl-ebda mod, la bil-kliem, la bl-ilbies, u lanqas b’mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikun xi jkun dak it-twemmin”.

17

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkomunikat lill-maniġers ta’ S.C.R.L. li hija tirrifjuta li tneħħi l-velu tagħha u li tikkonforma ruħha mal-imsemmija regola ta’ newtralità.

18

Peress li ma rċeviet ebda tweġiba sussegwenti fuq l-applikazzjoni tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, f’April 2018, reġgħet għamlet talba għal stage ma’ S.C.R.L. filwaqt li pproponiet li tilbes tip ieħor ta’ kopertura tar-ras. B’risposta għal din it-talba l-ġdida, S.C.R.L informatha li ma setgħetx tiġi offruta stage peress li l-ebda tip ta’ kopertura tar-ras ma kienet awtorizzata fil-bini tagħha, kemm jekk tkun beritta, kappell jew velu.

19

Fix-xahar ta’ Mejju 2019, wara li indikat diskriminazzjoni quddiem il-korp pubbliku indipendenti kompetenti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u wara skambji ta’ korrispondenza bejn dan il-korp u S.C.R.L., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni. Permezz ta’ din l-azzjoni, hija tilmenta dwar l-assenza ta’ konklużjoni ta’ kuntratt ta’ stage, li fil-fehma tagħha hija bbażata direttament jew indirettament fuq it-twemmin reliġjuż, u hija intiża sabiex tikseb il-konstatazzjoni ta’ ksur, minn S.C.R.L., b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Ġenerali dwar id-Diskriminazzjoni.

20

Quddiem il-qorti tar-rinviju, S.C.R.L. issostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), li t-termini tal-impjieg tagħha ma joħolqux diskriminazzjoni diretta, peress li jittrattaw b’mod identiku lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi jimponuwlhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fost oħrajn, li jilbsu b’mod newtrali u mhux b’ilbies ta’ simboli viżibbli tat-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom.

21

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li għandha għarfien tal-eżistenza tas-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), tqis li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “diskriminazzjoni diretta” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi “tqajjem dubji serji”. Fost l-eżitazzjonijiet li ssemmi din il-qorti, hemm dik tal-evalwazzjoni tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali. Għalhekk, għandha ssir distinzjoni ċara, minn naħa, bejn is-setgħa ta’ interpretazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tad-dritt għall-fatti tal-kawża li taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali kkonċernata. Fis-sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali u mingħajr distinzjoni tar-regola interna li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli fuq il-post tax-xogħol ta’ sinjali politiċi, filosofiċi jew reliġjużi, iżda ma eskludietx li, abbażi ta’ elementi li hija ma kellhiex, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għall-persuna kkonċernata tista’ tkun differenti mill-applikazzjoni tagħha għal kull ħaddiem ieħor. Peress li d-dispożittiv ta’ din is-sentenza ma jirriproduċix din id-differenza sottili, tqum il-kwistjoni dwar jekk għadux jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni għall-qorti nazzjonali jew jekk din tal-aħħar hijiex imċaħħda minn kull possibbiltà li tevalwa in concreto l-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet meta tiġi eżaminata n-natura diskriminatorja ta’ regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies viżibbli ta’ kwalunkwe sinjal politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol.

22

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203), kif ukoll tal-14 ta’ Marzu 2017, Bougnaoui u ADDH (C‑188/15, EU:C:2017:204), kellhiex l-intenzjoni li tistabbilixxi bħala kriterju wieħed protett it-twemmin reliġjuż, it-twemmin filosofiku u t-twemmin politiku, b’tali mod li ma jkunx hemm lok li ssir distinzjoni bejn dawn il-kriterji. Dan iwassal sabiex l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiġi interpretat fis-sens li r-“reliġjon jew twemmin”, skont dan l-artikolu, huma ż-żewġ aspetti tal-istess u uniku kriterju protett. Issa, kieku r-reliġjon kellha titpoġġa fuq l-istess livell tat-twemmin li ma huwiex reliġjuż, dan inaqqas b’mod sinjifikattiv il-kamp ta’ riċerka tal-persuna ta’ referenza għall-finijiet tal-eżami ta’ komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Fil-fatt, dan ifisser li, fil-preżenza ta’ regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħaddiem li jinvoka twemmin reliġjuż ma jistax jitqabbel mal-ħaddiem li jħaddan twemmin filosofiku jew twemmin politiku. Tali mistoqsija tqajjem waħda oħra, jiġifieri dik dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti protezzjoni separata lit-twemmin reliġjuż, lit-twemmin filosofiku u lit-twemmin politiku u hija intiża għalhekk sabiex issaħħaħ il-grad ta’ din il-protezzjoni billi timmarka l-ispeċifiċitajiet ta’ kull waħda minnhom kif ukoll b’viżibbiltà ikbar tagħhom, tista’ titqies li hija dispożizzjoni nazzjonali “aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti [fid-Direttiva 2000/78]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tirrileva ċertu numru ta’ kriterji fattwali li hija tqis rilevanti sabiex tistabbilixxi jekk differenza fit-trattament tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva [2000/78] għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett jew, bil-kontra, fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin jifformaw kriterji distinti billi, minn naħa, dak tar-reliġjon, jinkludi t-twemmin li huwa marbut miegħu u, min-naħa l-oħra, dak tat-twemmin ikun liema jkun?

2)

Fil-possibbiltà fejn l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reliġjon u t-twemmin huma żewġ aspetti tal-istess kriterju protett, dan jostakola li, fuq il-bażi tal-Artikolu 8 tal-istess direttiva u sabiex tipprevjeni tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni, il-qorti nazzjonali tkompli tinterpreta regola tad-dritt intern bħala dik tal-Artikolu 4(4) tal-[Liġi Ġenerali kontra d-Diskriminazzjoni], fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu kriterji protetti distinti?

3)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-regola inkluża fir-regolament tax-xogħol ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli ‘jimmanifestaw bi kwalunkwe mod, la bi kliem, u lanqas b’ilbies, la b’mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikunu liema jkunu’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, meta l-implimentazzjoni konkreta ta’ din ir-regola interna turi li:

a)

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li ma jaderixxi ma’ ebda reliġjon, ma għandu ebda twemmin filosofiku u ebda lealtà politika u li, minħabba dan il-fatt, ma għandu ebda bżonn li juri kwalunkwe sinjal politiku, filosofiku jew reliġjuż?

b)

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li għandu kwalunkwe twemmin filosofiku jew politiku, iżda li l-bżonn li juri dan pubblikament permezz ta’ sinjal (b’konnotazzjonijiet) huwa inqas, jew saħansitra ineżistenti?

c)

ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li jaderixxi ma’ reliġjon oħra, jew saħansitra l-istess waħda, iżda li l-bżonn li juri dan pubblikament permezz ta’ sinjal (b’konnotazzjonijiet) huwa inqas, jekk mhux ineżistenti?

d)

jekk wieħed jitlaq mill-konstatazzjoni li twemmin ma għandux neċessarjament natura reliġjuża, filosofika jew politika u li huwa jista’ tkun ta’ tip ieħor (artistiku, estetiku, sportiv, musikali…), ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà tagħha ta’ reliġjon permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li għandu twemmin ieħor differenti minn dak reliġjuż, filosofiku jew politiku, u li jurih bl-ilbies?

e)

jekk wieħed jitlaq mill-prinċipju li l-aspett negattiv tal-libertà li wieħed juri t-twemmin tiegħu jfisser ukoll li l-individwu ma jistax jiġi obbligat juri l-appartenenza tiegħu jew it-twemmin reliġjuż tiegħu, ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha billi tilbes velu li ma huwiex fih innifsu simbolu ineqwivoku ta’ din ir-reliġjon, peress li ħaddiema oħra tista’ tagħżel li tilbsu għal raġunijiet estetiċi, kulturali jew anki għal raġuni ta’ saħħa u li ma huwiex neċessarjament distint minn sempliċi bandana, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor li juri bi kliem it-twemmin tiegħu reliġjuż, filosofiku jew politiku, peress li għall-ħaddiema li tilbes il-velu dan jimplika ksur iktar fundamentali tal-libertà ta’ reliġjon abbażi tal-Artikolu 9(1) tal-[Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali], peress li, ħlief fil-każ li l-preġudizzji jkunu prevalenti, is-sinifikat reliġjuż permezz ta’ velu ma huwiex ċar u jista’, ħafna drabi, jintwera biss jekk il-persuna li tilbsu tkun obbligata turi l-motivazzjoni tagħha lill-persuna li timpjegaha?

f)

il-ħaddiema li tixtieq teżerċita l-libertà ta’ reliġjon tagħha permezz ta’ sinjal viżibbli (b’konnotazzjonijiet), f’dan il-każ velu, hija ttrattata b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem ieħor tal-istess twemmin li jagħżel li jurih billi jkollu daqna (okkorrenza li ma hijiex manifestament ipprojbita mir-regola interna, bil-kontra għal manifestazzjoni bl-ilbies)?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

24

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “reliġjon jew twemmin” li jinsabu fih jikkostitwixxux raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni jew jekk, għall-kuntrarju, dawn il-kelmiet ikoprux raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti.

25

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jiċċita bl-istess mod “reliġjon” u “twemmin”, l-istess bħal-formulazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 19 TFUE, li jipprovdi li l-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jiġġieled kwalunkwe diskriminazzjoni li tkun ibbażata, b’mod partikolari, fuq “reliġjon jew twemmin”, u l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li jkopri, fost id-diversi raġunijiet ta’ diskriminazzjoni li jiċċita, “reliġjon jew twemmin” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47).

26

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, it-termini “reliġjon” u “twemmin” għandhom jiġu analizzati bħala ż-żewġ aspetti “tal-istess u l-unika raġuni ta’ diskriminazzjoni” (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47).

27

Skont din il-ġurisprudenza, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Karta, ir-raġuni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq “reliġjon jew twemmin” għandha tiġi distinta mir-raġuni bbażata fuq ‘opinjoni politika jew xi opinjoni oħra’ u tkopri għaldaqstant kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 47).

28

Fir-rigward tal-espressjoni “ikunu liema jkunu” użata fir-rigward tat-twemmin imsemmi fit-termini tal-impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ggarantita fid-Direttiva 2000/78 tkopri biss ir-raġunijiet li huma msemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din tal-aħħar la tkopri t-twemmin politiku jew sindakali u lanqas it-twemmin jew preferenzi artistiċi, sportivi, estetiċi jew oħrajn. Il-protezzjoni ta’ dan it-twemmin mill-Istati Membri għalhekk ma hijiex irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

29

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “reliġjon jew twemmin” li jinsab fih jikkostitwixxi raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali.

Dwar it‑tielet domanda

30

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni ta’ termini tal-impjieg ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli jimmanifestaw bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku tagħhom, ikunu liema jkunu, tikkostitwixxi, fir-rigward tal-ħaddiema li jkollhom l-intenzjoni jeżerċitaw il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tagħhom permezz ta’ sinjal viżibbli jew ta’ lbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

31

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li regola interna ta’ impriża li tipprojbixxi biss l-ilbies ta’ sinjali ovvji ta’ daqs kbir partikolarment reliġjużi jew filosofiċi tista’ tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, fil-każijiet fejn dan il-kriterju huwa marbut b’mod inseparabbli ma’ reliġjon jew twemmin partikolari wieħed jew diversi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punti 7273)

32

Madankollu, f’dan il-każ, id-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna regola li ma tipprojbixxi l-ilbies ta’ sinjali ovvji ta’ daqs kbir, iżda l-ilbies ta’ kull sinjal viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol.

33

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li regola interna ta’ impriża privata li tipprojbixxi l-ilbies ta’ kwalunkwe sinjal viżibbli ta’ twemmin politiku, filosofiku jew reliġjuż fuq il-post tax-xogħol ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li hija tirreferi b’mod indifferenti għal kull manifestazzjoni ta’ tali twemmin u tittratta bl-istess mod lill-ħaddiema kollha tal-impriża, billi timponilhom, b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, fost oħrajn, newtralità tal-ilbies li tipprekludi l-ilbies ta’ tali simboli (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punti 3032, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52).

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, peress li kull persuna jista’ jkollha reliġjon jew twemmin reliġjuż, filosofiku jew spiritwali, tali regola, sakemm tiġi applikata b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni, ma tistabbilixxix differenza fit-trattament ibbażata fuq kriterju marbut b’mod inseparabbli mar-reliġjon jew ma’ dawn it-twemmin (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 52).

35

Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret id-dritt għal-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, u li jagħmel parti integrali mill-kuntest rilevanti għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jikkorrispondi għad-dritt iggarantit fl-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għandu l-istess tifsira u l-istess portata bħal dan (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 48). Issa, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon stabbilit fl-Artikolu 9 ta’ din il-konvenzjoni, “jirrapreżenta wieħed mis-sisien tas-‘soċjetà demokratika’ fis-sens [tal-imsemmija] konvenzjoni”, u jikkostitwixxi, “fid-dimensjoni reliġjuża tiegħu, wieħed mill-elementi l-iktar vitali li jikkontribwixxu sabiex tiġi fformata l-identità tat-twemmin u l-perċezzjoni tagħhom tal-ħajja” kif ukoll “xi ħaġa prezzjuża għall-atei, l-anjostiċi, ix-xettiċi jew l-indifferenti”, li tikkontribwixxi għall-“pluraliżmu – mirbuħ matul is-sekli – inerenti għal tali soċjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Qorti EDB, 15 ta’ Frar 2001, Dahlab vs L-Isvizzera, CE:ECHR:2001:0215DEC004239398).

36

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma huwiex allegat li S.C.R.L. ma applikatx it-termini tal-impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni jew li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet ġiet ittrattata b’mod differenti minn kull ħaddiem ieħor li kien wera r-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tiegħu permezz tal-ilbies viżibbli ta’ sinjali, ta’ ħwejjeġ jew bi kwalunkwe mod ieħor.

37

Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li regola interna bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew fuq it-twemmin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jekk jiġi stabbilit, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, li l-obbligu li jidher newtrali inkluż fiha jwassal, fil-fatt, għal żvantaġġ partikolari għall-persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew li għandhom twemmin partikolari (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions, C‑157/15, EU:C:2017:203, punt 34, u tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 59).

38

Konformement mal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78, tali differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix madankollu diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) ta’ din id-direttiva, jekk tkun iġġustifikata oġġettivament minn għan leġittimu, u jekk il-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

39

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ għan leġittimu, ir-rieda ta’ persuna li timpjega li turi, fir-relazzjonijiet mal-klijenti kemm pubbliċi kif ukoll privati, politika ta’ newtralità relatata mal-politika, filosofika jew reliġjuża tista’ titqies bħala leġittima. Fil-fatt, ix-xewqa ta’ persuna li timpjega li turi immaġni ta’ newtralità fil-konfront tal-klijenti hija relatata mal-libertà tal-intrapriża, irrikonoxxuta fl-Artikolu 16 tal-Karta, u hija, fil-prinċipju, ta’ natura leġittima, b’mod partikolari meta l-persuna li timpjega, sabiex jintlaħaq dan l-għan, tinvolvi biss il-ħaddiema li huma mistennija jidħlu f’kuntatt mal-klijenti tal-persuna li timpjega (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 63).

40

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li s-sempliċi rieda ta’ persuna li timpjega li twettaq politika ta’ newtralità, minkejja li tikkostitwixxi, fiha nnifisha, għan leġittimu, ma hijiex biżżejjed, bħala tali, sabiex tiġġustifika b’mod oġġettiv differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, peress li n-natura oġġettiva ta’ tali ġustifikazzjoni tista’ tiġi identifikata biss fil-preżenza ta’ ħtieġa reali ta’ din il-persuna li timpjega, li hija għandha turi (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 64).

41

Din l-interpretazzjoni hija ispirata mix-xewqa li jiġu inkoraġġuti, bħala prinċipju, t-tolleranza u l-osservanza, kif ukoll l-aċċettazzjoni ta’ livell ikbar ta’ diversità u li jiġi evitat abbuż mill-istabbiliment ta’ politika ta’ newtralità fi ħdan l-impriża għad-detriment ta’ ħaddiema li josservaw regoli ta’ kondotta reliġjuża li jimponu li jintlibes ċertu lbies.

42

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tat-termini tal-impjieg ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli juru bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tagħhom, irrispettivament minn liema jkunu, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu jixtiequ jeżerċitaw il-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza tagħhom billi jilbsu sinjal jew ilbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm din id-dispożizzjoni tkun applikata b’mod ġenerali u bla distinzjoni.

Dwar it-tieni domanda

43

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjonijiet nazzjonali intiżi li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li huma interpretati fis-sens li t-twemmin reliġjuż, filosofiku u politiku jikkostitwixxu tliet motivi ta’ diskriminazzjoni distinti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti f’din id-Direttiva”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha.

44

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, minn naħa, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 28 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni ggarantita fid-Direttiva 2000/78 tkopri biss ir-raġunijiet imsemmija b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-imsemmija direttiva ma tkoprix it-twemmin politiku kopert mill-imsemmija domanda.

45

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, il-kelmiet “reliġjon jew twemmin” li jinsabu fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati bħala li jikkostitwixxu raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali.

46

Fid-dawl ta’ dawn il-kjarifiki, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li t-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża, essenzjalment, sabiex tiċċara l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri sabiex jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti fid-Direttiva 2000/78, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva.

47

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li jipproteġu l-libertà tar-reliġjon jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala dispożizzjonijiet iktar favorevoli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, fil-kuntest tal-eżami tan-natura xierqa ta’ differenza fit-trattament ibbażata indirettament fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 90).

48

Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li d-Direttiva 2000/78 tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li jħalli marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-konċiljazzjoni tad-drittijiet u tal-interessi kkonċernati, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-approċċi tagħhom fir-rigward tal-pożizzjoni li huma jagħtu, fi ħdanhom, lir-reliġjon jew lit-twemmin. Il-marġni ta’ evalwazzjoni hekk mogħti lill-Istati Membri fl-assenza ta’ konsensus fuq il-livell tal-Unjoni għandu madankollu jimxi id f’id mal-istħarriġ, impost fuq il-qorti tal-Unjoni, li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri meħuda fuq il-livell nazzjonali humiex iġġustifikati bħala prinċipju u jekk dawn humiex proporzjonati (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet tgħid li l-qafas hekk maħluq juri li, fid-Direttiva 2000/78, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma wettaqx huwa stess il-konċiljazzjoni neċessarja bejn il-libertà tal-ħsieb, tat-twemmin u tar-reliġjon u l-għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati bħala ġustifikazzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) ta’ din id-direttiva, iżda ħalla l-kompitu li jagħmlu din il-konċiljazzjoni lill-Istati Membri u lill-qrati tagħhom (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-Direttiva 2000/78 tippermetti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest rispettiv ta’ kull Stat Membru u li kull wieħed minnhom jingħata marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-konċiljazzjoni neċessarja tad-diversi drittijiet u interessi ikkonċernati, sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn tal-aħħar (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 88).

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-eżami tan-natura neċessarja ta’ projbizzjoni simili għal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, huma l-qrati nazzjonali, fid-dawl tal-elementi kollha tal-proċess ikkonċernat, li għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti u jillimitaw ir-restrizzjonijiet “fuq il-libertajiet inkwistjoni għal dak li huwa strettament neċessarju” (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 83 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jipprekludix li qorti nazzjonali tagħti, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti, importanza ikbar lil dawk tar-reliġjon jew tat-twemmin milli lil dawk li jirriżultaw, b’mod partikolari, mil-libertà tal-intrapriża, sakemm dan jirriżulta mid-dritt intern tagħha. F’każ bħal dan, il-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon tista’ għalhekk tingħata protezzjoni ikbar minn libertajiet oħra, bħal-libertà tal-impriża mogħtija fl-Artikolu 16 tal-Karta, peress li din il-protezzjoni tipproduċi l-effetti tagħha fl-istadju tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għal diskriminazzjoni indiretta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza.

53

Għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali eżaminati f’din il-kawża. Fil-fatt, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-effett li jittrattaw lir-“reliġjon” u lit-“twemmin” bħala raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti.

54

Issa, il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri ma jistax jasal sal-punt li jippermetti lil dawn tal-aħħar jew lill-qrati nazzjonali jaqsmu, f’diversi raġunijiet, wieħed mir-raġunijiet ta’ diskriminazzjoni elenkati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, taħt piena li jiġi kkontestat it-test, il-kuntest u l-iskop ta’ din ir-raġuni u li jiġi ppreġudikat l-effett utli tal-qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol implimentat minn din id-direttiva.

55

Fil-fatt, peress li r-raġuni ta’ diskriminazzjoni li jikkostitwixxu r-“reliġjon jew twemmin” tkopri lill-ħaddiema kollha bl-istess mod, approċċ segmentat ta’ din ir-raġuni, skont l-għan imfittex mir-regola kkonċernata, jkollu l-konsegwenza li joħloq sottogruppi ta’ ħaddiema u b’hekk jippreġudika l-qafas ġenerali favur l-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol stabbilit mid-Direttiva 2000/78.

56

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument li hija tista’, skont il-każ, twassal għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż peress li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jidher li jipprekludi lill-qrati nazzjonali milli jinterpretaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati b’mod li, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi diverġenti bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah, it-twemmin filosofiku u spiritwali jibbenefika mill-istess livell ta’ protezzjoni bħar-reliġjon jew it-twemmin reliġjuż.

57

Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-argument espost mill-qorti tar-rinviju, li l-eżistenza ta’ kriterju uniku, li jinkludi t-twemmin reliġjuż u filosofiku, jkollha l-effett li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq dawn ir-raġunijiet, sa fejn tostakola l-paraguni bejn ħaddiema li jħaddnu twemmin reliġjuż u twemmin filosofiku rispettivament, għandu jiġi ppreċiżat dan li ġej.

58

Minn naħa, hekk kif irrilevat din il-qorti, il-problema ta’ tali komparabbiltà hija rilevanti biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta. Issa, il-preżenza ta’ diskriminazzjoni diretta hija eskluża f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, hekk kif tfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza.

59

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tippreċiża li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni prevista mid-Direttiva 2000/78 ma hijiex limitata biss għad-differenzi fit-trattament li jeżistu bejn persuni li jaderixxu ma’ reliġjon jew twemmin partikolari u dawk li ma jaderixxux ma’ reliġjon jew twemmin partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 49). Fi kliem ieħor, l-eżistenza ta’ kriterju uniku, li jinkludi r-reliġjon u t-twemmin, ma tipprekludix il-paraguni bejn il-ħaddiema li jħaddnu twemmin reliġjuż u dawk li jħaddnu twemmin ieħor, u lanqas dawk bejn ħaddiema li jħaddnu konvinzjonijiet reliġjużi differenti.

60

L-għan imfittex mid-Direttiva 2000/78 jimmilita barra minn hekk favur interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ din id-direttiva fis-sens li din ma tillimitax iċ-ċirku tal-persuni li fir-rigward tagħhom jista’ jsir paragun bl-għan li tiġi identifikata diskriminazzjoni “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għal dawk li ma jaderixxux ma’ reliġjon partikolari jew ma’ twemmin partikolari (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handel, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 50).

61

Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan, f’dak li jirrigwarda l-impjieg u x-xogħol, li tiġġieled kontra l-forom ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2021, Szpital Kliniczny imr. J. Babińskiego Samodzielny Publiczny Zakład Opieki Zdrowotnej w Krakowie, C‑16/19, EU:C:2021:64, punt 34), fejn hu mifhum li diskriminazzjoni “ibbażata fuq” ir-reliġjon jew it-twemmin, fis-sens ta’ din id-direttiva, ma tistax tiġi kkonstatata ħlief meta it-trattament inqas favorevoli jew l-iżvantaġġ partikolari inkwistjoni jkun subit minħabba r-reliġjon jew it-twemmin (sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, WABE u MH Müller Handels, C‑804/18 u C‑341/19, EU:C:2021:594, punt 49).

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li huma interpretati fis-sens li t-twemmin reliġjuż u t-twemmin filosofiku jikkostitwixxu żewġ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti [fl-imsemmija direttiva]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kliem “reliġjon jew twemmin” li jinsab fih jikkostitwixxi raġuni waħda u unika ta’ diskriminazzjoni li tkopri kemm it-twemmin reliġjuż kif ukoll it-twemmin filosofiku jew spiritwali.

 

2)

L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni tat-termini tal-impjieg ta’ impriża li tipprojbixxi lill-ħaddiema milli juru bil-kliem, bl-ilbies jew bi kwalunkwe mod ieħor, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku tagħhom, irrispettivament minn liema jkunu, ma tikkostitwixxix, fir-rigward tal-ħaddiema li jkunu jixtiequ jeżerċitaw il-libertà tar-reliġjon u tal-kuxjenza tagħhom billi jilbsu sinjal jew ilbies b’konnotazzjoni reliġjuża, diskriminazzjoni diretta “bbażata fuq reliġjon jew twemmin”, fis-sens ta’ din id-direttiva, sakemm din id-dispożizzjoni tkun applikata b’mod ġenerali u bla distinzjoni.

 

3)

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali, li huma interpretati fis-sens li t-twemmin reliġjuż u t-twemmin filosofiku jikkostitwixxu żewġ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni distinti, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minn dawk previsti [fl-imsemmija direttiva]”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.