SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Settembru 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq uniku għas-servizzi finanzjarji – Abbuż tas-suq – Insider dealing – Direttiva 2003/6/KE – Artikolu 12(2)(a) u (d) – Regolament (UE) Nru 596/2014 – Artikolu 23(2)(g) u (h) – Setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni tal-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji) (AMF) – Għan ta’ interess ġenerali intiż li jipproteġi l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni Ewropea u l-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji – Possibbiltà għall-AMF li titlob ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma minn operatur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Limitazzjonijiet – Leġiżlazzjoni li tipprevedi ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Possibbiltà, għal qorti nazzjonali, li tillimita l-effetti ratione temporis ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li tikkonċerna dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni – Esklużjoni”

Fil-Kawżi magħquda C‑339/20 u C‑397/20,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ April 2020, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl‑24 ta’ Lulju 2020 u fl‑20 ta’ Awwissu 2020, fil-proċeduri kriminali kontra

VD (C‑339/20),

SR (C‑397/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Arabadjiev, A. Prechal, S. Rodin, I. Jarukaitis u I. Ziemele, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, F. Biltgen, P. G. Xuereb (Relatur), N. Piçarra, L. S. Rossi u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,

Reġistratur: R. Șereș, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VD, minn D. Foussard u F. Peltier, avocats,

għal SR, minn M. Chavannes u P. Spinosi, avocats,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel, E. de Moustier, D. Dubois, J. Illouz u T. Stéhelin, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, minn N. Holst‑Christensen, N. Lykkegaard u M. Søndahl Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan,, minn A. Kalbus u M. Kriisa, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, A. Joyce u J. Quaney, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, BL,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, L. Inez Fernandes, L. Medeiros u I. Oliveira, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg, T. Scharf u F. Wilman, bħala aġenti,

għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn A. Buchta, M. Guglielmetti, C.‑A. Mamier u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑18 ta’ Novembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 367), kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 287, p. 320), moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), u moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra VD u SR minħabba reati ta’ insider dealing, ta’ ħabi ta’ reati ta’ insider dealing, ta’ kompliċità, ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil tal-flus.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 2002/58

3

Il-premessi 2, 6, 7 u 11 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:

“(2)

Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

[…]

(6)

L-Internet qed jaqleb l-istrutturi tas-suq tradizzjonali billi jipprovdi infrastruttura komuni u globali għat-twassil ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament fuq l-Internet jiftħu possibiltajiet ġodda għal min jużahom iżda ukoll riskji ġodda għal data personali u privatezza tagħhom.

(7)

Fil-każ ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni, dispożizzjonijiet speċifiċi legali, regolatorji, u tekniċi għandhom jsiru sabiex ikunu protetti d-drittijiet u libertajiet fondamentali tal-persuni naturali u l-interessi leġittimi tal-persuni legali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna awtomatizzata u l-ipproċessar tad-data li għandha x’taqsam ma’ l-abbonati u l-utenti.

[…]

(11)

Bħad-Direttiva [95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi Komunitarja. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali, [iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċi\jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fil-Komunità.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali.

3.   Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-[Trattat FUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat [UE], u f’ kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il-benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi, fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tiegħu:

“Għandhom jgħoddu […] dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(b) ‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha”.

6

Skont l-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux jaffettwa reġistrazzjoni legalment awtorizzata ta’ komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-trafffiku relatati meta mwettqa fil-kors ta’ prattika tal-kummerċ legali għall-iskop li tiġi pprovduta prova ta’ transazzjoni kummerċjali jew kull komunikazzjoni oħra kummerċjali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill-kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall-għan esklużiv ta’implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il-fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas-soċjetà espliċitament mitlub mill-abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.”

7

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jiddisponi:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.   Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin.

[…]

5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

8

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. […]”

9

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) [TUE].”

Id‑Direttiva 2003/6

10

Il-premessi 1, 2, 12, 37, 41 u 44 tad-Direttiva 2003/6 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Suq waħdieni ġenwin għal servizzi finanzjarji huwa kruċjali għal tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ impjieg fil-Komunità.

(2)

Suq finanzjarju integrat u effiċjenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel ta’ swieq ta’ titoli u kunfidenza pubblika fi swieq huma prerekwiżiti għal tkabbir u ġidekonomiku. L-abbuż tas-suq jaffettwa ħażin l-integrità ta’ swieq finanzjarji u kunfidenza pubblika f’titoli u derivattivi.

[…]

(12)

L-abbuż tas-suq jikkonsisti f’insider dealing u manipulazzjoni tas-suq. Il-mira ta’ leġislazzjoni kontra l-insider dealing hija l-istess bħal dik ta’ leġislazzjoni kontra manipulazzjoni tas-suq: li tiġi assigurata l-integrità ta’ swieq finanzjarji Komunitarji u tissaħħaħ il-kunfidenza ta’ investituri f’dawk is-swieq. […]

[…]

(37)

Sett minimu komuni ta’ għodda u setgħat effettivi għall-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta’ sorveljanza. Impriżi tas-suq u l-atturi ekonomiċi kollha għandhom ukoll jikkontribwixxu fil-livell tagħhom għall-integrità tas-suq. […]

[…]

(41)

Ladarba l-mira ta’ l-azzjoni proposta, l-iktar għall-prevenzjoni ta’ abbuż tas-suq fil-forma ta’ insider dealing u manipulazzjoni tas-suq, ma tistax tintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u tista’ għalhekk, għar-raġuni ta’ l-iskala u l-effetti tal-miżuri, tintlaħaq aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tintlaħaq dik il-mira.

(44)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta] u b’mod partikolari mill-Artikolu 11 tagħha u mill-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea [għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali]. […]”

11

L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji, kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità singola amministrattiva kompetensi biex tassigura li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva huma applikati.

[…]”

12

Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva:

“1.   L-awtorità kompetenti għandha tingġata l-poteri ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni kollha li huma neċesarji għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha […]

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6(7), il-poteri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu eżerċitati in konformità mal-liġi nazzjonali u għandhom jinkludu mill-inqas id-dritt:

(a)

għal aċċess għal kwalunkwe dokument fi kwalunkwe forma, u li jirċievu kopja tiegħu;

[…]

(d)

li jeħtieġu reġistri tat-telefon u tat-traffikar tad-data eżistenti;

[…]”

Ir‑Regolament Nru 596/2014

13

Ir-Regolament Nru 596/2014 ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 2003/6 b’effett mit‑3 ta’ Lulju 2016.

14

Il-premessi 1, 2, 7, 24, 44, 62, 65, 66, 77 u 86 ta’ dan ir-regolament huma fformulati kif ġej:

“(1)

Suq intern ġenwin għas-servizzi finanzjarji huwa kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ impjiegi fl-Unjoni.

(2)

Suq finanzjarju integrat, effiċjenti u trasparenti jeħtieġ integrità tas-suq. Il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tat-titoli u l-kunfidenza pubblika fis-swieq huma prerekwiżiti għat-tkabbir u għall-ġid ekonomiku. L-abbuż tas-suq jolqot ħażin l-integrità tas-swieq finanzjarji u l-kunfidenza pubblika f’titoli u derivati.

[…]

(7)

L-abbuż tas-suq huwa kunċett li jinkludi l-imġiba illegali fis-swieq finanzjarji u, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jkun mifhum li jikkonsisti f’abbuż minn informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq. Imġiba bħal din timpedixxi trasparenza totali u korretta tas-suq, li hija prerekwiżit għan-negozjar għall-atturi ekonomiċi kollha fi swieq finanzjarji integrati.

[…]

(24)

Meta persuna ġuridika jew naturali fil-pussess ta’ informazzjoni privileġġata, takkwista jew iċċedi, jew tipprova takkwista jew iċċedi, għall-akkont tagħha stess jew għall-akkont ta’ parti terza, direttament jew indirettament, strumenti finanzjarji li dik l-informazzjoni tkun relatata magħhom, għandu jiġi implikat li dik il-persuna ‘użat dik l-informazzjoni’. Dik is-suppożizzjoni hija bla preġudizzju għad-drittijiet ta’ difiża. Il-mistoqsija jekk persuna kisritx il-projbizzjoni dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata jew ippruvatx twettaq abbuż minn informazzjoni privileġġata għandha tiġi analizzata għall-fini ta’ dan ir-Regolament, li hu li jipproteġi l-integrità tas-suq finanzjarju u jsaħħaħ il-fiduċja tal-investitur, li hija bbażata, u mbagħad, fuq l-iżgurar li l-investituri se jitqiegħdu fuq l-istess livell u jkunu protetti mill-użu ħażin ta’ informazzjoni privileġġata.

[…]

(44)

Bosta strumenti finanzjarji huma pprezzati b’referenza għall-parametri ta’ referenza. Il-manipulazzjoni reali jew tentattiv ta’ manipulazzjoni tal-parametri ta’ referenza, inklużi r-rati tal-offerti interbankarji, jistgħu jkollhom impatt serju fuq il-fiduċja fis-suq u jistgħu jirriżultaw f’telf sinifikanti għall-investituri jew distorsjoni tal-ekonomija reali. […]

(62)

Sett ta’ għodod u setgħat u riżorsi effettivi għall-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru jiggarantixxi effettività ta’ superviżjoni. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jistipula, b’mod partikolari, sett minimu ta’ setgħat superviżorji u investigattivi li għandhom jiġu fdati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati, fejn il-liġi nazzjonali tkun tirrikjedi dan, permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizjarji kompetenti. […]

[…]

(65)

Rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u [rekords tad-data dwar it-traffiku] minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu u instituzzjonijiet finanzjarji li jeżegwixxu u jiddokumentaw l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet, kif ukoll rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data minn operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, jikkostitwixxu evidenza kruċjali, u kultant anki l-unika evidenza, biex tiġi identifikata u pprovata l-eżistenza ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata u ta’ manipulazzjoni tas-suq. Ir-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data jistgħu jistabbilixxu l-identità ta’ persuna responsabbli għat-tixrid ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, jew li ċerti persuni jkunu ġew f’kuntatt f’ċertu ħin, jew li teżisti relazzjoni bejn tnejn min-nies jew aktar. Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jirrikjedu rekordingst eżistenti tal-konverżazzjonijiet telefoniċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u rekords tat-traffiku tad-data miżmuma minn kumpanija ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja skont id-Direttiva 2014/65/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349, rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116, u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201)]. L-aċċess għad-data u għar-rekords telefoniċi huwa meħtieġ biex tiġi pprovduta evidenza u jiġi investigat ħjiel dwar abbuż possibbli minn informazzjoni privileġġata jew manipulazzjoni possibbli tas-suq, u b’hekk għall-identifikazzjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għallabbuż tas-suq. Sabiex jiġu introdotti kundizzjonijiet indaqs fl-Unjoni f’dak li jirrigwarda l-aċċess għar-rekords eżistenti tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni jew ir-rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi u traffiku ta’ data miżmuma minn kumpanija tal-investiment, istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà, b’konformità mal-liġi nazzjonali, li jitolbu rekords eżistenti tat-telefown jew tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni sakemm ikun permess skont il-liġi nazzjonali u rekordings eżistenti ta’ konverżazzjonijiet telefoniċi kif ukoll traffiku ta’ data miżmuma minn kumpanija ta’ investiment, f’każijiet fejn ikun hemm suspett raġonevoli li tali rekords, marbutin mas-suġġett tal-ispezzjoni jew investigazzjoni, ikunu relevanti bħala prova ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata jew ta’ manipulazzjoni tas-suq bi ksur ta’ dan ir-Regolament. L-aċċess għar-rekords tat-telefown u tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet ma jinkludux l-aċċess għall-kontenut ta’ komunikazzjonijiet vokali bit-telefown.

(66)

Filwaqt li dan ir-Regolament jispeċifika sett minimu ta’ setgħat li għandu jkollhom l-awtoritajiet kompetenti, dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati fi ħdan sistema kompluta ta’ liġi nazzjonali li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali, inkuż id-dritt għall-privatezza. Għall-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, li jista’ jammonta għal interferenzi serji mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u dik tal-familja, id-domiċilju u l-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ salvagwardji adegwati u effikaċi kontra kwalunkwe abbuż, pereżempju, fejn opportun, rekwiżit biex tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel minn awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-possibilità li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw tali setgħat intrusivi sal-punt neċessarju għall-investigazzjoni xierqa ta’ każijiet serji fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ekwivalenti biex effettivament jinkiseb l-istess riżultat.

[…]

(77)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta]. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jkun interpretat u applikat bi qbil ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji. […]

[…]

(86)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li timpedixxi abbuż tas-suq fil-forma ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġata, żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda, minħabba l-iskala u l-effetti teigħu, jista’ jintlaħaq aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.”

15

Skont l-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas regolatorju komuni kontra l-abbuż tal-informazzjoni privileġġata, l-iżvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata, u l-manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) kif ukoll miżuri biex jiġi evitat l-abbuż tas-suq, biex jiżgura l-integrità tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni, u biex itejjeb il-protezzjoni tal-investitur u l-fiduċja f’dawk is-swieq.”

16

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 3 tal-istess regolament jiddisponi, fil-punt 27 tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(27)

‘[rekords tad-data dwar it-traffiku]’ tfisser rekords ta’ traffiku tad-data kif definit fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva [2002/58]”.

17

Skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 596/2014, intitolat “Il-projbizzjoni tal-abbuż minn informazzjoni privileġġata u tal-iżvelar illegali tal-informazzjoni privileġġata”:

“Persuna m’għandhiex:

(a)

tinvolvi ruħha jew tagħmel tentattiv ta’ involviment f’abbuż minn informazzjoni privileġġata;

(b)

tirrakkomanda li persuna oħra tinvolvi ruħha f’abbuż minn informazzjoni privileġġata jew tinduċi lil persuna oħra tinvolvi ruħha f’abbuż minn informazzjoni privileġġata; or

(c)

twettaq żvelar illegali ta’ informazzjoni privileġġata.”

18

L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Mingħajr ħsara għall-kompetenzi tal-awtoritajiet ġudizzjarji, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti amministrattiva waħdanija għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. […]”

19

L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti”, jiddisponi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Sabiex jaqdu d-dmirjiet tagħhom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigatorji li ġejjin:

(a)

li jaċċessaw kwalunkwe dokument jew data fi kwalunkwe forma, jew jirċievu jew jieħdu kopja tiegħu;

[…]

(g)

li jitolbu reġistrazzjonijiet eżistenti ta’ konverżazzjonijiet bit-telefon, komunikazzjonijiet elettroniċi jew [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji;

(h)

li jitolbu, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet, meta jeżisti suspett raġonevoli ta’ ksur u meta li tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ ksur tal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 14 jew l-Artikolu 15;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat superviżorji u investigatorji li jkunu jeħtieġu biex iwettqu dmirijiethom.

[…]”

Id‑dritt Franċiż

Iċ‑CPCE

20

Il-code des postes et des communications électroniques (il-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem, iċ-“CPCE”), kien jiddisponi, fl-Artikolu L. 34‑1 tiegħu:

“I. – Dan l-artikolu għandu japplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku; b’mod partikolari, dan għandu japplika għan-networks responsabbli mill-apparat ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni.

II. – L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u, b’mod partikolari, il-persuni li l-attività tagħhom tikkonsisti f’li joffru aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, għandhom iħassru jew janonimizzaw id-data kollha dwar it-traffiku, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi III, IV, V u VI.

Il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi lill-pubbliku għandhom jistabbilixxu, fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, proċeduri interni li jippermettu li jiġu ssodisfatti t-talbiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Il-persuni li, bħala attività professjonali prinċipali jew anċillari, joffru lill-pubbliku konnessjoni li tippermetti komunikazzjoni online permezz ta’ aċċess għan-network, anki jekk mingħajr ħlas, għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi skont dan l-artikolu.

III. – Għall-finijiet tal-investigazzjoni, il-verifika u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali jew ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu stabbilit fl-Artikolu L. 336‑3 tal-code de la propriété intellectuelle (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali) jew għall-finijiet tal-prevenzjoni ta’ attentati fuq is-sistemi ta’ pproċessar awtomatizzat ta’ data previsti u punibbli fl-Artikoli 323‑1 sa 323‑3‑1 tal-code pénal (il-Kodiċi Kriminali), u bl-uniku għan li jkun possibbli, jekk meħtieġ, it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja jew tal-awtorità għolja msemmija fl-Artikolu L. 331‑12 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali jew tal-awtorità nazzjonali ta’ sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu L. 2321‑1 tal-code de la défense (il-Kodiċi tad-Difiża), l-operazzjonijiet sabiex jitħassru jew jiġu anonimizzati ċerti kategoriji ta’ data teknika jistgħu jiġu posposti għal perijodu massimu ta’ sena. Digriet li għandu jiġi adottat wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), adottat wara parir tal-Awtorità Nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data, għandu jiddetermina, fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu VI, dawn il-kategoriji ta’ data u t-tul taż-żamma tagħhom, skont l-attività tal-operaturi u n-natura tal-komunikazzjonijiet, kif ukoll il-modalitajiet tal-kumpens, jekk ikun il-każ, tal-ispejjeż addizzjonali identifikabbli u speċifiċi tas-servizzi pprovduti f’dan ir-rigward, fuq talba tal-Istat, mill-operaturi.

[…]

VI. – Id-data miżmuma u pproċessata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi III, IV u V tirrigwarda esklużivament l-identifikazzjoni tal-utenti tas-servizzi pprovduti mill-fornituri, il-karatteristiċi tekniċi tal-komunikazzjonijiet ipprovduti minn dawn tal-aħħar u l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali.

Din id-data fl-ebda każ ma għandha tirrigwarda l-kontenut tal-korrispondenzi skambjati jew l-informazzjoni kkonsultata, fi kwalunkwe forma, fil-kuntest ta’ dawn il-komunikazzjonijiet.

Iż-żamma u l-ipproċessar ta’ din id-data għandha ssir b’osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-loi no 78‑17 du 6 janvier1978 relative à l’informatique, aux fichiers et aux libertés (il-Liġi Nru 78‑17 tas‑6 ta’ Jannar 1978 dwar l-Informatika, il-Fajls u l-Libertajiet).

L-operaturi għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jipprevjenu li din id-data tintuża għal finijiet li ma humiex dawk previsti f’dan l-artikolu.”

21

L-Artikolu L. 34‑1 tal-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-loi no 2021‑998 du 30 juillet 2021 relative à la prévention d’actes de terrorisme et au renseignement (il-Liġi Nru 2021‑998 tat‑30 ta’ Lulju 2021 dwar il-Prevenzjoni ta’ Atti ta’ Terroriżmu u s-Servizzi ta’ Informazzjoni (JORF tal‑31 ta’ Lulju 2021, test Nru 1), jipprevedi, fil-paragrafi II bis sa III bis tiegħu:

“II bis. – L-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu:

1° Għall-finijiet tal-proċeduri kriminali, tal-prevenzjoni ta’ theddid kontra s-sigurtà pubblika u tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, l-informazzjoni dwar l-identità ċivili tal-utent, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ ħames snin mit-tmiem tal-validità tal-kuntratt tiegħu;

2° Għall-istess skopijiet bħal dawk stabbiliti fil-punt 1 ta’ dan il-paragrafu II bis, l-informazzjoni l-oħra pprovduta mill-utent waqt il-konklużjoni ta’ kuntratt jew il-ħolqien ta’ kont kif ukoll l-informazzjoni dwar il-ħlas, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena mit-tmiem tal-validità tal-kuntratt tiegħu jew mill-għeluq tal-kont tiegħu;

3° Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità u d-delinkwenza gravi, tal-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika u tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, id-data teknika li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sors tal-konnessjoni jew dik relatata mat-tagħmir terminali użat, sal-iskadenza ta’ terminu ta’ sena mill-konnessjoni jew mill-użu tat-tagħmir terminali.

III. – Għal raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali, meta tiġi kkonstatata theddida serja, attwali jew prevedibbli, kontra din tal-aħħar, il-Prim Ministru jista’ jordna permezz ta’ digriet lill-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu, għal perijodu ta’ sena, ċerti kategoriji ta’ data dwar it-traffiku, flimkien ma’ dawk imsemmija fil-punt 3° tal-paragrafu II bis, u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni speċifikata b’digriet li għandu jiġi adottat wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).

L-ordni tal-Prim Ministru, li l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha ma jistax jaqbeż sena, tista’ tiġġedded jekk il-kundizzjonijiet previsti għall-adozzjoni tagħha jkomplu jiġu ssodisfatti. L-iskadenza tagħha ma għandu jkollha ebda effett fuq it-tul taż-żamma tad-data msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu III.

III bis. – Id-data miżmuma mill-operaturi skont dan l-artikolu tista’ tkun is-suġġett ta’ ordni ta’ żamma rapida mill-awtoritajiet li jkollhom, skont il-liġi, aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet ta’ prevenzjoni u ta’ repressjoni tal-kriminalità, tad-delinkwenza serja u tal-ksur serju ieħor tar-regoli li huma obbligati jiżguraw l-osservanza tagħhom, sabiex huma jaċċedu għal din id-data.”

22

L-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE huwa fformulat kif ġej:

“I. – Skont l-Artikolu L. 34‑1(III), l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu, għall-finijiet tal-investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati:

(a)

l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent;

(b)

id-data relatata mat-tagħmir terminali tal-komunikazzjonijiet użat;

(c)

il-karatteristiċi tekniċi, kif ukoll id-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni;

(d)

id-data relatata mas-servizzi komplimentari mitluba jew użati u l-fornituri tagħhom;

(e)

id-data li tippermetti li jiġu identifikati d-destinatarju jew id-destinatarji tal-komunikazzjoni.

II. – Fil-każ tal-attivitajiet ta’ telefonija, l-operatur għandu jżomm id-data msemmija fit-Taqsima II u, barra minn hekk, dik li tippermetti l-identifikazzjoni tal-oriġini u tal-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni.

III. – Id-data msemmija f’dan l-artikolu għandha tinżamm għal sena mid-data tar-reġistrazzjoni tagħha.

[…]”

Il‑LCEN

23

L-Artikolu 6 tal-Loi no 2004‑575 du 21 juin 2004 pour la confiance dans l’économie numérique (il-Liġi Nru 2004‑575 tal‑21 ta’ Ġunju 2004 għall-Istabbiliment tal-Fiduċja fl-Ekonomija Diġitali (JORF tat‑22 ta’ Ġunju 2004, p. 11168), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“LCEN”) kien jipprevedi:

“I. – 1. Il-persuni li l-attività tagħhom tkun tikkonsisti fl-għoti ta’ aċċess għal servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online għandhom jinformaw lill-abbonati tagħhom dwar l-eżistenza ta’ mezzi tekniċi li jippermettu li l-aċċess għal ċerti servizzi jiġi ristrett jew li dawn is-servizzi jiġu magħżula u għandhom jipproponulhom tal-inqas wieħed minn dawn il-mezzi.

[…]

2. Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jiżguraw, anki mingħajr ħlas, għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online, il-ħażna ta’ sinjali, kitbiet, stampi, ħsejjes jew ta’ messaġġi ta’ kwalunkwe tip ipprovduti minn destinatarji ta’ dawn is-servizzi ma għandhomx jerfgħu responsabbiltà ċivili minħabba l-attivitajiet jew l-informazzjoni maħżuna fuq talba ta’ destinatarju ta’ dawn is-servizzi jekk effettivament ma kellhom l-ebda għarfien tan-natura illegali tal-attivitajiet jew tal-informazzjoni inkwistjoni jew ta’ fatti jew ċirkustanzi li juru n-natura illegali tagħhom, jew jekk, malli saru jafu b’dan huma ħadu azzjoni immedjata sabiex ineħħu dik id-data jew iwaqqfu l-aċċess għaliha.

[…]

II. – Il-persuni msemmija fil-paragrafu I(1) u (2) għandhom iżommu u jippreżervaw id-data b’mod li tkun possibbli l-identifikazzjoni ta’ kull min ikkontribwixxa għall-ħolqien tal-kontenut jew ta’ wieħed mill-kontenuti tas-servizzi li tagħhom huma fornituri.

Huma għandhom jipprovdu lill-persuni li jippubblikaw servizz ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku online b’mezzi tekniċi li jippermettulhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ identifikazzjoni previsti fil-paragrafu III.

L-awtorità ġudizzjarja tista’ teżiġi li l-fornituri msemmija fil-paragrafu I(1) u (2) jikkomunikaw id-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 226‑17, 226‑21 u 226‑22 tal-Kodiċi Kriminali huma applikabbli għall-ipproċessar ta’ din id-data.

Digriet li għandu jiġi adottat wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), adottat wara parir tal-Awtorità Nazzjonali tal-Protezzjoni tad-Data, għandu jiddefinixxi d-data msemmija fl-ewwel paragrafu u jistabbilixxi t-tul u l-modalitajiet taż-żamma tagħha.

[…]”

Iċ‑CMF

24

L-Artikolu L. 621‑10 tal-Code monétaire et financier (il-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem iċ-“CMF”), kien jiddisponi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Meta jkun neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni jew tal-ispezzjoni, l-investigaturi jew l-ispetturi jkunu jistgħu jitolbu li jingħatalhom kwalunkwe dokument fi kwalunkwe format. L-investigaturi jistgħu jitolbu wkoll id-data miżmuma u pproċessata mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-Artikolu L. 34‑1 [taċ-CPCE] u l-fornituri tas-servizzi msemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 6(I) tal-[LCEN] u jirċievu kopja ta’ din id-data.

[…]”

25

Abbażi tal-konsegwenzi tad-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tat-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF mill-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali, Franza) fid-deċiżjoni tiegħu tal‑21 ta’ Lulju 2017, il-leġiżlatur, permezz tal-loi no 2018-898, du 23 octobre 2018, relative à la lutte contre la fraude (il-Liġi Nru 2018‑898 tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Ġlieda kontra l-Frodi) (JORF tal‑24 ta’ Ottubru 2018, test Nru 1), daħħal l-Artikolu L. 621‑10‑2 fil-Kodiċi Monetarju u Finanzjarju, li jipprevedi:

“Għall-investigazzjoni tal-abbużi tas-suq iddefiniti mir-Regolament [Nru 596/2014], l-investigaturi jistgħu jitolbu d-data miżmuma u pproċessata mill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet, bil-kundizzjonijiet u bil-limiti previsti fl-Artikolu L. 34‑1 taċ-[CPCE] u mill-fornituri msemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 6 tal-[LCEN].

Il-komunikazzjoni tad-data msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu għandha tkun suġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel minn kontrollur tat-talbiet tad-data ta’ konnessjoni.

Il-kontrollur tat-talbiet tad-data ta’ konnessjoni għandu jkun, alternattivament, membru tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), attiv jew onorarju, elett mill-assemblea ġenerali tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), u mħallef tal-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni), attiv jew onorarju, elett mill-assemblea ġenerali tal-imsemmija qorti. Is-sostitut tiegħu, mill-qorti l-oħra, għandu jiġi maħtur skont l-istess modalitajiet. Il-kontrollur tat-talbiet tad-data ta’ konnessjoni u s-sostitut tiegħu għandhom jiġu eletti għal perijodu ta’ erba’ snin li ma jistax jiġġedded.

[…]

Il-kontrollur tat-talbiet tad-data ta’ konnessjoni la jista’ jirċievi u lanqas jitlob xi struzzjoni mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji jew minn kwalunkwe awtorità oħra fl-eżerċizzju tal-kompiti tiegħu. Dan huwa marbut bis-sigriet professjonali fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu L. 621‑4 ta’ dan il-kodiċi.

Huwa għandu jiġi adit b’talba motivata mis-Segretarju Ġenerali jew mill-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji. Din it-talba għandha tinkludi l-elementi li jiġġustifikaw il-fondatezza tagħha.

L-awtorizzazzjoni għandha tiġi inkluża fil-fajl tal-investigazzjoni.

L-investigaturi għandhom jużaw id-data kkomunikata mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni u mill-fornituri msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu esklużivament fil-kuntest tal-investigazzjoni li għaliha huma jkunu rċevew l-awtorizzazzjoni.

Id-data ta’ konnessjoni relatata mal-fatti li jkunu s-suġġett ta’ notifiki ta’ lmenti mill-bord tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji għandha tinqered mal-iskadenza ta’ terminu ta’ sitt xhur mid-deċiżjoni definittiva tal-Kummissjoni tas-Sanzjonijiet jew tal-qrati tal-appell. Fil-każ ta’ ftehim amministrattiv, it-terminu ta’ sitt xhur jibda jiddekorri mill-eżekuzzjoni tal-ftehim.

Id-data ta’ konnessjoni relatata ma’ fatti li ma kinux is-suġġett ta’ notifika ta’ lmenti mill-bord tal-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji għandha tinqered mal-iskadenza ta’ terminu ta’ xahar mid-deċiżjoni tal-bord.

Fil-każ ta’ trażmissjoni tar-rapport tal-investigazzjoni lill-prosekutur finanzjarju tar-Repubblika jew fil-każ ta’ tressiq tal-prosekuzzjoni mill-prosekutur finanzjarju tar-Repubblika […], id-data ta’ konnessjoni għandha tintbagħat lill-prosekutur finanzjarju tar-Repubblika u ma għandhiex tinżamm mill-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji.

Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom jiġu stabbiliti b’digriet li għandu jiġi adottat wara konsultazzjoni mal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat).”

Il‑kawżi prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

26

Permezz ta’ att ta’ akkuża tat‑22 ta’ Mejju 2014, inbdiet investigazzjoni ġudizzjarja kontra VD u SR, dwar fatti kklassifikati bħala reat ta’ insider dealing u ta’ ħabi ta’ reati ta’ insider dealing. Din l-informazzjoni ġiet sussegwentement estiża, permezz tal-ewwel att ta’ akkuża supplimentari tal‑14 ta’ Novembru 2014, għar-reat ta’ kompliċità.

27

Fit‑23 u fil‑25 ta’ Settembru 2015, l-Autorité des marchés financiers (l-Awtorità tas-Swieq Finanzjarji, Franza) (AMF) ikkomunikat lill-qorti istruttorja ċerti elementi li hija kellha fil-kuntest ta’ investigazzjoni li hija kienet wettqet skont l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, li jinkludu data personali li toħroġ minn telefonati magħmula minn VD u SR li l-investigaturi tal-AMF kienu ġabru, abbażi tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE, mingħand operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

28

Wara s-senjalazzjoni hekk magħmula mill-AMF, is-suġġett tal-investigazzjoni ġie estiż, permezz ta’ tliet atti ta’ akkuża supplimentari tad‑29 ta’ Settembru 2015, tat‑22 ta’ Diċembru 2015 u tat‑23 ta’ Novembru 2016, għar-reati ta’ korruzzjoni u ta’ ħasil tal-flus.

29

VD u SR tqiegħdu taħt investigazzjoni, rispettivament, fl‑10 ta’ Marzu u fid‑29 ta’ Mejju 2017, minħabba reati ta’ insider dealing u ta’ ħasil tal-flus għall-ewwel wieħed u minħabba reat ta’ insider dealing għat-tieni wieħed.

30

Sa fejn it-tqegħid taħt investigazzjoni rispettiv tagħhom kien ibbażat fuq id-data dwar it-traffiku pprovduta mill-AMF, kull wieħed minn VD u SR ippreżentaw rikors quddiem il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza), billi invokaw, b’mod partikolari, motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. B’mod iktar partikolari, billi bbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza li ħarġet mis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), VD u SR ikkontestaw il-fatt li din l-awtorità bbażat ruħha, sabiex tiġbor l-imsemmija data, fuq l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF u fuq l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE, filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, ma kinux konformi mad-dritt tal-Unjoni, sa fejn dawn kienu jipprevedu żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ konnessjoni u, min-naħa l-oħra, ma kienu jistabbilixxu l-ebda limitu għas-setgħa tal-investigaturi tal-AMF li jkunu jistgħu jitolbu li jingħataw id-data miżmuma.

31

Permezz ta’ żewġ sentenzi tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) tal‑20 ta’ Diċembru 2018 u tas‑7 ta’ Marzu 2019, dik il-qorti ċaħdet ir-rikorsi ta’ VD u ta’ SR. Mill-indikazzjonijiet li jinsabu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, sabiex jiċħdu l-motiv ibbażat, essenzjalment, fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-imħallfin li jiddeċiedu fuq il-mertu bbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-Artikolu 23(2)(h) tar-Regolament Nru 596/2014, dwar l-abbuż tas-suq, jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jitolbu, sa fejn dan ikun awtorizzat mid-dritt nazzjonali, ir-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, meta jkunu jeżistu raġunijiet ta’ suspett ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ insider dealing, skont l-Artikolu 14(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, u meta tali rekords ikunu jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ dan il-ksur.

32

VD u SR ippreżentaw appell minn dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, billi qajmu aggravju bbażat fuq il-ksur, b’mod partikolari, tad-dispożizzjonijiet tal-Karta u tad-Direttiva 2002/58 imsemmija fil-punt preċedenti.

33

Fir-rigward tal-aċċess għad-data ta’ konnessjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi għal deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) tal‑21 ta’ Lulju 2017, li minnha jirriżulta li l-proċedura ta’ aċċess għad-data personali miżmuma mill-investigaturi tal-AMF, kif prevista mid-dritt Franċiż, ma hijiex konformi mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, kif protett mill-Artikolu 2 tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin tal‑1789, billi tenfasizza li, għalkemm il-leġiżlatur nazzjonali kien irriżerva għall-aġenti awtorizzati u suġġetti għall-osservanza tas-sigriet professjonali s-setgħa li jiksbu tali data fil-kuntest ta’ investigazzjoni u ma kienx tahom setgħa ta’ eżekuzzjoni forzata, huwa madankollu ma kien inkluda f’din il-proċedura l-ebda garanzija oħra sabiex jiġi żgurat bilanċ ugwali bejn, minn naħa, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u, min-naħa l-oħra, il-prevenzjoni ta’ ksur tal-ordni pubbliku u l-investigazzjoni tal-awturi ta’ ksur, b’tali mod li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF kellha tiġi ddikjarata li tmur kontra l-Kostituzzjoni Franċiża.

34

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva, minn naħa, li l-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) qies li, fid-dawl tal-konsegwenzi “manifestament eċċessivi” li jista’ jkollu t-tħassir immedjat ta’ din id-dispożizzjoni fuq il-proċeduri pendenti, kien hemm lok li d-data ta’ dan it-tħassir tiġi ddifferita għall‑31 ta’ Diċembru 2018 u, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlatur nazzjonali, li jislet il-konsegwenzi mid-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, daħħal l-Artikolu L. 621‑10‑2 f’dan il-kodiċi.

35

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tfakkar il-kunsiderazzjonijiet li jirriżultaw mill-punt 125 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), tqis li, minn din id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità, fid-dawl tal-posponiment tal-effetti tat-tħassir ta’ din id-dispożizzjoni, ma tistax tirriżulta n-nullità tat-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, applikabbli fiż-żmien tal-fatti fil-kawżi prinċipali. Madankollu, hija tqis li l-possibbiltà li għandhom l-investigaturi tal-AMF taħt din id-dispożizzjoni, li jiksbu data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, ma hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-unika kwistjoni li tqum f’dan ir-rigward hija dik dwar il-possibbiltà li l-effetti tat-tħassir tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF jiġu posposti ratione temporis, minkejja li dan ma huwiex konformi mal-Karta.

37

Fir-rigward taż-żamma tad-data ta’ konnessjoni, il-qorti tar-rinviju tindika qabel kollox li, għalkemm il-paragrafu II tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE jistabbilixxi obbligu bħala prinċipju, li jipprovdi li l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iħassru jew janonimizzaw id-data kollha dwar it-traffiku, dan l-obbligu huwa madankollu suġġett għal numru ta’ eċċezzjonijiet, fosthom dik prevista fil-paragrafu III ta’ din id-dispożizzjoni, dwar il-“finijiet tal-investigazzjoni, tal-konstatazzjoni u tal-prosekuzzjoni tar-reati”. Għal dawn il-finijiet speċifiċi, it-tħassir jew l-anonimizzazzjoni ta’ ċertu data jiġu ddifferiti b’sena.

38

Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ħames kategoriji ta’ data kkonċernati b’mod partikolari mill-kundizzjonijiet iddefiniti fil-paragrafu III tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE huma dawk elenkati fl-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE. Din id-data ta’ konnessjoni tiġi ġġenerata jew ipproċessata wara komunikazzjoni, u tirrigwarda ċ-ċirkustanzi ta’ din il-komunikazzjoni u l-utenti tas-servizz, iżda ma tipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar il-kontenut tal-komunikazzjonijiet ikkonċernati.

39

Sussegwentement, filwaqt li tfakkar il-punt 112 tas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), li jipprovdi li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha li tirrigwarda l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, l-AMF kellha aċċess għad-data miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minħabba li kien hemm suspetti dwar insider dealing u abbuż tas-suq li jistgħu jaqgħu taħt diversi reati serji. Dan l-aċċess kien iġġustifikat min-neċessità għal din l-awtorità, sabiex tiżgura l-effikaċja tal-investigazzjoni tagħha, li twettaq kontroriferiment ta’ data differenti miżmuma għal ċertu perijodu ta’ żmien, sabiex taġġorna l-informazzjoni pprivileġġata skambjata bejn diversi interlokuturi, li rrivelat l-eżistenza ta’ prattiki illegali f’dan il-qasam.

40

Skont il-qorti tar-rinviju, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-AMF jissodisfaw l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u mill-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, moqri fid-dawl tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu li tintalab il-komunikazzjoni tar-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku, miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

41

Barra minn hekk, dik il-qorti tenfasizza, minn naħa, billi tirreferi għall-premessa 65 tal-imsemmi regolament, li din id-data ta’ konnessjoni tikkostitwixxi prova essenzjali, u xi drabi l-unika prova, li tippermetti li tiġi skoperta u pprovata l-eżistenza ta’ insider dealing, peress li din tippermetti li tiġi stabbilita l-identità tal-persuna responsabbli għax-xandir ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, jew li jiġi pprovat li xi persuni kienu f’kuntatt f’mument partikolari.

42

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tiċċita l-premessa 66 tal-istess regolament, li minnha jirriżulta li l-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam finanzjarju jista’ jkun f’kunflitt mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, u li, għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jipprovdu garanziji xierqa u effettivi kontra kull abbuż billi jillimitaw l-imsemmija setgħat biss għall-każijiet fejn ikunu neċessarji għat-twettiq korrett ta’ investigazzjoni ta’ każijiet serji li għalihom dawn l-Istati ma għandhomx mezzi ekwivalenti li jippermettulhom jaslu b’mod effettiv għall-istess riżultat. Fil-fehma tagħha, minn din il-premessa jirriżulta li ċerti każijiet ta’ abbuż tas-suq għandhom jitqiesu li huma ksur serju.

43

Barra minn hekk, dik il-qorti tenfasizza li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, l-informazzjoni pprivileġġata li setgħet tikkaratterizza l-element sostanzjali tal-prattiki illegali fil-qasam tas-suq kienet, essenzjalment, orali u sigrieta.

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konċiljazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u mill-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014.

45

Fl-aħħar nett, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-leġiżlazzjoni dwar iż-żamma tad-data ta’ konnessjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, tqum il-kwistjoni dwar iż-żamma provviżorja tal-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni, sabiex tiġi evitata inċertezza legali u jkun permess li d-data preċedentement miġbura u miżmuma tintuża għall-finijiet tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-insider dealing.

46

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C‑339/20 u C‑397/20:

“1)

L-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva [2003/6], kif ukoll l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament [Nru 596/2014], li ssostitwixxa d-direttiva mit‑3 ta’ Lulju 2016, moqri fid-dawl tal-premessa 65 ta’ dan ir-regolament, ma jimplikawx, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura moħbija tal-informazzjoni skambjata u tal-fatt li membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jkunu affettwati, il-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jobbliga lill-operaturi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaħżnu temporanjament iżda b’mod ġeneralizzat id-data ta’ konnessjoni sabiex, meta jkun hemm raġunijiet ta’ suspett fil-konfront ta’ ċerti persuni li dawn huma involuti f’insider dealing jew f’manipulazzjoni tas-suq, l-awtorità amministrattiva msemmija fl-Artikolu 11 tad-[Direttiva 2003/6] u fl-Artikolu 22 tar-[Regolament Nru 596/2014] tkun tista’ titlob, mingħand l-operatur, ir-rekords eżistenti tad-data dwar it-traffiku fil-każijiet fejn jeżistu raġunijiet ta’ suspett li dawn ir-rekords marbuta mas-suġġett tal-investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti għall-produzzjoni ta’ prova tar-realtà tal-ksur, billi jippermettu, b’mod partikolari, it-traċċar tal-kuntatti stabbiliti mill-persuni kkonċernati qabel ma qamu s-suspetti?

2)

Fil-każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja [għall-ewwel domanda] tkun tali li twassal lill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) sabiex tqis li l-leġiżlazzjoni Franċiża dwar il-ħażna tad-data ta’ konnessjoni ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, jistgħu l-effetti ta’ din il-leġiżlazzjoni jinżammu b’mod provviżorju sabiex tiġi evitata inċertezza legali u sabiex ikun possibbli li d-data miġbura u maħżuna preċedentement tintuża għal wieħed mill-għanijiet imsemmija f’din il-leġiżlazzjoni?

3)

Tista’ qorti nazzjonali żżomm b’mod provviżorju l-effetti ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti lill-aġenti ta’ awtorità amministrattiva indipendenti responsabbli għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet fil-qasam tal-abbuż tas-suq li jiksbu data ta’ konnessjoni mingħajr stħarriġ minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti oħra?”

47

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2020, il-Kawżi C‑339/20 u C‑397/20 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

48

Fil‑21 ta’ April 2021, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) ta s-sentenza French Data Network et (Nru 393099, 394922, 397844, 397851, 424717, 424718), li permezz tagħha huwa ddeċieda b’mod partikolari dwar il-konformità mad-dritt tal-Unjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma rilevanti fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, jiġifieri l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE u l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE.

49

Fuq stedina tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parteċipanti fis-seduta f’dawn il-kawżi kellhom l-opportunità li jagħtu l-perspettiva tagħhom dwar l-effett possibbli ta’ dik is-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) fuq dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari.

50

Ir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż indika, waqt din is-seduta, li, permezz tal-imsemmija sentenza, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat), essenzjalment, iddikjara illegali d-dispożizzjonijiet li jippermettu li tiġi implimentata ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ konnessjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità bl-eċċezzjoni taż-żamma tal-indirizzi IP u tad-data dwar l-identità ċivili tal-utenti tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, u b’hekk silet il-konsegwenzi tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791). Madankollu, huwa speċifika li, fil-kuntest tad-dibattitu kontenzjuż, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kellu wkoll iwieġeb għall-oġġezzjoni tal-Gvern Franċiż li din l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kienet tmur kontra regoli ta’ livell kostituzzjonali, jiġifieri dawk intiżi għall-prevenzjoni ta’ ksur tal-ordni pubbliku, b’mod partikolari tas-sigurtà tal-persuni u tal-beni, u għall-investigazzjoni tal-awturi ta’ reati kriminali.

51

F’dan ir-rigward, ir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż spjega li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) kien ċaħad din l-oġġezzjoni f’żewġ stadji. Minn naħa, huwa ċertament irrikonoxxa li ż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data ta’ konnessjoni kienet kundizzjoni deċiżiva għas-suċċess tal-investigazzjonijiet kriminali u li l-ebda metodu ieħor ma seta’ effettivament jissostitwixxihom. Min-naħa l-oħra, madankollu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) qies, billi bbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-punt 164 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), li ż-żamma rapida tad-data tkun awtorizzata mid-dritt tal-Unjoni anki meta din iż-żamma rapida kienet tirrigwarda data inizjalment miżmuma għall-finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

52

Barra minn hekk, ir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż ippreċiża li, wara s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑21 ta’ April 2021, French Data Network et (Nru 393099, 394922, 397844, 397851, 424717, 424718), il-leġiżlatur nazzjonali kien daħħal il-paragrafu III bis fl-Artikolu L. 34‑1 tal-Kodiċi tal-Posta u Komunikazzjonijiet Elettroniċi, kif imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza.

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

53

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, wara t-tressiq ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ta s-sentenza tal‑21 ta’ April 2021, French Data Network et (Nru 393099, 394922, 397844, 397851, 424717, 424718), li tirrigwarda, b’mod partikolari, il-konformità mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE u tal-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE.

54

Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, u kif jirriżulta wkoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif esposti fil-punti 27, 37 u 38 ta’ din is-sentenza, dawn l-artikoli jikkostitwixxu “dispożizzjonijiet prinċipali” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, li huwa inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

55

Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant tal-Gvern Franċiż, wara li enfasizza l-iżvilupp leġiżlattiv li kien is-suġġett tiegħu l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE wara l-preċiżazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), kif imsemmi fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, indika, essenzjalment, li, sabiex tiddeċiedi t-tilwim fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju għandha, skont il-prinċipju ta’ applikazzjoni tal-liġi ratione temporis stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u taċ-Ċittadin tal‑1789, tieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li jmorru lura għall‑2014 u għall‑2015, b’tali mod li s-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑21 ta’ April 2021, French Data Network et (Nru 393099, 394922, 397844, 397851, 424717, 424718) ma tistax, fi kwalunkwe każ, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-analiżi ta’ dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari.

56

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Winner Wetten, C‑409/06, EU:C:2010:503, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Ir-rifjut li tingħata deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Filipiak, C‑314/08, EU:C:2009:719, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-ewwel u t-tielet domanda ma jikkonċernawx, direttament, l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE u l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE, iżda l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, li abbażi tiegħu l-AMF talbet mingħand l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-komunikazzjoni tad-data dwar it-traffiku relatata ma’ telefonati magħmula minn VD u SR, li abbażi tagħhom dawn tal-aħħar ġew investigati u li l-ammissibbiltà tagħhom bħala provi hija kkontestata fil-proċeduri fil-kawżi prinċipali.

59

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, permezz tat-tieni u tat-tielet domanda magħmula f’dawn il-kawżi, li huma estensjoni tal-ewwel domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni dwar iż-żamma u l-aċċess tad-data ta’ konnessjoni tirriżulta li ma tkunx konformi mad-dritt tal-Unjoni, l-effetti tagħha ma jistgħux madankollu jinżammu provviżorjament, b’mod li tiġi evitata inċertezza legali u li jippermetti li d-data miżmuma abbażi ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun tista’ tintuża għall-finijiet tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni tal-insider dealing.

60

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, kif ukoll ta’ dawk irrilevati mill-Avukat Ġenerali fil-punti 44 sa 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li, indipendentement mis-sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) tal‑21 ta’ April 2021, French Data Network et (Nru 393099, 394922, 397844, 397851, 424717, 424718), kif ukoll mid-deċiżjoni tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Frar 2022 (Nru 2021‑976/977), li ddikjarat bħala parzjalment mhux kostituzzjonali l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE fil-verżjoni tiegħu msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għadha neċessarja r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-kawżi prinċipali.

61

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rappreżentant ta’ VD ikkontesta l-applikabbiltà ratione temporis tar-Regolament Nru 596/2014, billi sostna, essenzjalment, li l-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kienu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, huma biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/6 li huma rilevanti għall-finijiet tal-eżami tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni legali ġdida tapplika sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u jekk hija ma tapplikax għas-sitwazzjonijiet legali li nħolqu u li saru definittivi taħt il-liġi preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għas-sitwazzjonijiet legali ġodda. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività ta’ atti ġuridiċi, is-sitwazzjoni tkun differenti biss jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw b’mod speċjali l-kundizzjonijiet għal applikazzjoni ratione temporis tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B., C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑14 ta’ Mejju 2020, Azienda Municipale AmbienteC‑15/19, EU:C:2020:371, punt 57).

63

Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 26 sa 29 ta’ din is-sentenza, għalkemm is-sitwazzjonijiet legali kkonċernati mill-kawżi prinċipali oriġinaw, fil-fatt, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 596/2014, li ħassar u ssostitwixxa d-Direttiva 2003/6 b’effett mit‑3 ta’ Lulju 2016, il-proċeduri fil-kawżi prinċipali komplew wara dik id-data, b’tali mod li, minn dik id-data, l-effetti futuri ta’ dawn is-sitwazzjonijiet huma, skont il-prinċipju mfakkar fil-punt preċedenti, irregolati mir-Regolament Nru 596/2014.

64

Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 596/2014 huma applikabbli f’dan il-każ. Barra minn hekk, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet evokati mill-qorti tar-rinviju li jirriżultaw mid-Direttiva 2003/6 u mir-Regolament Nru 596/2014, peress li dawn tal-aħħar għandhom portata essenzjalment simili għall-finijiet tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

Fuq l‑ewwel domandi

65

Permezz tal-ewwel domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, u fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri leġiżlattivi bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali li jipprevedu, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmel parti l-insider dealing, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni.

66

Il-partijiet fil-kawżi prinċipali u l-partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja esprimew opinjonijiet diverġenti f’dan ir-rigward. Għall-Gvern Estonjan, għall-Irlanda kif ukoll għall-Gvern Spanjol u dak Franċiż, l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014 jawtorizzaw impliċitament iżda neċessarjament lil-leġiżlatur nazzjonali jistabbilixxi, fir-rigward tal-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, obbligu ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data, sabiex l-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju tkun tista’ tiskopri u tissanzjona l-insider dealing. Peress li, kif jirriżulta mill-premessa 65 tar-Regolament Nru 596/2014, l-imsemmija rekords jikkostitwixxu prova essenzjali, u xi drabi l-unika prova, li tippermetti li tiġi skoperta u pprovata l-eżistenza ta’ insider dealing, tali obbligu ta’ żamma huwa indispensabbli kemm sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet imwettqa mill-imsemmija awtorità, u bl-istess mod, l-effett utli tal-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll tal-Artikolu 23(2)(h) tar-Regolament Nru 596/2014, kif ukoll sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija minn dawn l-istrumenti, li huma intiżi sabiex jiżguraw l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u sabiex tissaħħaħ il-kunfidenza tal-investituri f’dawn is-swieq.

67

VD, SR, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu, għall-kuntrajru, li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn huma limitati li jirregolaw is-setgħa ta’ eżiġenza, mingħand l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-komunikazzjoni tar-rekords “eżistenti” ta’ data dwar it-traffiku miżmuma minn dawn l-operaturi, jirregolaw biss il-kwistjoni tal-aċċess għal din id-data.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti u, b’mod partikolari, l-oriġini ta’ din il-leġiżlazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44).

69

Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel domandi, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li l-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 jirreferi għas-setgħa tal-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju “li [t]eħtie[ġ] reġistri tat-telefon u tat-traffikar tad-data eżistenti”, l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014 jirreferi għas-setgħa ta’ din l-awtorità li titlob, minn naħa, ir-“reġistrazzjonijiet […] ta’ […] [rekords tad-data dwar it-traffiku] miżmuma minn kumpaniji tal-investiment, istituzzjonijiet tal-kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji” u, min-naħa l-oħra, “sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjonijiet”.

70

Issa, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta mingħajr ambigwità li dawn huma limitati li jillimitaw is-setgħa tal-imsemmija awtorità li “[t]eħtie[ġ]”, jew anki li “[t]it[lob]” id-data li dawn l-operaturi għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fatt li jikkorrispondi għal aċċess għal din id-data. Barra minn hekk, ir-riferiment magħmul għar-rekords “eżistenti”, bħal dawk “miżmuma” mill-imsemmija operaturi, jagħti x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jirregola l-possibbiltà, għal-leġiżlatur nazzjonali, li jistabbilixxi obbligu ta’ żamma ta’ tali rekords.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax ikollha r-riżultat li ċċaħħad lill-formulazzjoni ċara u preċiża ta’ din id-dispożizzjoni minn kull effett utli. Għalhekk, meta s-sens ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkun jirriżulta mingħajr ambigwità mill‑formulazzjoni stess tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titbiegħed minn din l-interpretazzjoni (sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2022, VYSOČINA WIND, C‑181/20, EU:C:2022:51, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

L-interpretazzjoni deskritta fil-punt 70 ta’ din is-sentenza hija kkorroborata kemm mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, kif ukoll mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti dawn id-dispożizzjonijiet.

73

Fir-rigward tal-kuntest li jagħmlu parti minnu dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi osservat li, għalkemm, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 596/2014, moqri fid-dawl tal-premessa 62 ta’ dan ir-regolament, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam finanzjarju jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom numru ta’ għodod, ta’ kompetenzi u ta’ riżorsi adegwati, kif ukoll setgħat ta’ sorveljanza u ta’ investigazzjoni neċessarji sabiex jiżguraw l-effikaċja tal-missjonijiet tagħhom, dawn id-dispożizzjonijiet ma jsemmu la xi possibbiltà eventwali għall-Istati Membri li jistabbilixxu obbligu, għal dawn il-finijiet, impost fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li jżommu d-data dwar it-traffiku b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, u lanqas il-kundizzjonijiet li fihom din id-data għandha tinżamm mill-imsemmija operaturi għall-finijiet tat-trażmissjoni tagħha, jekk meħtieġ, lill-awtoritajiet kompetenti.

74

Permezz tal-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 596/2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu biss l-intenzjoni li jagħti lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tal-missjonijiet ta’ investigazzjoni u ta’ sorveljanza tagħha, setgħat klassiċi ta’ investigazzjoni, bħal dawk li jippermettu lil din l-awtorità jkollha aċċess għal dokumenti, twettaq spezzjonijiet u perkwiżizzjonijiet, jew inkella, li tagħti ordnijiet jew projbizzjonijiet kontra persuni ssuspettati li wettqu reati ta’ abbuż tas-suq, fosthom, b’mod partikolari, l-insider dealing.

75

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 596/2014 li jirregolaw speċifikament il-kwistjoni taż-żamma tad-data, jiġifieri l-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 11(5), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 11(6), l-Artikolu 11(8) u l-Artikolu 11(11)(c), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(1), l-Artikolu 18(5) kif ukoll l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, jinkludu tali obbligu ta’ żamma biss fir-rigward tal-operaturi finanzjarji, kif elenkati fl-Artikolu 23(2)(g) tal-imsemmi regolament, u jikkonċernaw, għaldaqstant, biss id-data relatata ma’ tranżazzjonijiet finanzjarji u ma’ servizzi pprovduti minn dawn l-operaturi speċifiċi.

76

Fir-rigward tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li, minn naħa, mill-premessi 2 u 12 tad-Direttiva 2003/6 kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 596/2014, moqri fid-dawl tal-premessi 2 u 24 tiegħu, jirriżulta li dawn l-istrumenti għandhom l-iskop li jiżguraw l-integrità tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni u li jsaħħu l-fiduċja tal-investituri f’dawn is-swieq, fiduċja li hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-fatt li dawn ser jitqiegħdu fuq livell ugwali u jkunu protetti kontra l-użu illegali ta’ informazzjoni pprivileġġata. Il-projbizzjoni ta’ insider dealing stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/6 u fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 596/2014 hija intiża għalhekk li tiżgura l-ugwaljanza bejn il-partijiet kontraenti fi tranżazzjoni fil-Borża billi jiġi evitat li waħda minnhom, li jkollha informazzjoni pprivileġġata u li tkun tinsab, minħabba f’hekk, f’pożizzjoni vantaġġuża meta mqabbla mal-investituri l-oħra, tapprofitta minnha għad-detriment tal-partijiet li ma jkollhomx din l-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2022, Autorité des marchés financiers, C‑302/20, EU:C:2022:190, punti 43, 6577 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

77

Għalkemm, skont il-premessa 65 tar-Regolament Nru 596/2014, ir-rekords tad-data ta’ konnessjoni jikkostitwixxu prova essenzjali u xi drabi l-unika prova li tippermetti li tiġi skoperta u pprovata l-eżistenza ta’ insider dealing jew ta’ manipulazzjoni tas-suq, xorta jibqa’ l-fatt li din il-premessa tirreferi biss għar-rekords “miżmuma” mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, kif ukoll għas-setgħa tal-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju li “[t]it[lob]”, mingħand dawn l-operaturi, il-komunikazzjoni tad-data “eżistenti”. Għalhekk, minn din il-premessa bl-ebda mod ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni, permezz ta’ dan ir-regolament, ried jirrikonoxxi, għall-Istati Membri, is-setgħa li jimponu obbligu ġenerali ta’ żamma tad-data fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

78

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li la d-Direttiva 2003/6 u lanqas ir-Regolament Nru 596/2014 ma jistgħu jiġu interpretati bħala li jistgħu jikkostitwixxu l-bażi legali ta’ obbligu ġenerali ta’ żamma tar-rekords ta’ data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju skont id-Direttiva 2003/6 u r-Regolament Nru 596/2014.

79

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 53 u 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2002/58 tikkostitwixxi l-att ta’ riferiment fil-qasam taż-żamma u, b’mod iktar ġenerali, tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, b’tali mod li l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din id-direttiva tirregola wkoll ir-rekords tad-data dwar it-traffiku miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, li l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam finanzjarju, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 596/2014, jistgħu jitolbu mingħand dawn l-operaturi.

80

Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/58, din tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, liema settur ikopri wkoll is-settur tat-telekomunikazzjonijiet.

81

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku fin-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet fl-Unjoni, inklużi n-networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet responsabbli mill-apparat ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni. Għalhekk, l-imsemmija direttiva għandha titqies bħala li tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ tali servizzi, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, kif isostni, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-legalità tal-ipproċessar tar-rekords miżmuma mill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 12(2)(d) tad-Direttiva 2003/6 u tal-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, għandha ssir fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva 2002/58, kif ukoll tal-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

83

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-punt 27 tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 596/2014, sa fejn dan jipprevedi li r-rekords ta’ data dwar it-traffiku għall-finijiet ta’ dan ir-regolament huma dawk iddefiniti fil-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58.

84

Barra minn hekk, skont il-premessa 44 tad-Direttiva 2003/6, kif ukoll il-premessi 66 u 77 tar-Regolament Nru 596/2014, l-iskopijiet previsti minn dawn l-istrumenti għandhom jiġu segwiti b’rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji stabbiliti mill-Karta, inkluż id-dritt għall-ħajja privata. F’dan ir-rigward, il-leġiżlatur tal-Unjoni indika espliċitament fil-premessa 66 tar-Regolament Nru 596/2014 li, għall-finijiet tal-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, skont dan ir-regolament, li jistgħu jkunu f’kunflitt serju mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jipprevedu salvagwardji adegwati u effettivi kontra kull abbuż, bħal, jekk ikun il-każ, rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw tali setgħat intrusivi biss sal-punt li dawn ikunu neċessarji għall-investigazzjoni xierqa ta’ każijiet serji fejn ma jkun hemm l-ebda mezz ekwivalenti sabiex effettivament jinkiseb l-istess riżultat. Minn dan isegwi li l-applikazzjoni tal-miżuri rregolati mid-Direttiva 2003/6 u mir-Regolament Nru 596/2014 ma tistax, fi kwalunkwe każ, tippreġudika l-protezzjoni tad-data personali mogħtija abbażi tad-Direttiva 2002/58 (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 57, u tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 124 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

85

Konsegwentement, l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jawtorizzawx żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq u, b’mod partikolari, kontra l-insider dealing, peress li l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi tali żamma għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

86

Fir-rigward tal-eżami tal-kompatibbiltà ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta, essenzjalment, minn qari flimkien tal-punti 53, 54 u 58 ta’ din is-sentenza, għalkemm id-dispożizzjoni fil-qalba ta’ dawn ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari hija l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, li abbażi tiegħu l-AMF talbet mingħand l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi t-trażmissjoni tad-data dwar it-traffiku relatata ma’ telefonati magħmula minn VD u SR, li abbażi tagħhom dawn tal-aħħar ġew investigati, xorta jibqa’ l-fatt li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE u l-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE jikkostitwixxu “dispożizzjonijiet prinċipali” fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF.

87

Fil-fatt, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif miġbura fil-qosor fil-punti 27, 37 u 38 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li, minn naħa, l-investigaturi tal-AMF kienu ġabru d-data dwar it-traffiku inkwistjoni abbażi tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, fejn il-paragrafu III tiegħu kien jistabbilixxi ċertu numru ta’ eċċezzjonijiet għall-obbligu bħala prinċipju, previst fil-paragrafu II, li jipprovdi li l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iħassru jew janonimizzaw id-data kollha dwar it-traffiku, fosthom dik dwar il-“finijiet tal-investigazzjoni, il-verifika u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali”. Għal dawn il-finijiet speċifiċi, it-tħassir jew l-anonimizzazzjoni ta’ ċertu data kienu ddifferiti b’sena.

88

Min-naħa l-oħra, din il-qorti tippreċiża li l-ħames kategoriji ta’ data kkonċernati mill-paragrafu III tal-Artikolu L. 34‑1 taċ-CPCE, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, kienu dawk elenkati fl-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE, jiġifieri, l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-utent, id-data relatata mat-tagħmir terminali tal-komunikazzjonijiet użat, il-karatteristiċi tekniċi, kif ukoll id-data, il-ħin u t-tul ta’ kull komunikazzjoni, id-data relatata mas-servizzi komplimentari mitluba jew użati u l-fornituri tagħhom u, fl-aħħar nett, id-data li tippermetti li jiġu identifikati d-destinatarju jew id-destinatarji tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, mill-paragrafu II tal-Artikolu R. 10‑13 taċ-CPCE, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali, jirriżulta li, għall-attivitajiet ta’ telefonija, l-operaturi kkonċernati setgħu wkoll iżommu d-data li tippermetti li tiġi identifikata l-oriġini u l-lokalizzazzjoni tal-komunikazzjoni.

89

Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tkopri l-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni telefonika u tinkludi l-utenti kollha ta’ dawn il-mezzi, mingħajr ma ssir distinzjoni jew eċċezzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, id-data li din il-leġiżlazzjoni tobbliga lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu hija, b’mod partikolari, dik li hija neċessarja sabiex jinstab is-sors ta’ komunikazzjoni u d-destinazzjoni tagħha, sabiex jiġu ddeterminati d-data, il-ħin, it-tul u t-tip tal-komunikazzjoni, sabiex jiġi identifikat it-tagħmir ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll sabiex jiġu llokalizzati t-tagħmir terminali u l-komunikazzjonijiet, li hija data li tinkludi, inter alia, l-isem u l-indirizz tal-utent kif ukoll in-numri tat-telefon tal-persuna li tagħmel it-telefonata u tal-persuna li tirċeviha.

90

B’hekk, minkejja li d-data li għandha, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, tinżamm għal sena, ma tkoprix il-kontenut tal-komunikazzjonijiet ikkonċernati, hija tippermetti, inter alia, li tiġi identifikata l-persuna li magħha l-utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni telefonika jkun ikkomunika u b’liema mezz din il-komunikazzjoni tkun seħħet, li tiġi ddeterminata d-data, il-ħin u t-tul tal-komunikazzjoni kif ukoll il-post li minnu din tkun seħħet, u li ssir magħrufa l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali mingħajr ma tkun neċessarjament ġiet trażmessa komunikazzjoni. Barra minn hekk, din toffri l-possibbiltà li tiġi stabbilita l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet tal-utent ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li din id-data, meħuda fl-intier tagħha, tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi ħafna dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma l-abitudnijiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ residenza permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom. B’mod partikolari, din id-data tipprovdi l-mezzi sabiex jiġi stabbilit il-profil tal-persuni kkonċernati, informazzjoni daqstant sensittiva, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, bħall-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91

Fir-rigward tal-iskopijiet segwiti, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tipprevedi, fost skopijiet oħra, l-investigazzjoni, il-verifika u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali, inklużi dawk relatati mal-abbuż tas-suq li minnhom jagħmel parti l-insider dealing.

92

Fid-dawl tal-elementi esposti fil-punti 86 sa 91 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li permezz tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-leġiżlatur nazzjonali ppreveda, għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-investigazzjoni, tal-verifika u tal-prosekuzzjoni tar-reati kriminali u tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni.

93

Issa, b’mod partikolari mill-punti 140 sa 168 tas-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), kif ukoll mill-punti 59 sa 101 tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et (C‑140/20, EU:C:2022:258), jirriżulta li tali żamma ma tistax tiġi ġġustifikata minn tali għanijiet skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58.

94

Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tobbliga lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmel parti l-insider dealing, li jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni id-data dwar it-traffiku tal-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi, mingħajr ma ssir ebda distinzjoni f’dan ir-rigward jew mingħajr ma jkunu previsti eċċezzjonijiet u mingħajr ma tiġi stabbilita l-konnessjoni meħtieġa, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, bejn id-data li għandha tinżamm u l-għan li għandu jintlaħaq, teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jirrikjedi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal‑Karta (ara, f’dan is-sens, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 81).

95

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domandi fil-Kawżi C‑339/20 u C‑397/20 hija li l-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6 u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament Nru 596/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, u fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmel parti l-insider dealing, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni.

Fuq it‑tieni u t‑tielet domanda

96

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha f’dawn il-kawżi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali tista’ tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li, minn naħa, jobbligaw lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data dwar it-traffiku u, min-naħa l-oħra, jippermettu l-komunikazzjoni ta’ tali data lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Karta.

97

Qabelxejn għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi l-preeminenza tad-dritt tal-Unjoni fuq id-dritt tal-Istati Membri. Dan il-prinċipju, għalhekk, jobbliga lill-istanzi kollha tal-Istati Membri jagħtu l-effett sħiħ tagħhom lid-diversi dispożizzjonijiet tal-Unjoni, u d-dritt tal-Istati Membri ma jistax jaffettwa l-effett irrikonoxxut lil dawn id-dispożizzjonijiet fit-territorju tal-imsemmija Stati. Skont dan il-prinċipju, fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tagħti interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali li jkollha tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha l-obbligu li tiżgura l-effett sħiħ tagħhom billi jekk ikun meħtieġ tħalli mhux applikata, abbażi tal-awtorità tagħha stess, kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, anki jekk tkun ġiet adottata iktar tard, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-proċess leġiżlattiv jew ta’ kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 118 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98

Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li tista’, eċċezzjonalment u għal kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, tagħti sospensjoni provviżorja tal-effett ta’ esklużjoni eżerċitat minn regola tad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tad-dritt nazzjonali li jmur kontriha. Tali limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tingħata biss fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba. Li kieku l-qrati nazzjonali kellhom is-setgħa li jagħtu supremazija lid-dispożizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru, anki fuq bażi provviżorja, is-supremazija u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni tiġi ppreġudikata (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 119 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’kawża li kienet tirrigwarda l-legalità ta’ miżuri adottati bi ksur tal-obbligu, impost mid-dritt tal-Unjoni, li ssir evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett fuq l-ambjent u fuq sit protett, li qorti nazzjonali tista’, jekk id-dritt nazzjonali jkun jippermetti dan, iżżomm, b’mod eċċezzjonali, l-effetti ta’ tali miżuri meta din iż-żamma tkun iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet imperattivi marbuta man-neċessità li tiġi eskluża theddida reali u serja ta’ waqfien tal-provvista tal-elettriku tal-Istat Membru kkonċernat, li ma tistax tiġi ffaċċjata b’mezzi u alternattivi oħra, b’mod partikolari fil-kuntest tas-suq intern, liema żamma tista’ tkopri biss il-perijodu ta’ żmien li huwa strettament neċessarju sabiex tiġi rrimedjata din l-illegalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen, C‑411/17, EU:C:2019:622, punti 175, 176, 179181).

100

Madankollu, kuntrarjament għall-ommissjoni ta’ obbligu proċedurali, bħall-evalwazzjoni minn qabel tal-effetti ta’ proġett, li jaqa’ fil-qasam speċifiku tal-protezzjoni tal-ambjent, ksur tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, ma jistax jiġi rrimedjat permezz ta’ regolarizzazzjoni simili għal dik imsemmija fil-punt preċedenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

101

Fil-fatt, iż-żamma tal-effetti ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali tkun tfisser li din il-leġiżlazzjoni tkompli timponi fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligi li huma kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni u li jinvolvu indħil serju fid-drittijiet fundamentali tal-persuni li d-data tagħhom tkun ġiet miżmuma (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 122 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

102

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 123 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

103

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija ma saritx fis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), kif ukoll tas‑6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et (C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791), b’mod li, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 98 ta’ din is-sentenza, din ma tistax tapplika f’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal dawk is-sentenzi.

104

Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talbiet sabiex provi miksuba minn data dwar it-traffiku jiġu ddikjarati inammissibbli, minħabba li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni, f’dak li jirrigwarda kemm iż-żamma tad-data kif ukoll l-aċċess għaliha, għandu jiġi ddeterminat l-effett tal-konstatazzjoni tal-eventwali inkompatibbiltà tal-Artikolu L. 621‑10 taċ-CMF, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, fuq l-ammissibbiltà tal-provi mqajma kontra VD u SR fil-kuntest tal-proċeduri fil-kawżi prinċipali.

105

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għall-prinċipji mfakkra fil-punti 41 sa 44 tas-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152), li minnhom jirriżulta li din l-ammissibbiltà taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza b’mod partikolari tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

106

Fir-rigward ta’ dan l-aħħar prinċipju, għandu jitfakkar li l-qorti kriminali nazzjonali għandha twarrab informazzjoni u provi li jkunu nkisbu permezz ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew permezz ta’ aċċess mill-awtorità kompetenti għal din id-data bi ksur ta’ dan id-dritt, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti kriminali, jekk dawn il-persuni ma jkunux f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il-provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi), C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għat-tielet domanda f’dawn il-kawżi hija li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li, minn naħa, jobbligaw lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data dwar it-traffiku u, min-naħa l-oħra, jippermettu l-komunikazzjoni ta’ tali data lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Karta. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Fuq l‑ispejjeż

108

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 12(2)(a) u (d) tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq), u l-Artikolu 23(2)(g) u (h) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE, moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009, u fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, b’mod preventiv, għall-finijiet tal-ġlieda kontra r-reati ta’ abbuż tas-suq, li minnhom jagħmel parti l-insider dealing, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku għal sena mill-jum tar-reġistrazzjoni.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li qorti nazzjonali tillimita ratione temporis l-effetti ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità li hija għandha tagħmel, skont id-dritt nazzjonali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li, minn naħa, jobbligaw lill-operaturi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni d-data dwar it-traffiku u, min-naħa l-oħra, jippermettu l-komunikazzjoni ta’ tali data lill-awtorità kompetenti fil-qasam finanzjarju, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti, minħabba l-inkompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-ammissibbiltà tal-provi miksuba bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni taqa’, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, taħt id-dritt nazzjonali, bla ħsara għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il‑Franċiż.