SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

10 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ftehimiet ta’ kreditu għall-konsumatur – Direttiva 2008/48/KE – Riskju ta’ dejn eċċessiv – Artikolu 8 – Obbligu ta’ verifika tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur min-naħa tal-kreditur – Artikolu 23 – Natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjoni fil-każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu”

Fil-Kawża C‑303/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Rejonowy w Opatowie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Settembru 2019, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) SA

vs

KM,

fil-preżenza ta’:

Prokuratura Okręgowa w Kielcach,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) SA, minn W. Kołosza, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin u A. Szmytkowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8 u 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u r-rettifiki fil-ĠU 2009, L 207, p. 14, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40, u fil-ĠU 2011, L 234, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ultimo Portfolio Investment (Luxembourg) SA (iktar ’il quddiem “Ultimo Portfolio Investment”), ċessjonarju ta’ Aasa Polska SA, u KM, persuna fiżika, fir-rigward tal-ħlas ta’ kreditu li jirriżulta minn ftehim ta’ kreditu għall-konsum.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 26 u 47 tad-Direttiva 2008/48 jiddikjaraw:

“(26)

[…] Fis-suq ta’ kreditu li qed jikber huwa, b’mod partikolari, importanti li l-kredituri jiddeżistu milli a jimpenjaw ruħhom f’self irresponsabbli jew jagħtu kreditu qabel ma jivvalutaw l-affidabbilità finanzjarja, u l-Istati Membri għandhom jwettqu s-superviżjoni meħtieġa biex tiġi evitata tali mġieba u għandhom jiddeterminaw il-mezzi meħtieġa biex jissanzjonaw lil kredituri fil-każ fejn dan jiġri. […] [I]l-kredituri għandhom iġorru ir-responsabbiltà li jivverifikaw individwalment is-solvibbiltà tal-konsumatur. Għal dan il-għan huma għandhom ikunu permessi li jużaw informazzjoni provduta mill-konsumatur mhux biss matul it-tħejjija tal-ftehim ta’ kreditu konċernat, iżda anki matul relazzjoni kummerċjali li tkun ilha teżisti. L-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri jistgħu wkoll jagħtu wkoll struzzjonijiet u linji gwida adatti lill-kredituri. Il-konsumaturi għandhom jaġixxu wkoll bi prudenza u jirrispettaw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

[…]

(47)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjoniali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva u jiżguraw li jiġu implimentati. Filwaqt li l-għażla tal-penali tibqa’ fid-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri, il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

4

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligu li tiġi vvalutata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur abbażi ta’ informazzjoni suffiċjenti, fejn ikun il-każ miksuba mill-konsumatur u, fejn ikun meħtieġ, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti. L-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni fil-preżent diġà tirrikjedi li l-kredituri jivvalutaw l-affidabilità finanzjarja tal-konsumaturi fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni tad-database rilevanti jistgħu jżommu dan ir-rekwiżit.”

5

L-Artikolu 23 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Penali”, jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.”

Id-dritt Pollakk

6

L-ustawa o kredycie konsumenckim (il-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum, tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. tal-2011, Nru 126, pożizzjoni 715), ittrasponiet id-Direttiva 2008/48 fid-dritt Pollakk. L-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsum”), jipprovdi:

“1.   Qabel ma jikkonkludi l-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur għandu jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur.

2.   L-affidabbiltà finanzjarja hija evalwata fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-konsumatur jew fuq il-bażi tal-informazzjoni estratta mill-bażijiet ta’ data rilevanti jew mit-tagħrif għad-dispożizzjoni tal-kreditur.

3.   Il-konsumatur għandu jissottometti, fuq talba tal-kreditur, id-dokumenti u l-informazzjoni neċessarja għall-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tiegħu.

4.   Meta l-kreditur ikun bank jew istituzzjoni oħra legalment awtorizzata li tagħti self, l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja ssir konformement mal-Artikolu 70 tal-Liġi tad‑29 ta’ Awwissu 1997 dwar id-dritt bankarju u r-regoli l-oħra applikabbli għal dawn l-entitajiet, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-paragrafi 1 sa 3.”

7

L-Artikolu 24 tal-ustawa – Kodeks Wykroczeń (il-Liġi dwar l-Adozzjoni tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet) tal‑20 ta’ Mejju 1971 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kontravenzjonijiet”) jiddikjara:

“1.   Il-multa hija ta’ bejn 20 sa 5000 zloty [Pollakk (PLN)], sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor.

2.   Meta piena ta’ detenzjoni tissanzjona kontravenzjoni mwettqa bil-għan li jinkiseb gwadann patrimonjali, din tkun akkumpanjata minn multa sakemm l-impożizzjoni ta’ multa ma tkunx xierqa.

3.   Il-multa hija ffissata billi jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul tal-awtur, is-sitwazzjoni personali u familjari tiegħu, is-sitwazzjoni patrimonjali tiegħu u l-prospetti ta’ dħul tiegħu.”

8

Bis-saħħa tal-Artikolu 45(1) ta’ dan il-kodiċi, il-ksur huwa preskritt sena wara li jkun twettaq u meta tkun inbdiet proċedura matul dan il-perijodu, il-ksur jiġi preskritt b’sentejn minn tmiem dan il-perijodu.

9

L-Artikolu 183c tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“1a.   Kull min jikkonkludi ftehim ta’ kreditu għall-konsum ma’ konsumatur mingħajr ma josserva l-obbligu li tiġi evalwata l-affidabbiltà finanzjarja jeħel l-istess sanzjoni (multa).

[…]

4.   Meta l-professjonist ikun entità li ma hijiex persuna fiżika, ir-responsabbiltà prevista fil-paragrafi 1 sa 3 taqa’ fuq id-direttur tiegħu jew fuq il-persuna li għandha s-setgħa tikkonkludi ftehimiet mal-konsumaturi.”

10

Bis-saħħa tal-Artikolu 5 tal-Ustawa – Kodeks cywilny (il-Liġi li Tintroduċi l-Kodiċi Ċivili) tat‑23 ta’ April 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, qorti ċivili tista’, fuq talba ta’ parti jew ex officio, tiċħad it-talbiet tar-rikorrent billi tinvoka d-dispożizzjoni li tissanzjona l-abbuż ta’ dritt.

11

Skont l-Artikolu 320 tal-Ustawa – Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili) tas-17 ta’ Novembru 1964, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali:

“Fil-każijiet partikolarment iġġustifikati, il-qorti tista’ tiddeċiedi t-tqassim f’diversi partijiet tal-eżekuzzjoni tal-provvista ta’ servizz ordnat u, fil-każ ta’ kunsinna ta’ proprjetà immobbli jew ta’ evakwazzjoni ta’ bini, tiffissa data xierqa għall-eżekuzzjoni ta’ din il-provvista ta’ servizz.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, fit‑23 ta’ Mejju 2018, Aasa Polska, stabbilita f’Varsavja (il-Polonja), u KM ikkonkludew ftehim ta’ kreditu għall-konsum. L-ammont ta’ dan il-kreditu kien ta’ PLN 5000 (madwar EUR 1080) u l-ammont totali li kellu jiġi rrimborsat kien jammonta għal PLN 8 626.58 (madwar EUR 1862). Din is-somma kienet komposta mill-kapital misluf, mill-interessi għall-perijodu kollu ta’ validità tal-ftehim, li kienet tammonta għal PLN 536.58 (madwar EUR 115), mill-ispejjeż għall-ipproċessar tal-fajl, li jammontaw għal PLN 2490 (madwar EUR 537), u minn spejjeż amministrattivi li jammontaw għal PLN 600 (madwar EUR 130). Dan is-self kellu jiġi rrimborsat f’24 pagament li kienu jammontaw għal PLN 408 (madwar EUR 88) bejn it‑22 ta’ Ġunju 2018 u t‑22 ta’ Mejju 2020.

13

Il-kreditu li jirriżulta minn dan il-ftehim ġie ċedut minn Aasa Polska lil Ultimo Portfolio Investment, li s-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

14

Fid-data tal-konklużjoni tal-imsemmi ftehim, KM kienet debitriċi tad-dejn li rriżulta minn 23 ftehim ta’ kreditu u ta’ self, li jammontaw għal PLN 261850 (madwar EUR 56500), fejn l-ammont totali tal-pagamenti ta’ kull xahar li jirriżultaw minn dawn id-debiti kien ta’ PLN 8198 (madwar EUR 1770), u l-konjuġi tagħha kienet ukoll debitur tad-dejn li jirriżulta minn 24 ftehim ta’ kreditu u ta’ self. Id-dejn li rriżulta minn dawn il-ftehimiet kollha laħaq is-somma ta’ PLN 457830 (madwar EUR 98840) u l-pagamenti ta’ kull xahar korrispondenti kienu jammontaw għal PLN 9 974.35 (madwar EUR 2153). F’din l-istess data, KM kienet impjegata bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ xogħol u kienet tirċievi salarju ta’ PLN 2300 nett (madwar EUR 500). Il-konjuġi tagħha, li, minħabba raġunijiet ta’ saħħa, ma kienx jaħdem, ma kien jirċievi ebda dħul.

15

Is-Sąd Rejonowy w Opatowie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), adita fl‑4 ta’ April 2019 minn Ultimo Portfolio Investment, ċessjonarja ta’ dejn ta’ PLN 7 139.76 (madwar EUR 1540), flimkien mal-interessi legali, tindika li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż permezz ta’ intermedjarju tal-kreditu u li, qabel il-konklużjoni ta’ dan il-ftehim, Aasa Polska la vverifikat is-sitwazzjoni patrimonjali ta’ KM u lanqas ma vverifikat l-ammont tad-dejn ta’ din tal-aħħar, fejn, matul il-laqgħa qabel il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim, ma saret ebda mistoqsija dwar din is-sitwazzjoni lanqas fir-rigward tal-ammont ta’ dħul u ta’ dejn tal-unità domestika kkonċernata.

16

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, din il-qorti tesponi li, għalkemm fl‑14 ta’ Ġunju 2019 hija ordnat lil Ultimo Portfolio Investment tipprovdilha elementi addizzjonali dwar l-azzjonijiet meħuda mill-kreditur sabiex tevalwa l-affidabbiltà finanzjarja ta’ KM, ebda informazzjoni ma ġiet ikkomunikata lilha dwar dan is-suġġett.

17

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu, il-kreditur jivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur fuq il-bażi ta’ ammont suffiċjenti ta’ informazzjoni, jekk ikun il-każ, ipprovduta minn dan tal-aħħar u, fejn ikun meħtieġ, billi jikkonsulta l-bażi ta’ data xierqa. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’każ ta’ ksur ta’ dan l-obbligu, billi jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Issa, skont din il-qorti, id-dritt Pollakk fis-seħħ ma jiggarantixxix l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti imposti mill-imsemmija direttiva.

18

Għalhekk, l-imsemmija qorti tirrileva li l-Artikolu 138c (1a) u (4) tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet jissanzjona n-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi eżaminata s-solvenza tal-konsumatur biss bl-impożizzjoni tal-multa prevista fl-Artikolu 24 ta’ dan il-kodiċi. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-Artikolu 45 ta’ dan il-kodiċi, din il-multa tiġi preskritta malajr. Hija tindika wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix ir-responsabbiltà ta’ dawk li jsellfu bħala persuni ġuridiċi li jkunu kkonkludew ftehimiet ta’ self, iżda biss dik ta’ persuni fiżiċi, bħall-amministratur jew il-persuna awtorizzata mill-kreditur biex tikkonkludi ftehim mal-konsumaturi.

19

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk is-sanzjoni prevista mill-Kodiċi ta’ Kontravenzjonijiet tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2008/48, u tesprimi dubji dwar in-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva ta’ din is-sanzjoni fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ verifika mill-kreditur tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Opatowie I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Opatów, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Is-sanzjoni għar-responsabbiltà għal kontravvenzjonijiet prevista fl-Artikolu 138c (1[a]) tal-[Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet]) għan-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu tal-evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2008/48] tikkostitwixxi implimentazzjoni xierqa u suffiċjenti tar-rekwiżit ta’ stabbiliment fid-dritt nazzjonali ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonali u dissważivi għall-ksur, min-naħa tal-kreditur, tal-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur impost fuq Stat Membru permezz tal-Artikolu 23 [tal-istess direttiva]?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

21

Ultimo Portfolio Investment u l-Gvern Pollakk jikkunsidraw essenzjalment, prinċipalment, li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju, li hija qorti ċivili, adita b’tilwima f’materji ċivili, ma għandhiex ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi, jekk ikun il-każ, piena ta’ multa kontra kreditur professjonali bis-saħħa il-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet.

22

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali taħt l-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li tkun ser tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi.

23

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Hawnhekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar is-sens u l-portata ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, li tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdilha interpretazzjoni. Il-qorti tar-rinviju, b’mod suffiċjenti u bi preċiżjoni, esponiet iċ-ċirkustanzi ta’ fatt li wasslu għall-kawża prinċipali kif ukoll il-kuntest ġuridiku tal-kawża prinċipali li minnu jirriżulta li d-domanda magħmula ma hijiex ta’ natura ipotetika.

25

Barra minn hekk, għalkemm Ultimo Portfolio Investment u l-Gvern Pollakk isostnu b’mod partikolari li, skont ir-regoli ta’ proċedura Pollakki, qorti ċivili li tiddeċiedi fuq kawża ċivili ma tistax tapplika s-sanzjonijiet previsti mill-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet u li s-sanzjoni stabbilita fl-Artikolu 138c (1a) ta’ dan il-kodiċi tista’ tiġi deċiża biss minn qorti kriminali, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, għandha biss is-setgħa li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-qorti tal-Unjoni Ewropea, minn fatti li huma indikati lilha mill-qorti nazzjonali. Min-naħa l-oħra, hija esklużivament il-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2021, Firma Z, C‑802/19, EU:C:2021:195, punt 37).

26

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżami tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet preskritti f’dan l-artikolu, f’każ, b’mod partikolari, ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi eżaminata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandu jitwettaq billi tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali speċifikament adottata fl-okkażjoni tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

28

Mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, jirriżulta li, qabel il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kreditu, il-kreditur huwa obbligat li jevalwa l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, fejn dan l-obbligu jista’ jinkludi, jekk ikun il-każ, il-konsultazzjoni tal-bażijiet ta’ data rilevanti. Dan l-obbligu huwa intiż ukoll li jirresponsabbilizza lill-kreditur u li jevita li jagħti kreditu lil konsumaturi li ma humiex finanzjarjament affidabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 43; tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Schyns, C‑58/18, EU:C:2019:467, punt 40, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 20).

29

Sa fejn huwa intiż li jipproteġi lill-konsumaturi mir-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza, dan l-obbligu huwa, għal dawn il-konsumaturi, ta’ importanza fundamentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Schyns, C‑58/18, EU:C:2019:467, punt 41, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

L-Artikolu 23 ta’ din id-direttiva jipprevedi, minn naħa, li s-sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva għandha tiġi ddefinita b’mod li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati kif ukoll dissważivi u, min-naħa l-oħra, li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha li huma neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. F’dawn il-limiti, l-għażla tal-imsemmija sistema ta’ sanzjonijiet titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2014, Kušionová, C‑34/13, EU:C:2014:2189, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Minkejja li d-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, f’dan il-każ, l-unika sanzjoni li tirriżulta mill-Artikoli 24 u 138c tal-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet ikkunsidrati flimkien, mill-osservazzjonijiet bil-miktub sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, bla ħsara għal konferma mill-qorti tar-rinviju li d-dritt Pollakk jipprevedi ċertu numru ta’ sanzjonijiet oħra, b’mod partikolari sanzjonijiet ċivili, li l-qrati nazzjonali jistgħu jiddeċiedu f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur.

32

Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li multa tista’ tikkostitwixxi sanzjoni dissważiva, id-dgħufija tal-quantum tagħha tista’ madankollu tirrendi din is-sanzjoni insuffiċjenti. Bl-istess mod, il-fatt li l-persuni fiżiċi biss huma suġġetti għal tali sanzjoni jista’ juri nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2020, Bank BGŻ BNP Paribas, C‑183/18, EU:C:2020:153, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, sabiex sanzjoni tkun effettiva u dissważiva, huwa importanti li dawk li wettqu l-ksur jiġu mċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur li wettqu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, K. M. (Sanzjonijiet imposti fuq il-kaptan tal-bastiment), C‑77/20, EU:C:2021:112, punt 48). Fl-aħħar nett, u fuq kollox, tali sanzjoni ma hijiex ta’ natura li tiżgura b’mod suffiċjentement effettiv il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra r-riskji ta’ dejn eċċessiv u ta’ insolvenza li d-Direttiva 2008/48 tixtieq li tikseb, jekk din ma jkollhiex effett fuq is-sitwazzjoni ta’ konsumatur li lilu jkun ingħata kreditu bi ksur tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 38).

33

Għaldaqstant, fit-tieni lok, jeħtieġ li jitfakkar li, bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, id-direttiva, filwaqt li torbot lil kull Stat Membru destinatarju fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, tħalli f’idejn il-qrati nazzjonali l-kompetenza fir-rigward tal-forma u tal-mezzi (sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 76 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

34

B’hekk, it-traspożizzjoni ta’ direttiva ma tirrikjedix neċessarjament azzjoni leġiżlattiva f’kull Stat Membru. B’mod partikolari, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ prinċipji ġenerali jew ta’ regoli ġenerali tista’ tirrendi superfluwa t-traspożizzjoni permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew regolatorji addizzjonali speċifiċi, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-prinċipji effettivament jiggarantixxu effettivament l-applikazzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva u li, fil-każ fejn id-dispożizzjoni inkwistjoni tal-imsemmija direttiva tkun intiża li toħloq drittijiet għall-individwi, is-sitwazzjoni legali li tirriżulta minn dawn il-prinċipji tkun suffiċjentement preċiża u ċara, u li l-benefiċjarji jingħataw il-possibbiltà li jkunu jafu d-drittijiet kollha tagħhom kif ukoll, jekk ikun il-każ, li jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju, C‑475/08, EU:C:2009:751, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan isegwi li sabiex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali timplimentax b’mod suffiċjenti l-obbligi li jirriżultaw minn direttiva speċifika, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-leġiżlazzjoni adottata speċifikament għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll ir-regoli ġuridiċi kollha disponibbli u applikabbli.

36

B’hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għalkemm l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 jirrikjedi li s-sanzjonijiet ikunu dissważivi, il-qrati għandhom ukoll igawdu minn setgħa diskrezzjonali li tippermettilhom jagħżlu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, il-miżura proporzjonata għall-gravità tan-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu kkonstatat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punt 63, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 26). Għaldaqstant il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u jinterpretawhom, kull fejn huwa possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għan ta’ din id-direttiva, sabiex jiksbu riżultat kompatibbli mal-għanijiet li din tixtieq tilħaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Marzu 2014, LCL Le Crédit Lyonnais, C‑565/12, EU:C:2014:190, punt 54, u tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 41).

37

Peress li l-leġiżlatur nazzjonali, bħal f’dan il-każ, ippreveda, sabiex jissanzjona ksur tal-obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, minbarra sanzjoni mdaħħla fil-Kodiċi tal-Kontravenzjonijiet, sanzjonijiet ta’ dritt ċivili li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumatur ikkonċernat, dawn is-sanzjonijiet għandhom, fid-dawl tal-importanza partikolari mogħtija mid-Direttiva 2008/48 lill-protezzjoni tal-konsumaturi, jiġu implimentati b’osservanza tal-prinċipju ta’ effettività (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, OPR‑Finance, C‑679/18, EU:C:2020:167, punt 39).

38

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, u bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha twettaq, jirriżulta li fost id-dispożizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali hemm ir-revoka tad-dritt għall-interessi, it-tqassim tal-eżekuzzjoni tal-ftehim f’partijiet li ma jipproduċux interessi u n-nullità ta’ ċerti klawżoli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), jew id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, u r-rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).

39

Qabel kollox, fir-rigward tar-revoka tad-dritt għall-interessi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li dan it-tip ta’ sanzjoni, previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jitqies li huwa proporzjonat, fis-sens tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, f’dak li jirrigwarda l-każijiet ta’ ksur, mill-kreditur, ta’ obbligu li għandu importanza essenzjali fil-kuntest ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2016, Home Credit Slovakia, C‑42/15, EU:C:2016:842, punti 69 sa 71 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

40

Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li tiġi vverifikata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2008/48, għandu tali importanza essenzjali.

41

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda t-tqassim tal-eżekuzzjoni tal-ftehim, dan jista’ jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-konsumatur u li jiġi evitat li dan tal-aħħar jiġi espost għal konsegwenzi partikolarment dannużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punti 56, 5859 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fl-aħħar nett, sabiex tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48, il-qorti tar-rinviju tista’ tipproċedi b’applikazzjoni konġunta tagħha mad-Direttiva 93/13, biex twassal, jekk ikun il-każ, għall-konklużjoni li l-klawżoli dwar l-ispejjeż eċċessivi ma jorbtux lill-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Profi Credit Polska, C‑84/19, C‑222/19 u C‑252/19, EU:C:2020:631, punt 97).

43

B’dan il-mod, hija għandha tivverifika jekk l-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista mid-Direttiva 93/13 hijiex inqas vantaġġuża għall-konsumatur minn sempliċi sanzjoni tar-revoka tad-dritt għall-interessi, prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C‑76/10, EU:C:2010:685, punt 77).

44

Fl-istess sens, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-konstatazzjoni tan-natura żleali ta’ prattika kummerċjali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, tikkostitwixxi element fost oħrajn li fuqu l-qorti kompetenti tista’ tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tan-natura inġusta, fis-sens tad-Direttiva 93/13, tal-klawżoli tal-kuntratt relatati ma’ din il-prattika li jinsabu fil-kuntratt li jorbot lill-professjonist mal-konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punt 47, kif ukoll ta’ dik odjerna, BNP Paribas Personal Finance, C‑776/19 sa C‑782/19, punt 76).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżami tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, fil-każ, b’mod partikolari, ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi eżaminata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandu jitwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, mhux biss id-dispożizzjoni adottata speċifikament, fid-dritt nazzjonali, għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, billi dawn jiġu interpretati, kull fejn possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għanijiet tal-istess direttiva, b’tali mod li l-imsemmija sanzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tagħha.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżami tan-natura effettiva, proporzjonata u dissważiva tas-sanzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni, fil-każ, b’mod partikolari, ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li tiġi eżaminata l-affidabbiltà finanzjarja tal-konsumatur prevista fl-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva, għandu jitwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, mhux biss id-dispożizzjoni adottata speċifikament, fid-dritt nazzjonali, għat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, iżda wkoll id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan id-dritt, billi dawn jiġu interpretati, kull fejn possibbli, fid-dawl tal-formulazzjoni u tal-għanijiet tal-istess direttiva, b’tali mod li l-imsemmija sanzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 23 tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.