SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
6 ta’ Ottubru 2021 ( *1 )
“Appell – Servizz pubbliku – Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Remunerazzjoni – Kompetizzjoni – Ugwaljanza fit-trattament bejn kandidati interni u esterni – Klassifikazzjoni fi skala”
Fil-Kawża C‑272/20 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid‑19 ta’ Ġunju 2020,
Sebastian Veit, residenti fi Frankfurt am Main (il-Ġermanja), irrappreżentat minn K. Kujath, Rechtsanwalt,
rikorrent,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn F. von Lindeiner u M. Rötting, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, Rechtsanwalt,
konvenut fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tal-appell tiegħu, Sebastian Veit jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑2 ta’ April 2020, Veit vs BĊE (T‑474/18, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2020:140), li permezz tagħha din ċaħdet it-talba tiegħu bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u fuq l-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tat‑3 ta’ Jannar 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikklassifikah biss fl-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-BĊE tal‑25 ta’ Mejju 2018 li tiċħad l-ilment tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2018”). |
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata
|
2 |
Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 11 tas-sentenza appellata, huma ppreżentati kif ġej. |
|
3 |
Fl‑1 ta’ Ottubru 2015, wara kompetizzjoni, il-BĊE irrekluta lil S Veit għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Ottubru 2015 sat‑30 ta’ Settembru 2018, bħala analista fil-qasam tas-sorveljanza fid-Direttorat Ġenerali (DG) tas-sorveljanza mikroprudenzjali IV. Il-kuntratt tar-rikorrent kien kuntratt għal żmien determinat li, fl-iskadenza tiegħu, seta’ jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat. |
|
4 |
Meta ġie rreklutat, ir-rikorrent ġie kklassifikat, skont l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F skont l-istruttura tas-salarji tal-BĊE. Fi ħdan din il-kategorija, il-BĊE tah l-iskala 70 abbażi tal-esperjenza professjonali preċedenti tiegħu ta’ madwar ħdax-il sena u nofs ma’ Deutsche Bundesbank (il-Bank Federali tal-Ġermanja), li, skont prattika amministrattiva stabbilita bħal dik ikkodifikata f’dokument intitolat “Salary Profonation Guidelines” (Linji Gwida dwar il-proposti ta’ remunerazzjoni), adottat mid-DĠ Riżorsi Umani tal-BĊE fit‑30 ta’ April 2012 (iktar ’il quddiem il-“prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal”), li ġiet ikkalkolata bħala sitt skali għal kull sena ta’ esperjenza professjonali preċedenti relevanti miksuba fuq livell ekwivalenti jew superjuri għal dak tal-funzjoni li kien ser jimla, jiġifieri 6 × 11.5 = 69 skala, li ġew miżjuda mal-ewwel skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F, li jfisser l-iskala 70. |
|
5 |
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni annwali tas-salarji u tal-allowances għall-perijodu mill‑1 ta’ Settembru 2015 sal‑31 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent ingħata erba’ skali addizzjonali u għalhekk laħaq l-iskala 74 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F. |
|
6 |
Fis‑27 ta’ Frar 2017, wara kompetizzjoni, il-BĊE ppromwova temporanjament lir-rikorrent għal kategorija ta’ remunerazzjoni iktar għolja, għall-perijodu mill‑1 ta’ Marzu 2017 sat‑30 ta’ Settembru 2018, bħala superviżur għad-diviżjoni tas-superviżjoni tal-banek importanti IX tad-DĠ sorveljanza mikroprudenzjali II, billi kklassifikatu fl-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. Il-kuntratt tar-rikorrent kien abbażi ta’ dan kuntratt għal żmien determinat li ma setax jinbidel f’kuntratt għal żmien indeterminat. |
|
7 |
Fit‑2 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE ppubblika żewġ avviżi ta’ pożizzjoni vakanti, wieħed indirizzat lil kandidati interni u ieħor indirizzat lil kandidati esterni, li l-kontenut tagħhom kien kważi identiku, għal funzjonijiet ta’ superviżuri bankarji fi ħdan id-DĠ tas-sorveljanza mikroprudenzjali I, fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. Fil-kuntest tal-kompetizzjoni organizzata f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem il-“kompetizzjoni kkonċernata”), il-kandidati interni u esterni pparteċipaw għall-istess proċedura ta’ għażla. |
|
8 |
Peress li l-kandidatura tar-rikorrent intlaqgħet, fit‑3 ta’ Jannar 2018, il-BĊE adotta d-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha huwa ttrasferixxa lir-rikorrent, mill‑1 ta’ Jannar 2018, għal pożizzjoni ta’ superviżur fid-diviżjoni tas-sorveljanza tal-banek importanti I tad-DĠ tas-superviżjoni mikroprudenzjali I, fejn ippromwovieh għall-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G u kklassifikah fl-iskala 17 tagħha. |
|
9 |
Il-klassifikazzjoni tar-rikorrent fl-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G fid-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata fuq l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari Amministrattiva 2/2011 tad‑19 ta’ Lulju 2011 dwar il-promozzjoni (iktar ’il quddiem iċ-“Ċirkolari 2/2011”), li jipprovdi li s-salarju bażiku ta’ kandidat intern promoss għal kategorija ta’ remunerazzjoni ogħla huwa, meta jkun hemm promozzjoni, imqiegħed fl-ewwel skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni li magħha hija marbuta l-pożizzjoni l-ġdida jew miżjuda b’3 %, fejn huwa magħżul l-ogħla ammont. F’dan il-każ, is-salarju bażiku tar-rikorrent li jikkorrispondi għall-pożizzjoni tiegħu ta’ analista fil-qasam tas-sorveljanza, ikklassifikat fl-iskala 74 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F, żdied bi 3 %, peress li dan il-livell jikkorrispondi għall-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. |
|
10 |
Permezz ta’ posta elettronika tat‑8 ta’ Frar 2018, ir-rikorrent talab eżami mill-ġdid prekontenzjuż tad-deċiżjoni kkontestata. Huwa talab, essenzjalment, li jiġi kklassifikat fl-iskala 83 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. |
|
11 |
L-Assistent Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani tal-BĊE ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2018. |
|
12 |
Permezz ta’ posta elettronika tas‑6 ta’ April 2018, ir-rikorrent ressaq ilment. Dan ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-BĊE, li waslet għand ir-rikorrent fis‑6 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri d-deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2018. |
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata
|
13 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Awwissu 2018, l-appellant ippreżenta rikors intiż għall-annullament kemm tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ Mejju 2018. |
|
14 |
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-kandidati interni u l-kandidati esterni li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fi skala. Barra minn hekk, hija rrilevat li peress li l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal dawn il-finijiet ‑ l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011 ġie applikat għal kandidati interni bħar-rikorrent, u l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal li kienu ġew applikati għall-kandidati esterni ‑ tista’ twassal għal riżultati differenti, anki jekk l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tal-kandidati interni u esterni hija l-istess. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata u proporzjonata. |
It-talbiet tal-partijiet
|
15 |
Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
|
16 |
Il-BĊE jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
|
Fuq l-appell
Fuq l-ammissibbiltà
Argumenti tal-partijiet
|
17 |
Il-BĊE jsostni, preliminarjament, li l-appell huwa inammissibbli fl-intier tiegħu minħabba li l-appellant ma għandux interess ġuridiku, peress li l-annullament tas-sentenza appellata ma jistax iwassal għall-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu fl-iskala 83 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. |
|
18 |
F’dan ir-rigward, il-BĊE jsostni li l-argument tal-appellant, li l-BĊE kien obbligat jikklassifikah fl-iskala 83 u mhux fl-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, huwa bbażat fuq suppożizzjoni żbaljata. L-appellant isostni li kemm l-attività li eżerċita preċedentement ma’ Deutsche Bundesbank, li taqa’ taħt il-kategorija medja (“gehobener Dienst”) tal-membri tal-persunal ta’ dan il-bank, li tikkorrispondi għal-livell ta’ analista u li ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni tiegħu fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F matul ir-reklutaġġ tiegħu mill-BĊE bħala analista fil-qasam tas-sorveljanza (“Supervision Analyst”) matul is-sena 2015, kif ukoll l-esperjenza professjonali miksuba fil-kuntest tal-attività tiegħu bħala analista fil-qasam tas-sorveljanza (Supervision Analyst), fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F mal-BĊE, jikkorrispondu b’mod sħiħ għal-livell tal-attività li kien jeżerċita bħala superviżur bankarju (Banking Supervisor) fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G wara l-kompetizzjoni kkonċernata. Għalhekk, l-appellant iqis li din l-esperjenza professjonali, għalkemm inkisbet esklużivament f’kategorija ta’ remunerazzjoni inqas għolja, kellha, fil-kuntest tal-promozzjoni tiegħu, tittieħed inkunsiderazzjoni mill-ġdid għall-kalkolu tas-salarju tiegħu. |
|
19 |
Skont il-BĊE, din is-suppożizzjoni hija ineżatta. Fil-fatt, mill-fajl jirriżulta, mingħajr ma hija neċessarja konstatazzjoni materjali jew evalwazzjoni tal-fatti f’dan is-sens, li esperjenza professjonali miksuba qabel id-dħul fil-kariga u rilevanti għal klassifikazzjoni fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F ma hijiex, bħala prinċipju, ekwivalenti għal esperjenza professjonali rilevanti għal klassifikazzjoni fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. Anki għal din ir-raġuni biss, l-esperjenza professjonali miksuba bħala analista fil-qasam tas-sorveljanza (Supervision Analyst) mal-BĊE ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għal darba oħra għall-klassifikazzjoni tar-rikorrent fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. F’dan il-kuntest, il-BĊE jirreferi għall-kunċett bażiku tal-prattika amministrattiva stabbilita tiegħu għall-kalkolu tas-salarji tal-membri tal-persunal il-ġodda, stabbilita mil-Linji Gwida dwar il-proposti ta’ salarju (Salary Proposal Guidelines), skont liema “bħala regola ġenerali, hija l-esperjenza rilevanti għall-kariga li għandha tiġi eżerċitata u miksuba f’dan il-livell li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni”. |
|
20 |
B’mod iktar speċifiku, il-BĊE jsostni, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-inugwaljanza fit-trattament invokata, li r-riferiment magħmul mill-appellant fil-punti 61 et seq. tas-sentenza appellata ma josservax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 169(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jipprovdi li l-aggravji u l-argumenti ta’ liġi invokati jidentifikaw bi preċiżjoni l-punti tar-raġunijiet tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati. |
|
21 |
Fit-tieni lok, permezz tal-argument li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-valur tal-esperjenza professjonali li l-appellant kien kiseb qabel id-dħul fil-kariga tiegħu mal-BĊE, dan tal-aħħar kien qiegħed jagħmel allegazzjonijiet ta’ fatt manifestament inammissibbli fl-istadju tal-appell. B’mod partikolari, l-argument li l-esperjenza professjonali miksuba mad-Deutsche Bundesbank hija wkoll “rilevanti” għall-klassifikazzjoni tal-persuna kkonċernata wara li l-applikazzjoni tagħha għall-pożizzjoni ta’ superviżur fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G ġiet aċċettata jeħtieġ li din l-esperjenza tiġi kkwalifikata bħala “rilevanti”, fis-sens tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri tal-persunal il-ġodda. Issa, din il-klassifikazzjoni hija ekwivalenti għal evalwazzjoni ta’ fatt li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
|
22 |
Fit-tielet lok, huwa inammissibbli l-argument tal-appellant li permezz tiegħu huwa jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li billi applikat għall-każ inkwistjoni l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, jeżisti riskju li tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn l-istess esperjenza professjonali. Għalhekk, l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli injorat il-fatt li l-esperjenza professjonali tiegħu miksuba mad-Deutsche Bundesbank kellha tiġi kkalkolata darbtejn, minħabba li din kienet “rilevanti”, kemm fil-kuntest tar-reklutaġġ tiegħu fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F kif ukoll, wara l-kompetizzjoni kkonċernata, fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
23 |
Fl-ewwel lok, sa fejn il-BĊE jallega li l-appellant ma għandux interess ġuridiku minħabba li l-annullament tas-sentenza appellata ma jistax iwassal għall-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala 83 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, l-argument tiegħu għandu jiġi miċħud. |
|
24 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, sabiex l-appell jiġi miċħud bħala inammissibbli għar-raġuni invokata mill-BĊE, jeħtieġ li jintwera li r-rikorrent ma kienx jitqiegħed fi skala ogħla fil-każ li fih kienet tiġi applikata, wara l-kompetizzjoni kkonċernata, il-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal. Issa, kif isostni, essenzjalment, il-BĊE stess, il-kwistjoni dwar jekk l-esperjenza professjonali preċedenti tal-appellant tistax tiġi kklassifikata bħala “rilevanti”, fis-sens ta’ din il-prattika, li tipprevedi li l-kandidati jingħataw sitt skali għal kull sena ta’ esperjenza professjonali preċedenti rilevanti miksuba f’livell ekwivalenti jew ogħla minn dak tal-pożizzjoni li għandha timtela, hija kwistjoni ta’ fatt li ma ġietx evalwata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata u li ma tistax tiġi eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell. |
|
25 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sempliċement ikkonstatat li “ma huwiex eskluż” li l-applikazzjoni għall-kandidati interni, bħall-appellant, tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal setgħet twassal għal klassifikazzjoni fi skala ogħla. |
|
26 |
Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, mill-Artikolu 256 TFUE kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal kwistjonijiet ta’ liġi. Il-Qorti Ġenerali hija, għalhekk, unikament kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tagħhom, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
27 |
Għalhekk ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk, fil-każ fejn il-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal kienet ġiet applikata għall-appellant, dan tal-aħħar kienx effettivament jiġi kklassifikat fl-iskala 83 minflok ma jiġi kklassifikat fl-iskala 17 tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G. |
|
28 |
Barra minn hekk, għalkemm talba tal-appellant intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel konstatazzjoni f’dan is-sens jew tordna lill-BĊE jieħu deċiżjoni li tikklassifikah f’din l-iskala 83 kienet tkun effettivament inammissibbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 1984, Angelidis vs Il‑Kummissjoni, 17/83, EU:C:1984:267, punti 14 sa 17), abbażi tal-argument tiegħu dwar dan il-punt, l-appellant ma jagħmilx tali talba, iżda sempliċement jenfasizza l-konsegwenzi li, skontu, jirriżultaw mill-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament imwettaq mill-BĊE u, wkoll, mill-Qorti Ġenerali. Issa, tali argument ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà tal-appell, peress li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq dan il-prinċipju ġenerali u jqajjem għalhekk kwistjoni ta’ liġi. |
|
29 |
Fit-tieni lok, fir-rigward, qabelxejn, tal-argument tal-BĊE espost fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi osservat li l-punt tal-appell li fih hemm riferiment ġenerali għall-punti 61 et seq. tas-sentenza appellata huwa intiż biss sabiex ifakkar parti mill-kontenut ta’ din is-sentenza. Issa, fil-kumplament tal-appell tiegħu, l-appellant jidentifika l-punti speċifiċi tal-imsemmija sentenza fil-kuntest tal-argumenti li huwa jinvoka kontra l-imsemmija punti 61 et seq., jiġifieri l-punti 63 sa 66, 68, 72, 73 u 75 tal-istess sentenza. Għandu jingħad ukoll li l-parti tas-sentenza appellata kkonċernata f’dan il-każ, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament inkwistjoni, tinkludi biss madwar għoxrin punt, b’tali mod li, bl-għajnuna tal-punti speċifiċi ta’ din is-sentenza identifikati mill-appellant fl-appell tiegħu, ebda ambigwità ma tista’ tiġi kkonstatata f’dak li jikkonċerna l-identifikazzjoni tal-punti tal-imsemmija sentenza msemmija minnha. |
|
30 |
Sussegwentement, sa fejn ir-rikorrent jikkritika lill-Qorti Ġenerali li injorat il-valur tal-esperjenza professjonali tiegħu li kiseb qabel id-dħul fis-servizz tiegħu mal-BĊE, huwa jipprova juri li, fid-dawl tal-perijodi twal ta’ impjieg preċedenti rilevanti barra mill-BĊE u tal-perijodu qasir ta’ attività tiegħu mal-BĊE, il-prinċipju li l-parteċipanti f’kompetizzjoni ġenerali jistħoqqilhom trattament ugwali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni (266/83, EU:C:1985:9), kellu jiġi applikat fil-konfront tiegħu. |
|
31 |
B’dan l-argument, l-appellant għalhekk ma jitlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti, iżda jikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam. L-imsemmi argument huwa, għaldaqstant, ammissibbli. |
|
32 |
Fl-aħħar nett, sa fejn jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli qieset, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li billi applikat għall-każ inkwistjoni l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, jeżisti riskju li tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn l-istess esperjenza professjonali, l-appellant ma jikkontestax l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti mill-Qorti Ġenerali bħala tali. Huwa jikkontesta, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tgħid li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jeżiġix li l-istess esperjenza professjonali ta’ kandidat intern tittieħed inkunsiderazzjoni għat-tieni darba, minkejja li, skont il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni inizjali ta’ din l-esperjenza ma jippermettix klassifikazzjoni fi skala ta’ dan il-kandidat daqstant favorevoli bħal dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli applikabbli għall-kandidati esterni. Għaldaqstant, l-argument invokat mill-appellant f’dan ir-rigward huwa ammissibbli. |
Fuq il-mertu
L-argumenti tal-partijiet
|
33 |
Permezz tal-aggravju uniku tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), billi qieset li d-differenza fit-trattament li hija kienet, ġustament, irrilevat fil-punti 52 sa 55 tas-sentenza appellata kienet iġġustifikata abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u kienet proporzjonata mal-għan imfittex minn din id-differenza fit-trattament. |
|
34 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni, l-appellant isostni li, fil-punti 61 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat differenza importanti li teżisti bejn l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal. Fil-fatt, l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tal-kandidati esterni li għaddew mill-kompetizzjoni tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kategorija ta’ remunerazzjoni b’mod prattikament illimitat u twassal għall-klassifikazzjoni fi skala nettament ogħla mill-iskala mogħtija lill-kandidati interni, bħall-appellant. Din id-differenza importanti teżiġi, f’sitwazzjonijiet bħal dik tar-rikorrent, li tiġi applikata l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal. L-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 66 tas-sentenza appellata, fir-rigward tan-natura paragunabbli tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ din il-prattika, ma hijiex konvinċenti f’dan il-każ. |
|
35 |
Skont l-appellant, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, ma għandhiex tiġi applikata l-ġurisprudenza dwar ir-Regolamenti tal-Persunal għal sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-uffiċjali tal-Unjoni għandhom status differenti minn dak tal-membri tal-persunal tal-Unjoni li ma għandhomx il-kwalità ta’ uffiċjal. Fil-każ tal-appellant, din id-differenza fl-istatus, tirriżulta b’mod ċar mill-fatt li, inizjalment, huwa ġie rreklutat biss għal żmien determinat. L-applikazzjoni tal-loġika ġuridika tal-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal, li hija intiża sabiex tiżgura l-ikbar kontinwità possibbli fl-iżvilupp tal-anzjanità u tas-salarju, ma hijiex adattata għall-membri tal-persunal mhux uffiċjali, minħabba l-fatt li dawn jaqgħu taħt status differenti. Dan l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni jikkostitwixxi, għall-membri tal-persunal ikkonċernati, kunsiderazzjoni purament ekonomika. Fi kwalunkwe każ, din ma hijiex ġustifikazzjoni adegwata, fis-sens tal-Artikolu 52(2) tal-Karta. |
|
36 |
Peress li s-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjal u dik tal-membri tal-persunal li ma għandhomx din il-kwalità ma hijiex paragunabbli, huwa inutli li, fil-punti 64, 65, 68 et seq. tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kwalunkwe teħid inkunsiderazzjoni tat-taħriġ u tal-esperjenza professjonali jippermetti li l-kandidati interni jiġu ttrattati b’mod sfavorevoli meta mqabbel mal-kandidati esterni. |
|
37 |
Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali injorat l-esperjenza professjonali rilevanti ta’ ħdax-il sena u nofs li huwa kiseb qabel id-dħul fis-servizz tiegħu mal-BĊE, u li huwa ġie promoss għal pożizzjoni ġdida wara biss sentejn ta’ servizz. Fid-dawl tal-perijodi twal ta’ impjieg preċedenti rilevanti barra mill-BĊE u tal-perijodu qasir ta’ attività tal-appellant mal-BĊE, is-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar kienet iktar paragunabbli ma’ dik tal-kandidati esterni milli ma’ dik tal-kandidati interni. Mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni (266/83, EU:C:1985:9, punt 15), jirriżulta li, f’tali każ, il-prinċipju li l-parteċipanti f’kompetizzjoni ġenerali jistħoqqilhom trattament ugwali għandu jipprevali. |
|
38 |
Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni (273/83, EU:C:1985:31, punt 25), li l-Qorti Ġenerali ssemmi fil-punt 72 tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni esperjenzi professjonali tal-kandidati interni u tal-kandidati esterni li għaddew mill-istess kompetizzjoni permezz ta’ żewġ sistemi distinti ma kienx imur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk iż-żewġ gruppi jiddistingwu ruħhom b’mod oġġettiv u jekk iż-żewġ sistemi kienu adattati għall-bżonnijiet partikolari ta’ kull wieħed minnhom, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-punti 40, 45 u 51 ta’ din l-aħħar sentenza, il-Qorti Ġenerali tasal għall-konklużjoni li l-kandidati interni u esterni li għaddew mill-istess kompetizzjoni jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli, fi kwalunkwe każ f’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni fi skala tagħhom. Ikun kontradittorju li jiġi kkunsidrat li jeżistu differenzi oġġettivi bejn iż-żewġ gruppi kkonċernati. |
|
39 |
Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li, bl-applikazzjoni għall-każ inkwistjoni tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, jeżisti riskju li tittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn l-istess esperjenza professjonali tal-appellant. Huwa ċertament minnu li, fil-mument tar-reklutaġġ inizjali fil-kategorija ta’ remunerazzjoni E/F, l-esperjenza professjonali rilevanti ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni tiegħu fl-iskala 70. Madankollu, fil-kuntest tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, iktar ogħlja u li tikkorrispondi għall-funzjoni li fiha ġie promoss l-appellant, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali wasslet għal klassifikazzjoni fi skala ħafna iktar ogħla. L-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti ttieħdet inkunsiderazzjoni biss b’mod limitat, waqt il-klassifikazzjoni fuq livell iktar baxx, fl-iskala 17. |
|
40 |
Fit-tieni lok, l-appellant jikkontesta l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet mhux biss iġġustifikata, iżda wkoll proporzjonata. |
|
41 |
Il-Qorti Ġenerali semmiet, f’dan ir-rigward, l-għan imfittex mid-differenza fit-trattament inkwistjoni, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-ikbar kontinwità possibbli fl-iżvilupp tal-karriera u tas-salarju tal-membri tal-persunal tal-BĊE. Huwa indika li l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tar-rikorrent kienet ġiet ikkonvertita fil-klassifikazzjoni tiegħu fi skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011. |
|
42 |
Madankollu, il-fatt li, kuntrarjament għal dak li jipprovdi l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod prattikament illimitat għall-kandidati esterni, skont il-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni biss b’mod ħafna inqas għall-kandidati interni, skont l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011, imur kontra n-natura proporzjonata tal-miżura inkwistjoni. It-trattament sfavorevoli li ġie applikat għar-rikorrent meta ġie kklassifikat fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G jirrappreżenta telf ta’ dħul ta’ madwar 15 % meta mqabbel mad-dħul li kien jingħata li kieku kellu l-kwalità ta’ kandidat estern fil-mument tar-reklutaġġ tiegħu. |
|
43 |
Il-BĊE jsostni li l-appell huwa infondat. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
|
44 |
Qabel kollox għandu jiġi osservat li, permezz tal-appell tiegħu, l-appellant ma jikkontestax il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali li, minn naħa, il-kandidati interni u l-kandidati esterni li għaddew mill-kompetizzjoni kkonċernata jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fi skala u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal dawn il-finijiet — peress li l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011 ġie applikat għal kandidati interni, bħall-appellant, u l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal ġiet applikata għall-kandidati esterni – tista’ twassal għal riżultati differenti, filwaqt li l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tal-kandidati interni u tal-kandidati esterni hija identika. |
|
45 |
Min-naħa l-oħra, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta, billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni (266/83, EU:C:1985:9), u tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni (273/83, EU:C:1985:31), kif ukoll tal-Qorti Ġenerali tat‑28 ta’ Settembru 1993, Baiwir et vs Il‑Kummissjoni (T‑103/92 sa T‑105/92, EU:T:1993:79), u tal‑14 ta’ Diċembru 2011, De Luca vs Il‑Kummissjoni (T‑563/10 P, EU:T:2011:746), dwar l-istatus, iddeċidiet li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata u proporzjonata. |
|
46 |
Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku Komunitarju, meta żewġ kategoriji ta’ persuni, li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt tagħhom ma jkollhom ebda differenza essenzjali, jirċievu trattament differenti waqt ir-reklutaġġ tagħhom u li dan it-trattament ma huwiex oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Angé Serrano et vs Il‑Parlament, C‑496/08 P, EU:C:2010:116, punt 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
|
47 |
Fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal dwar il-klassifikazzjoni fi skala ta’ uffiċjal fis-servizz maħtur f’impjieg ġdid wara kompetizzjoni ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolamenti tal-Persunal ma jinkludux speċifikament dispożizzjonijiet li jirregolaw din il-klassifikazzjoni. Skont interpretazzjoni purament testwali, minn naħa, il-passaġġ ta’ uffiċjal f’impjieg attiv minn kategorija għal oħra ma tikkostitwixxix “reklutaġġ”, għall-finijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan l-uffiċjal diġà ġie rreklutat preċedentement, u, min-naħa l-oħra, din is-silta lanqas ma tikkostitwixxi “promozzjoni”, għall-finijiet tal-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tali ħatra ma ssegwix il-proċeduri li r-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu sabiex jirregolaw il-promozzjoni tal-uffiċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk interpretat dawn id-dispożizzjonijiet billi ħadet inkunsiderazzjoni l-kuntest li jaqgħu fih u l-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni, 266/83, EU:C:1985:9, punt 13, u tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punt 18). |
|
48 |
B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż, b’mod partikolari, sabiex jagħti lill-Awtorità tal-Ħatra l-possibbiltà li tieħu inkunsiderazzjoni, minkejja li f’limiti pjuttost stretti, taħriġ u esperjenza professjonali miksuba mill-kandidat qabel id-dħul tiegħu fis-servizz bħala uffiċjal (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punt 20). |
|
49 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu b’mod partikolari l-għan li jiżgura, matul l-iżvolġiment tal-karriera ta’ uffiċjal, l-ikbar kontinwità possibbli fl-iżvilupp tal-anzjanità tiegħu u tas-salarju tiegħu. In-neċessità ta’ tali dispożizzjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mill-fatt li, skont it-tabella tas-salarji bażiċi, is-salarji relatati mal-ogħla skali ta’ grad u dawk relatati mal-iskali l-iktar għolja tal-grad ogħla huma koperti parzjalment. Issa, l-istess sovrapożizzjoni parzjali teżisti bejn il-kategoriji differenti. Sabiex jiġi evitat li uffiċjal ta’ wieħed mill-iktar gradi għolja ta’ kategorija jsofri telf, xi drabi kbir, ta’ anzjanità u ta’ salarju meta mqabbel mal-kollegi tiegħu waqt il-mogħdija tiegħu għall-kategorija ogħla, huwa għalhekk neċessarju li jiġu applikati fil-konfront tiegħu l-prinċipji previsti fl-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punti 21 u 22). |
|
50 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk stabbilixxiet il-prinċipju li l-klassifikazzjoni fi skala ta’ uffiċjal li jgħaddi minn kategorija għal oħra wara kompetizzjoni ġenerali għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal u mhux fuq dawk imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 32 tagħhom (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punt 23). |
|
51 |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat l-eżistenza ta’ derogi minn dan il-prinċipju, sa fejn iċ-ċirkustanzi fattwali tal-każ inkwistjoni jiġġustifikaw li l-ħatra tal-uffiċjal ikkonċernat tiġi assimilata ma’ reklutaġġ, skont l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-preżenza ta’ tali ċirkustanzi, għandu jipprevali l-prinċipju li l-parteċipanti għal kompetizzjoni ġenerali għandu jkollhom trattament ugwali fuq in-neċessità li tiġi osservata l-ugwaljanza bejn l-uffiċjal li għadda minn kompetizzjoni ġenerali u l-uffiċjali l-oħra diġà rreklutati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni, 266/83, EU:C:1985:9, punti 12 u 15, kif ukoll tal‑14 ta’ Ġunju 1988, Lucas vs Il‑Kummissjoni, 47/87, EU:C:1988:301, punt 14). |
|
52 |
Sa fejn l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli applikat għas-sitwazzjoni tiegħu l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti Ġenerali dwar l-istatus, għandu jitfakkar, l-ewwel, li, fil-punt 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal ma humiex direttament applikabbli għall-persunal tal-BĊE. Madankollu, hija ġustament qieset, fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, li l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom hija bbażata r-rabta bejn l-Artikoli 32 u 46 tar-Regolamenti tal-Persunal huma paragunabbli ma’ dawk sottostanti għar-rabta bejn il-prassi amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal u l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011. |
|
53 |
Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 66, kemm fil-każ tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati f’dan il-każ, għandu jiġi ddeterminat jekk il-klassifikazzjoni fi skala ta’ membru tal-persunal f’attività maħtura f’impjieg ġdid wara kompetizzjoni ġenerali għandhiex tiġi rregolata kemm mid-dispożizzjonijiet dwar ir-reklutaġġ, jiġifieri mill-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jew, bħal f’dan il-każ, mill-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni, jiġifieri l-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal jew, bħal f’dan il-każ, l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011. |
|
54 |
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat fil-punt 57 tas-sentenza appellata, mingħajr ma l-appellant wera żball ta’ liġi jew żnaturament tal-punti ta’ fatt jew ta’ prova f’dan ir-rigward, li l-għan sottostanti tal-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011 jikkonsisti f’li jiġi żgurat, matul l-iżvolġiment normali tal-karriera ta’ aġent f’attività mal-BĊE, l-ikbar kontinwità possibbli fl-iżvilupp tas-salarju tiegħu, għan li huwa, għaldaqstant, paragunabbli ma’ dak segwit fl-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal. |
|
55 |
Barra minn hekk, kif fakkret ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 59 tas-sentenza appellata, it-tagħlim li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u minn dik tal-Qorti Ġenerali dwar l-Istatut huwa f’dan il-każ rilevanti sa fejn jikkonċerna l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta u applikabbli, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi kollha tal-Unjoni, inkluż il-BĊE. |
|
56 |
It-tieni, il-fatt li r-rikorrent ma kienx jibbenefika diġà minn kuntratt għal żmien indeterminat konkluż mal-BĊE meta huwa għadda mill-kompetizzjoni kkonċernata huwa irrilevanti għall-fatt li, minn naħa, kif ġie espost fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, l-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011, li ttieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fi skala tar-rikorrent fil-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G, jikkonsisti f’li tiġi żgurata, matul l-iżvolġiment normali tal-karriera ta’ aġent f’attività mal-BĊE, l-ikbar kontinwità possibbli fl-evoluzzjoni tas-salarju tiegħu u, min-naħa l-oħra, dan l-għan huwa paragunabbli ma’ dak intiż mill-Artikolu 46 tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli għall-uffiċjali attivi mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. |
|
57 |
It-tielet, ċertament, l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jillimita l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza preċedenti tar-reklutati l-ġodda, filwaqt li l-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal ma tidhirx li timponi tali limitu għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza preċedenti rilevanti tal-membri l-ġodda tal-persunal tal-BĊE. Madankollu, id-differenzi fil-modalitajiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti skont l-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u abbażi ta’ din il-prattika jirriżultaw mill-karatteristiċi partikolari ta’ kull waħda minn dawn is-sistemi, li ma għandhomx ikunu identiċi minn kull aspett sabiex il-loġika legali li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar waħda minn dawn l-iskemi titqies li hija applikabbli, b’analoġija, għas-sistema l-oħra. |
|
58 |
F’dak li jirrigwarda l-mod kif il-Qorti Ġenerali applikat, f’dan il-każ, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u dik tal-Qorti Ġenerali dwar l-Istatut, mill-evalwazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari fil-punti 67, 69 u 70 tas-sentenza appellata, tad-data inkluża fil-proċess, mingħajr ma ġie pprovat żnaturament mill-appellant f’dan ir-rigward, jirriżulta li l-esperjenza professjonali preċedenti kollha li huwa sostna fl-ewwel istanza, jiġifieri kemm l-esperjenza professjonali rilevanti preċedenti tiegħu kif ukoll l-esperjenza professjonali tiegħu wara li beda jaħdem mal-BĊE, kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni fil-klassifikazzjoni fi skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011. |
|
59 |
Ċertament, kif jirriżulta mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, li ma huwiex eskluż li l-applikazzjoni għall-kandidati interni, bħall-appellant, tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, minflok l-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011, setgħet twassal għal klassifikazzjoni fi skala ogħla. |
|
60 |
Madankollu, kif fakkret b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 72 tas-sentenza appellata, il-fatt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-esperjenzi professjonali tal-kandidati interni u tal-kandidati esterni li għaddew mill-istess kompetizzjoni permezz ta’ żewġ sistemi distinti ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jekk iż-żewġ gruppi jiddistingwu ruħhom b’mod oġġettiv u jekk iż-żewġ sistemi huma adattati għall-bżonnijiet partikolari ta’ kull wieħed minnhom (sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punt 25). |
|
61 |
Dan japplika, b’mod partikolari, meta l-esperjenzi professjonali miksuba mill-kandidati interni qabel id-dħul fis-servizz tagħhom mal-istituzzjoni, mill-korp jew mal-organu tal-Unjoni kkonċernat ikunu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni matul ir-reklutaġġ tagħhom, l-esperjenzi professjonali tagħhom miksuba fi ħdan din l-istituzzjoni, ta’ dan il-korp jew ta’ dan l-organu li, barra minn hekk, ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll matul il-progress fl-iskala jew fil-promozzjonijiet tagħhom. F’tali każ, ma huwa bl-ebda mod diskriminatorju li tiġi vvalorizzata l-esperjenza professjonali miksuba mill-kandidati esterni billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet fil-qasam ta’ reklutaġġ, filwaqt li l-esperjenzi professjonali miksuba mill-kandidati interni jibqgħu rrikonoxxuti bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-kontinwità fl-evoluzzjoni tas-salarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni, 273/83, EU:C:1985:31, punti 24 sa 26). |
|
62 |
Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 75 tas-sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament inkwistjoni f’din il-kawża bejn, minn naħa, l-appellant, bħala kandidat intern li għadda mill-kompetizzjoni kkonċernata, u, min-naħa l-oħra, il-kandidati esterni li għaddew minnha, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fi skala tagħhom, hija ġġustifikata abbażi tal-għan imfittex mill-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata, matul l-iżvolġiment normali tal-karriera ta’ aġent f’attività mal-BĊE, l-ikbar kontinwità possibbli fl-evoluzzjoni tal-karriera u tas-salarju tiegħu, u hija proporzjonata mal-imsemmi għan, sa fejn l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti li l-appellant isostni f’dan il-każ ittieħdet inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu fi skala tal-kategorija ta’ remunerazzjoni F/G li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) taċ-Ċirkolari 2/2011. |
|
63 |
L-argumenti l-oħra mressqa mill-appellant fil-kuntest ta’ dan l-appell ma jistgħux jikkontestaw din il-kunsiderazzjoni. |
|
64 |
Fl-ewwel lok, huwa żbaljat li r-rikorrent isostni li mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni (266/83, EU:C:1985:9), jirriżulta li, f’każ bħal tiegħu, il-prinċipju li l-parteċipanti f’kompetizzjoni ġenerali jistħoqqilhom trattament ugwali għandu jipprevali. Minn naħa, ir-rikorrent ma jistax utilment jibbaża ruħu, għal dan il-għan, fuq l-allegat fatt li l-ħdax-il sena u nofs ta’ esperjenza professjonali miksuba qabel id-dħul fis-servizz tiegħu fil-BĊE kellhom jiġu kkunsidrati bħala “rilevanti” għall-finijiet tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, peress li tali evalwazzjoni fattwali taqa’ taħt l-evalwazzjoni tal-BĊE fil-każ li jiġi kkunsidrat li hija kienet effettivament obbligata tapplika din il-prattika għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fi skala tal-appellant wara l-kompetizzjoni kkonċernata. |
|
65 |
Min-naħa l-oħra, jekk jitqies li l-esperjenza rilevanti invokata mill-appellant qabel id-dħul tiegħu fil-kariga mal-BĊE għandha titqies bħala “rilevanti”, fis-sens tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata hija differenti minn dik tar-rikorrent fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 1985, Samara vs Il‑Kummissjoni (266/83, EU:C:1985:9). B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt 15 ta’ din is-sentenza, il-ħatra ta’ din tal-aħħar fl-impjieg il-ġdid tagħha ma kinitx tagħmel parti mill-iżvolġiment normali tal-karriera tagħha, b’tali mod li d-differenzi bejn il-funzjoni ta’ qarrejja tal-provi li kienet tokkupa qabel bħala uffiċjal u dik ta’ segretarja-stenografa li kienet is-suġġett tal-ħatra tagħha kienu ta’ natura li jiġġustifikaw il-fatt, għaliha, li tinvoka l-esperjenza preċedenti tagħha f’dan l-aħħar qasam. |
|
66 |
Minn dan isegwi li n-natura qasira tal-perijodu li għadda l-appellant fil-BĊE qabel ma għadda mill-kompetizzjoni kkonċernata, meta mqabbel mal-perijodi ta’ impjieg li huwa kien wettaq qabel ir-reklutaġġ tiegħu mill-BĊE, hija rilevanti biss fil-każ li tiġi eskluża kull teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali tiegħu qabel id-dħul fis-servizz tiegħu, li ma huwiex il-każ. |
|
67 |
Fit-tieni lok, huwa minnu li, fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li s-sitwazzjoni tal-kandidati interni hija paragunabbli ma’ dik tal-kandidati esterni għall-kompetizzjoni kkonċernata, filwaqt li sussegwentement irrilevat, fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-ġustifikazzjoni tad-differenza fit-trattament u billi għamlet riferiment għall-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 1985, Michel vs Il‑Kummissjoni (273/83, EU:C:1985:31), li dawn iż-żewġ gruppi jiddistingwu ruħhom b’mod oġġettiv. |
|
68 |
Madankollu, minn qari flimkien tas-sentenza appellata jirriżulta, b’mod partikolari mill-punti 50, 51, 57 u 66 sa 72 tagħha, li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-imsemmija gruppi huma paragunabbli sa fejn l-esperjenza professjonali preċedenti rilevanti tagħhom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħhom fi skala fl-istess kategorija ta’ remunerazzjoni, iżda li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għanijiet differenti mfittxija mir-regoli applikati għal kull wieħed minn dawn il-gruppi, huwa ġġustifikat li l-modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti tagħhom ikunu differenti. |
|
69 |
Fit-tielet lok, sa fejn l-appellant jikkritika lill-Qorti Ġenerali talli kkonstatat, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal tirriskja li twassal għal teħid inkunsiderazzjoni darbtejn l-istess esperjenza professjonali tal-appellant, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 60 u 66 ta’ din is-sentenza, minn naħa, hija biss l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti li tiġġustifika l-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal u, min-naħa l-oħra, li teħid inkunsiderazzjoni ta’ din l-esperjenza li hija, skont il-każ, inqas favorevoli, għall-persuna interessata minn dik li ssir abbażi tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jikkostitwixxix, minnu nnifsu, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
70 |
Fir-raba’ u l-aħħar lok, l-appellant isostni li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġiex osservat, peress li l-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati esterni għall-kompetizzjoni kkonċernata tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod prattikament illimitat, iżda tittieħed inkunsiderazzjoni biss b’mod ferm inqas għall-kandidati interni f’din il-kompetizzjoni. |
|
71 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan l-argument ma jistax, fih innifsu, jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali u huwa, għaldaqstant, ineffettiv, peress li minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Qorti Ġenerali setgħet, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, tikkunsidra, minn naħa, li d-diversi modalitajiet ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza professjonali preċedenti tal-kandidati interni u tal-kandidati esterni għall-kompetizzjoni kkonċernata kienu ġġustifikati mid-diversi għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet applikati għal kull wieħed minn dawn il-gruppi u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li, skont il-każ, l-applikazzjoni tal-prattika amministrattiva stabbilita għall-kalkolu tas-salarji tal-membri l-ġodda tal-persunal seta’ jwassal għal klassifikazzjoni fi skala superjuri ma jimplikax, fih innifsu, ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. |
|
72 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-aggravju uniku mqajjem mill-appellant għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
Dwar l-ispejjeż
|
73 |
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. |
|
74 |
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
75 |
Peress li l-appellant tilef il-kawża, dan għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-BĊE, kif mitlub minn dan tal-aħħar. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.