SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

21 ta’ Diċembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Artikolu 2(l) – Artikolu 5(1)(ċ) – Reżervazzjoni ta’ titjira permezz ta’ pjattaforma elettronika – Antiċipazzjoni tal-ħin ta’ tluq tat-titjira mit-trasportatur tal-ajru li jopera – Klassifikazzjoni – Riċezzjoni tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni f’indirizz elettroniku li ma jappartjenix lill-passiġġieri kkonċernati – Direttiva 2000/31/KE – Kummerċ elettroniku – Artikolu 11 – Preżunzjoni ta’ riċezzjoni – Portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera”

Fil-Kawża C‑263/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura

Airhelp Limited

vs

Laudamotion GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Airhelp Limited, minn D. Stanonik u E. Stanonik-Palkovits, Rechtsanwälte,

għal Laudamotion GmbH, minn M. Klemm, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u K. Simonsson, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), kif ukoll tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Airhelp Limited u Laudamotion GmbH dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tikkumpensa lill-passiġġieri tal-ajru, li tagħhom Airhelp qiegħda tiddefendi d-drittijiet, minħabba l-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom.

Il‑kuntest ġuridiku

Ir‑Regolament Nru 261/2004

3

Skont il-premessi 1, 7 u 12 tar-Regolament Nru 261/2004:

“(1)

Azzjoni mil-[Unjoni] fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ‘Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(7)

Sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, l-obbligazzjonijiet li joħloq għandhom jibqgħu mal-trasportatur ta’ l-ajru li qed jopera li jwettaq jew li għandu l-ħsieb li jwettaq titjira, kemm jekk b’inġenji ta’ l-ajru li qegħdin fil-proprjetá, taħt kiri dry jew wet, jew fuq kwalunkwe bażi oħra.

[…]

(12)

Il-problemi u l-inkonvenjenza għal passiġġieri kkawżati minn kanċellazzjoni ta’ titjiriet għandhom ukoll jiġu mnaqqsin. Dan għandu jiġi miksub permezz tat-tħeġġiġ tal-trasportaturi biex jinfurmaw lill-passiġġieri b’kanċellazzjonijiet qabel il-ħin skedat tat-tluq u minn barra dan biex joffrulhom arranġament għall-vjaġġ ragonevoli, sabiex il-passġiġġieri jistgħu jagħmlu arranġamenti oħrajn. Trasportaturi ta’ l-ajru għandhom jikkompensaw passiġġieri jekk jonqsu milli jagħmlu dan, ħlief għal meta l-kanċellazzjoni sseħħ f’ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(l)

‘kanċellazzjoni’, tfisser in-nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafi 1 u 4 tiegħu:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri inkwistjoni għandhom:

(a)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 8; u

(b)

jiġu offruti assistenza mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 9(1)(a) u 9(2), kif ukoll, fil-każ ta’ għemil ta’ rotta differenti meta l-ħin tat-tluq raġonevolment mistenni tat-titjira ġdida hu mill-inqas il-ġurnata wara t-tluq kif kien ippjanat għat-titjira kkanċellata, l-assistenza speċifikata fl-Artikolu 9(1)(b) u 9(1)(ċ); u

(ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm]:

(i)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

(ii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

(iii)

huma [ma jkunux] informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti [u sakemm ma jkunux offruti] rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

4.   L-onus tal-provi fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ jekk u meta l-passiġġier ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira għandha tkun ir-responsabbilitá tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera.”

6

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

(a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

[…]”

7

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 261/2004, intitolat “Dritt għal rimedju”, jistipula:

“F’każijiet fejn trasportatur ta’ l-ajru li jopera jħallas kumpens jew jilħaq l-obbligazzjonijiet oħra li għandu d-dmir iwettaq taħt dan ir-Regolament, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jista’ jiġi interpretat li jirrestrinġi d-dritt tiegħu li jfittex kumpens minn kwalunkwe persuna, inklużi partijiet terzi, skond il-liġi applikabbli. Partikolarment, dan ir-Regolament m’għandu bl-ebda mod jirrestrinġi d-dritt tal-trasportatur ta’ l-ajru li jopera biex ifittex rimbors minn operatur tat-tour jew persuna oħra ma’ liema l-trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt. B’mod simili, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament ma tista’ tiġi interpretata li tirrestrinġi d-dritt ta’ operatur tat-tour jew ta’ parti terza, barra minn passiġġier, ma’ liema trasportatur ta’ l-ajru li jopera għandu kuntratt, biex ifittex rimbors jew kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond il-liġijiet applikabbli rilevanti.”

Id‑Direttiva 2000/31

8

It-Taqsima 3, intitolata “Kuntratti konklużi b’mezzi elettroniċi”, tal-Kapitolu II tad-Direttiva 2000/31 tinkludi l-Artikoli 9 sa 11 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tqegħid ta’ l-ordni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw, ħlief meta b’mod ieħor miftiehem mill-partijiet li ma humiex konsumaturi, li f’każi meta dak li jirċievi s-servizz iqiegħed l-ordni tiegħu permezz ta’ mezzi teknoloġiċi, dawn il-prinċipji li ġejjin huma applikabbli:

dak li jipprovdi s-servizz ikollu jikkonferma l-wasla ta’ l-ordni ta’ dak li jirċievi mingħajr dewmien u b’mezzi elettroniċi,

l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom [lilhom] ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

9

Żewġ passiġġieri tal-ajru bbukkjaw, permezz ta’ pjattaforma elettronika ta’ reżervazzjoni, titjira bejn Palma de Mallorca (Spanja) u Vjenna (l-Awstrija), operata mit-trasportatur tal-ajru li jopera Laudamotion. Meta għamlu r-reżervazzjoni fuq din il-pjattaforma, dawn il-passiġġieri pprovdew l-indirizzi elettroniċi privati tagħhom u n-numri tat-telefon tagħhom. L-imsemmija pjattaforma rreżervat it-titjira f’isem il-passiġġieri ma’ Laudamotion, billi ġġenerat indirizz elettroniku speċifiku għall-imsemmija reżervazzjoni. Dan l-indirizz kien l-uniku indirizz ta’ kuntatt li kellha Laudamotion.

10

It-tluq tat-titjira rriżervata, inizjalment previst fl‑14 ta’ Ġunju 2018 fit‑14:40, ġie antiċipat mit-trasportatur tal-ajru li jopera għat‑8.25 fl-istess jum, li jikkorrispondi għal antiċipazzjoni ta’ iktar minn sitt sigħat.

11

Airhelp, li lilha ż-żewġ passiġġieri ċedew id-drittijiet eventwali tagħhom għal kumpens skont ir-Regolament Nru 261/2004, ippreżentat rikors quddiem il-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat, l-Awstrija). Hija sostniet li t-trasportatur tal-ajru li jopera kien responsabbli għas-somma totali ta’ EUR 500 għaż-żewġ passiġġieri skont l-Artikolu 7(1)(a) ta’ dan ir-regolament minħabba l-antiċipazzjoni b’iktar minn sitt sigħat tat-titjira inkwistjoni, li dwarha l-passiġġieri kienu ġew informati biss erbat ijiem qabel it-tluq previst, jiġifieri fl‑10 ta’ Ġunju 2018, permezz tal-pjattaforma ta’ reżervazzjoni

12

Laudamotion ikkontestat il-fondatezza tat-talba ta’ Airhelp għar-raġuni li l-antiċipazzjoni tat-titjira inkwistjoni kienet ġiet ikkomunikata, fi żmien xieraq, fit‑23 u fid‑29 ta’ Mejju 2018, fl-indirizz elettroniku speċifiku pprovdut mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni.

13

Peress li l-Bezirksgericht Schwechat (il-Qorti Distrettwali ta’ Schwechat) ċaħdet ir-rikors ta’ Airhelp, din tal-aħħar appellat mis-sentenza ta’ din il-qorti quddiem il-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg, l-Awstrija), il-qorti tar-rinviju. Din tistaqsi, b’mod partikolari, jekk l-antiċipazzjoni ta’ titjira tikkostitwixxix “kanċellazzjoni”, fis-sens tar-Regolament Nru 261/2004, u tistaqsi dwar il-portata tal-obbligu ta’ informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera.

14

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija taqbel mal-pożizzjoni tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) skont liema l-antiċipazzjoni sostanzjali ta’ titjira tikkostitwixxi abbandun tal-ħin tat-titjira inizjali u għalhekk “kanċellazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 2(l) tal-imsemmi regolament.

15

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-passiġġieri fil-kawża prinċipali ġewx korrettament informati bl-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom, il-qorti tar-rinviju ssostni li, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tittrasponi d-Direttiva 2000/31, preżunzjoni ta’ notifika tinħoloq mhux biss fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, iżda wkoll minn sempliċi skambju ta’ dikjarazzjonijiet bil-posta elettronika. Dan ifisser, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li passiġġier huwa meqjus li ġie informat bl-antiċipazzjoni tat-titjira tiegħu meta d-dikjarazzjoni tat-trasportatur tal-ajru li jopera hija aċċessibbli għal dan il-passiġġier. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, konsegwentement, jekk għandhiex tiġi applikata l-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-Direttiva 2000/31 jew ir-Regolament Nru 261/2004 sabiex jiġi ddeterminat jekk il-passiġġieri fil-kawża prinċipali ġewx korrettament informati bl-antiċipazzjoni tat-titjira tagħhom.

16

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landesgericht Korneuburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Korneuburg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(1)(ċ) u l-Artikolu 7 tar-[Regolament Nru 261/2004] għandhom jiġu interpretati fis-sens li passiġġier ikollu dritt għal kumpens meta l-ħin tat-tluq jiġi antiċipat mill-ħin oriġinali tat‑14.40 għat‑8.25 fl-istess jum?

2)

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-punt dwar jekk il-passiġġier huwiex informat bil-kanċellazzjoni għandu jiġi evalwat esklużivament fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni u fis-sens li huwa jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali dwar in-notifika tal-komunikazzjonijiet adottat għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-[Direttiva 2000/31] u li jinkludi finzjoni ta’ notifika?

3)

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tar-Regolament Nru 261/2004 u l-Artikolu 11 tad-[Direttiva 2000/31] għandhom jiġu interpretati fis-sens li fil-każ ta’ reżervazzjoni tat-titjira mill-passiġġier permezz ta’ pjattaforma ta’ reżervazzjoni, fejn il-passiġġier ikun ikkomunika n-numru tat-telefon tiegħu u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, iżda l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni tkun ittrażmettiet lit-trasportatur tal-ajru n-numru tat-telefon u indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament mill-pjattaforma ta’ reżervazzjoni, in-notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni tat-tluq tat-titjira fuq l-indirizz ta’ posta elettronika ġġenerat awtomatikament għandha titqies bħala komunikazzjoni jew notifika tal-informazzjoni dwar l-antiċipazzjoni [tat-tluq] anki meta l-pjattaforma ta’ reżervazzjoni ma tittrażmettix lill-passiġġier, jew tittrażmettilu b’dewmien, l-informazzjoni tat-trasportatur tal-ajru?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

17

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li titjira hija meqjusa bħala kkanċellata meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jantiċipa din it-titjira b’diversi sigħat.

18

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(l) ta’ dan ir-regolament bħala n-“nuqqas ta’ operazzjoni ta’ titjira li kienet qabel ippjanata u fuq liema mill-inqas post wieħed kien irreżervat”.

19

Il-kunċett ta’ “titjira” ma huwiex iddefinit mill-imsemmi regolament. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, titjira tikkonsisti, essenzjalment, f’“operazzjoni tat-trasport bl-ajru, li hija b’hekk, b’ċertu mod, ‘unità’ ta’ dan it-trasport, imwettqa minn trasportatur tal-ajru li jistabbilixxi r-rotta tiegħu” (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Wirth et, C‑532/17, EU:C:2018:527, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, minn naħa, li r-rotta tikkostitwixxi element essenzjali tat-titjira, peress li din tal-aħħar titwettaq konformement ma’ skeda stabbilita minn qabel mit-trasportatur tal-ajru (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 30).

21

Min-naħa l-oħra, mid-definizzjoni fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004 bl-ebda mod ma jirriżulta li, lil hinn mill-fatt li t-titjira prevista inizjalment ma saritx, il-“kanċellazzjoni” ta’ din it-titjira, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tkun teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni espliċita li din tiġi kkanċellata (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 29).

22

Ċertament, l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament ma jippreċiżawx x’għandu jsir fil-każ ta’ antiċipazzjoni ta’ titjira. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni kliemha, kif ukoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-kuntest li jidħlu fih l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament jagħmel riferiment għal każijiet ta’ antiċipazzjoni ta’ titjira fil-kuntest ta’ rotot differenti previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li t-trasportatur tal-ajru li jopera huwa obbligat jikkumpensa lill-passiġġier li t-titjira tiegħu tkun ġiet ikkanċellata ħlief jekk dan it-trasportatur jinformah bil-kanċellazzjoni fit-termini previsti f’din id-dispożizzjoni u joffri rotta differenti li tippermetti lill-passiġġier jitlaq mhux iktar kmieni minn bejn siegħa u sagħtejn, skont il-każ, qabel il-ħin tat-tluq previst kif ukoll li jasal fid-destinazzjoni finali tiegħu inqas minn erba’ sigħat jew sagħtejn, skont il-każ, wara l-ħin tal-wasla inizjalment previst.

24

Minn dan isegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni rrikonoxxa li antiċipazzjoni sinjifikattiva ta’ titjira tista’ tikkawża inkonvenjenzi serji għall-passiġġieri, l-istess bħal dewmien ta’ titjira, peress li tali tressiq ’il quddiem itellfilhom il-possibbiltà li jużaw il-ħin tagħhom b’mod liberu kif ukoll li jorganizzaw il-vjaġġ tagħhom jew il-vaganza tagħhom skont l-aspettattivi tagħhom.

25

Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta passiġġier, li jkun ħa l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, ma jkunx jista’ jimbarka fl-ajruplan minħabba l-antiċipazzjoni tat-titjira li jkun irriżerva. Dan huwa wkoll il-każ meta l-passiġġier ikun kostrett jadatta ruħu b’mod sinjifikattiv għall-ħin tat-tluq il-ġdid tat-titjira tiegħu sabiex ikun jista’ jeħodha.

26

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għan prinċipali mfittex mir-Regolament Nru 261/2004 jikkonsisti, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1 tiegħu, f’li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, konformement ma’ dan l-għan, id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għalhekk, peress li r-Regolament Nru 261/2004 huwa intiż li jikkumpensa, b’mod standardizzat u immedjat, id-diversi danni li jikkostitwixxu l-inkonvenjenzi serji fit-trasport bl-ajru tal-passiġġieri (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Delfly, C‑356/19, EU:C:2020:633, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u fid-dawl tal-inkonvenjenzi serji li jistgħu jiġu kkawżati lill-passiġġieri f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi s-sitwazzjoni li fiha titjira tkun suġġetta għal antiċipazzjoni sinjifikattiva.

29

F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet li fihom l-antiċipazzjoni ma jkollha ebda effett jew effett negliġibbli fuq il-possibbiltà għall-passiġġieri tal-ajru li jużaw liberament il-ħin tagħhom minn dawk li jagħtu lok għal inkonvenjenzi serji minħabba l-antiċipazzjoni sostanzjali tat-titjira, kif deskritti fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza.

30

Sabiex issir distinzjoni bejn antiċipazzjoni sinjifikattiva minn antiċipazzjoni negliġibbli ta’ titjira, għandha tittieħed ispirazzjoni mil-limiti previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(ii) u (iii) tar-Regolament Nru 261/2004.

31

Għandu jiġi enfasizzat li l-każ ta’ antiċipazzjoni huwa differenti minn dak tad-dewmien, li għalih il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-passiġġieri jakkwistaw dritt għall-kumpens meta huma jsofru telf ta’ ħin li huwa ekwivalenti għal, jew iktar minn, tliet sigħat meta mqabbel mat-tul li kien ġie previst inizjalment mit-trasportatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 57), peress li l-passiġġieri għandhom jimmobilizzaw ruħhom sabiex ikunu f’pożizzjoni li jimbarkaw fl-ajruplan minħabba l-antiċipazzjoni tat-titjira rriżervata. Din id-differenza ssegwi wkoll miċ-ċirkustanza li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) tar-Regolament Nru 261/2004, jaċċetta dewmien ta’ inqas minn sagħtejn, filwaqt li għall-antiċipazzjonijiet, dawn ma jistgħux jaqbżu siegħa.

32

Mill-Artikolu 5(1)(ċ)(iii) ta’ dan ir-regolament isegwi li kull antiċipazzjoni ta’ siegħa jew inqas tista’ teżenta lit-trasportatur tal-ajru li jopera mill-obbligu tiegħu li jikkumpensa lill-passiġġier skont l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament. Għalhekk, għandu jitqies li antiċipazzjoni ta’ iktar min siegħa jew ta’ siegħa jew inqas tikkostitwixxi r-riferiment sabiex jiġi ddeterminat jekk l-antiċipazzjoni hijiex sinjifikattiva jew negliġibbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-istess regolament.

33

Din l-interpretazzjoni tibqa’ tosserva l-ibbilanċjar tal-interessi tal-passiġġieri tal-ajru u ta’ dawk tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri permezz tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2012, Nelson et, C‑581/10 u C‑629/10, EU:C:2012:657, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-fatt, filwaqt li tippermetti lill-passiġġieri jiġu kkumpensati għal inkonvenjenzi serji matul antiċipazzjoni sinjifikattiva ta’ titjira, din l-interpretazzjoni teżenta lit-trasportaturi tal-ajru li joperaw mill-obbligu li jħallsu kumpens, meta dawn jinformaw lill-passiġġieri tal-ajru bl-antiċipazzjoni tat-titjira fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) tal-imsemmi regolament.

35

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira hija meqjusa bħala “kkanċellata” meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jantiċipa din it-titjira b’iktar minn siegħa.

Fuq it‑tieni domanda

36

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier tal-ajru jiġi informat fil-ħin bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu għandhiex tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 u mhux fid-dawl tad-dritt nazzjonali, li jittrasponi l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31, dwar in-notifika fil-kuntest ta’ kuntratti konklużi b’mezzi elettroniċi.

37

Fir-rigward, qabelxejn, tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31, dan jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-każijiet fejn id-destinatarju tas-servizz jagħmel l-ordni tiegħu permezz ta’ mezzi elettroniċi, minn naħa, il-fornitur “jikkonferma l-wasla ta’ l-ordni ta’ dak li jirċievi mingħajr dewmien u b’mezzi elettroniċi” u, min-naħa l-oħra, “l-ordni u l-konferma tal-wasla huma meqjusa bħala li jkunu waslu meta l-partijiet li lihom [lilhom] ikunu ndirizzati ikunu jistgħu jkollhom aċċess għalihom”.

38

L-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 11 tippreżumi li l-fornitur ta’ servizzi għandu mezz sabiex jikkuntattja direttament lid-destinatarju tas-servizz, li jkun ordnah, b’mezz elettroniku.

39

Issa, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-informazzjoni dwar kanċellazzjoni ta’ titjira, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, la tikkostitwixxi “ordni” u lanqas “konferma tal-wasla”, fis-sens tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/31, b’tali mod li sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-Artikolu 11.

40

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tindika li din tmur lil hinn mid-Direttiva 2000/31 sa fejn il-preżunzjoni ta’ wasla prevista fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva ma tapplikax biss għall-“ordnijiet” u għall-“konfermi tal-wasla”, iżda wkoll għad-dokumenti elettroniċi l-oħra kollha legalment rilevanti, inklużi d-dokumenti relatati mar-reżervazzjoni tat-titjiriet u l-modifiki ta’ din ir-reżervazzjoni. Madankollu, din id-dispożizzjoni nazzjonali ma tistax tippreġudika l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 261/2004.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedi li l-passiġġieri li t-titjira tagħhom tkun ġiet ikkanċellata għandhom dritt għal kumpens sakemm ma jkunux informati b’din il-kanċellazzjoni fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1)(ċ)(i) sa (iii) ta’ dan ir-regolament.

42

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi kundizzjoni addizzjonali imposta fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera. Fil-fatt, mill-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu jsegwi li huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera li għandu jipprova li huwa informa lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni ta’ titjira kif ukoll it-terminu li fih għamel dan. Iċ-ċirkustanza li dan l-oneru jaqa’ fuq it-trasportatur tal-ajru li jopera tippermetti li jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri li huwa msemmi fil-premessa 1 tar-Regolament Nru 261/2004.

43

F’dan il-każ, mill-fatti fil-kawża prinċipali jsegwi li r-reżervazzjoni saret permezz ta’ intermedjarju. Fil-preżenza ta’ intermedjarju, l-Artikolu 5(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament jipprekludi, bħala prinċipju, għall-applikazzjoni ta’ preżunzjoni, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li komunikazzjoni hija preżunta li ssir bejn il-fornitur ta’ servizzi u d-destinatarju tas-servizz ikkonċernat, sabiex jintwera li l-komunikazzjoni saret lill-passiġġier. Fil-fatt, jekk it-trasportatur tal-ajru li jopera jikkomunika biss mal-intermedjarju, dan ma jkunx fih innifsu suffiċjenti sabiex jitqies li l-komunikazzjoni lill-passiġġier tkun saret.

44

Madankollu, jekk il-passiġġier jawtorizza espressament lill-intermedjarju li jirċievi l-informazzjoni trażmessa mit-trasportatur tal-ajru li jopera u li din l-awtorizzazzjoni hija magħrufa minn dan it-trasportatur, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 ma jipprekludix preżunzjoni bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifika ta’ dawn l-elementi fid-dawl taċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier jiġi informat fil-ħin bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tielet domanda

47

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġier tal-ajru, li jkun irriżerva titjira permezz ta’ intermedjarju, huwa meqjus bħala li ġie informat bil-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ittrażmetta l-informazzjoni dwar din il-kanċellazzjoni lil dan l-intermedjarju, li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport bl-ajru jkun ġie konkluż ma’ dan il-passiġġier, mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, mingħajr l-imsemmi intermedjarju ma jkun informa lill-passiġġier bl-imsemmija kanċellazzjoni fit-terminu previst fl-imsemmija dispożizzjoni.

48

Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa skont liema l-passiġġier ma awtorizzax lill-intermedjarju jirċievi l-informazzjoni trażmessa mit-trasportatur tal-ajru li jopera, konformement mal-modalitajiet indikati fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.

49

L-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 jistipula li, fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri kkonċernati għandhom dritt għal kumpens mit-trasportatur tal-ajru li jopera konformement mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, sakemm dawn ma jiġux informati dwar il-kanċellazzjoni tat-titjira fil-kundizzjonijiet previsti f’din l-ewwel dispożizzjoni.

50

Bħalma tfakkar fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 5(4) tal-imsemmi regolament jipprovdi li huwa t-trasportatur tal-ajru li jopera li għandu jipprova li huwa informa, fit-termini stabbiliti, lill-passiġġieri bil-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata.

51

Mill-formulazzjoni ċara ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, peress li t-trasportatur tal-ajru li jopera ma huwiex f’pożizzjoni li jipprova li l-passiġġier ikkonċernat ġie informat bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, huwa għandu jħallas kumpens konformement mal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

52

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tali interpretazzjoni ma hijiex biss valida meta l-kuntratt ta’ trasport ikun ġie konkluż direttament bejn il-passiġġier ikkonċernat u t-trasportatur tal-ajru, iżda wkoll meta dan il-kuntratt ikun ġie konkluż permezz ta’ terzi, bħal, fil-każ tal-kawża prinċipali, pjattaforma online (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 26).

53

Fil-fatt, bħalma jirriżulta kemm mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 261/2004 kif ukoll mill-premessi 7 u 12 tiegħu, it-trasportatur tal-ajru li jopera li jwettaq jew li għandu l-intenzjoni li jwettaq titjira biss huwa obbligat għall-kumpens tal-passiġġieri minħabba nuqqasijiet għall-obbligi li jirriżultaw minn dan ir-regolament fosthom, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tiegħu (sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 27).

54

Għaldaqstant, għandu jiġi rrilevat li l-obbligi li għandu t-trasportatur tal-ajru li jopera skont ir-Regolament Nru 261/2004 huma bla ħsara għad-dritt tiegħu li jitlob kumpens għad-danni, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, minn kull persuna li minħabba fiha ġew ikkawżati n-nuqqasijiet ta’ dan it-trasportatur għat-twettiq tal-obbligi tiegħu, inklużi terzi, bħalma jipprevedi l-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Krijgsman, C‑302/16, EU:C:2017:359, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Peress li dan l-artikolu jsemmi espliċitament lil terzi, minn dan jirriżulta li r-Regolament Nru 261/2004 ma jikkundizzjonax id-dritt tat-trasportatur tal-ajru li jopera li jitlob kumpens għall-eżistenza ta’ kuntratt, li jorbot lil dan tal-aħħar mal-intermedjarju li l-passiġġier tal-ajru uża sabiex jirriżerva t-titjira tiegħu.

56

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġier tal-ajru, li jkun irriżerva titjira permezz ta’ intermedjarju, huwa meqjus bħala li ma ġiex informat bil-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira meta, minkejja li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ittrażmetta l-informazzjoni dwar din il-kanċellazzjoni lil dan l-intermedjarju, li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport bl-ajru jkun ġie konkluż ma’ dan il-passiġġier, mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, l-imsemmi intermedjarju ma jkunx informa lill-passiġġier bl-imsemmija kanċellazzjoni fit-terminu msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni u l-istess passiġġier ma jkunx espressament awtorizza lill-istess intermedjarju jirċievi l-informazzjoni trażmessa mill-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera.

Fuq l‑ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 2(l) u l-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandhom jiġu interpretati fis-sens li titjira hija meqjusa bħala “kkanċellata” meta t-trasportatur tal-ajru li jopera jantiċipa din it-titjira b’iktar minn siegħa

 

2)

L-osservanza tal-obbligu li l-passiġġier jiġi informat fil-ħin bil-kanċellazzjoni tat-titjira tiegħu għandha tiġi evalwata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri flimkien mal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-regolament.

 

3)

L-Artikolu 5(1)(ċ)(i) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-passiġġier tal-ajru, li jkun irriżerva titjira permezz ta’ intermedjarju, huwa meqjus bħala li ma ġiex informat bil-kanċellazzjoni ta’ din it-titjira meta, minkejja li t-trasportatur tal-ajru li jopera jkun ittrażmetta l-informazzjoni dwar din il-kanċellazzjoni lil dan l-intermedjarju, li permezz tiegħu l-kuntratt ta’ trasport bl-ajru jkun ġie konkluż ma’ dan il-passiġġier, mill-inqas ġimagħtejn qabel il-ħin tat-tluq previst, l-imsemmi intermedjarju ma jkunx informa lill-passiġġier bl-imsemmija kanċellazzjoni fit-terminu msemmi fl-imsemmija dispożizzjoni u l-istess passiġġier ma jkunx espressament awtorizza lill-istess intermedjarju jirċievi l-informazzjoni trażmessa mill-imsemmi trasportatur tal-ajru li jopera.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.