SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

24 ta’ Marzu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Kompetenza tal-awtorità superviżorja – Artikolu 55(3) – Operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom – Kunċett – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ġurnalist ta’ dokumenti li ġejjin minn proċedura ġudizzjarja li jkun fihom data personali”

Fil-Kawża C‑245/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi Ċentrali, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura

X,

Z

vs

Autoriteit Persoonsgegevens,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, N. Jääskinen, J.‑C. Bonichot (Relatur) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal X u Z, minn S. A. J. T. Hoogendoorn, advocaat,

għall-Autoriteit Persoonsgegevens, minn G. Dictus u N. N. Bontje, advocaten,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, L. Medeiros u I. Oliveira, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, X u Z u, min-naħa l-oħra, l-Autoriteit Persoonsgegevens (l-Awtorità tal-Protezzjoni tad-Data Personali, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem l-“AP”), dwar l-aċċess li ġurnalisti għandhom għal data personali li tikkonċernahom, li tinsab f’fajl ġudizzjarju, waqt is-seduta li nżammet quddiem is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), fil-kuntest ta’ proċedura li fiha Z kien parti u kien irrappreżentat minn X.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessa 20 tar-Regolament 2016/679 tgħid:

“Filwaqt li dan ir-Regolament japplika, inter alia, għall-attivitajiet tal-qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn, il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tista’ tispeċifika l-attivitajiet ta’ pproċessar u l-proċeduri ta’ pproċessar b’rabta mal-ipproċessar ta’ data personali minn qrati u awtoritajiet ġudizzjarji oħrajn. Il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji ma għandhiex tkopri l-ipproċessar ta’ data personali meta l-qrati jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, sabiex tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet. Is-superviżjoni ta’ tali attivitajiet tal-ipproċessar tad-data għandha tkun tista’ tiġi fdata lil entitajiet speċifiċi fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru, li għandhom b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mar-regoli ta’ dan ir-Regolament, iżidu l-għarfien fost il-membri tal-ġudikatura dwar l-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament u jittrattaw l-ilmenti b’rabta ma’ tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar.

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:

(a)

matul attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b)

mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-[Trattat UE];

(c)

minn persuna fiżika waqt attività purament personali jew fid-dar;

(d)

mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, investigazzjoni, sejbien jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

3.   Għall-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni, japplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 102, rettifika fil-ĠU 2013, L 298, p. 50)]. Ir-Regolament [Nru 45/2001] u atti legali oħrajn tal-Unjoni applikabbli għal tali pproċessar taddata personali għandhom jiġu adattati għall-prinċipji u r-regoli ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 98.

[…]”

5

L-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “pproċessar” bħala:

“kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda.”

6

Skont l-Artikolu 51(1) tal-istess regolament:

“Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni (‘awtorità superviżorja’).”

7

Fl-aħħar, l-Artikolu 55 tar-Regolament 2016/679 jipprevedi:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   Fejn l-ipproċessar titwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu abbażi tal-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1), għandha tkun kompetenti l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali każijiet ma japplikax l-Artikolu 56.

3.   L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx ikunu kompetenti li jissorveljaw l-attivitajiet ta’ pproċessar ta’ qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.”

Id‑dritt Olandiż

8

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-Regolament 2016/679, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi adotta l-wet houdende regels ter uitvoering van Verordening (EU) 2016/679 van het Europees Parlement en de Raad van 27 April 2016 betreffende de bescherming van natuurlijke personen in verband met de verwerking van persoonsgegevens en betreffende het vrije verkeer van die gegevens en tot intrekking van Richtlijn 95/46/EG (algemene verordening gegevensbescherming) (PbEU 2016, L 119) (Uitvoeringswet Algemene verordening gegevensbescherming) (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli għall-Applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 (il-Liġi għall-Applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)), tas‑16 ta’ Mejju 2018 (Stb. 2018, no 144). L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jafda lill-AP l-kompitu ta’ superviżjoni tal-osservanza tar-Regolament 2016/679 fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma tirriproduċi l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679.

9

Fil‑31 ta’ Mejju 2018, il-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), l-amministrazzjonijiet ġudizzjarji tas-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi), u l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) adottaw ir-regeling verwerking Persoonsgegevens bestuursrechtelijke colleges (ir-Regolament dwar l-Ipproċessar ta’ Data Personali fil-Qrati Amministrattivi). Dan tal-aħħar ħoloq l-AVG-commissie bestuursrechtelijke colleges (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data personali għall-qrati amministrattivi, il-Pajjiżi l-Baxxi). Din il-kummissjoni hija responsabbli għall-konsulenza lill-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), l-amministrazzjonijiet ġudizzjarji tas-Centrale Raad van Beroep (il-Qorti tal-Appell tas-Sigurtà Soċjali u tas-Servizz Pubbliku), u l-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) fir-rigward tal-ipproċessar ta’ lmenti relatati mar-rispett tad-drittijiet żgurati mir-Regolament 2016/679.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

10

Waqt is-seduta li nżammet fit‑30 ta’ Ottubru 2018 quddiem is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja li fiha Z kien parti, irrappreżentat minn X, dawn tal-aħħar ġew avviċinati minn ġurnalist. Waqt il-konversazzjoni tagħhom, X ikkonstata li dan il-ġurnalist kellu fid-dispożizzjoni tiegħu annessi tal-proċess tal-kawża kkonċernata, inklużi dokumenti li huwa stess kien irredieġa, u li kienu juru b’mod partikolari ismu u l-indirizz tiegħu kif ukoll in-numru nazzjonali ta’ identifikazzjoni ta’ Z. Dan il-ġurnalist indikalu li dawn id-dokumenti kienu tqiegħdu fid-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tad-dritt ta’ aċċess għall-proċess tal-kawżi tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) mogħti lill-ġurnalisti.

11

Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Novembru 2018, il-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) ikkonferma lil X li dik is-sezzjoni kienet tipprovdi lill-media ċertu numru ta’ dokumenti dwar il-kawżi pendenti. Huwa indikalu li, fil-jum tas-seduta, is-servizz tal-komunikazzjoni tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-ġurnalisti preżenti dokumenti intiżi sabiex huma jkunu jistgħu jsegwu s-seduti, jiġifieri kopja tar-rikors promotur, kopja tar-risposta u, jekk ikun il-każ, kopja tad-deċiżjoni ġudizzjarja kkontestata, peress li dawn id-dokumenti jinqerdu fl-aħħar tal-ġurnata.

12

X u Z għalhekk talbu lill-AP sabiex tieħu, fir-rigward tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), “miżuri ta’ applikazzjoni” tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali. Permezz tat-talbiet tagħhom, li kienu simili għal ilmenti, huma sostnew li, billi ppermetta lil ġurnalisti jkollhom aċċess għal data personali li tikkonċernahom, li ġejja minn annessi ta’ proċess ġudizzjarju, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) kien kiser ir-Regolament 2016/679.

13

Bi tweġiba għal dawn it-talbiet, l-AP indikat li, skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679, hija ma kinitx kompetenti għas-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali kkonċernati, imwettqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). Sussegwentement, hija bagħtet it-talbiet ta’ X u ta’ Z lill-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali għall-Qrati Amministrattivi, li min-naħa tagħha bagħtithom lill-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

14

Il-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) analizza t-talbiet ta’ X u ta’ Z bħala lmenti dwar l-ittra tiegħu tal‑21 ta’ Novembru 2018 u, wara li ħa l-opinjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data Personali għall-Qrati Amministrattivi, iddefinixxa politika ġdida ta’ aċċess għall-annessi tal-proċessi ġudizzjarji, li ġiet ippubblikata fis-sit internet tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

15

X u Z ikkontestaw, quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi Ċentrali), id-deċiżjoni li permezz tagħha l-AP kienet irrifjutat il-kompetenza tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tat-talbiet tagħhom.

16

Skont din il-qorti, il-fatt li ġurnalist jingħata aċċess għall-annessi ta’ proċess ġudizzjarju li jkun fih data personali u li jqegħedhom temporanjament għad-dispożizzjoni tiegħu jikkostitwixxi “pproċessar” ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 2016/679, li għalih, f’dan il-każ, X u Z ma tawx il-kunsens tagħhom. Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-AP effettivament ma kellhiex kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ X u ta’ Z, il-qorti tar-rinviju tistaqsi madankollu dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li l-awtorità superviżjora ma għandhiex kompetenza sabiex tistħarreġ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati li jaġixxu “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Midden-Nederland (il-Qorti Distrettwali tal-Pajjiżi l-Baxxi Ċentrali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġusitizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 55(3) [tar-Regolament 2016/679] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-‘attivitajiet ta’ pproċessar ta’ qrati li jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom’ jistgħu jinkludu l-aċċess mogħti minn qorti għal annessi tal-proċess li jkun fihom data personali, meta dan l-aċċess jingħata billi kopji ta’ dawn l-annessi jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ ġurnalist, bħal fil-każ deskritt f’din id-deċiżjoni tar-rinviju?

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti jekk l-eżerċizzju ta’ superviżjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni fuq din il-forma ta’ pproċessar ta’ data jkunx jaffettwa l-indipendenza fit-teħid ta’ deċiżjoni tal-qorti f’kawżi speċifiċi?

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li l-ipproċessar ikollu, skont il-qorti, in-natura u l-għan li jinforma lil ġurnalist sabiex dan jitqiegħed f’pożizzjoni li jirrapporta aħjar dwar is-seduta pubblika fi proċedura ġudizzjarja u li jservi l-interess ta’ aċċess pubbliku u ta’ trasparenza tal-ġustizzja?

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hija rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-ipproċessar ta’ data jkunx ibbażat fuq bażi legali espliċita fid-dritt nazzjonali?”

Fuq id‑domanda preliminari

18

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li qorti tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ ġurnalisti b’mod temporanju dokumenti li ġejjin minn proċedura ġudizzjarja, li jkun fihom data personali, jaqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din il-qorti, tal-“kapaċità ġudizzjarja” tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi jekk, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-preġudizzju li jista’ jikkawża l-eżerċizzju mill-awtorità superviżjorja tas-setgħat tagħha għall-indipendenza tal-imħallfin fil-ġudizzju ta’ kawżi konkreti. Hija tistaqsi wkoll jekk għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-għan ta’ dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dokumenti proċedurali, jiġifieri li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jirrapportaw aħjar dwar l-iżvolġiment ta’ proċedura ġudizzjarja, jew ukoll il-kwistjoni dwar jekk dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni għandux bażi legali espliċita fid-dritt intern.

19

B’mod preliminari, Z isostni, minn naħa, li d-domanda magħmula hija ta’ natura ipotetika u li, għalhekk, hija inammissibbli. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, kuntrarjament għal dak li tindika t-talba għal deċiżjoni preliminari, l-ipproċessar tad-data kkonċernata ma jaqax taħt is-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat), iżda taħt is-servizz ta’ komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, li ma huwiex qorti. Din it-talba hija wkoll ivvizzjata b’diversi żbalji jew ineżattezzi oħra, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kwalità tal-persuna li allegatament avviċinat lil X u Z fi tmiem is-seduta u l-kontenut eżatt tat-talbiet mibgħuta mill-AP lill-President tas-Sezzjoni tal-Kontenzjuż Amministrattiv tar-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ liġi jew ta’ fatt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (ara s-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2020, Openbaar Ministerie (Falsifikazzjoni ta’ dokumenti), C‑510/19, EU:C:2020:953, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2017, Farkas, C‑564/15, EU:C:2017:302, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu pożizzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tad-dokumenti proċedurali li fihom data personali inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali sabiex jiġi stabbilit jekk l-istħarriġ tal-legalità ta’ dan tal-aħħar kienx jaqa’, jew le, taħt il-kompetenza tal-AP. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza jirriżulta li Z ma tistax tirribatti l-preżunjoni ta’ rilevanza li tibbenefika minnha d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju billi sempliċement tikkontesta l-elementi ta’ fatt li din tal-aħħar issemmi fid-domanda tagħha, li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni. Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Z għandha tiġi miċħuda.

23

Min-naħa l-oħra, Z isostni li l-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi ddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità superviżorja kkonċernata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, prevista minn din id-dispożizzjoni, ma huwiex akkumpanjat mill-obbligu tal-Istati Membri li jipprevedu modalitajiet ta’ superviżjoni speċifiċi li jirrigwardaw dawn l-operazzjonijiet ta’ pproċessar, u dan imur kontra r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal rimedju effettiv.

24

Madankollu, tali argument ma jistax jintlaqa’ peress li, kif jirriżulta mill-premessa 20 tar-Regolament 2016/679, il-leġiżlatur tal-Unjoni, billi stabbilixxa l-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament, ma kellux l-intenzjoni li jeżenta minn kwalunkwe superviżjoni l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”, iżda eskluda biss li s-superviżjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet tiġi fdata lil awtorità esterna.

25

Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, miġbura fil-qosor fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, hemm lok, qabel kollox, li jiġi rrilevat li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi li dan ir-regolament japplika għal kull “ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati u għall-ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni abbażi tal-identità tal-awtur tal-ipproċessar ikkonċernat. Minn dan isegwi li, bla ħsara għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) u (3) tiegħu, ir-Regolament 2016/679 japplika għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa kemm mill-persuni privati kif ukoll mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż, kif tindika l-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, l-awtoritajiet ġudizzjarji, bħall-qrati.

26

Dan il-qari huwa kkorroborat mill-fatt li diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 huma akkumpanjati minn aġġustamenti intiżi sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-ipproċessar imwettaq mill-qrati. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament, li jeskludi kull kompetenza tal-awtorità superviżorja fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

27

Ir-Regolament 2016/679 huwa differenti, f’dan ir-rigward, mid-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Diretiva tal-Kunill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375), li ma tapplikax għall-qrati (sentenza tal‑15 ta’ April 2021, Friends of the Irish Environment, C‑470/19, EU:C:2021:271, punti 34 sa 40).

28

Sabiex tiġi stabbilita l-portata tal-kunċett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679, għandu jitfakkar li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li hija tagħmel parti minnu u l-għanijiet segwiti permezz tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C‑181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 55 tar-Regolament 2016/679 jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jiddefinixxi l-kompetenza fil-qasam tas-superviżjoni tal-ipproċessar ta’ data personali u, b’mod partikolari, li jiddelimita l-kompetenza mogħtija lill-awtorità superviżorja nazzjonali.

30

L-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 jipprevedi b’dan il-mod li ma jaqgħux taħt il-kompetenza ta’ din l-awtorità superviżorja l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom”.

31

Il-premessa 20 tar-Regolament 2016/679, fid-dawl ta’ liema għandu jinqara l-Artikolu 55(3), tispeċifika li għandu jkun possibbli li tiġi fdata s-superviżjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” lil korpi speċifiċi fi ħdan l-apparat ġudizzjarju tal-Istat Membru kkonċernat pjuttost milli lill-awtorità superviżjora li taqa’ taħt dan tal-aħħar, bil-għan li “tiġi ssalvagwardjata l-indipendenza tal-ġudikatura fit-twettiq tal-kompiti ġudizzjarji tagħha, inkluż it-teħid ta’ deċiżjonijiet”.

32

Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem stess tal-premessa 20 tar-Regolament 2016/679, u b’mod partikolari mill-użu tal-espressjoni “inkluż”, jirriżulta li l-portata tal-għan segwit permezz tal-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament, li jikkonsisti fiż-żamma tal-indipendenza ġudizzjarja fl-eżerċizzju tal-missjonijiet ġudizzjarji tagħha, ma tistax tkun limitata biss għall-garanzija tal-indipendenza tal-imħallfin fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja partikolari.

33

Fil-fatt, iż-żamma tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja tippreżupponi, b’mod ġenerali, li l-funzjonijiet ġudizzjarji jiġu eżerċitati b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma l-qrati jkunu suġġetti għal ebda rabta ġerarkika jew ta’ subordinazzjoni jew li jirċievu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe oriġini, u b’hekk ikunu protetti minn kull intervent jew pressjoni esterna li jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-indipendenza tal-ġudizzju tal-membri tagħhom u li tista’ tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom. L-osservanza tal-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni tippreżupponi l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-istanza inkwistjoni fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44; tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 63; tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 72, kif ukoll tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19, C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 225).

34

Għaldaqstant, ir-riferiment għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati “fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom” li jinsab fl-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 għandu jinftiehem, fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, bħala li ma huwiex limitat għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-qrati fil-kuntest ta’ kawżi konkreti, iżda li jirrigwarda, b’mod iktar wiesa’, l-operazzjonijiet kollha ta’ pproċessar imwettqa mill-qrati fil-kuntest tal-attività ġudizzjarja tagħhom, b’tali mod li huma esklużi mill-kompetenza tal-awtorità superviżorja l-operazzjonijiet ta’ pproċessar li s-superviżjoni tagħhom minn din l-awtorità tista’, b’mod dirett jew indirett, ikollha influwenza fuq l-indipendenza tal-membri tagħha jew taffettwa d-deċiżjonijiet tagħhom.

35

F’dan ir-rigward, għalkemm in-natura u l-għan tal-ipproċessar imwettaq minn qorti huma marbuta prinċipalment mal-eżami tal-legalità ta’ din tal-aħħar, dawn jistgħu jikkostitwixxu indizji li jistgħu jiżvelaw li dan l-ipproċessar jaqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din il-qorti, tal-“funzjoni ġudizzjarja” tagħha.

36

Min-naħa l-oħra, huma marbuta min-naħa tagħhom esklużivament mal-eżami tal-legalità tal-ipproċessar il-punti dwar jekk dan tal-aħħar għandux bażi legali espliċita fid-dritt nazzjonali jew jekk id-data personali li huwa jinkludi tistax tiġi żvelata legalment lil terzi, peress li dawn l-elementi huma irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-awtorità superviżorja hijiex kompetenti sabiex tiżgura s-superviżjoni ta’ dan l-ipproċessar abbażi tal-Artikolu 55 tar-Regolament 2016/679.

37

Fir-rigward ta’ pproċessar bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligi sostantivi previsti mir-Regolament2016/679, ma jaqax, b’mod partikolari, taħt il-kompetenza tal-awtorità superviżorja, skont l-Artikolu 55(3) ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-qrati fil-kuntest tal-politika tagħhom ta’ komunikazzjoni dwar il-kawżi mressqa quddiemhom, bħal dawk li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni temporanja lil ġurnalisti ta’ annessi tal-proċess ta’ proċedura ġudizzjarja bl-għan li huma jkunu jistgħu jiżguraw l-kopertura tagħha fil-media.

38

Fil-fatt, id-determinazzjoni, fid-dawl tas-suġġett u tal-kuntest ta’ kawża speċifika, tal-informazzjoni li tirriżulta minn proċess ta’ proċedura ġudizzjarja li tista’ tiġi pprovduta lil ġurnalisti bil-għan li tippermettilhom jirrapportaw dwar l-iżvolġiment tal-proċedura ġudizzjarja jew li jiċċaraw aspett jew ieħor ta’ deċiżjoni mogħtija hija marbuta b’mod ċar mal-eżerċizzju, minn dawn il-qrati, tal-“kapaċità ġudizzjarja” tagħhom, li l-istħarriġ tagħha minn awtorità esterna jista’ jippreġudika, b’mod ġenerali, l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja.

39

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 55(3) tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li qorti tqiegħed għad-dispożizzjoni temporanja ta’ ġurnalisti dokumenti li ġejjin minn proċedura ġudizzjarja, li jkun fihom data personali, sabiex ikunu jistgħu jirrapportaw aħjar dwar l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura jaqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din il-qorti, tal-“kapaċità ġudizzjarja” tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l‑ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li qorti tqiegħed għad-dispożizzjoni temporanja ta’ ġurnalisti dokumenti li ġejjin minn proċedura ġudizzjarja, li jkun fihom data personali, sabiex ikunu jistgħu jirrapportaw aħjar dwar l-iżvolġiment ta’ din il-proċedura jaqa’ taħt l-eżerċizzju, minn din il-qorti, tal-“kapaċità ġudizzjarja” tagħha, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.