SENTENZA TAL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)
28 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KEE – Artikoli 3 sa 5 – Trasferimenti ta’ impriżi – Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema – Eċċezzjonijiet – Proċedura ta’ insolvenza – “pre-pack” – Sopravivenza ta’ impriża – Trasferiment ta’ (parti minn) impriża wara dikjarazzjoni ta’ falliment ippreċeduta minn pre-pack”
Fil-Kawża C‑237/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
Federatie Nederlandse Vakbeweging
vs
Heiploeg Seafood International BV,
Heitrans International BV,
IL‑QORTI TAL‑ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen (Relatur), L.S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,
Reġistratur: M. Ferreira, amministratriċi prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑30 ta’ Settembru 2021,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Federatie Nederlandse Vakbewegin, minn F. M. Dekker, advocaat, |
– |
għal Heitrans International BV u Heiploeg Seafood International BV, minn B. Kraaipoel, J. F. Fliek u I. Spinath, advocaten, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Nijenhuis u B.-R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Federatie Nederlandse Vakbeweging (il-Federazzjoni tal-Moviment Sindakali Olandiż) (iktar ’il quddiem l-“FNV”), organizzazzjoni sindakali Olandiża, u Heiploeg Seafood International BV u Heitrans International BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Heiploeg il‑Ġdida”), kumpanniji Olandiżi, dwar iż-żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema assenjati lil dawn il-kumpaniji wara trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedenti jkun ġie soġġett għal proċedura ta’ falliment. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
3 |
Id-Direttiva 2001/23 ikkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE tal‑14 ta’ Frar 1977 dwar l-approssimazzjoni tal‑liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil‑każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad‑29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88). |
4 |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 hija fformulata kif ġej: “Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.” |
5 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi, fil-paragrafu 1(a) u (b) tiegħu:
|
6 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu: “It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.” |
8 |
Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva: “1. Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti). 2. Meta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment determinat mil-liġi nazzjonali) Stat Membru jista’ jipprovdi li:
[…] 4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri approprjati bl-iskop li jipprevjenu l-użu ħażin tal-proċedimenti ta’ falliment b’tali mod li jċaħħdu lill-impjegati mid-drittijiet previsti f’din id-Direttiva.” |
Id‑dritt tal‑Pajjiżi l‑Baxxi
Il‑BW
9 |
Skont l-Artikolu 7:663 tal-Burgerlijk Wetboek (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BW”), minħabba t-trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-persuna li timpjega, fil-mument tat-trasferiment, minn kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn din tal-aħħar u l-impjegat li jaħdem hemm huma ttrasferiti ipso iure liċ-ċessjonarju. |
10 |
L-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW jipprovdi li dan l-Artikolu 7:663 ma japplikax għat-trasferiment ta’ impriża meta l-persuna li timpjega tkun ġiet iddikjarata fi stat ta’ falliment u meta l-impriża tidħol fil-massa tal‑falliment. |
11 |
L-Artikolu 7:663 u l-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW huma intiżi sabiex jittrasponu, rispettivament, l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. |
Il‑FW
12 |
L-Artikolu 1(1) tal-Faillissementswet (il-Liġi dwar il-Falliment, iktar ’il quddiem il-“FW”) jipprovdi li d-debitur għandu jiġi ddikjarat fi stat ta’ falliment mill-qorti, fuq id-dikjarazzjoni tiegħu stess jew fuq talba tal-kredituri tiegħu jew ta’ wieħed minnhom, meta huwa jkun f’sitwazzjoni ta’ waqfien ta’ ħlas u jkollu iktar minn kreditur wieħed. |
13 |
L-Artikolu 10 tal-FW jipprovdi li t-terzi għandhom id-dritt li jopponu d-dikjarazzjoni ta’ falliment matul perijodu ta’ tmint ijiem li jiddekorri mid-data tal-għoti tas-sentenza li tiddikjara l-falliment tad-debitur. |
14 |
Is-sentenza li tiddikjara falliment tinkludi wkoll l-isem tal-kuratur u tal-imħallef-superviżorju. |
15 |
L-Artikolu 68 tal-FW jipprovdi li l-kuratur huwa responsabbli għall-ġestjoni u l-likwidazzjoni tal-massa tal-falliment. Konformement mal-ġurisprudenza nazzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kredituri kollha, iżda wkoll l-interessi kollettivi, inkluż dak tal-preżervazzjoni tal-impjieg. |
16 |
Skont l-Artikolu 40 tal-FW, il-kuratur jista’ jittermina l-kuntratti ta’ xogħol ta’ ħaddiema impjegati mid-debitur fallut billi josserva preavviż ta’ massimu ta’ sitt ġimgħat. |
17 |
Skont l-Artikolu 64 tal-FW, l-imħallef-superviżorju jikkontrolla l-kuratur u jivverifika jekk dan ma jmurx lil hinn mill-kompetenzi tiegħu, jaġixxix fl-interess tal-kredituri kollha u jissodisfax b’mod korrett il-kompitu tiegħu. |
Il‑proċedura ta’ pre-pack
18 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi l-pre-pack bħala prattika nazzjonali ta’ oriġini ġurisprudenzjali li tippermetti, fil-kuntest tal-likwidazzjoni tal-assi ta’ debitur, li jiġi ppreparat il-bejgħ ta’ impriża sħiħa jew parti minnha li tappartjeni għall-patrimonju ta’ dan tal-aħħar sabiex jiżdiedu l-possibbiltajiet li l-kredituri jiġu kompletament rrimborsati. |
19 |
Il-preparattivi tal-bejgħ jikkonsistu, b’mod partikolari, f’li jiġi nnegozjat ma’ kandidat wieħed jew iktar ftehim li abbażi tiegħu l-impriża inkwistjoni kollha jew parti minnha tiġi ċeduta lilhom wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment tad-debitur. Il-pre-pack huwa differenti minn tranżazzjonijiet oħra ta’ bejgħ qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment fis-sens li t-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ organizzati fil-kuntest tiegħu huma ppreparati minn kuratur, imsejjaħ “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ imħallef-superviżorju, imsejjaħ “imħallef superviżur prospettiv”. Dawn huma maħtura mill-qorti kompetenti u mill-istatuti tagħhom u l-funzjonijiet tagħhom huma stabbiliti wkoll mill-ġurisprudenza tal-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi). |
20 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, skont din il-ġurisprudenza, il-missjoni tal- “kuratur prospettiv” hija ddeterminata mill-qorti li tinnominah u mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti jew mill-“imħallef superviżur prospettiv” indikat għal dan il-għan. “Kuratur prospettiv” għandu, bħall-kuratur fil-proċedura ta’ falliment, jieħu inkunsiderazzjoni, fil-fażi ta’ qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, l-interessi tal-kredituri kollha iżda wkoll l-interessi kollettivi, inkluż dawk relatati maż-żamma tal-impjieg. Il-“kuratur prospettiv” jista’, bl-istess mod bħall-kuratur tal-falliment, jinżamm responsabbli minħabba nuqqas imwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. |
21 |
Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-involviment tal-“kuratur prospettiv” u tal-“imħallef superviżur prospettiv” fi pre-pack huwa essenzjali, għaliex huma ġeneralment, fil-mument ta’ dikjarazzjoni sussegwenti tal-falliment, maħtura kuratur u mħallef superviżorju tal-proċedura ta’ falliment. Barra minn hekk, meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom matul il-pre-pack, huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-missjoni legali li huma jeżerċitaw wara d-dikjarazzjoni tal-falliment. |
22 |
Għalhekk, huwa l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” li għandu jipprepara t-trasferiment tal-impriża kollha jew ta’ parti minnha, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment tal-persuna ġuridika li din l-impriża tagħmel parti mill-patrimonju tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess tal-kredituri u tal-interessi kollettivi kollha. Wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, tkun xi tkun il-miżura tal-involviment tagħhom qabel il-falliment, huma obbligati, bħala kuratur u mħallef-superviżorju tal-proċedura ta’ falliment, jevalwaw jekk dan it-trasferiment jissodisfax dawn l-interessi u, fin-negattiv, li ma jipproċedix għall-imsemmi trasferiment. |
23 |
Ftehim ta’ trasferiment tal-impriża ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack jiġi konkluż u eżegwit biss wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, meta l-kuratur u l-imħallef-superviżorju maħtura mill-qorti jkollhom il-kompetenzi legali tagħhom. Dawn tal-aħħar jistgħu ġeneralment jaġixxu malajr, peress li hija drawwa li jinħatru għal dawn il-funzjonijiet l-ex kuraturi u imħallfin superviżuri prospettivi. |
24 |
B’hekk, din il-proċedura tippermetti li jiġi evitat li, wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, l-impriża kkonċernata kollha jew parti minnha tiġi magħluqa, anki jekk għal żmien qasir, u li tikseb, permezz tat-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha li l-operat tagħha jkun inżamm (going concern), prezz aħjar taċ-ċessjoni ta’ din tal-aħħar sabiex il-kredituri jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod. |
Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
25 |
Il-grupp Heiploeg (iktar ’il quddiem “Ex Grupp Heiploeg”) kien magħmul minn diversi kumpanniji li kienu jeżerċitaw attività ta’ kummerċ bl-ingrossa ta’ ħut kif ukoll ta’ frott tal-baħar u ta’ attivitajiet relatati miegħu. Matul is-snin 2011 u 2012, l-Ex Grupp Heiploeg akkumula telf finanzjarju sostanzjali. Barra minn hekk, ġiet imposta fuq erba’ kumpanniji ta’ dan il-grupp, f’Novembru 2013, mill-Kummissjoni Ewropea, multa ta’ EUR 27 miljun talli pparteċipaw f’akkordju. |
26 |
Fid-dawl tad-diffikultajiet finanzjarji serji tal-Ex Grupp Heiploeg, l-ebda bank ma aċċetta li jiffinanzja din il-multa. Barra minn hekk, sa minn meta ngħatat il-multa, ġiet eżaminata l-possibbiltà li jsir użu minn pre-pack. Għal dan il-għan, diversi kumpanniji indipendenti mill-grupp Heiploeg ġew mistiedna jippreżentaw offerta fuq l-assi tal-Ex Grupp Heiploeg. Peress li l-offerta ppreżentata minn Parlevliet en Van der Plas Beheer BV tqieset bħala l-iktar waħda promettenti, in-negozjati tkomplew ma’ din il-kumpannija. |
27 |
B’risposta għal talba tal-Ex Grupp Heiploeg., ir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), fis‑16 ta’ Jannar 2014, ħatret żewġ “kuraturi prospettivi” u “imħallef superviżur prospettiv”. Mill-ittra ta’ ħatra jirriżulta li l-għan tal-miżura kien li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha u li toffri possibbiltà li jiġi ppreparat bejgħ jew riorganizzazzjoni minn sitwazzjoni ta’ insolvenza. Il-qorti fakkret li l-“kuraturi prospettivi” u l-“imħallef superviżur prospettiv” ma kellhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack, ebda kompetenza jew missjoni legali, iżda kienu inkarigati li josservaw, jinformaw ruħhom u li jkunu informati kif ukoll li jagħtu l-opinjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, il-pariri tagħhom. Hija ppreċiżat li huma kellhom jispiraw ruħhom mill-interessi tal-kredituri kollha, daqslikieku l-insolvenza kienet diġà ngħatat u, f’każ ta’ proċedura ta’ insolvenza sussegwenti, jagħtu rendikont tal-proċedura ta’ pre-pack fir-relazzjonijiet pubbliċi. L-Ex Grupp Heiploeg kien obbligat li jikkoopera b’mod sħiħ mal-“kuraturi prospettivi” u l-“imħallef superviżur prospettiv”. |
28 |
Fis‑27 ta’ Jannar 2014, l-Ex Grupp Heiploeg talbet lir-Rechtbank Noord-Nederland (il-Qorti Distrettwali ta’ Noord-Nederland) sabiex tiġi ddikjarata falluta. L-għada, din il-qorti laqgħet din it-talba u ħatret, bħala kuratur u mħallef-superviżorju, il-persuni li preċedentement eżerċitaw il-funzjonijiet ta’ “kuratur prospettiv” u ta’ “imħallef superviżur prospettiv”. |
29 |
Iż-żewġ kumpanniji li jifformaw Heiploeg il-Ġdida, irreġistrati fir-Reġistru tal-Kummerċ fil‑21 ta’ Jannar 2014, ħadu l-parti l-kbira tal-attivitajiet kummerċjali tal-Ex Grupp Heiploeg. Il-ftehim ta’ ċessjoni tal-assi, li permezz tiegħu l-attivitajiet tal-Ex Grupp Heiploeg huma ttrasferiti lil Heiploeg il-Ġdida, ġie konkluż fid‑29 ta’ Jannar 2014. |
30 |
Skont dan il-ftehim, Heiploeg il-Ġdida ħadet il-kuntratti ta’ xogħol ta’ madwar żewġ terzi tal-impjegati tal-Ex Grupp Heiploeg sabiex jeżerċitaw, fuq l-istess post tax-xogħol, l-attivitajiet li huma kienu jeżerċitaw qabel, filwaqt li ssuġġettawhom għal kundizzjonijiet ta’ xogħol inqas favorevoli. Heiploeg il-Ġdida akkwistat il-bini tal-Ex Grupp Heiploeg, li hija tuża, u żammet kważi l-istess klijentela bħal dik tal-Ex Grupp Heiploeg. |
31 |
L-FNV appellat mis-sentenza tal-ewwel istanza li ddikjarat il-falliment tal-Ex Grupp Heiploeg. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Appell ċaħdet ir-rikors, billi qieset li Heiploeg il-Ġdida kienet sostniet mingħajr ma ġiet ikkontestata li t-telf finanzjarju subit mill-Ex Grupp Heiploeg u l-fatt li l-banek ma kinux disposti li jiffinanzjaw l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuq erba’ kumpanniji ta’ dan il-grupp kellu l-effett li jrendi inevitabbli l-falliment ta’ dan tal-aħħar. Minn dan, din il-qorti ddeduċiet li t-tliet kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 kienu ssodisfatti u li, għaldaqstant, Heiploeg il-Ġdida ma kinitx marbuta mal-kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ impjieg applikabbli għall-impjegati tagħha qabel it-trasferiment. L-imsemmija qorti fil-fatt ikkunsidrat li, waqt it-trasferiment tal-Ex Grupp Heiploeg għal għand Heiploeg il-Ġdida, l-ewwel, l-Ex Grupp Heiploeg kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, it-tieni din il-proċedura kienet tirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedenti u, it-tielet, l-imsemmija proċedura kienet tqiegħdet taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika. |
32 |
L-FNV ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden (Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) kontra din is-sentenza, billi sostniet li l-aħħar żewġ kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni ma kinux issodisfatti fil-każ ta’ proċedura ta’ pre-pack u li, minħabba f’hekk, it-trasferiment tal-Ex Grupp Heiploeg lil Heiploeg il-Ġdida kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/23, b’tali mod li l-impjegati tal-Ex Grupp Heiploeg kellhom jitqiesu li daħlu fis-servizz ta’ Heiploeg il-Ġdid filwaqt li żammew il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. |
33 |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Artikolu 7:663 tal-BW, minħabba t-trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għall-persuna li timpjega, fil-mument tat-trasferiment, minn kuntratt ta’ xogħol konkluż bejn din tal-aħħar u l-impjegat li jaħdem hemm huma ttrasferiti liċ-ċessjonarju. Hija tindika li din id-dispożizzjoni madankollu ma tapplikax għal trasferiment ta’ impriża, skont l-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW, meta l-persuna li timpjega tkun ġiet iddikjarata falluta u l-impriża tappartjeni għall-massa tal-falliment. Din il-qorti żżid li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jikkostitwixxu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/23, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni konformi ma’ din id-direttiva. |
34 |
Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li l-għan prinċipali ta’ proċedura ta’ pre-pack huwa li jintlaħaq, waqt il-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur, ir-rimbors l-iktar għoli tal-kredituri kollha, u li, b’mod aċċessorju, operazzjoni ta’ pre-pack tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ parti mill-impjieg. Barra minn hekk, hija tippreċiża li l-kontroll pubbliku fil-proċedura ta’ falliment ma huwiex kompromess mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel il-proċedura ta’ falliment. |
35 |
Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li huwa stabbilit li l-Ex Grupp Heiploeg kien is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din il-qorti tesprimi dubji dwar jekk il-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax iż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, jiġifieri jekk din il-proċedura, minn naħa, tistax titqies bħala intiża għal-likwidazzjoni tal-beni tal-Ex Grupp Heiploeg u, min-naħa l-oħra, taqax taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ewwel domanda
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga “li kien[et] istitwit[a] bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment tal-impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li matulha l-imsemmi trasferiment jitwettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack li għandha bħala għan li tippermetti, waqt il-proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata (going concern) sabiex il-kredituri kollha jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg. |
38 |
Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 44 u 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-introduzzjoni tad-deroga prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 tikkostitwixxi kodifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, minkejja li d-Direttiva 77/187 ma kienet tinkludi ebda dispożizzjoni speċifika f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenzi tagħha tas‑7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55), u tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), kienet irrikonoxxiet, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-ispeċifiċità, fir-rigward tad-dritt soċjali, tad-dritt tal-falliment, li hija kkaratterizzata minn proċeduri speċjali li l-għan tagħhom huwa li jibbilanċjaw diversi interessi, b’mod partikolari dawk tal-kategoriji differenti ta’ kredituri, il-possibbiltà ta’ deroga mill-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni individwali tal-ħaddiema meta impriża jew parti minnha li ġiet ttrasferita kienet is-suġġett ta’ proċedura li tirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent. |
39 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 25 tas-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 1995, Spano et. (C‑472/93, EU:C:1995:421), li d-Direttiva 77/187 ma kinitx tapplika għat-trasferimenti li seħħew fil-kuntest ta’ proċeduri intiżi għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent, bħall-proċedura ta’ falliment inkwistjoni fis-sentenza tas‑7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55), jew il-proċedura ta’ likwidazzjoni amministrattiva forzata tad-dritt Taljan, inkwistjoni fis-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), filwaqt li hija kienet tapplika, min-naħa l-oħra, għat-trasferiment ta’ impriżi suġġetti għall-proċeduri li għandhom bħala għan il-prosegwiment tal-attività tal-impriża. |
40 |
Għandu jiġi ppreċiżat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et. (C‑362/89, EU:C:1991:326), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ħadet konjizzjoni, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-impjegati kinux iżommu, waqt trasferiment ta’ impriża, id-drittijiet li jirriżultaw mill-anzjanità miksuba qabel it-trasferiment, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi li kienet tinvolvi żewġ tipi ta’ effetti għal dawn tal-aħħar. Din il-kawża kienet ikkaratterizzata mill-fatt li, minn naħa, l-impriża ttrasferita setgħet titqiegħed taħt sistema ta’ likwidazzjoni amministrattiva forzata li l-effetti tagħha kienu paragunabbli ma’ dawk tal-falliment u, min-naħa l-oħra, din l-impriża setgħet, filwaqt li titqiegħed taħt din is-sistema, tkompli l-attività tagħha, taħt id-direzzjoni ta’ kummissarju, għal perijodu bbażat fuq il-modalitajiet ta’ kalkolu ddeterminati mil-liġi. F’dan l-aħħar każ, dan il-kummissarju kellu jipprevedi programm li l-eżekuzzjoni tiegħu kellha tiġi awtorizzata mill-awtorità ta’ superviżjoni u li kellu jinkludi, sa fejn huwa possibbli u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-kredituri, pjan ta’ ristrutturazzjoni, kompatibbli mal-linji gwida tal-politika industrijali, mal-indikazzjoni speċifika tal-installazzjonijiet li għandhom jerġgħu jibdew joperaw u dawk li għandhom jiġu kkompletati kif ukoll tal-installazzjonijiet u tal-kumplessi ta’ impriża li kellhom jiġu ttrasferiti. L-imsemmija leġiżlazzjoni kellha għalhekk karatteristiċi differenti, skont jekk id-digriet li jordna l-likwidazzjoni amministrattiva forzata jiddeċiedi jew le il-prosegwiment tal-attività tal-impriża (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punti 27 sa 30). |
41 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-ewwel wieħed minn dawn l-effetti kien paragunabbli ma’ falliment, peress li kien jirrigwarda l-likwidazzjoni tal-assi tad-debitur bil-għan tas-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri, b’tali mod li t-trasferimenti li saru f’dan il-kuntest kellhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 31). Min-naħa l-oħra, hija qieset li, meta t-tieni effett kien intiż, l-għan tal-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja kien jikkonsisti, prinċipalment, f’li jingħata lill-impriża ekwilibriju li jippermetti li tiġi żgurata l-attività tagħha għall-futur. L-għan ekonomiku u soċjali hekk imfittex ma jistax fil-fatt jispjega u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża kkonċernata tkun is-suġġett ta’ trasferiment totali jew parzjali, l-impjegati tagħha jiġu mċaħħda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom din id-direttiva fil-kundizzjonijiet li hija tippreċiża (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 32). |
42 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda tinkludi elementi fattwali u proċedurali li, skont il-qorti tar-rinviju, jew ma ġewx irrilevati fid-deċiżjoni tar-rinviju li tat lok għas‑sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), jew ma kinux jeżistu fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza u, konsegwentement, jipprekludu traspożizzjoni fil-kawża prinċipali tar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-imsemmija sentenza. |
43 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, iddeċidiet, fil-punt 47 ta’ din l-istess sentenza, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jeżiġi li l-proċedura ta’ falliment jew il-proċedura ta’ insolvenza analoga għal din il-proċedura jinbdew għall-finijiet tal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent u fakkret li, skont il-ġurisprudenza tagħha, ma tissodisfax lil din il-kundizzjoni proċedura intiża għall-prosegwiment tal-attività tal-impriża kkonċernata. |
44 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet, fir-rigward tad-differenzi bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ proċedura, li proċedura hija intiża għall-prosegwiment tal-attività li għandha l-għan li tiġi ssalvagwardjata n-natura operazzjonali tal-impriża jew tal-unitajiet vijabbli tagħha. Min-naħa l-oħra, proċedura li twassal għal-likwidazzjoni tal-beni intiża li timmassimizza s-sodisfazzjon kollettiv tal-kredituri. Madankollu, minkejja li ma huwiex eskluż li tista’ teżisti ċerta koinċidenza bejn dawn iż-żewġ għanijiet li jsegwu proċedura speċifika, l-għan prinċipali ta’ proċedura fir-rigward tal-prosegwiment ta’ attività tal-impriża jibqa’, fi kwalunkwe każ, is-salvagwardja tal-impriża kkonċernata (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et., C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 48). |
45 |
Fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proċedura ta’ pre-pack esposti mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), b’mod partikolari minħabba l-fatt li din il-proċedura kienet intiża sabiex jiġi evitat il-waqfien f’daqqa tal-attivitajiet tal-impriża kkonċernata fid-data tad-dikjarazzjoni tal-falliment, sabiex jiġu ppreżervati kemm il-valur ekonomiku tal-imsemmija impriża kif ukoll l-impjieg, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, li, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, l-imsemmija proċedura, fl-aħħar mill-aħħar, ma kinitx intiża għal-likwidazzjoni tal-impriża kkonċernata, b’tali mod li l-għan ekonomiku u soċjali li hija ssegwi ma jistax jispjega u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża kienet is-suġġett ta’ trasferiment totali jew parzjali, l-impjegati tagħha ġew imċaħħda mid-drittijiet lilhom irrikonoxxuti fid-Direttiva 2001/23. |
46 |
Kuntrarjament għal fatti inkwistjoni fl-imsemmija kawża, f’din il-proċedura, il-qorti tar-rinviju tindika li, meta l-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni kienet inbdiet, l-insolvenza taċ-ċedent kienet inevitabbli u li kemm il-proċedura ta’ falliment kif ukoll il-proċedura ta’ pre-pack li ppreċedietha kienu jipprevedu l-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, wara li barra minn hekk il-falliment ġie ddikjarat. Din il-qorti tirrileva li l-għan prinċipali ta’ dawn il-proċeduri kollha li wasslu għal din il-likwidazzjoni kien li jinkiseb l-ogħla rendiment possibbli għall-kredituri kollha. |
47 |
Huwa stabbilit ukoll li, f’dan il-każ, it-trasferiment tal-impriża kkonċernata seħħ matul proċedura ta’ falliment intiża sabiex tillikwida l-assi kollha ta’ Ex Grupp Heiploeg, jiġifieri tal-impriża taċ-ċedent. |
48 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jagħmel distinzjoni bejn “min ikun qed jagħmel it-trasferiment” u “impriża”, “negozju” jew “parti minn impriża jew negozju” li jappartjenu lill-imsemmi ċedent, għandha ssir distinzjoni bejn l-attività ekonomika globali taċ-ċedent u l-attivitajiet individwali tal-entitajiet differenti li jidhru fost il-beni tiegħu li għandhom jiġu likwidati. |
49 |
Mill-kliem tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, u bħala konsegwenza tad-deroga li hija tipprevedi, ma huwiex limitat għall-impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriża jew ta’ negozju li l-attività tagħhom ġiet definittivament mitmuma qabel iċ-ċessjoni jew wara din. |
50 |
Fil-fatt, dan l-Artikolu 5(1), peress li jipprevedi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ xogħol jew minn relazzjoni ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment ma jiġux ittrasferiti liċ-ċessjonarju meta l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti, jimplika li impriża jew parti minn impriża li għadha attiva għandha tkun tista’ tiġi ttrasferita filwaqt li tibbenefika mid-deroga prevista fl-imsemmija dispożizzjoni. Billi tipproċedi b’dan il-mod, id-Direttiva 2001/23 tipprevjeni r-riskju li l-impriża, in-negozju jew il-parti tal-impriża jew tan-negozju kkonċernata jonqsu qabel ma ċ-ċessjonarju jieħu f’idejh, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment mibdija bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, parti mill-assi u/jew milll-attivitajiet taċ-ċedent li jistgħu jitqiesu vijabbli. Għalhekk, din id-deroga hija intiża sabiex teskludi r-riskju serju ta’ deterjorament, fuq livell globali, tal-valur tal-impriża ttrasferita jew tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema li jmur kontra l-għanijiet tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, sentenza tal‑25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et., C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 ma hijiex invalidata mill-fatt li t-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju, imwettaq matul proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga mibdija bil-għan tal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent, ġie ppreparat qabel il-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri, peress li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax il-perijodu ta’ qabel il-ftuħ tal-proċeduri ta’ falliment jew ta’ insolvenza kkonċernati. Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 5(2), li minnu jirriżulta b’mod ċar li l-eċċezzjonijiet li huwa jipprevedi jirrigwardaw il-każijiet fejn l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva japplikaw għal trasferiment imwettaq “waqt” proċedura ta’ insolvenza mibdija fil-konfront taċ-ċedent. |
52 |
Għalhekk, meta l-għan prinċipali ta’ proċedura ta’ pre-pack segwita minn proċedura ta’ falliment jikkonsisti fil-ksib, wara l-konstatazzjoni ta’ insolvenza taċ-ċedent u tal-likwidazzjoni tiegħu, tar-rimbors l-iktar għoli possibbli għall-kredituri kollha tiegħu, dawn il-proċeduri, meħuda flimkien, jissodisfaw, bħala prinċipju, it-tieni kundizzjoni imposta fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. |
53 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, f’kull sitwazzjoni, jekk il-proċedura ta’ pre-pack u l-proċedura ta’ falliment inkwistjoni għandhom tendenza għal-likwidazzjoni tal-impriża minħabba l-insolvenza ppruvata taċ-ċedent u mhux minħabba sempliċi riorganizzazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi stabbilit mhux biss li dawn il-proċeduri għandhom l-għan prinċipali li jissodisfaw bl-aħjar mod il-kredituri kollha iżda wkoll li l-implimentazzjoni tal-likwidazzjoni permezz ta’ ċessjoni tal-impriża avvjata (going concern) jew ta’ parti minnha, kif ippreparata fil-proċedura ta’ pre-pack u mwettqa wara l-proċedura ta’ falliment, tippermetti li jintlaħaq dan l-għan prinċipali. B’hekk, l-għan ta’ rikors għal proċedura ta’ pre-pack, għall-finjiet ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija, huwa li jippermetti lil kuratur u lill-imħallef superviżorju maħtura mill-qorti wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment ta’ din tal-aħħar li jżidu l-opportunitajiet ta’ sodisfazzjon tal-kredituri. |
54 |
Madankollu, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni hija rregolata biss minn regoli ġurisprudenzjali u li l-applikazzjoni tagħhom li ssir mill-qrati nazzjonali differenti ma hijiex uniformi, b’tali mod li tkun is-sors, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, ta’ inċertezza legali. Issa, f’tali ċirkustanzi, il-proċedura ta’ pre-pack stabbilita mill-ġurisprudenza tal-qorti tar-rinviju ma tistax titqies bħala li tirregola l-implimentazzjoni tal-eċċezzjoni li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 u ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali. |
55 |
Minn dan isegwi li, minkejja l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta ċ-ċedent ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment jew ta’ proċedura ta’ insolvenza analoga “li kien[et] istitwit[a] bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment tal-impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, qabel il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-assi taċ-ċedent u li matulha l-imsemmi trasferiment jitwettaq, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack li għandha bħala għan prinċipali li tippermetti, fi proċedura ta’ falliment, likwidazzjoni tal-impriża avvjata sabiex il-kredituri kollha jiġu ssodisfatti bl-aħjar mod u sabiex kemm jista’ jkun jinżamm l-impjieg, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji. |
Fuq it‑tieni domanda
56 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju meta l-proċedura ta’ falliment jew proċedura ta’ insolvenza analoga li għaliha jkun suġġett iċ-ċedent “[hija] taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti ”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment minn“kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv” u li l-ftehim dwar dan it-trasferiment jiġi konkluż u eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent. |
57 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, hekk kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489, punt 53), u kif ikkonfermat il-qorti tar-rinviju, il-proċedura ta’ pre-pack li tippreċedi d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent hija ta’ oriġini ġurisprudenzjali u ma għandhiex bażi fil-leġiżlazzjoni Olandiża jew fir-regolament Olandiż. |
58 |
Fir-rigward b’mod iktar preċiż tal-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), il-Qorti tal-Ġustizzja, abbażi tal-proċess ippreżentat quddiemha, iddeċidiet, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li din il-proċedura ma tqegħditx taħt il-kontroll tal-qorti kompetenti, iżda kienet ġestita mill-amministrazzjoni tal-impriża li mexxiet in-negozjati u adottat id-deċiżjonijiet li jippreparaw il-bejgħ tal-impriża falluta. Fil-punt 55 tal-imsemmija sentenza, hija qieset li l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” formalment ma kellhom l-ebda setgħa u li ma kienu suġġetti għal ebda kontroll eżerċitat minn awtorità pubblika. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li, sa fejn, immedjatament wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, l-imħallef superviżorju ta l-awtorizzazzjoni għat-trasferiment ippreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack, dan tal-aħħar kellu, qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura, ikun ġie informat u jkun ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet, fil-punt 57 tal-istess sentenza, li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-proċedura ta’ pre-pack inkwistjoni f’din il-kawża kienet idonea biex tneħħi kważi kompletament mill-kontenut tagħha kwalunkwe kontroll possibbli mill-awtorità pubblika kompetenti fuq il-proċedura ta’ falliment u għalhekk ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ kontroll ta’ tali awtorità stabbilita fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. |
59 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, li tfakkar li l-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv”, minkejja li huma maħtura minn qorti, ma għandhom ebda kompetenza legali meta jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom waqt proċedura ta’ pre-pack, tesponi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, diversi elementi li jistgħu jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 57 tas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Federatie Nederlandse Vakvereniging et. (C‑126/16, EU:C:2017:489), b’tali mod li din l-evalwazzjoni tista’ tiġi applikata biss fil-kuntest tal-kawża prinċipali. |
60 |
Għandu jiġi rrilevat b’mod iktar partikolari li, skont din il-qorti, l-istatus u l-funzjonijiet tal-“kuratur prospettiv”, iddefiniti mill-qorti li tinnominah jew mill-indikazzjonijiet tal-“imħallef superviżur prospettiv” maħtur għal dan il-għan, ma humiex differenti b’mod sostanzjali mill-istatus u l-funzjonijiet tal-kuratur fil-proċedura ta’ falliment. Il-“kuratur prospettiv” jista’, bl-istess mod bħall-kuratur ta’ falliment, jinżamm responsabbli għal nuqqas fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u r-responsabbiltà personali tiegħu tiġi evalwata abbażi tal-istess kriterji bħal dawk applikabbli għall-kuratur ta’ falliment. L-“imħallef superviżur prospettiv” — bħall-imħallef superviżorju fil-proċedura ta’ falliment — jiżgura l-kontroll, matul il-proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, tal-“kuratur prospettiv” sabiex dan tal-aħħar ma jeċċedix il-kompetenzi tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-kredituri kollha. Il-qorti li ħatret il-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” tikkontrolla, fil-każ ta’ proċedura sussegwenti ta’ insolvenza, jekk dawn il-persuni segwewx l-indikazzjonijiet kollha li ngħatawlhom u, jekk dan ma jkunx il-każ, jaħtru persuni oħra bħala kuraturi u imħallef superviżorju fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-falliment. |
61 |
L-imsemmija qorti tippreċiża li, fil-kawża prinċipali, minkejja li l-ftehim li abbażi tiegħu ġiet ittrasferita l-impriża ġie ppreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack, dan il-ftehim kien għadu ma ġiex konkluż fil-mument li fih ġie deċiż il-falliment tal-Ex Grupp Heiploeg. Issa, mid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kuraturi u l-imħallef superviżorju li kienu inkarigati li jsegwu l-proċedura ta’ falliment u nħatru mill-qorti għal dan il-għan, kellhom kompetenzi legali f’dan is-sens u kienu suġġetti għall-istess rekwiżiti ta’ oġġettività u ta’ indipendenza bħal dawk applikabbli għal kuratur u għal imħallef superviżorju maħtur fi falliment mhux preċedut minn proċedura ta’ pre-pack. Għaldaqstant, huma kienu obbligati jevalwaw jekk it-trasferiment tal-unitajiet vijabbli tal-impriża tal-Ex Grupp Heiploeg ippreparat qabel id-dikjarazzjoni tal-falliment kienx isir fl-interess tal-kredituri kollha. Konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ pre-pack, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex effett fuq il-kontroll li ser jitwettaq sussegwentement matul proċedura ta’ falliment minn awtorità pubblika kompetenti, jiġifieri mill-kuratur u l-imħallef superviżorju ta’ falliment, peress li dan il-kontroll huwa previst mill-FW. |
62 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-“kuratur prospettiv” u l- “imħallef superviżur prospettiv” jinħatru mill-qorti kompetenti għall-proċedura ta’ pre-pack u peress li din il-qorti mhux biss tiddefinixxi l-funzjonijiet tagħhom iżda tipproċedi, waqt il-ftuħ sussegwenti tal-proċedura ta’ falliment, għal kontroll tal-eżerċizzju ta’ dawn il-proċeduri, billi tiddeċiedi jekk taħtar jew le, bħala kuratur u bħala imħallef superviżorju tal-proċedura ta’ falliment, dawn l-istess persuni, jeżisti diġà, minn dan il-fatt, kontroll ta’ “kuratur prospettiv” u ta’ “imħallef superviżur prospettiv” mill-awtorità pubblika kompetenti. |
63 |
Din l-evalwazzjoni hija kkorroborata mill-fatt, minn naħa, li t-trasferiment ippreparat matul il-proċedura ta’ pre-pack jitwettaq biss wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment, il-kuratur u l-imħallef superviżorju jistgħu jirrifjutaw li jipproċedu għal din iċ-ċessjoni jekk iqisu li dan imur kontra l-interess tal-kredituri taċ-ċedent li l-assi tiegħu għandhom jiġu likwidati. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, il-“kuratur prospettiv” mhux biss għandu jirrapporta l-ġestjoni tiegħu tal-fażi preparatorja fir-rapport ta’ falliment, iżda jista’ wkoll jinżamm responsabbli bl-istess kundizzjonijiet bħall-kuratur tal-falliment. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-intervent tal-“kuratur prospettiv” matul il-proċedura tal-pre-pack isir taħt l-kontroll tal-“imħallef superviżur prospettiv”” u, għaldaqstant, tal-qorti kompetenti, b’hekk din tal-aħħar tista’, jekk tqis li l-“kuratur prospettiv” ma kkonformax ruħu mal-funzjoni mogħtija lilu mill-qorti, tissostitwixxi lil dan il-kuratur ma’ persuna oħra jew topponi l-għeluq tal-proċedura ta’ pre-pack. |
64 |
Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, sabiex jiġu żgurati l-funzjonijiet fdati lilhom fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack kif ukoll fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment, il-“kuratur prospettiv” u l-“imħallef superviżur prospettiv” huma mġiegħla, sa mill-fażi preparatorja tal-falliment li tikkostitwixxi l-proċedura ta’ pre-pack, jikkonsultaw, iwettqu evalwazzjoni tad-diversi ipoteżijiet ta’ ċessjoni u jeżaminaw il-ftehim ta’ trasferiment li eventwalment ikollhom jivvalidaw u jeżegwixxu meta tinfetaħ il-proċedura ta’ falliment. Konsegwentement, iż-żmien li għadda bejn il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment u l-iffirmar tal-ftehim imħejji fil-kuntest tal-proċedura ta’ pre-pack ma jistax, bħala tali, jintuża bħala kriterju sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità pubblika kompetenti setgħetx jew le teżerċita l-kontroll previst f’dan ir-rigward. |
65 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment minn “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv”, ma jipprekludix li t-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 tkun issodisfatta. |
66 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjoni li huwa jipprevedi, skont liema l-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew ta’ negozju meta l-proċedura ta’ falliment jew proċedura ta’ insolvenza analoga li għaliha jkun suġġett iċ-ċedent “[hija] taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti ”, hija ssodisfatta meta t-trasferiment ta’ impriża kollha jew parti minnha huwa ppreparat, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ pre-pack qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, minn “kuratur prospettiv”, imqiegħed taħt il-kontroll ta’ “imħallef superviżur prospettiv”, u li l-ftehim dwar dan it-trasferiment jiġi konkluż u eżegwit wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment intiża għal-likwidazzjoni tal-beni taċ-ċedent, suġġett għall-fatt li tali proċedura ta’ pre-pack tkun irregolata minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji. |
Fuq l‑ispejjeż
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.