SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ April 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Klawżoli 2 u 4 – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol part‑time – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Giudici di pace [membri tal-ġudikatura li jippresjedu l-Qorti Konċiljatorja] u membri tal-ġudikatura ordinarji – Klawżola 5 – Miżuri intiżi sabiex jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien indeterminat – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Leave annwali mħallas”
Fil-Kawża C‑236/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per l’Emilia Romagna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Emilia Romagna, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Mejju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2020, fil-proċedura
PG
vs
Ministero della Giustizia,
CSM – Consiglio Superiore della Magistratura,
Presidenza del Consiglio dei Ministri,
fil-preżenza ta’:
TR,
Unione Nazionale Giudici di Pace (Unagipa),
PV,
Associazione Nazionale Giudici di Pace – ANGDP,
RF,
GA,
GOT Non Possiamo Più Tacere,
Unione Nazionale Italiana Magistrati Onorari – UNIMO,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, I. Ziemele, T. von Danwitz, P. G. Xuereb u A. Kumin, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal PG, minn L. Serino, E. Lizza u G. Romano, avvocati, |
– |
għal PV u Associazione Nazionale Giudici di Pace – ANGDP, minn G. Guida u V. De Michele, avvocati, |
– |
għal Unione Nazionale Giudici di Pace (Unagipa) u TR, minn G. Guida, V. De Michele u F. Visco, avvocati, |
– |
għal RF, minn B. Nascimbene u F. Rossi Dal Pozzo, avvocati, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani u A. Vitale, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.‑R. Killmann u D. Recchia, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20, 21, 31, 33, 34 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas fuq ix-xogħol part‑time”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part‑time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/23/KE tas‑7 ta’ April 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 278) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 97/81”), tal-klawżoli 2, 4 u 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368), tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79), kif ukoll tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, PG, Giudice di pace (membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja) u, min-naħa l-oħra, il-Ministero della Giustizia (il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Italja), il-Consiglio Superiore della Magistratura (il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura, l-Italja) u l-Presidenza del Consiglio dei Ministri (il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri, l-Italja) dwar ir-rifjut li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol tas-servizz pubbliku, full‑time jew part‑time, bejn PG u l-Ministeru għall-Ġustizzja. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑dritt tal‑Unjoni
Il‑Ftehim qafas fuq ix‑xogħol part time
3 |
Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part‑time, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi: “1. Dal-Ftehim japplika għal ħaddiema part-time li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettiv jew skond il-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru. […]”. |
4 |
Il-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part‑time tgħid: “1. Fejn għandhom x’jaqsmu il-kondizzjonijiet tax-xogħol, ħaddiema part-time m’għandhomx jiġu ttrattati b’manjiera inqas favorevoli minn ħaddiema full-time ta’ l-istess tip biss minħabba li huma jaħdmu part-time kemm-il darba dan it-trattament differenti mhuwiex oġġettivament ġustifikat. 2. Meta approprjat, il-prinċipju ta’ pro rata temporis għandu japplika.” |
Il‑Ftehim qafas fuq ix‑xogħol għal żmien determinat
5 |
Il-klawżola 2 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, intitolata “L-iskop [Il-kamp ta’ applikazzjoni]”, tipprevedi: “1. Dan il-ftehim japplika għal ħaddiema għal terminu fiss li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit fil-liġi, fil-ftehim kollettiv jew fil-prattika f’kull Stat Membru. […]” |
6 |
Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tistabbilixxi: “1. Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet tal-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi [għal raġuni] oġġettiva. 2. Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis. […]” |
7 |
Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, intitolata “Miżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprevedi: “1. Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:
2. L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:
|
Id‑Direttiva 2003/88
8 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, intitolat “Leave annwali”, jipprevedi: “1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġiżlazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika. 2. Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.” |
Id‑dritt Taljan
9 |
L-Artikolu 106 tal-Kostituzzjoni jinkludi dispożizzjonijiet fundamentali dwar l-aċċess għall-ġudikatura: “L-imħallfin jinħatru permezz ta’ kompetizzjoni. Il-liġi dwar l-ordinament ġudizzjarju tista’ tippermetti l-ħatra, ukoll permezz ta’ elezzjoni, ta’ mħallfin onorarji għall-funzjonijiet kollha attribwiti lil imħallfin individwali. […]” |
10 |
Il-legge n. 374 – Istituzione del giudice di pace (il-Liġi Nru 374, dwar l-Istabbiliment tal-Giudice di Pace [membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja]), tal‑21 ta’ Novembru 1991 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 278, tas‑27 ta’ Novembru 1991, p. 5, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 374/1991”) tipprevedi: “Artikolu 1 Ħolqien u funzjonijiet tal-giudice di pace 1. Ser jinħoloq il-giudice di pace, li jeżerċita l-funzjoni ġudizzjarja fil-materja ċivili u kriminali u jeżerċita l-funzjoni ta’ konċiljazzjoni fil-materja ċivili skont ir-regoli previsti minn din il-liġi. 2. Il-funzjoni ta’ giudice di pace hija eżerċitata minn imħallef ‘onorarju’ li jagħmel parti mill-ordinament ġudizzjarju. […] Artikolu 4 Ħatra 1. Il-membri tal-ġudikatura ‘onorarji’ msejħa sabiex jidħlu fil-kariga ta’ giudice di pace jinħatru permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika, wara deliberazzjoni mill-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura fuq proposta mill-kunsill ġudizzjarju li jkollu ġurisdizzjoni fit-territorju, ikkompletat minn ħames rappreżentanti maħtura, bi ftehim komuni, mill-kunsilli tal-Kamra tal-Avukati u tal-prosekuturi tad-distrett tal-Qorti tal-Appell. […] Artikolu 10 Dmirijiet tal-giudice di pace 1. Il-giudice di pace huwa marbut li josserva d-dmirijiet li huma imposti fuq il-membri tal-ġudikatura ordinarji. […] […] Artikolu 11 Kumpens dovut lill-giudice di pace 1. Il-funzjonijiet ta’ giudice di pace huma ‘onorarji’. 2. Il-membri tal-ġudikatura onorarji li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ giudice di pace jirċievu kumpens ta’ 70000 [liri Taljani (ITL) (madwar EUR 35)] għal kull seduta ċivili jew kriminali, anki jekk ma tkunx seduta għas-sottomissjonijiet orali, u għat-tqegħid tas-siġilli, u ta’ ITL 110000 [madwar EUR 55] għal kull proċedura oħra assenjata u magħluqa jew imħassra mil-lista. 3. Huma jirċievu wkoll kumpens ta’ ITL 500000 [madwar EUR 250] għal kull xahar ta’ servizz effettiv fil-forma ta’ rimbors għal spejjeż ta’ taħriġ, spejjeż ta’ taħriġ mill-ġdid u spejjeż ġenerali tal-funzjoni. […] 4 bis. Il-kumpens previst f’dan l-artikolu jista’ jiġi akkumulat mal-allowances tal-irtirar, indipendentement minn taħt liema isem jaqgħu. 4 ter. Il-kumpens previst f’dan l-artikolu fl-ebda każ ma jista’ jaqbeż l-ammont ta’ EUR 72000 gross fis-sena.” |
It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
11 |
PG eżerċita l-funzjonijiet ta’ giudice di pace (membru tal-ġudikatura li jippresjedi l-Qorti Konċiljatorja), mingħajr interruzzjoni, mit‑3 ta’ Lulju 2002 sal‑31 ta’ Mejju 2016. |
12 |
Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, PG, filwaqt li sostna li l-giudici di pace u l-membri tal-ġudikatura ordinarji jeżerċitaw funzjonijiet identiċi, talab li jiġi ddikjarat id-dritt tiegħu għall-istatus ġuridiku ta’ impjegat pubbliku, full-time jew part-time, tal-ġudikatura. PG talab ukoll li jiġi stabbilit mill-ġdid fid-drittijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu kif ukoll f’dawk fil-qasam tal-previdenza. |
13 |
Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-kontra tas-sitwazzjoni tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, ir-relazzjoni ta’ xogħol tal-giudice di pace ma għandhiex l-elementi karatteristiċi tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku. Minn dan isegwi li l-giudice di pace ma jibbenefika minn l-ebda forma ta’ protezzjoni soċjali jew ta’ previdenza, inkluż fil-qasam tas-saħħa, tal-maternità u tal-familja, u lanqas fil-qasam tad-dritt għal-leave. |
14 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-giudici di pace madankollu jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji komparabbli għal dawk tal-membri tal-ġudikatura ordinarji u, fi kwalunkwe każ, għal dawk ta’ ħaddiema oħra tal-amministrazzjoni pubblika. Il-fatt li r-remunerazzjoni mħallsa lill-giudici di pace hija, formalment, ikklassifikata bħala “kumpens” huwa irrilevanti. It-tiġdid indebitu u mhux iġġustifikat tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat u l-estensjoni sistematika tal-mandati tal-giudici di pace jwasslu sabiex tiġi “pperpetwata” r-rabta ta’ impjieg li l-liġi Taljana tikklassifika bħala onorarja u ma hemm l-ebda sanzjoni effettiva u dissważiva kontra dan. |
15 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per l’Emilia Romagna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Emilia Romagna, l-Italja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
16 |
Wara l-għoti tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), (C‑658/18, EU:C:2020:572), il-Qorti tal-Ġustizzja staqsiet lit-Tribunale amministrativo regionale per l’Emilia Romagna (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għall-Emilia Romagna), jekk, fid-dawl ta’ dik is-sentenza, hija xtaqitx iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. |
17 |
Fit‑28 ta’ Ottubru 2020, il-qorti tar-rinviju informat li hija kienet ser iżżomm din it-talba, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet dwar l-inkompatibbiltajiet kollha bejn id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni. Dik il-qorti ppreċiżat li kien importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina fid-dettall il-funzjonijiet eżerċitati mill-giudice di pace fl-ordinament ġuridiku Taljan, peress li l-assenza ta’ tali eżami għandha mnejn twassal għal marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ wisq f’idejn il-qorti nazzjonali. |
Fuq id‑domandi preliminari
Fuq l‑ammissibbiltà tad‑domandi
18 |
Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li hija responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group, C‑92/19, EU:C:2020:733, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
19 |
Għaldaqstant id-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Burgo Group, C‑92/19, EU:C:2020:733, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
20 |
F’dan ir-rigward, sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali, l-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrikjedi, b’mod partikolari, li t-talba għal domanda preliminari jkun fiha espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. |
21 |
Fir-rigward tal-ewwel domanda, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. |
22 |
Fil-fatt, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jinftiehmu r-raġunijiet li għalihom l-Artikoli 33 u 34 tal-Karta kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, kif interpretata mill-ġurisprudenza nazzjonali, li tgħid li l-giudici di pace, inkwantu membri tal-ġudikatura onorarji, ma jibbenefikawx mill-istess skema ta’ remunerazzjoni, soċjali u ta’ previdenza bħall-membri tal-ġudikatura ordinarji u għalhekk huma esklużi minn kull forma ta’ protezzjoni soċjali u ta’ previdenza li jibbenefikaw minnha l-ħaddiema tas-settur pubbliku. |
23 |
Fir-rigward tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju ma tesponix ir-raġunijiet li setgħu jwassluha sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fid-dawl tal-prinċipji ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tal-funzjonijiet ġudizzjarji eżerċitati mill-giudici di pace. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju sempliċement tindika li l-imparzjalità u l-indipendenza tal-imħallef jeżiġu li l-membri kollha tal-ġudikatura jingħataw id-drittijiet fundamentali li huma l-kontinwità tas-servizz, skema pekunjarja xierqa u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri dixxiplinari u paradixxiplinari. |
24 |
Minn dan isegwi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għal parti mill-ewwel domanda u għat-tieni domanda. |
25 |
Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli, minn naħa, l-ewwel domanda preliminari sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 33 u 34 tal-Karta kif ukoll tad-Direttiva 2000/78, u, min-naħa l-oħra, it-tieni domanda preliminari kollha kemm hi. |
Fuq l‑ewwel domanda
26 |
B’mod preliminari, għandu jinftiehem li l-qorti tar-rinviju, permezz tal-ewwel domanda tagħha, ma titlobx interpretazzjoni awtonoma tal-Artikoli 20, 21 u 31 tal-Karta, peress li dawn jissemmew biss insostenn tat-talba għal interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88, tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time kif ukoll tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat. |
27 |
Għalhekk, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part‑time kif ukoll il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix, għal giudice di pace, id-dritt għal benefiċċju minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum jew minn skema soċjali u ta’ previdenza li tiddependi mir-relazzjoni ta’ xogħol, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji. |
28 |
Kif diġà ġie osservat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-membri tal-ġudikatura ordinarji hija relazzjoni ta’ impjieg pubbliku, li ma huwiex il-każ fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-giudici di pace, ikklassifikata bħala “onorarja” mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-giudici di pace, bħal PG, huma allegatament imċaħħda minn kull dritt għal-leave imħallas kif ukoll minn kull forma ta’ protezzjoni soċjali jew ta’ previdenza, inkluż fil-qasam tas-saħħa, tal-maternità u tal-familja. |
29 |
F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-relazzjoni ta’ xogħol tal-giudici di pace hija differenti minn dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji f’diversi elementi essenzjali, jiġifieri r-reklutaġġ, il-pożizzjoni fis-sistema ta’ organizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, is-sistema ta’ inkompatibbiltajiet u ta’ esklużività tal-provvista, ir-remunerazzjoni, it-tul tar-relazzjoni, kif ukoll in-natura sħiħa u esklużiva tal-funzjonijiet. |
30 |
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, fis-sentenza tagħha tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat”, imsemmi fil-klawżola 2(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri giudice di pace, maħtur għal perijodu limitat, li, fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu, jipprovdi servizzi reali u effettivi, li ma jkunu la purament marġinali u lanqas anċillari, u li għalihom huwa jirċievi kumpens li jkun ta’ natura remuneratorja, u dan għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. |
31 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha, fl-aħħar mill-aħħar, tiddetermina jekk PG jaqax taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat u/jew ta’ “ħaddiem part-time” fis-sens tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time. |
32 |
Għandu jitfakkar li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat tipprevedi projbizzjoni ta’ trattament, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat li jkun inqas favorevoli minn dak tal-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, biss għar-raġuni li huma jeżerċitaw attività taħt kuntratt għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 136). |
33 |
Bl-istess mod, skont l-għan tal-eliminazzjoni tad-diskriminazzjonijiet bejn ħaddiema part-time u ħaddiema full-time, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time, f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-impjieg, tipprekludi li l-ħaddiema part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time komparabbali biss għar-raġuni li huma jaħdmu part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. |
34 |
Peress li l-formulazzjoni tal-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time u dik tal-klawżola 4(1) u (2) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat huma, essenzjalment, identiċi, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet espressi fir-rigward ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-oħra. |
35 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat hija intiża sabiex jiġi applikat il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni għall-ħaddiema għal żmien determinat b’mod li jiġi prekluż li relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma mogħtija lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 137). |
36 |
Fir-rigward tal-“kundizzjonijiet ta’ impjieg” imsemmija fil-klawżola 4 ta’ dan l-istess ftehim qafas, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet jinkludu l-kundizzjonijiet relatati mar-remunerazzjonijiet kif ukoll mal-pensjonijiet li jiddependu fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg, bl-esklużjoni tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw il-pensjonijiet li jirriżultaw minn skema legali ta’ sigurtà soċjali (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 134). |
37 |
Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-iskema soċjali u ta’ previdenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-klawżola 4 tal-imsemmi ftehim qafas. |
38 |
Barra minn hekk, peress li l-“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-klawżola 4(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, ikopru l-elementi li jikkostitwixxu r-remunerazzjoni, inkluż l-ammont tagħhom, id-dritt għal-leave annwali mħallas, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta mal-pensjonijiet tal-irtirar li jiddependu mir-relazzjoni ta’ xogħol, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-attività ġudizzjarja ta’ PG, matul l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ta’ giudice di pace, kinitx komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punti 143 sa 147). |
39 |
Għalkemm huwa stabbilit li giudice di pace, bħal PG, jinsab, fid-dawl tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-membri tal-ġudikatura ordinarji, għad għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament. |
40 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat abbażi tal-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola ġenerali jew astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
L-imsemmi kunċett jeżiġi, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata bl-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest speċifiku li fih hija tinsab u abbażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax bżonn ġenwin, hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura speċifika tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ġew konklużi kuntratti għal żmien determinat u karatteristiċi inerenti f’dawn jew, jekk ikun il-każ, mill-fatt li qiegħed jiġi segwit għan leġittimu ta’ politika soċjali minn Stat Membru (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 151). |
42 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 156 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572), fir-rigward tal-ġustifikazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ kompetizzjoni inizjali maħsuba speċifikament għall-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li ma hijiex meħtieġa għall-finijiet tal-ħatra tal-giudici di pace, li, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, dawn jistgħu, fil-prinċipju, mingħajr ma jmorru kontra d-Direttiva 1999/70 u lanqas kontra l-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, jipprevedu kundizzjonijiet għall-aċċess għall-ġudikatura kif ukoll kundizzjonijiet ta’ impjieg applikabbli kemm għall-membri tal-ġudikatura ordinarji kif ukoll għall-giudici di pace. |
43 |
Madankollu, minkejja din il-marġni ta’ diskrezzjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji li l-Istati Membri jistabbilixxu għandha ssir b’mod trasparenti u għandha tkun tista’ tiġi mistħarrġa sabiex jiġi prekluż kull trattament sfavorevoli tal-ħaddiema għal żmien determinat sempliċement abbażi tat-tul ta’ żmien tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiġġustifikaw l-anzjanità tagħhom u l-esperjenza professjonali tagħhom (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 157). |
44 |
Meta tali trattament differenti jirriżulta min-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni rekwiżiti oġġettivi marbuta mal-impjieg li l-proċedura ta’ reklutaġġ hija intiża li timla u li ma jkollhomx x’jaqsmu mat-tul determinat tar-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-ħaddiem mal-persuna li timpjegah, dan jista’ jiġi ġġustifikat, fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li ċerti differenzi fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien indeterminat irreklutati wara kompetizzjoni u ħaddiema għal żmien determinat irreklutati wara proċedura differenti minn dik prevista għall-ħaddiema għal żmien indeterminat jistgħu, fil-prinċipju, ikunu ġġustifikati abbażi tad-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u n-natura tal-kompiti li għalihom għandhom ikunu responsabbli (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punti 158 u 159). |
45 |
Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għanijiet allegati mill-Gvern Taljan, jiġifieri li jiġu riflessi d-differenzi fl-eżerċizzju professjonali bejn giudice di pace u membru tal-ġudikatura ordinarju, jistgħu jitqiesu li jikkostitwixxu “raġuni oġġettiva” fis-sens tal-klawżola 4(1) u/jew (4) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, sakemm ikunu jissodisfaw bżonn ġenwin, ikunu xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit u jkunu neċessarji għal dan il-għan (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 160). |
46 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-differenzi bejn il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-giudici di pace u tal-membri tal-ġudikatura ordinarji u, b’mod partikolari, l-importanza speċifika mogħtija mill-ordinament ġuridiku nazzjonali, u b’mod iktar partikolari mill-Artikolu 106(1) tal-Kostituzzjoni Taljana, lill-kompetizzjonijiet speċifikament maħsuba għall-finijiet tar-reklutaġġ tal-membri tal-ġudikatura ordinarji donnhom jindikaw natura partikolari tal-kompiti li għalihom dawn tal-aħħar huma responsabbli u livell differenti tal-kwalifiki mitluba għall-finijiet tat-twettiq ta’ dawn il-kompiti. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, għal dan il-għan, l-elementi kwalitattivi u kwantitattivi disponibbli rigward il-funzjonijiet eżerċitati mill-giudici di pace u mill-membri tal-ġudikatura professjonali, l-irbit ta’ ħin u l-obbligi li għalihom huma suġġetti kif ukoll, b’mod ġenerali, iċ-ċirkustanzi u l-fatti kollha li huma rilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani), C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 161). |
47 |
Għalhekk, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-eżistenza ta’ kompetizzjoni inizjali maħsuba speċifikament għall-membri tal-ġudikatura ordinarji għall-finijiet tal-aċċess għall-ġudikatura, li ma hijiex inerenti fil-ħatra tal-giudici di pace, tippermetti li jiġi eskluż li dawn tal-aħħar jibbenefikaw integralment mid-drittijiet tal-membri tal-ġudikatura ordinarji. |
48 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza u, b’mod partikolari, tal-verifiki li jistgħu jsiru biss minnha, konformement mas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Governo della Repubblica italiana (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑658/18, EU:C:2020:572, punt 161) u mfakkra fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju osservat, essenzjalment, li d-differenza bejn il-modalitajiet ta’ aċċess għall-ġudikatura applikabbli għal dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema ma tistax tiġġustifika l-esklużjoni, għall-membri tal-ġudikatura onorarji, mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe dritt annwali mħallas kif ukoll minn kwalunkwe skema soċjali u ta’ previdenza li jibbenefikaw minnha l-membri tal-ġudikatura ordinarji li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. |
49 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tad-dritt għal-leave, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, “[l]-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat”. |
50 |
Barra minn hekk, mill-kliem tad-Direttiva 2003/88 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju u għall-implimentazzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas, huma għandhom jastjenu ruħhom milli jissuġġettaw għal kwalunkwe kundizzjoni l-eżistenza nfisha tal-imsemmi dritt li jirriżulta direttament minn din id-direttiva (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Varhoven kasatsionen sad na Republika Bulgaria u Iccrea Banca, C‑762/18 u C‑37/19, EU:C:2020:504, punt 56 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Mill-bqija, għandu jitfakkar li, skont il-klawżola 4(2) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time, meta jkun xieraq, japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis. |
52 |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ xogħol part-time, id-dritt tal-Unjoni la jipprekludi l-kalkolu ta’ pensjoni tal-irtirar skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C‑4/02 u C‑5/02,EU:C:2003:583, punti 90 u 91), u lanqas li l-leave annwali mħallas jiġi kkalkolat skont dan l-istess prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ April 2010, Zentralbetriebsrat der Landeskrankenhäuser Tirols, C‑486/08, EU:C:2010:215, punt 33, kif ukoll tat‑8 ta’ Novembru 2012, Heimann u Toltschin, C‑229/11 u C‑230/11, EU:C:2012:693, punt 36). Fil-fatt, fil-kawżi li taw lok għall-imsemmija sentenzi, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tul tax-xogħol imnaqqas meta mqabbel ma’ dak tal-ħaddiem full-time kien jikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jippermetti tnaqqis proporzjonat tad-drittijiet tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑476/12, EU:C:2014:2332, punti 23 u 24). |
53 |
Għaldaqstant, bla ħsara għall-verifiki li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali, għandu jitqies li, għalkemm ċerti differenzi fit-trattament jistgħu jiġu ġġustifikati mid-differenzi fil-kwalifiki meħtieġa u min-natura tal-kompiti li l-membri tal-ġudikatura ordinarji għandhom ikunu responsabbli għalihom, l-esklużjoni ta’ kull dritt għal-leave kif ukoll ta’ kull forma ta’ protezzjoni soċjali u ta’ previdenza fir-rigward tal-giudici di pace ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat jew tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time. |
54 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time kif ukoll il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi, għal giudice di pace, ebda dritt li jibbenefika la minn leave annwali mħallas ta’ 30 jum u lanqas minn skema soċjali u ta’ previdenza li tiddependi mir-relazzjoni ta’ xogħol, bħal dak previst għall-membri tal-ġudikatura ordinarji, jekk dan il-giudice di pace jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem part-time” fis-sens tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol part-time u/jew taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, u jkun jinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik ta’ membru tal-ġudikatura ordinarju. |
Fuq it‑tielet domanda
55 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tista’ tkun is-suġġett, bħala massimu, ta’ tliet istanzi ta’ tiġdid suċċessivi, kull tiġdid ta’ erba’ snin, għal tul totali ta’ mhux iktar minn sittax‑il sena, u li ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ssanzjonat b’mod effettiv u dissważiv it-tiġdid abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. |
56 |
Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri dwar in-numru ta’ istanzi ta’ tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u/jew dwar it-tul massimu totali ta’ tali kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol. |
57 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali kienet tipprevedi effettivament limitu għan-numru ta’ istanzi ta’ tiġdid suċċessivi kif ukoll għat-tul massimu ta’ dawn il-kuntratti għal żmien determinat. |
58 |
F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri ta’ prevenzjoni ta’ abbużi, huma ma jistgħux jikkompromettu l-għan jew l-effettività tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 56). |
59 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk is-sanzjoni ta’ abbuż eventwali tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti mill-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, fil-każ li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tkunx tippermetti t-trasformazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol f’kuntratt għal żmien indeterminat. |
60 |
Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat ma tistabbilixxix obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu t-trasformazzjoni f’kuntratt għal żmien indeterminat tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (digriet tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Papalia, C‑50/13, mhux ippubblikat, EU:C:2013:873, punt 16), u lanqas ma tistabbilixxi sanzjonijiet speċifiċi fil-każ li jkunu ġew ikkonstatati abbużi (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 57). |
61 |
Għaldaqstant, huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom jadottaw miżuri proporzjonati, effettivi u dissważivi sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tar-regoli adottati skont il-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, li jistgħu jipprevedu, għal dan il-għan, it-trasformazzjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratti għal żmien indeterminat. Madankollu, meta jkun sar użu abbużiv minn relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi, għandha tkun tista’ tiġi applikata miżura sabiex jiġi ssanzjonat debitament dan l-abbuż u sabiex jitneħħew il-konsegwenzi tal-ksur (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punti 57 sa 59). |
62 |
Sabiex leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprojbixxi, fis-settur pubbliku biss, it-trasformazzjoni ta’ sensiela ta’ kuntratti għal żmien determinat f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat, tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala konformi mal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat, l-ordinament ġuridiku intern tal-Istat Membru kkonċernat għandu jinkludi, fl-imsemmi settur, miżura effettiva oħra sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, Santoro, C‑494/16, EU:C:2018:166, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Sa fejn ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni kif ukoll għall-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt intern humiex xierqa sabiex jipprevjenu u, jekk ikun il-każ, jissanzjonaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2021, M.V. et (Kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi fis-settur pubbliku), C‑760/18, EU:C:2021:113, punt 61). |
64 |
F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-ebda dispożizzjoni li taqa’ taħt l-ordinament ġuridiku Taljan ma tippermetti li jiġi ssanzjonat b’mod effettiv u dissważiv it-tiġdid abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat fis-sens tal-klawżola 5 tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat. |
65 |
Issa, l-assenza ta’ kwalunkwe sanzjoni ma tidhirx li hija tali li tipprevjeni u, jekk ikun il-każ, li tissanzjona l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi. |
66 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien determinat għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat tista’ tkun is-suġġett, bħala massimu, ta’ tliet istanzi ta’ tiġdid suċċessivi, kull tiġdid ta’ erba’ snin, għal tul totali ta’ mhux iktar minn sittax‑il sena, u li ma tipprevedix il-possibbiltà li jiġi ssanzjonat b’mod effettiv u dissważiv it-tiġdid abbużiv ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol. |
Fuq l‑ispejjeż
67 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.