SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
24 ta’ Settembru 2020 ( *1 )
(Test rettifikat permezz ta’ digriet tal-14 ta’ Ottubru 2020)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Effetti tal-konsenja – Artikolu 27 – Prosekuzzjoni eventwali għal reati oħra – Regola ta’ speċjalità”
Fil-Kawża C‑195/20 PPU,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri kriminali kontra
XC
fil-preżenza ta’:
Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: D. Dittert, Kap tal-Unità,
wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tal-21 ta’ April 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Mejju 2020, li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, konformement mal-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,
wara li rat id-deċiżjoni tal-25 ta’ Mejju 2020 tar-Raba’ Awla li tilqa’ l-imsemmija talba,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Lulju 2020,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal XC, minn M. Franzikowski u F. S. Fülscher, Rechtsanwälte, |
– |
għall-Generalbundesanwalt beim Bundesgerichtshof, minn P. Frank u S. Heine, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u F. Halabi, bħala aġenti, |
– |
(Kif rettifikat permezz tad-digriet tal-14 ta’ Ottubru 2020) għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn M. Gray, SC, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Grünheid u R. Troosters, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Awwissu 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra XC li ġie kkundannat, fil-Ġermanja, għal piena ta’ priġunerija għal fatti kklassifikati bħala stupru aggravat u estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Il-premessi 5 u 6 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati b’dan il-mod:
|
4 |
L-Artikolu 1(1) u (2) ta’ din id-deċiżjoni qafas jipprovdi: “1. Il-mandat ta’ arrest Ewropew hija deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni. 2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.” |
5 |
L-Artikolu 8(1) tal-imsemmija deċiżjoni qafas jipprovdi: “Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-formola li tinsab fl-Anness:
|
6 |
L-Artikolu 27 tal-istess deċiżjoni qafas huwa fformulat kif ġej: “1. Kull Stat Membru jista’ jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ Stati Membri oħra li taw l-istess notifika, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-azzjoni kriminali, l-għoti ta’ sentenza jew id-detenzjoni bil-għan li tiġi skontata piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, barra dak li għaliha ġiet konsenjata, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja ta’ esekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja. 2. Ħlief fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3, persuna konsenjata ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew b’xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tagħha għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li għalih ġiet konsenjata l-persuna. 3. Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:
4. Talba għal kunsens għandha tiġi ppreżentata lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni, flimkien ma’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jingħata meta r-reat li għalih hu mitlub hu stess hu soġġett għall-konsenja skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista’ jiġi rrifjutat biss għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30 jum wara l-wasla tat-talba. […]” |
Id-dritt Ġermaniż
7 |
L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġie implimentat fid-dritt Ġermaniż fl-Artikolu 83h(1) u (2) tal-Gesetz über die internationale Rechtshilfe in Strafsachen (il-Liġi dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali f’Materji Kriminali) tat-23 ta’ Diċembru 1982 (BGBl. 1982 I, p. 2071), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali. |
8 |
Dan l-Artikolu 83h jipprevedi: “1) Il-persuni kkonsenjati minn Stat Membru abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ma jistgħux:
2) Il-paragrafu 1 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:
3) Ir-rinunzja min-naħa tal-persuna kkonsenjata mwettqa wara l-konsenja għandha ssir quddiem qorti jew prosekutur u għandha tiġi rreġistrata. Id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja hija irrevokabbli. Il-persuna kkonsenjata għandha tiġi informata b’dan.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 |
XC kien is-suġġett ta’ prosekuzzjoni fil-Ġermanja fi tliet proċeduri kriminali distinti li jirrigwardaw fatti, l-ewwel nett, ta’ traffikar ta’ droga, it-tieni nett, ta’ abbuż sesswali fuq minorenni mwettaq fil-Portugall u, it-tielet nett, ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni, imwettqa fil-Portugall ukoll, rispettivament. |
10 |
Qabel kollox, fis-6 ta’ Ottubru 2011, XC ġie kkundannat għal traffikar ta’ droga mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll, il-Ġermanja) għal piena ta’ priġunerija globali ta’ sena u disa’ xhur. L-eżekuzzjoni ta’ din il-piena ġiet sospiża taħt ċerti kundizzjonijiet. |
11 |
Imbagħad, matul is-sena 2016, infetħu proċeduri kriminali fil-Ġermanja kontra XC għal fatti kklassifikati bħala abbuż sesswali fuq minorenni mwettqa fil-Portugall u, fit-23 ta’ Awwissu 2016, ix-Staatsanwaltschaft Hannover (il-Prosekutur ta’ Hannover, il-Ġermanja) ħareġ mandat ta’ arrest Ewropew għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali għal dawn il-fatti. Peress li t-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora, il-Portugall) awtorizzat il-konsenja ta’ XC lill-awtoritajiet ġudizzjarji Ġermaniżi għall-imsemmi ksur u peress li XC ma rrinunzjax f’din l-okkażjoni għar-regola ta’ speċjalità, fit-22 ta’ Ġunju 2017 dan tal-aħħar ġie kkonsenjat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mill-awtoritajiet ġudizzjarji Portugiżi. Ikkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sena u tliet xhur, huwa tqiegħed f’ħabs f’dan l-Istat Membru. |
12 |
Matul l-eżekuzzjoni tal-piena li XC ġie kkundannat għaliha relatata mal-abbuż sesswali fuq minorenni, is-sospensjoni taħt ċerti kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija fis-6 ta’ Ottubru 2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fir-rigward tat-traffikar ta’ droga ġiet irrevokata. Fit-22 ta’ Awwissu 2018, ix-Staatsanwaltschaft Flensburg (il-Prosekutur ta’ Flensburg, il-Ġermanja) talab lit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), bħala awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fil-punt 11 ta’ din is-sentenza, tirrinunzja għall-applikazzjoni tar-regola ta’ speċjalità u tagħti l-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fis-6 ta’ Ottubru 2011. |
13 |
Fil-31 ta’ Awwissu 2018, fin-nuqqas ta’ tweġiba mit-Tribunal da Relação de Évora (il-Qorti tal-Appell ta’ Évora), XC ingħata l-libertà u tqiegħed taħt sorveljanza soċjoġudizzjarja għal ħames snin, li fil-kuntest tagħha huwa kellu jippreżenta ruħu darba fix-xahar għand l-uffiċjal tal-probation tiegħu. Fit-18 ta’ Settembru 2018, huwa mar il-Pajjiżi l-Baxxi u mbagħad l-Italja. Fid-19 ta’ Settembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew fil-konfront ta’ XC mill-Prosekutur ta’ Flensburg għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011. |
14 |
Fis-27 ta’ Settembru 2018, XC ġie arrestat fl-Italja abbażi ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew. Fl-10 ta’ Ottubru 2018, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tat il-kunsens tagħha għall-konsenja tiegħu. Fit-18 ta’ Ottubru 2018, XC ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi. |
15 |
Finalment, fil-5 ta’ Novembru 2018, inħareġ mandat ta’ arrest mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) għall-finijiet tal-istruttorja tat-tielet kawża li timplika lil XC u li tirrigwarda fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005. |
16 |
Fit-12 ta’ Diċembru 2018, ix-Staatsanwaltschaft Braunschweig (il-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) talab lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tagħti l-kunsens tagħha wkoll sabiex XC ikun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni għal dawn il-fatti ta’ stupru u ta’ estorsjoni. Il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano, l-Italja) laqgħet din it-talba fit-22 ta’ Marzu 2019. |
17 |
XC tqiegħed taħt arrest preventiv fil-Ġermanja mit-23 ta’ Lulju 2019 sal-11 ta’ Frar 2020 skont il-mandat ta’ arrest maħruġ fil-5 ta’ Novembru 2018 mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig). Matul dan il-perijodu, permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2019, il-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig, il-Ġermanja) ikkundannat lil XC għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005. Hija tat, fil-konfront tiegħu, piena ta’ priġunerija globali ta’ seba’ snin li tieħu inkunsiderazzjoni s-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011. It-tul kollu tal-arrest preventiv magħmul fl-Italja minn XC ġie meħud inkunsiderazzjoni fil-piena globali. |
18 |
Fil-21 ta’ Jannar 2020, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija globali mogħtija mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) fis-6 ta’ Ottubru 2011. XC ilu taħt arrest mit-12 ta’ Frar 2020 għall-eżekuzzjoni ta’ din il-piena. |
19 |
XC ippreżenta appell għal reviżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tal-Landgericht Braunschweig (il-Qorti Reġjonali ta’ Braunschweig) tas-16 ta’ Diċembru 2019. B’mod partikolari, huwa kkontesta l-validità tal-proċedura li wasslet għall-għoti ta’ dik is-sentenza fir-rigward tar-regola ta’ speċjalità prevista fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. XC isostni, essenzjalment, li, sa fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża ma tatx il-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni għall-fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kellhomx id-dritt li jibdew proċeduri kontra l-akkużat. Sa mill-1 ta’ Settembru 2018, XC fil-fatt dejjem tqiegħed taħt il-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità. B’hekk, il-proċeduri mibdija kontra XC mill-awtoritajiet Ġermaniżi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni Portugiża kif ukoll l-atti proċedurali relatati magħhom, bħall-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018, huma vvizzjati b’illegalità. |
20 |
Skont il-qorti tar-rinviju, il-kwistjoni dwar jekk dan il-mandat ta’ arrest jistax jinżamm jew għall-kuntrarju għandux jiġi annullat tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet Ġermaniżi kellhomx dritt ta’ prosekuzzjoni fir-rigward ta’ XC għall-allegazzjonijiet ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni mwettqa fil-Portugall matul is-sena 2005. |
21 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas [2002/584] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prinċipju ta’ speċjalità ma jipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda minħabba reat ieħor imwettaq qabel il-konsenja li jkun differenti minn dak li fuqu tkun ibbażata l-konsenja f’sitwazzjoni fejn il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru emittenti wara l-konsenja u tkun sussegwentement ikkonsenjata mill-ġdid lejn it-territorju tal-Istat Membru emittenti minn Stat Membru ta’ eżekuzzjoni ieħor fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew ġdid u f’sitwazzjoni fejn it-tieni Stat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun ta l-kunsens tiegħu li din il-persuna tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, kundanna u eżekuzzjoni tal-piena fir-rigward ta’ dan ir-reat l-ieħor?” |
Fuq il-proċedura b’urġenza
22 |
Il-qorti tar-rinviju titlob li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
23 |
Insostenn tat-talba tagħha, dik il-qorti ssostni li XC jinsab f’ħabs abbażi tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011. Madankollu, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jikkostitwixxi raġuni addizzjonali għad-detenzjoni tal-persuna kkonċernata u jista’ jwassal sabiex jillimita t-tnaqqis tal-eżekuzzjoni tal-piena imposta kontriha. |
24 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni li fis-7 ta’ Ġunju 2020 XC ser ikun skonta żewġ terzi tal-piena imposta fis-6 ta’ Ottubru 2011 mill-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) u, għaldaqstant, ikun ammissibbli għal sospensjoni eventwali suġġetta għal kundizzjonijiet tal-eżekuzzjoni tal-kumplament ta’ din il-piena. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, minn naħa, il-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jista’ jostakola s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-imsemmija piena. Min-naħa l-oħra, fil-każ li tingħata tali sospensjoni, il-qorti tar-rinviju ssostni li r-risposta għall-kwistjoni tal-validità ta’ dan il-mandat ta’ arrest tiddetermina jekk l-arrest preventiv ordnat abbażi tiegħu jistax jitkompla. |
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 li tagħmel parti mill-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
26 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija fil-preżent imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C‑571/17 PPU, EU:C:2017:1026, punt 58 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
27 |
F’dan il-każ, minn naħa, għalkemm huwa paċifiku li, f’dik id-data XC kien imċaħħad mil-libertà abbażi tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011, xorta jibqa’ l-fatt li l-mandat ta’ arrest maħruġ mill-Amtsgericht Braunschweig (il-Qorti Distrettwali ta’ Braunschweig) fil-5 ta’ Novembru 2018 jista’ wkoll jiġġustifika d-detenzjoni ta’ XC. Min-naħa l-oħra, iż-żamma fis-seħħ ta’ dan il-mandat tista’ twassal għal-limitazzjoni tat-tnaqqis tal-eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija imposta kontrih, tinfluwenza d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni taħt kundizzjonijiet ta’ din il-piena u, fil-każ li tingħata tali sospensjoni, issir l-unika bażi legali għaż-żamma ta’ XC taħt detenzjoni. |
28 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-25 ta’ Mejju 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, ir-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. |
Fuq id-domanda preliminari
29 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ priġunerija sakemm, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. |
30 |
Sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari, preliminarjament għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni huwa msejjes fuq il-premessa fundamentali li kull Stat Membru jikkondividi mal-Istati Membri l-oħra kollha, u jirrikonoxxi li dawn jikkondividu miegħu, sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif inhu ppreċiżat fl-Artikolu 2 TUE. Din il-premessa timplika u tiġġustifika l-eżistenza tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fir-rikonoxximent ta’ dawn il-valuri u, għalhekk, fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni li jimplimentahom (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
31 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha l-għan, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha, moqri fid-dawl tal-premessa 5 tagħha, li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit-13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, liema sistema tal-aħħar hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
32 |
F’dan il-kuntest, din id-deċiżjoni qafas hija intiża, permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ssemplifikata u iktar effikaċi ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew issuspettati bi ksur tal-liġi kriminali, li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja bbażata fuq il-grad ta’ fiduċja għoli li għandu jeżisti bejn l-Istati Membri (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, SF (Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni) (C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
33 |
Fil-qasam irregolat mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 6 tagħha, jikkostitwixxi l-“bażi” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali, huwa applikat fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jistabbilixxi r-regola li l-Istati Membri huma obbligati jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess deċiżjoni qafas. Għaldaqstant, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat biss għar-raġunijiet, elenkati b’mod eżawrjenti, ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Mandat ta’ arrest Ewropew – Garanzija ta’ ritorn fl-Istat ta’ eżekuzzjoni), C‑314/18, EU:C:2020:191, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
34 |
F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, wara l-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fid-19 ta’ Settembru 2018 mill-Prosekutur ta’ Flensburg għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Amtsgericht Niebüll (il-Qorti Distrettwali ta’ Niebüll) tas-6 ta’ Ottubru 2011, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana tat il-kunsens tagħha għall-eżekuzzjoni ta’ din is-sentenza fl-10 ta’ Ottubru 2018 qabel ma XC ġie kkonsenjat lill-awtoritajiet Ġermaniżi fit-18 ta’ Ottubru 2018. Min-naħa l-oħra, minn dan il-proċess jirriżulta wkoll li, wara talba magħmula fit-12 ta’ Diċembru 2018 mill-Prosekutur ta’ Braunschweig sabiex XC jiġi suġġett għal prosekuzzjoni għal fatti ta’ stupru aggravat u ta’ estorsjoni, il-Corte d’appello di Milano (il-Qorti tal-Appell ta’ Milano) tat il-kunsens tagħha għall-prosekuzzjoni ta’ dawn il-fatti fit-22 ta’ Marzu 2019. |
35 |
F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm l-Artikoli 27 u 28 ta’ din id-deċiżjoni qafas jikkonferixxu fuq l-Istati Membri ċerti kompetenzi preċiżi matul l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, dawn id-dispożizzjonijiet, peress li jistabbilixxu regoli derogatorji fil-konfront tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni qafas, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod li jwassal sabiex jixxejjen l-għan imfittex mill-imsemmija deċiżjoni qafas, li jikkonsisti f’li jiġu ffaċilitati u mħaffa l-konsenji bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri fid-dawl tal-fiduċja reċiproka li għandha teżisti bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2012, West,C‑192/12 PPU, EU:C:2012:404, punt 77). |
36 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jistabbilixxi r-regola ta’ speċjalità li abbażi tagħha persuna li tkun ġiet ikkonsenjata ma tistax tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra għal dak li jkun ta lok għall-konsenja tagħha. |
37 |
Qabel kollox, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 33 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-imsemmija regola hija strettament marbuta mal-konsenja li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku, sa fejn il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“konsenja” fis-singular. |
38 |
Sussegwentement, kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni kuntestwali tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, kemm l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew fid-dawl tal-għan speċifiku mfittex minnu, kif ukoll l-Artikolu 8(1) ta’ din id-deċiżjoni qafas, li jeżiġi li kull mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun preċiż fir-rigward tan-natura u tal-klassifikazzjoni legali tar-reati li huwa jkopri u jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi tat-twettiq tagħhom, jindikaw li r-regola ta’ speċjalità hija marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku. |
39 |
Fl-aħħar nett, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regola ta’ speċjalità hija marbuta mas-sovranità tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u tagħti lill-persuna rikjesta d-dritt li tkun suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew imċaħħda mil-libertà biss għar-reat li jkun ta lok għall-konsenja tagħha (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C‑388/08 PPU, EU:C:2008:669, punti 43 u 44). |
40 |
Din ir-regola fil-fatt teżiġi li l-Istat Membru emittenti li jixtieq iwettaq prosekuzzjoni jew jikkundanna persuna għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew differenti minn dak li ta lok għal din il-konsenja jikseb il-kunsens tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiġi evitat li l-ewwel Stat Membru jidħol fuq il-kompetenzi li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkun jista’ jeżerċita u jmur lil hinn mill-prerogattivi tiegħu fil-konfront tal-persuna li fir-rigward tagħha jkun hemm prosekuzzjoni. Sa fejn il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż li jikkonsenja lill-persuna kkonċernata lill-Istat Membru li jkun ħareġ tali mandat, għar-reati speċifiċi msemmija minnu, billi jiġbdu lejn it-territorju ta’ dan l-Istat Membru b’mod forzat, ir-regola ta’ speċjalità hija intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew speċifiku li l-portata tiegħu hija ben stabbilita. |
41 |
Minn dan isegwi li r-regola ta’ speċjalità li setgħet tiġi invokata fil-kuntest tal-ewwel konsenja ta’ XC mill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni Portugiżi ma għandhiex effett fuq ir-ritorn ta’ XC fit-territorju Ġermaniż abbażi tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-inapplikabbiltà tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Hannover fit-23 ta’ Awwissu 2016 ma tirriżultax minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 27(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 iżda mill-fatt li l-kawża prinċipali issa taqa’ fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fil-konfront ta’ XC mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, li jiġi rikjest, sabiex persuna tkun tista’ tiġi suġġetta għal prosekuzzjoni, ikkundannata jew miżmuma sabiex tiġi eżegwita piena jew ordni ta’ detenzjoni għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha minbarra dak li ta lok għall-konsenja tagħha, li jingħata kunsens kemm mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li kkonsenja l-persuna li tkun ġiet suġġetta għal prosekuzzjoni abbażi tal-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li kkonsenja l-imsemmija persuna fuq il-bażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, jipprekludi l-effettività tal-proċedura ta’ konsenja u b’hekk iqiegħed f’riskju l-għan segwit mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 35 ta’ din is-sentenza. |
43 |
Għaldaqstant, peress li, f’dan il-każ, XC telaq b’mod volontarju mit-territorju Ġermaniż wara li f’dan l-Istat Membru skonta l-piena li għaliha kien ġie kkundannat għall-fatti msemmija fl-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Hannover fit-23 ta’ Awwissu 2016, din il-persuna ma għadx għandha d-dritt li tinvoka r-regola ta’ speċjalità relatata ma’ dan l-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan il-kuntest, l-imsemmija persuna tista’ tinvoka r-regola ta’ speċjalità biss fir-rigward tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Prosekutur ta’ Flensburg fid-19 ta’ Settembru 2018 u eżegwit mill-awtorità ta’ eżekuzzjoni Taljana. |
44 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jirriżulta li r-regola ta’ speċjalità prevista fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tapplikax meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tkun ikkonsenjat il-persuna kkonċernata tagħti l-kunsens tagħha sabiex din tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni, ikkundannata jew miżmuma bil-għan tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ta’ ordni ta’ detenzjoni, għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha, minbarra dak li ta lok għall-konsenja tagħha. |
45 |
Sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-sempliċi konsenja rilevanti sabiex tiġi evalwata l-osservanza tar-regola ta’ speċjalità hija dik imwettqa abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, il-kunsens meħtieġ fl-Artikolu 27(3)(g) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jingħata biss mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tal-Istat Membru li jkun ikkonsenja l-persuna li tkun is-suġġett ta’ prosekuzzjoni abbażi tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew. |
46 |
Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemm‑il darba, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. |
Dwar l-ispejjeż
47 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 27(2) u (3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-regola ta’ speċjalità stabbilita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma tipprekludix miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà meħuda kontra persuna koperta mill-ewwel mandat ta’ arrest Ewropew minħabba fatti differenti minn dawk li jkunu kkostitwixxew ir-raġuni għall-konsenja tagħha b’eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat u preċedenti għal dawn il-fatti, meta din il-persuna tkun telqet b’mod volontarju mit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ l-ewwel mandat u tkun ġiet ikkonsenjata mill-ġdid hemmhekk b’eżekuzzjoni tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ wara dan it-tluq għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jekk kemm‑il darba, abbażi tat-tieni mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiegħu tkun tat il-kunsens tagħha għall-finijiet tal-estensjoni tal-prosekuzzjonijiet għall-fatti li jkunu wasslu għall-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.