Kawża C184/20

OT

vs

Vyriausioji tarnybinės etikos komisija

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas)

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal1 ta’ Awwissu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 u Artikolu 52(1) – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 7(ċ) – Artikolu 8(1) – Regolament (UE) 2016/679 – Punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) – Artikolu 9(1) – Ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur – Għan ta’ interess pubbliku – Proporzjonalità – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati ta’ persuni fiżiċi li jaħdmu fis-servizz pubbliku jew ta’ diretturi ta’ assoċjazzjonijiet jew ta’ stabbilimenti li jirċievu fondi pubbliċi – Prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku”

1.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Interpretazzjoni konkomitanti tad-dispożizzjonijiet li għandhom portata simili

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46)

(ara l-punti 57-59)

2.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Kundizzjonijiet ta’ legalità ta’ pproċessar ta’ data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati ta’ persuna fiżika li tmexxi stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi – Ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali impost fuq il-kontrollur – Għan ta’ interess ġenerali ta’ prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess u ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku – Assenza ta’ natura neċessarja tal-pubblikazzjoni ta’ parti mid-data inkluża fid-dikjarazzjoni ta’ interessi privati – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8, 11 u Artikolu 52(1); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 3; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 7(ċ))

(ara l-punti 67-70, 75-77, 80-89, 93, 96, 97, 100-103, 106, 109-112, 114-116 u d-dispożittiv 1)

3.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46 – Regolament 2016/679 – Ipproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali – Kunċett – Pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tal-awtorità nazzjonali responsabbli mill-ġbir u mis-sorveljanza tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, ta’ data li tista’ tiżvela indirettament l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna – Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/679, Artikolu 9(1); Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 8(1))

(ara l-punti 127, 49, 128 u d-dispożittiv 2)

Sunt

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018, il-Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (il-Kummissjoni Għolja għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti ta’ Interessi fis-Servizz Pubbliku, il-Litwanja, iktar ’il quddiem, il-“Kummissjoni Għolja”) ikkonstatat li d-direttur ta’ stabbiliment irregolat mid-dritt Litwan li jirċievi fondi pubbliċi kien naqas mill-obbligu tiegħu li jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati (1).

Din il-persuna kkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Għolja quddiem il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja). Hija sostniet b’mod partikolari li, anki jekk kienet obbligata tippreżenta dikjarazzjoni tal-interessi privati, li hija tikkontesta dan, il-pubblikazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni fis-sit tal-Kummissjoni Għolja skont il-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi tippreġudika kemm id-dritt tagħha għar-rispett tal-ħajja privata tagħha kif ukoll dak tal-persuni l-oħra, jekk ikun il-każ, imsemmija fid-dikjarazzjoni tagħha. Peress li kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mal-GDPR (2) tas-sistema ta’ pubblikazzjoni tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati stabbilita mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, il-Qorti Amministrativa Reġjonali ta’ Vilnjus ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li d-dritt tal-Unjoni (3) jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni online tad-dikjarazzjoni tal-interessi privati li kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi għandu jippreżenta, sa fejn, b’mod partikolari, din il-pubblikazzjoni tirrigwarda ċerta data, jiġifieri d-data li tindika l-isem ta’ persuni oħra msemmija, jekk ikun il-każ, f’din id-dikjarazzjoni, jew fuq kull tranżazzjoni tad-dikjarant li teċċedi ċertu valur.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Qabel koolox, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni tipprevedi lista eżawrjenti u limitattiva tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali, li fosthom jinsab l-ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur. Peress li l-ipproċessar inkwistjoni, jiġifieri l-pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Għolja, ta’ parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati, huwa rikjest mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi li din l-awtorità hija suġġetta għaliha, huwa effettivament jaqa’ taħt dan il-każ. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, skont il-GDPR, tali pproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess ġenerali u għandha tkun proporzjonata għall-għan leġittimu segwit, kif barra minn hekk huwa rikjest mill-Karta (4). F’dan il-kuntest, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li l-ipproċessar ta’ data personali previst mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi effettivament itendi għal għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li, f’tali każ, limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti rispettivament mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jistgħu jiġu ammessi, sa fejn, b’mod partikolari, jissodisfaw effettivament l-għan ta’ interess ġenerali mfittex u jkunu proporzjonati għaliha.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tiffoka fuq l-adegwatezza tal-miżura inkwistjoni sabiex tilħaq l-għan ta’ interess ġenerali msemmi. F’dan ir-rigward, hija tikkonstata li din il-miżura tidher adatta sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq ta’ tali għan. Fil-fatt, it-tqegħid online ta’ ċerta data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati tal-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet tas-settur pubbliku huwa tali li twassal li dawn jaġixxu b’mod imparzjali, sa fejn dan jippermetti li tiġi żvelata l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi eventwali li jistgħu jinfluwenzaw l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. B’hekk, tali implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza hija xierqa sabiex tipprevjeni l-kunflitti ta’ interessi u l-korruzzjoni, iżżid ir-responsabbiltà tal-atturi tas-settur pubbliku u, għaldaqstant, issaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika.

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ neċessità, fi kliem ieħor il-fatt dwar jekk l-għan imfittex jistax jintlaħaq b’mod raġonevoli b’mod daqstant effikaċi minn miżuri oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha speċifiċi għall-Istat Membru kkonċernat. F’dan il-kuntest, hija tenfasizza wkoll li n-nuqqas ta’ riżorsi umani għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni Għolja sabiex tikkontrolla d-dikjarazzjonijiet kollha ta’ interessi privati sottomessi lilha, li hija tinvoka sabiex tiġġustifika t-tqegħid online tagħhom, fl-ebda każ ma jista’ jikkostitwixxi motiv leġittimu li jippermetti li jiġi ġġustifikat ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

Barra minn hekk, l-eżami tar-rekwiżit tan-neċessità tal-ipproċessar għandu jitwettaq billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju msejjaħ tal-“minimizzazzjoni tad-data”. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, bil-għan tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, jista’ ċertament ikun rilevanti li jiġi rikjest li, fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, tinsab informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna tad-dikjarant kif ukoll informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-konjuġi, konkubin jew sieħeb tiegħu. Madankollu, l-iżvelar pubbliku, online, ta’ data li tindika l-isem tal-konjuġi, konkubin jew sieħeb ta’ direttur ta’ istituzzjoni li tirċievi fondi pubbliċi kif ukoll il-qraba jew persuni oħra magħrufa minnu li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju. Fil-fatt ma jidhirx li l-għan ta’ interess pubbliku mfittex ma jistax jintlaħaq billi jsir riferiment biss għall-espressjoni ġenerika tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb skont il-każ, marbuta mal-indikazzjoni rilevanti tal-interessi miżmuma minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom. Lanqas ma jidher li l-pubblikazzjoni sistematika, online, tal-lista tat-tranżazzjonijiet tad-dikjarant li l-valur tagħhom huwa ogħla minn EUR 3 000 hija strettament neċessarja fid-dawl tal-għanijiet segwiti.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkudi li hemm indħil gravi fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall‑protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, minn naħa, l-iżvelar pubbliku tad-data u tal-informazzjoni ċċitata iktar ’il fuq jista’ jiżvela informazzjoni dwar ċerti aspetti sensittivi tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati u jippermetti li titfassal stampa partikolarment iddettaljata tal-persuna. Min-naħa l-oħra, dan iwassal sabiex din id-data ssir aċċessibbli liberament fuq l-internet lil numru potenzjalment illimitat ta’ persuni. Konsegwentement, persuni li sempliċement ifittxu li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni personali, materjali u finanzjarja tad-dikjarant u tal-qraba tiegħu jistgħu liberament jaċċedu għal din id-data.

Fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-gravità ta’ dan l-indħil mal-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali mfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li f’dan il-każ il-pubblikazzjoni online tal-parti l-kbira tad-data personali ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bbilanċjar. Madankollu, il-pubblikazzjoni ta’ ċerta data li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati tista’ tkun iġġustifikata mill-benefiċċji li tali trasparenza tagħti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex. Dan japplika b’mod partikolari għad-data dwar l-appartenenza tad-dikjarant jew, b’mod li ma tindikax l-isem, tal-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb tiegħu f’diversi entitajiet, dwar l-attivitajiet indipendenti tagħhom jew ukoll dwar ir-rigali ta’ terzi li jeċċedu ċertu valur.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tiżvela, b’mod indirett, informazzjoni sensittiva dwar persuna fiżika ma huwiex eskluż mis-sistema ta’ protezzjoni msaħħa (5), peress li tali tneħħija tista’ tippreġudika l-effett utli ta’ din is-sistema u l-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi li hija intiża li tiżgura. B’hekk, il-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Kumissjoni Għolja ta’ data personali li tista’ tiżvela indirettament l-orjentazzjoni sesswali tal-persuni kkonċernati tikkostitwixxi pproċessar ta’ data sensittiva.


1      Obbligu previst mil-Lietuvos Respublikos viešųjų ir privačių interesų derinimo valstybinėje tarnyboje įstatymas Nr. VIII-371 (il-Liġi Nru VIII-371 tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi Pubbliċi u Privati fis-Servizz Pubbliku) tat‑2 ta’ Lulju 1997 (Žin., 1997, Nru 67-1659, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali.


2      Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).


3      Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).


4      Artikolu 52(1) tal-Karta


5      Imsemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, u jipprojbixxi, bħala prinċipju, l-ipproċessar ta’ kategoriji partikolari ta’ data personali.