SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Awwissu 2022 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7 u 8 u Artikolu 52(1) – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 7(c) – Artikolu 8(1) – Regolament (UE) 2016/679 – Punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) – Artikolu 9(1) – Ipproċessar neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur – Għan ta’ interess pubbliku – Proporzjonalità – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi l-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati ta’ persuni fiżiċi li jaħdmu fis-servizz pubbliku jew ta’ diretturi ta’ assoċjazzjonijiet jew ta’ stabbilimenti li jirċievu fondi pubbliċi – Prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku”

Fil-Kawża C‑184/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ April 2020, fil-kawża

OT

vs

Vyriausioji tarnybinės etikos komisija,

fil-preżenza ta’:

Fondas “ Nevyriausybinių organizacijų informacijos ir paramos centras”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Kumin u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Vasiliauskienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Russo, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑9 ta’ Diċembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1), u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn OT u l-Vyriausioji tarnybinės etikos komisija (il-Kummissjoni Għolja għall-Prevenzjoni tal-Kunflitti ta’ Interessi fis-Servizz Pubbliku, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni Għolja”) dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata nuqqas ta’ OT mill-obbligu tiegħu li jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

Il‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti kontra l‑Korruzzjoni

3

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni, adottata permezz tar-Riżoluzzjoni 58/4, tal‑31 ta’ Ottubru 2003, tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u li daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Diċembru 2005, ġiet irratifikata mill-Istati Membri kollha u approvata mill-Unjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal‑25 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 287, p. 1).

4

Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni:

“Din il-konvenzjoni għandha l-għan li:

a)

tippromwovi u ssaħħaħ il-miżuri intiżi biex jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-korruzzjoni b’mod iktar effikaċi;

[…]

c)

tippromwovi l-integrità, ir-responsabbiltà u l-ġestjoni tajba tal-affarijiet pubbliċi u tal-beni pubbliċi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5

Skont l-Artikolu 7(4) tal-konvenzjoni msemmija:

“Kull Stat Parti għandu jipprova, skont il-prinċipji fundamentali tal-liġi interna tiegħu, jadotta, iżomm u jsaħħaħ sistemi li jiffavorixxu t-trasparenza u jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il‑Konvenzjoni Kriminali dwar il‑Korruzzjoni

6

Il-Konvenzjoni Kriminali dwar il-Korruzzjoni, adottata mill-Kunsill tal-Ewropa fis‑27 ta’ Jannar 1999 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, tipprevedi, fir-raba’ premessa tagħha:

“Filwaqt li jenfasizzaw li l-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida għall-preeminenza tad-dritt, għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem, tnaqqas il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ekwità u ta’ ġustizzja soċjali, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, tostakola l-iżvilupp ekonomiku u tipperikola l-istabbilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-bażijiet morali tas-soċjetà”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑dritt tal‑Unjoni

Il‑Konvenzjoni dwar il‑Ġlieda Kontra l‑Korruzzjoni li Tinvolvi Uffiċjali

7

Il-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 (2)(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 1997, C 195, p. 2), li daħlet fis-seħħ fit‑28 ta’ Settembru 2005, tipprevedi fl-Artikolu 2 tagħha, intitolat “Korruzzjoni passiva”:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, jikkostitwixxi korruzzjoni passiva l-fatt intenzjonali, għal uffiċjal, direttament jew permezz ta’ interpożizzjoni ta’ terzi, li jitlob jew li jirċievi vantaġġi ta’ kwalunkwe tip, għalih innifsu jew għal terz, jew li jaċċetta l-wegħda tiegħu, sabiex iwettaq jew ma jwettaqx, b’mod kuntrarju għad-dmirijiet uffiċjali tiegħu, att tal-funzjoni tiegħu jew att fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 tiġi kklassifikata bħala reati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8

L-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni, intitolat “Korruzzjoni attiva”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, jikkostitwixxi korruzzjoni attiva l-fatt intenzjonali, għal kwalunkwe persuna, li twiegħed jew li tagħti, direttament jew permezz ta’ interpożizzjoni ta’ terzi, vantaġġ ta’ kwalunkwe tip, lil uffiċjal, għalih innifsu jew għal terz, sabiex iwettaq jew jastjeni milli jwettaq, b’mod kuntrarju għad-dmirijiet uffiċjali tiegħu, att tal-funzjoni tiegħu jew att fl-eżerċizzju tal-funzjoni tiegħu.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-imġiba msemmija fil-paragrafu 1 jiġu kklassifikati bħala reati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id‑Direttiva 95/46/KE

9

Il-premessi 10, 30 u 33 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) kienu jipprevedu.

“10.

Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[…]

30

Billi, biex l-ipproċessar ta’ data personali jsir skond il-liġi, dan għandu wkoll isir bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew li jkun meħtieġ għall-konklużjoni jew eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jorbot lis-suġġett tad-data, jew bħala kondizzjoni ta’ liġi, jew biex isir xogħol fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali, jew fl-interessi leġittimi ta’ persuna naturali jew ġuridika, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data ma jeħdux preċedenza; […]

[…]

33.

Billi data li minn natura tagħha tista’ tikser il-libertajiet fundamentali jew id-dritt għall-ħajja privata m’għandhiex tkun ipproċessata jekk is-suġġett tad-data ma jagħtix il-kunsens espliċitu tiegħu; billi, iżda, derogi għal din il-projbizzjoni għandhom jissemmew espliċitament dwar ħtiġijiet speċifiċi, partikolarment meta l-ipproċessar ta’ dan id-data jsir għal ċerti għanijiet mediċi minn persuni soġġetti għal obbligazzjoni tas-sigriet professjonali skond il-liġi jew meta jsir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom hu li jippermettu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali”.

10

L-għan ta’ din id-direttiva kien iddefinit fl-Artikolu 1 tagħha, li jipprovdi:

“1.   Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

2.   Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1.”

11

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva kien jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]”

12

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46, intitolat “Regoli Ġenerali dwar il-Legalità ta’ l-Ipproċessar ta’ Data Personali”, kien maqsum f’disa’ taqsimiet.

13

Taħt it-Taqsima I, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, l-Artikolu 6 tad-direttiva msemmija kien ifformulat kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)

ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)

miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. […]

ċ)

adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

[…]

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

14

Taħt it-Taqsima II, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, l-Artikolu 7 tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

ċ)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data; jew

[…]”

15

Taħt it-Taqsima III, intitolata “Kategoriji speċjali ta’ ipproċessar”, l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46, dwar “[l]-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data”, kien jipprevedi:

“1.   Stati Membri għandhom jipprojbixxu l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija trade-unjonistika, u l-ipproċessar ta’ data dwar saħħa jew ħajja sesswali.

[…]

4.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni xierqa, Stati Membri jistgħu, għall-finijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żjieda ma dawk stabbiliti f’Paragrafu 2 permezz ta’ liġi nazzjonali jew b’deċiżjoni ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni.

[…]”

Il-GDPR

16

Konformement mal-Artikolu 94(1) tiegħu, il-GDPR ħassar id-Direttiva 95/46 b’effett mill‑25 ta’ Mejju 2018. Skont l-Artikolu 99(2) tiegħu, huwa applikabbli minn din l-istess data.

17

Il-premessi 4, 10, 26, 35, 39 u 51 ta’ dan ir-regolament jipprovdu:

“(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Karta)] kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(10)

Sabiex ikun żgurat livell konsistenti u għoli ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi u sabiex jitneħħew l-ostakoli għaċ-ċirkolazzjoni tad-data personali fl-Unjoni, il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ din id-data għandu jkun ekwivalenti fl-Istati Membri kollha. […] Fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali għall-konformità ma’ obbligu legali, għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet nazzjonali biex jispeċifikaw aktar l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament. […] Dan ir-Regolament jipprovdi wkoll marġni ta’ manuvrar għall-Istati Membri biex jispeċifikaw ir-regoli tagħhom, inkluż għall-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali (“data sensittiva”). Sa dak il-punt, dan ir-Regolament ma jeskludix il-liġijiet tal-Istati Membri li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi għal sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar, inkluż li jiġu ddeterminati b’mod aktar preċiż il-kondizzjonijiet li taħthom l-ipproċessar ta’ data personali jkun legali.

[…]

(26)

Il-prinċipji ta’ protezzjoni tad-data għandhom japplikaw għal kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. […] Sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika hijiex identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment x’aktarx ikunu jintużaw, bħas-singolarizzazzjoni, mill-kontrollur jew minn kwalunkwe persuna oħra sabiex persuna fiżika tiġi identifikata direttament jew indirettament. […]

[…]

(35)

Id-data personali dwar is-saħħa għandha tinkludi d-data kollha dwar l-istat tas-saħħa ta’ suġġett tad-data li tiżvela informazzjoni relatata mal-istat tas-saħħa fiżika jew mentali tas-suġġett tad-data fil-passat, fil-preżent jew fil-ġejjieni. […]

[…]

(39)

[…] Id-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u limitata għal dak li huwa neċessarju għall-finijiet li għalihom hija tkun qiegħda tiġi pproċessata. Dan jeħtieġ, b’mod partikolari, li jiġi żgurat li l-perijodu li matulu tinħażen id-data personali jkun limitat strettament għall-inqas possibbli. Id-data personali għandha tkun ipproċessata biss jekk il-fini tal-ipproċessar ma jkunx jista’ jintlaħaq mod ieħor b’mod raġonevoli. […]

[…]

(51)

Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. […] Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f’każijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud li l-liġi tal-Istati Membri tista’ tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data sabiex tadatta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament għal konformità ma’ obbligu legali jew għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi b’mod partikolari fejn l-ipproċessar isir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jippermettu l-eżerċizzju ta’ libertajiet fundamentali.”

18

L-Artikolu 1 tal-GDPR, intitolat “Suġġett u objettivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni ta’ data personali.”

19

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa redatt kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(15)

‘data dwar is-saħħa’ tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluża l-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta’ saħħitha;

[…]”

20

Il-Kapitolu II tal-GDPR, intitolat “Prinċipji”, jinkludi fih l-Artikoli 5 sa 11 tiegħu.

21

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-“[p]rinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […] (‘limitazzjoni tal-fini’);

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]”

22

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

[…]

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

[…]

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

Il-fini tal-ipproċessar għandu jkun iddeterminat fdik il-bażi legali jew, fir-rigward tal-ipproċessar imsemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-atorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. […] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

23

L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

[…]

g)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;

[…]”

Id‑dritt Litwan

24

Il-Lietuvos Respublikos viešųjų ir privačių interesų derinimo valstybinėje tarnyboje įstatymas Nr. VIII-371 (il-Liġi Nru VIII-371 tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi Pubbliċi u Privati fis-Servizz Pubbliku), tat‑2 ta’ Lulju 1997 (Žin., 1997, Nru 67‑1659), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi”), għandha bħala għan, skont l-Artikolu 1 tagħha, li tikkonċilja l-interessi privati tal-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku u l-interessi pubbliċi tas-soċjetà, li tiżgura l-prevalenza tal-interess pubbliku waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet, li tiżgura l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet adottati kif ukoll li tipprevjeni li tinbet u tikber il-korruzzjoni fis-servizz pubbliku.

25

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku”, b’mod partikolari, il-persuni li jaħdmu f’assoċjazzjonijiet jew fi stabbilimenti pubbliċi ffinanzjati mill-baġit jew mill-fondi tal-Istat jew minn awtorità lokali u li għandhom kompetenzi amministrattivi.

26

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, intitolat “Obbligi tal-persuni li japplikaw għal post, li jaħdmu jew li ħadmu fis-servizz pubbliku”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-persuni li japplikaw għal pożizzjoni jew li jaħdmu fis-servizz pubbliku, kif ukoll il-persuni l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi, huma obbligati jiddikjaraw l-interessi privati tagħhom.

3.   Il-persuni li jkunu temmew il-funzjonijiet tagħhom fis-servizz pubbliku huma suġġetti għar-restrizzjonijiet previsti fil-ħames taqsima ta’ din il-liġi.”

27

L-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, intitolat “Dikjarazzjoni ta’ interessi privati”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull persuna li taħdem fis-servizz pubbliku, kif ukoll kull persuna li tapplika biex twettaq funzjonijiet fis-servizz pubbliku, għandha tiddikjara l-interessi privati tagħha billi tippreżenta dikjarazzjoni ta’ interess privat (iktar ’il quddiem ‘dikjarazzjoni’) skont il-modalitajiet previsti minn din il-liġi u atti oħra. […]”

28

Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi:

“1.   Il-persuni li jiddikjaraw l-interessi privati tagħhom huma obbligati jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom b’mod elettroniku, skont il-modalitajiet iddefiniti mill-[Kummissjoni Għolja], f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-għażla, tar-reklutaġġ jew tal-ħatra tagħhom (ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi kif ukoll fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-artikolu).

2.   Il-persuni li japplikaw għal pożizzjoni fis-servizz pubbliku (bl-eċċezzjoni tal-persuni msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din il-liġi u tal-persuni li d-data tagħhom hija kklassifikata skont il-liġi u/jew li jeżerċitaw attività ta’ intelligence, ta’ kontrospjunaġġ jew ta’ informazzjoni fil-qasam kriminali) għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom qabel id-data tal-għażla, tar-reklutaġġ jew tal-ħatra tagħhom, sakemm testi oħra ma jipprovdux mod ieħor.

3.   Il-persuni li d-data tagħhom hija kklassifikata skont il-liġi u/jew li jeżerċitaw attività ta’ intelligence, ta’ kontrospjunaġġ jew ta’ intelligence fil-qasam kriminali għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom, f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-għażla, tar-reklutaġġ jew tal-ħatra tagħhom, mad-direttur, jew mar-rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu, tal-istituzzjoni (tal-persuna ġuridika) li huma jaħdmu fiha, skont il-proċeduri ddefiniti minn din l-istituzzjoni (minn din il-persuna ġuridika).

4.   Il-membri tal-kummissjonijiet għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-persuni inkarigati mid-direttur ta’ awtorità kontraenti li jagħti kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata u l-esperti li jintervjenu fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandhom jippreżentaw id-dikjarazzjoni tagħhom ta’ interessi privati b’mezz elettroniku (jekk huma kienu għadhom ma ppreżentawx minnhom) qabel ma jibdew jipparteċipaw fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Membru ta’ kummissjoni għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, persuna inkarigata mid-direttur ta’ awtorità kontraenti li jagħti kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata jew espert li jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku li ma jkunx ippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati ma huwiex awtorizzat jipparteċipa fil-proċedura ta’ għoti u għandu jitneħħa mill-funzjonijiet ikkonċernati.

5.   Jekk dan huwa previst mit-test li jiddefinixxi l-modalitajiet tal-funzjonament tal-istituzzjoni (tal-persuna ġuridika) li l-persuna kkonċernata taħdem fiha, id-dikjarazzjoni tista’ tiġi ppreżentata mhux biss għand id-direttur, jew mar-rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu, ta’ din l-istituzzjoni (ta’ din il-persuna ġuridika), iżda wkoll għand id-direttur, jew ir-rappreżentant debitament awtorizzat tiegħu, ta’ persuna ġuridika subappaltata ta’ din l-istituzzjoni (ta’ din il-persuna ġuridika) jew li tirrendilha rendikont, jew ta’ persuna ġuridika oħra.

6.   L-istituzzjonijiet awtorizzati jaċċedu għad-dikjarazzjoni għandhom jitolbuhom, fil-każijiet previsti u skont il-modalitajiet iddefiniti mil-liġi, lill-post tax-xogħol tad-dikjarant jew lill-[Kummissjoni Għolja].”

29

L-Artikolu 6 tal-liġi msemmija, intitolat “Kontenut tad-dikjarazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Id-dikjarant għandu jsemmi fid-dikjarazzjoni tiegħu t-tagħrif segwenti li jikkonċernah u li jikkonċerna lill-konjuġi, lill-konkubin jew lis-sieħeb tiegħu:

1)

l-isem, il-kunjom, in-numru ta’ identifikazzjoni personali, in-numru tas-sigurtà soċjali, il-persuna jew persuni li jimpjegawh u l-funzjonijiet;

2)

il-persuna ġuridika li fiha d-dikjarant jew il-konjuġi, il-konkubin jew sieħeb tiegħu għandhom il-kwalità ta’ soċju jew membru;

3)

attività indipendenti, kif iddefinita fil-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar it-Taxxa fuq id-Dħul;

4)

appartenenza ma’ impriżi, stabbilimenti, assoċjazzjonijiet jew fondi u funzjonijiet eżerċitati fihom, bl-eċċezzjoni tal-appartenenza ma’ partiti politiċi jew sindakati;

5)

rigali (minbarra dawk ta’ qraba) li jiġu rċevuti matul l-aħħar tnax‑il xahar kalendarju jekk il-valur tagħhom huwa ta’ iktar minn EUR 150;

6)

informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet konklużi matul l-aħħar tnax‑il xahar kalendarju u tranżazzjonijiet oħra pendenti jekk il-valur tat-tranżazzjoni huwa ta’ iktar minn EUR 3000;

7)

qraba jew persuni oħra jew informazzjoni li jaf id-dikjarant li jistgħu jwasslu għal kunflitt ta’ interessi.

2.   Id-dikjarant jista’ jħalli barra d-data dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is‑sieħeb tiegħu jekk jgħixu separatament, ma jifformawx unità domestika u li għalhekk ma jkollux tali data.”

30

L-Artikolu 10 tal-istess liġi, intitolat “Pubblikazzjoni ta’ data dwar l-interessi privati”, jipprevedi:

“1.   Hija pubblika u tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, konformement mal-modalitajiet iddefiniti minn din tal-aħħar, id-data li tinsab fid‑dikjarazzjonijiet tal-persuni eletti u l-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet politiċi, tal-uffiċjali u l-aġenti tal-Istat, tal-imħallfin, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ istituzzjonijiet tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-uffiċjali u l-aġenti ta’ fiduċja pubblika (persunal), tal-uffiċjali tal-Istat li jeżerċitaw il-funzjonijiet ta’ diretturi u assistenti diretturi ta’ suddiviżjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew stabbiliment, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ impriżi pubbliċi u ta’ awtoritajiet baġitarji tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tad-diretturi u l-assistenti diretturi ta’ assoċjazzjonijiet jew stabbilimenti pubbliċi li jirċievu fondi li ġejjin mill-baġit jew minn fondi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-impjegati tal-Bank tal-Litwanja mogħtija kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika (inkarigati mis‑sorveljanza tas-swieq finanzjarji, tar-riżoluzzjoni ekstraġudizzjarja tat-tilwim bejn konsumaturi u operaturi tas-swieq finanzjarji u funzjonijiet oħra ta’ amministrazzjoni pubblika), tal-membri ta’ kunsilli ta’ sorveljanza jew ta’ amministrazzjoni u diretturi u assistenti diretturi ta’ kumpanniji b’azzjonijiet jew b’responsabbiltà limitata fejn l-Istat jew awtorità lokali huma proprjetarji ta’ ishma li jagħtuhom iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot fl-assemblea ġenerali tas‑soċji, tal-membri tal-bord ta’ amministrazzjoni ta’ impriżi pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, tal-presidenti u l-viċi presidenti ta’ partiti politiċi, tal‑konsulenti mhux remunerati, l-assistenti u l-konsulenti ta’ persuni eletti u persuni li jokkupaw pożizzjonijiet politiċi, tal-esperti awtorizzati mill‑kummissjonijiet tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja, tal-membri ta’ kulleġġi ministerjali, tal-membri tal-Kunsill tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa Obbligatorja, tal-konsulenti mhux remunerati tal-Kunsill tal-Assigurazzjoni tas‑Saħħa Obbligatorja, tal-membri tal-Kunsill Nazzjonali tas-Saħħa, tat-tobba, id‑dentisti u l-ispiżjara li jaħdmu f’awtoritajiet baġitarji jew pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali, f’impriżi pubbliċi tal-Istat jew ta’ awtoritajiet lokali jew f’impriżi fejn l-Istat jew awtorità lokali huma proprjetarji ta’ ishma li jagħtuhom iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot fil-laqgħa ġenerali tas-soċji, detenturi ta’ liċenzja ta’ stabbiliment tas-saħħa jew ta’ spiżerija, kif ukoll tal-membri ta’ kummissjonijiet tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, tal-persuni inkarigati mid-direttur ta’ awtorità kontraenti sabiex jagħtu kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata u tal-esperti li jintervjenu fil-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi [bl-eċċezzjoni tad-data li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-persuni li d-data tagħhom hija kklassifikata skont il-liġi u (jew) li jeżerċitaw attività ta’ intelligence, ta’ kontrospjunaġġ jew ta’ intelligence fil-qasam kriminali]. Meta persuna li d-data tagħha tkun pubblika titlef l-istatus ta’ dikjarant, il-Kummissjoni Għolja, fuq talba tal-parti kkonċernata, għandha tneħħi d-dikjarazzjoni mis-sit internet tagħha.

2.   Ma tistax issir pubblika d-data li ġejja pprovduta fid-dikjarazzjoni: in-numru ta’ identifikazzjoni personali, in-numru tas-sigurtà soċjali, data personali partikolari kif ukoll it-tagħrif l-ieħor li l-liġi tipprojbixxi l-iżvelar tiegħu. Barra minn hekk, id-data tal-parti l-oħra għal tranżazzjoni, meta din tkun persuna fiżika, ma għandhiex tiġi ppubblikata.”

31

Skont l-Artikolu 22 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, intitolat “Awtoritajiet u aġenti responsabbli mill-kontroll”:

“Il-mod li bih il-persuni li tapplika għalihom japplikaw din il-liġi huwa kkontrollat minn:

1)

il-[Kummissjoni Għolja];

2)

id-diretturi, jew ir-rappreżentanti tagħhom debitament awtorizzati, tal-istituzzjonijiet jew tal-istabbilimenti tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali kkonċernati;

3)

id-direttur tal-awtorità kontraenti jew il-persuni debitament awtorizzati minnu (f’dak li jirrigwarda l-membri ta’ kummissjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-persuni inkarigati mid-direttur ta’ awtorità kontraenti li jagħti kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata u l-esperti li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi);

4)

korpi oħra tal-Istat, skont kif previst mil-liġi.

[…]

3.   Meta jkun hemm informazzjoni sostnuta li tgħid li persuna ma tosservax ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi, id-diretturi, jew ir-rappreżentanti tagħhom debitament awtorizzati, tal-istituzzjonijiet jew tal-istabbilimenti tal-Istat jew tal-awtoritajiet lokali jew l-istituzzjoni ta’ tmexxija kolleġġjali tal-Istat jew tal-awtorità lokali investigattiva, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq istruzzjoni tal-[Kummissjoni Għolja], fuq l-attività ta’ servizz tal-persuna li taħdem fis-servizz pubbliku. Il-[Kumitat Għoli] għandu jiġi infurmat dwar il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni; hija għandha s-setgħa li tevalwa jekk l-evalwazzjoni magħmula fir-rapport ta’ investigazzjoni dwar l-aġir tal-persuna kkonċernata hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi. […]”

32

L-Artikolu 2(5) tal-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi Pubbliċi u Privati, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi”), li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku”, ma jsemmix iktar, fost dawn, lill-persuni li jaħdmu f’assoċjazzjonijiet jew fi stabbilimenti pubbliċi ffinanzjati mill-baġit jew mill-fondi tal-Istat jew ta’ awtorità lokali u li għandhom kompetenzi amministrattivi.

33

Skont l-Artikolu 4(3) tal-Liġi emendata dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi dwar id-Dikjarazzjoni ta’ Interessi privati kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 ta’ din il-liġi japplikaw ukoll:

[…]

8)

għad-diretturi tal-awtoritajiet kontraenti jew tal-korpi kontraenti (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“organu kontraenti”), għall-membri tal-kummissjonijiet ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ organu kontraenti, għall-persuni inkarigati mid-direttur ta’ organu kontraenti sabiex jagħtu kuntratti skont il-proċedura ssemplifikata, għall-esperti li jintervjenu fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, għall-inizjaturi ta’ konċessjoni […] ta’ organu kontraenti tas-settur tas-servizzi ta’ provvista, ta’ trattament tal-ilma mormi, tal-enerġija, tat-trasport jew postali;

[…]”

34

Skont l-Artikolu 2(8) tal-Lietuvos Respublikos asmens duomenų teisinės apsaugos įstatymas Nr. I-1374 (il-Liġi Nru I-1374 tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Protezzjoni Legali tad-Data Personali), tal‑11 ta’ Ġunju 1996 (Žin., 1996, Nru 63–1479, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sas‑16 ta’ Lulju 2018:

“‘Data personali partikolari’ tfisser data li tikkonċerna l-oriġini razzjali jew etnika, it-twemmin politiku, reliġjuż, filosofiku jew ieħor, is-sħubija f’sindakat, is-saħħa, il-ħajja sesswali ta’ persuna, kif ukoll informazzjoni dwar kundanna kriminali ta’ dik il-persuna.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

35

Il-Kummissjoni Għolja hija awtorità pubblika inkarigata, b’mod partikolari, li tissorvelja l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u, b’mod partikolari, li tiġbor id-dikjarazzjonijiet tal-interessi privati u tiżgura l-kontroll tagħhom.

36

OT jeżerċita l-funzjonijiet ta’ direttur ta’ QP, stabbiliment pubbliku irregolat mid‑dritt Litwan li jirċievi fondi pubbliċi, attiv fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent.

37

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑7 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni Għolja kkonstatat li, billi naqas milli jippreżenta dikjarazzjoni tal-interessi privati, OT kien kiser l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

38

Fis‑6 ta’ Marzu 2018, OT ippreżenta rikors għall-annullament kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

39

Insostenn tiegħu, OT isostni, minn naħa, li huwa ma jinsabx fost il-persuni suġġetti għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-interessi privati, kif imsemmija fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi. Fil-fatt, fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ta’ QP, huwa ma għandux kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika u ma jiżgurax il-provvista ta’ xi servizz pubbliku lill-popolazzjoni. Barra minn hekk, QP, bħala organizzazzjoni mhux governattiva, teżerċita l-attività tagħha b’mod indipendenti fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi.

40

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li huwa obbligat jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati, OT jallega li l-pubblikazzjoni tagħha tippreġudika kemm id-dritt tiegħu għar-rispett tal-ħajja privata tiegħu kif ukoll dak tal-persuni l-oħra li huwa jkun, jekk ikun il-każ, obbligat li jsemmi fid-dikjarazzjoni tiegħu.

41

Il-Kummissjoni Għolja ssostni li, sa fejn huwa kellu kompetenzi amministrattivi fi ħdan stabbiliment li jibbenefika minn finanzjament li joriġina minn fondi strutturali tal-Unjoni u mill-baġit tal-Istat Litwan, OT kien obbligat jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati, u dan anki jekk ma kienx uffiċjal u anki jekk huwa ma kienx jeżerċita kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Għolja tosserva li, għalkemm il-pubblikazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni tista’ tikkostitwixxi ndħil fil-ħajja privata tal-persuna kkonċernata u tal-konjuġi tagħha, dan l-indħil huwa previst mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

42

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tas-sistema prevista mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi mal-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 6(3) tal-GDPR kif ukoll mal-Artikolu 9(1) tiegħu. Hija tqis li d-data personali li tinsab f’dikjarazzjoni ta’ interessi privati tista’ tiżvela informazzjoni dwar il-ħajja privata tad-dikjarant u tal-konjuġi, konkubin jew sieħeb tiegħu kif ukoll tat-tfal tiegħu, b’tali mod li l-iżvelar tagħha huwa ta’ natura li jikser id-dritt tal-persuni kkonċernati għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom. Fil-fatt, din id-data tista’ tiżvela informazzjoni partikolarment sensittiva, bħall-fatt li l-persuna kkonċernata tgħix f’konkubinaġġ jew ma’ persuna tal-istess sess, li l-iżvelar tagħha jista’ jwassal għal inkonvenjenzi sinjifikattivi fil-ħajja privata ta’ dawn il-persuni. Id-data dwar ir-rigali rċevuti u t-tranżazzjonijiet imwettqa mid-dikjarant u mill-konjuġi, mill-konkubin jew mis-sieħeb tiegħu, jiżvelaw ukoll ċerti dettalji tal-ħajja privata tagħhom. Barra minn hekk, id-data dwar il-qraba jew il-konoxxenzi tad-dikjarant li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi tiżvela informazzjoni dwar il-familja tad-dikjarant u dwar ir-relazzjonijiet personali tiegħu.

43

Skont il-qorti tar-rinviju, għalkemm il-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi għandha l-għan li tiggarantixxi l-osservanza tal-prinċipju ta’ trasparenza fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet pubbliċi, b’mod partikolari waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-interess pubbliku, il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ elementi li jistgħu jinfluwenzaw it-teħid ta’ tali deċiżjonijiet ma hijiex neċessarja sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan. Fil-fatt, il-komunikazzjoni tad-data personali lill-korpi msemmija fl-Artikolu 5 ta’ din il-liġi kif ukoll il-kompitu ta’ superviżjoni mogħtija lill-korpi msemmija fl-Artikolu 22 tal-imsemmija liġi jikkostitwixxu miżuri suffiċjenti sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-imsemmi għan.

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 6(3) [tal-GDPR] u b’mod partikolari r-rekwiżit li d-dritt tal-Istati Membri għandu jissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandu jkun proporzjonali għall-għan leġittimu mfittex, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 6(1)[(1)](e) tal-imsemmi regolament li l-ipproċessar [tad-data personali] għandu jkun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-Kontrollur, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt nazzjonali ma jistax jeżiġi l-iżvelar tad-data li tidher f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati u l-pubblikazzjoni tal-imsemmija data fis-sit tal-internet tal-Kontrollur – il-[Kummissjoni Għolja] -, fatt li jirrendi din id-data aċċessibbli għal kull persuna li għandha l-possibbiltà li tuża l-internet?

2)

Fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 9(2) [tal-GDPR] u b’mod partikolari r-rekwiżit previst fl-Artikolu 9(2)(g) li l-ipproċessar [tad-data personali] għandu jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt ta’ Stat Membru, li għandu jkun proporzjonali mal-għan imfittex, jirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u jipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet fundamentali u l-interessi tal-persuna kkonċernata, kif ukoll tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, il-projbizzjoni ta’ pproċessar ta’ ċerti kategoriji ta’ data prevista fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament għandha tiġi interpretata fis-sens li d-dritt nazzjonali ma jistax jeżiġi l-iżvelar tad-data li tidher f’dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati li tista’ tiżvela data personali, fosthom data li tippermetti li jsiru magħrufa l-opinjonijiet politiċi, l-appartenenza sindakali jew l-orjentazzjoni sesswali, jew informazzjoni oħra ta’ natura personali ta’ persuna, u l-pubblikazzjoni tal-imsemmija data fis-sit tal-internet tal-Kontrollur – il-[Kummissjoni Għolja] -, fatt li jirrendi din id-data aċċessibbli għal kull persuna li għandha l-possibbiltà li tuża l-internet?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

45

Il-Gvern Litwan u l-Kummissjoni Ewropea rrilevaw li, wara l-emenda tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma għadux jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ din il-liġi.

46

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, f’sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2018, il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), li kienet ġiet adita mill-qorti tar-rinviju sabiex tevalwa l-kostituzzjonalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, ikkonstatat li l-Artikolu 10 tagħha, li jimponi l-pubblikazzjoni tad-data dwar l-interessi privati, ma kienx inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

47

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li huma neċessarji għalihom sabiex jiddeċiedu l-kawżi mressqa quddiemhom (sentenza tat‑12 ta’ Marzu 1998, Djabali, C‑314/96, EU:C:1998:104, punt 17, u d-digriet tat-3 ta’ Diċembru 2020, Fedasil, C‑67/20 sa C‑69/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:1024, punt 18).

48

Skont ġurisprudenza stabbilita oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit minnha u taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-22 ta’ Frar 2022, Stichting Rookpreventie Jeugd et., C‑160/20, EU:C:2022:101, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għal talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, minn naħa, li l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Issa, il-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi kienet tinkludi fost il-persuni li kellhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ interessi privati dawk li jaħdmu f’assoċjazzjonijiet jew fi stabbilimenti pubbliċi ffinanzjati mill-baġit jew mill-fondi tal-Istat jew minn awtorità lokali u li għandhom kompetenzi amministrattivi.

50

Il-qorti tar-rinviju indikat, barra minn hekk, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali, għalkemm ma setax iktar jiġi mqabbel ma’ persuna li taħdem fis-servizz pubbliku, fis-sens tal-Liġi emendata dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, seta’ madankollu jaqa’ taħt il-kategorija ta’ persuni msemmija fil-punt 8 tal-Artikolu 4(3) ta’ din il-liġi u li, f’dan ir-rigward, huwa seta’ jiġi obbligat jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati.

51

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li s-sentenza tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) tal‑20 ta’ Settembru 2018, li permezz tagħha din tal-aħħar iddikjarat inammissibbli t-talba tal-qorti tar-rinviju li stednitha tiddeċiedi dwar il-konformità tal-Artikolu 10(1) u (2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi mal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja u mal-prinċipju kostituzzjonali ta’ proporzjonalità, ma kellha ebda effett fuq it-tilwima fil-kawża prinċipali, minħabba li l-kwistjoni li kellha tiġi deċiża fil-proċedura prinċipali ma kinitx tirrigwarda l-pubbliċità tal-data pprovduta fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, iżda fuq l-obbligu li tiġi ppreżentata tali dikjarazzjoni.

52

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li, anki jekk il-kwistjoni li għandha tiġi deċiża fil-kawża prinċipali hija, kif indikat il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), dik tal-eventwali ksur tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din il-liġi minħabba n-nuqqas ta’ osservanza mir-rikorrent fil-kawża prinċipali tal-obbligu tiegħu li jippreżenta dikjarazzjoni tal-interessi privati, il-verifika tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali teħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni tal-konsegwenzi imperattivi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-liġi msemmija, ta’ tali preżentazzjoni, jiġifieri l-pubblikazzjoni ta’ ċerta data li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni Għolja, peress li dan ir-rikorrent jinvoka l-illegalità ta’ din il-pubblikazzjoni insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu kontra din id-deċiżjoni.

53

Fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-elementi mressqa mill-Gvern Litwan u mill-Kummissjoni ma humiex suffiċjenti sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ rilevanza li jibbenefikaw minnha d-domandi magħmula u ma jistax jitqies li huwa manifest li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, u lanqas li l-problema hija ta’ natura ipotetika, peress li l-qorti tar-rinviju tista’ tieħu inkunsiderazzjoni din l-interpretazzjoni għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha.

54

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq id‑dritt applikabbli ratione temporis

55

Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-GDPR. Skont l-Artikolu 99(2) tiegħu, dan ir-regolament sar applikabbli fil‑25 ta’ Mejju 2018, data li fiha, skont l-Artikolu 94(1) tiegħu, ħassar id-Direttiva 95/46.

56

Konsegwentement, id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ġiet adottata mill-Kummissjoni Għolja fis‑7 ta’ Frar 2018, kienet irregolata mid-Direttiva 95/46.

57

Madankollu, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Għolja kkritikat lir-rikorrent fil-kawża prinċipali talli naqas milli jippreżenta dikjarazzjoni ta’ interessi privati, bi ksur tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-informazzjoni msemmija fil-punt 50 ta’ din is-sentenza u fl-assenza ta’ elementi li jindikaw li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ippreżenta tali dikjarazzjoni qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, jiġifieri d-data li fiha l-GDPR sar applikabbli, ma huwiex eskluż li dan ir-regolament huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

58

Barra minn hekk, ma hemmx lok li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 u dawk tal-GDPR imsemmija fiż-żewġ domandi preliminari, kif ifformulati mill-ġdid, peress li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jitqiesu li għandhom portata simili għall-finijiet tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tagħti fil-kuntest ta’ din il-kawża. (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2013, Dixons Retail (C‑494/12, EU:C:2013:758, punt 18).

59

Għaldaqstant, sabiex jingħataw risposti utli għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, dawn għandhom jiġu eżaminati abbażi kemm tad-Direttiva 95/46 kif ukoll tal-GDPR.

Fuq l‑ewwel domanda

60

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46 u l-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u (3) tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tqegħid online ta’ data inkluża fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati li kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi huwa obbligat jippreżenta quddiem l-awtorità nazzjonali inkarigata li tiġbor dawn id-dikjarazzjonijiet u li tikkontrolla l-kontenut tagħhom.

61

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46, moqri flimkien mal-premessa 10 tagħha, u l-Artikolu 1(2) tal-GDPR, moqri flimkien mal-premessi 4 u 10 tiegħu, din id-direttiva u dan ir-regolament għandhom b’mod partikolari l-għan li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, peress li dan id-dritt huwa rrikonoxxut ukoll fl-Artikolu 8 tal-Karta u huwa marbut mill-qrib mad-dritt għall-ħajja privata, stabbilit fl-Artikolu 7 tagħha.

62

Għal dan il-għan, il-Kapitolu II tad-Direttiva 95/46 kif ukoll il-Kapitoli II u III tal-GDPR jistabbilixxu l-prinċipji li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali kif ukoll id-drittijiet tal-persuna kkonċernata li din għandha tosserva. B’mod partikolari, kull ipproċessar ta’ data personali kellu, qabel l-applikabbiltà tal-GDPR, ikun konformi mal-prinċipji relatati mal-kwalità tad-data u mal-leġittimazzjoni tal-ipproċessar tagħha stabbilit fl-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-direttiva u, minn din l-applikabbiltà, mal-prinċipji relatati mal-ipproċessar tad-data u mal-kundizzjonijiet ta’ legalità tal-ipproċessar elenkati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 96), u tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 50).

63

F’dan il-każ, l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jipprevedi li l-Kummissjoni Għolja għandha tippubblika, fuq is-sit internet tagħha, informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati mressqa mill-uffiċjali pubbliċi msemmija f’din id-dispożizzjoni u li l-kontenut tagħhom huwa ddefinit fl-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, bl-eċċezzjoni ta’ dik l-informazzjoni li hija elenkata fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija liġi.

64

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw biss il-pubblikazzjoni, fis-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, tal-informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati li għandu jippreżenta d-direttur ta’ istituzzjoni li tirċievi fondi pubbliċi, u mhux l-obbligu ta’ dikjarazzjoni bħala tali jew il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ interessi f’ċirkustanzi oħra.

65

F’dan ir-rigward, peress li hija relatata ma’ persuni fiżiċi identifikati b’isimhom u b’kunjomhom, l-informazzjoni intiża sabiex tiġi ppubblikata fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja tikkostitwixxi data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 4(1) tal-GDPR, peress li l-fatt li l-imsemmija informazzjoni taqa’ fil-kuntest tal-attività professjonali tad-dikjarant ma huwiex ta’ natura li jneħħilha din il-klassifikazzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Manni, C‑398/15, EU:C:2017:197, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitatat). Barra minn hekk, l-operazzjoni li tikkonsisti fl-inklużjoni, fuq paġna tal-internet, tad-data personali tikkostitwixxi pproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 95/46 u tal-punt 2 tal-Artikolu 4 tal-GDPR (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, Weltimmo, C‑230/14, EU:C:2015:639, punt 37), li hija responsabbli għalih il-Kummissjoni Għolja fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 4(7) tal-GDPR (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 101).

66

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 6 tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, jipprekludux il-pubblikazzjoni fuq l-internet ta’ parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati li huwa obbligat li jippreżenta kull direttur ta’ istituzzjoni li tirċievi fondi pubbliċi, bħal dik prevista fl-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

67

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedu lista eżawrjenti u limitata tal-każijiet li fihom l-ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali. Għalhekk, sabiex ikun jista’ jitqies bħala tali, ipproċessar għandu jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Skont l-Artikolu 7(e) tad-Direttiva 95/46 u l-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, imsemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, l-ipproċessar li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu ta’ interess pubbliku jew li jaqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika li għandu l-kontrollur huwa leċitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 7(ċ) ta’ din id-direttiva u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, li tirreferi għalih din il-qorti fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, huwa wkoll leċitu l-ipproċessar li huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li huwa suġġett għalih il-kontrollur.

69

L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet ta’ legalità, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex. Peress li dawn ir-rekwiżiti jikkostitwixxu espressjoni ta’ dawk li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din l-aħħar dispożizzjoni u japplikaw mutatis mutandis għall-Artikolu 7(ċ) u (e) tad-Direttiva 95/46.

70

Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ma humiex prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà u għandhom jiġu bbilanċjati ma’ drittijiet fundamentali oħra. B’hekk jistgħu jsiru limitazzjonijiet, sakemm, konformement mal-Artikolu 52(1) tal-Karta, dawn ikunu previsti mil-liġi u jirrispettaw il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali kif ukoll josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Abbażi ta’ dan l-aħħar prinċipju, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk dawn ikunu meħtieġa u jekk effettivament ifittxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn għandhom jiġu applikati fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u l-leġiżlazzjoni li tinvolvi l-indħil għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71

F’dan il-każ, peress li l-pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tagħha, ta’ parti mid-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati li għandu l-obbligu li jippreżenta kull direttur ta’ istituzzjoni li tirċievi fondi pubbliċi tirriżulta minn dispożizzjoni leġiżlattiva tad-dritt tal-Istat Membru li għalih hija suġġetta l-Kummissjoni Għolja, jiġifieri mill-Artikolu 10(c) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, dan l-ipproċessar huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li din l-awtorità hija responsabbli għalih bħala kontrollur u, għaldaqstant, jaqa’ taħt l-ipoteżi prevista mill-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46 u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar jaqax ukoll taħt l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 7(e) ta’ din id-direttiva u fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

72

Barra minn hekk, peress li, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jiddefinixxi l-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, l-indħil li jirriżulta minn dan għandu jitqies li huwa previst mil-liġi, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali), C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 54).

73

Madankollu, kif ġie ppreċiżat fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, jeħtieġ ukoll li l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, bħala bażi legali għat-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jissodisfa r-rekwiżiti l-oħra li jirriżultaw mill-Artikolu 52(1) tal-Karta u mill-Artikolu 6(3) tal-GDPR, u b’mod partikolari li jissodisfa għan ta’ interess pubbliku u li jkun proporzjonat għall-għan leġittimu mfittex.

74

F’dan il-każ, mill-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jirriżulta li, bl-adozzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi, din il-liġi riedet li tiġi żgurata l-prevalenza tal-interess pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-persuni li jaħdmu fis-servizz pubbliku, li tiġi żgurata l-imparzjalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet u li jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interessi kif ukoll li tipprevjeni li tinbet u li tikber il-korruzzjoni fis-servizz pubbliku.

75

Tali għanijiet, sa fejn jikkonsistu fit-tisħiħ tal-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-persuni fis-settur pubbliku li jieħdu deċiżjonijiet, fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, huma mingħajr dubju ta’ interess pubbliku u, konsegwentement, leġittimi.

76

Fil-fatt, li jiġi żgurat li l-persuni fis-settur pubbliku li jieħdu deċiżjonijiet jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’mod imparzjali u oġġettiv, u li jiġi evitat li dawn ikunu influwenzati minn kunsiderazzjonijiet relatati ma’ interessi privati, huma intiżi biex jiżguraw it-tmexxija tajba tal-affarijiet pubbliċi u tal-beni pubbliċi.

77

Barra minn hekk, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi għan li l-Istati Membri daħlu għalih kemm fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Unjoni.

78

B’mod partikolari, fuq livell tal-Unjoni, l-Istati Membri aderixxew mal-Konvenzjoni dwar il-Ġlieda Kontra l-Korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej jew uffiċjali ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, li tipprevedi li kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri neċessarji sabiex il-korruzzjoni, kemm attiva kif ukoll passiva, li tinvolvi lil uffiċjali, tiġi ssanzjonata kriminalment.

79

Fuq livell internazzjonali, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni jipprevedi li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tippromwovi u ssaħħaħ il-miżuri intiżi għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni b’mod iktar effikaċi, kif ukoll li tippromwovi l-integrità, ir-responsabbiltà u t-tmexxija tajba ta’ affarijiet pubbliċi u ta’ beni pubbliċi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 7(4) tal-konvenzjoni msemmija jipprevedi li “[k]ull Stat Parti għandu jipprova, skont il-prinċipji fundamentali tal-liġi interna tiegħu, jadotta, iżomm u jsaħħaħ sistemi li jiffavorixxu t-trasparenza u jipprevjenu l-kunflitti ta’ interess”.

80

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ipproċessar tad-data personali b’applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi huwa intiż sabiex jissodisfa għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, u għanijiet ta’ interess pubbliku u, għaldaqstant, leġittimi, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tal-GDPR.

81

Konsegwentement, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, l-għanijiet imsemmija fil-punti 74 u 75 ta’ din is-sentenza jawtorizzaw limitazzjonijiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, sakemm, b’mod partikolari, dawn jissodisfaw effettivament dawn l-għanijiet u jkunu proporzjonati mal-imsemmija għanijiet.

82

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk it-tqegħid online, fuq is-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, ta’ parti mid-data personali inkluża fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati li kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi huwiex obbligat li jippreżenta quddiem din l-awtorità huwiex adattat sabiex jilħaq l-għanijiet ta’ interess ġenerali ddefiniti fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet [ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 109).

83

F’dak li jirrigwarda, qabel kollox, il-kwistjoni dwar jekk il-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Għolja ta’ data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati hijiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali ddefinit fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li titqiegħed online ċerta data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati tal-persuni fis-settur pubbliku li jieħdu deċiżjonijiet, sa fejn dan jippermetti li tiġi żvelata l-eżistenza ta’ kunflitti ta’ interessi eventwali li jistgħu jinfluwenzaw il-funzjonijiet tagħhom, huwa tali li jwassal lil dawn sabiex jaġixxu b’mod imparzjali. Għalhekk, tali implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza hija xierqa sabiex tipprevjeni l-kunflitti ta’ interessi u l-korruzzjoni, iżżid ir-responsabbiltà ta’ dawk li huma involuti fis-settur pubbliku u, għaldaqstant, issaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-azzjoni pubblika.

84

Għaldaqstant, il-miżura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija adatta sabiex tikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ interess ġenerali li hija tfittex li tilħaq.

85

Fir-rigward, sussegwentement, tar-rekwiżit ta’ neċessità, mill-premessa 39 tal-GDPR jirriżulta li dan huwa ssodisfatt meta l-għan ta’ interess ġenerali mfittex jista’ raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effettiv b’mezzi oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, peress li d-derogi u r-restrizzjonijiet għall-prinċipju tal-protezzjoni ta’ tali data għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata). Konsegwentement, hemm lok, f’dan il-każ, li jiġi vverifikat jekk l-għan tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku billi tissaħħaħ l-integrità u l-imparzjalità tal-uffiċjali tagħha jistgħux b’mod raġonevoli jintlaħqu b’mod daqstant effettiv permezz ta’ miżuri oħra li jippreġudikaw inqas id-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tad-diretturi ta’ istituzzjonijiet li jirċievu fondi pubbliċi.

86

Din l-evalwazzjoni għandha ssir billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha li huma speċifiċi għall-Istat Membru kkonċernat, bħall-eżistenza ta’ miżuri oħra intiżi sabiex jipprevjenu l-kunflitti ta’ interessi u sabiex jiġġieldu kontra l-korruzzjoni, il-portata ta’ tali kunflitti u tal-fenomenu ta’ korruzzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku, kif ukoll in-natura tal-informazzjoni inkwistjoni u l-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati mid-dikjarant, b’mod partikolari l-pożizzjoni ġerarkika tiegħu, il-portata tal-kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika li huwa eventwalment għandu u s-setgħat ta’ użu u ta’ tmexxija ta’ fondi pubbliċi li għandu.

87

F’dan il-każ, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li l-obbligu li persuna tiddikjara l-interessi privati tagħha mal-korpi msemmija fl-Artikoli 5 u 22 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi kif ukoll l-istħarriġ, minn dawn tal-aħħar, tal-osservanza ta’ dan l-obbligu u tal-kontenut ta’ din id-dikjarazzjoni jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effettiv l-għanijiet imfittxija minn din il-liġi, jiġifieri l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku.

88

Skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, wieħed mill-argumenti prinċipali mressqa mill-Kummissjoni Għolja fil-kawża prinċipali sabiex tiġġustifika l-pubblikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati huwa l-fatt li hija ma għandiex riżorsi umani suffiċjenti sabiex tistħarreġ effettivament id-dikjarazzjonijiet kollha mressqa quddiemha.

89

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li n-nuqqas ta’ riżorsi allokati lill-awtoritajiet pubbliċi ma jista’ fl-ebda każ jikkostitwixxi raġuni leġittima li tippermetti li jiġi ġġustifikat ksur tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

90

Għandu jiġi mistoqsi wkoll jekk huwiex strettament neċessarju, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali msemmija fl-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, li d-diretturi ta’ istituzzjonijiet li jirċievu fondi pubbliċi jkunu, bħall-kategoriji l-oħra ta’ funzjonijiet imsemmija fil-lista msemmija fl-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi, suġġetti għall-pubbliċità li din tistabbilixxi.

91

F’dan ir-rigward, il-Gvern Litwan espona quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu li jipprovdu dikjarazzjoni ta’ imparzjalità, li dawn id-diretturi huma suġġetti għalih skont id-dritt nazzjonali, huwa suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi u li, għaldaqstant, l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 ta’ din il-liġi għalihom, prevista sad-dħul fis-seħħ, fl‑1 ta’ Jannar 2020, tal-Liġi emendata dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, kienet tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet.

92

It-tieni, anki jekk il-pubblikazzjoni tad-data ta’ natura privata inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżulta neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, għandu jiġi rrilevat li numru potenzjalment illimitat ta’ persuni jistgħu jikkonsultaw id-data personali inkwistjoni. Issa, mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlatur Litwan eżamina, waqt l-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jekk il-pubblikazzjoni fuq l-internet, mingħajr ebda restrizzjoni ta’ aċċess, ta’ din id-data hijiex strettament neċessarja jew jekk l-għanijiet previsti mil-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jistgħux jintlaħqu b’mod daqstant effettiv billi jiġi limitat in-numru ta’ persuni li jistgħu jikkonsultaw din id-data.

93

It-tielet, fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni marbuta man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ tal-“minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 6(1)(ċ) tad-Direttiva 95/46 kif ukoll fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li jipprevedi li d-data personali għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva għal dak li huwa neċessarju fid-dawl tal-għanijiet li għalihom hija pproċessata. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 48).

94

Għaldaqstant, hija biss id-data li l-pubblikazzjoni tagħha hija effettivament ta’ natura li ssaħħaħ il-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi, li tipprevjeni l-kunflitti ta’ interessi u li tiġġieled kontra l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, li tista’ tkun is-suġġett ta’ trattament tat-tip previst fl-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi.

95

F’dan il-każ, mill-Artikolu 10(2) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi, kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju bi tweġiba għat-talba għal informazzjoni indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-parti l-kbira tad-data li għandha tidher fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati, skont l-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi, hija intiża li tiġi ppubblikata fis-sit internet tal-Kummissjoni Għolja, bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tan-numri ta’ identifikazzjoni personali tal-persuni kkonċernati.

96

F’dan ir-rigward, għalkemm, bil-għan tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, jista’ jkun rilevanti li, fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, tkun rikjesta informazzjoni li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna tad-dikjarant kif ukoll informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb tad-dikjarant, l-iżvelar pubbliku, online, ta’ data personali dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb ta’ direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi kif ukoll ta’ qraba jew persuni magħrufa minnu li tista’ twassal għal kunflitt ta’ interessi jidher li jmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju. Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jidhirx li l-għanijiet ta’ interess pubbliku li jridu jintlaħqu ma jkunux jistgħu jintlaħqu jekk isir riferiment biss, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni, għall-espressjoni ġenerika ta’ konjuġi, ta’ konkubin jew ta’ sieħeb skont il-każ, marbuta mal-indikazzjoni rilevanti tal-interessi miżmuma minn dawn tal-aħħar fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom.

97

Lanqas ma jidher li l-pubblikazzjoni sistematika, online, tal-lista tat-tranżazzjonijiet tad-dikjarant li l-valur tagħhom huwa ogħla minn EUR 3000, hija strettament neċessarja fid-dawl tal-għanijiet imfittxija.

98

Fl-aħħar, għandu jitfakkar li għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li għandu jiġi kkonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jitwettaq ibbilanċjar bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet inkwistjoni (sentenza tal‑5 ta’ April 2022, Commissioner of An Garda Síochána et, C‑140/20, EU:C:2022:258, punt 52). Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata n-natura proporzjonata tal-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha titkejjel il-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-protezzjoni tad-data personali li jinvolvi dan l-ipproċessar u li jiġi vverifikat jekk l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minnu hijiex marbuta ma’ din il-gravità.

99

Sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ dan l-indħil, għandha b’mod partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-data personali inkwistjoni, b’mod partikolari tan-natura eventwalment sensittiva ta’ din id-data, kif ukoll tan-natura u tal-modalitajiet konkreti tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni, b’mod partikolari tan-numru ta’ persuni li għandhom aċċess għal din id-data u tal-modalitajiet ta’ aċċess għaliha (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociaţia de Proprietari bloc M5A-ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 57).

100

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-iżvelar pubbliku, online, ta’ data personali dwar il-konjuġi, is-sieħeb jew il-konkubin tad-dikjarant jew dwar il-persuni qrib jew magħrufa minnu li jistgħu jagħtu lok għal kunflitt ta’ interessi, kif ukoll ir-riferiment għas-suġġett tat-tranżazzjonijiet li l-valur tagħhom huwa ogħla minn EUR 3000, jista’ jiżvela informazzjoni dwar ċerti aspetti sensittivi tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, inkluż, pereżempju, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Barra minn hekk, sa fejn jipprevedi tali żvelar pubbliku ta’ data personali dwar persuni oħra minbarra d-dikjarant fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tieħu deċiżjoni pubblika, l-ipproċessar ta’ data personali previst fl-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi jikkonċerna wkoll lil persuni li ma għandhomx din il-kwalità u li fir-rigward tagħhom l-għanijiet intiżi minn din il-liġi ma humiex imposti bl-istess mod bħal fil-każ tad-dikjarant.

101

Il-gravità ta’ tali ndħil tista’ tkompli tikber permezz tal-effett kumulattiv tad-data personali li hija s-suġġett ta’ pubblikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li l-kombinazzjoni tagħha tippermetti li titfassal stampa partikolarment iddettaljata tal-ħajja privata tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 128).

102

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li dan l-ipproċessar iwassal sabiex din id-data personali ssir aċċessibbli liberament fuq l-internet mill-pubbliku inġenerali kollu u, sussegwentement, għal numru potenzjalment illimitat ta’ persuni.

103

Konsegwentement, l-imsemmi pproċessar jista’ jippermetti lil persuni li, għal raġunijiet li ma humiex relatati mal-għan ta’ interess ġenerali ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku, ifittxu li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni personali, materjali u finanzjarja tad-dikjarant u tal-membri tal-familja tiegħu, li jkollhom aċċess liberu għal din id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 118).

104

B’hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-pubblikazzjoni tal-imsemmija data tista’, pereżempju, tesponi lill-persuni kkonċernati għal operazzjonijiet ripetuti ta’ pubbliċità mmirata u ta’ operazzjonijiet ta’ natura kummerċjali, jew anki għal riskji ta’ aġir kriminali.

105

Għaldaqstant, ipproċessar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tad-data personali msemmija fil-punt 100 ta’ din is-sentenza għandu jitqies li jikkostitwixxi ndħil serju fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni kkonċernati.

106

Il-gravità ta’ dan l-indħil għandha tiġi bbilanċjata mal-importanza tal-għanijiet ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku.

107

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis bħala utli, sabiex tfakkar l-importanza, fi ħdan l-Unjoni, tal-għan tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tar-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, tat‑3 ta’ Frar 2014, intitolat “Rapport kontra l-korruzzjoni tal-UE”, (COM(2014) 38 finali), li minnu jirriżulta li l-korruzzjoni, li l-effetti tagħha jaffettwaw l-amministrazzjoni tajba, il-ġestjoni soda tal-fondi pubbliċi u s-swieq kompetittivi, tfixkel l-iżvilupp ekonomiku, timmina id-demokrazija, hija ta’ dannu għall-ġustizzja soċjali u l-Istat tad-dritt, u li din tista’ timmina l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u fil-proċess demokratiku. Dan ir-rapport jippreċiża li l-Unjoni kollha hija affettwata minn dan il-fenomenu, b’mod ftit jew wisq estiż skont l-Istati Membri.

108

Bl-istess mod, il-Konvenzjoni Kriminali dwar il-Korruzzjoni adottata mill-Kunsill tal-Ewropa tikklassifika, fir-raba’ premessa tagħha, l-korruzzjoni bħala “theddida għall-preeminenza tad-dritt, għad-demokrazija u għad-drittijiet tal-bniedem, tnaqqas il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ekwità u ta’ ġustizzja soċjali, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, tostakola l-iżvilupp ekonomiku u tipperikola l-istabbilità tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-bażijiet morali tas-soċjetà”.

109

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma jistax jiġi kkontestat li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija ta’ importanza kbira fi ħdan l-Unjoni.

110

F’dan il-kuntest, l-ibbilanċjar tal-indħil li jirriżulta mill-pubblikazzjoni ta’ data personali li tinsab fid-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati mal-għanijiet ta’ interess ġenerali ta’ prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u tal-korruzzjoni fis-settur pubbliku jimplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ir-realtà u l-portata tal-fenomenu ta’ korruzzjoni fi ħdan is-servizz pubbliku tal-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li r-riżultat tal-ibbilanċjar li għandu jitwettaq bejn dawn l-għanijiet, minn naħa, u d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuna kkonċernata, min-naħa l-oħra, ma huwiex neċessarjament l-istess għall-Istati Membri kollha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, Google (Portata territorjali tat-tneħħija ta’ riferiment) (C‑507/17, EU:C:2019:772, punt 67).

111

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 86 ta’ din is-sentenza, għall-finijiet ta’ dan l-ibbilanċjar għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-interess ġenerali li d-data personali tiġi ppubblikata jista’ jvarja skont l-importanza tal-funzjonijiet eżerċitati mid-dikjarant, b’mod partikolari l-pożizzjoni ġerarkika tiegħu, il-portata tal-kompetenzi ta’ amministrazzjoni pubblika li huwa eventwalment jingħata u s-setgħat li huwa għandu fil-qasam tal-użu u ta’ ġestjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 81).

112

Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjoni online tal-parti l-kbira tad-data personali li tinsab fid-dikjarazzjoni tal-interessi privati ta’ kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bbilanċjar. Fil-fatt, b’paragun ma’ obbligu ta’ dikjarazzjoni flimkien ma’ stħarriġ tal-kontenut ta’ dan tal-aħħar eżerċitat mill-Kummissjoni Għolja, li huwa l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat li jiżgura n-natura effettiva tiegħu billi jagħti lill-imsemmi korp il-mezzi neċessarji għal dan il-għan, tali pubblikazzjoni tirrappreżenta preġudizzju kunsiderevolment iktar gravi għad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, mingħajr ma din l-aggravazzjoni tkun tista’ tiġi kkumpensata mill-benefiċċji eventwali li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni ta’ din id-data kollha fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

113

Barra minn hekk, minn ebda element fil-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta li garanziji kontra r-riskji ta’ abbuż, bħal dawk imsemmija fil-punti 103 u 104 ta’ din is-sentenza, ma huma previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali.

114

Fir-rigward, madankollu, tad-data dwar l-appartenenza tad-dikjarant jew, mhux mhux personali, tal-konjuġi, tal-konkubin jew tas-sieħeb tiegħu f’impriżi, fi stabbilimenti, f’assoċjazzjonijiet jew f’fondi, kif ukoll dwar l-attivitajiet indipendenti tagħhom u dwar il-persuni ġuridiċi li huma assoċjati jew huma membri tagħhom, għandu jitqies li t-trasparenza dwar l-eżistenza jew l-assenza ta’ tali interessi tippermetti liċ-ċittadini kif ukoll lill-operaturi ekonomiċi li jkollhom stampa affidabbli tal-indipendenza finanzjarja tal-persuni li għandhom setgħa deċiżjonali fit-tmexxija tal-fondi pubbliċi. Barra minn hekk, id-data dwar ir-rigali rċevuti, minbarra dik dwar il-qraba, li l-valur tagħhom jeċċedi EUR 150, tista’ tiżvela l-eżistenza ta’ atti ta’ korruzzjoni.

115

Permezz tal-osservanza ta’ bbilanċjar fir-rigward tal-livell ta’ setgħa deċiżjonali tad-dikjarant, u sakemm il-prinċipju ta’ minimizzazzjoni tad-data jiġi osservat, il-pubblikazzjoni ta’ tali data li tinsab fid-dikjarazzjoni ta’ interessi tista’ tiġi ġġustifikata mill-benefiċċji li tali trasparenza tagħti, bħala tisħiħ tal-garanziji ta’ integrità u ta’ imparzjalità tal-uffiċjali pubbliċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interessi u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46 u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(3) tal-GDPR, moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni online tad-dikjarazzjoni tal-interessi privati li kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi huwa marbut li jippreżenta, b’mod partikolari, sa fejn din il-pubblikazzjoni tkun tikkonċerna data personali dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb tiegħu kif ukoll il-qraba jew konoxxenzi tad-dikjarant li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, jew inkella dwar kull tranżazzjoni konkluża matul l-aħħar tnax-il xahar kalendarju li l-valur tagħhom ikun jeċċedi EUR 3000.

Fuq it‑tieni domanda

117

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tal-awtorità pubblika inkarigata mill-ġbir u mill-kontroll tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, ta’ data personali li tista’ tiżvela indirettament l-opinjonijiet politiċi, is-sħubija f’sindakat jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika tikkostitwixxix ipproċessar li jirrigwarda l-kategoriji partikolari ta’ data personali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

118

Skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR, huma pprojbiti, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data dwar il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika. Skont it-titolu ta’ dawn l-artikoli, dawn huma kategoriji partikolari ta’ data personali, peress li din id-data hija wkoll ikklassifikata bħala “data sensittiva” fil-premessa 34 ta’ din id-direttiva kif ukoll fil-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.

119

F’dan il-każ, minkejja li d-data personali li l-pubblikazzjoni tagħha hija obbligatorja skont l-Artikolu 10(1) tal-Liġi dwar il-Konċiljazzjoni tal-Interessi ma tikkostitwixxix, min-natura tagħha stess, data sensittiva fis-sens tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju tqis li huwa possibbli li tiġi dedotta, minn data personali dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb tad-dikjarant, ċerta informazzjoni dwar il-ħajja jew l-orjentazzjoni sesswali tad-dikjarant u tal-konjuġi, konkubin jew sieħeb tiegħu.

120

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk data li hija ta’ natura li tiżvela, permezz ta’ operazzjoni intellettwali ta’ approssimazzjoni jew ta’ deduzzjoni, l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika taqax taħt il-“kategoriji speċjali ta’ data personali”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR.

121

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Bank Melli Iran, C‑124/20, EU:C:2021:1035, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l‑ipproċessar ta’ data personali li “tiżvela” l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it‑twemmin reliġjuż jew filosofiku, is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data “dwar” is‑saħħa u l-ħajja sesswali. Fir-rigward tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, dan jipprovdi li huma pprojbiti, b’mod partikolari, l-ipproċessar ta’ data personali li “tiżvela” l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku jew is-sħubija f’sindakat, kif ukoll l-ipproċessar tad-data “dwar” is-saħħa jew id-data “dwar” il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

123

Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-użu, f’dawn id-dispożizzjonijiet, tal-verb “jiżvela” jaqbel mat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ pproċessar li jirrigwarda mhux biss data intrinsikament sensittiva, iżda wkoll data li tiżvela indirettament, fi tmiem proċess intellettwali ta’ deduzzjoni jew ta’ approssimazzjoni, informazzjoni ta’ din in-natura, il-prepożizzjoni “dwar” u l-aġġettiv “relatata” tidher, għall-kuntrarju, li timplika l-eżistenza ta’ rabta iktar diretta u immedjata bejn l-ipproċessar u d-data kkonċernata, ikkunsidrata fin-natura intrinsika tagħha.

124

Tali interpretazzjoni, li twassal sabiex issir distinzjoni skont it-tip ta’ data sensittiva inkwistjoni, ma hijiex madankollu koerenti ma’ analiżi kuntestwali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari mal-punt 15 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, li skontu tikkostitwixxi “data dwar is-saħħa” id-data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta’ persuna fiżika, inkluż il-provvista ta’ servizzi ta’ kura tas-saħħa, li “tiżvela” informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa ta’ din il-persuna, kif ukoll mal-premessa 35 ta’ dan ir-regolament, li tipprevedi li d-data personali li tikkonċerna s-saħħa għandha tinkludi fiha d-data kollha relatata mas-saħħa ta’ persuna kkonċernata li “tiżvela” informazzjoni dwar l-istat ta’ saħħa fiżika jew mentali fil-passat, fil-preżent jew fil-futur tal-persuna fiżika kkonċernata.

125

Barra minn hekk, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċetti ta’ “kategoriji partikolari ta’ data personali” u ta’ “data sensittiva” hija sostnuta mill-għan tad-Direttiva 95/46 u tal-GDPR, imfakkar fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċernahom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 50).

126

L-interpretazzjoni kuntrarja tmur, barra minn hekk, kontra l-għan tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, li jikkonsisti f’li tiġi żgurata protezzjoni ikbar kontra l-ipproċessar li, minħabba s-sensittività partikolari tad-data li hija s-suġġett tagħha, tista’ tikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-premessa 33 tad-Direttiva 95/46 u mill-premessa 51 tal-GDPR, indħil partikolarment gravi fid-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, GC et (Tneħħija tar-riferiment ta’ data sensittiva), C‑136/17, EU:C:2019:773, punt 44).

127

Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali li tista’ tiżvela, b’mod indirett, informazzjoni sensittiva dwar persuna fiżika huwa eskluż mis-sistema ta’ protezzjoni msaħħa prevista mill-imsemmija dispożizzjonijiet, ħlief sabiex jiġi ppreġudikat l-effett utli ta’ din is-sistema u tal-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi li hija intiża li tiżgura.

128

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tal-awtorità pubblika inkarigata mill-ġbir u mill-kontroll tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, ta’ data personali li tista’ tiżvela indirettament l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, tikkostitwixxi pproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

Fuq l‑ispejjeż

129

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 7(ċ) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data u l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 u l-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-pubblikazzjoni online tad-dikjarazzjoni tal-interessi privati li kull direttur ta’ stabbiliment li jirċievi fondi pubbliċi huwa marbut li jippreżenta, b’mod partikolari, sa fejn din il-pubblikazzjoni tkun tikkonċerna data personali dwar il-konjuġi, il-konkubin jew is-sieħeb tiegħu kif ukoll il-qraba jew konoxxenzi tad-dikjarant li tista’ tagħti lok għal kunflitt ta’ interessi, jew inkella dwar kull tranżazzjoni konkluża matul l-aħħar tnax-il xahar kalendarju li l-valur tagħhom ikun jeċċedi EUR 3000.

 

2)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 95/46 u l-Artikolu 9(1) tar‑Regolament 2016/679 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-pubblikazzjoni, fuq is-sit tal-internet tal-awtorità pubblika inkarigata mill-ġbir u mill-kontroll tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ interessi privati, ta’ data personali li tista’ tiżvela indirettament l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika, tikkostitwixxi pproċessar li jirrigwarda kategoriji partikolari ta’ data personali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.