SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikoli 3 u 8 – Liġi magħżula mill-partijiet – Kuntratti individwali ta’ impjieg – Ħaddiema li jwettqu xogħolhom f’diversi Stati Membri – Eżistenza ta’ rabta eqreb ma’ pajjiż li ma huwiex dak li fih jew li minnu l-ħaddiem iwettaq abitwalment xogħlu jew dak li fih jinsab l-istabbiliment li impjega lill-ħaddiem – Kunċett ta’ ‘dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim’ – Salarju minimu”

Fil-Kawżi magħquda C‑152/20 u C‑218/20,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Mureş (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑1 ta’ Ottubru u tal‑10 ta’ Ottubru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Marzu u fis‑27 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri

DG,

EH

vs

SC Gruber Logistics SRL (C‑152/20),

u

Sindicatul Lucrătorilor din Transporturi, TD,

vs

SC Samidani Trans SRL (C‑218/20),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u L. Liţu, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn M. Wilderspin u M. Carpus Carcea, sussegwentement minn din tal-aħħar, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑22 ta’ April 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6, u rettifika fil-ĠU 2009, L 309, p. 87) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Ruma I”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn xufiera ta’ trakkijiet Rumeni u l-persuni li jimpjegawhom, kumpanniji kummerċjali stabbiliti fir-Rumanija, dwar l-ammont tar-remunerazzjoni tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 11, 23 u 35 tar-Regolament Ruma I jistipulaw:

“(11)

Il-libertà tal-partijiet li jagħżlu l-liġi applikabbli għandha tkun parti ewlenija mis-sisien tas-sistema tar-regoli tal-konflitt tal-liġijiet fil-materja ta’ l-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

[…]

(23)

Fir-rigward ta’ kuntratti konklużi ma’ partijiet kunsidrati bħala aktar dgħajfa, huwa xieraq li jiġu protetti permezz ta’ regoli ta’ konflitt li huma aktar favorevoli għall-interessi tagħhom mir-regoli ġenerali.

[…]

(35)

L-impjegat m’għandux ikun miċħud mill-protezzjoni mogħtija lilu minn dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim jew li jistgħu biss jiġu derogati għall-benefiċċju tiegħu.”

4

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet. L-għażla għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ. Bl-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt.

2.   Il-partijiet jistgħu jiftiehmu f’kull mument li jissuġġettaw il-kuntratt għal liġi diversa minn dik li preċedentement kienet tirregolah, kemm jekk bħala riżultat ta’ għażla preċedenti taħt dan l-Artikolu kif ukoll bħala riżultat ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. Kwalunkwe bidla, fir-rigward tal-liġi applikabbli, li ssir wara l-konklużjoni tal-kuntratt, m’għandhiex tippreġudika l-validità formali tal-kuntratt taħt l-Artikolu 11 jew tinċidi fuq id-drittijiet ta’ persuni terzi.

3.   Fejn l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu intgħażlet il-liġi, l-għażla tal-partijiet m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi, ta’ dak il-pajjiż l-ieħor, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

4.   Fejn l-elementi l-oħra kollha li jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni fil-ħin ta’ l-għażla jinsabu f’wieħed jew aktar Stati Membri, l-għażla tal-partijiet tal-liġi applikabbli diversa minn dik ta’ Stat Membru m’għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn xieraq, kif implimentati fl-Istat Membru tal-forum, li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim.

5.   L-eżistenza u l-validità tal-kunsens tal-partijiet fir-rigward ta’ l-għażla tal-liġi applikabbli għandhom jiġu determinati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10, 11 u 13.”

5

Skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament:

“1.   Kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3. Madankollu, tali għażla ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli skond il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Sa fejn il-liġi applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ l-impjieg ma ntgħażlitx mill-partijiet, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment jeżerċita l-impjieg tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-pajjiż li fih ix-xogħol abitwalment jitwettaq m’għandux jitqies li nbidel jekk il-persuna tiġi impjegata temporanjament f’pajjiż ieħor.

3.   Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tistà tiġi determinata skond il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun regolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab in-negozju li fih ġie impjegat.

4.   Fejn mit-totalità taċ-ċirkostanzi jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg ikun aktar marbut ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 2 jew [3], għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.”

Id-dritt Rumen

6

L-Artikolu 2(1) tal-Ordinul ministrului muncii și solidarității sociale nr. 64 pentru aprobarea modelului-cadre al contractului individual de muncă (id-Digriet Nru 64 tal-Ministru għax-Xogħol u għas-Solidarjetà Soċjali li Japprova l-Kuntratt-Qafas tal-Kuntratt Individwali tax-Xogħol) tat‑28 ta’ Frar 2003 (Monitorul Oficial al României, Nru 139 tal‑4 ta’ Marzu 2003, iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 64/2003”), kien ifformulat kif ġej:

“Il-kuntratt individwali ta’ impjieg konkluż bejn il-persuna li timpjega u l-impjegat għandu jinkludi b’mod obbligatorju l-elementi li jinsabu fil-kuntratt-qafas.”

7

Il-kuntratt-qafas imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ dan id-digriet, li jinsab fl-anness tiegħu, kien jipprevedi, fit-Taqsima N tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kuntratt individwali ta’ impjieg huma kkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-[Legea Nru. 53/2003 ‑ Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol), tal‑24 ta’ Jannar 2003 (Monitorul Oficial al României, Nru 72 tal‑5 ta’ Frar 2003),] u minn dawk tal-ftehim kollettiv applikabbli […].”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑152/20

8

It-tilwima fil-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑152/20 tirrigwarda r-remunerazzjoni ta’ żewġ xufiera ta’ trakkijiet Rumeni, DG u EH, li kienu impjegati mill-kumpannija SC Gruber Logistics SRL. Il-kuntratti individwali ta’ impjieg tagħhom, redatti kemm bil-lingwa Rumena kif ukoll bil-lingwa Taljana, kienu jipprevedu li l-klawżoli li jinsabu f’dawn il-kuntratti kienu kkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 53/2003. Barra minn hekk, l-imsemmija kuntratti kienu jipprevedu li t-tilwimiet relatati magħhom kienu jaqgħu taħt qorti b’ġurisdizzjoni ratione materiae u ratione loci. Fir-rigward tal-post tax-xogħol, il-kuntratti kienu jipprevedu li “ix-xogħlijiet [kellhom] jitwettqu (fis-sezzjoni/fil-workshop/fl-uffiċċju/fid-dipartiment) tal-garaxx tal-kumpannija/tal-post tal-eżerċizzju tal-attività/ta’ post ieħor ta’ attività, fil-komun ta’ Oradea [(ir-Rumanija)] u konformement mad-delegazzjonijiet/kollokamenti fl-uffiċċji jew fil-postijiet ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet tal-klijenti, tal-fornituri attwali u futuri, fi kwalunkwe indirizz fit-territorju nazzjonali jew barra mill-pajjiż fejn il-vettura użata mill-impjegat fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu tkun ukoll meħtieġa jew u fi kwalunkwe post ieħor fejn l-impjegat jeżerċita attivitajiet ta’ trasport”.

9

DG u EH ressqu lil SC Gruber Logistics quddiem it-Tribunalul Mureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș, ir-Rumanija) sabiex din il-kumpannija tiġi kkundannata tħallas id-differenza bejn is-salarji effettivament rċevuti u s-salarji minimi li għalihom, fil-fehma tagħhom, huma kien ikollhom dritt skont il-leġiżlazzjoni Taljana dwar is-salarju minimu fis-settur tat-trasport bit-triq, fejn dan is-salarju huwa stabbilit mill-ftehim kollettiv tas-settur tat-trasport fl-Italja.

10

DG u EH isostnu li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar is-salarju minimu hija applikabbli għall-kuntratti individwali ta’ impjieg tagħhom skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I. Għalkemm dawn il-kuntratti kienu ġew konklużi fir-Rumanija, huwa fl-Italja li huma kienu abitwalment eżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom. Huma jsostnu li l-post li minnu wettqu l-funzjonijiet tagħhom, minn fejn irċevew l-istruzzjonijiet tagħhom u fejn huma reġgħu ġew lura fi tmiem il-missjonijiet tagħhom kien jinsab fl-Italja. Barra minn hekk, il-parti l-kbira tax-xogħlijiet ta’ trasport tagħhom twettqu fl-Italja. Fid-dawl tas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151), DG u EH isostnu li huma għandhom dritt għas-salarju minimu applikabbli fl-Italja.

11

Skont SC Gruber Logistics, DG u EH kienu jaħdmu għan-nom tagħha abbord trakkijiet irreġistrati fir-Rumanija u fuq il-bażi ta’ liċenzji ta’ trasport maħruġa skont il-leġiżlazzjoni Rumena applikabbli, peress li l-istruzzjonijiet kollha mogħtija minn SC Gruber Logistics u l-attività ta’ DG u ta’ EH kienu organizzati fir-Rumanija. Konsegwentement, din il-kumpannija ssostni li l-kuntratti ta’ impjieg inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni Rumena.

12

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Mureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 8 tar-Regolament [Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol individwali teskludi l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu jew [li] l-eżistenza tal-għażla tal-liġi applikabbli teskludi l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(l) ta’ dan ir-regolament?

2)

L-Artikolu 8 tar-Regolament [Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li s-salarju minimu applikabbli fil-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu huwa dritt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ‘dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli […]’, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament?

3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament [Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-indikazzjoni fil-kuntratt ta’ xogħol individwali tad-dispożizzjonijiet tal-Codul muncii (il-Kodiċi tax-Xogħol, ir-Rumanija) huwa ekwivalenti għall-għażla tal-liġi Rumena, f’sitwazzjoni fejn huwa magħruf li fir-Rumanija [l-inklużjoni ta’] din il-klawżola dwar l-għażla [tal-liġi Rumena] fil-[…] kuntratt ta’ xogħol individwali [hija obbligu legali]? Fi kliem ieħor, l-Artikolu 3 tar-Regolament [Ruma I] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli u prattiki nazzjonali li jinkludu l-obbligu dwar l-għażla tal-liġi [nazzjonali] fil-kontenut tal-kuntratt ta’ xogħol individwali?”

Il-Kawża C‑218/20

13

It-tilwima fil-proċeduri prinċipali fil-Kawża C‑218/20 tirrigwarda l-liġi applikabbli għar-remunerazzjoni ta’ xufier ta’ trakk Rumen, DT, impjegat mill-kumpannija Rumena SC Samidani Trans SRL. DT eżerċita l-attività tiegħu esklużivament fil-Ġermanja.

14

Il-kuntratt individwali ta’ impjieg ta’ DT kien jinkludi klawżola li kienet tipprevedi li l-istipulazzjonijiet ta’ dan il-kuntratt kienu kkompletati bid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 53/2003. Barra minn hekk, dan kien jinkludi klawżola li tispeċifika li t-tilwim relatat mal-imsemmi kuntratt ta’ impjieg kellu jiġi riżolt mill-qorti b’ġurisdizzjoni ratione materiae u ratione loci.

15

Dan l-istess kuntratt ta’ impjieg, ma kienx isemmi b’mod espliċitu l-post fejn il-ħaddiem kien ser jeżerċita l-attività tiegħu. DT issostni li l-post minn fejn wettaq il-kompiti tiegħu u minn fejn irċieva l-istruzzjonijiet tiegħu kien il-Ġermanja. Barra minn hekk, it-trakkijiet li huwa kien juża kienu stazzjonati l-Ġermanja u l-missjonijiet ta’ trasport li kien wettaq kienu saru ġewwa fruntieri Ġermaniżi.

16

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Sindicatul Lucrătorilor din Transporturi (is-Sindakat tal-Ħaddiema tas-Settur tat-Trasport, ir-Rumanija), sindakat li DT huwa membru tiegħu, talab f’isem u għan-nom ta’ DT li SC Samidani Trans tiġi kkundannata tħallas lil DT id-differenza bejn il-pagi li huwa effettivament irċieva u s-salarju minimu li kien ikollu dritt għalih skont id-dritt Ġermaniż dwar is-salarju minimu. Barra minn hekk, dan is-sindikat isostni li DT għandu d-dritt għall-ħlas tas-salarji korrispondenti għat-“tlettax” u l-“erbatax”-il xahar previsti mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

17

Dan is-sindakat isostni li l-liġi Ġermaniża dwar is-salarju minimu hija applikabbli għall-kuntratt ta’ impjieg ta’ DT skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I. Minkejja li l-kuntratt individwali ta’ impjieg tiegħu ġie konkluż fir-Rumanija, huwa fil-Ġermanja li DT kien abitwalment eżerċita l-funzjonijiet tiegħu. Fid-dawl tas-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2011, Koelzsch (C‑29/10, EU:C:2011:151), DT għandu għaldaqstant dritt għas-salarju minimu previst mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża.

18

SC Samidani Trans tikkontesta din id-dikjarazzjoni u ssostni li l-partijiet għall-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali stabbilixxew speċifikament li l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ impjieg kellha tkun id-dritt tax-xogħol Rumen.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Mureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Mureș), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament [Ruma I]: l-għażla tal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol individwali teskludi l-applikazzjoni tal-liġi tal-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu jew l-eżistenza tal-għażla tal-liġi applikabbli teskludi l-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(l) ta’ dan ir-regolament?

2)

Interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament [Ruma I]: is-salarju minimu applikabbli fil-pajjiż li fih l-impjegat normalment ikun eżerċita l-attività tiegħu huwa dritt li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ‘dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli […]’, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament?

3)

Interpretazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament [Ruma I]: l-indikazzjoni fil-kuntratt ta’ xogħol individwali tad-dispożizzjonijiet tal-Codul muncii (il-Kodiċi tax-Xogħol, ir-Rumanija) huwa ekwivalenti għall-għażla tal-liġi Rumena, f’sitwazzjoni fejn huwa magħruf li fir-Rumanija l-persuna li timpjega tiddetermina l-kontenut tal-kuntratt ta’ xogħol individwali?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20

20

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-liġi li tirregola l-kuntratt individwali ta’ impjieg tkun intgħażlet mill-partijiet f’dan il-kuntratt, u meta din tkun differenti minn dik applikabbli skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-artikolu, hemm lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din tal-aħħar u, jekk dan ikun il-każ, sa liema punt.

21

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax jekk ix-xufiera tat-trakkijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex ħaddiema kkollokati, fis-sens tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431 u rettifika fil-ĠU 2015, L 16, p. 66), jew ħaddiema li, mingħajr ma għandhom din il-kwalità, abitwalment iwettqu l-attività tagħhom f’pajjiż li ma huwiex dak tas-sede tal-persuna li timpjega. Sa fejn hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawżi li hija għandha quddiemha, id-domandi ta’ din il-qorti ser jiġu analizzati esklużivament fid-dawl tar-Regolament Ruma I.

22

L-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I jistabbilixxi regoli speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet dwar il-kuntratt individwali ta’ impjieg li japplikaw meta, fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratt, ix-xogħol jiġi pprovdut f’mill-inqas Stat li ma jkunx dak tal-liġi magħżula.

23

Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-kuntratt individwali ta’ impjieg huwa rregolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament u li din l-għażla ma tistax twassal sabiex il-ħaddiem jiċċaħħad mill-protezzjoni mogħtija lilu mid-dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim skont il-liġi li tkun applikabbli għall-kuntratt fl-assenza ta’ tali għażla, skont il-paragrafi 2, 3 u 4 tal-imsemmi artikolu.

24

Jekk dawn id-dispożizzjonijiet joffru lill-utent ikkonċernat protezzjoni aħjar minn dawk tal-liġi magħżula, dawn jipprevalu fuqhom filwaqt li, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-liġi magħżula tibqa’ applikabbli għall-bqija tar-relazzjoni kuntrattwali.

25

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Ruma I jirreferi għal-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-ħaddiem abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol.

26

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament huwa għaldaqstant intiż li jiggarantixxi, sa fejn huwa possibbli, l-osservanza tad-dispożizzjonijiet li jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiem previsti mid-dritt tal-pajjiż li fih huwa jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis, C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I timplika konsegwentement, fl-ewwel lok, li l-qorti nazzjonali tidentifika l-liġi li kienet tkun applikabbli fl-assenza ta’ għażla u tiddetermina, skont din tal-aħħar, ir-regoli li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim u, fit-tieni lok, li din il-qorti tqabbel il-livell ta’ protezzjoni li minnu jibbenefika l-ħaddiem bis-saħħa ta’ dawn ir-regoli ma’ dak previst mil-liġi magħżula mill-partijiet. Jekk il-livell previst mill-imsemmija regoli jiżgura protezzjoni aħjar, hemm lok li jiġu applikati dawn l-istess regoli.

28

Fil-każ ineżami, il-qorti tar-rinviju tidher li tqis li, minħabba l-postijiet fejn ix-xufiera inkwistjoni fil-kawża prinċipali abitwalment wettqu xogħolhom, ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Taljana u tal-liġi Ġermaniża dwar is-salarju minimu jistgħu, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I, japplikaw minflok il-liġi Rumena magħżula mill-partijiet għall-kuntratti ta’ xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk tali regoli jikkostitwixxux dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu dderogati bi ftehim fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li din il-kwistjoni għandha tiġi evalwata skont il-liġi li kienet tkun applikabbli fin-nuqqas ta’ għażla. Il-qorti tar-rinviju għandha għalhekk hija stess tinterpreta r-regola nazzjonali inkwistjoni.

30

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, fl-assenza ta’ kriterji fir-Regolament Ruma I li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk regola nazzjonali tikkostitwixxix dispożizzjoni jew liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, meta minn dritt nazzjonali jirriżulta li regoli li jinsabu fi ftehim li ma jaqgħux neċessarjament taħt il-qasam tal-liġi għandhom natura imperattiva, hija l-qorti li għandha tosserva din l-għażla anki jekk tkun differenti minn dik magħmula mid-dritt nazzjonali tagħha.

31

Għal dak li jirrigwarda speċifikament regoli dwar is-salarju minimu tal-pajjiż fejn l-impjegat abitwalment jeżerċita l-attività tiegħu dawn jistgħu, bħala prinċipju, jiġu kklassifikati bħala “dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi li, fin-nuqqas ta’ għażla, kienet tkun applikabbli”, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 72 u 107 tal-konklużjonijiet tiegħu.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20 għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-liġi li tirregola l-kuntratt individwali ta’ impjieg tkun intgħażlet mill-partijiet f’dan il-kuntratt, u meta din tkun differenti minn dik applikabbli skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-artikolu, hemm lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-liġi tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ “dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim”, taħt dik il-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li taħtu jistgħu, fil-prinċipju, jaqgħu r-regoli dwar is-salarju minimu.

Fuq it-tielet domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20

33

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mill-elemeneti kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ liġi tal-Unjoni li jeħtieġu jiġu interpretati b’teħid inkunsiderazzjoni tas-suġġett tal-kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2021, Profi Credit Slovakia, C‑485/19, EU:C:2021:313, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok li t-tielet domanda fil-kawżi preżenti tinftiehem bħala intiża għall-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I.

34

Fil-fatt, minkejja li f’dawn id-domandi l-qorti tar-rinviju ssemmi r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi rrilevat li, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi Artikolu 8 jinkludi regoli speċjali ta’ kunflitt tal-liġijiet dwar il-kuntratt ta’ impjieg.

35

Konsegwentement, it-tielet domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20, kif magħmula f’termini kemxejn diverġenti f’dawn iż-żewġ kawżi, għandhom jinftiehmu bħala li huma intiżi essenzjalment sabiex isir magħruf jekk l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I għandux jiġi interpretat fis-sens li

minn naħa, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki meta dispożizzjoni nazzjonali timponi li fl-imsemmi kuntratt tiġi inkluża klawżola li tipprovdi li t-termini kuntrattwali jkunu kkompletati bil-liġi nazzjonali tax-xogħol, u

min-naħa l-oħra, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki jekk il-klawżola kuntrattwali dwar din l-għażla tkun redatta mill-persuna li timpjega, u l-ħaddiem sempliċement jaċċettaha.

36

Qabelxejn għandu jitfakkar li l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, li għalih jirreferi l-Artikolu 8 tal-istess regolament, jistabbilixxi l-prinċipju ta’ awtonomija tar-rieda fil-qasam tal-kunflitt tal-liġijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Ottubru 2016, Nikiforidis, C‑135/15, EU:C:2016:774, punt 42, u tas‑17 ta’ Ottubru 2013, Unamar, C‑184/12, EU:C:2013:663, punt 49). Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-partijiet f’kuntratt jagħżlu liberament il-liġi li tirregola l-kuntratt tagħhom. Konformement mal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, l-għażla tal-liġi applikabbli għandha tkun espressa jew tirriżulta b’mod ċert mid-dispożizzjonijiet tal-kuntratt jew miċ-ċirkustanzi tal-kawża. Din l-għażla għandha tirriżulta mingħajr ekwivoku mill-istipulazzjonijiet kuntrattwali jew miċ-ċirkustanzi tal-kawża.

37

Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda r-rekwiżit li l-għażla tal-liġi applikabbli għandha tkun libera, fis-sens tal-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, il-qorti tar-rinviju tindika li l-qari flimkien tal-Artikolu 2(1) tad-Digriet Nru 64/2003 u tal-kuntratt-qafas tal-kuntratt individwali tal-impjieg anness miegħu jissuġġerixxi li l-partijiet fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma, kuntrarjament għal dan ir-rekwiżit, obbligati jagħżlu l-liġi Rumena.

38

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Rumen isostni madankollu li d-dritt nazzjonali ma jipprevedix obbligu li tintgħażel il-liġi Rumena bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt. Huwa biss fil-każ fejn il-partijiet jagħmlu, fuq inizjattiva tagħhom stess, din l-għażla li huma jkollhom jikkonformaw ruħhom mad-Digriet Nru 64/2003 u jfasslu l-kuntratt tagħhom konformement mal-kuntratt-qafas li huwa anness ma’ dan id-digriet, li jimplika l-applikazzjoni komplementari tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen. Għaldaqstant, l-inklużjoni ta’ klawżola bħal dik imsemmija mill-qorti tar-rinviju hija konsegwenza tal-għażla mill-partijiet tal-liġi applikabbli għall-kuntratt.

39

Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk din l-aħħar interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali hijiex eżatta u għaldaqstant tivverifika li l-preżenza fil-kuntratt ta’ klawżola li tipprevedi l-applikazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol Rumen ma tirriflettix obbligu għall-partijiet li jagħżlu l-liġi Rumena, iżda tikkonferma l-għażla impliċita u libera ta’ din il-liġi min-naħa tagħhom, konformement mal-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I.

40

Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-inklużjoni, mill-persuna li timpjega, f’kuntratt ta’ impjieg redatt minn qabel, ta’ klawżola li tipprevedi l-għażla tal-liġi applikabbli tippermettix li tiġi kkonstatata l-assenza ta’ għażla libera, li tmur kontra l-Artikolu 3 tar-Regolament Ruma I, għandu jiġi rrilevat li dan ir-regolament ma jipprojbixxix l-użu ta’ klawżoli standard redatti minn qabel mill-persuna li timpjega. Il-libertà tal-għażla, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, tista’ tiġi eżerċitata billi jingħata l-kunsens għal tali klawżola u ma hijiex ikkontestata minħabba s-sempliċi fatt li din l-għażla ssir abbażi ta’ klawżola redatta u inkluża mill-persuna li timpjega fil-kuntratt.

41

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tielet domanda fil-Kawżi C‑152/20 u C‑218/20 għandha tkun li l-Artikolu 8 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki meta l-istipulazzjonijiet kuntrattwali jkunu kkompletati bil-liġi nazzjonali tax-xogħol skont dispożizzjoni nazzjonali, sakemm id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tobbligax lill-partijiet jagħżlu l-liġi nazzjonali bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt, u

min-naħa l-oħra, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma, bħala prinċipju, liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki jekk il-klawżola kuntrattwali dwar din l-għażla tkun redatta mill-persuna li timpjega, u l-ħaddiem sempliċement jaċċettaha.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-liġi li tirregola l-kuntratt individwali ta’ impjieg tkun intgħażlet mill-partijiet f’dan il-kuntratt, u meta din tkun differenti minn dik applikabbli skont il-paragrafi 2, 3 jew 4 ta’ dan l-artikolu, hemm lok li tiġi eskluża l-applikazzjoni ta’ din il-liġi tal-aħħar, bl-eċċezzjoni ta’ “dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim”, taħt dik il-liġi, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, li taħtu jistgħu, fil-prinċipju, jaqgħu r-regoli dwar is-salarju minimu.

 

2)

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

minn naħa, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki meta l-istipulazzjonijiet kuntrattwali jkunu kkompletati bil-liġi nazzjonali tax-xogħol bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali, sakemm id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tobbligax lill-partijiet jagħżlu l-liġi nazzjonali bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt, u

min-naħa l-oħra, il-partijiet f’kuntratt individwali ta’ impjieg jitqiesu li huma, bħala prinċipju, liberi jagħżlu l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt anki jekk il-klawżola kuntrattwali dwar din l-għażla tkun redatta mill-persuna li timpjega, u l-ħaddiem sempliċement jaċċettaha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.