SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
24 ta’ Frar 2022 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu provduti servizzi – Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja – Kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital għal poloz marbuta ma’ unitajiet – Direttiva 2002/83/KE – Artikolu 36 – Direttiva 2002/92/KE – Artikolu 12(3) – Obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali – Informazzjoni fuq in-natura ta’ attivi bażi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni marbuta ma’ unitajiet – Kamp ta’ applikazzjoni – Portata – Direttiva 2005/29/KE – Artikolu 7 – Prattiċi kummerċjali żleali – Ommissjoni qarrieqa”
Fil-Kawżi magħquda C‑143/20 u C‑213/20,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Wola, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-24 ta’ Marzu 2020 u tat-2 ta’ Ottubru 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Marzu 2020 u fit-12 ta’ Mejju 2020, fil-proċeduri
A
vs
O (C‑143/20),
u
G. W.,
E. S.
vs
A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C‑213/20),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qed taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatriċi) u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Bobek,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal G. W. u E. S., minn A. Lengiewicz, radca prawny, |
– |
għal A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A., minn A. M. Pukszto, radca prawny, u S. Sołtysik, adwokat, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Elleniku, minn S. Chala, S. Charitaki u S. Papaioannou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Meloncelli u minn A. Collabolletta, avvocati dello Stato, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, S. L. Kalėda, N. Ruiz García u T. Scharf kif ukoll minn H. Tserepa-Lacombe u B. Sasinowska, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Settembru 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3), moqri flimkien mal-punti a.11 u a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva, tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU 2005, L 149, p. 22 u Korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86), kif ukoll tal-Artikolu 185(3) u (4) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2014, L 219, p. 66, u fil-ĠU 2016, L 262, p. 34, u fil-ĠU 2019, L 316, p. 107), kif emendat bid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 341, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/138”). |
2 |
Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, rispettivament, A kontra O (C‑143/20) kif ukoll G. W. u E. S kontra A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie S.A. (C‑213/20) dwar ir-rimbors ta’ premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa abbażi ta’ kuntratti kollettivi ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2002/83
3 |
Skont il-premessi 2, 5, 35, 39, 44, 50 u 52 tad-Direttiva 2002/83, imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2009/138:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
4 |
L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2002/83, intitolat “It-trasferiment ta’ portfolios”, jipprevedi fil-paragrafu 5 tiegħu: “Trasferiment awtorizzat skond dan l-Artikolu […] awtomatikament ikunu validi kontra titolari ta’ poloz, il-persuni assigurati u kwalunkwe persuna oħra li kollha d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti trasferiti. […]” |
5 |
L-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-perjodu ta’ kanċellament”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li titolari ta’ polza li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jkollu perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum minn meta hu/hi kienu infurmaw li l-kuntratt ġie konkluż biex fih jiġi kkanċellat il-kuntratt. In-notifika ta’ kanċellament mit-titolari tal-poloz għandu jkollha effett li tirrilaxxa lilu/lilha minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt. L-effetti l-oħra legali u l-kondizzjonijiet ta’ kanċellament għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt kif definit fl-Artikolu 32, l-iktar fir-rigward ta’ l-arranġamenti biex it-titolari tal-polza jiġi infurmat li l-kuntratt ġie konkluż.” |
6 |
L-Artikolu 36 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, kien jipprevedi: “1. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza. […] 3. L-Istat Membru ta’ l-impenn jista jeħtieġ li intrapriżi ta’ l-assigurazzjoni jfornu informazzjoni b’żieda ma dik elenkata fl-Anness IIi biss jekk hija neċessarja għal ftehim sewwa mit-titolari tal-polza ta’ l-elementi essenzjali ta’ l-impenn. 4. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu u l-Anness II għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru ta’ l-impenn.” |
7 |
L-Artikolu 53 tal-istess direttiva, intitolat “It-trasferiment tal-portfolio”, kien jipprovdi fil-paragrafu (6) tiegħu li: “Trasferiment awtorizzat skond dan l-Artikolu […] għandhom ikunu awtomatikament validi kontra titolari ta’ poloz, persuni assigurati u kwalunkwe persuni oħra li għandhom drittijiet jew obbligi li jirriżultaw mill-kuntratti trasferiti. […]” |
8 |
L-Anness III tad-Direttiva 2002/83, intitolat “Informazzjoni għal titolari ta’ poloz”, kien jistabbilixxi: “L-informazzjoni li ġejja, li għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza qabel ma l-kuntratt huwa konkluż (A) jew tul it-terminu tal-kuntratt (B), għandha tiġi pprovduta b’mod ċar u eżatt, bil-miktub, f’lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-impenn. […] A. Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt
|
Id-Direttiva 2002/92/KE
9 |
Il-premessi 9 u 11 tad-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament u tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 330), imħassra u ssostitwita, b’effett mit-23 ta’ Frar 2018, bid-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU 2016, L 26, p. 19), kienu jistabbilixxu:
[…]
|
10 |
L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva huwa redatt f’dan il-kliem li ġej: “1. Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni u riassigurazzjoni minn persuni naturali jew ġuridiċi li huma stabbiliti fi Stat Membru jew li jixtiequ li jkunu stabbiliti hemmhekk. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal persuni li jipprovdu servizzi ta’ medjazzjoni għal kuntratti ta’ assigurazzjoni jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ma jitħarsux: […] (b) il-kuntratt ta’ assigurazzjoni ma jkunx kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar il-ħajja; […]” |
11 |
L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Tifsiriet”, kien jipprovdi: “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]
[…]” |
12 |
L-Artikolu 12 tal-istess direttiva, intitolat “Informazzjoni provduta minn intermedjarju ta’ assigurazzjoni”, kien jipprevedi fil-paragrafu 3 tiegħu: “Qabel il-konklużjoni ta’ xi kuntratt speċifiku, l-intermedjarju ta’ assigurazzjoni għandu ta’ l-anqas jispeċifika, b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ informazzjoni provduta mill-klijent, it-talbiet u l-ħtiġiet ta’ dak il-klijent kif ukoll ir-raġunijiet sodi għal xi parir mogħti lill-klijent dwar prodott partikolari ta’ assigurazzjoni. Dawn id-dettalji għandhom jiġu modulati skond il-komplessità tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkun ġie propost.” |
13 |
L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/92, intitolat “Kundizzjonijiet ta’ informazzjoni”, kien jindika, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-informazzjoni kollha li għandha tiġi provduta lill-klijenti skond l-Artikolu 12 għandha tiġi komunikata: […] (b) b’mod ċar u akkurat, li jiftiehem mill-klijent; […]” |
Id-Direttiva 2004/39/KE
14 |
Skont il-premessa 10 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 263), tipprovdi: “Għandhom jiġu esklużi l-impriżi ta’ l-assigurazzjoni jew tas-sigurtà li l-attivitajiet tagħhom huma bla ħsara għall-monitoraġġ approprjat mill-awtoritajiet kompetenti tas-sorveljanza prudenzali u li huma bla ħsara għal [Direttiva 2002/83].” |
15 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “L-Eżenzjonijiet”, kien jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu: “Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:
[…]
[…]” |
16 |
L-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/39, intitolat “Il-Kondotta ta’ l-obbligi tal-kummerċ meta jiġu pprovvduti servizzi ta’ investiment lill-klijenti”, kien jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu: “Għandu jiġi pprovvdut tagħrif approprjat f’għamla komprensibbli lill-kljienti jew il-klijenti potenzali dwar:
sabiex ikunu kapaċi b’mod raġjonevoli li jifhmu n-natura u r-riskji tas-servizz ta’ l-investiment u tat-tip speċifiku ta’ l-istrument finanzjarju li jkun qiegħed jiġi offrut u, b’konsegwenza ta’ dan, sabiex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-investiment fuq bażi informat. Dan it-tagħrif jista’ jiġi pprovvdut f’format standardizzat.” |
Id-Direttiva 2005/29
17 |
Il-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 hija fformulata kif ġej: “ […] Din id-Direttiva b’hekk tapplika biss safejn m’hemmx dispożizzjonijiet ta’ liġi Komunitarja speċifiċi li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Hija tipprovdi ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell Komunitarju u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tan-natura ta’ prodotti. Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji. […]” |
18 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
19 |
L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Ambitu ta’ applikazzjoni”, jipprovdi: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur, kif stabbilit fl-Artikolu 5, qabel, matul jew wara transazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ xi prodott. […] 4. Fil-każ ta’ konflitt bejn id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” |
20 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Projbizzjoni ta’ Prattiċi Kummerċjali Żleali”, jistabbilixxi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. […] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
[…]” |
21 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “Ommissjonijiet qarrieqa”, jipprevedi: “1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqameta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għalhekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. 2. Prattika kummerċjali għandha titqies wkoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew ma jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra. […] 5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.” |
22 |
Skont l-Anness II ta’ din id-direttiva, fost l-informazzjoni meqjusa bħala importanti, fis-sens tal-Artikolu 7 tagħha, hemm dik imsemmija fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83 kif ukoll fl-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2002/92. |
Id-Direttiva 2009/138
23 |
L-Artikolu 309 tad-Direttiva 2009/138, intitolat “It-traspożizzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-konformità mal-[Artikolu 185] sal-31 ta’ Marzu 2015. Il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2016. […]” |
24 |
Skont l-Artikolu 310 ta’ din id-direttiva, intitolat “Tħassir”, id-Direttiva 2002/83 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2016. |
Id-Direttiva 2014/65
25 |
L-Artikolu 93 tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92 u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU 2014, L 173, p. 349 u rettifiki fil-ĠU 2016, L 188, p. 28, fil-ĠU 2016, L 273, p. 35, fil-ĠU 2017, L 64, p. 116, u fil-ĠU 2021, L 410, p. 201), kif emendata mid-Direttiva (UE) 2016/1034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ġunju 2016 (ĠU 2016, L 175, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/65”) intitolata “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sat-3 ta’ Lulju 2017, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni. L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk il-miżuri mit-3 ta’ Jannar 2018 […]” |
26 |
Skont l-Artikolu 94 ta’ din id-direttiva, intitolat “Revoka”, id-Direttiva 2004/39 hija revokata b’effett mit-3 ta’ Jannar 2018. |
Id-dritt Pollakk
Il-Kodiċi Ċivili
27 |
Artikolu 58(1) tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”), jipprovdi: “Att ġuridiku li jmur kontra l-liġi jew li huwa intiż sabiex tiġi evitata l-liġi huwa null u bla effett, sakemm dispożizzjoni rilevanti ma tipprovdix mod ieħor, b’mod partikolari jekk tipprevedi li d-dispożizzjonijiet invalidi tal-att ġuridiku jiġu ssostitwiti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi.” |
28 |
L-Artikolu 808(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi li: “Id-detentur ta’ polza jista’ jikkonkludi kuntratt ta’ assigurazzjoni f’isem ħaddieħor. Il-persuna assigurata tista’ ma tiġix indikata b’isimha fil-kuntratt, sakemm dan ma jkunx meħtieġ għad-determinazzjoni tal-għan tal-assigurazzjoni.” |
Il-Liġi fuq l-Assigurazzjoni
29 |
L-Artikolu 13 tal-ustawa o działalności ubezpieczeniowej (il-Liġi dwar is-Settur tal-Assigurazzjoni), tat-22 ta’ Mejju 2003 (Dz. U. Nru 124, intestatura 1151), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawżi prinċipali (Dz. U. tal-2010, Nru 11, intestatura 66) (iktar ’il quddiem il-“Liġi fuq l-Assigurazzjoni”), kien jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu: “Fir-rigward tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fond ta’ kapital, imsemmija fit-Taqsima I, Grupp 3 tal-anness ta’ din il-liġi, il-kumpannija tal-assigurazzjoni hija obbligata tispeċifika jew issemmi s-segwenti fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni:
|
30 |
Skont l-Anness tal-Liġi fuq l-Assigurazzjoni, jaqa’ taħt il-grupp 3 tal-Parti I tagħha, l-“assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fondi ta’ investiment”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C‑143/20
31 |
O, persuna ġuridika stabbilita fil-Polonja, ikkonkludiet, bħala detentriċi ta’ polza ta’ assigurazzjoni, kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital ma’ impriża ta’ assigurazzjoni. |
32 |
Dan il-kuntratt kellu bħala għan il-ġbir u l-investiment tal-premiums tal-assigurazzjoni mħallsa mill-persuni assigurati, permezz ta’ fond ta’ kapital stabbilit abbażi ta’ dawn il-premiums. Ir-regolament ta’ dan il-fond kien jispeċifika li l-imsemmija premiums kellhom jiġu kkonvertiti f’ishma tal-fondi ta’ kapital u investiti f’ċertifikati maħruġa minn impriża ta’ investiment, li l-valur tagħhom kien ikkalkolat fuq il-bażi ta’ indiċi. |
33 |
Bħala korrispettiv, l-impriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni impenjat ruħha li tħallas benefiċċji f’każ ta’ mewt jew ta’ sopravivenza ta’ kull assigurat, fi tmiem il-perijodu ta’ assigurazzjoni. Dawn il-benefiċċji ma kellhomx ikunu inqas mill-ammont tal-premiums investiti, flimkien ma’ kull varjazzjoni pożittiva tal-imsemmi indiċi. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ validità tiegħu, din l-impriża tal-assigurazzjoni impenjat ruħha li tirrimborsa lil kull assigurat ammont ugwali għall-valur aġġornat tal-ishma tal-fond ta’ kapital li fihom il-premiums tagħha kienu ġew ikkonvertiti. |
34 |
L-imsemmi kuntratt ma kienx jispeċifika r-regoli li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-ishma tal-fond ta’ kapital inkwistjoni, tal-attivi netti ta’ dan il-fond kollu u taċ-ċertifikati li fihom kienet tinsab d-disponibbiltà tal-imsemmi fond, u lanqas il-metodu ta’ kalkolu tal-valur tal-indiċi li fuqu kien ibbażat il-ħlas ta’ dawn iċ-ċertifikati. Madankollu, ir-regolament tal-fond ta’ kapital inkwistjoni kien jindika li l-investiment kien espost għar-riskju ta’ kreditu tal-emittent tal-imsemmija ċertifikati. |
35 |
Permezz ta’ dikjarazzjoni li daħlet fis-seħħ mit-8 ta’ Ottubru 2010, A aderixxiet, bħala assigurata, għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż minn O, billi impenjat ruħha li tħallas premium inizjali u sussegwentement premiums regolari kull xahar. L-adeżjoni seħħet matul laqgħa ma’ impjegat ta’ O, f’wieħed mill-uffiċċji ta’ din il-kumpannija, li matulha dan il-membru offra lil A l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbut ma’ fond ta’ kapital. Ir-regolament tal-fond ta’ kapital inkwistjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ assigurazzjoni, ingħataw lil A fl-okkażjoni tal-adeżjoni tagħha ma’ dan il-kuntratt. |
36 |
Wara perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ seba’ snin, A xoljiet l-imsemmi kuntratt minħabba t-telf sinjifikattiv fil-valur tal-fondi investiti. L-impriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ħallsitha, abbażi tal-valur tax-xiri mill-ġdid, ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-ishma tagħha tal-fond ta’ investiment inkwistjoni fid-data tax-xoljiment tal-istess kuntratt u li kienet tammonta għal madwar terz tal-premiums li huwa kien ħallas, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-likwidazzjoni. |
37 |
Peress li qieset li kienet vittma ta’ bejgħ abbużiv u ta’ prattiki kummerċjali żleali, A ressqet azzjoni għall-irkupru quddiem il-qorti tar-rinviju. Insostenn tal-azzjoni tagħha, A tilmenta b’mod partikolari li O qarraq dwar in-natura tal-investiment li fih kellhom jitqiegħdu l-premiums tal-assigurazzjoni. |
38 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-verżjonijiet lingwistiċi minbarra l-verżjoni bil-lingwa Pollakka, l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punti a.11 u a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, u fl-Artikolu 185(3) tad-Direttiva 2009/138, jidher li jeżiġi l-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar in-natura, l-ispeċifikazzjonijiet tat-tip u l-karatteristiċi tal-attivi bażi tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbuta ma’ fondi ta’ kapital. |
39 |
Meta dawn l-attivi bażi jkunu kkostitwiti minn strumenti derivati, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu l-komunikazzjoni tal-istess informazzjoni bħal dik meħtieġa fl-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39 u fl-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65, jiġifieri informazzjoni kompleta dwar dawn l-istrumenti u l-istrateġiji ta’ investiment proposti u, b’mod partikolari, informazzjoni dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni tal-imsemmija attivi bażi u dwar ir-riskji marbuta mal-imsemmija strumenti u mal-emittent tagħhom. |
40 |
Fil-fatt, filwaqt li tammetti li dawn id-direttivi ma japplikawx għall-impriżi ta’ assigurazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li, fid-dawl tal-premessa 10 tad-Direttiva 2004/39 kif ukoll tal-premessa 87 tad-Direttiva 2014/65, ikun leġittimu li tiġi applikata protezzjoni partikolari, permezz ta’ obbligu ta’ informazzjoni msaħħa, għall-konsumaturi li jikkonkludu kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja marbut ma’ fond ta’ kapital, kemm bħala detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll bħala persuna assigurata li hija parti minn kuntratt kollettiv, peress li huma strumenti ta’ investiment, u b’mod partikolari strumenti derivati, mibjugħa lilhom taħt forma ta’ assigurazzjoni. |
41 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-impriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni u d-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni O ma ssodisfawx b’mod sħiħ l-obbligu ta’ informazzjoni impost fuqhom fir-rigward tal-assigurata A. Skont din il-qorti, dan jista’, barra minn hekk, jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikoli 5 u 7 tad-Direttiva 2005/29, peress li l-premessa 10 tagħha tirreferi għan-neċessità li tiġi żgurata protezzjoni partikolarment imsaħħa għall-konsumatur fis-suq tal-strumenti finanzjarji b’riskju għoli. |
42 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Wola), li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, Il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Kawża C‑213/20
43 |
Fid-29 ta’ Lulju 2011, A, kumpannija attiva fis-settur bankarju, ikkonkludiet, bħala detentriċi ta’ polza ta’ assigurazzjoni, kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital mal-impriża ta’ assigurazzjoni A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie. |
44 |
Dan il-kuntratt kellu bħala għan il-ġbir u l-investiment tal-premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa mill-persuni assigurati f’fond ta’ kapital. Ir-regolament ta’ dan il-fond, li jikkostitwixxi klawżola kuntrattwali standard inkluża fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni, kien jispeċifika li dawn il-premiums, wara li titnaqqas tariffa amministrattiva fix-xahar miġbura minn din l-impriża ta’ assigurazzjoni, kienu intiżi għax-xiri ta’ ishma mill-imsemmi fond, li kull waħda minnhom għandha valur unitarju inizjali. Sussegwentement, is-somom imqiegħda fl-istess fond kienu investiti kompletament f’bonds strutturati, li l-ħlas tagħhom kien ibbażat fuq indiċi stabbilit mill-emittent tagħhom. |
45 |
Dan ir-regolament jiddeskrivi r-riskji assoċjati mal-investiment, bħar-riskji marbuta mad-deprezzament ta’ dan l-indiċi li jirriżulta mill-iżvilupp tas-swieq finanzjarji kif ukoll ir-riskju ta’ telf ta’ parti mill-premiums investiti, fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ assigurazzjoni, filwaqt li jindika li l-impriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tinżamm responsabbli għal dawn ir-riskji. |
46 |
Permezz ta’ dikjarazzjonijiet separati ppreżentati fit-28 u fit-30 ta’ Novembru 2011, G.W. u E.S. aderixxew, bħala assigurati, għal perijodu ta’ ħmistax-il sena, għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja konkluż mill-kumpannija A, billi impenjaw ruħhom li jħallsu premium inizjali u sussegwentement premiums regolari kull xahar. Din l-adeżjoni seħħet fil-bini ta’ din il-kumpannija, waqt laqgħa waħda ma’ impjegati tagħha li kellhom it-titolu ta’ “konsulent għall-klijentela”, li ppreżentawlhom il-prodott ta’ assigurazzjoni inkwistjoni bħala investiment fil-forma ta’ tfaddil sistematiku. Matul din il-laqgħa, G.W. u E.S. irċevew l-offerta ta’ adeżjoni u l-klawżoli kuntrattwali standard tal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, jiġifieri l-kundizzjonijiet ġenerali tal-assigurazzjoni u l-ħlas tal-fond ta’ kapital inkwistjoni, u ppreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ adeżjoni tagħhom. L-imsemmija kumpannija rċeviet kummissjoni min-naħa tal-impriża tal-assigurazzjoni inkwistjoni għall-intervent tagħha. |
47 |
Fl-okkażjoni tal-adeżjoni tagħhom għall-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, G.W. u E.S. iffirmaw dokument bil-miktub li minnu jirriżulta li, minn naħa, matul il-perijodu ta’ assigurazzjoni, il-valur tal-ishma tal-fond ta’ kapital inkwistjoni seta’ jvarja b’mod sinjifikattiv skont l-evalwazzjoni tal-istrumenti finanzjarji li fihom dan il-fond kien jinvesti. Min-naħa l-oħra, riskju li jirriżulta mill-possibbiltà ta’ inadempjenza tal-emittent ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji kien inerenti għall-prodott, li, peress li ma kienx investiment bankarju, ma kienx jiggarantixxi dħul mill-investiment lill-assigurat. Id-dokumentazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xiri tal-imsemmija strumenti finanzjarji, li tinkludi r-riferiment għall-fatturi ta’ riskju ta’ investiment speċifiċi li kienu marbuta magħhom, min-naħa l-oħra ma ġietx ikkomunikata lil G. W. u lil E. S. |
48 |
Wara perijodu ta’ eżekuzzjoni ta’ tmien snin, li matulu l-valur tal-ishma tal-fond ta’ kapital inkwistjoni tnaqqas progressivament, G.W. temm il-kuntratt tiegħu, b’effett mit-23 ta’ Jannar 2019. L-impriża ta’ assigurazzjoni inkwistjoni ħallsitu, abbażi tal-valur tax-xiri mill-ġdid, ammont li jikkorrispondi għall-valur tal-ishma tiegħu ta’ dan il-fond u li kienet tammonta għal madwar żewġ terz tal-premiums li huwa kien ħallas, wara li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-likwidazzjoni. Min-naħa l-oħra, E.S. ma kienx, fid-data tat-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C‑213/20, ittermina l-kuntratt tiegħu. |
49 |
G.W. u E.S. ippreżentaw rikors kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni A. Towarzystwo Ubezpieczeń Życie quddiem il-qorti tar-rinviju, intiż għar-rimbors tal-premiums imħallsa, billi sostnew li, sa fejn din l-impriża naqset milli twettaq l-obbligi ta’ informazzjoni tagħha dwar in-natura tal-attivi bażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni u r-riskji kollha relatati miegħu, dan il-kuntratt u d-dikjarazzjonijiet individwali tagħhom ta’ adeżjoni huma nulli u mingħajr effett. |
50 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li, filwaqt li ma huwiex formalment parti fil-kuntratt konkluż bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u d-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni, li jieħu l-forma ta’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja f’isem ħaddieħor fis-sens tal-Artikolu 808(1) tal-Kodiċi Ċivili, l-assigurat li jaderixxi miegħu jassumi l-obbligu tad-detentur ta’ polza li jħallas il-premiums u jsostni l-piż ekonomiku effettiv tal-investiment u r-riskju relatat. Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 jimponix li l-informazzjoni msemmija fil-punti a.11 u a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ din il-persuna assigurata. |
51 |
Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-kunċett ta’ “indikazzjonijiet dwar in-natura tal-assi rappreżentattivi”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, filwaqt li tenfasizza r-rekwiżit li tinżamm relazzjoni bbilanċjata bejn il-portata tal-informazzjoni pprovduta u l-grad ta’ kumplessità tagħha, din il-qorti tirrileva li r-relazzjoni ġuridika bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-assigurat li ssostni r-riskji ta’ investiment tista’ tiġġustifika li din tirċievi l-informazzjoni kollha dwar in-natura tal-prodotti finanzjarji u r-riskji marbuta magħha u, f’dan il-kuntest, li l-impriża ta’ assigurazzjoni tittrażmettilha l-informazzjoni kollha dwar dawn il-prodotti li hija tikseb mingħand l-emittent tagħhom. |
52 |
Id-domanda magħmula fit-tielet lok mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-mument meta l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali għandu jiġi ssodisfatt u, b’mod iktar partikolari, l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ preċedenza fil-konfront tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83. Din il-qorti tirrileva li d-dispożizzjoni tad-dritt Pollakk li tittrasponi dan l-artikolu, jiġifieri l-Artikolu 13(4) tal-Liġi dwar l-assigurazzjoni, timponi biss li l-informazzjoni dwar ir-relazzjoni legali, inklużi l-karatteristiċi tal-attivi tal-fond ta’ kapital, tiġi inkluża f’kuntratt standard ta’ assigurazzjoni. F’dan il-kuntest, hija tistaqsi għalhekk jekk, sabiex l-obbligu ta’ informazzjoni ma jiġix imċaħħad mill-effett utli tiegħu, huwiex neċessarju li jintalab li l-fażi tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-persuna assigurata tkun distinta b’mod ċar mill-fażi tal-konklużjoni tal-kuntratt. |
53 |
Fir-raba’ lok, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dritt Pollakk, l-elementi ta’ natura informattiva ta’ relazzjoni ġuridika ġeneralment ma humiex ikkunsidrati li jaqgħu taħt is-suġġett prinċipali tiegħu, sa fejn dawn ma jiddeterminawx direttament id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet. Fid-dawl tal-portata u tal-importanza tal-informazzjoni elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2002/83, hija tistaqsi madankollu jekk l-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 52 tagħha, jistax jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni li huwa jipprevedi jikkostitwixxi element essenzjali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jew tar-relazzjoni ġuridika li magħha l-persuna assigurata taderixxi. |
54 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li d-dritt nazzjonali ma joffrix bażi legali li tippermetti li tiġi kkonstatata l-invalidità ta’ din ir-relazzjoni ġuridika minħabba l-konstatazzjoni eventwali ta’ ksur ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni. Fil-fatt, l-ewwel, l-Artikolu 58(1) tal-Kodiċi Ċivili dwar in-nullità tal-atti ġuridiċi huwa ġeneralment interpretat bħala li jirreferi biss għall-inkompatibbiltà tal-kontenut jew mas-suġġett tal-att ġuridiku mal-liġi, it-tieni, id-dritt nazzjonali ma jinkludi ebda leġiżlazzjoni speċifika għal dan il-għan u, it-tielet, l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali dwar id-difetti tal-kunsens hija suġġetta għal kundizzjonijiet stretti, fosthom l-osservanza ta’ terminu ta’ sena u l-konstatazzjoni tal-fatt li l-iżball kien essenzjali u li kien jirrigwarda l-kontenut tal-att ġuridiku. Għaldaqstant, għad jrid jiġi ddeterminat, skont il-qorti tar-rinviju, jekk id-Direttiva 2002/83 tirregolax l-effetti legali tal-konstatazzjoni ta’ ksur tal-imsemmi obbligu ta’ informazzjoni. |
55 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy-Woli w Warszawie (il-Qorti Distrettwali ta’ Varsavja - Wola), li għandha s-sede tagħha f’Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
56 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2021, il-Kawżi C‑143/20 u C‑213/20 ġew magħquda għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
57 |
Fl-istess jum, il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-partijiet interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ġew mistiedna jwieġbu għal ċerti mistoqsijiet bil-miktub, skont l-Artikolu 61(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-partijiet fil-Kawża prinċipali C‑213/20, il-Gvernijiet tal-Polonja u tal-Italja kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ir-risposta tagħhom għal dawn id-domandi. |
Fuq id-domandi preliminari
58 |
Qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandhom, preliminarjament, jiġu ddeterminati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għall-kawżi prinċipali. |
59 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta, minn naħa, fir-rigward tal-Kawża C‑143/20, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet koperta mill-assigurazzjoni sa mit-8 ta’ Ottubru 2010, b’tali mod li l-konklużjoni tal-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja li hija aderixxiet miegħu, l-istess bħad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni tagħha miegħu, neċessarjament seħħet qabel din id-data. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Kawża C‑213/20, il-kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie konkluż fid-29 ta’ Lulju 2011 u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali aderixxew għalih permezz ta’ dikjarazzjonijiet ippreżentati, rispettivament, fit-28 ta’ Novembru u fit-30 ta’ Novembru 2011. |
60 |
Issa, skont l-Artikolu 309(1) u l-Artikolu 310 tad-Direttiva 2009/138, l-Artikolu 185 tagħha, li t-terminu ta’ traspożizzjoni tiegħu skada fil-31 ta’ Marzu 2015, huwa applikabbli biss mill-1 ta’ Jannar 2016, data li minnha d-Direttiva 2002/83 ġiet imħassra. Minn dan isegwi li huma biss id-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva li huma applikabbli għall-kawżi prinċipali. |
61 |
Konsegwentement, minn naħa, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha, billi tifformula mill-ġdid, jekk ikun il-każ, id-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2021, PL Holdings, C‑109/20, EU:C:2021:875, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata), id-domandi magħmula għandhom jinftiehmu fis-sens li jirrigwardaw esklużivament l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/83, bl-esklużjoni ta’ dawk tad-Direttiva 2009/138. Min-naħa l-oħra, sa fejn tirrigwarda biss l-interpretazzjoni tal-Artikolu 185(4) ta’ din l-aħħar direttiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda fil-Kawża C‑143/20. |
62 |
Bl-istess mod, sa fejn it-tieni domanda f’din il-kawża tirrigwarda l-Artikolu 24(4) tad-Direttiva 2014/65, li, konformement mal-Artikolu 93(1) u mal-Artikolu 94 tagħha, hija applikabbli biss mit-3 ta’ Jannar 2018, data ta’ tħassir tad-Direttiva 2004/39, din id-domanda għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda biss l-Artikolu 19(3) ta’ din l-aħħar direttiva. |
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20
63 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑213/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fih għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, fil-kwalità tiegħu ta’ assigurat, ma’ kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital konkluż bejn impriża ta’ assigurazzjoni u impriża detentriċi ta’ polza. |
64 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ppreċiżat, preliminarjament, li mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u mill-proċessi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel, li l-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għal poloz marbuta ma’ unitajiet marbuta ma’ fond ta’ kapital (iktar ’il quddiem il-“kuntratti unit-linked”). Dawn il-kuntratti huma ta’ natura miftuħa u kollettiva, sa fejn huma konklużi bejn impriża ta’ assigurazzjoni u impriża detentriċi ta’ polza, sabiex joffru lill-konsumaturi li għadhom ma humiex determinati fl-istadju tal-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti li jaderixxu magħhom wara l-konklużjoni tagħhom, billi jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ adeżjoni individwali u distinta. |
65 |
It-tieni, permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, dan il-konsumatur jassumi l-kwalità ta’ assigurat u jimpenja ruħu li jħallas premium inizjali u sussegwentement premiums regolari kull xahar lill-impriża tal-assigurazzjoni. Dawn il-premiums jiġu kkonvertiti f’ishma ta’ fond ta’ kapital, imsejħa “unitajiet tal-kont”, imbagħad investiti fi strumenti finanzjarji li minnhom jiddependi l-valur ta’ dawn l-ishma, li jikkostitwixxu l-assi li jirrappreżentaw il-kuntratti unit-linked. Bħala korrispettiv għall-premiums imħallsa, l-impriża ta’ assigurazzjoni tintrabat li tħallas lill-imsemmi konsumatur benefiċċji f’każ ta’ mewt jew ta’ sopravivenza fi tmiem il-perijodu ta’ assigurazzjoni, jew, f’każ ta’ rexissjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni qabel dan it-terminu, li tirrimborsah ammont ugwali għall-valur aġġornat tal-ishma tal-fond ta’ kapital li fih ġew ikkonvertiti l-premiums tiegħu. |
66 |
It-tielet, il-proċedura ta’ adeżjoni għall-kuntratti kollettivi unit-linked hija ġestita esklużivament mill-impriża detentriċi ta’ polza, li toffri lill-konsumaturi li jaderixxu għal dawn il-kuntratti bħala forma ta’ investiment finanzjarju bbażat fuq l-assigurazzjoni u tirċievi l-manifestazzjonijiet tar-rieda tagħhom f’dan is-sens fil-forma ta’ dikjarazzjonijiet ta’ adeżjoni, filwaqt li tirċievi kummissjoni mill-impriża ta’ assigurazzjoni għall-intervent tagħha. |
67 |
Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, li jipprovdi li, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva għandha tiġi kkomunikata lid-detentur ta’ polza, ma jinkludi ebda definizzjoni tal-kunċetti ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni” u ta’ “detentur ta’ polza”, u lanqas ma jagħmel riferiment għad-drittijiet nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata lil dawn il-kunċetti. |
68 |
Għalhekk, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li l-imsemmija kunċetti għandhom jitqiesu li huma kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest li minnu tagħmel parti u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Marzu 2012, González Alonso, C‑166/11, EU:C:2012:119, punt 25, kif ukoll tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 49). |
69 |
Fir-rigward, l-ewwel, tal-kunċett ta’ “detentur ta’ polza”, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-istruttura tad-Direttiva 2002/83, għalkemm il-kunċett ta’ “detentur ta’ polza” jirreferi ġeneralment għall-persuna mitluba fir-relazzjoni ġuridika li tikkaratterizza kuntratt ta’ assigurazzjoni, dan ma huwiex neċessarjament limitat għall-persuna li tikkonkludi mal-impriża ta’ assigurazzjoni l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, peress li l-assigurat huwa rrikonoxxut minn din id-direttiva bħala titolari tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn tali kuntratt. |
70 |
Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 2, 35, 39 u 50 tal-imsemmija direttiva, kif ukoll mid-dispożizzjonijiet korrispondenti tagħha fil-qasam tad-dispożittivi tekniċi u tal-miżuri ta’ stabbiliment mill-ġdid finanzjarju, li jistabbilixxu r-rekwiżit li jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-persuni assigurati u d-drittijiet li huma jisiltu mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni. L-istess konklużjoni tista’ tinsilet mid-dispożizzjonijiet identiċi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(5) tal-istess direttiva, kif ukoll mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(6) tagħha, fil-qasam tat-trasferiment tal-portafoll bejn impriżi ta’ assigurazzjoni, li minnhom jirriżulta li l-persuni assigurati jaqgħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet, bl-istess mod bħal detenturi ta’ polza, sa fejn huma titolari tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni. |
71 |
Tali interpretazzjoni hija, min-naħa l-oħra, ikkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/83. Fil-fatt, mill-premessi 2 u 5 tagħha jirriżulta li din id-direttiva hija intiża b’mod partikolari sabiex tiżgura protezzjoni adegwata tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji fl-Istati Membri kollha u sabiex tikkontribwixxi sabiex tippermetti lid-detenturi ta’ polza kollha jirrikorru għand kull assiguratur (sentenza tat-2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz, C‑20/19, EU:C:2020:273, punt 34). |
72 |
F’dan il-kuntest, il-premessa 52 tal-imsemmija direttiva tistabbilixxi li l-konsumatur għandu jkollu l-informazzjoni neċessarja sabiex jagħżel il-kuntratt li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tiegħu u li hemm lok, konsegwentement, li jiġu kkoordinati d-dispożizzjonijiet minimi sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u preċiża dwar, b’mod partikolari, il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti lilu. |
73 |
Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ informazzjoni li l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2002/83 jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li mill-inqas l-informazzjoni elenkata fit-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva għandha tiġi kkomunikata lid-detentur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-5 ta’ Marzu 2002, Axa Royale Belge, C‑386/00, EU:C:2002:136, punt 21; tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 25, u tad-29 ta’ April 2015, Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij, C‑51/13, EU:C:2015:286, punt 20). |
74 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet li kull interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “detentur ta’ polza”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 36(1), tmur kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2002/83, għaliex dan jimplika limitazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-persuni assigurati minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2020, kunsthaus muerz, C‑20/19, EU:C:2020:273, punt 35). |
75 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 jirriżulta li, għall-finijiet tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali li huwa jipprevedi, il-kunċett ta’ “detentur” jirreferi għall-persuna li hija destinatarja tal-offerta fir-relazzjoni legali li tikkaratterizza l-kuntratt ta’ assigurazzjoni u li hija għalhekk imsejħa sabiex tagħżel prodott ta’ assigurazzjoni u tassumi d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnu, b’tali mod li dan il-kunċett jinkludi wkoll il-persuni li, permezz tad-dikjarazzjoni tagħhom indirizzata lil impriża detentriċi ta’ polza, aċċedew għal kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni u assumew b’hekk il-kwalità ta’ assigurat għall-finijiet ta’ tali kuntratt. |
76 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kuntratti unit-linked jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2002/83 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, González Alonso, C‑166/11, EU:C:2012:119, punt 29). |
77 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni huma kkaratterizzati, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, permezz tal-ħlas minn qabel ta’ premium, li jipprovdi lill-persuna assigurata, fil-każ ta’ twettiq tar-riskju kopert, is-servizz miftiehem waqt il-konklużjoni tal-kuntratt (sentenzi tas-26 ta’ Marzu 2015, Litaksa, C‑556/13, EU:C:2015:202, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat-8 ta’ Ottubru 2020, United Biscuits (Pensions Trustees) u United Biscuits Pension Investments, C‑235/19, EU:C:2020:801, punt 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Tali tranżazzjonijiet jimplikaw min-natura tagħhom l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tagħha huma koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tad-Direttiva 2002/92, li, sa fejn impriża ta’ assigurazzjoni timpenja ruħha li tipprovdi servizz fil-każ ta’ mewt tal-persuna assigurata jew l-okkorrenza ta’ avveniment ieħor, bħala korrispettiv għall-ħlas ta’ premium minn dan l-assigurat, tali relazzjoni ta’ assigurazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni” imsemmi minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 51). |
79 |
Issa, din l-interpretazzjoni tista’ tapplika wkoll għall-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83. |
80 |
F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punti 64 sa 66 ta’ din is-sentenza, il-konsumatur li jiddeċiedi li jaderixxi għal kuntratt kollettiv unit-linked jaċċetta, b’dan il-mod, offerta ta’ assigurazzjoni ppreżentata mill-impriża detentriċi ta’ polza. Għaldaqstant, dan il-konsumatur jimpenja ruħu li jħallas premiums tal-assigurazzjoni lill-impriża ta’ assigurazzjoni bħala korrispettiv għall-provvista tas-servizzi minnha f’każ ta’ mewt jew ta’ sopravivenza fi tmiem il-perijodu ta’ assigurazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi konsumatur jassumi d-drittijiet u l-obbligi tipiċi previsti mill-imsemmi kuntratt u jsir parti f’relazzjoni ta’ assigurazzjoni ma’ din l-impriża. |
81 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din ir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni bejn impriża ta’ assigurazzjoni u konsumatur assigurat taqa’, bħala tali, taħt il-kunċett ta’ “kuntratt ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, b’tali mod li l-konsumatur li jsir parti minnu billi jaderixxi għall-kuntratt kollettiv unit-linked jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “detentur”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-fatt jekk dan il-konsumatur isirx formalment jew le parti wkoll fl-imsemmi kuntratt kollettiv konkluż bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-impriża detentriċi ta’ polza huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. |
82 |
Konsegwentement, l-imsemmi konsumatur għandu, qabel l-adeżjoni tiegħu fil-kuntratt kollettiv unit-linked, jirċievi l-informazzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni, li tippermettilu jagħmel għażla informata tal-prodott ta’ assigurazzjoni li hija l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu. |
83 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju li tippermettilha ssolvi l-kawżi prinċipali, għad irid jiġi ddeterminat, fit-tieni lok, l-entità li għandha tissodisfa l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 favur tali konsumatur. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tidentifikax espressament l-entità li fuqha jaqa’ l-imsemmi obbligu ta’ informazzjoni. |
85 |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tad-dispożizzjoni preċedenti għall-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, redatta f’termini identiċi għal din l-aħħar dispożizzjoni, li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq l-impriża ta’ assigurazzjoni tali obbligu ta’ informazzjoni tad-detentur ta’ polza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 85 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). |
86 |
Madankollu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-partikolaritajiet tal-kuntratti kollettivi unit-linked. B’mod partikolari, mill-kunsiderazzjonijiet esposti, rispettivament, fil-punti 64 u 66 ta’ din is-sentenza, minn naħa, jirriżulta li l-proċeduri ta’ konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti u ta’ adeżjoni għal dawn jimplikaw, min-natura tagħhom, il-ħolqien ta’ żewġ relazzjonijiet ta’ assigurazzjoni distinti, l-ewwel waħda, bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-impriża detentriċi ta’ tali kuntratt, li tirriżulta mill-konklużjoni tiegħu, u, it-tieni waħda, eventwali u sussegwenti għall-ewwel waħda, bejn l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-persuna assigurata li tirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni tagħha għal dan il-kuntratt. |
87 |
Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-proċedura ta’ adeżjoni ta’ dan il-konsumatur fl-imsemmi kuntratt, l-impriża detentriċi ta’ polza taġixxi bħala “intermedjarju ta’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-punt 5 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/92, moqri fid-dawl tal-premessi 9 u 11 tagħha, u għalhekk hija suġġetta għar-regoli stabbiliti minn din id-direttiva, konformement mal-Artikolu 1(1), u (2)(b) tagħha. |
88 |
Fil-fatt, din l-impriża detentriċi ta’ polza teżerċita, bi ħlas, attività ta’ medjazzjoni fl-assigurazzjoni, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, li tikkonsisti fil-proposta lil konsumaturi li jaderixxu għal kuntratt kollettiv unit-linked u li b’hekk jikkonkludu, kif ġie rrilevat fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, kuntratt ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja mal-impriża ta’ assigurazzjoni, kif ukoll fl-għoti ta’ pariri finanzjarji relatati mal-investiment tal-kapital ikkostitwit mill-premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa minn dawn il-konsumaturi fl-attivi bażi tal-kuntratt kollettiv uni-linked (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punti 47 sa 54 u 58). |
89 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn qari flimkien tad-Direttivi 2002/83 u 2002/92 jirriżulta li, minn naħa, hija l-impriża ta’ assigurazzjoni, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt kollettiv unit-linked, li għandha tikkomunika tal-inqas l-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 lill-impriża detentriċi ta’ dan il-kuntratt, konformement mal-Artikolu 36(1) tagħha. |
90 |
Fid-dawl tan-natura ta’ tali kuntratt, intiż sabiex jitqassam lill-konsumaturi finali, u tar-rekwiżit li dawn jirċievu din l-informazzjoni qabel l-adeżjoni tagħhom fl-imsemmi kuntratt sabiex ikunu jistgħu jagħżlu l-prodott ta’ assigurazzjoni li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva, kif interpretat fil-punt 82 ta’ din is-sentenza, l-impriża ta’ assigurazzjoni hija obbligata tifformula l-imsemmija informazzjoni b’mod ċar, preċiż u komprensibbli għall-imsemmija konsumaturi, fid-dawl tat-trażmissjoni sussegwenti tagħha lil dawn tal-aħħar matul il-proċedura ta’ adeżjoni tal-istess kuntratt. |
91 |
Min-naħa l-oħra, hija l-impriża detentriċi ta’ kuntratt kollettiv unit-linked, li taġixxi bħala aġent tal-assigurazzjoni, li għandha tittrażmetti l-istess informazzjoni bħall-impriża ta’ assigurazzjoni tipprovdilha lil kull konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt, qabel din l-adeżjoni. Dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn kull preċiżazzjoni oħra li tirriżulta neċessarja fid-dawl tar-rekwiżiti u tal-bżonnijiet ta’ dan il-konsumatur, li għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-imsemmi konsumatur. Dawn id-dettalji għandhom jiġu fformulati skont il-kumplessità tal-imsemmi kuntratt u fformulati b’ċarezza u b’eżattezza u b’mod li jinftiehem mill-istess konsumatur, skont l-Artikolu 12(3) u l-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva 2002/92. |
92 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑213/20 għandha tkun li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fih għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, fil-kwalità tiegħu ta’ assigurat, ma’ kuntratt kollettiv unit-linked konkluż bejn impriża ta’ assigurazzjoni u impriża detentriċi ta’ polza. Hija l-impriża ta’ assigurazzjoni li għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-impriża detentriċi ta’ polza, li għandha tittrażmettiha lil dan il-konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ dan il-kuntratt, flimkien ma’ kull preċiżazzjoni oħra li tirriżulta neċessarja fid-dawl tar-rekwiżiti u tal-bżonnijiet tiegħu, skont din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/92. |
Fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawża C‑143/20 kif ukoll it-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑213/20
93 |
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C‑143/20 kif ukoll permezz tat-tieni u tat-tielet domandi tagħha fil-Kawża C‑213/20, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet dwar in-natura tal-attivi bażi għandhom jiġu kkomunikati lil konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ kuntratt kollettiv unit-linked, għandhom jinkludu l-indikazzjonijiet li jirrappreżentaw lil dawn il-karatteristiċi ta’ dawn l-attivi bażi u, jekk fl-affermattiv, jekk dawn l-indikazzjonijiet:
|
94 |
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ definizzjoni u ta’ riferiment għad-drittijiet nazzjonali mid-Direttiva 2002/83, it-tifsira tal-kunċett ta’ “Indikazzjoni tan-natura ta’ l-assi bażi għal poloz marbuta ma’ unitajiet”, fis-sens tal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva, għandha titfittex billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest li fih tinsab din id-dispożizzjoni u l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva. |
95 |
Ċertament, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni, dan il-kunċett jista’ jinftiehem bħala li jirreferi biss għall-indikazzjoni tat-tip ta’ strumenti finanzjarji li jikkostitwixxu l-attivi bażi tal-fond ta’ kapital li miegħu huwa marbut il-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni. Madankollu, minn interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-istess dispożizzjoni jirriżulta li għandha tingħata interpretazzjoni wiesgħa tal-imsemmi kunċett bħala li jkopri l-karatteristiċi ta’ dawn l-attivi. |
96 |
Fil-fatt, kif ġie rrilevat fil-punti 72 u 73 ta’ din is-sentenza, minn qari flimkien tal-premessa 52 u tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 jirriżulta li l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst f’din id-dispożizzjoni huwa intiż sabiex jippermetti lill-konsumaturi li jkollhom l-intenzjoni li jaderixxu għal kuntratt kollettiv ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja li jagħżlu minn fost il-prodotti differenti ta’ assigurazzjoni dak li huwa l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tagħhom, billi jiggarantixxilhom il-possibbiltà li jkollhom informazzjoni ddettaljata, preċiża u oġġettiva neċessarja għal dan il-għan u, b’mod partikolari, informazzjoni ċara u preċiża fuq il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija prodotti ta’ assigurazzjoni. |
97 |
Issa, fil-każ ta’ kuntratt unit-linked, il-prodott ta’ assigurazzjoni jinkludi element ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et, C‑542/16, EU:C:2018:369, punt 57), li huwa inseparabbli minn dan il-prodott. Fil-fatt, dan l-element huwa inerenti għall-għażla stess tal-konsumatur li jaderixxi għal dan il-kuntratt, sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi prodott ta’ assigurazzjoni huwa ppreżentat, u huwa pperċepit minn dan il-konsumatur, bħala forma ta’ investiment ibbażata fuq l-assigurazzjoni, differenti minn forom oħra ta’ investiment. |
98 |
Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, l-imsemmi element għandu impatt dirett fuq l-eżekuzzjoni tal-obbligi u l-eżerċizzju tad-drittijiet li jirriżultaw mill-imsemmi kuntratt. Minn naħa, minbarra l-ħlas tal-premiums tal-assigurazzjoni, il-konsumatur li jaderixxi għalihom ukoll isostni r-riskji li jirriżultaw mill-investiment ta’ dawn il-premiums fi strumenti finanzjarji. Min-naħa l-oħra, l-iżviluppi ta’ dan l-investiment jaffettwaw direttament il-portata tad-drittijiet li dan il-konsumatur għandu abbażi tal-istess kuntratt u, b’mod partikolari, il-valur tax-xiri mill-ġdid tiegħu fil-każ ta’ xoljiment. |
99 |
F’dan il-kuntest, il-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji li jikkomponu l-attivi bażi ta’ kuntratt unit-linked, u, b’mod partikolari, in-natura u r-rendiment ta’ dawn l-istrumenti kif ukoll ir-riskji marbuta magħhom, għandhom importanza primordjali fl-għażla informata ta’ tali prodott ta’ assigurazzjoni mill-konsumatur. Dan jgħodd iktar u iktar meta, bħal f’dan il-każ, dan l-attiv bażi huwa prodott derivat jew prodott strutturat li jinkorpora strumenti derivati, li jippreżentaw livell ta’ riskju ta’ investiment partikolarment għoli. |
100 |
Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-obbligu msemmi fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, l-informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għal kuntratt għandha, għalhekk, tinkludi indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi tal-imsemmija attivi bażi. |
101 |
Madankollu, minn qari flimkien tal-premessa 52 u tat-Taqsima A tal-Anness III ta’ din id-direttiva jirriżulta li dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu mhux biss ċari, preċiżi u komprensibbli biżżejjed sabiex jippermettu lil dan il-konsumatur jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata tal-prodott ta’ assigurazzjoni li hija l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu, iżda wkoll oġġettivament neċessarji sabiex iwettaq din l-għażla, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu. |
102 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “Indikazzjoni tan-natura ta’ l-assi bażi”, fis-sens tal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tal-imsemmija direttiva, biss l-indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi ta’ dawn l-attivi bażi li huma essenzjali għal dan il-għan. B’mod partikolari, dawn għandhom jinkludu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 u 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, deskrizzjoni ċara, preċiża u komprensibbli tan-natura ekonomika u ġuridika tagħhom, inklużi prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-rendiment tagħhom. |
103 |
Barra minn hekk, dawn l-indikazzjonijiet għandhom jinkludu informazzjoni ċara, preċiża u komprensibbli dwar ir-riskji strutturali marbuta mal-imsemmija attivi bażi, jiġifieri r-riskji inerenti fin-natura tagħhom u jistgħu jaffettwaw direttament id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni, bħar-riskji marbuta mad-deprezzament tal-ishma tal-fond ta’ kapital li miegħu l-kuntratt unit-linked huwa marbut jew ir-riskju ta’ kreditu tal-emittent tal-istrumenti finanzjarji li jifformaw l-istess attivi bażi |
104 |
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija indikazzjonijiet ma għandhomx neċessarjament jinkludu deskrizzjoni ddettaljata u eżawrjenti tan-natura u tal-portata tar-riskji kollha ta’ investiment marbuta mal-attivi rappreżentattivi tal-kuntratt unit-linked, bħal dawk li jirriżultaw mill-partikolaritajiet tal-istrumenti finanzjarji differenti li jikkomponuhom fejn modalitajiet tekniċi ta’ kalkolu tal-valur tal-indiċi li fuqu huwa bbażat il-ħlas ta’ dawn l-istrumenti finanzjarji. |
105 |
Bl-istess mod, l-indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-attivi bażi fis-sens tal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83 ma għandhomx neċessarjament jinkludu l-istess informazzjoni bħal dik li l-emittent tal-imsemmija strumenti finanzjarji huwa obbligat, bħala fornitur ta’ servizzi ta’ investiment, li jikkomunika lill-klijenti tiegħu, skont l-Artikolu 19(3) tad-Direttiva 2004/39. |
106 |
Fil-fatt, sa fejn, skont din id-dispożizzjoni, din hija speċifikament maħsuba sabiex tippermetti lid-destinatarju ta’ dawn is-servizzi ta’ investiment jifhem in-natura tagħhom u t-tip speċifiku ta’ strument finanzjarju propost lilu mill-imsemmi emittent, din l-informazzjoni ma hijiex neċessarja għall-konsumatur sabiex jagħżel il-prodott ta’ assigurazzjoni li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tiegħu, fis-sens tal-punt 101 ta’ din is-sentenza. |
107 |
Barra minn hekk, li l-impriża ta’ assigurazzjoni u l-impriża detentriċi ta’ polza ta’ kuntratt kollettiv unit-linked jiġu obbligati jikkomunikaw l-imsemmija informazzjoni lil dan il-konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu f’dan il-kuntratt iwassal sabiex jiġu inklużi, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/39, persuni li huma esklużi espressament minnu, abbażi ta’ għażla deliberata tal-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward kemm tal-impriżi ta’ assigurazzjoni kif ukoll tal-intermedjarji ta’ assigurazzjoni, konformement, rispettivament, mal-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 2(1)(c) tagħha, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-31 ta’ Mejju 2018, Länsförsäkringar Sak Försäkringsaktiebolag et (C‑542/16, EU:C:2018:369, punti 61 sa 69). |
108 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda fil-Kawża C‑143/20 kif ukoll għat-tieni u t-tielet domandi fil-Kawża C‑213/20 għandha tkun li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-indikazzjonijiet dwar in-natura tal-attivi bażi li għandhom jiġu kkomunikati lil konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu ma’ kuntratt kollettiv unit-linked għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar il-karatteristiċi essenzjali ta’ dawn l-attivi bażi. Dawn l-indikazzjonijiet:
|
Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20
109 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha fil-Kawża C‑213/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha għandha neċessarjament tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, bħala persuna assigurata, ma’ kuntratt kollettiv unit-linked fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali distinta u li għalhekk jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li jkun biżżejjed li din l-informazzjoni tissemma f’dan il-kuntratt. |
110 |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li mill-premessi 44 u 52 tad-Direttiva 2002/83 jirriżulta li din ma wettqitx armonizzazzjoni kompleta tad-dritt tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni u, b’mod partikolari, li hija intiża biss sabiex tikkoordina d-dispożizzjonijiet minimi fil-qasam tal-informazzjoni prekuntrattwali, b’tali mod li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jimponu l-applikazzjoni tad-dritt tagħhom għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jinkludu impenji li jinsabu fit-territorju tagħhom. |
111 |
It-tieni, l-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva sempliċement jipprovdi li l-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness III tagħha għandha tiġi kkomunikata lid-detentur “qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni”, mingħajr ma jispeċifika iktar il-mument meta din il-komunikazzjoni għandha ssir u lanqas, b’mod partikolari, li din għandha sseħħ fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali distinta. |
112 |
It-tielet, l-Artikolu 36(4) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u tal-Anness III tal-istess direttiva għandhom jiġu stabbiliti mill-Istat Membru tal-impenn. |
113 |
Minn dan isegwi, minn naħa, li, fil-każ ta’ kuntratt kollettiv unit-linked, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur qabel il-firma tad-dikjarazzjoni ta’ adeżjoni għal dan il-kuntratt, li permezz tagħha, kif jirriżulta mill-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, dan il-konsumatur juri l-kunsens tiegħu li jintrabat mill-imsemmi kuntratt u jsir għalhekk parti f’relazzjoni kuntrattwali ta’ assigurazzjoni mal-impriża ta’ assigurazzjoni. |
114 |
Min-naħa l-oħra, fl-assenza ta’ regoli armonizzati, huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-Artikolu 36(1) ta’ din id-direttiva. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri huma madankollu obbligati jiżguraw li l-effettività tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-għan tagħha, tiġi żgurata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress, C‑209/12, EU:C:2013:864, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn qari flimkien tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 u tal-premessa 52 tagħha jirriżulta li, billi ssir distinzjoni bejn il-mument tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni elenkata fil-punt A tal-Anness III ta’ din id-direttiva u dak tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jew saħansitra l-adeżjoni miegħu, l-għan imfittex mill-imsemmija direttiva huwa li jippermetti lill-konsumatur li jagħżel, f’ċertu żmien, fost diversi kuntratti ta’ assigurazzjoni disponibbli, dak li huwa l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu, u li jiġi deċiż b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jixtieq jintrabat kuntrattwalment. |
116 |
Sabiex ikun jista’ jibbenefika mill-imsemmija informazzjoni għal dan il-għan, dan il-konsumatur għandu, għaldaqstant, jirċeviha fi żmien xieraq qabel l-adeżjoni għal dan il-kuntratt, u mhux biss fl-istadju tal-adeżjoni tiegħu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2014, CA Consumer Finance, C‑449/13, EU:C:2014:2464, punt 46, u tal-25 ta’ Ġunju 2020, Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände, C‑380/19, EU:C:2020:498, punt 34), taħt piena li l-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 jitlef l-effett utli tiegħu. |
117 |
Huma l-qrati nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-kawża u l-karatteristiċi tal-kuntratt kollettiv unit-linked inkwistjoni, jekk il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu ppermettewx lill-konsumatur jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata tal-prodott ta’ assigurazzjoni li hija l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu. |
118 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għar-raba’ domanda fil-Kawża C‑213/20 għandha tkun li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha ma għandhiex neċessarjament tiġi kkomunikata lill-konsumatur li jaderixxi, fil-kwalità tiegħu ta’ assigurat, għal kuntratt kollettiv unit-linked fil-kuntest ta’ proċedura prekuntrattwali distinta u li ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li permezz tagħha huwa biżżejjed li din l-informazzjoni tkun imsemmija f’dan il-kuntratt, sa fejn jiġi mgħoddi lil dan il-konsumatur qabel l-adeżjoni tiegħu, f’ħin utli sabiex jippermettilu li jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla ċara tal-prodott ta’ assigurazzjoni li jikkonvjeni l-iktar il-bżonnijiet tiegħu. |
Fuq il-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20
119 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha fil-Kawża C‑213/20, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li jitqies li l-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligu li tiġi kkomunikata l-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha twassal għan-nullità jew għall-invalidità ta’ kuntratt kollettiv unit-linked jew tad-dikjarazzjoni tal-adeżjoni tiegħu u b’hekk jagħti lill-konsumatur li aderixxa għal dan il-kuntratt id-dritt għar-rimbors tal-premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa. |
120 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-istess kunsiderazzjonijiet bħal dawk esposti fil-punti 110 sa 114 ta’ din is-sentenza jirriżulta li din id-direttiva ma tirregolax il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali previst fl-imsemmija dispożizzjoni u li, għaldaqstant, huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw dawn l-aspetti tad-dritt tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, filwaqt li jiżguraw li l-effettività tal-imsemmija direttiva, fid-dawl tal-għan tagħha, tiġi żgurata. |
121 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu, bħall-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, fil-Kapitolu 4 tat-Titolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ kuntratt u kondizzjonijiet ta’ assigurazzjoni”, u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 35(1) u tal-Artikolu 36(3) tagħha. |
122 |
Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-informazzjoni supplimentari meta mqabbla ma’ dik elenkata fl-Anness III tad-Direttiva 2002/83 li l-Istat Membru tal-impenn tiegħu jista’ jeżiġi l-provvista, fis-sens tal-Artikolu 36(3) ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-effetti li d-dritt intern jorbot man-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni huma, bħala prinċipju, irrilevanti fir-rigward tal-konformità tar-regoli nazzjonali mal-obbligu ta’ komunikazzjoni previst minn din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2015, Nationale-Nederlanden Levensverzekering Mij, C‑51/13, EU:C:2015:286, punt 36). |
123 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-dritt tal-persuna assigurata li tirrinunzja għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni stabbilit fl-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2002/83, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li huma l-Istati Membri li għandhom jirregolaw l-effetti legali tar-rinunzja minbarra dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat li l-effett utli ta’ din id-direttiva, fid-dawl tal-għan tagħha, jiġi żgurat, u li huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw jekk il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali humiex ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-effettività tad-dritt ta’ rinunzja billi jiddisswadu lid-detentur ta’ polza li jeżerċitah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punti 100, 104 u 117, kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ Mejju 2020, WWK Lebensversicherung auf Gegenseitigkeit, C‑803/19, mhux ippubblikat, EU:C:2020:413, punti 28 u 37). |
124 |
Wara li ġie rrilevat dan, għandu jingħad ukoll li, kif ġie espost fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li d-dritt nazzjonali ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-invalidità tar-relazzjoni ġuridika ta’ assigurazzjoni bejn impriża ta’ assigurazzjoni u persuna assigurata minħabba l-eventwali konstatazzjoni ta’ eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, sa fejn dan id-dritt ma jinkludi ebda dispożizzjoni speċifika għal dan l-effett u li l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali fil-qasam tan-nullità tal-atti ġuridiċi u tal-vizzji għal kunsens tkun eskluża permezz ta’ interpretazzjoni jew suġġett għal kundizzjonijiet stretti. |
125 |
Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, hija din il-qorti li għandha tivverifika jekk l-effetti legali li d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jorbtu mat-twettiq inkorrett ta’ dan l-obbligu ta’ informazzjoni humiex irregolati b’mod li jiżguraw l-effettività tiegħu. B’dan il-mod, l-imsemmija qorti hija obbligata tinterpreta dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u tal-għan ta’ din id-direttiva u, għal dan il-għan, li tevalwa b’mod partikolari jekk, fid-dawl tal-importanza kardinali li l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-attivi bażi ta’ kuntratt unit-linked għandhiex fl-għażla informata tal-konsumatur tal-prodott ta’ assigurazzjoni li huwa l-iktar konvenjenti għall-bżonnijiet tiegħu u, għaldaqstant, fil-formazzjoni tar-rieda tagħha li taderixxi ma’ dan il-kuntratt, l-eżekuzzjoni żbaljata tal-imsemmi obbligu tta’ informazzjoni tista’ tkun ivvizzjata l-kunsens tiegħu li jkun marbut mill-imsemmi kuntratt. |
126 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda fil-Kawża C‑213/20 għandha tkun li l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li jiġi kkunsidrat li l-eżekuzzjoni żbaljata tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha twassal għan-nullità jew għall-invalidità ta’ kuntratt kollettiv unit-linked jew tad-dikjarazzjoni tal-adeżjoni tiegħu u b’hekk jagħti lill-konsumatur li aderixxa għal dan il-kuntratt id-dritt għar-rimbors tal-premiums ta’ assigurazzjoni mħallsa, sakemm il-modalitajiet proċedurali previsti mid-dritt nazzjonali għal eżerċizzju tad-dritt li jiġi invokat dan l-obbligu ta’ informazzjoni ma humiex ta’ natura li jpoġġu fid-dubju l-effettività ta’ dan id-dritt billi jiddisswadixxi l-konsumatur li jeżerċitah. |
Fuq ir-raba’ sas-sitt domanda magħmula fil-Kawża C‑143/20
127 |
Permezz tar-raba’ sas-sitt domandi tagħha fil-Kawża C‑143/20, il-qorti tar-rinviju tfittex essenzjalment, li ssir taf jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ommissjoni li tikkomunika lill-konsumatur li jaderixxi ma’ kuntratt kollettiv unit-linked l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha. |
128 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, qabel kollox, jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2005/29, din tapplika għall-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi, kif iddefiniti fl-Artikolu 5 tagħha, qabel, matul u wara tranżazzjoni kummerċjali fir-rigward ta’ prodott. |
129 |
F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, l-ewwel, il-kunċett ta’ “prattiċi kummerċjali” huwa ddefinit, fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, permezz ta’ formulazzjoni partikolarment wiesgħa, fejn il-prattiki hekk previsti għandhom ikunu, minn naħa, ta’ natura kummerċjali, jiġifieri ġejjin minn kummerċjanti, u, min-naħa l-oħra, b’rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista tal-prodotti tagħhom lill-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Dyson, C‑632/16, EU:C:2018:599, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). It-tieni, il-kliem “konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni, ikopri kull miżura meħuda b’mod partikolari fir-rigward tal-konklużjoni ta’ kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Gelvora, C‑357/16, EU:C:2017:573, punt 21). Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ “prodott”, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva, ikopri kull oġġett jew servizz, u barra minn hekk l-ebda settur ta’ attività ma huwa eskluż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs, C‑59/12, EU:C:2013:634, punt 29). It-tielet, mill-Artikolu 2(b) tal-istess direttiva jirriżulta li l-kunċett ta’ “kummerċjant” ikopri “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika”, peress li teżerċita attività bi ħlas u sakemm il-prattika kummerċjali taqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet li hija twettaq b’mod professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kamenova, C‑105/17, EU:C:2018:808, punti 30 u 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), inkluż meta din il-prattika tintuża minn impriża oħra, li taġixxi f’isem din il-persuna (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS (C‑391/12, EU:C:2013:669, punt 38). |
130 |
F’dan il-każ, minn naħa, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 86 sa 91 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 qabel l-adeżjoni ta’ konsumatur f’kuntratt kollettiv unit-linked toriġina mill-impriża ta’ assigurazzjoni u mill-impriża detentriċi ta’ polza li taġixxi bħala intermedjarju tal-assigurazzjoni u taqa’ fil-kuntest tal-attivitajiet imwettqa minn dawn l-impriżi b’mod professjonali. Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punti 80 u 81 ta’ din is-sentenza, din il-komunikazzjoni hija marbuta direttament mal-konklużjoni, mill-imsemmi konsumatur, ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2002/83. L-imsemmija komunikazzjoni tikkostitwixxi, għaldaqstant, “prattika kummerċjali”, fis-sens tad-Direttiva 2005/29. |
131 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29 jirriżulta li prattika kummerċjali titqies bħala qarrieqa u tikkostitwixxi għalhekk prattika kummerċjali żleali, fis-sens tal-Artikolu 5(4) tagħha, jekk, ikkunsidrata fil-kuntest fattwali tagħha u fid-dawl tal-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha kif ukoll tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni użat, jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa, din il-prattika għandha tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, fid-dawl tal-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija prattika kummerċjali għandha twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra. |
132 |
Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, sakemm it-tieni kundizzjoni msemmija fil-punt preċedenti tiġi ssodisfatta, prattika kummerċjali titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi tali tagħrif importanti jew jipprovdiha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtha. |
133 |
Issa, minn naħa, minn qari flimkien tal-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29 u tal-Anness II tagħha jirriżulta li kemm l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 kif ukoll dik imsemmija fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2002/92 jikkostitwixxu informazzjoni importanti, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29. |
134 |
Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-importanza kardinali li għandha l-komunikazzjoni tal-informazzjoni ċara, preċiża u komprensibbli dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-attivi bażi ta’ kuntratt kollettiv unit-linked sabiex il-konsumatur li biħsiebu jaderixxi għalih jagħmel, b’għarfien sħiħ tal-fatti, għażla informata tal-prodott ta’ assigurazzjoni li l-iktar jaqbel mal-bżonnijiet tiegħu, enfasizzat fil-punti 96 sa 101 ta’ din is-sentenza, u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit imsemmi fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, jidher li jagħti protezzjoni lill-konsumaturi fil-każ li l-prodotti kumplessi jinkludu livell ta’ riskju għoli għalihom, bħal ċerti prodotti marbutin għal servizzi finanzjarji, l-ommissjoni li tiġi kkomunikata din l-informazzjoni, il-ħabi tagħha, il-komunikazzjoni tagħha b’mod mhux ċar, mhux intelliġibbli, ambigwu jew mhux f’waqtha tidher bħala li tista’ twassl lill-imsemmi konsumaturi biex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu altrimenti. |
135 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-evalwazzjoni li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq f’dan ir-rigward, l-ommissjoni li tikkomunika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha, tidher li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ommissjoni qarrieqa”, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29. |
136 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-klawżola ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva ma tistax tapplika għar-regoli fil-qasam tal-informazzjoni prekuntrattwali previsti fl-Artikolu 36(1) u fit-Taqsima A tal-Anness III tad-Direttiva 2002/83. |
137 |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kunflitt bħal dak imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 jeżisti biss meta dispożizzjonijiet estranji għal din tal-aħħar li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali jimponu fuq il-kummerċjanti, mingħajr ebda marġni ta’ manuvra, obbligi inkompatibbli ma’ dawk stabbiliti mid-Direttiva 2005/29 (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia, C‑54/17 u C‑55/17, EU:C:2018:710, punt 61). |
138 |
Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li d-Direttiva 2002/83 ma tirregolax il-konsegwenzi legali tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew tal-eżekuzzjoni inkorretta tal-obbligu ta’ informazzjoni prekuntrattwali msemmi fl-Artikolu 36(1) tagħha, ma jeżisti ebda kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dawk tad-Direttiva 2005/29, peress li dawn huma, għaldaqstant, komplementari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punti 78 u 82). |
139 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ sas-sitt domandi fil-Kawża C‑143/20 għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-ommissjoni li jikkomunika lill-konsumatur li jaderixxi ma’ kuntratt kollettiv unit-linked l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83, moqri flimkien mal-punt a.12 tat-Taqsima A tal-Anness III tagħha. |
Fuq l-ispejjeż
140 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.