Kawża C‑132/20

DM,
EN
u
BN

vs

Getin Noble Bank S.A

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mis-Sąd Najwyższy)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad‑29 ta’ Marzu 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Artikolu 267 TFUE – Kunċett ta’ ‘qorti’ – Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Stat tad-dritt – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin – Qorti stabbilita minn qabel bil-liġi – Korp ġudizzjarju li membru tiegħu nħatar għall-ewwel darba għal kariga ta’ mħallef minn korp politiku tal-poter eżekuttiv ta’ reġim mhux demokratiku – Mod ta’ funzjonament tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja) – Il-liġi li abbażi tagħha ġie kompost dan il-Kunsill tmur kontra l-Kostituzzjoni – Possibbiltà li dan il-korp jiġi kklassifikat bħala qorti imparzjali u indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni”

  1. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Talba li toriġina minn qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE – Preżunzjoni ta’ ammissibbiltà indipendentement mill-kompożizzjoni konkreta ta’ dik il-qorti – Limiti

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Artikolu 267 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 69, 72, 74, 75)

  2. Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ kawża li teħtieġ li tiġi deċiża domanda preliminari marbuta ma’ fatti preċedenti għall-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni Ewropea – Domanda preliminari b’rabta ma’ sitwazzjoni li tkompli tipproduċi effetti wara din l-adeżjoni – Inklużjoni

    (Artikolu 267 TFUE)

    (ara l-punti 86, 87)

  3. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Portata

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 47 u 51(1))

    (ara l-punti 89 sa 91, 93)

  4. Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Dritt għal qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi – Portata

    (Artikolu 2 TUE)

    (ara l-punti 94 sa 96, 118, 119, 121, 122)

  5. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Tilwima rigward l-użu minn klawżoli inġusti f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur – Verifika, mill-qorti nazzjonali adita b’appell, tan-natura regolari tal-kulleġġ ġudikanti li eżamina t-tilwima – Imħallfin maħtura għal tali kariga mill-korpi ta’ reġim mhux demokratiku fil-poter fl-Istat Membru kkonċernat qabel l-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea u miżmuma fil-kariga tagħhom wara t-tmiem ta’ dan ir-reġim – Impatt taċ-ċirkustanzi qabel l-adeżjoni fuq l-indipendenza tagħhom u fuq l-imparzjalità tagħhom – Assenza – Kundizzjoni

    (Artikolu 2, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 49 TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 7(1)u (2))

    (ara l-punti 67, 100 sa 108 u d-dispożittiv 1)

  6. Stati Membri – Obbligi – Stabbiliment tar-rimedji neċessarji sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Tilwima rigward l-użu minn klawżoli inġusti f’kuntratt konkluż mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur – Verifika, mill-qorti nazzjonali adita b’appell, tan-natura regolari tal-kulleġġ ġudikanti li eżamina t-tilwima – Imħallfin maħtura għal tali kariga wara l-għażla tagħhom minn korp ta’ Stat Membru kompost abbażi ta’ leġiżlazzjoni li sussegwentement ġiet iddikjarata li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew kompost b’mod regolari iżda wara proċedura li ma kinitx trasparenti – Assenza ta’ impatt ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fuq l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija mħallfin – Kundizzjoni

    (it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Direttiva tal-Kunsill 93/13, Artikolu 7(1) u (2))

    (ara l-punti 113, 114, 123 sa 132, u d-dispożittiv 2)

Sunt

Fl‑2017, fil-Polonja, diversi konsumaturi kienu adixxew lill-qorti reġjonali kompetenti b’rikors li jirrigwarda n-natura allegatament inġusta ta’ klawżola li tinsab fil-kuntratt ta’ kreditu li huma kienu kkonkludew ma’ Getin Noble Bank, istituzzjoni bankarja. Peress li ma kisbu sodisfazzjon sħiħ la fl-ewwel istanza u lanqas fl-appell, ir-rikorrenti ppreżentaw appell quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), il-qorti tar-rinviju.

Sabiex teżamina l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat quddiemha, dik il-qorti hija obbligata, skont id-dritt nazzjonali, li tivverifika n-natura regolari tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata. F’dan il-kuntest, sedenti b’kulleġġ ġudikanti b’imħallef uniku, hija tistaqsi dwar il-konformità, mad-dritt tal-Unjoni, tal-kompożizzjoni tal-qorti tal-appell. Fil-fehma tagħha, l-indipendenza u l-imparzjalità tat-tliet imħallfin ta’ appell jistgħu jitqiegħdu f’dubju minħabba ċ-ċirkustanzi li fihom huma nħatru għall-karigi ta’ mħallef.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi, minn naħa, għall-fatt li l-ewwel ħatra ta’ wieħed mill-imħallfin (FO) għal tali kariga kienet tirriżulta minn deċiżjoni adottata minn korp tar-reġim mhux demokratiku li kien fil-poter fil-Polonja qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea u li huwa nżamm f’din il-kariga wara t-tmiem ta’ dan ir-reġim, mingħajr ma ħa l-ġurament mill-ġdid u billi bbenefika mill-anzjanità miksuba meta dan ir-reġim kien fil-poter ( 1 ). Min-naħa l-oħra, l-imħallfin ikkonċernati allegatament inħatru fil-qorti tal-appell fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”), wieħed minnhom, fl‑1998, meta r-riżoluzzjonijiet ta’ dan il-korp la kienu mmotivati u lanqas setgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja, it-tnejn l-oħra, fl‑2012 u fl‑2015, fi żmien li fih, skont it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja), il-KRS ma kienx jiffunzjona b’mod trasparenti u li fih il-kompożizzjoni tiegħu kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Permezz tas-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, essenzjalment, li l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ( 2 ) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-irregolaritajiet invokati mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-imħallfin tal-appell inkwistjoni ma humiex minnhom infushom tali li jqajmu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità ta’ dawn l-imħallfin, u lanqas, għaldaqstant, li jqiegħdu f’dubju l-kwalità ta’ qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, tal-kulleġġ ġudikanti li fih huma sedenti.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Preliminarjament, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tgħid li l-imħallef uniku tal-Qorti Suprema Pollakka, mitlub sabiex jeżamina l-ammissibbiltà tal-appell ippreżentat quddiem dik il-qorti, ma kienx awtorizzat jagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tad-difetti li jivvizzjaw il-ħatra proprja tiegħu, li allegatament iqiegħdu f’dubju l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu. Fil-fatt, sakemm rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun sar minn qorti nazzjonali, għandu jiġi preżunt li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkostitwixxi “qorti” fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Tali preżunzjoni tista’ madankollu tiġi kkonfutata meta deċiżjoni ġudizzjarja definittiva mogħtija minn qorti nazzjonali jew internazzjonali twassal sabiex jitqies li l-imħallef li jikkostitwixxi l-qorti tar-rinviju ma għandux il-kwalità ta’ qorti indipendenti, imparzjali u stabbilita bil-liġi. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex informazzjoni li tippermetti li tiġi kkonfutata tali preżunzjoni, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija għalhekk ammissibbli.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja teżamina ż-żewġ partijiet tad-domandi magħmula.

Permezz tal-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta jipprekludux li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali kulleġġ ġudikanti ta’ qorti nazzjonali li fih huwa sedenti mħallef li, bħal FO, beda l-karriera tiegħu taħt ir-reġim Komunist u li nżamm fil-kariga tiegħu wara t-tmiem ta’ dan ir-reġim.

F’dan ir-rigward, wara li ddikjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni ( 3 ), il-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika li, għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, dawn għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw l-obbligi li jirriżultaw għalihom mid-dritt tal-Unjoni, inkluż dak li jiżguraw l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

Fir-rigward tal-effett fuq l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef taċ-ċirkustanzi qabel l-adeżjoni, invokati mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ mħallfin bħal FO, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fil-mument tal-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni Ewropea, ġie kkunsidrat li, bħala prinċipju, is-sistema ġudizzjarja tagħha kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni konkreta li turi kif il-kundizzjonijiet tal-ewwel ħatra ta’ FO jistgħu jippermettu li fil-preżent tiġi eżerċitata influwenza indebita fuqu. Għalhekk, iċ-ċirkustanzi marbuta mal-ewwel ħatra tiegħu ma jistgħux minnhom infushom jitqiesu li huma tali li jqajmu dubji leġittimi u serji, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dwar l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef, waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji sussegwenti tiegħu.

Permezz tat-tieni parti tagħhom, id-domandi magħmula huma intiżi sabiex isir magħruf jekk, essenzjalment, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Direttiva93/13 jipprekludux li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi, kulleġġ ġudikanti ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor li fih huwa sedenti mħallef li l-ewwel ħatra tiegħu għal kariga ta’ mħallef jew il-ħatra sussegwenti tiegħu f’qorti superjuri tkun seħħet jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost abbażi ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi li sussegwentement ġew iddikjarati li jmorru kontra l-Kostituzzjoni mill-qorti kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru (iktar ’il quddiem l-“ewwel ċirkustanza inkwistjoni”) jew wara l-għażla tiegħu bħala kandidat għall-kariga ta’ mħallef minn korp kompost b’mod regolari iżda wara proċedura li la kienet trasparenti, la pubblika u lanqas waħda li tista’ tkun is-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja (iktar ’il quddiem it-“tieni ċirkustanza inkwistjoni”).

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li mhux kull żball li jista’ jseħħ matul il-proċedura ta’ ħatra ta’ mħallef huwa tali li jqajjem dubju rigward l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ dan l-imħallef.

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel ċirkustanza inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-Qorti Kostituzzjonali ma ddeċidietx dwar l-indipendenza tal-KRS meta hija ddikjarat li l-kompożizzjoni ta’ dan il-korp, kif kienet teżisti fiż-żmien tal-ħatra taż-żewġ imħallfin minbarra FO fil-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata quddiem il-qorti tar-rinviju, kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni. Din id-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kostituzzjonalità ma tistax għalhekk, waħedha, twassal sabiex titqiegħed f’dubju l-indipendenza ta’ dan il-korp, u lanqas sabiex toħloq, f’moħħ il-partijiet f’kawża, dubji dwar l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin minn elementi esterni. Barra minn hekk, l-ebda element konkret tali li jissostanzja l-eżistenza ta’ tali dubji ma tressaq mill-qorti tar-rinviju f’dan is-sens.

L-istess konklużjoni tapplika fir-rigward tas-sitwazzjoni tat-tieni ċirkustanza inkwistjoni. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-KRS, hekk kif kien kompost wara t-tmiem tar-reġim mhux demokratiku Pollakk, ma kienx indipendenti mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv.

F’dan l-isfond, dawn iż-żewġ ċirkustanzi ma humiex tali li jistabbilixxu ksur tar-regoli fundamentali applikabbli fil-qasam tal-ħatra tal-imħallfin. Għalhekk, peress li l-irregolaritajiet invokati ma joħolqux riskju reali li l-poter eżekuttiv jista’ jeżerċita setgħa diskrezzjonali indebita li tipperikola l-integrità tar-riżultat li jwassal għalih il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li jiġi kklassifikat bħala qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita bil-liġi, kulleġġ ġudikanti li fih ikunu sedenti l-imħallfin ikkonċernati.


( 1 ) Iktar ’il quddiem, ser isir riferiment għalihom bħala “ċirkustanzi qabel l-adeżjoni”.

( 2 ) Prinċipju li jsir riferiment għalih mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, u li huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288). Din tal-aħħar tafferma mill-ġdid, fl-Artikolu 7(1) u (2) tagħha, id-dritt għal rimedju effettiv li minnu jibbenefikaw il-konsumaturi li jqisu lilhom infushom leżi mill-imsemmija klawżoli.

( 3 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni biss f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt fi Stat Membru ġdid mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni. F’dan il-każ, minkejja li tirrigwarda ċirkustanzi qabel l-adeżjoni tal-Polonja mal-Unjoni, id-domanda magħmula għandha bħala suġġett sitwazzjoni li ma pproduċietx l-effetti kollha tagħha qabel din id-data għaliex FO, maħtur imħallef qabel l-adeżjoni, huwa fil-preżent imħallef u jeżerċita funzjonijiet li jikkorrispondu għal dan l-istatus.