SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

25 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2010/18/UE – Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave parentali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti tad-dritt għal leave parentali għal kundizzjoni ta’ okkupazzjoni ta’ impjieg u għall-affiljazzjoni obbligatorja f’din il-kwalità tal-ħaddiem fl-iskema ta’ sigurtà soċjali kkonċernata fid-data tat-twelid tal-wild”

Fil-Kawża C‑129/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

XI

vs

Caisse pour l’avenir des enfants

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, A. Prechal (Relatriċi), President tat-Tielet Awla, u F. Biltgen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

pour XI, minn Y. Kasel, avocat,

għall-Caisse pour l’avenir des enfants, minn A. Rodesch u R. Jazbinsek, avocats,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Szmytkowska u C. Valero, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-Klawżola 2.3(b) tal-Ftehim Qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali], konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE, tat-3 ta’ Ġunju 1996, dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 285), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/75/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 3, p. 263, iktar 'il quddiem id-“Direttiva 96/34”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn XI u l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tat-Tfal), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li tagħti lil XI id-dritt għal leave parentali sabiex jieħu ħsieb it-tewmin tagħha għar-raġuni li hija ma kinitx tokkupa impjieg bi ħlas fil-jum tat-twelid tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 96/34

3

Id-Direttiva 96/34 kienet intiża sabiex timplementa l-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali konkluż mill-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE), iċ-Ċentru Ewropew tal-Intrapriżi Pubbliċi (CEEP) u l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC).

4

Il-Klawżola 1 tal-imsemmi Ftehim Qafas, intitolata “L-Iskop u l-kamp ta’ l-applikazzjoni”, kienet tipprevedi:

“1. Dan il-ftehim jistabilixxi ħtiġiet minimi intiżi biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbilitajiet professjonali u tal-familja għall-ġenituri li jaħdmu.

2. Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, rgiel u nisa, li għandhom kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mill-liġi, ftehim kollettiv jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

5

Il-Klawżola 2 tal-istess Ftehim Qafas, intitolata “Il-Leave [parentali]”, kienet ifformulata kif ġej:

“1. Dan il-ftehim jagħti, b’riżerva tal-klawsola 2.2, lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa, id-dritt individwali għall-leave [parentali] għar-raġuni tat-twelid jew ta’ l-adozzjoni biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild, għall-anqas għal tliet xhur, sa’ l-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

[...]

3. Il-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave [parentali] għandhom ikunu definiti mill-liġi u /jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm il-ħtiġiet minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, b’mod partikolari:

[…]

b)

jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għall-leave tal-ġenituri għal perijodu ta’ xogħol u /jew ta’ anzjanità fix-xogħol li ma jistax ikun iktar minn sena

[…]”

Id-Direttiva 2010/18/UE

6

Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave [parentali] konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE (ĠU 2010, L 68, p. 13).

“L-Artikolu 153 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-“TFUE”) jippermetti lill-Unjoni li tappoġġja u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri, fost l-oħrajn fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward tal-oppportunitajiet fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol.”

7

L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri meħtieġa permezz ta’ ftehim sa mhux aktar tard mit-8 ta’ Marzu 2012. […]”

8

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-Direttiva 96/34/KE għandha titħassar b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012. […]”

9

Il-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali (rivedut) tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jinsab fl-anness tad-Direttiva 2010/18 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Qafas rivedut”) jipprovdi fil-punt I.8 tiegħu:

“Billi l-politika favur il-familja għandha tikkontribwixxi għall-kisba ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u tkun ikkunsidrata fid-dawl tat-tibdil demografiku, l-effetti ta’ popolazzjoni b’età medja li qed tikber, filwaqt li titnaqqas id-differenza bejn is-sessi, ikun hemm promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa fix-xogħol u l-qsim tar-responsabbiltajiet tal-ħarsien bejn l-irġiel u n-nisa;”

10

Il-Klawżola 1 tal-Ftehim Qafas rivedut, intitolata (“Għan u kamp ta’ applikazzjoni”) tipprovdi:

“1. Dan il-ftehim jistabbilixxi rekwiżiti minimi mfassla biex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali għall-ġenituri li jaħdmu, b’konsiderazzjoni għaż-żieda fid-diversità ta’ strutturi familjari filwaqt li jiġu rrispettati l-liġi, il-ftehim kollettiv u/jew il-prattika nazzjonali.

2. Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha, irġiel u nisa, li għandhom kuntratt ta' mpjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif definit mil-liġi, ftehim kollettiv u/jew prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru.”

11

Il-Klawżola 2 ta’ dan il-Ftehim Qafas, intitolata “Leave [parentali]”, tipprovdi li:

“1. Dan il-ftehim jagħti lill-ħaddiema rġiel u dawk nisa d-dritt individwali għal leave [parentali] għar-raġuni ta’ twelid jew adozzjoni ta’ wild biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb il-wild sal-età li tista’ tkun ta’ tmien snin li għandha tiġi definita mill-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali.

2. Il-leave għandu jingħata għal perijodu ta’ mill-anqas erba’ xhur u, għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali bejn irġiel u nisa, għandu, fil-prinċipju, jingħata fuq bażi mhux trasferibbli. Biex ikun inkoraġġut teħid aktar ugwali bejn iż-żewġ ġenituri, tal-anqas wieħed mill-erba’ xhur għandu jkun provdut fuq bażi mhux trasferibbli. […]”

12

Il-Klawżola 3 tal-Ftehim Qafas rivedut, intitolata “Modalitajiet tal-applikazzjoni”, hija redatta kif ġej:

“1. Il-kondizzjonijiet tal-aċċess u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-leave [parentali] għandhom ikunu definiti mil-liġi u/jew bi ftehim kollettiv fl-Istati Membri, sakemm ir-rekwiżiti minimi ta’ dan il-ftehim ikunu mħarsa. L-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali jistgħu, b’mod partikolari:

[…]

(b)

jissoġġettaw il-kwalifikazzjoni għal-leave tal-ġenituri għal perijodu ta’ xogħol u/jew ta’ servizz fix-xogħol li ma jistax ikun ta’ aktar minn sena. l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali għandhom jiżguraw, meta jużaw din id-dispożizzjoni, li fil-każ ta’ kuntratti suċċessivi għal żmien fiss, kif definit fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE [tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP] dwar xogħol għal terminu fiss [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 268], mal-istess entità li tħaddem għandu jkun ikkunsidrat it-total ta’ dawn il-kuntratti għall-fini tal-kalkolu tal-perijodu ta’ kwalifika;

[…]”

13

Il-Klawżola 8.4 tal-Ftehim Qafas tipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regoli u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mad-deċiżjoni tal-Kunsill [li tirrendi obbligatorji d-didpożizzjonijiet tal-Ftehim Qafas rivedut] f’perijodu ta’ sentejn mill-adozzjoni tagħha jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu l-miżuri meħtieġa permezz ta’ ftehim sa tmiem dan il-perijodu. […]”

Id-dritt Lussemburgiż

14

Id-Direttiva 96/34 ġiet trasposta fid-dritt Lussemburgiż bil-liġi tat‑12 ta’ Frar 1999 dwar l-implementazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali favur l-impjieg (Mémorial A 1999, p. 190). Din il-liġi b’mod partikolari daħħlet fil-liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979 li tistabbilixxi r-Regolamenti ġenerali tal-uffiċjali tal-Istat (Mémorial A 1979, p. 622, iktar ’il quddiem il-“Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979”), Artikolu 29a dwar il-leave parentali. Il-kodiċi ċivili, fil-verżjoni tiegħu applikabbli fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Qiegħed jiġi stabbilit leave speċjali magħruf bħala ‘leave parentali’, mogħti minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild wieħed jew iktar li jingħataw allowances tal-familja u li jissodisfaw fir-rigward tal-persuna li skontha għandha d-dritt għal leave parentali l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2(2) u (3) tal-liġi emendata tad-19 ta’ Ġunju 1985 rigward l-allowances tal-familja u li tistabbilixxi l-Caisse nationale des prestations familiales (il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja) [(Mémorial A 1985, p. 680)], sakemm dawn l-ulied ma jkunux għalqu ħames snin.

Il-persuni li għandhom id-dritt għal leave parentali, iktar ’il quddiem ‘il-ġenituri’, huma dawk kollha li u sakemm huma:

[...]

jaħdmu legalment fuq post tax-xogħol fit-territorju tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu fil-waqt tat-twelid jew tal-akkoljenza ta’ wieħed jew iktar mill-ulied adottati, kif ukoll mingħajr interruzzjoni matul minn tal-inqas tnax-il xahar kontinwu immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali, mal-istess amministrazzjoni pubblika jew l-istess stabbiliment pubbliku għal perijodu mensili ta’ xogħol li huwa ekwivalenti minn tal-inqas għal nofs tat-tul normali ta’ xogħol applikabbli skont il-liġi u għandhom fil-pussess tagħhom tali titolu matul il-perijodu kollu tal-leave parentali;

affiljati u b’mod obbligatorju u kontinwu ma’ wieħed minn dawn it-titoli skont l-Artikolu 1(1), (2) u (10) tal-Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Soċjali;

[…]”

15

L-Artikolu 29b tal-Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979 jipprovdi:

“Kull ġenitur, li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 29a, għandu dritt, fuq talba tiegħu, għal leave parentali ta’ sitt xhur għal kull wild. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Fil‑15 ta’ Settembru 2011, XI kkonkludiet mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu kuntratt għal żmien determinat għall-provvista ta’ servizzi ta’ persuna responsabbli għall-edukazzjoni u t-tagħlim post-primarju li skada fis-26 ta’ Jannar 2012.

17

Fis-26 ta’ Jannar 2012, wara l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, XI tneħħiet mill-affiljazzjoni mal-organi tas-sigurtà soċjali u ġiet iskritta mis-sieħeb tagħha taħt l-iskema ta’ koassigurazzjoni fil-kwalità tagħha ta’ uffiċjal tal-Istat.

18

Fl‑4 ta’ Marzu 2012, meta ma kinitx impjegata, XI weldet tewmin.

19

Fl‑14 ta’ Ġunju 2012, XI ġiet ammessa għall-benefiċċju tal-allowances tal-qgħad u minħabba f’hekk ġiet affiljata mill-ġdid ma’ korpi tas-sigurtà soċjali.

20

Wara li kkonkludiet mal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, fil‑15 ta’ Settembru 2012 u fl‑1 ta’ Awwissu 2013, żewġ kuntratti għal żmien determinat għall-provvista ta’ servizzi ta’ persuna responsabbli għall-edukazzjoni u t-tagħlim post-primarju, XI iffirmat, fil‑15 ta’ Settembru 2014, kuntratt għal żmien mhux determinat ma’ dan l-Istat Membru għall-istess attivitajiet.

21

Fil‑11 ta’ Marzu 2015, XI ressqet talba intiża sabiex tibbenefika minn leave parentali fil-bidu mixtieq fil‑15 ta’ Settembru 2015.

22

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2015, din it-talba ġiet miċħuda mill-President tal-Caisse nationale des prestations familiales (il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja), li llum jissejjah il-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tat-Tfal), skont l-Artikolu 29a tal-Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979 li jissuġġetta l-għoti ta’ leave parentali għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun impjegat legalment fuq il-post tax-xogħol u jkun affiljat għal dan il-għan mal-iskema ta’ sigurtà soċjali kkonċernata fil-mument tat-twelid tal-wild, kundizzjoni li ma kinitx issodisfatta minn XI.

23

XI kkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tat-Tmexxija tal-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja minħabba li l-Artikolu 29a tal-Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979 ma kienx konformi mal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali li jinsab fl-anness tad-Direttiva 96/34.

24

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2015, il-Bord tat-Tmexxija tal-Caisse nationale des prestations familiales (il-Fond Nazzjonali għall-Benefiċċji tal-Familja) ikkonferma d-deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2015 essenzjalment peress li XI ma kinitx impjegata legalment fuq post tax-xogħol u affiljata għal dan l-għan mal-iskema ta’ sigurtà soċjali kkonċernata fil-mument tat-twelid ta’ wliedha, hija ma kellhiex id-dritt li tibbenefika minn leave parentali.

25

XI ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tad‑19 ta’ Mejju 2015 quddiem il-Conseil arbitral de la sécurité sociale (il-Kunsill tal-Arbitraġġ tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu) li, permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2017, laqa’ dan ir-rikors. Huwa kkunsidrat b’mod partikolari li l-ftehim qafas li jinsab fl-anness tad-Direttiva 96/34 kien jissuġġetta d-dritt għal leave parentali għall-kwalità ta’ ħaddiem u għat-twelid ta’ wild mingħajr madankollu ma jipprevedi l-kundizzjoni ta’ okkupazzjoni u ta’ affiljazzjoni obbligatorja f’dan ir-rigward mal-iskema ta’ sigurtà soċjali kkonċernata fil-mument tat-twelid ta’ dan il-wild u li r-rekwiżit supplimentari ta’ affiljazzjoni ma’ din is-sistema ta’ sigurtà soċjali fil-mument tat-twelid tal-wild kien b’mod partikolari inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ dan il-Ftehim Qafas ta’ perijodu ta’ xogħol jew ta’ anzjanità li ma jeċċedux sena u l-għan li tiġi ffaċilitata l-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja. Il-Fond għall-Futur tal-Ulied appella mid-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2017 quddiem il-conseil supérieur de la sécurité sociale (Luxembourg) (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali, il-Lussemburgu).

26

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2018, il-Conseil supérieur de la sécurité sociale (il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali) biddel id-deċiżjoni tas‑27 ta’ Ottubru 2017 billi kkunsidra, b’mod partikolari, li, sa fejn il-Klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas li tinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34 tintroduċi dritt individwali għal leave parentali minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild, il-benefiċċju ta’ dan il-leave kien irriżervat għall-ħaddiema li setgħu jiġġustifikaw din il-kwalità fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild li għalih intalab il-benefiċċju tal-imsemmi leave.

27

XI appellat mis-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2018 quddiem il-qorti tar-rinviju li qieset li, fid-dawl tal-motivi mqajma mill-partijiet fil-kawża prinċipali, is-soluzzjoni tal-kawża ppreżentata quddiemha kienet tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli tal-Ftehim Qafas li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34 kinux jipprekludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 29a tal-Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation du Grand-Duché de Luxembourg (Luxembourg) (il-Qorti tal-Kassazzjoni tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, Il-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-klawżoli 1.1., 1.2. u 2.1., [kif ukoll il-klawżola] 2.3.(b) tal-Ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri [leave parentali] konkluż fl-14 ta’ Diċembru 1995 bejn l-organizzazzjonijiet ta’ natura ġenerali tal-industrija UNICE, CEEP u ETUC, implimentat bid-Direttiva tal-Kunsill 96/34/KE tat-3 ta’ Ġunju 1996 dwar il-ftehim qafas dwar il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta’ ETUC għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern, bħall-Artikolu 29bis tal-loi modifiée du 16 avril 1979 fixant le statut général des fonctionnaires de l’État (il-Liġi Emendata tas-16 ta’ April 1979 li Tistabbilixxi l-Istatut Ġenerali tal-Persunal tal-Istat) fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2006 (Mémorial, A, 2006, Nru°242, p. 4838), li tissuġġetta l-għoti tal-leave parentali għall-kundizzjoni doppja li l-ħaddiem ikun impjegat legalment f’post tax-xogħol u affiljat f’dan ir-rigward mas-sigurtà soċjali, minn naħa, mingħajr interruzzjoni matul minn tal-inqas tnax-il xahar kontinwu immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali u, min-naħa l-oħra, fil-mument tat-twelid jew tal-akkoljenza tal-wild jew tal-ulied li għandhom jiġu adottati, fejn l-osservanza ta’ din it-tieni kundizzjoni hija meħtieġa anki jekk it-twelid jew l-akkoljenza jkunu seħħew iktar minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-leave parentali?”

Fuq id-domanda preliminari

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-klawżola 2.3(b) tal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li l-għoti ta’ leave parentali jkun suġġett għall-kundizzjoni doppja li l-ħaddiem ikun okkupat legalment fuq post tax-xogħol u jkun affiljat f’dan ir-rigward fl-iskema ta’ sigurtà soċjali kkonċernata, l-ewwel nett, mingħajr interruzzjoni matul perijodu ta’ mill-inqas tnax-il xahar qabel il-bidu tal-leave parentali u, fit-tieni lok, fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tat-tfal.

30

Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha (sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina preliminarjament jekk il-kawża prinċipali hijiex irregolata mid-Direttiva 96/34 jew mid-Direttiva 2010/18, li tħassar u tissostitwixxiha, kif ukoll, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domanda magħmula.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u li, għalkemm hija ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti, u suġġett għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, esklużivament jekk ir-regola l-ġdida jkollha magħha dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha. B’mod partikolari, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li ġeneralment jiġu interpretati li ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem, mill-għan u mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi assenjat lilhom (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage,C‑596/13 P, Ġabra, EU:C:2015:203, punti 3233 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, huwa stabbilit li l-kundizzjonijiet tal-għoti ta’ dritt għal leave parentali jikkostitwixxu regoli sostanzjali li għandhom japplikaw sa mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxihom. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/18, id-Direttiva 96/14 tħassret b’effett mit-8 ta’ Marzu 2012. Barra minn hekk, din id-data kienet tikkostitwixxi, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2010/18 u tal-Klawżola 8.4 tal-Ftehim Qafas rivedut, id-data li fiha l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18 u ta’ dan il-Ftehim Qafas jew, jekk ikun il-każ, jiżguraw ruħhom li l-imsieħba soċjali kienu implementaw il-miżuri neċessarji f’dan ir-rigward. Konsegwentement, u sa fejn it-talba ta’ XI li tibbenefika minn leave parentali tressqet fil‑11 ta’ Marzu 2015, bil-bidu mixtieq fil-15 ta’ Settembru 2015, din it-talba hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18. Il-fatt li t-tewmin ta’ XI twieldu fl-4 ta’ Marzu 2012 ma għandu l-ebda effet f’dan ir-rigward. Fil-fatt, f’din id-data, XI ma kinitx ressqet talba għal leave parentali skont il-Klawżola 2.3 (b) tal-Ftehim Qafas li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 96/34 kif trasposta fid-dritt Lussemburgiż bil-Liġi emendata tas‑16 ta’ April 1979.

33

Peress li d-Direttiva 2010/18 hija applikabbli għall-kawża prinċipali u peress li l-klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-klawżola 2.3(b) tal-ftehim qafas li jinsab fl-anness tad-Direttiva 96/34 jikkorrispondu essenzjalment għall-klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll għall-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas rivedut, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi rriformulata bħala li tirrigwarda, essenzjalment, l-interpretazzjoni ta’ dawn il-klawżoli tal-Ftehim Qafas rivedut.

34

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2015, Maïstrellis, C‑222/14, EU:C:2015:473, punt 30, u tat-3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et, C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-punt dwar jekk l-imsemmija klawżoli tal-Ftehim Qafas rivedut jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-okkupazzjoni mingħajr interruzzjoni mill-ġenitur ta’ impjieg matul perijodu tal-inqas ta’ tnax-il xahar immedjatament qabel il-bidu ta’ dan il-leave parentali, hemm lok li jiġi osservat li jirriżulta mill-kliem tal-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas rivedut li l-Istati Membri jistgħu jissuġġettaw l-għoti ta’ leave parentali għal perijodu ta’ xogħol minn qabel li ma jeċċedix sena. Fid-dawl tal-użu tal-kliem “perijodu ta’ xogħol” fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u tal-fatt li din tal-aħħar tipprevedi, fit-tieni sentenza tagħha, li l-kalkolu ta’ dan il-perijodu għandu jsir billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu totali tal-kuntratti suċċessivi għal żmien determinat mal-istess persuna li timpjega, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-imsemmi perijodu jkun kontinwu. Barra minn hekk, peress li talba għal leave parentali hija intiża li tikseb min-naħa tal-applikant, sospensjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2013, Hliddal u Bornand, C‑216/12 u C‑217/12, EU:C:2013:568, punt 53), l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li l-perijodu ta’ xogħol preliminari jkun seħħ immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali. Għaldaqstant, il-Klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas rivedut ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-okkupazzjoni mingħajr interruzzjoni ta’ impjieg mill-ġenitur ikkonċernat matul perijodu ta’ mill-inqas tnax-il xahar immedjatament qabel il-bidu ta’ dan il-leave parentali.

36

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-punt dwar jekk l-istess klawżoli tal-Ftehim Qafas rivedut jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-okkupazzjoni mill-ġenitur ta’ impjieg fil-mument tat-twelid tat-tfal jew tal-akkoljenza ta’ tifel jew tfal li għandhom jiġu adottati, għandu jiġi osservat li, skont il-Klawżola 2.1 ta’ dan il-Ftehim Qafas, id-dritt għal leave parentali huwa dritt individwali mogħti lill-ħaddiema, irġiel jew nisa, minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild sabiex il-ġenitur ikun jista’ jieħu ħsiebu sa meta jilħaq ċertu età li għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri, iżda li ma tistax teċċedi t-tmien snin.

37

Barra minn hekk, skont il-Klawżoli 1.1 u 1.2 tal-Ftehim Qafas rivedut, dan tal-aħħar jistabbilixxi rekwiżiti minimi intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni tar-responsabbiltajiet professjonali u tal-familja tal-ġenituri li jaħdmu u li japplikaw għall-ħaddiema kollha, raġel jew mara, li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ xogħol kif iddefinit mil-leġiżlazzjoni, ftehimiet kollettivi u/jew prassi fis-seħħ f’kull Stat Membru.

38

Barra minn hekk, kif ġie espost fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas rivedut tippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw id-dritt għal-leave parentali għal perijodu ta’ xogħol u/jew għal perijodu ta’ anzjanità li ma jistax jeċċedi sena.

39

Minn dan isegwi li t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild u l-istatus ta’ ħaddiem tal-ġenituri tiegħu huma kundizzjonijiet li jikkostitwixxu dritt għal leave parentali skont il-Ftehim Qafas rivedut.

40

Madankollu, kuntrarjament għal dak li tosserva l-Caisse pour l’avenir des enfants (il-Fond għall-Futur tat-Tfal), minn dawn il-kundizzjonijiet li jikkostitwixxu l-għoti ta’ dritt għal leave parentali ma jistax jiġi dedott li l-ġenituri tal-wild li għalih jintalab dan il-leave għandhom ikunu ħaddiema fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tiegħu.

41

Fil-fatt, il-kuntest u l-għanijiet tal-Ftehim Qafas rivedut jipprekludu tali interpretazzjoni.

42

Kif huwa stabbilit fil-premessa 1 tad-Direttiva 2010/18, din tal-aħħar taqa’ fil-kuntest tal-Artikolu 153 TFUE li jippermetti lill-Unjoni ssostni u tikkompleta l-azzjoni tal-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol u f’dak tal-istabbiliment ta’ protezzjoni soċjali adegwata għall-ħaddiema.

43

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2010/18, mill-ewwel paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim Qafas rivedut u mill-punt 3 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ dan il-Ftehim Qafas li jagħmel riferiment għall-Artikoli 23 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-imsemmi Ftehim Qafas għandu bħala għan kemm li jippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet tagħhom fis-suq tax-xogħol u t-trattament fuq ix-xogħol fl-Unjoni kollha kif ukoll li jippermetti lill-ġenituri li jaħdmu sabiex jikkonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali tagħhom, il-ħajja privata tagħhom u l-ħajja tal-familja tagħhom. Dawn l-għanijiet huma affermati mill-ġdid fil-Klawżoli 1.1 u 2.2 tal-Ftehim Qafas rivedut.

44

Fid-dawl ta’ dan il-kuntest u ta’ dawn l-għanijiet, id-dritt individwali ta’ kull ġenitur ħaddiem għal leave parentali minħabba t-twelid jew l-adozzjoni ta’ wild stabbilit fil-Klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas rivedut għandu jinftiehem bħala li jirrifletti dritt soċjali tal-Unjoni li għandu importanza partikolari, li, barra minn hekk, ġie sanċit fl-Artikolu 33(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Minn dan isegwi li dan id-dritt ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Lyreco Belgium, C‑588/12, EU:C:2014:99, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

B’hekk, ġie deċiż li, minkejja l-fatt li t-twelid huwa kundizzjoni kostituttiva tad-dritt għal leave parentali, dan id-dritt ma huwiex marbut mad-data tat-twelid tal-wild, b’tali mod li ma huwiex meħtieġ li dan it-twelid ikun seħħ wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 96/34 fi Stat Membru sabiex il-ġenituri ta’ dan il-wild ikunu jistgħu jibbenefikaw minn dritt għal-leave parentali skont din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑519/03, EU:C:2005:234, punt 47, u tas‑16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C‑149/10, EU:C:2010:534, punt 50).

46

L-esklużjoni tal-ġenituri li ma jaħdmux fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild tagħhom twassal sabiex tillimita d-dritt ta’ dawn il-ġenituri mill-possibbiltà li jieħdu leave parentali f’mument ulterjuri fil-ħajja tagħhom fejn huma jeżerċitaw mill-ġdid impjieg u jkollhom bżonnu sabiex jirrikonċiljaw ir-responsabbiltajiet familjari u professjonali tagħhom. Tali esklużjoni għalhekk tmur kontra d-dritt individwali ta’ kull ħaddiem li jkollu leave parentali.

47

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjoni doppja imposta mil-leġiżlazzjoni Lussemburgiża, li teżiġi li l-ħaddiem ikun impjegat fuq post tax-xogħol u msieħeb għal dan il-għan mhux biss għal mill-inqas tnax-il xahar kontinwu qabel il-bidu tal-leave parentali, iżda wkoll fil-mument tat-twelid jew tal-akkoljenza tal-wild jew tal-ulied, twassal, fir-realtà, meta t-twelid jew l-akkoljenza seħħew iktar minn tnax-il xahar qabel il-bidu tal-leave parentali, li jtawlu l-kundizzjoni relatata mal-perijodu ta’ xogħol u/jew mal-perijodu ta’ anzjanità li, skont il-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas dwar il-leave parentali, ma għandux madankollu jeċċedi sena.

48

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet tal-Ftehim Qafas rivedut li tfakkru fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-Klawżola 3.1(b) ta’ dan il-Ftehim Qafas ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li Stat Membru jista’ jissuġġetta d-dritt għal leave parentali ta’ ġenitur għall-kundizzjoni li dan jaħdem fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild tiegħu.

49

Tali interpretazzjoni ma tikkostitwixxix, kuntrarjament għal dak li l-Fond għall-Futur tal-ulied josserva, diskriminazzjoni bejn il-ġenituri li ma għandhomx impjieg u l-ġenituri li jaħdmu fil-mument tat-twelid tal-wild tagħhom, minħabba li tal-ewwel jistgħu jorganizzaw ruħhom sabiex jieħdu ħsieb il-wild tagħhom filwaqt li tat-tieni ma jkunux jistgħu jieħdu ħsiebhom fil-mument tat-twelid mingħajr ma jibbenefikaw minn leave parentali.

50

Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ommijiet jibbenefikaw minn leave tal-maternità fil-mument tat-twelid tal-wild tagħhom, l-għoti ta’ leave parentali ma għandux l-għan li jippermetti lil ġenitur jieħu ħsieb il-wild tiegħu biss fil-mument tat-twelid tiegħu u ftit żmien warajh, iżda wkoll, iktar tard, matul it-tfulija tiegħu li jista’ jestendi, skont il-Klawżola 2.1 tal-Ftehim Qafas rivedut, sal-età ta’ tmien snin. Minn dan isegwi li l-possibbiltà li jorganizza ruħu sabiex jieħu ħsieb il-wild tiegħu li ġenitur ikollu fil-mument tat-twelid tiegħu ma hijiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dritt għal leave parentali u li ma tista’ tiġi invokata l-ebda diskriminazzjoni b’mod leġittimu fuq din il-bażi.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas rivedut għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-okkupazzjoni mingħajr interruzzjoni mill-ġenitur ikkonċernat ta’ impjieg matul perijodu ta’ mill-inqas tnax-il xahar immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali. Għall-kuntrarju, dawn il-klawżoli jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-istatus ta’ ħaddiem tal-ġenitur fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-Klawżoli 1.1, 1.2 u 2.1 kif ukoll il-Klawżola 3.1(b) tal-Ftehim Qafas fuq il-leave parentali (rivedut) tat-18 ta’ Ġunju 2009 li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat‑8 ta’ Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave [parentali] konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li jħassar id-Direttiva 96/34/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-okkupazzjoni mingħajr interruzzjoni mill-ġenitur ikkonċernat ta’ impjieg matul perijodu ta’ mill-inqas tnax-il xahar immedjatament qabel il-bidu tal-leave parentali. Għall-kuntrarju, dawn il-klawżoli jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta’ dritt għal leave parentali għall-istatus ta’ ħaddiem tal-ġenitur fil-mument tat-twelid jew tal-adozzjoni tal-wild tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-proċedura: il-Franċiż.