SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il‑Ħames Awla)

8 ta’ Lulju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport ferrovjarju – Allokazzjoni tal‑kapaċità ta’ infrastruttura ferrovjarja u tarifikazzjoni għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja – Direttiva 2001/14/KE – Artikolu 4(5) – Tarifikazzjoni – Artikolu 30 – Korp regolatorju nazzjonali inkarigat milli jiżgura l-konformità tat‑tariffi għall-użu tal-infrastruttura ma’ din id-direttiva – Kuntratt ta’ użu ta’ infrastruttura konkluż bejn l-amministratur tal-infrastruttura u impriża ferrovjarja – Traspożizzjoni inkorretta – Responsabbiltà tal-Istat – Talba għad‑danni – Riferiment minn qabel lill-korp regolatorju nazzjonali”

Fil-Kawża C‑120/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il‑Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal‑Ġustizzja fit‑3 ta’ Marzu 2020, fil-proċedura

Koleje Mazowieckie – KM Sp. z o.o.

vs

Skarb Państwa – Minister Infrastruktury i Budownictwa obecnie Minister Infrastruktury i Prezes Urzędu Transportu Kolejowego,

PKP Polskie Linie Kolejowe S.A.,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Praw Obywatelskich (RPO),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász (Relatur), C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Koleje Mazowieckie – KM sp. z o.o., minn P. Duda, adwokat,

għall-iSkarb Państwa – Minister Infrastruktury i Budownictwa obecnie Minister Infrastruktury i Prezes Urzędu Transportu Kolejowego, minn P. Dobroczek,

għal PKP Polskie Linie Kolejowe S.A., minn J. Kowalczyk, adwokat, kif ukoll minn C. Wiśniewski u M. Szrajer, radcowie prawni,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, P. J. O. Van Nuffel, C. Vrignon u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(5) u tal-Artikolu 30(1) sa (3), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU 2007, L 315, p. 44) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Koleje Mazowieckie – KM sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “KM”) u, min-naħa l-oħra, l-iSkarb Państwa – Minister Infrastruktury i Budownictwa obecnie Minister Infrastruktury i Prezes Urzędu Transportu Kolejowego (it-Teżor Pubbliku, irrappreżentat mill-Ministru għall-Infrastruttura u għall-Kostruzzjoni, issa l-Ministru għall-Infrastruttura, President tal-Uffiċċju tat-Trasport Ferrovjarju, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“UTK”) kif ukoll PKP Polskie Linie Kojolewe S.A. (iktar ’il quddiem “PKP PLK”), dwar talba għad-danni mressqa minn KM minħabba traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Il-premessi 11, 16 u 46 tad-Direttiva 2001/14 jipprevedu:

“(11)

Il-piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom jippermettu aċċess ugwali u non‑diskriminatorju għall-impriżi kollha u jippruvaw safejn possibbli jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ l-utenti kollha u t-tipi ta’ traffiku b’mod ġust u non‑diskriminatorju.

[…]

(16)

Piżijiet u skemi ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jippermettu kompetizzjoni ġusta fid-dispożizzjoni ta’ servizzi tal-ferroviji.

[…]

(46)

L-amministrazzjoni effiċjenti u ġusta u l-użu non‑diskriminatorju ta’ l-infrastruttura tal-ferroviji jeħtieġu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju li jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli Komunitarji u jaġixxi bħala korp ta’ appell, minkejja l-possibbiltà ta’ rivista [stħarriġ] ġudizzjarja.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Id-Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-iskop ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘applikant’ tfisser impriża tal-ferroviji bil-liċenzja u/jew iggruppar internazzjonali ta’ impriżi tal-ferroviji u, fl-Istati Membri li jipprovdu għal din il-possibbiltà, persuni u/jew entitajiet legali oħrajn b’servizz pubbliku jew interess kummerċjali fil-prokura tal-kapaċità infrastrutturali, bħal awtoritajiet pubbliċi taħt ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 [tas‑26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19),] u shippers, forwarders tal-merkanzija u operaturi tat-trasport ikkumbinat, għall-operazzjoni ta’ servizz tal-ferrovija fit-territorji rispettivi tagħhom;

[…]

(f)

‘ftehim qafas’ ifisser ftehim ġenerali li jorbot abbażi tal-liġi pubblika jew privata, li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ applikant u l-amministratur ta’ l-infrastruttura jew il-korp ta’ l-allokazzjoni fir-rigward tal-kapaċità infrastrutturali li għandha tiġi allokata u l-piżijiet li għandhom jiġu imposti tul perjodu itwal minn perjodu ta’ skeda ta’ xogħol;

[…]

(h)

‘amministratur infrastrutturali’ ifisser kull korp jew impriża responsabbli b’mod partikolari biex tiġi stabbilita u mantnuta infrastruttura tal-ferrovija. Dan jista’ jinkludi wkoll l-amministrazzjoni ta’ sistemi ta’ kontroll u sigurtà ta’ l-infrastruttura. Il-funzjonijiet ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura f’ network jew parti minn network jistgħu jiġu allokati għal korpi jew impriżi differenti;

(i)

‘network’ ifisser l-infrastruttura tal-ferroviji sħiħa fil-proprjetà ta’ u/jew amministrata minn amministratur ta’ l-infrastruttura;

[…]

(k)

‘impriża tal-ferroviji’ tfisser kull impriża pubblika jew privata, liċenzjata skond il-leġislazzjoni Komunitarja applikabbli, li n-negozju kummerċjali tagħha huwa li tipprovdi s-servizzi għat-trasport ta’ merkanzija u/jew passiġġieri bil-ferrovija bi ħtieġa li l-impriża għandha tassigura trazzjoni; dan jinkludi wkoll impriżi li jipprovdu trazzjoni biss;

(l)

‘mogħdija tal-ferrovija’ tfisser il-kapaċità infrastrutturali meħtieġa sabiex titmexxa ferrovija bejn żewġ postijiet f’terminu determinat;

[…]”

5

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2001/14, bit-titolu “Il-piżijiet infrastrutturali”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 12 ta’ din id-direttiva.

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “L-istabbiliment, id-determinazzjoni u l-ġbir ta’ piżijiet”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas tal-piżijiet waqt li jirrispettaw l-indipendenza ta’ l-amministrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/440/KEE.

Bla ħsara għall-kundizzjoni msemmija ta’ indipendenza ta’ l-amministrazzjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll jistabbilixxu regoli speċifiċi dwar il-piżijiet jew jiddelegaw dawn il-poteri għall-amministratur ta’ l-infrastruttura. Id-determinazzjoni tal-piż għall-użu ta’ l-infrastruttura u l-ġbir ta’ dan il-piż għandhom jitwettqu mill-amministratur ta’ l-infrastruttura.

[…]

5.   L-amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom jassiguraw li l-applikazzjoni ta’ l-iskema tal-piżijiet tirriżulta f’piżijiet ekwivalenti non-diskriminatorji għal impriżi tal-ferroviji differenti li jwettqu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq u li l-piżijiet attwalment applikati jikkonformaw mar-regoli stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network.

[…]”

7

L-Artikolu 6 tal-istess direttiva, bit-titolu “Ir-rendikonti ta’ l-infrastruttura u ta’ l-ispejjeż”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Amministraturi ta’ l-infrastruttura għandhom, b’konsiderazzjoni xierqa għas-sigurtà u għall-manutenzjoni u t-titjib tal-kwalità tas-servizz ta’ l-infrastruttura, jingħataw inċentivi biex inaqqsu l-ispejjeż tal-fornitura ta’ l-infrastruttura u l-livell ta’ piżijiet ta’ l-aċċesss.”

8

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/14, bit-titolu “Il-prinċipji tat-tariffi”, jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu lill-amministratur ta’ l-infrastruttura li jipprovdi l-informazzjoni neċessarja dwar il-piżijiet imposti. L-amministratur ta’ l-infrastruttura għandu, f’dan ir-rigward, ikun jista’ jiġġustifika li l-piżijiet infrastrutturali ġeneralment fatturati lil kull operator, skond l-Artikoli 4 sa 12, jikkonformaw mal-metodoloġija, regoli u meta applikabbli, l-iskali stabbiliti mid-dikjarazzjoni tan-network.

3.   Bla ħsara għall-paragrafi 4 jew 5 jew għall-Artikolu 8, il-piżijiet għall-pakkett minimu ta’ l-aċċess u aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ l-ispiża direttament involuta bħala riżultat ta’ l-operazzjoni tas-servizz tal-ferrrovija.”

9

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Skonti”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 81, 82, 86 u 87 tat-Trattat u minkejja l-Artikolu 7(3) ta’ din id-Direttiva, kull skont fuq il-piżijiet imposti fuq impriża tal-ferroviji mill-amministratur ta’ l-infrastruttura għal kwalunkwe servizz, għandha tikkonforma mal-kriterji stabbiliti f’ dan l-Artikolu.

[…]

4.   L-iskonti jistgħu jirrelataw biss għal piżijiet imposti għal taqsima speċifikata ta’ l-infrastruttura..

5.   Skemi simili ta’ skonti għandhom jgħoddu għal servizzi simili.”

10

Skont l-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Korp regolatorju”:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 21(6), l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korp regolatorju. Dan il-korp, li jista’ jkun il-Ministeru responsabbli għall-affarijiet tat-trasport jew kwalunkwe korp ieħor, għandu jkun indipendenti fl-organizzazzjoni tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu dwar fondi, struttura legali u t-teħid tad-deċiżjonijiet minn kull amministratur ta’ l-infrastruttura, korp tal-piżijiet, korp jew applikant ta’ l-allokazzjoni. Barra minn hekk għandu jkun indipendenti funzjonalment minn kwalunkwe awtorità kompetenti involuta fl-għotja ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku Il-korp għandu jiffunzjona skond il-prinċipji delinjati f’dan l-Artikolu meta l-appell u l-funzjonijiet regolatorji jistgħu jiġu attribwiti għal korpi separati.

2.   Applikant għandu jkollu d-dritt li jappella lill-korp regolatorju jekk jemmen li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor, u partikolarment kontra deċiżjonijiet adottati mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew meta approprjat, l-impriża tal-ferroviji li tikkonċerna:

[…]

(d)

l-iskema tal-piżijiet;

(e)

livell jew struttura ta’ piżijiet infrastrutturali li hu meħtieġ jew li jista’ jkun meħtieġ li jħallas;

[…]

3.   Il-korp regolatorju għandu jassigura li l-piżijiet stabbiliti mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jikkonformaw mal-Kapitolu II u mhumiex diskriminatorji. In-negozjati bejn l-applikanti u l-amministratur ta’ l-infrastruttura li jikkonċernaw il-livell ta’ piżijiet infrastrutturali għandhom jiġu permessi biss jekk dawn isiru taħt is-sorveljanza tal-korp regolatorju. Il-korp regolatorju għandu jintervieni jekk in-negozjati x’aktarx jikkontravenu r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

[…]

5.   Il-korp regolatorju għandu jiddeċiedi fuq kull ilment u jieħu azzjoni biex jirrimedja s-sitwazzjoni fi żmien massimu ta’ xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni kollha.

Minkejja l-paragrafu 6, deċiżjoni tal-korp regolatorju għandha tkun torbot lill-partijiet kollha koperti minn dik id-deċiżjoni.

Fil-każ ta’ appell kontra rifjut li tingħata l-kapaċità infrastrutturali, jew kontra t-termini ta’ offerta għall-kapaċità, il-korp regolatorju għandu jew jikkonferma li ebda modifika tad-deċiżjoni ta’ l-amministratur ta’ l-infrastruttura ma hi meħtieġa, jew għandha teħtieġ modifika ta’ dik id-deċiżjoni skond id-direzzjonijiet speċifikati mill-korp regolatorju.

6.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi assigurat li deċiżjonijiet meħuda mill-korp regolatorju huma soġġetti għal rivista ġudizzjarja.”

Id‑dritt Pollakk

11

L-Artikolu 417 tal-Kodeks cywilny (il-Kodiċi Ċivili), (Dz.U 1964, Nru 16, Intestatura 93), jipprovdi:

“1.   It-Teżor Pubbliku, awtorità lokali jew persuna ġuridika oħra li jeżerċitaw l-awtorità pubblika skont il-liġi huma responsabbli għad-dannu kkawżat minn att jew minn ommissjoni illegali fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

2.   Meta t-twettiq ta’ kompiti ta’ servizz pubbliku jkun ġie fdat permezz ta’ kuntratt lil awtorità lokali jew lil persuna ġuridika oħra, ir-responsabbiltà konġunta għad-danni kkawżati għandha tiġi sostnuta mill-kontraent u mill-awtorità lokali appaltatriċi jew mit-Teżor Pubbliku.”

12

L-Artikolu 4171 ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“1.   Il-kumpens għal dannu kkawżat permezz tal-adozzjoni ta’ att normattiv jista’ jintalab wara li jiġi kkonstatat, skont il-proċedura adatta, li dan imur kontra l-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali rratifikat jew liġi.

2.   Il-kumpens għal dannu kkawżat permezz ta’ sentenza finali jew ta’ deċiżjoni finali jista’ jintalab, wara li tiġi kkonstatata l-illegalità tagħhom skont il-proċedura adatta, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji. L-istess japplika meta s-sentenza definittiva jew id-deċiżjoni finali jkunu ġew adottati abbażi ta’ att normattiv li jmur kontra l-Kostituzzjoni, ftehim internazzjonali rratifikat jew liġi.

3.   Il-kumpens għal dannu kkawżat permezz tan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ sentenza jew ta’ deċiżjoni li l-adozzjoni tagħhom hija legalment meħtieġa jista’ jintalab wara li tiġi kkonstatata, skont il-proċedura adatta, l-illegalità ta’ din l-ommissjoni, bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji.

4.   Meta d-dannu jkun ġie kkawżat permezz tan-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ att normattiv li l-adozzjoni tiegħu hija legalment meħtieġa, l-illegalità ta’ din l-ommissjoni għandha tiġi kkonstatata mill-qorti adita bir-rikors għad-danni.”

13

L-Artikolu 33 tal-Ustawa o transporcie kolejowym (il-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju), tat‑28 ta’ Marzu 2003 (Dz U. Nru 86, Intestatura 789), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.   L-amministratur għandu jistabbilixxi l-ammont tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja mit-trasportaturi ferrovjarji.

2.   It-tariffa bażika għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż sostnuti mill-amministratur, direttament imputabbli għall-operazzjoni tas-servizz ferrovjarju mit-trasportatur ferrovjarju.

3.   It-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja għandha tkun komposta mit-tariffa bażika u mit-tariffi addizzjonali.

bis.   Fil-kuntest tat-tariffa bażika, l-amministratur għandu japplika tariffa separata:

(1)

għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja inklużi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 tat-Taqsima I tal-Anness tal-liġi;

(2)

għall-aċċess għall-faċilitajiet marbuta mal-manutenzjoni tal-ferroviji inklużi s-servizzi msemmija fil-paragrafu 2 tat-Taqsima I tal-Anness tal-liġi.”

14

L-Artikolu 35 tal-Liġi dwar it-Trasport Ferrovjarju jipprevedi delega leġiżlattiva tas-setgħa regolamentari lill-Ministru għat-Trasport.

15

L-Artikolu 8 tar-rozporządzenie Ministra Infrastruktury w sprawie warunków dostępu i korzystania z infrastruktury kolejowej (ir-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura dwar il-Kundizzjonijiet għall-Aċċess u għall-Użu tal-Infrastruttura Ferrovjarja), tas‑27 ta’ Frar 2009 (Dz. U. Nru 35, Intestatura 274), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.   Sabiex jikkalkola r-rati ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja, l-amministratur għandu jieħu inkunsiderazzjoni:

(1)

l-ispejjeż diretti li jkopru:

(a)

l-ispejjeż ta’ manutenzjoni,

(b)

l-ispejjeż ta’ mmaniġġar tat-traffiku ferrovjarju,

(c)

l-amortizzazzjoni;

(2)

l-ispejjeż indiretti tal-attività li jkopru l-ispejjeż raġonevoli tal-amministratur, minbarra dawk imsemmija fil-punti 1 u 3;

(3)

l-ispejjeż finanzjarji marbuta mar-rimbors tas-self li l-amministratur ikun ħa sabiex jiżviluppa u jimmodernizza l-infrastruttura mqiegħda għad-dispożizzjoni;

(4)

ix-xogħol operattiv iddefinit għall-kategoriji differenti ta’ linji u ta’ ferroviji msemmija fl-Artikolu 7.

2.   Ir-rata għandha tvarja skont il-kategorija tal-linja ferrovjarja u l-massa totali grossa tal-ferrovija, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li din ir-rata tiżdied hekk kif dawn il-parametri jiżdiedu.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

PKP PLK hija, fil-Polonja, l-amministratriċi tal-infrastruttura, fis-sens tal-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2001/14. Din twaqqfet minn Polskie Koleje Państwowe S.A., li hija, flimkien mat-Teżor Pubbliku, l-azzjonista tagħha.

17

KM hija impriża pubblika tat-trasport ferrovjarju li l-azzjonijiet tagħha huma miżmuma mill-Województwo Mazowieckie (il-Provinċja ta’ Mazowsze, il-Polonja).

18

Fid‑19 ta’ Mejju 2009, KM ikkonkludiet mal-Provinċja ta’ Mazowsze ftehim qafas għall-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport ferrovjarju reġjonali ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ din l-awtorità lokali. Dan il-ftehim qafas kien jipprevedi, b’mod partikolari, li l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz pubbliku li jeċċedu d-dħul tal-impriża ferrovjarja kellhom ikunu koperti permezz ta’ kumpens imħallas mill-Provinċja ta’ Mazowsze, flimkien ma’ profitt raġonevoli mħallas ukoll minn din tal-aħħar.

19

Għall-perijodi 2009/2010 u 2010/2011, PKP PLK u KM ikkonkludew ftehimiet għall-użu ta’ mogħdijiet ferrovjarji, li permezz tagħhom dik tal-ewwel kienet tagħti lit-tieni waħda aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja. Ir-rati unitarji tat-tariffa pagabbli minn KM, stabbiliti minn PKP PLK, ġew approvati permezz ta’ deċiżjoni tal-UTK.

20

Peress li ma ntlaħaq ebda ftehim bejn PKP PLK u KM fir-rigward tal-perijodi 2011/2012 u 2012/2013, l-UTK stabbilixxa l-kundizzjonijiet għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja.

21

Permezz ta’ sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, billi naqset milli tadotta miżuri intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja jnaqqas l-ispejjeż ta’ provvista tal-infrastruttura u l-livell tat-tariffi ta’ aċċess, kif ukoll billi ppermettiet li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-network għall-infrastrutturi spejjeż li ma jistgħux jitqiesu bħala direttament imputabbli għall-operazzjoni tas-servizz ferrovjarju, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt, rispettivament, l-Artikoli 6(2) u 7(3) tad-Direttiva 2001/14.

22

Wara l-għoti ta’ dik is-sentenza, KM adixxiet lis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja) b’rikors sabiex it-Teżor Pubbliku, irrappreżentat mill-Ministru għall-Infrastruttura u President tal-UTK, kif ukoll PKP PLK jiġu kkundannati in solidum iħallsu s-somma ta’ 220204 408.72 zlote Pollakki (PLN) (madwar EUR 48 miljun), flimkien mal-interessi, fir-rigward tad-dannu li hija kienet ġarrbet minħabba l-fatturazzjoni indebita tat-tariffi bażiċi għall-aċċess minimu għall-infrastruttura ferrovjarja, matul il-perijodi ta’ validità tal-iskeda ta’ servizz għall-perijodi 2009/2010 sa 2012/2013.

23

Insostenn tar-rikors tagħha, KM sostniet li r-Regolament tal-Ministru għall-Infrastruttura dwar il-Kundizzjonijiet għall-Aċċess u għall-Użu tal-Infrastruttura Ferrovjarja ma kienx kompatibbli mad-Direttiva 2001/14, hekk kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), sa fejn dan ir-regolament ministerjali kien ippermetta li jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tariffi mħallsa għall-provvisti minimi kollha u għall-aċċess permezz tan-network għall-infrastrutturi spejjeż li ma setgħux jitqiesu bħala li kienu direttament imputabbli għall-operazzjoni tas-servizz ferrovjarju. KM irreferiet ukoll għad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament.

24

Permezz ta’ sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2016, is-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja) ċaħdet ir-rikors, b’mod partikolari għall-motivi, qabel kollox, li d-Direttiva 2001/14 ma kinitx tat lill-impriżi ferrovjarji dritt suġġettiv sabiex iħallsu tariffi ta’ ammont massimu speċifiku bħala korrispettiv għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, sussegwentement, li s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), ma kinitx tippreġudika l-illegalità tal-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14 li l-ksur tagħhom kien qiegħed jiġi allegat ma kinux preċiżi biżżejjed sabiex ir-responsabbiltà tal-Istat tkun tista’ tiġi stabbilita u, fl-aħħar, li KM ma kinitx sostniet li l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati tal-UTK kienet ġiet ikkonstatata skont il-proċedura adatta.

25

Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2017, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja) ċaħdet l-appell ippreżentat minn KM.

26

Għal dan il-għan, dik il-qorti, b’mod partikolari, irrilevat li d-Direttiva 2001/14 ma kinitx tipprevedi ammont speċifiku ta’ tariffa u li, fi kwalunkwe każ, mis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), ma kienx jirriżulta li t-tariffi mħallsa minn KM kienu eċċessivi.

27

KM ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn dik is-sentenza quddiem is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja).

28

Il-qorti tar-rinviju tindika li, fir-rigward tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, mis-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑512/10, EU:C:2013:338), jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ttrasponiet b’mod inkorrett id-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) tagħha, bil-konsegwenza dannuża possibbli tal-ħlas indebitu ta’ parti minn din it-tariffa.

29

Madankollu, dik il-qorti tirrileva li, skont l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, l-organu regolatorju għandu, b’mod partikolari, jiżgura li t-tariffi stabbiliti mill-amministratur tal-infrastruttura jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva u li dawn ma jkunux diskriminatorji.

30

Hija tosserva li s-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics (C‑489/15, EU:C:2017:834), b’mod partikolari l-punt 97 tagħha, għamlet preċiżazzjoni importanti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/14, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward tar-rimbors tat-tariffi b’applikazzjoni tad-dritt ċivili, qieset li tali rimbors seta’ jiġi previst biss fil-każ fejn, konformement mad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura illegali ta’ din it-tariffa tkun ġiet ikkonstatata minn qabel mill-organu regolatorju jew minn qorti li għandha s-setgħa tistħarreġ id-deċiżjoni ta’ dan il-korp. Fil-fatt, l-intervent ta’ qrati oħra fl-istħarriġ tat-tarifikazzjoni jkollu l-effett li jippreġudika l-uniċità tal-kontroll imwettaq mill-imsemmi korp.

31

Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà ċivili intiża għall-kumpens għad-dannu li jirriżulta minn traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14, ikkostitwit minn ħlas żejjed ta’ tariffi ferrovjarji, impriża ferrovjarja tistax tressaq lill-amministratur tal-infrastruttura u lill-Istat direttament quddiem il-qrati ċivili ordinarji mingħajr ma d-deċiżjoni tal-korp regolatorju tkun suġġetta minn qabel għal stħarriġ ġudizzjarju.

32

Barra minn hekk, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat minħabba traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tirriżulta, b’mod partikolari, mis-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79), tidher li tippermetti li tali responsabbiltà tkun tista’ tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali meta l-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan id-dritt ikunu inqas stretti minn dawk tad-dritt tal-Unjoni.

33

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, skont id-dritt Pollakk, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Istat ma hijiex limitata għall-każijiet ta’ illegalitajiet flagranti, iżda tista’ tiġi stabbilita, skont l-Artikolu 4171(1) u (4) tal-Kodiċi Ċivili, fil-każ ta’ kuntrarjetà bejn att tad-dritt nazzjonali u l-Kostituzzjoni Pollakka, ftehim internazzjonali jew liġi u, meta l-eżistenza ta’ dannu tkun ġiet ikkawżata min-nuqqas ta’ adozzjoni ta’ att normattiv li l-adozzjoni tiegħu hija legalment meħtieġa, permezz tal-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ adozzjoni.

34

Barra minn hekk, b’differenza mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-responsabbiltà tal-Istat tista’, skont l-Artikolu 361(1) tal-Kodiċi Ċivili, tiġi stabbilita anki meta r-rabta kawżali bejn in-nuqqas tal-Istat u d-dannu subit tkun indiretta.

35

Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li d-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili jissuġġetta d-dritt tal-individwi sabiex jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għal kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

36

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2001/14], u b’mod speċifiku l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 30(1), (3), (5) u (6) ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu lil impriża ferrovjarja milli, mingħajr ma jsir stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni [korp regolatorju], titlob id-danni minn Stat Membru minħabba implimentazzjoni żbaljata tad-Direttiva f’sitwazzjoni fejn parti mill-kumpens tkun l-eċċedent ta’ ħlas għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja?

2)

Il-konstatazzjoni li d-dritt għal kumpens fuq il-bażi tad-dritt Komunitarju minħabba applikazzjoni żbaljata tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, b’mod speċifiku minħabba implimentazzjoni [traspożizzjoni] żbaljata tad-Direttiva jew minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tagħha jirriżulta esklużivament fejn id-dispożizzjoni miksura tkun sors ta’ intitolament għall-individwu, fejn il-ksur tad-dritt huwa kklassifikat (b’mod partikolari fil-forma ta’ nuqqas ta’ osservanza manifest u gravi tas-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru fl-implimentazzjoni tad-Direttiva), u fejn in-natura tar-rabta kawżali bejn il-ksur u d-dannu tkun diretta, tipprekludi r-regolamentazzjoni tad-dritt tal-Istat Membru li f’tali każijiet tagħti dritt għal kumpens taħt kundizzjonijiet inqas stretti?”

Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

37

Ir-Rzecznik Praw Obywatelskich (l-Ombudsman, il-Polonja), permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Lulju 2021, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ressaq talba motivata għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li, fid-data inkwistjoni, din it-talba ma setgħetx titressaq iktar. Konsegwentement, hemm lok li l-imsemmija talba tiġi miċħuda.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

39

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha u l-Artikolu 30 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti ordinarja ta’ Stat Membru tiddeċiedi fuq azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà tal-Istat imressqa minn impriża ferrovjarja minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva, li tagħti lok għal allegat ħlas żejjed ta’ tariffa lill-amministratur tal-infrastruttura, meta l-korp regolatorju u, jekk ikun il-każ, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ dan il-korp ma jkunux għadhom iddeċidew fuq il-legalità ta’ din it-tariffa.

40

Qabel kollox għandu jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14 jipprevedi li d-determinazzjoni tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja u l-irkupru tagħha jaqgħu taħt il-kompetenza tal-amministratur tal-infrastruttura u l-Artikolu 4(5) jippreċiża li huwa dan l-amministratur li għandu jiżgura li l-iskema ta’ tarifikazzjoni hija applikata b’tali mod li l-impriżi ferrovjarji differenti li jipprovdu servizzi ta’ natura ekwivalenti f’parti simili tas-suq ikunu suġġetti għal tariffi ekwivalenti u mhux diskriminatorji u li t-tariffi effettivament applikati jkunu konformi mar-regoli stabbiliti fid-dikjarazzjoni tan-network.

41

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2001/14 jimplimentaw il-prinċipji stabbiliti fil-premessi 11 u 16 ta’ din id-direttiva, li skonthom l-iskemi ta’ tarifikazzjoni u ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandhom jiżguraw aċċess ugwali u mhux diskriminatorju lill-impriżi kollha u għandhom jissodisfaw, sa fejn dan ikun possibbli, il-bżonnijiet tal-utenti kollha u tat-tipi kollha ta’ traffiku, u dan b’mod ekwu u mhux diskriminatorju, sabiex tkun permessa kompetizzjoni ekwa fil-provvista ta’ servizzi ferrovjarji.

42

Dan il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni tal-impriżi ferrovjarji, implimentat, b’mod partikolari, permezz tal-Artikolu 9(5) ta’ din id-direttiva, li abbażi tiegħu skemi ta’ tnaqqis simili għandhom japplikaw għas-servizzi simili, jikkostitwixxi l-kriterju ċentrali ta’ determinazzjoni u ta’ rkupru tat-tariffa għall-użu tal-infrastruttura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 47).

43

Għalhekk, l-amministraturi tal-infrastruttura, li għandhom l-obbligu li jiddeterminaw u li jiġbru t-tariffi b’mod mhux diskriminatorju, għandhom mhux biss japplikaw il-kundizzjonijiet għall-użu tan-network ferrovjarja b’mod ugwali għall-utenti kollha ta’ dan in-network, iżda għandhom jiżguraw ukoll li dawn it-tariffi effettivament miġbura jkunu jikkorrispondu għal dawn il-kundizzjonijiet (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 50).

44

Fir-rigward tal-korp regolatorju, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 46 tad-Direttiva 2001/14, l-amministrazzjoni effikaċi u l-użu ekwu u mhux diskriminatorju tal-infrastruttura ferrovjarja jirrikjedu l-istabbiliment ta’ korp regolatorju, inkarigat milli jissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni u milli jaġixxi bħala korp ta’ appell, minkejja l-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

45

Konformement mal-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom l-obbligu jistabbilixxu tali korp, li jista’, skont l-Artikolu 30(2) tal-imsemmija direttiva, jiġi adit b’rikors minn applikant li jqis “li ma ġiex ittrattat b’mod ekwu, saret diskriminazzjoni kontrih jew ġie aggravat bi kwalunkwe mod ieħor”. Ir-rikors ippreżentat f’dan is-sens jirrigwarda, b’mod partikolari, skont din l-aħħar dispożizzjoni, id-deċiżjonijiet tal-amministratur tal-infrastruttura dwar l-iskema ta’ tarifikazzjoni jew il-livell jew l-istruttura tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura, li l-applikant għandu jew jista’ jkollu jħallas.

46

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 30(3) tal-istess direttiva, il-korp regolatorju għandu jiżgura li t-tariffi stabbiliti mill-amministratur tal-infrastruttura jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II u ma humiex diskriminatorji.

47

Fl-aħħar, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, il-korp regolatorju għandu l-obbligu jiddeċiedi fuq kull ilment imressaq quddiemu u d-deċiżjonijiet tiegħu huma vinkolanti għall-partijiet kollha kkonċernati, filwaqt li, skont l-Artikolu 30(6) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-imsemmija deċiżjonijiet ikunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju.

48

Issa, fil-kuntest ta’ tilwima li fil-kuntest tagħha l-utent ta’ infrastruttura ferrovjarja kien ippreżenta rikors quddiem qorti nazzjonali ordinarja sabiex jikseb ir-rimbors ta’ parti mill-ammont tat-tariffi mħallsa lill-amministratur ta’ din l-infrastruttura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi stħarriġ tan-natura ekwa tat-tariffi għall-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, każ b’każ, mill-qrati ordinarji, u l-possibbiltà, jekk ikun il-każ, li jinbidel l-ammont ta’ dawn it-tariffi, indipendentement mis-sorveljanza eżerċitata mill-korp regolatorju previst fl-Artikolu 30 tal-imsemmija direttiva (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 103).

49

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni nazzjonali jkollha l-effett li deċiżjonijiet differenti ta’ qrati indipendenti, jekk ikun il-każ mhux armonizzati mill-ġurisprudenza tal-qrati superjuri, jissostitwixxu l-uniċità tal-istħarriġ imwettaq mill-korp kompetenti, b’mod li minn dan tirriżulta sovrappożizzjoni ta’ żewġ approċċi deċiżjonali mhux ikkoordinati, u dan b’kontradizzjoni manifesta mal-għan previst fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2001/14 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 87).

50

Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-korp regolatorju jipproduċu, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30(5) tad-Direttiva 2001/14, effetti fir-rigward tal-partijiet kollha kkonċernati tas-settur ferrovjarju, sew jekk ikunu l-impriżi ta’ trasport jew l-amministraturi tal-infrastrutturi. Għall-kuntrarju, id-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ċivili, jekk ikun il-każ fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kalkolu tat-tariffi, jipproduċu effett limitat għas-sempliċi partijiet fit-tilwim imressaq quddiem dawn il-qrati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punt 94).

51

Għalhekk, id-detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess li jippreżenta rikors kontra l-amministratur tal-infrastruttura quddiem il-qrati ordinarji sabiex jikkontesta l-ammont tat-tariffi jista’ jikseb vantaġġ meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu li ma ppreżentawx tali rikors, fatt li jippreġudika l-għan li jikkonsisti f’li tiġi żgurata kompetizzjoni ekwa fis-settur tal-provvista tas-servizzi ferrovjarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2017, CTL Logistics, C‑489/15, EU:C:2017:834, punti 9596).

52

Il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 48 sa 51 ta’ din is-sentenza tapplika b’mod sħiħ għall-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53

Fil-fatt, peress li KM titlob ir-rimbors ta’ allegat ħlas żejjed ta’ tariffi lil PKP PLK, amministratriċi tal-infrastruttura fil-Polonja, minħabba traspożizzjoni inkorretta tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, dwar il-prinċipji ta’ tarifikazzjoni, ir-rikors tagħha quddiem il-qrati ċivili ordinarji għandu jitqies bħala li huwa direttament marbut mal-kontestazzjoni tal-ammont tat-tariffa individwali stabbilita minn qabel mill-amministratur tal-infrastruttura.

54

Issa, il-fatt li jiġi aċċettat li qrati ordinarji jistgħu jieħdu konjizzjoni ta’ tali kontenzjuż mingħajr ma l-korp regolatorju u, eventwalment, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp ikunu, skont l-Artikolu 30(3), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14, iddeċidew dwar il-legalità tal-ħlasijiet inkwistjoni u, jekk ikun il-każ, ikunu adottaw il-miżuri neċessarji sabiex tiġi rrimedjata illegalità eventwali tagħhom, ikun jammonta għat-tqegħid inkwistjoni tal-kompitu tal-korp regolatorju u, bl-istess mod, l-effett utli tal-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva.

55

Minn dan jirriżulta li qorti ordinarja ma tistax tiddeċiedi fuq it-talbiet relatati ma’ azzjoni għad-danni marbuta mat-traspożizzjoni allegatament inkorretta tad-Direttiva 2001/14 mingħajr ma l-korp regolatorju jew il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra d-deċiżjonijiet tiegħu jkunu l-ewwel iddeċidew fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-amministratur tan-network li huma kkontestati quddiem dik il-qorti ordinarja. Din il-modalità proċedurali, li tiddelimita r-rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiġi żgurat li l-individwi jkunu jistgħu jiksbu, abbażi tad-dritt tal-Unjoni, il-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur, minn Stat Membru, tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, taqa’ għalhekk taħt din tal-aħħar u mhux taħt l-awtonomija proċedurali tal-imsemmi Stat Membru.

56

Madankollu, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, KM issostni li, fil-prattika, kien impossibbli għaliha li tikkontesta l-ammont tat-tariffa individwali tagħha quddiem il-korp regolatorju nazzjonali. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), ilment imressaq quddiem dan il-korp jista’ l-iktar l-iktar iwassal għal stħarriġ min-naħa tiegħu, iżda ma jistax iwassal għall-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva li fil-kuntest tagħha l-imsemmi korp ikollu l-kompetenza jiddeċiedi fuq it-tilwima bejn l-impriża ferrovjarja inkwistjoni, li għandha l-kwalità ta’ parti, u l-amministratur tal-infrastruttura. B’hekk, l-impriżi ferrovjarji, li jistgħu jappellaw biss fuq l-eżitu ta’ tali stħarriġ, ikunu obbligati jressqu talba għad-danni quddiem il-qrati ċivili ordinarji.

57

Anki jekk jiġi preżunt li tali ċirkustanza hija stabbilita, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-Artikolu 30(2), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14 jistabbilixxi d-dritt għal impriża ferrovjarja li tadixxi lill-korp regolatorju b’kontestazzjoni tal-ammont tat-tariffi individwali stabbiliti mill-amministratur tal-infrastruttura u, jekk ikun il-każ, li tissuġġetta d-deċiżjoni meħuda minn dan il-korp għal stħarriġ ġudizzjarju billi tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għal dan il-għan.

58

F’dan ir-rigward, jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30(2), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14 huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi u li, għaldaqstant, dawn għandhom effett dirett (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság Dél-alföldi Regionális Igazgatóság, C‑924/19 PPU u C‑925/19 PPU, EU:C:2020:367, punt 288). Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet huma vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri, jiġifieri mhux biss il-qrati nazzjonali, iżda wkoll il-korpi amministrattivi kollha, inklużi l-awtoritajiet deċentralizzati, u dawn l-awtoritajiet għandhom l-obbligu japplikawhom (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2019, Eesti Pagar, C‑349/17, EU:C:2019:172, punt 90).

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14, b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha kif ukoll l-Artikolu 30 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti ordinarja ta’ Stat Membru tiddeċiedi fuq azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà tal-Istat imressqa minn impriża ferrovjarja minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva, li tagħti lok għal allegat ħlas żejjed ta’ tariffa lill-amministratur tal-infrastruttura, meta l-korp regolatorju u, jekk ikun il-każ, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ dan il-korp ma jkunux għadhom iddeċidew fuq il-legalità ta’ din it-tariffa. L‑Artikolu 30(2), (5) u (6) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li impriża ferrovjarja benefiċjarja ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess ikollha d-dritt tikkontesta l-ammont tat-tariffi individwali stabbiliti mill-amministratur tal-infrastrutturi quddiem il-korp regolatorju, li dan il-korp jagħti deċiżjoni fuq tali kontestazzjoni u li din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għal dan il-għan.

Fuq it‑tieni domanda

60

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li d-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili jissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għal kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

61

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li, fid-dritt tal-Unjoni, dritt għal kumpens huwa rrikonoxxut meta tliet kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jiġifieri li r-regola ta’ dritt miksura jkollha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun suffiċjentement serju u, fl-aħħar, li jkun hemm rabta diretta bejn il-ksur tal-obbligu impost fuq l-Istat u d-dannu mġarrab mill-persuni leżi (sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51, kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Hemm lok li jiġi rrilevat li, b’mod daqstant repetut, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ma jeskludux li r-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi stabbilita f’kundizzjonijiet inqas restrittivi abbażi tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 66; tat‑12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger, C‑300/04, EU:C:2006:545, punt 69; kif ukoll tad‑29 ta’ Lulju 2019, Hochtief Solutions Magyarországi Fióktelepe, C‑620/17, EU:C:2019:630, punti 3738 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili jissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għal kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

Fuq l‑ispejjeż

64

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2007/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007, b’mod partikolari l-Artikolu 4(5) tagħha kif ukoll l-Artikolu 30 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li qorti ordinarja ta’ Stat Membru tiddeċiedi fuq azzjoni għad-danni li jirriżultaw minn responsabbiltà tal-Istat imressqa minn impriża ferrovjarja minħabba traspożizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva, li tagħti lok għal allegat ħlas żejjed ta’ tariffa lill-amministratur tal-infrastruttura, meta l-korp regolatorju u, jekk ikun il-każ, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikorsi kontra deċiżjonijiet ta’ dan il-korp ma jkunux għadhom iddeċidew fuq il-legalità ta’ din it-tariffa.

L-Artikolu 30(2), (5) u (6) tad-Direttiva 2001/14, kif emendata bid-Direttiva 2007/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi li impriża ferrovjarja benefiċjarja ta’ awtorizzazzjoni ta’ aċċess ikollha d-dritt tikkontesta l-ammont tat-tariffi individwali stabbiliti mill-amministratur tal-infrastrutturi quddiem il-korp regolatorju, li dan il-korp jagħti deċiżjoni fuq tali kontestazzjoni u li din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi mistħarrġa mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni għal dan il-għan.

 

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li d-dritt nazzjonali tar-responsabbiltà ċivili jissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għal kundizzjonijiet inqas restrittivi minn dawk previsti mid-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.