Kawża C-118/20

JY

vs

Wiener Landesregierung,

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija))

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta' Jannar 2022

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 20 u 21 TFUE – Kamp ta' applikazzjoni – Rinunzja tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru sabiex tinkiseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jinnaturalizza lill-persuna kkonċernata – Revoka ta’ din l-assigurazzjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Sitwazzjoni ta’ persuna apolida”

  1. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri – Limiti – Kundizzjonijiet għall-ksib u għat-telf tan-nazzjonalità – Inklużjoni fil-kompetenza tal-Istati Membri

    (ara l-punt 37)

  2. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Kamp ta' applikazzjoni ratione personae – Ċittadin tal-Unjoni li rrinunzja għan-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, biex josserva r-rekwiżiti marbuta mal-proċedura ta’ naturalizzazzjoni mibdija fi Stat Membru ieħor, konformement mal-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar li jagħtih in-nazzjonalità tiegħu – Ċittadin li eżerċita l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tiegħu f’dan l-Istat Membru l-ieħor u li jinsab ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti tan-nazzjonalità f’dan l-Istat l-ieħor – Ċittadin li sar apolidu matul il-proċedura ta’ naturalizzazzjoni – Inklużjoni

    (Artikoli 20 u 21(1) TFUE)

    (ara l-punti 39 sa 44, u d-dispożittiv 1)

  3. Ċittadinanza tal-Unjoni – Dispożizzjonijiet tat-Trattat – Nazzjonalità ta’ Stat Membru – Telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru fid-dawl tan-naturalizzazzjoni minn Stat Membru ieħor – Revoka mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tal-assigurazzjoni tal-għoti tan-nazzjonalità ta’ dan l-Istat mix-xoljiment tar-rabta ta’ nazzjonalità mal-Istat ta’ oriġini minħabba reati amministrattivi serji – Telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Eżistenza ta’ motivi leġittimi u osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

    (Artikolu 20 TFUE)

    (ara l-punti 51 sa 54, 56 sa 66, 68 sa 74 u d-dispożittiv 2)

Sunt

Ir-revoka ta’ assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità meta tipprekludi l-irkupru taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

Madankollu, bħala prinċipju, huwa l-Istat Membru li lilu l-persuna kkonċernata titlob li tiġi xolta miċ‑ċittadinanza tiegħu sabiex tkun tista ’ tikseb in-nazzjonalità ta ’ Stat Membru ieħor, li għandu jiżgura li d-deċiżjoni tiegħu li tilqa ’ din it-talba tidħol fis-seħħ biss ladarba effettivament tinkiseb in‑nazzjonalità l-ġdida.

JY, li dak iż-żmien kienet ċittadina Estonjana residenti fl-Awstrija, talbet, fl-2008, l-għoti tan‑nazzjonalità Awstrijaka. Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2014, l-awtorità amministrattiva Awstrijaka kompetenti dak iż-żmien ( 1 ) żguratha li din in-nazzjonalità kienet ser tingħatalha jekk hija tipprova, f’terminu ta’ sentejn, ix-xoljiment tar-relazzjoni ta’ nazzjonalità tagħha mal-Estonja. JY ippreżentat fit-terminu previst il-konferma li, fis-27 ta’ Awwissu 2015, ir-relazzjoni ta’ nazzjonalità tagħha mal-Estonja kienet ġiet xolta. Minn dik id-data, JY hija persuna apolida.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2017, l-awtorità amministrattiva Awstrijaka li kienet saret kompetenti ( 2 ) rrevokat id-deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2014, konformement mad-dritt nazzjonali, u ċaħdet it-talba ta’ JY intiża li tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka. Sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha, din l-awtorità indikat li JY ma kinitx tissodisfa iktar il-kundizzjonijiet għall-għoti tan‑nazzjonalità previsti mid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, JY kienet wettqet, wara li rċeviet l‑assigurazzjoni li kienet ser tingħatalha n-nazzjonalità Awstrijaka, żewġ reati amministrattivi serji, li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twaħħil fuq il-vettura tagħha tal-istiker tal-kontroll tekniku tal-vettura u mis-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Hija kienet ukoll responsabbli għal tmien reati amministrattivi mwettqa qabel ma kienet ngħatatilha din l-assigurazzjoni.

Peress li r-rikors tagħha kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud, JY ippreżentat rikors għal reviżjoni quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija). Din il-qorti indikat li, fid-dawl tar-reati amministrattivi mwettqa minn JY qabel u wara li rċeviet l-assigurazzjoni dwar l‑għoti tan-nazzjonalità Awstrijaka, skont id-dritt Awstrijak, il-kundizzjonijiet ta’ revoka ta’ din l‑assigurazzjoni kienu ssodisfatti. Madankollu, hija tistaqsi jekk is-sitwazzjoni ta’ JY taqax taħt id‑dritt tal-Unjoni u jekk, sabiex tadotta d-deċiżjoni tagħha ta’ revoka tal-assigurazzjoni tan‑naturalizzazzjoni, li tipprekludi lil JY milli tirkupra ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, l-awtorità amministrattiva kompetenti kellhiex tosserva dan id-dritt, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit minnu, fid-dawl tal-konsegwenzi ta’ tali deċiżjoni fuq is-sitwazzjoni tal‑persuna kkonċernata.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l‑interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Fis-sentenza tagħha, mogħtija mill-Awla Manja, il-Qorti tal‑Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 20 TFUE fil-kuntest tal-ġurisprudenza ( 3 ) tagħha dwar l-obbligi tal‑Istati Membri fil-qasam tal-kisba u tat-telf tan-nazzjonalità fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sitwazzjoni ta’ persuna li, filwaqt li jkollha n‑nazzjonalità ta’ Stat Membru wieħed biss, tirrinunzja għal din in-nazzjonalità u titlef, minħabba f’hekk, l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni, sabiex tikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, wara l-assigurazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet ta’ dan l-aħħar Stat li din in‑nazzjonalità tkun ser tingħatalha, taqa’, min-natura u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id‑dritt tal-Unjoni meta din l-assigurazzjoni tiġi rrevokata, bl-effett li din il-persuna tiġi prekluża milli tirkupra l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata qabel kollox li, meta ġiet irrevokata l-imsemmija assigurazzjoni, JY kienet apolida u tilfet l-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni. Peress li t-talba għax-xoljiment tar-rabta ta’ nazzjonalità mal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha kienet saret fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni intiża li tinkiseb in-nazzjonalità Awstrijaka u li tirriżulta mill-fatt li JY, fid-dawl tal-assigurazzjoni li kienet ingħatatilha, ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti marbuta ma’ din il-proċedura, persuna bħal JY ma tistax titqies li rrinunzjat volontarjament għall-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, peress li l-Istat Membru ospitanti pprovda l-assigurazzjoni li n‑nazzjonalità tiegħu kienet ser tingħata, it-talba għax-xoljiment hija intiża li tiġi ssodisfatta kundizzjoni għall-kisba ta’ din in-nazzjonalità u, ladarba din tinkiseb, tkompli tibbenefika mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u mid-drittijiet marbuta miegħu.

Sussegwentement, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni, l-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jirrevokaw l-assigurazzjoni tan-naturalizzazzjoni, il-persuna kkonċernata li kienet ċittadina ta’ Stat Membru wieħed biss u tkun irrinunzjat għaċ-ċittadinanza oriġinali tagħha sabiex tikkonforma ruħha mar-rekwiżiti marbuta ma’ din il-proċedura, ma tistax tkompli tinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni. Tali proċedura, ikkunsidrata kollha kemm hi, taffettwa l-istatus mogħti mill-Artikolu 20 TFUE liċ-ċittadini tal-Istati Membri. Fil-fatt, hija tista’ twassal biex persuna fis-sitwazzjoni ta’ JY tiġi mċaħħda mid-drittijiet marbuta ma’ dan l-istatus, minkejja li, fil-bidu tal-imsemmija proċedura, din il-persuna kienet ċittadina ta’ Stat Membru u għalhekk kellha l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, filwaqt li tirrileva li JY, bħala ċittadina Estonjana, eżerċitat il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza tagħha billi stabbilixxiet ruħha fl-Awstrija fejn ilha tirrisjedi għal diversi snin, il-Qorti tal‑Ġustizzja tenfasizza li l-loġika ta’ integrazzjoni progressiva fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti, iffavorita mill-Artikolu 21(1) TFUE, teżiġi li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, li lilu din id‑dispożizzjoni tagħti drittijiet minħabba l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu tiegħu fl-Unjoni u li huwa espost mhux biss għat-telf tal-benefiċċju ta’ dawn id-drittijiet, iżda wkoll tal-kwalità stess ta’ ċittadin tal-Unjoni, filwaqt li huwa jkun irid, permezz tan-naturalizzazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, inseriment ikbar fis-soċjetà tiegħu, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE relattivi għaċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 20 TFUE fis-sens li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru ospitanti għandhom jivverifikaw jekk id-deċiżjoni ta’ revoka, li tirrendi definittiv it-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni għall-persuna kkonċernata, hijiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dawl tal-konsegwenzi li din timplika fuq is-sitwazzjoni ta’ din il-persuna. Dan ir-rekwiżit ta’ kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma jkunx sodisfatt meta tali deċiżjoni tkun motivata minn reati amministrattivi fir-rigward tal-kodiċi tat-triq, li, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, jinvolvu sempliċi sanzjoni pekunjarja.

Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni mibdija fi Stat Membru, dan tal-aħħar jirrikjedi li ċittadin tal-Unjoni jirrinunzja għan‑nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, l-eżerċizzju u l-effettività tad-drittijiet li dan iċ‑ċittadin jikseb mill-Artikolu 20 TFUE jeżiġu li fl-ebda mument ma jkun espost għat-telf tal-istatus fundamentali tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni minħabba l-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura. Fil-fatt, kull telf, anki provviżorju, ta’ dan l-istatus jimplika li l-persuna kkonċernata tiġi mċaħħda, għal perijodu indeterminat, mill-possibbiltà li tgawdi mid-drittijiet kollha mogħtija mill-imsemmi status.

Għaldaqstant, meta ċittadin ta’ Stat Membru jitlob li tiġi xolta n-nazzjonalità tiegħu sabiex ikun jista’ jikseb in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u b’hekk ikompli jgawdi mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ oriġini ma għandux jadotta, abbażi tal‑assigurazzjoni tan-naturalizzazzjoni mogħtija minn dan l-Istat Membru l-ieħor, deċiżjoni definittiva dwar ir-revoka tan-nazzjonalità, mingħajr ma jiżgura li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ biss ladarba ċ-ċittadinanza l-ġdida tkun effettivament ġiet akkwistata.

Madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun diġà ntilef provviżorjament minħabba l-fatt li, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ naturalizzazzjoni, l-Istat Membru ta’ oriġini jkun irtira n-nazzjonalità tiegħu mill-persuna kkonċernata qabel ma din tkun effettivament kisbet in‑nazzjonalità tal-Istat Membru ospitanti, l-obbligu li tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 20 TFUE jaqa’ qabel kollox fuq dan l-aħħar Stat Membru. Dan l-obbligu huwa neċessarju, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ revoka tal-assigurazzjoni ta’ naturalizzazzjoni li tista’ tirrendi definittiv it‑telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għaldaqstant, tali deċiżjoni tista’ tittieħed biss għal raġunijiet leġittimi u billi tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

L-eżami tal-proporzjonalità jeżiġi, b’mod partikolari, li jiġi vverifikat jekk tali deċiżjoni hijiex iġġustifikata meta mqabbla mal-gravità tar-reati mwettqa mill-persuna kkonċernata. Fir-rigward ta’ JY, peress li r-reati preċedenti għall-assigurazzjoni tan-naturalizzazzjoni ma pprekludewx l-għoti tagħha, dawn ma jistgħux jittieħdu iktar inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita d-deċiżjoni ta’ revoka. Fir-rigward ta’ dawk imwettqa wara li rċeviet l-assigurazzjoni tan-naturalizzazzjoni, fid-dawl tan-natura u tal-gravità tagħhom kif ukoll tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċetti ta’ ordni u ta’ sigurtà pubblika, dawn ma jurux li JY tirrappreżenta theddida reali, attwali u suffiċjentement serja, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà jew preġudizzju għas-sigurtà pubblika Awstrijaka. Fil-fatt, ksur tal-kodiċi tat-triq, punibbli b’sempliċi multi, ma jistgħux juru li l-persuna responsabbli tikkostitwixxi theddida għall-ordni u għas-sigurtà pubblika li tista’ tiġġustifika li t-telf tal‑istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni jsir definittiv.


( 1 ) In-Niederösterreichische Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Niederösterreich, l-Awstrija).

( 2 ) Il-Wiener Landesregierung (il-Gvern tal-Land ta’ Vjenna, l-Awstrija).

( 3 ) Ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), u tat-12 ta’ Marzu 2019, Tjebbes et (C‑221/17, EU:C:2019:189).