SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

11 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2008/115/KE – Artikolu 5 – Deċiżjoni ta’ ritorn – Missier wild minuri, ċittadin tal-Unjoni Ewropea – Teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tal-wild meta tiġi adottata d-deċiżjoni ta’ ritorn”

Fil-Kawża C‑112/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

M. A.

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur) u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. A., minn D. Andrien, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs, M. Van Regemorter u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn D. Matray u S. Matray, avocats,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU 2008, L 348, p. 98), moqri flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva kif ukoll mal-Artikoli 24 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell ippreżentat minn M. A. kontra s-sentenza tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) li ċaħad ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet li jordnawlu jitlaq mit-territorju Belġjan u li jipprojbixxulu d-dħul f’dan it-territorju.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt internazzjonali

3

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Wild, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl‑20 ta’ Novembru 1989, tipprovdi:

“Fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ulied, kemm jekk jittieħdu mill-istituzzjonijiet pubbliċi jew privati ta’ protezzjoni soċjali, mill-qrati, mill-awtoritajiet amministrattivi jew mill-korpi leġiżlattivi, l-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Id‑dritt tal‑Unjoni

4

Il-premessi 22 u 24 tad-Direttiva 2008/115 jipprovdu:

“(22)

F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l‑1989, ‘l-aħjar interessi tat-tfal’ għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.

[…]

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta].”

5

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru.”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta’:

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement.”

7

Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

8

L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115 huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta’ tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta’ rabtiet familjari u soċjali oħrajn.”

9

L-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Iċ-ċittadin konċernat ta’ pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta’ indipendenza.”

10

L-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

(a)

tinżamm l-għaqda tal-familja ma’ membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

(b)

jingħataw kura tas-saħħa f’emerġenza u trattament essenzjali ta’ mard;

(c)

jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta’ l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

(d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta’ persuni vulnerabbli.”

Id‑dritt Belġjan

11

L-Artikolu 74/13 tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, l’établissement, le séjour et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-Dħul fit-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin) (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), jipprovdi:

“Meta tittieħed deċiżjoni ta’ tneħħija, il-Ministru jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, il-ħajja tal-familja u l-istat ta’ saħħa taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12

Fl‑24 ta’ Mejju 2018, M. A. kien is-suġġett ta’ ordni ta’ tluq mit-territorju Belġjan kif ukoll ta’ projbizzjoni ta’ dħul, li ġew innotifikati lilu l-għada. Filwaqt li rrilevaw li r-rikorrent kien iddikjara li kellu sieħba ta’ nazzjonalità Belġjana u tifla mwielda fil-Belġju, dawn id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq ksur li huwa kien wettaq f’dan it-territorju u fuq il-fatt li, għaldaqstant, ir-rikorrent kellu jitqies bħala li jista’ jikkomprometti l-ordni pubbliku.

13

Permezz ta’ sentenza tal‑21 ta’ Frar 2019, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) ċaħad ir-rikors ippreżentat minn M. A. kontra dawn id-deċiżjonijiet.

14

Fil‑15 ta’ Marzu 2019, M. A appella minn dik is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

15

Insostenn tal-appell tiegħu, M. A. jsostni, b’mod partikolari, li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) qies, b’mod żbaljat, li huwa ma kellu ebda interess iressaq l-ilment tiegħu bbażat fuq ksur tal-Artikolu 24 tal-Karta minħabba li dan ma kienx jippreċiża li huwa kien qiegħed jaġixxi f’isem il-wild minuri tiegħu. F’dan ir-rigward, M. A. jenfasizza, minn naħa, li l-wild tiegħu għandha nazzjonalità Belġjana, ma hijiex id-destinatarja tal-atti kkontestati quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) u għalhekk ma għandhiex locus standi u, min-naħa l-oħra, li huwa ma għandux għalfejn jaġixxi f’isem il-wild sabiex ikunu jistgħu jiġu difiżi l-aħjar interessi tagħha. M. A. jindika, barra minn hekk, li, sabiex tkompli l-ħajja tal-familja tagħha miegħu, il-wild tiegħu hija obbligata titlaq mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u tiċċaħħad mit-tgawdija effettiva tan-nukleu essenzjali tad-drittijiet mogħtija mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

16

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) qies, b’mod impliċitu iżda ċert, li l-aħjar interessi tal-wild għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk id-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni tirreferi espliċitament għal din il-wild. Hija tirrileva li l-kritika indirizzata minn M. A. fir-rigward ta’ tali affermazzjoni tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 74/13 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-Dħul fit-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin, li jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115.

17

Għall-kuntrarju, dik il-qorti tqis li l-obbligu li r-rikorrent għandu li jikkontesta l-legalità ta’ din id-deċiżjoni, f’isem il-wild tiegħu, sabiex l-interessi tagħha jittieħdu inkunsiderazzjoni, jaqa’ taħt il-kwistjoni tal-locus standi, li ma tirrigwardax l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 5 tad-Direttiva [2008/115], li jobbliga lill-Istati Membri, fl-implimentazzjoni [ta’ din id]-direttiva, li jieħdu inkunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, flimkien mal-Artikolu 13 tal-istess direttiva u l-Artikoli 24 u 47 tal-[Karta], [għandu jiġi interpretat] fis-sens li [jeżiġi] li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-minuri, ċittadin tal-Unjoni, anki meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fil-konfront tal-uniku ġenitur tal-minuri?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikoli 24 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx minuri, iżda missieru.

20

Preliminarjament, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat li, skont M. A., peress li l-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) staqsa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi eżaminat jekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ ritorn flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, għandu jaġixxi f’isem il-wild minuri tiegħu quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi ta’ dan tal-aħħar.

21

Skont l-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali u mhux il-partijiet fil-kawża prinċipali li għandha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-possibbiltà li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal‑Ġustizzja hija għaldaqstant mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l‑kontenut tagħhom. Barra minn hekk, il-fatt li tingħata tweġiba għal talbiet għal emenda tad-domandi mressqa mill-partijiet fil-kawża prinċipali jkun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Artikolu 267 TFUE kif ukoll mal-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet ta’ rinviju li huma nnotifikati lill-partijiet ikkonċernati (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T‑Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punti 2829 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta b’mod espliċitu li l-kwistjoni tal-locus standi, fis-sens tad-dritt proċedurali nazzjonali, ma hijiex is-suġġett ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

23

Għaldaqstant, jeħtieġ li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tingħata risposta mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni t-talba mressqa minn M. A. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2008/115 ma tidhirx li hija neċessarja sabiex tingħata risposta utli lil dik il-qorti.

24

It-tieni, għandu jiġi osservat li d-domanda preliminari hija bbażata fuq il-premessa tan-natura irregolari tar-residenza ta’ M. A. fit-territorju Belġjan. Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1) u mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115 jirriżulta li deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tiġi adottata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz biss jekk dan tal-aħħar ma jirrisjedix jew ma jirrisjedix iktar legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 3738).

25

Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li t-tifla ta’ M. A. hija minuri ta’ nazzjonalità Belġjana.

26

Issa, tali fatt jista’ jwassal sabiex permess ta’ residenza fit-territorju Belġjan ikollu jiġi rrikonoxxut lil M. A. skont l-Artikolu 20 TFUE. Dan ikun, bħala prinċipju, il-każ jekk, fin-nuqqas ta’ tali permess ta’ residenza, M. A. u bintu jkollhom jitilqu mit-territorju tal-Unjoni kollu kemm hu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2020, Subdelegación del Gobierno en Ciudad Real (Konjuġi ta’ ċittadin tal-Unjoni), C‑836/18, EU:C:2020:119, punti 41 sa 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja kif ukoll l-aħjar interessi tal-wild, irrikonoxxuti fl‑Artikolu 7 u fl-Artikolu 24(2) tal-Karta.

27

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, il-fatt li l-ġenitur l-ieħor tal-wild realment jista’ u huwa lest jerfa’ waħdu r-responsabbiltà ta’ kuljum u effettiva tal-wild jikkostitwixxi element rilevanti, iżda li waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkonstatat li ma hemmx, bejn iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-wild, relazzjoni ta’ dipendenza tali li dan tal-aħħar ikollu jitlaq mit-territorju tal-Unjoni kieku dritt ta’ residenza kien irrifjutat lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. Fil-fatt, tali konstatazzjoni għandha tkun ibbażata fuq it-teħid inkunsiderazzjoni, fl-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat, taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari tal-età tiegħu, tal-iżvilupp fiżiku u emozzjonali tiegħu, tal-intensità tar-relazzjoni affettiva tiegħu ma’ kull wieħed mill-ġenituri tiegħu, kif ukoll tar-riskju li s-separazzjoni mill-ġenitur ċittadin ta’ pajjiż terz tkun tinvolvi għall-ekwilibriju ta’ dan il-wild (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 7071).

28

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija biss awtorizzata tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Għaldaqstant, id-domanda magħmula għandha tingħata risposta abbażi tal-premessa li M. A. qiegħed jirrisjedi irregolarment fit-territorju Belġjan, premessa li, madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-fondatezza tagħha.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta ċittadin ta’ pajjiż terz jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115, huwa għandu, bħala prinċipju, ikun suġġett għar-regoli u għall-proċeduri komuni previsti minnha għall-finijiet tat-tneħħija tiegħu, u dan sakemm ir-residenza ma tkunx, jekk ikun il-każ, ġiet irregolarizzata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Affum, C‑47/15, EU:C:2016:408, punt 61, kif ukoll tad‑19 ta’ Marzu 2019, Arib et, C‑444/17, EU:C:2019:220, punt 39).

31

Issa, l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115 jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild fl-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva.

32

Hekk kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi regola ġenerali li hija imposta fuq l-Istati Membri hekk kif dawn tal-aħħar jimplimentaw l-imsemmija direttiva, fatt li huwa, b’mod partikolari, il-każ meta, bħal f’dan il-każ, l-awtorità nazzjonali kompetenti tadotta deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, kontra ċittadin ta’ pajjiż terz, li jirrisjedi irregolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, u li huwa, barra minn hekk, missier minuri li jirrisjedi regolarment f’dan it-territorju.

33

Għaldaqstant, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, minn din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi dedott li l-aħjar interessi tal-wild għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tittieħed fir-rigward ta’ minuri, bl-esklużjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn adottati kontra l-ġenituri ta’ dan il-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2018, K.A. et (Riunifikazzjoni tal-familja fil-Belġju), C‑82/16, EU:C:2018:308, punt 107).

34

Tali interpretazzjoni hija, barra minn hekk, ikkorroborata kemm mill-għan segwit mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115 kif ukoll mis-sens ġenerali ta’ din id-direttiva.

35

Għalhekk, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-iskop imfittex mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, hekk kif jikkonfermaw il-premessi 22 u 24 ta’ din id-direttiva, dan l-artikolu huwa intiż li jiggarantixxi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ ritorn stabbilita mill-imsemmija direttiva, ir-rispett ta’ diversi drittijiet fundamentali, fosthom id-drittijiet fundamentali tal-wild, hekk kif stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta. Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-għan li jrid jilħaq, dan l-Artikolu 5 ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 2019, Buivids, C‑345/17, EU:C:2019:122, punt 51, u tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 53).

36

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi li, fl-atti kollha relatati mal-ulied, kemm jekk dawn jitwettqu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tal-wild għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja. Minn dan isegwi li tali dispożizzjoni hija, hija stess, ifformulata f’termini wiesgħa u li din tapplika għal deċiżjonijiet li, bħal deċiżjoni ta’ ritorn adottata kontra ċittadin ta’ pajjiż terz, ġenitur ta’ minuri, ma humiex indirizzati lil dan il-minuri, iżda għandhom konsegwenzi sinjifikattivi għal dan tal-aħħar.

37

Tali konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Wild, li għalih jirreferu espressament l-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 24 tal-Karta.

38

Skont dan l-Artikolu 3(1), l-aħjar interessi tal-wild għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet kollha li jikkonċernaw l-ulied. Għaldaqstant, tali dispożizzjoni tkopri, b’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet kollha u l-azzjonijiet kollha li jolqtu direttament jew indirettament lill-ulied, hekk kif irrileva l-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Wild (ara, f’dan ir-rigward, l-Osservazzjoni Ġenerali Nru 14 (2013) tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tal-Wild fir-rigward tad-dritt tal-wild li l-aħjar interessi tiegħu jkunu kunsiderazzjoni primarja (Artikolu 3(1)), CRC/C/GC/14, punt 19).

39

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2008/115, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel, li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-elementi elenkati fl-imsemmi Artikolu 5 jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fir-rigward taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ ritorn, huwa ppreveda dan espressament.

40

Għalhekk, b’differenza mill-Artikolu 5(a) u (b) tad-Direttiva 2008/115, mill-Artikolu 5(c) ta’ din id-direttiva jirriżulta espliċitament li l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni biss l-istat ta’ saħħa taċ-“ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat”, jiġifieri esklużivament l-istat ta’ saħħa tad-destinatarju tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

41

It-tieni, mill-Artikolu 5(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li, meta jkollhom l-intenzjoni jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, l-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-ħajja tal-familja. Issa, l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja tal-familja, li jista’ jinvoka ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment li, bħal M. A., huwa missier wild minuri, għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 24(2) tal-Karta, li jipprevedi l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild minuri tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2019, SM (Wild imqiegħed taħt kafala Alġerina), C‑129/18, EU:C:2019:248, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

It-tielet, dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2008/115, bħall-Artikolu 7(2) u l-Artikolu 14(1) tagħha, jimplimentaw l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, inkluż meta dan tal-aħħar ma jkunx id-destinatarju tad-deċiżjoni inkwistjoni.

43

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx minuri, iżda missieru.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild qabel ma jadottaw deċiżjoni ta’ ritorn, flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul, anki meta d-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni ma jkunx minuri, iżda missieru.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.