SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta’ Novembru 2021 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2002/58/KE – Ipproċessar ta’ data personali u protezzjoni tal-ħajja privata fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Il-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 – Kunċett ta’ ‘posta elettronika’ – Artikolu 13(1) – Kunċett ta’ ‘użu ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta’ – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Anness I, punt 26 – Kunċett ta’ ‘solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz ta’ posta elettronika’ – Messaġġi pubbliċitarji – Inbox advertising”
Fil-Kawża C‑102/20,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Frar 2020, fil-proċedura
StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz GmbH
vs
eprimo GmbH,
fil-preżenza ta’:
Interattiva Media CCSP GmbH,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Prechal, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi (Relatur) u N. Wahl, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal eprimo GmbH, minn R. Hall, Rechtsanwalt, |
|
– |
għal Interactive Media CCSP GmbH, minn D. Frey u M. Rudolph, Rechtsanwälte, |
|
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, A. Guerra u P. Barros da Costa, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Hödlmayr, F. Wilman, N. Ruiz García u S. Kalėda, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑24 ta’ Ġunju 2021,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9), kif ukoll tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, korriġendum fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn StWL Städtische Werke Lauf a.d. Pegnitz GmbH (iktar ’il quddiem “StWL”), minn naħa, u eprimo GmbH, min-naħa l-oħra, żewġ kumpanniji li jipprovdu l-elettriku lil klijenti finali, dwar attività ta’ reklamar imwettqa minn Interactive Media CCSP GmbH fuq talba ta’ eprimo, li tikkonsisti fil-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-utenti tas-servizz ta’ posta elettronika mingħajr ħlas “T-Online”. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessi 4 u 40 tad-Direttiva 2002/58 huma fformulati kif ġej:
[…]
|
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi: “1. Din id-Direttiva tarmonizza d-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ ħarsien ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali fis-settur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-‘ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea].” |
|
5 |
Skont il-punti (d), (f) u (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]
|
|
6 |
L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva, intitolat “Komunikazzjoni mhux mitluba”, jipprovdi: “L-użu ta’ sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati u ta’ komunikazzjoni, mingħajr l-intervent uman (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile (fax) jew posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jkun permess biss fir-rigward ta’ abbonati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel.” |
|
7 |
Il-premessa 67 tad-Direttiva 2009/136 tipprovdi: “Is-salvagwardji pprovduti għall-abbonati kontra l-intrużjoni fil-privatezza tagħhom minn komunikazzjonijiet mhux mitluba għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz tal-posta elettronika, għandhom jkunu applikabbli wkoll għall-SMS [messaġġi multimedjali (MMS)] u tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili.” |
|
8 |
L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46/KE jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […] h) ‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.” |
|
9 |
L-Artikolu 94(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2), intitolat “Tħassir tad-Direttiva 95/46/KE”, jipprevedi: “Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. […]” |
|
10 |
Il-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat kif ġej: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […] 11) ‘kunsens’ tas-suġġett tad-data bħala kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu.” |
|
11 |
Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2005/29:
|
|
12 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “1. Il-prattiċi kummerċjali żleali għandhom ikunu projbiti. 2. Prattika kummerċjali tkun żleali jekk:
[…] 4. B’mod partikolari, ikunu żleali dawk il-prattiċi kummerċjali li
5. Fl-Anness I tinsab lista ta’ dawk il-prattiċi kummerċjali li għandhom f’kull ċirkostanza jitqiesu bħala żleali. L-istess lista waħdanija għandha tapplika fl-Istati Membri kollha u tista tiġi modifikata biss permezz ta’ revizjoni tad-Direttiva.” |
|
13 |
L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi: “Prattika kummerċjali għandha titqies bħala aggressiva jekk, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha, permezz ta’ fastidju, kostrizzjoni, inkluż l-użu tal-forza fiżika, jew ta’ influwenza mhux xierqa, tfixkel b’mod sinifikanti jew x’aktarx tfixkel konsiderevolment il-libertà ta’ l-għażla jew l-imġieba tal-konsumatur medju fir-rigward tal-prodott u b’hekk tikkawża jew x’aktarx tikkawża li huwa jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.” |
|
14 |
Il-punt 26 tal-Anness I tal-istess direttiva, li jinkludi l-lista tal-prattiki kummerċjali meqjusa żleali fiċ-ċirkustanzi kollha, jipprevedi: “Prattiċi kummerċjali aggressivi […] (26) solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obligazzjoni kontrattwali. Din id-dispożizzjoni hija bla ħsara […] għad-direttivi 95/46/KE u [2002/58].” |
Id-dritt Ġermaniż
|
15 |
L-Artikolu 3(1) u (2) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi kontra l-Kompetizzjoni Żleali, tat‑3 ta’ Lulju 2004 BGBl. 2004 I, p. 1414, iktar ’il quddiem l-“UWG”) fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, huwa fformulat kif ġej: “(1) Il-prattiki kummerċjali żleali huma illegali. (2) Il-prattiki kummerċjali indirizzati lill-konsumaturi jew li jilħqu lil dawn tal-aħħar huma żleali meta ma jkunux konformi mad-diliġenza dovuta mill-imprendituri u meta jkunu ta’ natura li jinfluwenzaw sostanzjalment l-aġir ekonomiku tal-konsumatur.” |
|
16 |
Skont l-Artikolu 5a(6) tal-UWG, intitolat “Qerq permezz ta’ ommissjoni”: “Iwettaq […] att ta’ kompetizzjoni żleali kull min ma jindikax l-intenzjoni kummerċjali reali ta’ prattika, meta din ma tirriżultax diġà mill-kuntest u fejn l-assenza ta’ indikazzjoni tista’ twassal lill-konsumatur sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu f’ċirkustanzi oħra.” |
|
17 |
L-Artikolu 7 tal-UWG jipprovdi: “(1) Il-prattiki kummerċjali li jikkawżaw inkonvenjenza inaċċettabbli għal attur fis-suq huma illegali. Dan japplika b’mod partikolari għar-reklamar implimentat minkejja li huwa manifest li l-attur fis-suq imsemmi ma jridux. (2) Għandha dejjem tiġi preżunta l-eżistenza ta’ inkonvenjenza inaċċettabbli: 1. fil-każ ta’ reklamar li jinvolvi l-użu ta’ mezz ta’ komunikazzjoni kummerċjali adattat għall-kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod mhux imsemmi fil-punti 2 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni, li jissolleċita b’mod persistenti lill-konsumatur meta huwa manifestament ma jridux; […] 3. fil-każ ta’ reklamar li jinvolvi l-użu ta’ magna li ssejjaħ b’mod awtomatiku, ta’ faks jew ta’ posta elettronika, mingħajr il-kunsens espress minn qabel tad-destinatarju, jew 4. fil-każ ta’ reklamar fil-forma ta’ messaġġ
[…]” |
|
18 |
L-Artikolu 8 tal-UWG jipprovdi: “(1) Kull min iwettaq prattika kummerċjali illegali fir-rigward tal-Artikolu 3 jew tal-Artikolu 7 jista’ jkun is-suġġett ta’ azzjoni għat-tneħħija tal-istat ta’ fatt illegali u, fil-każ ta’ riskju ta’ reċidiva, ta’ inibizzjoni. Id-dritt ta’ inibizzjoni jeżisti meta hemm ir-riskju li tidher tali prattika li tmur kontra l-Artikolu 3 jew l-Artikolu 7. […] (3) Dawn li ġejjin igawdu mid-drittijiet mogħtija mill-paragrafu 1:
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
19 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li StWL u eprimo huma żewġ fornituri ta’ elettriku kompetituri. Fuq talba ta’ eprimo, Interactive Media CCSP, aġenzija tar-reklamar, bagħtet messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-posta elettronika ta’ utenti tas-servizz ta’ posta elettronika T‑Online. Dan is-servizz huwa ffinanzjat mir-reklamar imħallas mill-persuni li jirreklamaw u pprovdut mingħajr ħlas lill-utenti. |
|
20 |
Dawn ir-reklami dehru fl-inbox tal-posta elettronika privata ta’ dawn l-utenti, jiġifieri fit-taqsima li fiha l-ittri elettroniċi rċevuti huma indikati fil-forma ta’ lista, fejn dawn jiddaħħlu bejn l-ittri elettroniċi rċevuti. |
|
21 |
Dawn l-utenti għalhekk irċevew, fit‑12 ta’ Diċembru 2016, fit‑13 ta’ Jannar 2017 u fil‑15 ta’ Jannar 2017, messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tagħhom. Fihom dehru entrati li setgħu jiġu distinti viżwalment fil-lista ta’ ittri elettronċi oħra tal-utent fil-kont sempliċement minħabba l-fatt li d-data kienet issostitwita bil-kelma “Anzeige” (reklam), li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni tal-ispeditur u l-kliem kien jidher fuq sfond griż. It-Taqsima “Suġġett” korrispondenti għal din l-entrata fil-lista kien fiha test intiż għall-promozzjoni ta’ prezzijiet vantaġġużi għas-servizzi tal-elettriku u tal-gass. |
|
22 |
Mill-perspettiva teknika, kodiċi JavaScript ta’ server pubbliċitarju (Tag) huwa assoċjat mal-post inkwistjoni tal-inbox fuq il-paġna internet ikkonsultata mill-utent ta’ tali inbox tal-posta elettronika. Minħabba f’dan il-fatt, meta l-utent jiftaħ il-paġna internet, talba (Adrequest) tintbagħat lis-server pubbliċitarju sabiex huwa jagħżel banner pubbliċitarju b’mod każwali minn grupp ikkostitwit mill-persuni li jirreklamaw u jittrażmettih b’tali mod li jidher fl-inbox tal-utent. Jekk dan l-utent jikklikkja fuq ir-reklamar li jitla’, l-azzjoni tiġi trażmessa lis-server pubbliċitarju li jirreġistra l-klikk u jidderieġi l-browser lejn is-sit tal-persuna li tirreklama. |
|
23 |
Il-funzjonalità tas-servizz ta’ posta elettronika T-Online tittratta d-dħul tal-messaġġ pubbliċitarju inkwistjoni fl-inbox tal-utenti ta’ din il-posta elettronika b’mod differenti mill-ittri elettroniċi ordinarji: dan il-messaġġ pubbliċitarju, li jidher fil-forma ta’ ittra elettronika, jista’ jitħassar mil-lista, iżda la jista’ jiġi arkivjat, la modifikat, la trażmess u lanqas ma jista’ jitwieġeb. Fl-aħħar nett, l-imsemmi messaġġ pubbliċitarju ma jittieħidx inkunsiderazzjoni fin-numru totali ta’ ittri elettroniċi li jinsabu fl-inbox u lanqas ma huwa kkalkolat fl-ispazju tal-ħażna. |
|
24 |
StWL ikkunsidrat li din il-prattika ta’ reklamar li kienet tinvolvi l-użu ta’ posta elettronika mingħajr il-kunsens espress minn qabel tad-destinatarju kienet tmur kontra r-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali peress li kienet tikkostitwixxi “inkonvenjenza inaċċettabbli”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, u li kienet qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 5a(6) tal-UWG. Għal din ir-raġuni, StWL ressqet azzjoni għal waqfien fil-konfront ta’ eprimo quddiem il-Landgericht Nürnberg-Fürth (il-Qorti Reġjonali ta’ Nürnberg Fürth, il-Ġermanja). Din il-qorti laqgħet it-talba ta’ StWL u ordnat lil eprimo, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, tieqaf milli tibgħat, lil konsumaturi finali, tali reklamar relatat mad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-kont tal-posta elettronika ta’ T-online.de. |
|
25 |
Wara l-appell ippreżentat minn eprimo quddiem l-Oberlandesgericht Nürnberg (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Nürnberg, il-Ġermanja), din il-qorti qieset li t-tqegħid ikkontestat tar-reklamar fl-inbox tal-posta elettronika privata T-Online ma kienx, fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, prattika kummerċjali illegali. |
|
26 |
B’mod partikolari, skont l-imsemmija qorti, minn naħa, ir-reklamar tal-konvenuta ma kienx jikkostitwixxi inkonvenjenza inaċċettabbli li jinvolvi l-użu tal-“posta elettronika”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, peress li dan ir-reklamar ma setax jitqies li huwa “posta elettronika” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-reklamar kontenzjuż ma kienx jinvolvi, għall-utent tas-servizz ta’ posta elettronika T-Online, spejjeż jew piżijiet li jmorru lil hinn mill-inkonvenjenza “normali” kkawżata minn kull reklamar u għalhekk ma kienx jikkawża “inkonvenjenza inaċċettabbli” fis-sens tad-dispożizzjoni ġenerali tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tal-UWG, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li s-servizz ta’ posta elettronika huwa mingħajr ħlas. |
|
27 |
Min-naħa l-oħra, dik il-qorti kkonkludiet li r-reklamar inkwistjoni ma kienx illegali bl-applikazzjoni tal-punt 4(a) tal-Artikolu 7(2) tal-UWG, peress li dan ma kienx reklamar fil-forma ta’ messaġġi. Il-punt 1 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG lanqas ma kien applikabbli, peress li jippreżupponi “solleċitazzjoni”, fis-sens ta’ aġir li “jdejjaq” lil konsumatur, li ma huwiex il-każ hawnhekk. Barra minn hekk, peress li r-reklami tal-konvenuta ma jaħbux in-natura pubbliċitarja tagħhom, huma ma setgħux jiġu kkunsidrati li huma żleali minħabba li kienu qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 5a(6) tal-UWG. |
|
28 |
Adita b’rikors għal Reviżjoni minn StWL, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tqis li s-suċċess ta’ dan ir-rikors jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-punti (d) u (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 kif ukoll tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
|
29 |
Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, l-aġir ikkritikat lil eprimo seta’ kien illegali skont il-punt 3 tal-Artikolu 7(2) li jittrasponi l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Hija tindika li huwa wkoll possibbli li r-reklamar huwa illegali skont il-punt 1 tal-Artikolu 7(2) tal-UWG li jittrasponi l-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
|
30 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikseb mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja kjarifiki dwar il-kriterji li jirregolaw il-kunċett ta’ “posta elettronika”, fis-sens tal-punt (h) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, u dwar il-kunċett ta’ “użu” ta’ din tal-aħħar għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tagħha. Barra minn hekk, din il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-kriterji tas-“solleċitazzjoni”, fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
|
31 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u r-raba’ domanda
|
32 |
Permezz tal-ewwel sar-raba’ domanda tagħha, li hemm lok li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, minn naħa, jekk l-Artikolu 2(h) u l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-kriterji tal-kunċett ta’ “posta elettronika”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, huma ssodisfatti meta messaġġ pubbliċitarju jintwera wara l-ftuħ tal-paġna tal-internet, protett minn password, li jikkorrispondi għal kont tal-posta elettronika, f’ċerti spazji, previsti għal dan l-effett, tal-inbox elettroniku ta’ utent magħżul b’mod każwali, u min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li tali forma ta’ reklamar taqa’ taħt il-kunċett ta’ “użu […] ta’ posta elettronika għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn din teżiġi li l-utent tal-posta elettronika kkonċernata jkun ta l-kunsens tiegħu minn qabel għal tali forma ta’ reklamar, biss jekk jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu. |
|
33 |
Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id-Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarji sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. |
|
34 |
Kif ipprovdut fil-premessa 40 ta’ din id-direttiva, din hija intiża sabiex tipproteġi lill-abbonati kontra kwalunkwe intrużjoni tal-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba mwettqa għal skopijiet ta’kummerċjalizzazzjoni diretta, b’mod partikolari permezz ta’ magni li jsejħu awtomatikament, telefaxes u posta elettronika, inklużi messaġġi bl-SMS. |
|
35 |
L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/58 jipprevedi definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni” li tinkludi kull informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku. |
|
36 |
F’dan ir-rigward, l-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, intitolat “Komunikazzjoni mhux mitluba”, jawtorizza l-użu ta’ tipi differenti ta’ komunikazzjoni, jiġifieri s-sistemi ta’ sejħiet awtomatizzati mingħajr intervent mill-bniedem (magni ta’ sejħiet awtomatiċi), magni tal-facsimile jew posta elettronika, għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, sakemm din il-komunikazzjoni ssir lil abonnati jew utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom minn qabel. |
|
37 |
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu għalhekk jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk it-tip ta’ komunikazzjoni wżat għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta huwiex inkluż fost dawk indikati fl-imsemmija dispożizzjoni; fit-tieni lok, jekk tali komunikazzjoni għandhiex bħala għan il-kummerċjalizzazzjoni diretta u fit-tielet lok, jekk ġiex osservat ir-rekwiżit li jinkiseb kunsens minn qabel min-naħa tal-utent. |
|
38 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika li permezz tagħhom titwettaq kummerċjalizzazzjoni diretta, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, kif osserva l-Avukat Ġenerali, fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-lista tal-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija fil-premessa 40 u fl-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva ma hijiex eżawrjenti. |
|
39 |
Fil-fatt, minn naħa, id-Direttiva 2009/136, li emendat id-Direttiva 2002/58, tirreferi, fil-premessa 67 tagħha, għal forom ta’ komunikazzjonijiet minbarra dawk imsemmija fid-Direttiva 2002/58 meta din tistabbilixxi li l-garanziji mogħtija lill-abbonati kontra l-intrużjoni fil-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta permezz ta’ posta elettronika “għandhom jkunu applikabbli wkoll għall-SMS, l-MMS u tipi oħra ta’ applikazzjonijiet simili”. Min-naħa l-oħra, kif tippreċiża l-premessa 4 tad-Direttiva 2002/58, l-għan intiż li jiġi żgurat livell ugwali ta’ protezzjoni tad-data personali u tal-ħajja privata lill-utenti tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi aċċessibbli għall-pubbliku għandu jiġi ggarantit “irrispettivament mit-teknoloġija użata”, li jikkonferma li għandha tingħata tifsira wiesgħa u evoluttiva mill-perspettiva teknoloġika tat-tip ta’ komunikazzjonijiet intiżi minn din id-direttiva. |
|
40 |
Fid-dawl ta’ dan, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-messaġġ pubbliċitarju inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie trażmess lill-persuni kkonċernati permezz tal-użu ta’ wieħed mill-mezzi ta’ komunikazzjoni msemmija espressament fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, jiġifieri l-posta elettronika. |
|
41 |
F’dan ir-rigward, fil-fatt, mill-perspettiva tad-destinatarju, l-imsemmi messaġġ pubbliċitarju jintwera fl-inbox tal-utent tal-posta elettronika, jiġifieri fi spazju normalment irriżervat għall-ittri elettroniċi privati. L-utent jista’ jillibera dan l-ispazju sabiex ikollu stampa tal-posta elettronika esklużivament privata tiegħu biss wara li jkun ivverifika l-kontenut ta’ dan l-istess messaġġ pubbliċitarju u biss wara li jkun effettivament ħassru. Jekk l-utent jikklikkja fuq messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa jiġi ttrasferit lejn sit internet li jinkludi r-reklam inkwistjoni, minflok ikompli bil-qari tal-ittri elettroniċi privati tiegħu. |
|
42 |
Għalhekk, kuntrarjament għall-banners pubbliċitarji jew għall-pop-ups, li jidhru fil-marġni tal-lista tal-messaġġi privati jew b’mod separat minnhom, il-wiri ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali fil-lista tal-posta elettronika privata tal-utent, jostakola l-aċċess għal din il-posta b’mod simili għal dak użat għall-posta elettronika mhux mitluba (imsejħa wkoll “spam”) sa fejn tali forma ta’ reklamar teżiġi l-istess teħid ta’ deċiżjoni min-naħa tal-abbonat f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar ta’ dawn il-messaġġi. |
|
43 |
Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn il-messaġġi pubbliċitarji jokkupaw linji tal-inbox li huma normalment irriżervati għall-ittri elettroniċi privati u minħabba x-xebh tagħhom ma’ dawn tal-aħħar, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ messaġġi, li tista’ twassal għat-trasferiment tal-utent li jikklikkja fuq il-linja korrispondenti għall-messaġġ pubbliċitarji, kontra r-rieda tiegħu, lejn sit internet tar-reklam inkwistjoni, minflok ma jkompli jikkonsulta l-ittri elettroniċi privati tiegħu. |
|
44 |
Issa, kif osservat mill-Kummissjoni, jekk reklami ta’ kwalunkwe natura jidhru fl-inbox tal-posta elettronika fuq l-internet, jiġifieri fit-taqsima li fiha tintwera l-posta elettronika kollha mibgħuta lill-utent, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-inbox jikkostitwixxi l-mezz li permezz tiegħu l-messaġġi pubbbliċitarji kkonċernati jiġu kkomunikati lil dan l-utent, li jinvolvi l-użu tal-posta elettronika tiegħu għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Fi kliem ieħor, il-konvenuta u l-intervenjenti fil-kawża prinċipali kif ukoll il-fornitur ta’ posta elettronika involuti jużaw l-eżistenza tal-lista tal-ittri elettroniċi privati, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-interess u tal-fiduċja partikolari tal-abbonat fir-rigward ta’ din il-lista, sabiex iqiegħdu r-reklamar dirett billi jagħtu lil dan tal-aħħar aspett ta’ ittra elettronika ġenwina. |
|
45 |
Tali metodu ta’ aġir jikkostitwixxi użu tal-posta elettronika, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, li jista’ jippreġudika l-għan, imfittex minn din id-dispożizzjoni, ta’ protezzjoni tal-utenti kontra kull intrużjoni fil-ħajja privata tagħhom permezz ta’ komunikazzjonijiet mhux mitluba mwettqa għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta. |
|
46 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk messaġġi pubbliċitarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx huma stess il-kriterji li jippermettu li jiġu kklassifikati bħala “posta elettronika”, fis-sens tal-Artikolu 2(h) ta’ din id-direttiva ssir superfluwa, sa fejn dawn ikunu ġew ikkomunikati lill-utenti kkonċernati permezz tal-inbox tal-ittri elettroniċi tagħhom u, għalhekk, tal-posta elettronika tagħhom. |
|
47 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-komunikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva għandhomx bħala għan il-kummerċjalizzazzjoni diretta, għandu jiġi vverifikat jekk tali komunikazzjoni għandhiex għan kummerċjali u jekk hijiex indirizzata direttament u individwalment lil konsumatur. |
|
48 |
F’dan il-każ, in-natura stess tal-messaġġi pubbliċitarji inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma intiżi għall-promozzjoni ta’ servizzi, u l-fatt li jintbagħtu fil-forma ta’ posta elettronika, b’tali mod li jidhru direttament fl-inbox tal-posta elettronika privata tal-utent ikkonċernat jippermettu li dawn il-messaġġi jitqiesu li huma għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. |
|
49 |
Il-fatt li d-destinatarju ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji huwa magħżul b’mod każwali, fatt imsemmi fil-kuntest tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, ma jistax jikkontesta tali konklużjoni. |
|
50 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-għażla każwali jew iddeterminat minn qabel tad-destinatarju ma tikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58. Fi kliem ieħor, ftit jimporta li r-reklam inkwistjoni jkun indirizzat lil destinatarju ddeterminat minn qabel u identifikat individwalment jew anki li dan ikun suġġett għal xandir massiv u każwali lil diversi destinatarji. Dak li huwa importanti huwa li tkun teżisti komunikazzjoni b’għan kummerċjali li tilħaq direttament u individwalment utent wieħed jew iktar ta’ servizzi ta’ posta elettronika li titqiegħed fl-inbox tal-kont tal-posta elettronika ta’ dawn l-utenti. |
|
51 |
Issa, id-destinatarji ta’ tali messaġġi pubbliċitarji huma individwalizzati, b’mod partikolari, bħala utenti ta’ fornitur ta’ posta elettronika partikolari sa fejn l-utent jikseb l-aċċess għall-inbox tiegħu biss wara li jkun indika d-data ta’ reġistrazzjoni u l-password tiegħu. Konsegwentement, il-wiri jsir fi tmiem din il-proċedura ta’ awtentikazzjoni mill-utent fi spazju privat li huwa rriżervat għalih u li huwa intiż għall-konsultazzjoni tal-kontenut privat fil-forma ta’ ittri elettroniċi. |
|
52 |
Fit-tielet lok, fir-rigward preċiżament tar-rekwiżit li jinkiseb kunsens minn qabel, previst fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, għandu jitfakkar li, jekk komunikazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, din hija awtorizzata sakemm id-destinatarju tagħha jkun ta l-kunsens tiegħu minn qabel għaliha. |
|
53 |
F’dan ir-rigward, mill-punt (f) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679, jirriżulta li dan il-kunsens għandu jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 jew ukoll mill-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, skont jekk waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ regoli hijiex applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
|
54 |
L-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi “il-kunsens” bħala “indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.” |
|
55 |
Dan l-istess rekwiżit japplika wkoll fil-kuntest tar-Regolament 2016/679. Fil-fatt, il-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-“kunsens tas-suġġett tad-data” fis-sens li jeżiġi indikazzjoni ta’ rieda “mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa” tal-persuna kkonċernata, fil-forma ta’ dikjarazzjoni jew ta’ “azzjoni affermattiva ċara” li tindika l-aċċettazzjoni tagħha tal-ipproċessar tad-data ta’ natura personali li tikkonċernaha. |
|
56 |
Fir-rigward ta’ azzjoni għal waqfien ta’ prattika kummerċjali illegali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma huwiex eskluż, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fil-każ fejn il-proċedura mibdija minn StWL tkun intiża sabiex twaqqaf l-aġir ta’ eprimo għall-futur, ir-Regolament 2016/679 ikun applikabbli ratione temporis fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, u dan minkejja li l-fatti li wasslu għal din il-kawża seħħew qabel il‑25 ta’ Mejju 2018, data li fiha dan ir-regolament sar applikabbli, peress li d-Direttiva 95/46 tħassret b’effett minn din l-istess data. |
|
57 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li tali kunsens għandu jiġi rifless, tal-inqas, f’manifestazzjoni ta’ rieda libera, speċifika u informata min-naħa tal-persuna kkonċernata. |
|
58 |
F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, waqt il-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-indirizz tal-posta elettronika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, is-servizz ta’ posta elettronika T-Online huwa offrut lill-utenti fil-forma ta’ żewġ kategoriji ta’ servizzi ta’ messaġġi, jiġifieri, minn naħa, servizz ta’ posta elettronika mingħajr ħlas, iffinanzjat mir-reklamar u, min-naħa l-oħra, servizz ta’ posta elettronika bil-ħlas, mingħajr reklamar. Għalhekk, l-utenti li jagħżlu s-servizz mingħajr ħlas, bħal fil-kawża prinċipali, jaċċettaw li jirċievu messaġġi pubbliċitarji sabiex ma jħallsux korrispettiv għall-użu ta’ dan is-servizz ta’ posta elettronika. |
|
59 |
F’dan ir-rigward, hija, madankollu, il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-utent ikkonċernat, li jkun għażel is-servizz ta’ posta elettronika T-Online mingħajr ħlas, ikunx ġie debitament informat bil-modalitajiet preċiżi ta’ komunikazzjoni ta’ tali reklamar u effettivament ikunx ta l-kunsens tiegħu sabiex jirċievi messaġġi pubbliċitarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi żgurat, minn naħa, li dan l-utent ikun ġie informat b’mod ċar u preċiż b’mod partikolari bil-fatt li messaġġi pubbliċitarji jintwerew fil-lista tal-ittri elettroniċi privati rċevuti, u, min-naħa l-oħra, li huwa wera l-kunsens tiegħu b’mod speċifiku u b’għarfien sħiħ sabiex jirċievi tali messaġġi pubbliċitarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2020, Orange Romania, C‑61/19, EU:C:2020:901, punt 52). |
|
60 |
Għalhekk, fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat, b’risposta għar-raba’ domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk sabiex forma ta’ reklamar bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun ikklassifikata bħala “użu […] posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi kkonstatat li l-piż impost fuq l-utent imur lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu, li l-osservanza ta’ tali rekwiżit ma huwiex impost minn din id-direttiva. |
|
61 |
Fil-fatt, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-premessa 40 ta’ din id-direttiva li r-rekwiżit tal-kisba ta’ kunsens minn qabel previst fl-imsemmija dispożizzjoni huwa spjegat, b’mod partikolari, mill-fatt li l-komunikazzjonijiet mhux mitluba magħmula għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jistgħu “jimponu piż u/jew spiża fuq ir-riċevent”. Peress li tali komunikazzjonijiet jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58, ma huwiex għalhekk neċessarju li jiġi vverifikat jekk il-piż li jirriżulta minnhom għad-destinatarju jmurx lil hinn minn inkonvenjenza kkawżata lilu. |
|
62 |
F’dan il-każ, huwa barra minn hekk stabbilit li forma pubbliċitarja bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi effettivament piż fuq l-utent ikkonċernat sa fejn, kif ġie rrilevat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, il-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji fil-lista tal-ittri elettroniċi privati tal-utent, peress li jostakola l-aċċess għal dawn l-ittri elettroniċi b’mod simili għal dak użat għall-posta elettronika mhux mitluba (spam), tirrikjedi l-istess teħid ta’ deċiżjoni min-naħa tal-abbonat fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dawn il-messaġġi. |
|
63 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2002/58 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi “użu […] ta’ posta elettronika għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, il-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma simili għal dik ta’ ittra elettronika ġenwina u fl-istess post bħal din tal-aħħar, filwaqt li kemm id-determinazzjoni każwali tad-destinatarji tal-imsemmija messaġġi kif ukoll in-neċessità li jiġi kkonstatat il-livell ta’ intensità tal-piż impost fuq dan l-utent huma irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li dan l-użu huwa awtorizzat biss sakemm l-imsemmi utent ikun ġie informat b’mod ċar u preċiż dwar il-modalitajiet ta’ komunikazzjoni ta’ tali reklamar, b’mod partikolari fil-lista tal-ittri elettroniċi privati rċevuti, u jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod speċifiku u b’għarfien sħiħ li jirċievi tali messaġġi pubbliċitarji. |
Fuq il-ħames domanda
|
64 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li forma ta’ reklamar li tikkonsisti fil-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li tixbah lil dik ta’ ittra elettronika ġenwina u fl-istess post bħal din tal-aħħar, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa” tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
65 |
L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprojbixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-prattiki kummerċjali żleali u jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kriterji sabiex jiġi ddeterminat jekk prattika kummerċjali hijiex ta’ natura żleali. |
|
66 |
L-Artikolu 5(4) tal-imsemmija direttiva jippreċiża, sussegwentement, li huma żleali, b’mod partikolari, il-prattiki kummerċjali li huma “qarrieqa”, fis-sens tal-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2005/29 u dawk li huma “aggressivi”, fis-sens tal-Artikoli 8 u 9 ta’ din id-direttiva. |
|
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2005/29 twettaq armonizzazzjoni sħiħa fuq il-livell tal-Unjoni tar-regoli dwar il-prattiki kummerċjali żleali tal-impriżi fil-konfront tal-konsumaturi u tistabbilixxi, fl-Anness I tagħha, lista eżawrjenti ta’ 31 prattika kummerċjali li, skont l-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva, huma kkunsidrati bħala żleali “f’kull ċirkostanza”. Konsegwentement, kif ippreċiżat espressament fil-premessa 17 tal-imsemmija direttiva, dawn huma l-uniċi prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu li huma żleali bħala tali, mingħajr evalwazzjoni każ b’każ skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 5 sa 9 tal-istess direttiva (sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Peek & Cloppenburg, C‑371/20, EU:C:2021:674 punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
68 |
Għalhekk, b’applikazzjoni tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 huwa kklassifikat bħala “prattika kummerċjali żleali fiċ-ċirkustanzi kollha”, sa fejn huwa prattika kummerċjali aggressiva, il-fatt li “kummerċjant jagħmel solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa permezz tat-telefon, fax, e-mail jew mezz ieħor remot ħlief f’ċirkostanzi u sal-punt ġustifikat, skond il-liġi nazzjonali, sabiex jinforza obbligazzjoni kontrattwali.” |
|
69 |
Issa, kif ġie rrilevat fil-punti 48, 50 u 51 ta’ din is-sentenza, messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jitqies li huwa indirizzat direttament u individwalment lill-utent ikkonċernat sa fejn, peress li jiġi trażmess fil-forma ta’ posta elettronika, jidher direttament fl-inbox tal-posta elettronika privata tal-utent ikkonċernat, fi spazju privat, protett minn password, li huwa rriżervat għalih u fejn huwa jistenna li jirċievi biss messaġġi li huma indirizzati lilu individwalment. |
|
70 |
Minħabba dan il-fatt, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 71 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-effett tal-imsemmi messaġġ huwa għalhekk simili għal dak ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta individwalizzata, irrispettivament minn jekk il-persuna li tibgħat ir-reklam tkunx individwalizzat jew le lil dan id-destinatarju speċifiku waqt il-preparazzjoni teknika tal-messaġġ inkwistjoni u irrispettivament minn jekk dan il-messaġġ ikunx ittrattat b’mod differenti mill-ittri elettroniċi f’termini ta’ spazju ta’ ħażna u ta’ funzjonalitajiet marbuta mal-ipproċessar ġenwin ta’ posta elettronika. |
|
71 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li tali messaġġ pubbliċitarju jikkostitwixxi “solleċitazzjoni” tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika, fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29. |
|
72 |
Madankollu, għad irid jiġi vverifikat jekk tali talba hijiex “persistenti u mhux mixtieqa” b’tali mod li għandha tiġi pprojbita fiċ-ċirkustanzi kollha abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
73 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, kif tfakkar fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, l-utenti kkonċernati tliet darbiet irċevew messaġġi pubbliċitarji fl-inbox tal-ittri elettroniċi privati tagħhom, jiġifieri, fit‑12 ta’ Diċembru 2016, fit‑13 ta’ Jannar 2017 u fil‑15 ta’ Jannar 2017, rispettivament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali solleċitazzjoni, fid-dawl ukoll tal-frekwenza tagħha fi żmien limitat, għandha titqies li hija “persistenti”, fis-sens tal-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ. |
|
74 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tan-natura “mhux mixtieqa”, fis-sens ta’ dan l-istess punt 26, ta’ tali forma pubbliċitarja, għandu jiġi vverifikat, jekk il-wiri ta’ messaġġ pubbliċitarju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax din il-kundizzjoni, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ kunsens mogħti minn dan l-utent qabel dan il-wiri kif ukoll tal-oppożizzjoni eventwali għal tali forma ta’ reklamar espressa mill-imsemmi utent. Barra minn hekk, tali oppożizzjoni seħħet fil-kawża prinċipali, kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju. |
|
75 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt 26 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li forma ta’ reklamar li tikkonsisti fil-wiri fl-inbox tal-utent ta’ servizz ta’ posta elettronika ta’ messaġġi pubbliċitarji f’forma li hija simili għal dik ta’ ittra elettronika ġenwina u fl-istess post bħal din tal-aħħar taqa’ taħt il-kunċett ta’ “solleċitazzjonijiet persistenti u mhux mixtieqa” tal-utenti ta’ servizzi ta’ posta elettronika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jekk il-wiri ta’ dawn il-messaġġi pubbliċitarji, minn naħa, huwa ta’ natura suffiċjentement frekwenti u regolari sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “solleċitizzjonijiet persistenti” u, min-naħa l-oħra, jista’ jiġi kklassifikat bħala “solleċitazzjonijiet mhux mixtieqa” fl-assenza ta’ kunsens mogħti minn dan l-utent qabel dan il-wiri. |
Fuq l-ispejjeż
|
76 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.