SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

11 ta’ Frar 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni tas-sajd – Regolament (KE) Nru 1224/2009 – Sistema ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd – Użu abbord bastiment tas-sajd ta’ apparat li jippermetti l-klassifikazzjoni awtomatika bid-daqs ta’ ħut – Artikolu 89 – Miżuri intiżi sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli – Artikolu 90 – Sanzjonijiet kriminali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawża C‑77/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2020, fil-proċedura kriminali kontra

K. M.

fil-preżenza ta’:

Director of Public Prosecutions,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatriċi) u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K. M., minn E. Sweetman, BL, kif ukoll minn D. C. Smyth, SC, u D. F. Conway, solicitor,

għad-Director of Public Prosecutions, minn H. Kiely u A. Collins, bħala aġenti, assistiti minn F. McDonagh, SC, u minn T. Rice, BL,

għall-Irlanda, minn A. Joyce, J. Quaney u M. Browne, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, BL

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Moro, K. Walkerová u A. Dawes, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tal-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU 2009, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2015, L 149, p. 23; ĠU 2014, L 318, p. 34; ĠU 2013, L 355, p. 93).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija mid-Director of Public Prosecutions (id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, l-Irlanda) kontra K. M., il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd, għaż-żamma abbord ta’ apparat li jippermetti l-klassifikazzjoni awtomatika bid-daqs tal-aringi, sawrell u kavalli mingħajr ma jiġi installat jew impjantat b’mod li jiżgura ffriżar immedjat u li jipprekludi r-rilaxx fil-baħar ta’ organiżmi marittimi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 850/98

3

Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament tal-Kunsill Nru 850/98 tat‑30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 217), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 227/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2013 (ĠU 2013, L 78, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 850/98”), intitolat “Projbizzjoni ta’ selezzjoni kwalitattiva”:

“1.   Fir-Reġjuni 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi pprojbit ir-rimi ta’ speċi soġġetti għal kwota li tista’ tiġi legalment żbarkata matul operazzjonijiet tas-sajd.

2.   Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jew fi kwalunkwe att legali tal-Unjoni ieħor fil-qasam tas-sajd.”

4

L-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ tagħmir ta’ għażla awtomatiku”, jipprevedi:

“1.   Iż-żamma jew l-użu abbord ta’ bastiment tas-sajd ta’ tagħmir li jkun jista jagħżel awtomatikament, aringi jew sawrell jew kavalli, skond id-daqs jew skond is-sess għandu jkun ipprojbit.

2.   Madankollu, il-ġarr u l-użu ta’ tali tagħmir għandu jkun permess kemm-il darba:

(a)

il-bastiment ma jġorrx jew ma jużax abbord fħin simultanju apparat ta’ ġbid ta’ daqs ta’ toqob inqas minn 70 millimetru jew purse seine waħda jew aktar jew apparat tas-sajd simili;

jew

(b)

(i)

il-qabda kollha li tkun tista tinżamm abbord bil-liġi tkun maħżuna fi stat friżat, il-ħut magħżul ikun iffriżat immedjatament wara li jintagħżel u l-ebda ħut magħżul ma jkun mitfugħ lura l-baħar minbarra kif meħtieġ bl-Artikolu 19;

u

(ii)

it-tagħmir ikun installat u miżmum fuq il-bastiment b’tali mod sabiex jassigura friżar immedjat u li ma jħallix it-tfiegħ lura fil-baħar ta’ organiżmi tal-baħar.

3.   Kull bastiment awtorizzat fil-Baltiku, Belts jew Sound jista jġorr tagħmir ta’ għażla awtomatiku fil-Kattegat sakemm ikun maħruġ permess speċjali tas-sajd għal dak l-effett.

Il-permess speċjali tas-sajd għandu jiddefinixxi l-ispeċi, l-iinħawi, il-perjodi ta’ żmien u kull kondizzjoni oħra applikabbli għall-użu u l-ġarr abbord tat-tagħmir ta’ għażla.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2008

5

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad‑29 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU 2008, L 286, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2011, L 22, p. 8), intitolat “Bastimenti tas-sajd involuti f’sajd [illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat]”:

“1.   Bastiment tas-sajd għandu jiġi preżunt li hu involut f’sajd [illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat] jekk jintwera li, kuntrarju għall-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli fiż-żona kkonċernata, ikun:

[…]

(e)

uża tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi, jew

[…]

2.   L-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkunsidrati bħala ksur serju skond l-Artikolu 42 skond il-gravità tal-ksur in kwestjoni li għandu jiġi determinat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, b’kont meħud tal-kriterji bħad-dannu magħmul, il-valur tiegħu, il-gravità tal-ksur jew ir-repetizzjoni tiegħu.”

6

L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1005/2008, intitolat “Ksur serju”, jiddisponi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ksur serju tfisser:

(a)

l-attivitajiet ikkunsidrati li jikkostitwixxu sajd [illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat] skond il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3;

[…]

2.   Il-karattru serju tal-ksur għandu jiġi determinat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru, b’kont meħud tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(2).”

7

L-Artikolu 44 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sanzjonijiet għal ksur serju”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna fiżika li tkun kkommettiet ksur serju jew li għalih persuna ġuridika tkun inżammet responsabbli tkun punibbli b’sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni massima ta’ mill-inqas ħames darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba bit-twettiq tal-ksur serju.

F’każ ta’ ksur serju ripetut, matul perijodu ta’ 5 snin, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni massima ta’ mill-inqas tmien darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba bit-twettiq tal-ksur serju.

Fl-applikazzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet l-Istati Membri għandhom jieħdu kont ukoll tal-valur tal-preġudizzju għar-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar ikkonċernati.

3.   L-Istati Membri jistgħu ukoll jew b’mod alternattiv jużaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

8

Il-punt (3) tal-Artikolu 45 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Sanzjonijiet komplementari”, jipprevedi:

“Is-sanzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu jistgħu jkunu kkomplementati b’sanzjonijiet u miżuri oħrajn, b’mod partikolari:

[…]

(3)

il-konfiska tat-tagħmir tas-sajd, il-qabdiet ta’ ħut, il-prodotti tas-sajd pprojbiti;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1224/2009

9

Il-premessi 2, 38 u 39 tar-Regolament Nru 1224/2009 huma fformulati kif ġej:

“(2)

Minħabba li s-suċċess tal-Politika Komuni tas-Sajd jinvolvi l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effikaċi, il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ifittxu li jistabbilixxu sistema tal-Komunità għall-kontroll, l-ispezzjoni, u l-infurzar permezz ta’ approċċ globali u integrat f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli kollha tal-Politika Komuni tas-Sajd sabiex isir provvediment għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi akkwatiċi ħajjin billi jiġu koperti l-aspetti kollha ta’ din il-politika.

[…]

(38)

Iċ-ċittadini tal-Istati Membri għandhom jiġu skoraġġuti milli jwettqu infrazzjonijiet tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Peress illi l-azzjoni li tittieħed wara l-infrazzjonijiet ta’ dawk ir-regoli tvarja ħafna minn Stat Membru għal ieħor, u b’hekk tikkawża diskriminazzjoni u regoli inġusti ta’ kompetizzjoni għas-sajjieda, u minħabba li l-assenza ta’ sanzjonijiet diswassivi, proporzjonali u effikaċi f’ċerti Stati Membri tnaqqas l-effikaċja tal-kontrolli, huwa xieraq li jiġu introdotti sanzjonijiet amministrattivi flimkien ma’ sistema ta’ punti għal infrazzjonijiet serji biex ikun ipprovdut deterrent veru.

(39)

Il-persistenza ta’ għadd kbir ta’ infrazzjonijiet serji tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-ilmijiet Komunitarji jew minn operaturi Komunitarji hija attribwibbli l-aktar għal multi ta’ sanzjonijiet ta’ livell baxx wisq biex iservu ta’ deterrent għal infrazzjonijiet serji ta’ dawk ir-regoli, stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din id-dgħufija hija aggravata mid-diskrepanza kbira fil-livelli tas-sanzjonijiet bejn l-Istati Membri, li tinkuraġġixxi lill-operaturi illegali biex joperaw fl-ilmijiet jew fit-territorju tal-Istati Membri fejn is-sanzjonijiet huma l-aktar baxxi. Għalhekk huwa xieraq li jiġu komplementati l-livelli massimi tas-sanzjonijiet stabbiliti għal infrazzjonijiet serji tar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd kif stabbilit fl-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 b’sanzjonijiet dissważivi, b’kont meħud tan-natura tal-ħsara, il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba mill-infrazzjoni serja, tas-sitwazzjoni ekonomika tat-trasgessur u ta’ kwalunwke repetizzjoni tal-infrazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll miżuri ta’ infurzar immedjat u miżuri kumplimentari.”

10

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li dan “jistabbilixxi sistema Komunitarja għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar […] biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd”.

11

Skont l-Artikolu 89(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1224/2009, intitolat “Miżuri għall-iżgurar tal-konformità”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri adatti b’mod sistematiku, inkluż azzjoni amministrattiva jew proċedimenti kriminali f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, kontra l-persuni fiżika jew ġuridika suspettati li kisru kwalunkwe mir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd.

2.   Il-livell ġenerali ta’ sanzjonijiet u sanzjonijiet li jakkumpanjaw għandu jiġi kkalkulat, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, b’tali mod li jkun żgurat li dawk responsabbli mill-benefiċċji ekonomiċi miksuba mill-infrazzjoni tagħhom jiġu miċħuda b’mod effettiv mingħajr preġudizzju għad-dritt leġittimu tal-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Dawk is-sanzjonijiet għandhom wkoll ikunu kapaċi jipproduċu riżultati proporzjonali għas-serjetà ta’ tali infrazzjoni, u b’hekk jkunu skoraġġati b’mod effettiv aktar reati tal-istess xorta.

3.   L-Istati Membri jistgħu japplikaw sistema fejn multa tkun proporzjonali mal-valur tal-bejgħ tal-persuna ġuridika, inkella għall-vantaġġ finanzjarju miksub jew previst mit-twettiq tal-infrazzjoni.”

12

L-Artikolu 90 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Sanzjonijiet għal infrazzjonijiet serji”, jipprevedi:

“1.   Minbarra l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, l-attivitajiet li ġejjin għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala infrazzjonijiet serji […]

[…]

(c)

in-nuqqas ta’ żbarkar ta’ kwalunkwe speċi soġġetta għal kwota maqbuda matul operazzjoni tas-sajd dment li tali żbark ma jkunx kontra l-obbligi previsti fir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, fis-sajd jew iż-żoni tas-sajd fejn japplikaw dawn ir-regoli.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuna fiżika li tkun wettqet infrazzjoni serja jew persuna ġuridika miżmuma responsabbli għal infrazzjoni serja tkun ikkastigata permezz ta’ sanzjonijiet amministrattivi effettivi, proporzjonali u dissważivi, skont il-firxa ta’ sanzjonijiet u miżuri previsti fil-Kapitolu IX tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008, l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni li tkun effettivament dissważiva u, skont kif adatt, ikkalkulata fuq il-valur tal-prodotti tas-sajd miksubin bit-twettiq ta’ infrazzjoni serja.

4.   Meta qed jiffissaw l-ammont tas-sanzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ukoll il-valur tal-preġudizzju għar-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar ikkonċernat.

5.   L-Istati Membri jistgħu wkoll, jew alternattivament, jużaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonali u dissważivi.

6.   Is-sanzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu jistgħu jkunu akkumpanjati minn sanzjonijiet jew miżuri oħra, partikolarment dawk deskritti fl-Artikolu 45 tar-Regolament (KE) Nru 1005/2008.”

Id-dritt Irlandiż

13

Skont l-Artikolu 14(3) tas-Sea Fisheries and Maritime Jurisdiction Act 2006 (il-Liġi tal‑2006 dwar is-Sajd fil-Baħar u l-Ġurisdizzjoni Marittima, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2006”), fil-każ ta’ ksur tar-regolamenti adottati taħt l-imsemmi artikolu, dwar bastiment tas-sajd marittimu jew makkinarju jew tagħmir tas-sajd li jinsab abbord, il-kaptan jista’ jiġi mfittex. L-Artikolu 14(4) tal-Liġi tal‑2006 jipprevedi li, fil-każ ta’ prosekuzzjoni kriminali, huwa l-akkużat li għandu juri li jista’ jibbenefika minn kull eżenzjoni li huwa jinvoka.

14

L-Artikolu 28 tal-Liġi tal‑2006 jikkonċerna l-multi għal ċertu ksur. Dawn il-multi jiddependu min-natura tal-ksur u mill-kwistjoni dwar jekk il-proċeduri humiex sommarji jew skont att tal-akkuża. Proċedura kriminali sommarja, fis-sistema ġuridika Irlandiża, hija proċedura mingħajr ġurija, li tiżvolġi quddiem qorti waħda. Din il-proċedura hija rriżervata għall-ksur minuri. Ir-reati l-iktar gravi huma meqjusa skont att tal-akkuża u l-proċedura tinvolvi ġurija.

15

Fil-każ ta’ dikjarazzjoni ta’ ħtija wara att tal-akkuża, l-Artikolu 28(1) tal-Liġi tal‑2006 u t-tabella 1 li tinsab fih jiddefinixxu l-multa massima, iżda l-qorti tista’ timponi multa inqas ħarxa. Il-multa massima hija stabbilita skont id-daqs tal-bastiment ikkonċernat. Multa imposta skont dan l-artikolu ma għandhiex tkun akkumpanjata minn multa amministrattiva jew priġunerija.

16

L-Artikolu 28(5) tal-Liġi tal‑2006 jipprevedi li, meta persuna tiġi ddikjarata ħatja wara att tal-akkuża għal reat previst minn din il-liġi, il-qabdiet u t-tagħmir tas-sajd ipprojbiti jew mhux konformi li jinsabu abbord il-bastiment ikkonċernat jistgħu jinqabdu bħala konsegwenza ġuridika tal-kundanna. Skont l-Artikolu 28(5)(b) tal-imsemmija liġi, dan il-qbid huwa obbligatorju fil-każ ta’ kundanna għall-parti l-kbira tar-reati stabbiliti mil-Liġi tal‑2006, li minnha jifforma parti r-reat li għalih ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ġie ddikjarat ħati. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma tordnax qbid fil-każ ta’ kundanna għal ksur tal-Artikoli 8 jew 9 ta’ din il-liġi, li jittrattaw il-preżenza illegali ta’ bastiment fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Irlanda.

17

L-Artikolu 28(6) tal-Liġi tal‑2006 jistabbilixxi r-regoli dwar il-qbid fil-każ ta’ kundanna wara proċeduri sommarji. Il-qbid jaqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tal-qorti fil-każ tal-ewwel reat jew fil-każ ta’ kundanna għal ksur tal-Artikoli 8 jew 9 ta’ din il-liġi. Min-naħa l-oħra, dan huwa obbligatorju fil-każ ta’ tieni kundanna jew ta’ kundanna sussegwenti, bl-eċċezzjoni ta’ kundanna għal ksur ta’ dawn l-artikoli.

18

L-Artikolu 28(7) tal-Liġi tal‑2006 jipprevedi li, minbarra l-multa u l-qbid, il-qorti tista’ tirrevoka jew tissospendi l-liċenzja tal-bastiment ikkonċernat.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

19

Fil‑11 ta’ Frar 2015, bastiment tas-sajd irreġistrat fir-Renju Unit, li K. M. kien il-kaptan tiegħu, ġie interċettat fil-baħar fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Irlanda, permezz ta’ bastiment marittimu Irlandiż li kien qiegħed għassa fil-kuntest tal-attribuzzjonijiet tiegħu ta’ protezzjoni tas-sajd marittimu.

20

Wara l-ispezzjoni tal-bastiment tas-sajd, ġie kkonstatat li apparat li jippermetti l-klassifikazzjoni skont id-daqs tal-aringi, sawrell u kavalli kien jinsab abbord, mingħajr madankollu ma kien installat jew impjantat b’mod li jiżgura ffriżar immedjat u li jipprekludi r-rilaxx fil-baħar ta’ organiżmi tal-baħar. Il-flotta Irlandiża qieset li l-mod kif dan l-apparat kien armat kien iħalli suspett li l-bastiment inkwistjoni kien involut f’attività ta’ sajd illegali, imsejħa “żieda fil-valur tal-qabda”, li tikkonsisti f’li jintgħażel l-aħjar ħut tal-qbid u li l-kumplament jiġi miċħud fil-baħar.

21

Peress li ż-żamma abbord u l-użu ta’ dan it-tip ta’ apparat hija pprojbita kemm mill-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 850/98 kif ukoll mil-liġi Irlandiża, jiġifieri s-Sea Fisheries (Technical Measures) Regulations 2013 (ir-Regolament tal-2013 dwar il-Ħut Marittimu (Miżuri Tekniċi)) u l-Artikolu 14 tal-Liġi tal‑2006, fis‑27 ta’ Lulju 2015, K. M. ġie kkundannat mill-Cork Circuit Criminal Court (il-Qorti Kriminali Distrettwali ta’ Cork, l-Irlanda), wara li ġie rrikonoxxut li kien ħati għaż-żamma tal-imsemmi apparat permezz ta’ deċiżjoni tal-ġurija tas‑16 ta’ Ġunju 2015, konformement mal-akkużi fformulati mid-Director of Public Prosecutions (id-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, l-Irlanda). Ġiet imposta fuqu multa ta’ EUR 500, flimkien mal-qbid tal-qabdiet, stmati għal EUR 344000, u l-qbid tat-tagħmir tas-sajd mhux konformi, stmat għal EUR 55000.

22

K. M. appella minn din il-kundanna quddiem il-qorti tar-rinviju billi kkontesta l-gravità tas-sanzjoni applikata, b’mod partikolari fir-rigward tal-qbid tal-qabdiet u dik tat-tagħmir tas-sajd mhux konformi.

23

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mar-Regolament Nru 1224/2009 u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi, bħala sanzjoni fil-każ ta’ ksur gravi tar-regoli dwar il-politika komuni tas-sajd, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi li jinsabu abbord.

24

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-politika komuni tas-sajd u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 32 tar-Regolament […] Nru 850/1998 […], u fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija sabiex jiġu infurzati d-dispożizzjonijiet tagħhom, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tipprevedi, fil-każ ta’ kundanna bbażata fuq l-akkuża, flimkien ma’ multa, il-konfiska obbligatorja tal-ħut kollu u tal-irkaptu tas-sajd kollu misjub abbord id-dgħajsa li għaliha jirreferi r-reat, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament […] Nru 1224/2009 […], b’mod partikolari mal-Artikoli 89 u 90 tiegħu, u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità taħt it-Trattati […] u l-Artikolu 49(3) tal-[Karta]?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament Nru 1224/2009, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98, tipprevedi mhux biss l-impożizzjoni ta’ multa, iżda wkoll il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbiti jew mhux konformi abbord il-bastiment ikkonċernat.

26

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 850/98, li hemm riferiment għalih fid-deċiżjoni tar-rinviju, tħassar mill‑14 ta’ Awwissu 2019 bir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU 2019, L 198, p. 105). Madankollu, peress li r-Regolament Nru 850/98 kien fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, huwa, konsegwentement, applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali.

27

Mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1224/2009, moqri fid-dawl tal-premessa 2 tiegħu, jsegwi li, fid-dawl tal-fatt li s-suċċess tal-politika komuni tas-sajd iseħħ permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ kontroll effikaċi, dan ir-regolament huwa intiż li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ eżekuzzjoni li għandha approċċ globali u integrat konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tar-regoli kollha tal-politika komuni tas-sajd u għalhekk jiġi permess l-użu sostenibbli tar-riżorsi akwatiċi ħajjin billi jiġu koperti l-aspetti kollha ta’ din il-politika.

28

F’dan ir-rigward, il-premessa 38 tal-imsemmi regolament tippreċiża li l-assenza ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi f’ċerti Stati Membri tnaqqas l-effettività tal-kontrolli.

29

Fil-fatt, l-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw li l-ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd ikun is-suġġett ta’ sanzjonijiet ta’ natura effettiva, proporzjonata u dissważiva għandu importanza essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑249/08, mhux ippubblikata, EU:C:2009:672, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

F’dan il-kuntest, l-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament Nru 1224/2009 jafdaw lill-Istati Membri d-dmir li jiżguraw li jittieħdu miżuri xierqa sabiex jissanzjonaw il-ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd. Mingħajr ma jimponu sanzjonijiet speċifiċi, dawn l-artikoli jistabbilixxu ċerti kriterji li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni kif ukoll il-prinċipju li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

31

B’mod partikolari, l-Artikolu 89(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi l-obbligu għall-Istati Membri li jieħdu b’mod sistematiku miżuri xierqa, inklużi, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-ftuħ ta’ proċedura amministrattiva jew kriminali, kontra l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ssuspettati li kisru kwalunkwe mir-regoli tal-politika komuni tas-sajd.

32

L-Artikolu 89(2) tar-Regolament Nru 1224/2009 jippreċiża li l-livell globali tas-sanzjonijiet u tas-sanzjonijiet anċillari huwa kkalkolat, konformement mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’tali mod li l-persuni li jwettqu l-ksur jiġu effettivament imċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur li huma jkunu wettqu, bla ħsara għad-dritt leġittimu li jeżerċitaw professjoni, u li dawn is-sanzjonijiet jippermettu li jinħolqu effetti proporzjonati mal-gravità tal-ksur, b’mod li kull persuna tiġi skoraġġuta b’mod effettiv milli twettaq ksur tal-istess natura. Kif jirriżulta mill-Artikolu 89(3) ta’ dan ir-regolament, sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjonalità tal-multa, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni ċerti elementi, fosthom id-dħul mill-bejgħ tal-persuna ġuridika jew il-vantaġġ finanzjarju miksub jew magħmul possibbli minħabba t-twettiq tal-ksur.

33

L-Artikolu 90 tar-Regolament Nru 1224/2009, min-naħa tiegħu, jirrigwarda l-każijiet ta’ ksur serju. Skont l-Artikolu 90(1) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 39 tiegħu, sabiex tiġi ddeterminata l-gravità tal-ksur, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni kriterji bħan-natura tad-dannu, il-valur tiegħu, is-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li wettqet il-ksur u l-importanza jew ir-reċidività tal-ksur. Din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment ukoll għall-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1005/2008, moqri flimkien mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, li jistgħu jikkostitwixxu ksur gravi u li fosthom hemm l-użu tat-tagħmir ipprojbit jew mhux konformi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

34

Fir-rigward tas-sanzjonijiet, mill-Artikolu 90(3) tar-Regolament Nru 1224/2009 isegwi li l-Istati Membri għandhom jimponu sanzjoni li tkun effettivament dissważiva u, skont il-każ, ikkalkolata fuq il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba bit-twettiq ta’ ksur serju. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 90(4) ta’ dan ir-regolament jippreċiża li, meta huma jiffissaw is-sanzjoni, l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-valur tal-preġudizzju kkawżat għar-riżorsi tas-sajd u l-ambjent tal-baħar ikkonċernati. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 90(5) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membri jistgħu wkoll, jew minflok, jużaw sanzjonijiet kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi.

35

Minn dan isegwi li, fl-osservanza ta’ dawn il-limiti, kif jirriżultaw mill-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament Nru 1224/2009, l-għażla tas-sanzjonijiet tħalliet għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni fil-qasam tas-sanzjonijiet applikabbli, l-Istati Membri jibqgħalhom il-kompetenza li jagħżlu s-sanzjonijiet li jidhrilhom li huma xierqa. Madankollu, l-Istati Membri huma marbuta li jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, u konsegwentement, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

B’mod partikolari, il-miżuri amministrattivi jew repressivi permessi minn leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhomx jeċċedu l-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimament imfittxija minn din il-leġiżlazzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Barra minn hekk, il-ħruxija tas-sanzjonijiet għandha tkun adegwata għall-gravità tal-ksur li huma jissanzjonaw, b’mod partikolari billi jiġi żgurat effett realment dissważiv, filwaqt li jiġi osservat il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, fir-rigward tal-ksur imwettaq minn K. M., il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi, minbarra l-multa, huwiex proporzjonat għat-twettiq tal-għan leġittimu mfittex mill-projbizzjoni li tirrigwarda l-apparat ta’ klassifikazzjoni prevista fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 850/98, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Laezza, C‑375/14, EU:C:2016:60, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk il-ħruxija tas-sanzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali teċċedix il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jiġu milħuqa l-għanijiet leġittimament imfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41

Barra minn hekk, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu b’mod partikolari jiġi vverifikat li, għall-persuni li jeżerċitaw attività ta’ sajd jew attività relatata, jeżisti riskju serju li l-ksur tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd jiġi skopert u li jiġu imposti sanzjonijiet adegwati fuq il-persuni li wettqu l-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 37).

42

Fir-rigward tal-għan segwit mill-projbizzjoni dwar l-apparati ta’ klassifikazzjoni, prevista fl-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni, intiża għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar, tipprojbixxi li jinżamm jew jintuża abbord tali apparat, ħlief jekk jippermetti l-iffriżar immedjat tal-qabdiet u jipprekludi r-rilaxx fil-baħar ta’ organiżmi tal-baħar. Il-projbizzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni għandha b’mod partikolari l-għan li tipprekludi prattika li tikkonsisti f’li jinżammu l-ispeċi l-iktar profittabbli u li jiġu rrilaxxati speċi oħra fil-baħar li għandha bħala għan iż-żieda fil-valur tal-qabdiet, li huwa pprojbit mill-Artikolu 19a ta’ dan ir-regolament.

43

B’dan il-mod, l-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98 għandu wkoll l-għan intiż, minn naħa, li jipprevjeni r-riskju ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ ċerti kwantitajiet ta’ ħut li huma rrilaxxati u mejta u li, għaldaqstant, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fir-rata ta’ użu ta’ kwoti, li jirriżulta f’riskju ta’ sajd żejjed, u min-naħa l-oħra, l-eliminazzjoni progressiva tar-rilaxx fil-baħar tal-qabdiet mhux mixtieqa sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-attivitajiet tas-sajd minn perspettiva ambjentali fit-tul.

44

Issa, il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi jidher ta’ natura li jiddiswadi lill-persuni kkonċernati milli jiksru l-projbizzjoni tal-apparat ta’ klassifikazzjoni, prevista fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 850/98, billi jċaħħadhom mill-profitti, miksuba illegalment, li minnhom jistgħu jgawdu mod ieħor, u mill-possibbiltà li jkomplu jużaw tali apparat.

45

Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-qbid tal-qabdiet, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet tagħha, dan għandu l-effett li jċaħħad lill-persuni li wettqu l-ksur mill-vantaġġi ekonomiċi indebiti li jirriżultaw mill-ksur imwettaq, fatt li multa biss ma tistax tiżgura. Fir-rigward tal-qbid tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi, li jinsab abbord bastiment tas-sajd sabiex titwettaq attività illegali, bħall-apparat ipprojbit fl-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 850/98, għandu jiġi kkonstatat li dan il-qbid obbligatorju jikkostitwixxi sanzjoni effettiva u proporzjonata għall-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni miksura.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 90(6) tar-Regolament Nru 1224/2009 jipprovdi li s-sanzjonijiet previsti fih jistgħu jkunu akkumpanjati minn sanzjonijiet jew miżuri oħra, b’mod partikolari dawk li huma deskritti fl-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1005/2008. Issa, dan l-artikolu tal-aħħar jipprevedi preċiżament, fil-punt (3) tiegħu, sanzjoni addizzjonali bħalma huwa l-qbid tat-tagħmir, tal-qabdiet u tal-prodotti tas-sajd ipprojbiti.

47

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jsegwi li l-multa li ġiet imposta fuq K. M. hija ta’ EUR 500, filwaqt li l-qabdiet abbord il-bastiment tas-sajd kellhom valur ta’ EUR 344000 u t-tagħmir tas-sajd mhux konformi ġie stmat għal EUR 55000. Mill-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Irlanda jsegwi wkoll li l-ammont massimu tal-multi li l-qrati jistgħu jimponu fil-kuntest ta’ ksur bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa, konformement mad-dritt Irlandiż, ta’ EUR 10000, ta’ EUR 20000 jew ta’ EUR 35000, skont id-daqs tal-bastiment ikkonċernat.

48

Issa, li kieku dawn il-multi ġew imposti bħala sanzjoni unika għal dan it-tip ta’ ksur, huma jkunu jistgħu ma jċaħħdux effettivament lil dawk li wettqu l-ksur mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur li huma jkunu wettqu. Għalhekk, tali sanzjoni la tkun effettiva u lanqas dissważiva.

49

Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tas-sanzjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll ir-relazzjoni bejn l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta u l-vantaġġ ekonomiku li jirriżulta mill-ksur imwettaq, sabiex dawk li wettqu l-ksur jiġu skoraġġuti milli jwettqu tali ksur, kif ukoll, konformement mal-Artikolu 90(3) tar-Regolament Nru 1224/2009, il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba fil-kuntest tat-twettiq ta’ ksur serju.

50

Barra minn hekk, jekk, bħal fil-kawża prinċipali, tiġi imposta multa fuq il-kaptan tal-bastiment tas-sajd, li ma huwiex il-proprjetarju tiegħu, dan tal-aħħar jista’, minn naħa, ma jirċievi ebda effett dissważiv li jirriżulta minn din is-sanzjoni u, min-naħa l-oħra, ikompli jibbenefika mill-vantaġġi ekonomiċi tal-qabdiet miksuba bi ksur tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98 u li jżomm, għall-użu eventwali tiegħu, l-apparat ipprojbit minn din id-dispożizzjoni.

51

Bl-istess mod, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, konformement mal-Artikolu 28 tal-Liġi tal‑2006, is-sanzjoni hija aġġustata skont il-gravità tal-ksur, kif iddeterminat mill-awtoritajiet Irlandiżi. Fil-fatt, kif tispjega l-Irlanda fl-osservazzjonijiet tagħha, is-sanzjonijiet jiddependu min-natura tal-ksur, inkluża l-kwistjoni dwar jekk il-prosekuzzjoni hijiex sommarja, li hija proċedura mingħajr ġurija, quddiem qorti waħda, għar-reati minuri, jew skont att ta’ akkuża għar-reati iktar serji, b’ġurija. Meta persuna tiġi ddikjarata ħatja, il-qbid tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbiti jew mhux konformi huwa obbligatorju għal ċertu ksur stabbilit mill-imsemmija liġi, u l-qorti tista’ tiddeċiedi, madankollu, li ma tordnax il-qbid għal uħud minn dan il-ksur jew fil-każ tal-ewwel ksur. Il-qorti tista’ wkoll tapplika sanzjoni iktar severa u tirrevoka jew tissospendi l-liċenzja tal-bastiment ikkonċernat.

52

Għalhekk, fid-dawl tal-gravità tal-ksur u tal-għan imfittex mill-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98, u bla ħsara għall-verifiki li jikkonċernaw il-livell globali tas-sanzjonijiet u tas-sanzjonijiet anċillari skont id-dritt Irlandiż, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi huwa neċessarju sabiex il-persuni li jwettqu l-ksur jiġu mċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur. Dan jidher ukoll li għandu effett dissważiv.

53

Għaldaqstant, tali sanzjoni hija konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 89(2) tar-Regolament Nru 1224/2009, li jipprovdu li l-persuni li jwettqu l-ksur għandhom jiġu effettivament imċaħħda mill-vantaġġi ekonomiċi li jirriżultaw mill-ksur li huma wettqu u s-sanzjonijiet għandhom jippermettu li jinħolqu effetti proporzjonati mal-gravità tal-ksur, b’mod li kull persuna tiġi skoraġġuta b’mod effettiv milli twettaq ksur tal-istess natura.

54

Barra minn hekk, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa l-eventwali riperkussjonijiet tas-sanzjoni fuq il-persuna li wettqet il-ksur fir-rigward tad-dritt leġittimu tagħha li teżerċita professjoni, konformement mal-Artikolu 89(2) tar-Regolament Nru 1224/2009. F’dan ir-rigward, K. M. jargumenta, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-qbid tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi għandu konsegwenzi serji ħafna għar-reputazzjoni u għall-futur professjonali tiegħu, li huwa ma kellux l-intenzjoni deliberata li jikser ir-regoli inkwistjoni sabiex jikseb profitt minnhom u li huwa ma kienx wettaq ksur ieħor preċedentement. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dawn il-punti.

55

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, għalkemm l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 1224/2009 jsemmi ċerti kriterji li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur, din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-premessa 39 ta’ dan ir-regolament, li tippreċiża li dawn il-kriterji huma intiżi li jiffissaw sanzjonijiet ta’ natura dissważiva. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tat-tip ta’ sanzjonijiet inkwistjoni u fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet għal dan l-għan fit-test tal-imsemmi regolament, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni ta’ proporzjonalità li għandhom jissodisfaw is-sanzjonijiet introdotti mill-Istati Membri ma timponix li, fl-implimentazzjoni tal-imsemmi Artikolu 90(1), dawn l-awtoritajiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti u partikolari ta’ kull każ u lanqas li huma jkollhom neċessarjament jieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjonalità jew ir-reċidività (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Chmielewski, C‑255/14, EU:C:2015:475, punti 2829).

56

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament Nru 1224/2009, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, huma ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 32 tar-Regolament Nru 850/98, tipprevedi mhux biss l-impożizzjoni ta’ multa, iżda wkoll il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi li jinsab abbord il-bastiment ikkonċernat.

Fuq l-ispejjeż

57

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 89 u 90 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal‑20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 49(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-verifiki li hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, huma ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li, sabiex tissanzjona ksur tal-Artikolu 32 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat‑30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta’ żgħar ta’ organiżmi tal-baħar, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 227/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Marzu 2013, tipprevedi mhux biss l-impożizzjoni ta’ multa, iżda wkoll il-qbid obbligatorju tal-qabdiet u tat-tagħmir tas-sajd ipprojbit jew mhux konformi li jinsab abbord il-bastiment ikkonċernat.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.